SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
17 ta’ Frar 2011 (*)
“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Kisba ta’ provi – Smigħ ta’ xhud mill-qorti rikjesta fuq talba tal-qorti rikjedenti – Indennizz mogħti lix-xhieda”
Fil-Kawża C‑283/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy Śródmieścia (il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Lulju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Lulju 2009, fil-proċedura
Artur Weryński
vs
Mediatel 4B spółka z o.o.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, J.-J. Kasel, A. Borg Barthet, M. Ilešič u M. Berger (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Lulju 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz u M. Arciszewski kif ukoll A. Siwek, bħala aġenti,
– għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, bħala aġent,
– għall-Irlanda, minn D. O’Hagan bħala aġent, assistit minn M. Noonan, barrister,
– għall-Gvern Finlandiż, minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.-M. Rouchaud-Joët u K. Herrmann, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-2 ta’ Settembru 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001, tat-28 ta’ Mejju 2001, dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda [kisba ta’ provi] f’materji ċivili jew kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 121)
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn A. Weryński u l-kumpannija li kienet timpjegah preċedentement, Mediatel 4B spółka z o.o., u għandha l-għan li tistabbilixxi, essenzjalment, jekk il-qorti Irlandiża rikjesta tistax tissuġġetta s-smigħ ta’ xhud għall-ħlas, mill-qorti rikjedenti, ta’ indennizz lil dan ix-xhud.
Il-kuntest ġuridiku
Ir-Regolament Nru 1206/2001
3 Ir-Regolament Nru 1206/2001 għandu l-għan li jistabbilixxi miżuri fil-qasam ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam ċivili applikabbli għall-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, kif ukoll dak indikat fl-Artikolu 1(3) tal-imsemmi regolament. Huwa jissostitwixxi, b’dan il-mod, il-Konvenzjoni dwar il-kumpilazzjoni ta’ provi barra mill-pajjiż f’materji ċivili jew kummerċjali konkluża f’Den Haag fit-18 ta’ Marzu 1970 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag”), li għaliha tirreferi s-sitt premessa tar-Regolament Nru 1206/2001.
4 Skont il-wieħed u għoxrin premessa tar-Regolament Nru 1206/2001, b’mod konformi mal-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-politika dwar kontrolli fil-fruntieri, l-asil u l-immigrazzjoni, kif ukoll fir-rigward tal-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u koperazzjoni tal-pulizija mehmuża mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, l-Irlanda wriet ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni tal-imsemmi regolament.
5 It-tieni, is-seba’, it-tmien, l-għaxar, il-ħdax, u s-sittax-il premessa tar-Regolament Nru 1206/2001 jipprovdu:
“(2) Sabiex is-suq intern jaħdem kif suppost, kooperazzjoni bejn qrati fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda għandha titjieb u b’mod partikolari tkun issimplifikata u mgħaġġla.
[…]
(7) Billi huwa ħafna drabi essenzjali f’materja ċivili jew kummerċjali pendenti quddiem qorti fi Stat Membru li tiġi kumpilata x-xhieda fi Stat Membru ieħor, l-attivita tal-Komunità ma tistax tiġi limitata għall-qasam ta’ trasmissjoni ta’ dokumenti ġudizzjarji u ta’ dawk estra-ġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar li jisservew dokumenti ġudizzjarji u ta’ dawk estra-ġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali [dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali] [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 227]. Huwa għalhekk meħtieġ li jitkompla t-titjib ta’ kooperazzjoni bejn qrati ta’ Stati Membri fil-qasam tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda.
(8) L-effiċjenza ta’ proċeduri ġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali teħtieġ li t-trasmissjoni u l-eżekuzzjoni ta’ rikjesti għall-eżekuzzjoni tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda jsiru direttament u bl-aktar mezz mgħaġġel possibbli bejn qrati ta’ l-Istati Membri.
[…]
(10) Talba għall-eżekuzzjoni tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda għanda tiġi eżegwita bil-ħeffa. Jekk m’huwiex possibbli li t-talba tiġi eżegwita fi żmien 90 ġurnata minn meta tiġi riċevuta mill-qorti rikjesta, dan ta’ l-aħħar għandu jgħarraf lill-qorti rikjesta kif xieraq, billi jiddikjara r-raġunijiet li jipprevjenu li t-talba tkun eżegwita bil-ħeffa.
(11) Biex tiġi żgurata l-effettività ta’ dan ir-Regolament, il-possibiltà li l-eżekuzzjoni tat-talba ta’ kumpilazzjoni ta’ xhieda tiġi rifjutata għandha tiġi limitata għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali strettament limitati.
[…]
(16) L-eżekuzzjoni tat-talba, skond l-Artikolu 10, m’għandhiex toħloq pretensjoni għal xi rimborż ta’ taxxi jew spejjeż. Madankollu, jekk il-qorti rikjesta teħtieġ rimborż, il-miżati mħallsa lil esperti u interpreti, kif ukoll l-ispejjeż maħluqa mill-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 10(3) u (4), m’għandhomx jitħallsu minn dik il-qorti. F’każ bħal dan, il-qorti rikjedenti għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura rimborż mingħajr dewmien. Fejn tinħtieġ l-opinjoni ta’ espert, il-qorti rikjesta tista, qabel ma teżegwixxi it-talba, titlob lill-qorti rikjedenti depożitu xieraq jew ħlas bil-quddiem ta’ l-ispejjeż.”
