Kawża C-338/09

Yellow Cab Verkehrsbetriebs GmbH

vs

Landeshauptmann von Wien

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Unabhängiger Verwaltungssenat Wien)

“Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Libertà ta’ stabbiliment — Regoli tal-kompetizzjoni — Trasport b’kabotaġġ — Trasport nazzjonali ta’ persuni permezz ta’ karozza tal-linja — Applikazzjoni għall-operat ta’ rotta — Konċessjoni — Awtorizzazzjoni — Kundizzjonijiet — Dispożizzjoni ta’ sede jew ta’ stabbiliment permanenti fit-territorju nazzjonali — Tnaqqis fid-dħul li jikkomprometti l-profitti tal-operat ta’ rotta diġà konċessa”

Sommarju tas-sentenza

1.        Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Restrizzjonijiet

(Artikolu 49 TFUE)

2.        Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Restrizzjonijiet

(Artikolu 49 TFUE)

1.        L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li, għall-finijiet tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-operat ta’ rotta urbana ta’ trasport pubbliku ta’ persuni permezz tal-karozza tal-linja li jopera regolarment waqfiet predeterminati skont orarju stabbilit bil-quddiem, teħieġ li l-operaturi ekonomiċi li jippreżentaw l-applikazzjoni, stabbiliti fi Stati Membri oħra, ikollhom sede jew stabbiliment ieħor fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru qabel ma tingħatalhom l-awtorizzazzjoni ta’ operat ta’ din ir-rotta.

Fil-fatt, operatur ekonomiku normalment prudenti ma jkunx dispost li jagħmel investimenti, possibbilment sinjifikattivi, fl-inċertezza kompleta fir-rigward tal-kisba ta’ tali awtorizzazzjoni. Minbarra dan, ir-restrizzjoni li joħloq tali rekwiżit ma tidher bl-ebda mod iġġustifikata fir-rigward tal-għanijiet allegati fir-rigward tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-ugwaljanza tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fl-operat ta’ rotot tax-xarabank u li jiġi ggarantit ir-rispett tad-dritt soċjali u tad-dritt tax-xogħol fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat.

L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi rekwiżit ta’ stabbiliment, meta dan huwa meħtieġ wara l-għoti tal-awtorizzazzjoni għal operat iċċitata iktar ’il fuq u qabel ma l-applikant jibda l-operat ta’ din ir-rotta ta’ trasport pubbliku kkonċernata.

(ara l-punti 37, 38, 41 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi r-rifjut tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-finijiet tal-operat ta’ rotta turistika bil-karozza tal-linja, minħabba t-tnaqqis tal-profitti ta’ impriża kompetitriċi li għandha awtorizzazzjoni għall-operat ta’ rotta totalment jew parzjalment identika għal dik mitluba, u dan fuq il-bażi tal-affermazzjonijiet biss ta’ din l-impriża kompetitriċi.

Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni nazzjonali tikkostitwixxi, bħala prinċipju, restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE, peress li hija intiża sabiex tillimita l-persuni li jipprovdu servizzi, minkejja n-nuqqas allegat ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza tal-professjonisti kkonċernati.

Tali leġiżlazzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata bl-għan li jiġu żgurati l-profitti ta’ rotta ta’ karozza tal-linja kompetitriċi, inkwantu tali għan, bħala raġuni ta’ natura purament ekonomika ma jistax jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ta’ natura li tiġġustifika restrizzjoni għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat. Minbarra dan, għal eżami ta’ proporzjonalità, sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva bil-quddiem ma tistax tiġġustifika aġir diskrezzjonali min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, b’tali mod li ċċaħħad lid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni, partikolarment dawk li jirrigwardaw libertà fundamentali, bħal dik tal-libertà ta’ stabbiliment, mill-effettività tagħhom. Barra minn hekk, sabiex sistema ta’ awtorizzazzjoni bil-quddiem tkun iġġustifikata anki jekk tidderoga minn tali libertà fundamentali, hija għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, li ma jkunux diskriminatorji u li jkunu magħrufa minn qabel, li jiżguraw li din is-sistema tkun xierqa sabiex tillimita biżżejjed l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali. Għalhekk, għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi interpretata fis-sens li l-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ssir mill-amministrazzjoni nazzjonali kompetenti abbażi tal-uniċi affermazzjonijiet ta’ min għandu awtorizzazzjoni dwar il-profitti tal-operat tiegħu, u dan minkejja li din l-impriża hija kompetitriċi potenzjali diretta tal-impriża li titlob l-għoti ta’ awtorizzazzjoni ġdida, tali kriterju ta’ evalwazzjoni jmur kontra r-regoli tal-Unjoni, peress li jista’ jwassal għal nuqqas ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità fl-ipproċessar tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni kkonċernata.

