Kawża C-240/09

Lesoochranárske zoskupenie VLK

vs

Ministerstvo životného prostredia Slovenskej republiky

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Najvyšší súd Slovenskej republiky)

“Ambjent — Konvenzjoni ta’ Århus — Parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali — Effett dirett”

Sommarju tas-sentenza

1.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Interpretazzjoni ta’ ftehim internazzjonali konkluż bejn il-Komunità u l-Istati Membri bis-saħħa ta’ kompetenza kondiviża — Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (Konvenzjoni ta’ Århus) — Ġurisdizzjoni sabiex jiġi ddeterminat it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha

(Artikolu 234 KE; Konvenzjoni ta’ Århus, Artikolu 9(3); Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370)

2.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Interpretazzjoni mitluba minħabba l-applikabbiltà ta’ dispożizzjoni kemm għal sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali kif ukoll għal sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni — Ġurisdizzjoni sabiex tingħata din l-interpretazzjoni

(Konvenzjoni ta’ Århus, Artikolu 9(3); Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370)

3.        Ftehim internazzjonali — Ftehim tal-Komunità — Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (Konvenzjoni ta’ Århus) — Artikolu 9(3) — Effett dirett — Assenza

(Artikolu 10 KE; Konvenzjoni ta’ Århus, Artikolu 9(3); Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370)

1.        Peress li l-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (Konvenzjoni ta’ Århus) ġiet konkluża mill-Komunità u mill-Istati Membri kollha tagħha abbażi ta’ ġurisdizzjoni kondiviża, minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja, adita skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, b’mod partikolari l-Artikolu 234 KE, għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddistingwi bejn l-obbligi li l-Unjoni tassumi u dawk li jibqgħu biss taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri u sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni.

Sussegwentement, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk, fil-qasam kopert mill-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus, l-Unjoni eżerċitatx il-kompetenzi tagħha u adottatx dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-eżekuzzjoni ta’ obbligi li jirriżultaw minnha. Kemm-il darba dan ma jkunx il-każ, l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus jibqgħu jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali tal-Istati Membri. F’dan il-każ, huma l-qrati nazzjonali ta’ dawn l-Istati li għandhom jiddeterminaw, abbażi tad-dritt nazzjonali, jekk l-individwi jistgħux jibbażaw ruħhom direttament fuq ir-regoli ta’ dan il-ftehim internazzjonali li jikkonċernaw dan il-qasam, jew ukoll jekk dawn il-qrati għandhomx japplikawhom ex officio.

Min-naħa l-oħra, jekk ikun ikkonstatat li l-Unjoni eżerċitat il-kompetenzi tagħha u adottat dispożizzjonijiet fil-qasam kopert bl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus, id-dritt tal-Unjoni japplika u hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddetermina jekk id-dispożizzjoni tal-ftehim internazzjonali inkwistjoni għandhiex effett dirett.

F’dan ir-rigward, l-Unjoni tgawdi, fil-qasam tal-ambjent, minn kompetenza esterna espliċita skont l-Artikolu 175 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 174(2) KE.

Barra minn hekk, il-kwistjoni speċifika li għadha ma kinitx is-suġġett ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni tista’ madankollu taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni meta din il-kwistjoni tkun irregolata fil-ftehim konklużi mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha u tkun tikkonċerna qasam kopert fil-parti l-kbira tiegħu minnu.

(ara l-punti 31-33, 35, 36)

2.        Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (Konvenzjoni ta’ Århus) u, b’mod partikolari, sabiex tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk dawn għandhomx effett dirett.

Meta dispożizzjoni tista’ tiġi applikata kemm għal sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali kif ukoll għal sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, jeżisti interess ċert sabiex, bl-għan li jiġu evitati diverġenzi futuri ta’ interpretazzjoni, din id-dispożizzjoni tingħata interpretazzjoni uniformi, irrispettivament mill-kundizzjonijiet li fihom hija ser tiġi applikata.

(ara l-punti 42, 43)

3.        L-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (Konvenzjoni ta’ Århus) huwa nieqes minn effett dirett fid-dritt tal-Unjoni. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta, sa fejn ikun possibbli, id-dritt proċedurali li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jiġi eżerċitat rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju kemm skont l-għanijiet tal-Artikolu 9(3) ta’ din il-konvenzjoni kif ukoll skont l-għan ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni sabiex tippermetti lil organizzazzjoni għall-ħarsien tal-ambjent, li tikkontesta quddiem qorti deċiżjoni adottata wara proċedura amministrattiva li tista’ tkun kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni tal-ambjent.

Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ azzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, u dan inkwantu l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw, f’kull każ, il-protezzjoni effettiva ta’ dawn id-drittijiet.