6 L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1206/2001 li fih id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-eżekuzzjoni tat-talbiet, jipprovdi li:
“1. Il-qorti rikjesta għandha teżegwixxi it-talba mingħajr dewmien u, l-aktar tard, fi żmien 90 ġurnata mill-irċevuta tat-talba.
2. Il-qorti rikjesta għandha teżegwixxi it-talba bi qbil mal-liġi ta’ l-Istat Membru tagħha.
3 Il-qorti rikjedenti tista’ tirrikjedi li t-talba tkun eżegwita bi qbil ma’ proċedura speċjali provduta bil-liġi ta’ l-Istat Membru tagħha, permezz tal-formola A fl-Anness. Il-qorti rikjesta għandha tikkonforma ma’ ħtieġa bħal din minbarra jekk din il-proċedura ma hijiex kompatibbli mal-liġi ta’ l-Istat Membru tal-qorti rikjesta jew minħabba f’diffikultajiet prattiċi maġġuri. Jekk il-qorti rikjesta ma tikkonformax mal-ħtieġa għal waħda minn dawn ir-raġunijiet għandha tgħarraf lill-qorti rikjedenti permezz ta’ formola E fl-Anness.
4. Il-qorti rikjedenti tista titlob lill-qorti rikjesta biex tuża’ teknoloġija ta’ komunikazzjonijiet fl-eżekuzzjoni tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda, partikolarment permezz ta’ konferenzi bl-użu tal-video u konferenzi bl-użu tat-telefon.
Il-qorti rikjesta għandha tikkonforma ma’ ħtieġa bħal din minbarra jekk din ma tkunx inkompatibbli mal-liġi ta’ l-Istat Membru tal-qorti rikjesta jew minħabba f’diffikultajiet prattiċi maġġuri.
Jekk il-qorti rikjesta ma tikkonformax mal-ħtieġa għal waħda minn dawn ir-raġunijiet, għandha tgħarraf lill-qorti rikjedenti, permezz ta’ formola E fl-Anness.
Jekk ma jkun hemm l-ebda aċċess għall-mezzi tekniċi riferiti fuq fil-qorti rikjedenti jew fil-qorti rikjesta, mezzi bħal dawn isiru disponibbli mill-qrati permezz ta’ qbil bejn xulxin.”
7 L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1206/2001 huwa redatt kif ġej:
“1. Talba għas-smigħ ta’ persuna m’għandhiex tkun eżegwita meta l-persuna konċernata tippretendi d-dritt li tirrifjuta li tagħti xhieda jew li tiġi projbita milli tagħti xhieda:
a) skond il-liġi ta’ l-Istat Membru tal-qorti rikjesta; jew
b) skond il-liġi ta’ l-Istat Membru tal-qorti rikjedenti, u dan id-dritt ġie speċifikat fit-talba, jew, jekk ikun hemm bżonn, fl-okkażjoni tal-qorti rikjesta, ġie konfermat mill-qorti rikjedenti.
2. B’żieda mar-raġunijiet riferiti f’paragrafu 1, l-eżekuzzjoni ta’ talba tista’ tiġi rifjutata biss jekk:
[…]
d) depożitu jew ħlas bil-quddiem li jintalab bi qbil ma’ l-Artikolu 18(3) ma jsirx fi żmien 60 ġurnata wara li l-qorti rikjesta tkun saqsiet għal dan id-depożitu jew ħlas bil-quddiem.
[…]”
8 L-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1206/2001 jipprovdi hekk:
“1. L-eżekuzzjoni tat-talba, bi qbil l-Artikolu 10, m’għandhiex toħloq pretensjoni għal xi rimborż ta’ taxxi jew spejjeż.
2. Madanakollu, jekk il-qorti rikjesta teħtieġ dan, il-qorti rikjedenti għandha tiżgura r-rimborż, mingħajr dewmien, ta:
– l-miżati mħallsa lil esperti u interpreti, u
– l-ispejjeż li jinħolqu mill-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 10(3) u (4).
Il-dmir ta’ dawn il-partijiet li jħallsu dawn il-miżati jew spejjeż għandu jiġi regolat mill-liġi ta’ l-Istat Membru tal-qorti rikjedenti.
3. Fejn tinħtieġ l-opinjoni ta’ espert, il-qorti rikjesta tista’, qabel ma teżegwixxi it-talba, titlob lill-qorti rikjedenti depożitu xieraq jew ħlas bil-quddiem ta’ l-ispejjeż mitluba. Fil-każijiet l-oħra kollha, depożitu jew ħlas bil-quddiem m’għandux ikun kondizzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ talba.
Id-depożitu jew ħlas bil-quddiem għandu jsir mill-partijiet jekk dan ikun provvdut mill-liġi ta’ l-Istat Membru tal-qorti rikjedenti.”
Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag
9 Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag għandha l-għan li żżid l-effiċjenza fil-kooperazzjoni ġudizzjarja reċiproka f’materji ċivili jew kummerċjali.
10 L-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag jipprovdi hekk:
“L-eżekuzzjoni ta’ talba ma għandhiex toħloq pretensjoni għal xi rimbors ta’ taxxa jew spejjeż tkun xi tkun in-natura tagħhom.