(ara l-punti 45, 46, 51, 53-55 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

22 ta’ Diċembru 2010 (*)

“Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Libertà ta’ stabbiliment – Regoli tal-kompetizzjoni – Trasport b’kabotaġġ – Trasport nazzjonali ta’ persuni permezz ta’ karozza tal-linja – Applikazzjoni għall-operat ta’ rotta – Konċessjoni – Awtorizzazzjoni – Kundizzjonijiet – Dispożizzjoni ta’ sede jew ta’ stabbiliment permanenti fit-territorju nazzjonali – Tnaqqis fid-dħul li jikkomprometti l-profitti tal-operat ta’ rotta diġà konċessa”

Fil-Kawża C‑338/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Unabhängiger Verwaltungssenat Wien (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Lulju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Awwissu 2009, fil-proċedura

Yellow Cab Verkehrsbetrieb GmbH

vs

Landeshauptmann von Wien,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, D. Šváby, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász (Relatur) u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Yellow Cab Verkehrsbetrieb GmbH, minn W. Punz, avukat,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Braun, N. Yerrell u I. Rogalski, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Settembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigawrda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ta’ libertà ta’ stabbiliment, ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ kompetizzjoni, applikabbli fis-settur tat-trasport.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Yellow Cab Verkehrsbetrieb GmbH (iktar ’il quddiem “Yellow Cab”), stabbilita f’München (il-Ġermanja) u l-Landeshauptmann von Wien (President tal-Land ta’ Vjenna) rigward iċ-ċaħda tal-applikazzjoni ta’ din il-kumpannija rigward l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għal operat għal rotta regolari ta’ trasport ta’ persuni permezz tal-karozza tal-linja fit-territorju tal-belt ta’ Vjenna (l-Awstrija).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        Abbażi tal-Artikolu 71(1)(a) KE li sar l-Artikolu 91(1)(a) TFUE, li jawtorizza lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li jistabbilixxi, skont il-proċedura prevista f’din id-dispożizzjoni, regoli komuni li japplikaw għat-trasport internazzjonali lejn jew mit-territorju ta’ Stat Membru jew li jaqsam it-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew iktar, il-Kunsill adotta r-Regolament (KEE) Nru 684/92, tas-16 ta’ Marzu 1992, dwar regoli komuni għat-trasport internazzjonali ta’ passiġieri bil-coach u bix-xarabank (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 306) li ġie emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 11/98, tal-11 ta’ Diċembru 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 62, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 684/92”).

4        L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 684/92, intitolat “Il-proċedura ta’ l-awtorizzazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 4 tiegħu:

“L-awtorizzazzjoni għandha tinħareġ ħlief meta:

[…]

d)      tkun ingħatat prova li s-servizz f’dak il-każ ikun sa jikkomprometti direttament l-eżistenza tas-servizzi regolari diġa awtorizzati, minbarra fil-każi li fihom is-servizzi regolari f’dak il-każ ikunu twettqu minn ġarrier wieħed jew grupp ta’ ġarrieri biss;

e)      ikun jidher li l-operazzjoni tas-servizzi koperti mill-applikazzjoni tkun immirata biss lejn dawk li huma l-aktar ta’ qligħ fost is-servizzi eżistenti fuq ir-rotot ikkonċernati.

[…]”

5        Fuq il-bażi tal-Artikolu 71(1)(b) KE, li sar l-Artikolu 91(1)(b) TFUE, li jawtorizza lill-Kunsill sabiex jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-mod li bih trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi ta’ trasport nazzjonali f’xi Stat Membru, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 12/98, tal-11 ta’ Diċembru 1997, li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi nazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq fi Stat Membru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 3, p. 501) fejn l-Artikolu 1 tiegħu jipprovdi:

“Kull trasportatur li jopera servizzi tal-ġarr tal-passiġġieri fit-toroq b’kiri jew kumpens, u li jkollu l-liċenzja tal-Komunità kif stipulat fl-Artikolu 3a tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 684/92 [...] għandu jitħalla, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament u bla diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalita jew il-post fejn ikun stabbilit it-trasportatur, jopera temporanjament servizzi nazzjonali tal-passiġieri fit-toroq b’kiri jew b’kumpens fi Stat Membru ieħor, minn issa ‘l quddiem riferut bħala ‛l-Istat Membru li jospita’, mingħajr ma jiġi obbligat li jkollu uffiċċju reġistrat [sede] stabbiliment ieħor f’dak l-Istat.

Dawn is-servizzi nazzjonali ta’ trasport minn issa ‘l quddiem sa jessejħu ‘operazzjonijiet tat-trasport bil-kabotaġġ’.”

6        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament huwa miktub kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

1)      ‘Servizzi regolari speċjali’ tfisser is-servizzi li jipprovdu għall-ġarr ta’ passiġġieri, f’intervalli speċifiċi matul rotot speċifiċi, filwaqt li l-passiġġieri jitrikkbu u jitniżżlu f’waqfiet predeterminati. Is-servizzi regolari għandhom ikunu miftuħa għal kulħadd - bla ħsara, fejn ikun xieraq, għal prenotazzjoni obbligatorja.

      Il-fatt li l-kondizzjonijiet operattivi tas-servizz jistgħu jiġu aġġustati ma tbiddilx il-klassifika tiegħu bħala kull servizz regolari;

2)      ‘Servizzi regolari speċjali’ tfisser is-servizzi regolari li jipprovdu għall-ġarr ta’ kategoriji speċifiċi ta’ passiġġieri, bl-esklużjoni ta’ passiġġieri oħra, f’intervalli speċifiċi matul rotot speċifiċi, filwaqt li l-passiġġieri jitrikkbu u jitniżżlu f’waqfiet predeterminati.

Is-servizzi regolari speċjali jinkludu:

a)      it-trasport ta’ ħaddiema bejn id-dar u x-xogħol;

b)      it-trasport lejn u minn istituzzjonijiet edukattivi għal tfal ta’ l-iskola u studenti;

c)      it-trasport ta’ suldati u l-familji tagħhom bejn id-dar tagħhom u ż-żona tal-kwartieri tagħhom.