F’dan ir-rigward, il-modalitajiet proċedurali ta’ azzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw azzjonijiet simili previsti mil-leġiżlazzjoni interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività).

(ara l-punti 47, 48, 51, 52 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

8 ta’ Marzu 2011 (*)

“Ambjent – Konvenzjoni ta’ Århus – Parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali– Effett dirett”

Fil-Kawża C‑240/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Ġunju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Lulju 2009, fil-proċedura

Lesoochranárske zoskupenie VLK

vs

Ministerstvo životného prostredia Slovenskej republiky,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot (Relatur), K. Schiemann u D. Šváby, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, R. Silva de Lapuerta, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh, M. Safjan u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Mejju 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal-Lesoochranárske zoskupenie VLK, minn I. Rajtáková, avukat,

–        għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u B. Klein, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Grieg, minn G. Karipsiadis u T. Papadopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u S. Menez, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, D. Krawczyk u M. Nowacki, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski u M. Pere, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svediż, minn A  Falk, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Seeboruth u J. Stratford, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Oliver u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Lulju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Århus”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Lesoochranárske zoskupenie VLK (iktar ’il quddiem l-“izoskupenie”), assoċjazzjoni kkostitwita skont id-dritt Slovakk u li l-għan tagħha huwa l-ħarsien tal-ambjent u l-Ministerstvo životného prostredia Slovenskej republiky (Ministeru tal-Ambjent tar-Repubblika Slovakka, iktar ’il quddiem il-“Ministerstvo životného prostredia”), dwar it-talba tal-assoċjazzjoni sabiex tkun “parti” fil-proċedura amministrattiva li tikkonċerna l-għoti ta’ derogi għas-sistema ta’ ħarsien ta’ speċi bħall-ors kannella, l-aċċess għal żoni naturali protetti jew ukoll l-użu ta’ prodotti kimiċi f’dawn iż-żoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        L-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Århus jistipula li:

“1.      Kull Parti għandha tiżgura, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, li kull persuna li tqis li t-talba għal informazzjoni li hija ppreżentat skont l-Aritkolu 4 ġiet injorata, miċħuda abbużivament, kollha kemm hi jew parzjalment, jew ma tteħditx inkunsiderazzjoni b’mod adegwat jew ma ġietx trattata skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, jkollha l-possibbiltà li tressaq proċedura ta’ stħarriġ quddiem qorti indipendenti u imparzjali stabbiliti bil-liġi.

Fil-każijiet fejn il-Parti tipprovdi għal tali stħarriġ quddiem qorti, hija għandha tiżgura li l-persuna kkonċernata jkollha aċċess ukoll għal proċedura mħaffa stabbilita bil-liġi li tkun bla ħlas jew ma tiswix ħafna, bil-għan ta’ eżami mill-ġdid tat-talba minn awtorità pubblika jew tal-eżami tagħha minn korp indipendenti jew imparzjali li ma huwiex qorti tal-ġustizzja.

Id-deċiżjonijiet finali adottati skont dan il-paragrafu 1 jorbtu l-awtoritajiet kollha li għandhom l-informazzjoni. Ir-raġunijiet li jiġġustifikawhom għandhom isiru bil-miktub, għall-inqas meta l-aċċess għall-informazzjoni huwa rrifjutat taħt dan il-paragrafu.

2.      Kull Parti għandha tiżgura li, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali tagħha, il-membri tal-pubbliku kkonċernati

(a) li għandhom interess suffiċjenti

jew diversament,

(b) li jsostnu preġudizzju ta’ dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ parti teżiġi dan bħal rekwiżit,

ikunu jistgħu jressqu proċedura ta’ stħarriġ quddiem qorti u/jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit bil-liġi, biex jikkontestaw il-legalità sostantiva u proċedurali ta’ kull deċiżjoni, att jew ommissjoni suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 u, meta d-dritt nazzjonali hekk jipprovdi u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, tad-dispożizzjonijiet rilevanti l-oħra ta’ din il-konvenzjoni.

Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u preġudizzju ta’ dritt għandu jiġi stabbilit skont ir-rekwiżiti tad-dritt nazzjonali u dejjem bl-għan li l-pubbliku kkonċernat jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja skont din il-konvenzjoni. Għal dan il-għan, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 2(5) għandu jitqies suffiċjenti għall-finijiet tas-subparagrafu (a) ta’ dan l-artikolu. Tali organizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet li jistgħu jiġu ppreġudikati għall-finijiet tas-subparagrafu (b) ta’ dan l-artikolu.