Madankollu, l-Istat rikjest għandu d-dritt li jeżiġi mill-Istat rikjedenti, ir-rimbors tal-miżati mħallsa lill-esperti u lill-interpreti, kif ukoll l-ispejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ proċedura partikolari mitluba mill-Istat rikjedenti, skont l-Artikolu 9(2).
Fejn il-liġi tħalli f’idejn il-partijiet l-obbligu li jiġbru l-provi u l-qorti rikjesta ma hijiex f’pożizzjoni li teżegwixxi t-talba hija stess, din tista’, bil-kunsens bil-quddiem tal-qorti rikjedenti, tinkariga persuna awtorizzata għal dan il-għan. Fit-talba għal tali kunsens, il-qorti rikjesta tindika l-ammont approssimattiv tal-ispejjeż li għandhom jirriżultaw minn tali intervent. Il-kunsens jimplika l-obbligu tar-rimbors tal-ispejjeż mill-qorti. Fin-nuqqas tal-istess, il-qorti rikjedenti ma hijiex marbuta tħallas l-imsemmija spejjeż.”
Id-dritt nazzjonali
11 L-Artikolu 85 tal-liġi tat-28 ta’ Lulju 2005 fuq l-ispejjeż ġudizzjarji fil-kawżi ċivili (ustawa z dnia 28 lipca 2005 r. o kosztach sądowych w sprawach cywilnych, Dz. U. tal-2005 r., n° 167, pożizzjoni 1398), kif emendata, jippermetti li xhud jitlob ir-rimbors tal-ispejjeż marbuta mad-dehra tiegħu quddiem qorti.
12 L-Artikolu 101(4) tar-Regolament tal-Ministru tal-Ġustizzja, tat-23 ta’ Frar 2007, dwar l-organizzazzjoni tal-qrati ordinarji (rozporządzenie Ministra Sprawiedliwości z dnia 23 lutego 2007 r. Regulamin urzędowania Sądów powszechnych, Dz. U. tal-2007, r. n° 38, pożizzjoni 249), li jipprovdi l-prinċipji li jirregolaw il-qorti rikjesta u l-qorti rikjedenti, jaqra hekk:
“Fil-każ fejn il-qorti rikjesta tagħti lill-persuni li pparteċipaw fil-proċedura indennizz jew rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, dawn għandhom jitħallsu permezz ta’ somma mħallsa bil-quddiem għall-ispejjeż u, f’każ ta’ nuqqas ta’ somma mħallsa bil-quddiem, billi tnaqqashom mir-riżorsi baġitarji tat-Teżor pubbliku; f’dan il-każ, għandha tiġi mehmuża mal-att tal-ġbir ta’ provi talba għal rimbors ta’ dawn l-ispejjeż mill-qorti rikjedenti, filwaqt li jiġu osservati l-kundizzjonijiet li jirrigwardaw id-definizzjoni tal-ispejjeż li jidhru fid-dispożizzjonijiet partikolari.”
13 Skont l-Artikolu 53 tar-Regolament tal-Ministru tal-Ġustizzja, tat-28 ta’ Jannar 2002, dwar ċerti atti ġudizzjarji partikolari fil-qasam tal-proċedura ċivili u kriminali internazzjonali fir-relazzjonijiet internazzjonali (rozporządzenie Ministra Sprawiedliwości z dnia 28 stycznia 2002 r. w sprawie szczegółowych czynności sądów w sprawach z zakresu międzynarodowego postępowania cywilnego oraz karnego w stosunkach międzynarodowych, Dz.U. tal-2002, n° 17, pożizzjoni 164), l-ispejjeż relatati mal-għajnuna legali huma stabbiliti f’złoty Pollakka. Dawn l-ispejjeż jaqgħu fuq it-Teżor pubbliku. Wara l-eżekuzzjoni tat-talba, il-qorti teżiġi r-rimbors tal-ispejjeż f’munita Pollakka jew f’munita li tista’ tiġi kkonvertita li tirrapreżenta somma ekwivalenti għall-ammont espress f’munita Pollakka. Skont il-qorti tar-rinviju, ir-rimbors ta’ dawn l-ispejjeż ma huwiex mitlub jekk il-konvenzjoni internazzjonali tipprovdi għall-għoti tal-għajnuna legali b’xejn.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
14 A. Weryński ressaq azzjoni quddiem is-Sąd Rejonowy dla Warszawy Śródmieścia kontra Mediatel 4B spólka z o.o., il-kumpannija li kienet timpjegah preċedentement, sabiex jikseb id-danni fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni.
15 Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-qorti tar-rinviju talbet, fis-6 ta’ Jannar 2009, is-smigħ ta’ xhud mid-Dublin Metropolitan District Court (l-Irlanda) skont ir-Regolament Nru 1206/2001. Il-qorti rikjesta madankollu għamlet kundizzjoni fuq is-smigħ tax-xhud għall-ħlas, mill-qorti rikjedenti, ta’ indennizz ta’ EUR 40 li jingħataw lix-xhieda skont id-dritt Irlandiż. Hija talbet lill-qorti Pollakka tħallas din is-somma permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Jannar 2009.