Il-fatt li kull servizz speċjali jista’ jkun varjat skond il-ħtiġiet ta’ dawk li jużawh ma jeffettwax il-klassifika tiegħu bħala kull servizz regolari.

3)      ‘Servizzi okkażjonali’ tfisser servizzi li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta’ servizzi regolari, inklużi s-servizzi regolari speċjali, u li l-karatteristika prinċipali tagħhom hija li jġorru gruppi kostitwiti bl-inizjativa ta’ kull klijent jew tat-trasportatur innifsu. Dawn is-servizzi ma jispiċċawx minn servizzi okkażjonali biss minħabba li dawn jiġu provduti f’ċerti intervalli.

[…]”

7        Skont l-Artikolu 3 tal-istess regolament:

L-operazzjonijiet ta’ trasport bil-kabotaġġ għandhom jiġu awtorizzati għal dawn is-servizzi:

1)      Is-servizzi regolari speċjali kemm-il darba jkunu koperti b’kuntratt konkluż bejn l-organizzatur u t-trasportatur;

2)      is-servizzi okkażjonali;

3)      is-servizzi regolari, kemm-il darba dawn jitwettqu minn kull trasportatur mhux residenti fl-Istat Membru ospiti fil-kors ta’ kull servizz internazzjonali regolari b’konformità mar-Regolament (KEE) Nru 684/92.

It-trasport bil-kabotaġġ ma jistax isir indipendentement minn servizz internazzjonali bħal dan.

Is-servizzi urbani u suburbani għandhom jiġu esklużi għall-finijiet ta’ dan il-punt.

‘Is-servizzi urbani u suburbani’ tfisser servizzi ta’ trasport li jlaħħqu mal-ħtiġiet ta’ kull ċentru urban jew konurbazzjoni, u l-ħtiġiet tat-trasport bejnha u ż-żoni li jdawruha.”

8        Ir-Regolamenti Nru 684/92 u Nru 12/98 ser jitħassru, b’effett mill-4 ta’ Diċembru 2001, bir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009, dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 (ĠU L 300, p. 88). Għalhekk, ir-Regolamenti Nru 684/92 u Nru 12/98 huma applikabbli ratione temporis għall-fatti fil-kawża prinċipali.

9        Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69, tas-26 ta’ Ġunju 1969, dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 19), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1893/91, tal-20 ta’ Ġunju 1991(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 314, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1191/69”), li japplika ratione temporis għall-fatti fil-kawża prinċipali, fl-Artikolu 2 (1) jagħti d-definizzjoni li ġejja:

“‘Obbligi ta’ servizz pubbliku’ tfisser obbligi li l-impriża tat-trasport partikolari, jekk ikollha tqis l-interessi kummerċjali tagħha biss, ma tinkarigax ruħha minnhom jew ma tinkarigax ruħha bl-istess mod jew taħt l-istess kondizzjonijiet.”

10      Ir-Regolament Nru 1191/69 tħassar, sa mit-3 ta’ Diċembru 2009, bir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007, dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU L 315, 9. 1). L-Artikolu 2(e) ta’ dan ir-regolament fih definizzjoni tal-kunċett ta’ “obbligu ta’ servizz pubbliku” fejn il-kontenut tiegħu jikkorrispondi essenzjalment għal dak tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1191/69.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

11      L-Artikolu 1 tal-liġi Awstrijaka dwar it-trasport ta’ persuni permezz ta’ rotta regolari tal-karozza tal-linja (Kraftfahrliniengesetz, BGBl. I 203/1999), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (BGBl. I 153/2006, iktar ’il quddiem il-“KflG”), intitolata “Definizzjoni, kontenut u portata tal-liċenzji”, jipprovdi:

“1.      It-trasport bil-karozza tal-linja jikkonsisti fit-trasport regolari ta’ persuni bil-karozza tal-linja permezz tal-operaturi ta’ trasport ta’ persuni permezz ta’ karozza tal-linja fuq rotta predeteriminata, li fil-kuntest tagħha passiġġieri jinġabru u jitniżżlu f’waqfiet predeterminati. Bla ħsara għal eventwali prenotazzjoni obbligatorja, it-trasport permezz tal-karozza tal-linja huwa aċċessibbli għal kulħadd.

[...]

3.      It-trasport nazzjonali u transkonfinali permezz tal-karozza tal-linja fis-sens tal-paragrafu 1 jeħtieġ konċessjoni; it-trasport permezz tal-karozza tal-linja fejn it-terminus jinsabu fit-territorju ta’ Stati Membri [...] jew ta’ partijiet kontraenti tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-Isvizzera jeħtieġ awtorizzazzjoni ekwivalenti ma’ dik ta’ konċessjoni.”

12      L-Artikolu 2 tal-KflG, intitolat “Obbligu ta’ preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal konċessjoni u ta’ awtorizzazzjoni, kontenut tal-applikazzjoni għal konċessjoni” jipprovdi li l-għoti ta’ konċessjoni jew ta’ awtorizzazzjoni jeħtieġ applikazzjoni min-naħa tal-operatur ta’ trasport, li għandu jippreżenta direttament quddiem l-awtorità kompetenti, u jippreċiża l-informazzjoni li għandu jkollha din l-applikazzjoni, rigward, b’mod partikolari, l-identità u l-post ta’ stabbiliment tal-applikant, l-affidabbiltà tiegħu, il-kompetenzi tekniċi tiegħu, il-kapaċità finanzjarja tiegħu, ir-rotta tas-servizz mitluba, it-tul mitlub tal-konċessjoni, il-livell tal-prezzijiet ta’ trasport li għandhom jiġu applikati u t-tagħmir tal-vetturi li għandhom jintużaw.