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu 2 ma jeskludux il-possibbiltà li jkun hemm proċedura għal stħarriġ preliminari quddiem awtorità amministrattiva u ma jaffettwawx ir-rekwiżit li jiġu eżawriti r-rimedji amministrattivi qabel ma jinfetħu proċeduri ta’ stħarriġ ġudizzjarju, meta jkun jeżisti dan ir-rekwiżit taħt id-dritt nazzjonali.

3.      Barra minn hekk, u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri ta’ stħarriġ imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, kull Parti għandha tiżgura li l‑membri tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fid-dritt nazzjonali tagħha, jekk ikun hemm, ikollhom aċċess għall-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji biex jikkontestaw atti u ommissjonijiet ta’ individwi privati jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jiksru xi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha dwar l-ambjent.

[…]” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        L-Artikolu 19(4) u (5) tal-Konvenzjoni ta’ Århus jipprovdi li:

“4.      Kull organizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 17 li ssir Parti għal din il-konvenzjoni mingħajr ma ebda Stat Membru tagħha ma jkun Parti hija marbuta bl-obbligi kollha li jirriżultaw mill-Konvenzjoni. Meta wieħed jew diversi Stati Membri minn tali organizzazzjoni jkunu Parti għal din il-konvenzjoni, din l-organizzazzjoni u l-Istati Membri tagħha jiddeċiedu fuq ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom għall-eżekuzzjoni tal-obbligi li timponi fuqhom il-Konvenzjoni. Fl-istess każ, l-organizzazzjoni u l-Istati Membri ma għandhomx id-dritt li jeżerċitaw fl-istess waqt id-drittijiet li jirriżultaw minn din il-konvenzjoni.

5.      Fl-istrumenti tagħha ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni, ta’ approvazzjoni jew ta’ adeżjoni, l-organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni ekonomika msemmija fl-Artikolu 17 għandhom jiddikjaraw il-portata tal-kompetenza tagħhom fir-rigward ta’ kwistjonijiet li tirregola din il-konvenzjoni. Barra minn hekk, dawn l-organizzazzjonijiet għandhom jinformaw lid-Depożitarju b’kull bdil sostanzjali tal-portata tal-kompetenza tagħhom.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt tal-Unjoni

5        L-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva habitats”) jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu li:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali msemmija fl-Anness IV (a) fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu:

(a) l-forom kollha ta’ qbid volontarju jew qtil ta’ kampjuni minn dawn l-ispeċi fis-selvaġġ;

(b) tfixkil volontarju ta’ dawn l-ispeċi, speċjalment waqt il-perjodu tat-tgħammir, tkabbir, ibernazzjoni u migrazzjoni;

(ċ) qerda volontarja jew teħid tal-bajd mis-selvaġġ;

(d) deterjorazzjoni jew qerda ta’ siti tat-tgħammir jew postijiet ta’ mistrieħ.

[…]”

6        L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “habitats” jipprovdi fost oħrajn li:

“Sakemm ma jkunx hemm alternattiva sodisfaċenti u d-deroga mhix ta’ dannu għall-ħarsien tal-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi konċernati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 12, 13, 14, 15 (a) u (b):

a) fl-interess li jħarsu l-fawna u l-flora selvaġġa u li jikkonservaw l-habitat naturali;

b) biex jipprevjenu l-ħsara serja, b’mod partikolari lill-uċuh tar-raba’, lill-bhejjem, lill-foresti, lis-sajd u lill-ilma u lil tipi oħra ta’ proprjetà;

ċ) fl-interessi tas-saħħa u s-sigurtà pubblika, jew għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk tat-tip soċjali jew ekonomiku u l-konsegwenzi ta’ benefiċċju ta’ l-akbar importanza għall-ambjent;

d) għall-għan tar-riċerka u l-edukazzjoni, biex tiġġedded il-popolazzjoni u biex jiġu introdotti mill-ġdid dawn l-ispeċi u għall-ħidmiet ta’ tgħammir meħtieġa għal dawn l-iskopijiet, inkluża l-propagazzjoni artifiċjali tal-pjanti;

e) biex ikun jista’ jsir, taħt kondizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta, fuq bażi selettiva u għal ammont limitat, it-teħid jew iż-żamma ta’ ċerti kampjuni ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness IV f’għadd limitat speċifikat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

[…]”

7        L-Anness IV tad-Direttiva “habitats” dwar l-annimali u speċi ta’ pjanti ta’ interess għall-Komunità li għandhom bżonn ħarsien mill-qrib, isemmi b’mod partikolari l-ispeċi “Ursus arctos”.