16 Il-qorti tar-rinviju kkontestat il-fondatezza ta’ din it-talba.
17 Ir-riferiment tal-kwistjoni quddiem il-korpi ċentrali Pollakki u Irlandiżi, stabbiliti b’mod konformi mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1206/2001 u responsabbli li jfittxu soluzzjonijiet għad-diffikultajiet li jitfaċċaw fl-okkażjoni ta’ talba intiża sabiex isir att ta’ ġbir ta’ provi, ma ta l-ebda riżultat.
18 Skont il-qorti rikjesta u l-korp ċentrali Irlandiż, il-projbizzjoni milli jinġabru taxxi, li tidher fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1206/2001, ma tirrigwardax l-indennizzi dovuti lil xhieda. Taħt id-dritt Irlandiż, ix-xhieda għandhom dritt għal rimbors tal-ispejjeż. Dan id-dritt japplika għal dan il-każ peress li, b’mod konformi mal-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-regolament, il-kisba tax-xhieda hija rregolata mid-dritt tal-qorti rikjesta. Peress li l-Artikolu 18(2) u (3) ta’ dan ir-regolament ma jinkludi ebda dispożizzjoni dwar ir-rimbors tal-indennizz dovut lix-xhud, il-qorti rikjesta tista’ titlob lill-qorti rikjedenti r-rimbors ta’ dan l-indennizz. Il-korp ċentrali Irlandiż ibbaża ruħu wkoll fuq prassi simili fl-Ingilterra u f’Wales.
19 Il-qorti tar-rinviju kkunsidrat li l-pożizzjoni tal-qorti rikjesta u tal-korp ċentrali Irlandiż hija infondata.
20 Skont il-qorti tar-rinviju, analiżi litterali tal-Artikolu 18(1) u (2) tar-Regolament Nru 1206/2001 tippermetti li jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-projbizzjoni ġenerali minn kull talba għal “rimborż ta’ taxxi jew spejjeż”, hemm biss tliet eċċezzjonijiet li huma awtorizzati. L-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-regolament, bħala regola ta’ natura ġenerali, ma japplikax għar-rapporti bejn il-qorti rikjesta u l-qorti rikjedenti. Fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni, anki jekk id-dritt Irlandiż jipprovdi l-obbligu li jintalab ir-rimbors tal-indennizz dovut lix-xhud mingħand il-qorti rikjedenti, din id-dispożizzjoni ma tapplikax fil-każ preżenti fid-dawl tal-priniċipju tas-supremazija tad-dritt Komunitarju. Fil-fatt, mingħajr ħsara għad-drittijiet dovuti lill-esperti u lill-interpreti u spejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni, fuq talba tal-qorti rikjedenti, tal-proċedura speċjali (Artikolu 10(3) tal-imsemmi regolament) jew tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni (Artikolu 10(4) tal-istess regolament), ma huwiex possibbli li l-qorti rikjedenti tiġi mitluba tirrimborsa taxxi jew spejjeż.
21 F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy dla Warszawy Śródmieścia ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Skont ir-[Regolament Nru 1206/2001], il-qorti rikjesta għandha d-dritt titlob lill-qorti rikjedenti somma flus bil-quddiem sabiex tkopri l-indennizz jew ir-rimbors tal-indennizz dovut lix-xhud li jkun xehed, jew għandha tkopri dan l-indennizz bir-riżorsi finanzjarji tagħha stess?”
Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
22 Il-Kummissjoni Ewropea tesprimi dubji rigward il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.
23 Hija tiġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-fatt li, minn naħa, is-sentenzi mogħtija mill-qorti tar-rinviju huma suġġetti għal rimedju ġudizzjarju u li, skont l-Artikolu 68(1) KE, huma biss il-qrati nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom ma humiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali li jistgħu jirreferu lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari sabiex tinkiseb interpretazzjoni tal-atti meħuda mill-istituzzjonijiet tal-Komunità fuq il-bażi tat-Titolu IV tat-Trattat KE, intitolat “Il-Visa, l-asil, l-immigrazzjoni u politiki oħra relatati mal-moviment liberu ta’ persuni”.
24 Min-naħa l-oħra, hija tikkunsidra li l-kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1206/2001 ma tidhirx neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali u, barra minn hekk, din tirrigwarda l-funzjonament amministrattiv tal-qrati. B’hekk, hija injorat ir-rekwiżiti imposti mill-ġurisprudenza f’dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari.
25 Għalkemm dawn ma jikkostitwixxux eċċezzjonijiet proprji, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li jkun opportun li teżamina dawn il-kwistjonijiet ex officio.
26 Fir-rigward tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni possibbli tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jitfakkar li t-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna r-Regolament Nru 1206/2001, adottat fuq il-bażi tal-Artikoli 61(c) KE u 67(1) KE, li jaqgħu taħt it-Titolu IV tat-Trattat KE.
27 L-imsemmija talba tressqet fit-23 ta’ Lulju 2009, jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Skont l-Artikolu 68 KE, fis-seħħ f’din id-data, kien hemm lok li jiġi stabbilit jekk il-qorti tar-rinviju setgħetx tiġi kkunsidrata, fil-kawża prinċipali, bħala li kienet qed taġixxi bħala qorti tal-aħħar istanza.