13      L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi, intitolat “Awtorità ta’ superviżjoni” jipprovdi fil-pragrafu 1 tiegħu li l-Landeshauptmann (il-President tal-Land) għandu kompetenza sabiex jagħti l-konċessjoni prevista fl-Artikolu 1 tagħha.

14      L-Artikolu 7 ta’ din il-liġi, intitolat “Kundizzjonijiet u motivi ta’ esklużjoni tal-għoti ta’ liċenzji”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-konċessjoni għandha tingħata meta:

1)      il-kandidat għal konċessjoni jew, skont il-każ, l-operatur previst fl-Artikolu 10(5) huwa operatur adegwat minħabba l-affidabbiltà u l-professjonaliżmu tiegħu u minbarra dan għandu l-kapaċità finanzjarja korrispondenti;

2)      il-kandidat għal konċessjoni, bħala persuna fiżika li għandha ċ-ċittadinanza Awstrijaka u l-impriża (Artikolu 1(2)(2)) għandha s-sede tagħha fit-territorju nazzjonali. Iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra [...] jew ta’ parti kontraenti oħra tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u l-impriżi ta’ dawn l-Istati li wkoll għandhom sede jew stabbiliment permanenti ta’ operat fit-territorju nazzjonali huma ekwivalenti għal kandidati għal-konċessjoni Awstrijaċi;

3)      Il-metodu ta’ operat għandu jiggarantixxi s-sodisfazzjon adegwat u ekonomiku tal-bżonnijiet ta’ trasport meħuda inkunsiderazzjoni u

4)      l-għoti ta’ konċessjoni barra minn hekk ma għandux i mur kontra interessi pubbliċi. Dan il-motiv ta’ esklużjoni japplika b’mod partikolari meta

[…]

b)      it-trasport permezz tal-karozza tal-linja mitlub huwa ta’ natura li jikkomprometti l-eżekuzzjoni tal-missjonijiet ta’ trasport mill-impriżi ta’ trasport fiż-żona ta’ trasport fejn (Artikolu 14(1) sa (3)) is-servizz miltub jaqa’ kompletament jew parzjalment jew

c)      it-trasport permezz tal-karozza tal-linja li huwa mitlub ifixkel netwerk ta’ trasport, li jikkorrispondi iktar għall-bżonnijiet tal-pubbliku, organizzat mill-impriżi ta’ trasport fiż-żona ta’ trasport li fiha (Artikolu 14(14)) ir-rotta mitluba tinsab totalment jew parzjalment u waħda minn dawn l-impriżi twettaq it-titjib neċessarju tas-servizz ta’ trasport f’terminu adegwat, għal tul massimu ta’ sitt xhur, li għandu jiġi ffissat mill-awtorità ta’ kontroll.”

15      L-Artikolu 14 tal-KflG, intitolat “Żona ta’ trasport” huwa miktub kif ġej:

“1.      Iż-żona ta’ trasport imsemmija fl-Artikolu 7(1)(4)(b) hija estiża daqskemm servizz ta’ trasport mitlub jista’ jkollu effetti li jistgħu jheddu trasport pubbliku diġà konoċess.

2.      Ikun hemm theddida fl-eżekuzzjoni tal-missjonijiet ta’ trasport meta impriża ta’ trasport tbati minn dannu gravi fl-operat tat-trasport pubbliku tagħha, u dan huwa l-każ meta, fir-rigward tar-rotta mheddha, hija ssosnti tnaqqis ta’ dħul li jikkomprometti manifestament il-profitt tal-operat tagħha.

3.      Jekk impriża ta’ trasport tiddikjara li tbati minn tnaqqis ta’ dħul li jikkomprometti manifestament l-ekwilibriju tal-operat tagħha minħabba l-għoti ta’ konċessjoni ġdida jew ta’ konċessjoni li għandha tiġi emendata f’dak li jikkonċerna r-rotta, hija għandha tikkomunika lill-awtorità ta’ superviżjoni d-data, magħrufa parzjalment minnha biss, li tippermetti lil din l-awtorità li tevalwa l-effetti li jkollu t-tnaqqis ta’ dħul fuq il-profitti tar-rotta ikkonċernata.

4.      B’żona ta’ trasport fis-sens tal-Artikolu 7(1)(4)(c) għandha tinftiehem iż-żona li fiha r-rotta ta’ trasport permezz tal-karozza tal-linja diġà eżistenti kienet tissodisfa l-bżonnijiet ta’ trasport.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      B’talba tal-25 ta’ Jannar 2008, Yellow Cab talbet mingħand il-Landeshauptmann von Wien, skont il-KflG, l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-operat ta’ rotta ta’ trasport ta’ persuni permezz tal-karozza tal-linja li tuża rotta predeterminata esklużivament fit-territorju tal-belt ta’ Vjenna.

17      Fuq prattikament din ir-rotta kollha, rotta ta’ trasport ta’ persuni permezz tal-karozza tal-linja huwa operat minn kumpannija oħra, abbażi ta’ konċessjoni mogħtija fis-17 ta’ Mejju 2005.