8        Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375), tipprovdi fil-premessa 5 tagħha li:

“Fil-25 ta’ Ġunju 1998 il-Komunità Ewropea ffirmat il-Konvenzjoni tan-NU/ECE dwar l-Aċċess għat-Tagħrif, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Tiswir tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja f’Materji Ambjentali (“il-Konvenzjoni ta’ Århus”). Id-disposizzjonijiet tal-liġijiet Komunitarji jridu jkunu konsistenti ma’ din il-Konvenzjoni bil-ħsieb tal-konklużjoni tagħha mill-Komunità Ewropea.”

9        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/4 jimplementa l-Artikolu 9(1) tal-Konvenzjoni ta’ Århus, u jirriproduċi kważi l-istess stipulazzjonijiet.

10      Id-Direttiva 2003/35/KE tal-Palament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466) tipprovdi fil-premessi 5, 9 u 11 tagħha:

“(5)      Fil-25 ta’ Ġunju 1998 il-Komunità ffirmat il-Konvenzjoni tan-NU/ECE dwar l-Aċċess għat-Tagħrif, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Tiswir tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja f’Materji Ambjentali (“il-Konvenzjoni ta’ Aarhus”). Il-liġijiet Komunitarji għandhom ikunu allineati kif jixraq mal-Konvenzjoni bil-ħsieb tar-ratifika tagħha mill-Komunità.

[…]

(9)      L-Artikolu 9(2) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Århus jipprovdi aċċess għall-proċeduri ġudizzjarji jew proċeduri oħra sabiex jisfidaw il-legalità sostaniva jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet bla ħsara għad-disposizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku ta’ l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni.

[…]

(11)      Id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248], u d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE ta’ l-24 ta’ Settembru 1996 li tirrigwarda l-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 80] għandom jiġu emendati sabiex jiġi żgurat li huma kompatibbli fis-sħiħ mal-konvenzjoni ta’ Århus, b’mod partikolari l-Artikolu 6 u l-Artikolu 9(2) u (4) tagħha.”

11      L-Artikoli 3(7) u 4(4) tad-Direttiva 2003/35 jintroduċu rispettivament l-Artikolu 10a fid-Direttiva 85/337 u l-Artikolu 15a fid-Direttiva 96/61, sabiex jimplementaw l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Århus, li jirriproduċu kważi b’mod identiku dispożizzjonijiet minnha.

12      Id-Deċiżjoni 2005/370 tipprovdi, fil-premessi 4 sa 7 tagħha:

“(4)      Skond it-termini tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika għandha tiddikjara fl-istrumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni tagħha, il-miżura tal-kompetenza tagħha rigward il-kwistjonijiet irregolati mill-Konvenzjoni.

(5)      Il-Komunità, f’konformità mat-Trattat, u b’mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu, hija kompetenti, flimkien ma’ l-Istati Membri tagħha, biex tidħol fi ftehim internazzjonali, u biex timplimenta l-obbligi li jirriżultaw minnhom, li jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ l-għanijiet elenkati fl-Artikolu 174 tat-Trattat.

(6)      Il-Komunità u l-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri tagħha ffirmaw il-Konvenzjoni ta’ Aarhus fl-1998 u minn dakinhar wettqu l-isforzi tagħhom minħabba l-approvazzjoni tagħhom tal-Konvenzjoni. Sadattant, leġislazzjoni rilevanti Komunitarja qed tiġi magħmula konsistenti mal-Konvenzjoni.

(7)      L-għan tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, kif stabbilit fl-Artikolu 1 tagħha, hu konsistenti ma’ l-għanijiet tal-politika ambjentali tal-Komunità, li jinsabu elenkati fl-Artikolu 174 tat-Trattat li f’konformità magħhom, il-Komunità, li taqsam il-kompetenza ma’ l-Istati Membri tagħha, diġà adottat sett komprensiv ta’ leġislazzjoni li qed jevolvi u jikkontribwixxi għall-kisba ta’ l-għan tal-Konvenzjoni, mhux biss mill-istituzzjonijiet tagħha, iżda wkoll mill-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri.”

13      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2005/370 jipprovdi li:

“Il-Konvenzjoni UN/ECE dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, (“il-Konvenzjoni ta’ Århus”) hi hawnhekk approvata f’isem il-Komunità.”

14      Fid-dikjarazzjoni tagħha ta’ kompetenza fformulata skont l-Artikolu 19(5) tal-Konvenzjoni ta’ Århus u annessa mad-Deċiżjoni 2005/370, il-Komunità pprovdiet b’mod partikolari “li l-istrumenti legali fis-seħħ ma jkoprux b’mod sħiħ l-implimentazzjoni ta’ l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni billi jirrigwardaw proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji biex jiġu kkontestati atti u ommissjonijiet minn persuni privati u awtoritajiet pubbliċi minbarra l-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea kif koperti mill-Artikolu 2(2)(d), tal-Konvenzjoni, u li b’riżultat ta’ dan, l-Istati Membri tagħha huma responsabbli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi fil-ħin ta’ l-approvazzjoni tal-Konvenzjoni mill-Komunità Ewropea u jibqgħu hekk sakemm u sa meta l-Komunità, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha taħt it-Trattat KE, tadotta dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja li jkopru l-implimentazzjoni ta’ dawk l-obbligi.”

