Keywords
Summary

Keywords

Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali — Kundizzjonijiet u limiti

(Artikolu 88 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 14(3))

Summary

L-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal‑Artikolu [88] tat-Trattat KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fiċ‑ċirkustanzi fejn is-somom li jikkorrispondu għall-għajnuna inkwistjoni ġew preċedentement irkuprati, ma jipprekludix l-annullament minħabba difett proċedurali, mill-qorti nazzjonali, tal-avviżi ta’ ħlas maħruġa għall‑irkupru tal-għanjuna mill-Istat illegali, meta l-possibbiltà tar‑regolarizzazzjoni ta’ dan id-difett proċedurali hija żgurata mil-liġi nazzjonali. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni tipprekludi li dawn is‑somom jitħallsu lura mill-ġdid lill-benefiċjarju tal-għajnuna, anki jekk provviżorjament.

Fil-fatt, l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999 jirrifletti r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ effettività, li jgħid li Stat Membru li, bis-saħħa ta’ deċiżjoni tal‑Kummissjoni, isib ruħu obbligat li jirkupra għajnuna illegali, huwa liberu li jagħżel il-mezzi li bihom iwettaq dan l-obbligu, sakemm il-miżuri magħżula ma jikkawżawx dannu għall-portata u għall-effettività tad-dritt tal-Unjoni.

L-istħarriġ mill-qorti nazzjonali tal-legalità formali ta’ avviż ta’ ħlas maħruġ għall-irkupru ta’ għajnuna illegali mill-Istat u l-annullament eventwali ta’ dan l-avviż minħabba li r-rekwiżiti proċedurali previsti mid-dritt nazzjonali ma ġewx osservati għandhom jitqiesu li huma s-sempliċi riżultat tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, tali annullament jista’ jwassal, fil-prinċipju, għal dritt favur il-benefiċjarju tal-għajnuna li jirbaħ il‑kawża li, abbażi tal-liġi nazzjonali, jitlob li s-somom tal-għajnuna rrimborsati preċedentement jitħallsu lilu mill-ġdid. Għalhekk, huwa meħtieġ li d-dritt nazzjonali jkollu l-mekkaniżmi neċessarji sabiex jiġi evitat li l-annullament ta’ avviż ta’ ħlas iwassal awtomatikament għall-għoti lura immedjat tas-somma mħallsa minn dawk li jkunu rċevewha sabiex jikkonformaw ma’ din l-ordni. Għaldaqstant, l-awtorità kompetenti għandha tkun f’pożizzjoni li tirrimedja għad-diffett proċedurali li l-imsemmija avviżi huma vvizzjati bih, mingħajr ma tkun obbligata tirrimborsa, lill-benefiċjarju tal-għajnuna illegali, is-somom li dan irrimborsa bħala eżekuzzjoni tal-imsemmija avviżi, anki jekk provviżorjament.

(ara l-punti 20, 21, 25-27, 33 u d-dispożittiv)