18      L-applikazzjoni ta’ Yellow Cab ġiet miċħuda mill-awtorità amministrattiva kompetenti, essenzjalment abbażi tal-motivi li ġejjin. Minn naħa, Yellow Cab hija stabbilita fi Stat Membru ieħor u ma għandha la sede u lanqas stabbiliment permanenti ta’ operat fit-territorju Awstrijak, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(2) tal-KflG. Min-naħa l-oħra, l-impriża li topera attwalment rotta ta’ trasport ta’ persuni permezz tal-karozza tal-linja fuq l-istess rotta li għaliha applikat Yellow Cab kienet ġiet ikkonsultata skont l-Artikolu 7(1)(4)(b) tal-KflG u kienet irrilevat li dan is-servizz ma setax jiġi pprovdut f’kundizzjonijiet sostenibbli mill-aspett ekonomiku f’każ ta’ għoti tal-konċessjoni mitluba.

19      Quddiem rikors ippreżentat minn Yellow cab, l-Unabhängiger Verwaltungssenat Wien tesprimi dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni mar-regoli tat-Trattat KE fil-qasam ta’ stabbiliment, ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ kompetizzjoni.

20      Hija essenzjalment tirrileva li l-obbligu li jkollha sede jew stabbiliment permanenti fit-territorju Awstrijak sabiex tkun awtorizzata topera permezz ta’ konċessjoni għal rotta regolari ta’ trasport ta’ persuni permezz tal-karozza tal-linja ma jikkostitwixxix ostakolu speċifiku ħlief għall-applikanti li ma joriġinawx mill-Awstrija, sa fejn l-applikanti Awstrijaċi, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, huma bħala prinċipju stabbiliti fit-territorju tar-Repubblika tal-Awstrija. Anki jekk is-servizz tat-trasport ta’ persuni permezz ta’ rotot regolari jirrappreżenta interess pubbliku, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-ħtieġa ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi sa dan il-punt.

21      Minbarra dan, fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ nuqqas ta’ ostakolu, mill-aspett ekonomiku, tar-rotta ġdida mitluba fuq rotta ta’ trasport diġà konċessa, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li d-dispożizzjoni korrispondenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tipproteġi mill-kompetizzjoni speċjalment lill-impriżi li wettqu operat mhux sodisfaċenti u li jagħmlux profitt mir-rotta ta’ trasport li ngħataw konċessjoni għaliha. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, f’dan il-każ, l-impriża rikorrenti kienet tipprovdi, għal prattikament l-istess offerta ta’ rotta ta’ trasport ta’ persuni permezz tal-karozza tal-linja, prezz ta’ trasport nettament inferjuri għall-prezz attwalment mitlub mill-impriża kompetittiva li diġà għandha konċessjoni.

22      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tosserva li, għalkemm id-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam tal-kompetizzjoni jirreferu prinċipalment għall-aġir tal-impriżi, l-Istati Membri għandhom ukoll l-obbligu li ma jiħdux miżuri li jistgħu jeliminaw l-effettività tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi. Issa, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċpali għandha bħala konsegwenza li tipprekludi impriża, li hija fil-pożizzjoni li toffri servizz ta’ trasport ta’ persuni permezz ta’ servizzi regolari ta’ karozza tal-linja bi prezzijiet iktar vantaġġużi, li taċċedi għas-suq, filwaqt li sistema ta’ servizzi ta’ trasport ta’ persuni tiffunzjona korrettament u għal prezzijiet vantaġġużi twieġeb għal interess pubbliku notevoli.

23      Sussegwentement għal dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-Unabhängiger Verwaltungssenat Wien iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Huwa kompatibbli mal-libertà ta’ stabbiliment u mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu [43 KE et seq kif ukoll 56 TFUE et seq] u mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu [101 TFUE et seq] li dispożizzjoni f’liġi nazzjonali dwar l-għoti ta’ konċessjoni għall-esplojtazzjoni [operat] ta’ servizz b’vettura bil-mutur [servizz ta’ trasport b’karozza tal-linja], u għalhekk għall-provvista ta’ trasport pubbliku, fejn il-postijiet ta’ waqfien ikunu stabbiliti u jkunu moqdija b’mod regolari skont orarju stabbilit, tistabbilixxi dawn il-kundizzjonijiet bħala kundizzjonijiet għall-għoti ta’ din il-konċessjoni:

a)      li l-impriża mill-UE li tkun qiegħda tapplika jkollha uffiċċju rreġistrat [sede] jew fergħa [stabbiliment tan-negozju] fl-Istat tal-awtorità konċedenti qabel tibda topera s-servizz u b’mod partikolari fil-mument meta tingħata l-konċessjoni;

b)      li l-impriża mill-UE li tkun qiegħda tapplika jkollha uffiċċju rreġistrat jew fergħa l-Istat tal-awtorità konċedenti sa mhux iktar tard minn meta tibda topera s-servizz?

2)      Huwa kompatibbli mal-libertà ta’ stabbiliment u mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikou [49 TFUE et seq, kif ukoll   TFUE et seq], u mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu [101 TFUE et seq] li dispożizzjoni f’liġi nazzjonali dwar l-għoti ta’ konċessjoni għall-esplojtazzjoni [operat] ta’ servizz b’vettura bil-mutur [servizz ta’ trasport b’karozza tal-linja], u għalhekk għall-provvista ta’ trasport pubbliku, fejn il-postijiet ta’ waqfien ikunu stabbiliti u jkunu moqdija b’mod regolari skont orarju stabbilit, tipprovdi li l-konċessjoni ma għandhiex tingħata meta, la darba jibda jopera s-servizz [ta’ trasport fuq ir-rotta] li għalih tkun saret applikazzjoni, id-dħul ta’ impriża kompetitriċi li topera rotta [...] li tkun parzjalment jew kompletament identika jonqos b’mod tant sostanzjali minħabba dan is-servizz li t-tkomplija tas-servizz operat mill-impriża kompetitriċi ma tibqax ekonomikament vijabbli?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

24      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, fiż-żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi b’mod partikolari għad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, stabbilit fl-Artikoli 101 TFUE et seq.