28 Madankollu, għandu jingħad li, b’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikolu 68 KE ġie mħassar. It-Trattat ta’ Lisbona neħħa l-limitazzjoni preċedenti tad-dritt li jsir rinviju skont l-Artikolu 68(1) KE li ma ġiex issostitwit. Illum ’il ġurnata huma r-regoli ġenerali li jirregolaw it-talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE li japplikaw għad-domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ atti adottati fil-qasam tal-viżi, l-asil, l-immigrazzjoni u politika oħra marbuta mal-moviment liberu tal-persuni. Konsegwentement, dan l-Artikolu 267 TFUE japplika wkoll fil-qasam ta’ domandi li jirrigwardaw ir-Regolament Nru 1206/2001.
29 B’hekk, fid-dawl tat-twessigħ tad-dritt li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari li seħħ taħt it-Trattat ta’ Lisbona, il-qrati tal-ewwel istanza għandhom issa wkoll dan id-dritt fil-każ li jkollhom quddiemhom atti adottati fil-qasam tat-Titolu IV tat-Trattat KE.
30 L-għan tal-Artikolu 267 TFUE li jistabbilixxi kooperazzjoni effettiva bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, kif ukoll il-prinċipju ta’ ekonomija tal-ġudizzju, jiffavorixxu l-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari ppreżentati mill-qrati inferjuri fil-perijodu tranżitorju li ppreċeda bi ftit id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u li ġew eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja biss wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan it-trattat. Fil-fatt, ċaħda minħabba inammissibbiltà twassal f’din is-sitwazzjoni sempliċement għall-preżentazzjoni mill-qorti tar-rinviju, li sadanittant kienet kisbet id-dritt li tagħmel rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ talba ġdida għal deċiżjoni preliminari li tittratta l-istess kwistjoni, u dan joħloq eċċess ta’ formalitajiet proċedurali u titwil inutli taż-żmien tal-proċedura fil-kawża prinċipali.
31 B’hekk hemm lok li wieħed jikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, sa mill-1 ta’ Diċembru 2009, il-ġurisdizzjoni li tittratta talba għal deċiżjoni preliminari li tirriżulta minn qorti li d-deċiżjonijiet tagħha huma suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali, u dan anki jekk it-talba ġiet ippreżentata qabel din id-data.
32 Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, anki fis-sitwazzjoni fejn it-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari kienet, meta tressqet, ta’ natura li tonqos mir-rekwiżiti tal-Artikolu 68(1) KE, dan id-difett ittaffa bir-revoka ta’ din id-dispożizzjoni u bl-estensjoni korrispondenti tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
33 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tittratta t-talba għal deċiżjoni preliminari.
34 Fir-rigward tal-ewwel domanda dwar l-inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, ibbażata fuq il-fatt li l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1206/2001 ma jidhirx li hija neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li l-preżunzjoni tar-rilevanza marbuta mad-domandi preliminari li jsiru mill-qrati nazzjonali tista’ tiġi injorata biss f’każijiet eċċezzjonali, meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mfittxija tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni previsti f’dawn id-domandi ma jkollha l-ebda rabta mal-għan tal-kawża (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino, C‑105/03, Ġabra p. I-5285, punt 30, u tat-28 ta’ Ġunju 2007, Dell’Orto, C‑467/05, Ġabra p. I-5557, punt 40).
35 Konsegwentement, għandu jiġi stabbilit, jekk id-domanda li saret lill-Qorti tal-Ġustizzja hijiex neċessarja sabiex tippermetti lill-qorti tar-rinviju li “[tagħti] s-sentenza” fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE.
36 F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jingħad li d-domanda li saret għandha l-għan li tistabbilixxi jekk il-qorti rikjedenti hijiex marbuta li tbati ċerti spejjeż marbuta mas-smigħ ta’ xhud mill-qorti rikjesta.
37 It-tieni nett, għandu jingħad li fis-seduta l-Govern Pollakk ippreċiża li x-xhud instema’, b’mod konformi mat-talba tal-qorti rikjedenti, biss wara li din il-qorti, fit-28 ta’ April 2009, ħallset l-ammont ta’ EUR 40 mitluba mill-qorti rikjesta. Barra minn hekk, il-ħlas ta’ din is-somma ġie kkonfermat mill-Irlanda fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.
38 Issa, għalkemm huwa minnu li, minkejja dan il-ħlas u s-smigħ tax-xhud, id-domanda li saret tibqa’ rilevanti fir-rigward tal-bażi ġuridika tal-imsemmija somma mħallsa bil-quddiem u, b’mod partikolari, fir-rigward tar-restituzzjoni eventwali tal-imsemmi ħlas kemm-il darba jirriżulta li dan kien indebitu, xorta jibqa’ l-fatt li din id-domanda ma għandhiex effett dirett fuq ir-riżultat tal-kawża bejn A. Weryński u Mediatel 4B spółka z o.o., li tikkonċerna l-għoti ta’ danni fuq il-bażi ta’ klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni.
39 Madankollu, kif irrimarkat l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu jingħad li l-parti l-kbira tad-domandi ta’ interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1206/2001 li jikkonċernaw il-produzzjoni tal-prova jikkonċernaw il-kawża prinċipali biss b’mod indirett. F’diversi każijiet, interpretazzjoni permezz tal-proċeduri għal deċiżjoni preliminari tkun impossibbli jekk ir-rilevanza tad-domanda preliminari għas-soluzzjoni tal-kawża tkun suġġetta għal rekwiżiti stretti ħafna.