15      Skont l-Artikoli 10 sa 12 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Århus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13), huma intiżi sabiex jiżguraw l-aċċess għall-ġustizzja tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi fir-rigward ta’ atti amministrattivi adottati mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni jew ta’ omissjonijiet ta’ dawn tal-aħħar, skont l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus.

 Id-dritt Slovakk

16      Skont l-Artikolu 82(3) tal-Liġi 543/2002 dwar il-ħarsien tan-natura u tal-pajsaġġ, kif emendata, applikabbli għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali (zákon č. 543/2002 Z.z. o ochrane prírody a krajiny), assoċjazzjoni li għandha personalità ġuridika hija meqjusa bħala “persuna parteċipanti” għal proċedura jew proċeduri amministrattivi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li hija għandha, tal-inqas għal sena, l-għan tal-ħarsien tan-natura u tal-pajsaġġ u li hija ddikjarat il-parteċipazzjoni tagħha għall-imsemmija proċedura bil-miktub fit-terminu previst minn dan l-artikolu. Il-kwalita ta’ “persuna parteċipanti” tikkonferilha d-dritt li tiġi informata bil-proċeduri amministrattivi pendenti kollha dwar il-ħarsien tan-natura u tal-pajsaġġ.

17      Skont l-Artikolu 15a(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva (Správny poriadok), “persuna parteċipanti” tgawdi mid-dritt li tiġi informata bil-bidu ta’ proċedura amministrattiva, li tikkonsulta l-fajls ippreżentati mill-partijiet għall-proċedura amministrattiva, li tipparteċipa għall-verifiki tal-kontijiet u għall-ispezzjonijiet fuq il-post kif ukoll li tipproduċi provi u elementi oħrajn li abbażi tagħhom tkun ser tittieħed id-deċiżjoni.

18      Skont l-Artikolu 250(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Občiansky súdny poriadok), għandu l-kwalità ta’ rikorrent kull persuna fiżika jew ġuridika li tallega li d-drittijiet tagħha ta’ parti fil-proċedura amministrattiva kienu ġew leżi bid-deċiżjoni adottata jew bil-proċedura applikata mill-awtorità amministrattiva. Kull persuna fiżika jew ġuridika li ma kinitx preżenti, waqt il-proċedura amministrattiva u li l-preżenza tagħha, bħala parti fil-proċedura, madankollu kienet meħtieġa, tista’ wkoll tkun rikorrent.

19      Skont l-Artikolu 250(m)(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, għandhom il-kwalità ta’ parti dawk il-persuni li kienu preżenti matul il-proċedura amministrattiva bħala parti, kif ukoll l-awtorità amministrattiva li d-deċiżjoni tagħha hija s-suġġett ta’ eżami.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20      Is-zoskupenie kienet ġiet informata bl-eżistenza ta’ diversi proċeduri amministrattivi mibdija minn assoċjazzjoni ta’ kaċċaturi jew ta’ persuni oħrajn, dwar l-għoti ta’ derogi għas-sistema ta’ ħarsien ta’ speċi bħal dik tal-ors kannella, l-aċċess għal żoni naturali protetti jew ukoll l-użu ta’ prodotti kimiċi f’tali żoni.

21      Għalhekk l-izoskupenie talbet lill-Ministerstvo životného prostredia sabiex tkun “parti” fil-proċedura amministrattiva dwar l-għoti ta’ dawn id-derogi jew ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet u invokat għal dan il-għan il-Konvenzjoni ta’ Århus. Il-Ministerstvo životného prostredia ċaħad din it-talba kif ukoll l-appell amministrattiv ippreżentat sussegwentement mill-izoskupenie kontra dan ir-rifjut.

22      Għaldaqstant, l-izoskupenie ppreżentat proċedura kontenzjuża kontra dawn iż-żewġ deċiżjonijiet, filwaqt li sostniet b’mod partikolari li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjonit ta’ Århus kellhom effett dirett.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Huwa possibbli li tiġi rikonoxxuta l-applikabbiltà immedjata (‘self executing effect’) li għandhom il-konvenzjonijiet internazzjonali, tal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus tal-25 ta’ Ġunju 1998, u b’mod partikolari, tas-subartikolu 3 tiegħu, meta jitqies l-għan prinċipali ta’ din il-konvenzjoni internazzjonali, jiġifieri li tbiddel id-definizzjoni klassika ta’ locus standi billi tagħti wkoll lill-pubbliku, jew lill-pubbliku kkonċernat, il-kwalità ta’ parti fil-proċeduri, peress li sa issa, għalkemm l-Unjoni Ewropea aderixxiet mal-imsemmija konvenzjoni internazzjonali fis-17 ta’ Frar 2005, għadha ma adottatx miżuri Komunitarji għall-implementazzjoni tagħha?