25      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, għalkemm huwa minnu li, minnhom stess, l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE jikkonċernaw biss l-aġir tal-impriżi u ma jirrigwardawx miżuri leġiżlattivi jew regolamentari tal-Istati Membri, dawn l-artikoli, madankollu, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TFUE, li jistabbilixxi dmir ta’ kooperazzjoni, jimponu fuq l-Istati Membri li ma jiħdux jew li jżommu fis-seħħ miżuri, anki ta’ natura leġiżlattiva jew regolamentari, li jkunu jistgħu jeliminaw l-effettività tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi (ara s-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2003, CIF, C‑198/01, Ġabra p. I‑8055, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, Ġabra p. I‑11421, punt 46).

26      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jkun hemm ksur tal-Artikoli 4(3) TUE u 101 TFUE meta Stat Membru jew jimponi jew jiffavorixxi l-konklużjoni ta’ akkordji li jiksru l-Artikolu 101 TFUE jew isaħħaħ l-effetti ta’ tali akkordji, jew ineħħi mil-leġiżlazzjoni tiegħu n-natura pubblika tagħha billi jiddelega lill-operaturi privati r-responabbiltà li jieħdu deċiżjonijiet għal intervent ta’ interess ekonomiku (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq CIF, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Cipolla et, punt 47).

27      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlzzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża priċipali ma taqax taħt wieħed minn dawn il-każijiet. Isegwi li ma hemmx lok li din it-talba għal deċiżjoni preliminari tiġi eżaminata fir-rigward tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni.

 Fuq l-ewwel domanda

28      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ libertà ta’ stabbiliment għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għall-finjiet tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni għal operat ta’ rotta urbana ta’ trasport pubbliku ta’ persuni permezz tal-karozza tal-linja topera regolarment waqfiet predeterminati skont orarji stabbiliti bil-quddiem, teħtieġ li l-operaturi ekonomiċi li jippreżentaw l-applikazzjoni, anki dawk stabbiliti fi Stati Membri oħra, ikollhom sede jew stabbiliment ieħor fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

29      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi enfasizzat li l-moviment liberu tas-servizzi fil-qasam tat-trasport huwa rregolat mhux mid-dispożizzjoni tal-Artikolu 56 TFUE, li jikkonċerna inġenerali l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, iżda mid-dispożizzjoni speċifika tal-Artikolu 58(1) TFUE, li skont dan “[i]l-moviment liberu tas-servizzi fil-qasam tat-trasport għandu jiġi regolat mid-dispożizzjonijiet ta’ l-intestatura dwar it-trasport” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1989, Lambregts Transportbedrijf, 4/88, Ġabra p. 2583, punt 9).

30      L-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għandha konswegwentement, titwettaq skont it-Trattat, permezz tal-implementazzjoni tal-politika komuni tat-trasport (ara s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 1991, Pinaud Wieger, C‑17/90, Ġabra p. I‑5253, punt 7).

31      Issa, għandu jiġi kkonstatat li t-trasport inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Kunsill, abbażi tal-Artikolu 71(1) KE għall-finijiet li jiġu liberalizzati s-servizzi ta’ trasport.

32      Fil-fatt, minn naħa, huwa paċifiku li l-operat ta’ rotta ta’ karozza tal-linja maħsub minn Yellow Cab ma jaqax taħt il-kunċett ta’ trasport internazzjonali u, għalhekk, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 684/92. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-Regolament Nru 12/98, għandu jiġi rrilevat li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tiegħu ma humiex sodisfatti fil-kawża prinċipali, peress li r-rotta regolari ta’ trasport maħsuba minn Yellow Cab ma tikkostitwixxux il-parti nazzjonali ta’ servizz internazzjonali ta’ servizzi ta’ trasport regolari, fis-sens tal-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament u li, peress li huma esklużivament iddestinati sabiex jiġu pprovduti fit-territorju tal-belt ta’ Vjenna, jikkostitwixxu servizzi urbani jew suburbani, esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament skont din l-istess dispożizzjoni.

33      F’dawn il-kundizzjonijiet għandha tiġi evalwata l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat TFUE fil-qasam ta’ libertà ta’ stabbiliment, li japplikaw direttament għat-trasport, u mhux permezz tat-titolu ta’ dan it-trattat dwar it-trasport.

34      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-obbligu ta’ sede jew ta’ stabbiliment ieħor fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti ma jistax loġikament jikkostitwixxi, inkwantu tali, ostakolu jew restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment. Fil-fatt, hekk kif josserva ġustament il-Gvern Awstrijak, dan l-obbligu ma jinkludi l-ebda limitazzjoni tal-libertà ta’ operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stati Membri oħra li joħolqu aġenziji jew stabbilimenti oħra fuq dan it-territorju.

35      Għalhekk, dak li huwa importanti f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali huwa li jiġi eżaminat jekk ir-regoli li jirrigwardaw ir-rekwiżit tad-dispożizzjoni ta’ sede jew ta’ stabbiliment ieħor fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, inkwantu kundizzjoni għal kisba ta’ awtorizzazzjoni għal operat ta’ rotta regolari ta’ trasport ta’ persuni permezz tal-karozza tal-linja, jistgħux jikkostitwixxu ostakolu għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment.