40 F’dan ir-rigward, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-neċessità li tiġi kkjarifikata kwistjoni li naqqset il-kooperazzjoni bejn il-qrati u li se tibqa’ ostakolu sakemm din ma ġietx riżolta. Fil-kawża prinċipali, la l-qrati tal-Istati Membri kkonċernati u lanqas il-korpi ċentrali Pollakki u Irlandiżi ma kienu f’pożizzjoni li jsibu soluzzjoni. F’sitwazzjoni bħal din, hija biss deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tippermetti li r-Regolament Nru 1206/2001 jissodisfa b’mod effettiv il-funzjoni tiegħu li hija dik li jikkontribwixxi sabiex il-proċeduri ġudizzjarji f’materji ċivili u kummerċjali jkunu ssimplifikati u aċċellerati.
41 B’hekk jirriżulta li hija biss interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “jagħtu s-sentenza” fis-sens tal-Artikolu 267(2) TFUE li tippermetti li jiġi evitat li diversi domandi proċedurali, b’mod partikolari dawk li jqumu fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1206/2001, jiġu kkunsidrati bħala inammissibbli u ma jkunux jistgħu jkunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.
42 B’hekk, dan il-kunċett għandu jinftiehem fis-sens li jinkludi l-proċedura kollha li twassal għad-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun f’pożizzjoni li ssir taf bl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha proċedurali tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tar-rinviju hija obbligata tapplika sabiex tagħti s-sentenza tagħha. Fi kliem ieħor, l-imsemmi kunċett jinkludi l-proċess kollu tal-għoti tas-sentenza, inklużi l-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw ir-responsabbiltà għall-ispejjeż tal-proċedura.
43 Fir-rigward tat-tieni kawża tal-inammissibbiltà eventwali tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Kummissjoni tosserva li d-domanda li saret mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-funzjonament amministrattiv tagħha, jiġifieri l-kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-qasam tal-kisba ta’ provi f’materji ċivili jew kummerċjali. B’hekk, din il-kwistjoni ma tirrigwardax it-twettiq minn din il-qorti tal-funzjonament ġudizzjarju tagħha. Il-Kummissjoni insistiet fuq il-fatt li, fil-każ preżenti, il-qorti tar-rinviju taġixxi bħala korp tal-amministrazzjoni pubblika għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-ispejjeż tal-eżekuzzjoni tat-talba ta’ provi mill-qorti ta’ Stat Membru ieħor.
44 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-qrati nazzjonali jistgħu jirrikorru għall-Qorti tal-Ġustizzja biss jekk il-kontroversja tkun għadha pendenti quddiemhom u jekk ikunu ġew mitluba jiddeċiedu fil-kuntest ta’ proċedura li l-iskop tagħha huwa li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja (ara, b’mod partikolari, id-digriet tat-22 ta’ Jannar 2002, Holto, C‑447/00, Ġabra p. I‑735, punt 17, u s-sentenza tat-12 ta’ Awwissu 2008, Santesteban Goicoechea, C‑296/08 PPU, Ġabra p. I‑6307, punt 40).
45 Issa, għalkemm huwa minnu li l-kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-qasam tal-kisba ta’ provi ma twassalx neċessarjament għar-redazzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, xorta jibqa’ l-fatt li s-smigħ ta’ xhud minn qorti, li huwa inkwistjoni fil-każ preżenti, huwa att li seħħ fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja destinata li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja. Il-kwistjoni tar-responsabbiltà għall-ispejjeż tas-smigħ taqa’ fil-kuntest ta’ din il-proċedura. B’hekk, teżisti rabta diretta bejn id-domanda preliminari u t-twettiq mill-qorti tar-rinviju ta’ funzjoni ġudizzjarja.
46 Peress li ma nstabet l-ebda kawża possibbli ta’ inammissibbiltà, hemm lok li t-talba għal deċiżjoni preliminari tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli.
Fuq id-domanda preliminari
47 Il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk hija għandhiex tbati l-ispejjeż ta’ xhud li nstemgħa mill-qorti rikjesta, kemm jekk tkun fil-forma ta’ somma mħallsa bil-quddiem jew ta’ rimbors tal-ispejjeż.
48 Għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1206/2001, il-fatti tal-kawża prinċipali jaqgħu fil-qasam ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament fejn qorti ta’ Stat Membru titlob lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru ieħor tipproċedi b’att ta’ ġbir ta’ provi. Smigħ ta’ xhud huwa msemmi speċifikament bħala s-suġġett ta’ talba fl-Artikolu 4(1)(e) tal-imsemmi regolament.
49 Skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1206/2001, il-qorti rikjesta teżegwixxi t-talba b’mod konformi mad-dritt tal-Istat Membru li taħtu taqa’ din il-qorti. Skont id-dritt Irlandiż, xhud huwa obbligat jidher quddiem qorti biss jekk ikun tħallas bil-quddiem indennizz għall-ispejjeż tiegħu tat-trasport (“viaticum”). Id-domanda tirrigwarda l-punt dwar jekk l-obbligu li jitħallas l-imsemmi indennizz jaqax fuq il-qorti rikjesta jew fuq il-qorti rikjedenti.