2)      Huwa possibbli li jiġi rikonoxxut li l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u, b’mod partikolari, is-subartikolu 3 tiegħu, li huwa attwalment integrat fis-sistema Komunitarja, għandu applikabbiltà diretta jew effett dirett ta’ dritt Komunitarju, fis-sens tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja?

3)      F’każ ta’ risposta affermattiva għad-domandi 1 u 2, huwa possibbli li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jiġi interpretat, fid-dawl tal-għan prinċipali ta’ din il-konvenzjoni internazzjonali, b’tali mod li l-espressjoni ‛atti ta’ awtoritajiet pubbliċi’ tinkludi wkoll l-att li tingħata deċiżjoni, bil-konsegwenza li l-possibbiltà li l-pubbliku jieħu azzjoni quddiem il-qrati, tinkludi wkoll id-dritt li jikkontesta d-deċiżjoni stess tal-awtorità pubblika li l-illegalità tagħha għandha impatt fuq l-ambjent?”

24      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2009, it-talba mressqa mill-qorti tar-rinviju biex din il-kawża tiġi ttrattata bil-proċedura mħaffa prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 104a tar-Regoli tal-Proċedura ġiet miċħuda.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

25      Il-Gvern Pollakk u dak tar-Renju Unit isostnu li d-domaandi huma ammissibbli biss sa fejn jikkonċernaw id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus, u huma inammissibbli għall-kumplament, minħabba li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha l-ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

26      Sabiex tingħata risposta għal dan l-argument huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-domandi magħmula jirreferu essenzjalment għall-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus u ma jikkonċernawx il-paragrafi l-oħrajn ta’ dan l-artikolu.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tapplika inammissibbiltà parzjali għad-domandi magħmula għaliex jikkonċernaw dispożizzjonijiet oħrajn differenti minn dawk li jinsabu fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus.

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

28      Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-individwi, u b’mod partikolari l-assoċjazzjonijiet ta’ ħarsien tal-ambjent, meta jixtiequ jikkontestaw deċiżjoni li tidderoga għas-sistema ta’ ħarsien tal-ambjent bħal dik implementata bid-Direttiva “habitats” għall-benefiċċju ta’ speċi elenkata fl-Anness IV ta’ din id-direttiva, jistgħux jibbenefikaw minn dritt ta’ locus standi mid-dritt tal-Unjoni, fid-dawl, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus fuq l-effett dirett li hija qed teżamina.

29      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 300(7) KE, “[k]ull akkordju li jsir taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu għandu jkun jorbot lill-istituzzjonijiet tal-Komunità u lill-Istati Membri”.

30      Il-Konvenzjoni ta’ Århus kienet ġiet iffirmata mill-Komunità u sussegwentement kienet approvata bid-Deċiżjoni 2005/370. Għaldaqstant, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni issa jagħmlu parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C-344/04, Ġabra p. I-403, punt 36, kif ukoll tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑459/03,Ġabra p. I‑4635, punt 82). Fil-kuntest ta’ dan l-ordinament ġuridiku, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għaldaqstant, ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑30 ta’ April 1974, Haegeman, 181/73, Ġabra p. 449, punti 4 sa 6, u tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel, 12/86, Ġabra p. 3719, punt 7).

31      Peress li l-Konvenzjoni ta’ Århus ġiet konkluża mill-Komunità u mill-Istati Membri kollha tagħha abbażi ta’ ġurisdizzjoni kondiviża, minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja, adita skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, b’mod partikolari l-Artikolu 234 KE, għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddistingwi bejn l-obbligi li l-Unjoni tassumi u dawk li jibqgħu biss taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri u sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Århus (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2000, Dior et, C-300/98 u C-392/98, Ġabra p. I‑11307, punt 33, kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2007, Merck Genéricos – Produtos Farmacêuticos, C-431/05, Ġabra p. I-7001, punt 33).