36      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju l-ewwel nett tirreferi għas-sitwazzjoni li fiha imprenditur barrani interessat irid ikollu sede jew stabbiliment ieħor fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti sa minn qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni għal operat u, it-tieni nett, is-sitwazzjoni li fiha huwa jrid jissodisfa dan ir-rekwiżit wara l-għoti tal-awtorizzazzjoni u, mhux iktar tard, mill-mument minn meta jibda l-operat tar-rotta regolari konċessa.

37      Issa, li jiġi meħtieġ minn operatur ekonomiku, stabbilit fi Stat Membru ieħor u li jixtieq jikseb awtorizzazzjoni għal operat ta’ rotta regolari ta’ trasport ta’ persuni permezz tal-karozza tal-linja fl-Istat Membru ospitanti, li jkollu sede jew stabbiliment ieħor fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat qabel ukoll ma l-operat ta’ din il-linja jiġi konċessi lilu, għandu effett dissważiv. Fil-fatt, operatur ekonomiku normalment prudenti ma jkunx dispost li jagħmel investimenti, possibbilment sinjifikattivi, fl-inċertezza kompleta fir-rigward tal-kisba ta’ tali awtorizzazzjoni.

38      Għandu jingħad ukoll li r-restrizzjoni li joħloq tali rekwiżit ma tidher bl-ebda mod iġġustifikata fir-rigward tal-għanijiet allegati mill-Gvern Awstrijak fir-rigward tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-ugwaljanza tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fl-operat ta’ linji tal-karozza tal-linja u li jiġi ggarantit ir-rispett tad-dritt soċjali u tad-dritt tax-xogħol fis-seħħ fl-Awstrija.

39      Konsegwentement, tali rekwiżit jikkostitwixxi restrizzjoni li tmur kontra r-regoli tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt ta’ stabbiliment.

40      Min-naħa l-oħra, rekwiżit ta’ stabbiliment fit-territorju Awstrijak ma jmurx kontra r-regoli tad-dritt tal-Unjoni meta jiġi applikat wara l-għoti tal-awtorizzazzjoni għal operat u qabel ma l-imprenditur jibda l-operat tar-rotta.

41      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għall-finijiet tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni għal operat ta’ rotta urbana ta’ trasport pubbliku ta’ persuni permezz tal-karozza tal-linja li jopera regolarment waqfiet predeterminati skont orarju stabbilit bil-quddiem, teħieġ li l-operaturi ekonomiċi li jippreżentaw l-applikazzjoni, stabbiliti fi Stati Membri oħra, ikollhom sede jew stabbiliment ieħor fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru qabel ma tingħatalhom l-awtorizzazzjoni għall-operat ta’ din ir-rotta. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali milli tipprovdi rekwiżit ta’ stabbiliment, meta dan ikun meħtieġ wara l-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni u qabel ma l-applikant jibda l-operat ta’ din ir-rotta.

 Fuq it-tieni domanda

42      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ libertà ta’ stabbiliment għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-awtorizzazzjoni mitluba għall-operat ta’ rotta urbana ta’ trasport ta’ persuni permezz tal-karozza tal-linja li jopera regolarment waqfiet predeterminati billi jsegwu orarju stabbilit bil-quddiem għandha tiġi miċħuda meta impriża kompetitriċi, li diġà jkollha awtorizzazzjoni għal operat ta’ rotta ta’ trasport li topera rotta totalment jew parzjalment identika għal dik tar-rotta mitluba jkollha, wara l-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni, tnaqqis fid-dħul tagħha daqshekk kunsiderevoli li l-kontinwazzjoni tal-operat tar-rotta konċessa ma tħallix iktar profitti fl-ekonomija tas-suq.

43      Fir-rigward tal-iżviluppi li jinsabu fil-punti 29 sa 33 ta’ din is-sentenza, din id-domanda għandha tiġi eżaminata taħt l-angolu esklużiv tal-libertà ta’ stabbiliment.

44      Għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-proċess, ir-rotot tal-karozza tal-linja inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom għan essenzjalment turistiku, b’mod li l-obbligi inerenti għas-servizz ta’ operat ta’ tali rotot ma jikkorrispondix għal obbligi ta’ servizz pubbliku, fis-sens tad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1191/69.

45      Għandu jiġi enfasizzat li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teħtieġ il-kisba ta’ awtorizzazzjoni għall-finijiet tal-operat ta’ rotta turistika bil-karozza tal-linja tikkostitwixxi, bħala prinċipju, restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE peress li hija intiża sabiex tillimita l-persuni li jipprovdu servizzi, minkejja n-nuqqas allegat ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza tal-professjonisti kkonċernati (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Harlauer, C‑169/07, Ġabra p. I‑1721, punti 36 u 39).

46      Konsegwentement għandu jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tkun oġġettivament iġġustifikata.

47      Għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 7 tal-KflG, intitolat “Kundizzjonijiet u motivi ta’ esklużjoni tal-għoti ta’ liċenzji”, jirreferi, fil-paragrafu 1(4) tiegħu, għall-inkompatibbiltà mal-interessi pubbliċi inkwantu kriterju ta’ rifjut tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni għal operat u jsemmi, fil-punti (b) u (c) tal-istess dispożizzjoni, sitwazzjonijiet li fihom dan il-motiv ta’ esklużjoni japplika b’mod partikolari. Tnaqqis tad-dħul ta’ impriża li diġà għandha awtorizzazzjoni, li jikkomprometti manifestament il-profitti tal-operat tagħha ta’ din ir-rotta ta’ trasport huwa msemmi fil-Artikolu 14 ta’ din il-liġi, intitolat “Żona ta’ trasport”.