50 Fl-ewwel lok, għandha tiġi ċċarata l-kwistjoni dwar jekk il-qorti rikjedenti kinitx obbligata tħallas lill-qorti rikjesta somma mħallsa bil-quddiem għall-indennizzi mogħtija lil xhud u, konsegwentement, jekk il-qorti rikjesta kellhiex id-dritt li tirrifjuta li tipproċedi bis-smigħ tal-imsemmi xhud sakemm il-qorti rikjedenti tkun għadha ma ħallsitx l-imsemmija somma bil-quddiem.
51 L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1206/2001 jindika l-motivi tar-rifjut ta’ talba bħal din. Il-paragrafu 2(d) tiegħu jirrigwarda l-każ fejn depożitu jew somma mħallsa bil-quddiem mitluba skont l-Artikolu 18(3) ta’ dan ir-regolament ma tkunx saret mill-qorti rikjedenti. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, il-qorti rikjesta tista’ teżiġi, qabel ma teżegwixxi t-talba, somma mħallsa bil-quddiem għall-ispejjeż ta’ esperti. Din ir-regola, madankollu, ma tipprovdix għar-rekwiżit ta’ somma mħallsa bil-quddiem għas-smigħ ta’ xhud.
52 Hekk kif l-Avukat Ġenerali sostniet fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tagħha, l-issuġġettar tal-eżekuzzjoni ta’ talba għal ħlas ta’ indennizz mogħti lix-xhieda jista’ jkun konformi mal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1206/2001 biss kemm-il darba l-każijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni kienu elenkati b’mod mhux eżawrjenti, iżda biss bħala eżempji.
53 F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-kliem tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1206/2001 huwa kontra interpretazzjoni bħal din. Din id-dispożizzjoni fil-fatt tipprovdi li, minbarra l-motivi previsti fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu, l-eżekuzzjoni ta’ talba għal smigħ ta’ persuna “tista’ tiġi rifjutata biss” f’ċerti każijiet. Barra minn hekk, il-ħdax-il premessa tar-Regolament Nru 1206/2001 ssostni li, sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ dan ir-regolament, il-possibbiltà li l-eżekuzzjoni tat-talba ta’ att ta’ ġbir ta’ provi tiġi rrifjutata għandha tiġi llimitata għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali strettament illimitati. B’hekk jirriżulta li r-raġunijiet li għalihom l-eżekuzzjoni ta’ talba bħal din tista’ tiġi rrifjutata huma dawk elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament.
54 B’hekk, il-qorti rikjesta ma għandhiex dritt tissuġġetta s-smigħ ta’ xhud għall-kundizzjoni ta’ ħlas ta’ somma mħallsa bil-quddiem għall-indennizz dovut lix-xhud. Konsegwentement, il-qorti rikjedenti ma hijiex marbuta tħallas somma bħal din bil-quddiem.
55 Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk il-qorti rikjesta kinitx awtorizzata teżiġi r-rimbors mill-qorti rikjedenti tal-indennizzi mogħtija lix-xhieda.
56 L-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1206/2001 jipprovdi li l-eżekuzzjoni ta’ talba intiża għal att ta’ ġbir ta’ provi ma tistax toħloq pretensjoni għal xi rimbors ta’ taxxi jew spejjeż. Huwa b’hekk determinanti li jkun stabbilit jekk l-indennizzi mogħtija lix-xhieda jistgħux jiġu kklassifikati bħala taxxi jew spejjeż fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.
57 Il-qorti rikjesta tosserva li, skont id-dritt Irlandiż, ix-xhieda huma obbligati jidhru sabiex jixhdu quddiem qorti biss jekk jitħallsu bil-quddiem indennizz għall-ispejjeż tagħhom, ħlas li huwa responsabbiltà tal-parti li tħarrek lix-xhieda u mhux tal-qorti. B’hekk, skont il-qorti rikjesta, dawn ma humiex spejjeż ġudizzjarji. Dan il-mekkaniżmu jirrifletti n-natura kontradittorja tal-proċedura ċivili Irlandiża.
58 F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi ppreċiżat li l-kunċett ta’ spejjeż għandu jiġi ddefinit b’mod awtonomu skont id-dritt tal-Unjoni u ma jiddependix mill-klassifikazzjoni mogħtija fid-dritt nazzjonali. Fil-fatt, imur kontra l-ispirtu u l-iskop tar-Regolament Nru 1206/2001, li jipprevedi eżekuzzjoni rapida u sempliċi tat-talba tal-kisba ta’ provi, li l-kwistjoni tal-ispejjeż tkun tiddependi fuq definizzjoni nazzjonali ta’ dan il-kunċett.
59 Fir-rigward tal-kliem użat mill-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament, b’“taxxi” għandu jiġi mifhum is-somom miġbura mill-qorti għall-attività tagħha, filwaqt li bi “spejjeż” għandu jiġi mifhum is-somom imħallsa mill-qorti lil terzi fil-proċedura, b’mod partikolari lil esperti jew lil xhieda.