32      Sussegwentement, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk, fil-qasam kopert mill-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus, l-Unjoni eżerċitatx il-kompetenzi tagħha u adottatx dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-eżekuzzjoni ta’ obbligi li jirriżultaw minnha. Kemm-il darba dan ma jkunx il-każ, l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus jibqgħu jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali tal-Istati Membri. F’dan il-każ, huma l-qrati nazzjonali ta’ dawn l-Istati li għandhom jiddeterminaw, abbażi tad-dritt nazzjonali, jekk l-individwi jistgħux jibbażaw ruħhom direttament fuq ir-regoli ta’ dan il-ftehim internazzjonali li jikkonċernaw dan il-qasam, jew ukoll jekk dawn il-qrati għandhomx japplikawhom ex officio. Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix u lanqas jeskludi, f’dan il-każ, li l-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru jirrikonoxxi lill-individwi d-dritt li jibbażaw ruħhom direttament fuq din ir-regola jew jimponi fuq il-qorti l-obbligu li tapplikaha ex officio (ara, b’anoloġija, is-sentenzi ċċitati Dior et, punt 48, kif ukoll Genéricos – Produtos Farmacêuticos, punt 34).

33      Min-naħa l-oħra, jekk ikun ikkonstatat li l-Unjoni eżerċitat il-kompetenzi tagħha u adottat dispożizzjonijiet fil-qasam kopert bl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus, id-dritt tal-Unjoni japplika u hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddetermina jekk id-dispożizzjoni tal-ftehim internazzjonali inkwistjoni għandhiex effett dirett.

34      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, fil-qasam partikolari li jaqa’ fih l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus, l-Unjoni eżerċitatx il-kompetenza tagħha u adottatx dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minnha (ara, b’analoġija, is-sentenza Merck Genéricos – Produtos Farmacêuticos, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

35      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett hemm lok li jiġi rrilevat li l-Unjoni tgawdi, fil-qasam tal-ambjent, minn kompetenza esterna espliċita skont l-Artikolu 175 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 174(2) KE (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, punti 94 u 95).

36      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kwistjoni speċifika li għadha ma kinitx is-suġġett ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni meta din il-kwistjoni tkun irregolata fil-ftehim konklużi mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha u tkun tikkonċerna qasam kopert fil-parti l-kbir tiegħu minnu (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑239/03, Ġabra p. I‑9325, punti 29 sa 31).

37      F’dan il-każ, il-kawża prinċipali tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk assoċjazzjoni ta’ ħarsien tal-ambjent tistax tkun “parti” fi proċedura amministrattiva li tikkonċerna b’mod partikolari l-għoti ta’ derogi għas-sistema ta’ ħarsien ta’ speċi bħal dik tal-ors kannella. Issa, din l-ispeċi hija msemmija fl-Anness IV(a) tad-Direttiva “habitats”, b’tali mod li skont l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, hija suġġetta għal sistema ta’ ħarsien strett li tista’ ssir deroga minnha biss taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 16 tal-istess direttiva.

38      Minn dan jirriżulta li l-kawża prinċipali taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni.

39      Huwa minnu li, fid-dikjarazzjoni tagħha ta’ kompetenza fformulata skont l-Artikolu 19(5) tal-Konvenzjoni ta’ Århus u annessa mad-Deċiżjoni 2005/370, il-Komunità indikat b’mod partikolari “li l-istrumenti legali fis-seħħ ma jkoprux b’mod sħiħ l-implimentazzjoni ta’ l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni billi jirrigwardaw proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji biex jiġu kkontestati atti u ommissjonijiet minn persuni privati u awtoritajiet pubbliċi minbarra l-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea kif koperti mill-Artikolu 2(2)(d), tal-Konvenzjoni, u li b’riżultat ta’ dan, l-Istati Membri tagħha huma responsabbli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi fil-ħin ta’ l-approvazzjoni tal-Konvenzjoni mill-Komunità Ewropea u jibqgħu hekk sakemm u sa meta l-Komunità, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha taħt it-Trattat KE, tadotta dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja li jkopru l-implimentazzjoni ta’ dawk l-obbligi.”

40      Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-kawża prinċipali ma taqax taħt id-dritt tal-Unjoni peress li, kif tfakkar fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, kwistjoni speċifika li għadha ma kinitx is-suġġett ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni tista’ taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni jekk hija tirrigwarda qasam kopert b’mod estensiv minnu.

41      F’dan ir-rigward huwa irrilevanti l-fatt li r-Regolament Nru 1367/2006, li l-għan tiegħu huwa li jimplementa d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus, jikkonċerna biss lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u ma jistax jitqies bħala l-adozzjoni, mill-Unjoni, ta’ dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-eżekuzzjoni ta’ obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 9(3) tal-imsemmija konvenzjoni fir-rigward ta’ proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji nazzjonali.