48      Hemm lok li jiġi kkonstatat li t-tieni domanda, hekk kif ifformulata, tirrigwarda r-rwol determinanti tal-kriterju bbażat fuq tali tnaqqis ta’ dħul u kif l-operat tal-impriża kkonċernata f’każ ta’ għoti ta’ awtorizzazzjoni lil operatur ġdid ma jiġġenerawx profitti.

49      Għalhekk, l-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja jieħu inkunsiderazzjoni kemm il-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-KflG kif ukoll l-interpretazzjoni ta’ din il-liġi, hekk kif tirriżulta mill-formulazzjoni tat-tieni domanda.

50      F’dan ir-rigward, hekk kif osservat b’mod rilevanti l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, l-operat ta’ rotot ta’ karozza tal-linja bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistaż jwieġeb għal għan ta’ interess ġenerali, bħall-promozzjoni tat-turiżmu, il-politika ta’ sigurtà fit-triq permezz tat-tqassim tat-traffiku għal għanijiet turistiċi permezz ta’ rotot predeterminati jew ukoll il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-offerta ta’ metodu ta’ trasport kollettiv inkwantu alternattiv għal mezzi ta’ trasport individwali.

51      Min-naħa l-oħra, l-għan li jiġu żgurati l-profitti ta’ rotta tal-karozza tal-linja kompetitriċi, inkwantu raġuni ta’ natura purament ekonomika ma jistax, skont ġurisprudenza stabbilita, jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ta’ natura li tiġġustifika restrizzjoni għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat (ara s-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group, C‑384/08, Ġabra p. I-2055, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-interess li jikkonsisti f’li jiġi prekluż li l-awtorizzazzjoni ta’ rotta ta’ trasport tikkomprometti direttament l-eżistenza tar-rotto regolari diġà awtorizzati, għandu jiġi rrielvat li tali interess żgur li jista’, fil-kuntest tar-Regolament Nru 684/92, jiġġustifika r-rifjut ta’ tali awtorizzazzjoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(4)(d) tiegħu. Madankollu, peress li din id-dispożizzjoni ma tapplikax fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ma jistax jiġi ammess li, barra minn dan il-qafas leġiżlattiv u quddiem applikazzjoni li tikkonċerna servizz ta’ trasport operat għal għanijiet turistiċi, għanijiet analogi għal dawk previsti f’din id-dispożizzjoni jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment.

53      Għal eżami ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar li sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva bil-quddiem ma tistax tiġġustifika aġir diskrezzjonali min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, b’tali mod li ċċaħħad lid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni, partikolarment dawk li jirrigwardaw libertà fundamentali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-effettività tagħhom. Barra minn hekk, sabiex sistema ta’ awtorizzazzjoni bil-quddiem tkun iġġustifikata anki jekk tidderoga minn tali libertà fundamentali, hija għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, li ma jkunux diskriminatorji u li jkunu magħrufa minn qabel, li jiżguraw li din is-sistema tkun xierqa sabiex tillimita biżżejjed l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali (sentenza Hartlauer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Għalhekk, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi interpretata fis-sens li l-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ssir mill-amministranzzjoni nazzjonali kompetenti abbażi tal-uniċi affermazzjonjiet ta’ min għandu awtorizzazzjoni dwar il-profitti tal-operat tiegħu, u dan minkejja li din l-impriża hija kompetitriċi potenzjali diretta tal-impriża li titlob l-għoti ta’ awtorizzazzjoni ġdida, tali kriterju ta’ evalwazzjoni jmur kontra r-regoli tal-Unjoni, peress li jista’ jwassal għal nuqqas ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità fl-ipproċessar tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Harlauer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69).

55      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi r-rifjut tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-finijiet tal-operat ta’ rotta turistika bil-karozza tal-linja minħabba t-tnaqqis tal-profitti ta’ impriża kompetitriċi li għandha awtorizzazzjoni għall-operat ta’ rotta totalment jew parzjalment identika għal dik mitluba, u dan fuq il-bażi tal-affermazzjonijiet biss ta’ din l-impriża kompetitriċi.

 Fuq l-ispejjeż

56      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għall-finijiet tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni għal operat ta’ rotta urbana ta’ trasport pubbliku ta’ persuni permezz tal-karozza tal-linja li topera regolarment waqfiet predeterminati skont orarju stabbilit bil-quddiem, teħtieġ li l-operaturi ekonomiċi li jippreżentaw l-applikazzjoni, stabbiliti fi Stati Membri oħra, ikollhom sede jew stabbiliment ieħor fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru qabel ma tingħatalhom l-awtorizzazzjoni għall-operat ta’ din ir-rotta. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali milli tipprovdi rekwiżit ta’ stabbiliment, meta dan ikun meħtieġ wara l-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni u qabel ma l-applikant jibda l-operat ta’ din ir-rotta.

2)      L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi r-rifjut tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-finijiet tal-operat ta’ rotta turistika bil-karozza tal-linja minħabba t-tnaqqis tal-profitti ta’ impriża kompetitriċi li għandha awtorizzazzjoni għall-operat ta’ rotta totalment jew parzjalment identika għal dik mitluba, u dan fuq il-bażi tal-affermazzjonijiet biss ta’ din l-impriża kompetitriċi.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.