60 Hekk kif irrimarkat l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tagħha, interpretazzjoni bħal din hija sostnuta minn argument sistematiku. Li kieku l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1206/2001 jirrigwarda biss l-ispejjeż istituzzjonali, ma jkunx għalhekk neċessarju li jiġi previst, fl-imsemmi Artikolu 18(2) u bħala eċċezzjoni għall-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 18(1), rimbors tal-miżati tal-esperti. Fil-fatt, sa fejn il-miżati ta’ esperti ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala spejjeż istituzzjonali, dawn jiġu esklużi minnufih minn din il-projbizzjoni.
61 B’hekk jirriżulta li l-indennizzi mħallsa lil xhud li nstema’ mill-qorti rikjesta jaqgħu fil-kunċett ta’ spejjeż fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1206/2001.
62 Fir-rigward tal-obbligu tar-rimbors tal-ispejjeż, għandu jitfakkar li, skont it-tieni, is-seba’, it-tmien, l-għaxar u l-ħdax-il premessa tar-Regolament Nru 1206/2001, dan għandu bħala għan il-kisba sempliċi, effikaċi u rapida tal-provi f’kuntest transkonfinali. Il-kisba, minn qorti ta’ Stat Membru, ta’ provi fi Stat Membru ieħor ma għandhiex twassal għal żieda fit-tul tal-proċeduri nazzjonali. Huwa għalhekk li r-Regolament Nru 1206/2001 stabbilixxa sistema li tapplika għall-Istati Membri kollha – bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka – biex jitneħħew l-ostakoli li jistgħu jitfaċċaw f’dan il-qasam.
63 B’hekk il-qorti rikjedenti jkollha l-obbligu ta’ rimbors biss jekk tkun applikabbli waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1206/2001.
64 Din id-dispożizzjoni tipprevedi r-rimbors tad-drittijiet imħallsa lill-esperti u interpreti, kif ukoll ta’ spejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) u (4) tar-Regolament Nru 1206/2001. L-Artikolu 10(3) ta’ dan ir-regolament jikkonċerna l-każ fejn il-qorti rikjedenti titlob li t-talba tiġi eżegwita skont forma speċjali u l-Artikolu 10(4) ta’ dan jirregola l-użu ta’ teknoloġiji tal-komunikazzjoni moderni sabiex jipproċedi bl-att ta’ ġbir ta’ provi. Min-naħa l-oħra, l-indennizzi mogħtija lix-xhieda ma humiex imsemmija.
65 Barra minn hekk, kif sostnew kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 60 sa 61 tal-konklużjonijiet tagħha, l-oriġini tar-Regolament Nru 1206/2001 tmur ukoll kontra n-natura rimborsabbli tal-indennizzi mogħtija lix-xhieda. B’hekk, mis-sitt premessa ta’ dan ir-regolament u mill-Artikolu 21(1) tiegħu jirriżulta li dan tal-aħħar jissostitwixxi l-Konvenzjoni ta’ Den Haag. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag jistgħu jiġu invokati sabiex jiġi interpretat l-imsemmi regolament.
66 Issa, il-kontenut tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1206/2001 jikkorrispondi ma’ dak tal-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag, li l-paragrafu 2 tiegħu jipprevedi li l-Istat rikjest għandu d-dritt li jeżiġi mill-Istat rikjedenti r-rimbors tal-indennizzi mħallsa lill-esperti u lill-interpreti, u tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ forma speċjali mitluba mill-Istat rikjedenti, b’mod konformi mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ din il-konvenzjoni.
67 F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-Konvenzjoni ta’ Den Haag emendat il-kliem tal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag, tal-1 ta’ Marzu 1954, dwar il-proċedura ċivili, li kien għadu jipprevedi b’mod espliċitu l-prinċipju ta’ rimbors tal-indennizzi mogħtija lix-xhieda. Mir-rapport ta’ spjega tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag jirriżulta li l-każijiet li fihom l-ispejjeż huma rimborsabbli għandhom ikunu volontarjament imnaqqsa bi qbil ma’ dawk previsti mill-Konvenzjoni ta’ Den Haag, tal-1 ta’ Marzu 1954. Huwa għalhekk li r-rimbors tal-indennizzi mogħtija lix-xhieda, preċiżament minħabba l-ammont tagħhom ġeneralment żgħir, kien ġie deliberatament imneħħi.
68 Il-fatt li r-Regolament Nru 1206/2001 inkluda l-kliem tal-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag juri wkoll li huwa kontra l-prinċipju ta’ rimbors tal-indennizzi mogħtija lix-xhieda. B’hekk, skont l-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament ma hemmx lok li dawn l-ispejjeż jiġu rimborsati.
69 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikoli 14 u 18 tar-Regolament Nru 1206/2001 għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti rikjedenti ma hijiex marbuta tħallas lill-qorti rikjesta somma mħallsa bil-quddiem sabiex tkopri l-indennizz jew ir-rimbors tal-indennizz dovut lix-xhud eżaminat.
Fuq l-ispejjeż
70 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikoli 14 u 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001, tat-28 ta’ Mejju 2001, dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda [kisba ta’ provi] f’materji ċivili jew kummerċjali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti rikjedenti ma hijiex marbuta tħallas lill-qorti rikjesta somma mħallsa bil-quddiem sabiex tkopri l-indennizz jew ir-rimbors tal-indennizz dovut lix-xhud eżaminat.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.