42      Fil-fatt, meta dispożizzjoni tista’ tiġi applikata kemm għal sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali kif ukoll għal sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, jeżisti interess ċert sabiex, bl-għan li jiġu evitati diverġenzi futuri ta’ interpretazzjoni, din id-dispożizzjoni tingħata interpretazzjoni uniformi, irrispettivament mill-kundizzjonijiet li fihom hija ser tiġi applikata (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Giloy, C-130/95, Ġabra p. I-4291, punt 28 u tas-16 ta’ Ġunju 1998, Hermès, C-53/96, Ġabra p. I-3603, punt 32).

43      Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus, u b’mod partikolari, sabiex tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk dawn għandhomx effett dirett.

44      F’dan ir-rigward, dispożizzjoni ta’ ftehim konkluż mill-Komunità u mill-Istati Membri tagħha ma’ Stati terzi għandha tkun ikkunsidrata bħala li hija ta’ effett dirett meta, fid-dawl tal-kliem tagħha kif ukoll tal-għan u n-natura ta’ dan il-ftehim, hija tinkludi obbligu ċar u speċifiku li ma huwiex suġġett, fl-eżekuzzjoni jew fl-effetti tiegħu, għal intervent ta’ ebda att ulterjuri (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ April 2005, C-265/03, Ġabra p. I-2579, punt 21, u tat-13 ta’ Diċembru 2007, Asda Stores, C-372/06, Ġabra p. I-11223, punt 82).

45      Għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus ma jinkludu l-ebda obbligu ċar u speċifiku ta’ natura li jirregola direttament is-sitwazzjoni legali tal-individwi. Fil-fatt, peress li huma biss “il-membri tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji eventwali stabbiliti [bid]-dritt nazzjonali” li għandhom drittijiet previsti fl-istess Artikolu 9(3), din id-dispożizzjoni hija suġġetta, fl-eżekuzzjoni tagħha jew fl-effetti tagħha, għall-intervent ta’ att ulterjuri.

46      Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet, minkejja li huma redatti b’mod ġenerali, għandhom l-għan li jippermettu li jiżguraw ħarsien effettiv tal-ambjent.

47      Issa, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ azzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, fil-każ ineżami bis-saħħa tad-Direttiva “habitats”, u dan inkwantu l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw, f’kull każ, il-protezzjoni effettiva ta’ dawn id-drittijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, Ġabra p. I‑2483, punti 44 u 45).

48      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta minn ġurisprudenza ferm stabbilita, il-modalitajiet proċedurali ta’ azzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw azzjonijiet simili previsti mil-leġiżlazzjoni interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Għaldaqstant, ma jistax jiġi pprevedut, mingħajr ma titqiegħed inkwistjoni l-protezzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni tal-ambjent, li tingħata interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus li tirrendi prattikament impossibli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni.

50      Minn dan jirriżulta li, meta tkun involuta speċi protetta mid-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari mid-Direttiva “habitats”, hija l-qorti nazzjonali li, sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni tal-ambjent, għandha tagħti interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li, sa fejn ikun possibbli, tkun konformi mal-għanijiet iffissati fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus.

51      Għaldaqstant hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta, sa fejn huwa possibbli, id-dritt proċedurali li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jiġi eżerċitat rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju skont kemm l-għanijiet tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus kif ukoll l-għan ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni sabiex tippermetti lil organizzazzjoni għall-ħarsien tal-ambjent, bħall-izoskupenie, li tikkontesta quddiem qorti deċiżjoni adottata wara proċedura amministrattiva li tista’ tkun kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni tal-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C-432/05, Ġabra p. I‑2271, punt 44, u Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

52      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus huwa nieqes minn effett dirett fid-dritt tal-Unjoni. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta, sa fejn ikun possibbli, id-dritt proċedurali li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jiġi eżerċitat rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju kemm skont l-għanijiet tal-Artikolu 9(3) ta’ din il-konvenzjoni kif ukoll skont l-għan ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni sabiex tippermetti lil organizzazzjoni għall-ħarsien tal-ambjent, bħall-izoskupenie, li tikkontesta quddiem qorti deċiżjoni adottata wara proċedura amministrattiva li tista’ tkun kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni tal-ambjent.

 Fuq it-tielet domanda

53      Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

54      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005, huwa nieqes minn effett dirett fid-dritt tal-Unjoni. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta, sa fejn ikun possibbli, id-dritt proċedurali li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jiġi eżerċitat rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju kemm skont l-għanijiet tal-Artikolu 9(3) ta’ din il-konvenzjoni kif ukoll skont l-għan ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, sabiex tippermetti lil organizzazzjoni għall-ħarsien tal-ambjent, bħal‑Lesoochranárske zoskupenieK, li tikkontesta quddiem qorti deċiżjoni adottata wara proċedura amministrattiva li tista’ tkun kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni tal-ambjent.

Firem


* Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.