SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

14 ta’ Frar 2012 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Konvenzjoni ta’ Aarhus — Direttiva 2003/4/KE — Aċċess għal tagħrif ambjentali — Korpi jew istituzzjonijiet li jaġixxu f’kapaċità leġiżlattiva — Kunfidenzjalità tal-proċeduri tal-awtoritajiet pubbliċi — Kundizzjoni li din il-kunfidenzjalità għandha tkun prevista mil-liġi”

Fil-Kawża C-204/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ April 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Ġunju 2009, fil-proċedura

Flachglas Torgau GmbH

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn M. V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot (Relatur), J. Malenovský u U. Lõhmus, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, M. Ilešič, E. Levits, A. Ó Caoimh, L. Bay Larsen u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Settembru 2010, wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Flachglas Torgau GmbH, minn S. Altenschmidt u M. Langner, avukat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u T. Henze, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Oliver u B. Schima, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Ġunju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għad-deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Flachglas Torgau GmbH (iktar ’il quddiem “Flachglas Torgau”) u l-Bundesrepublik Deutschland dwar iċ-ċaħda, min-naħa ta’ din tal-aħħar, tat-talba tagħha għal aċċess għal informazzjoni fuq il-liġi dwar l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra għall-perijodu 2005 sa 2007 (Gesetz über den nationalen Zuteilungsplan für Treibhausgas Emissionsberechtigungen in der Zuteilungsperiode 2005 bis 2007, iktar ’il quddiem iz-“Zuteilungsgesetz 2007”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Il-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, ġiet iffirmata fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, p. 17, iktar ‘il quddiem il-Konvenzjoni ta’ Århus”).

4

L-Artikolu 2(2) ta’ din il-konvenzjoni jiddefinixxi l-kunċett ta’ “awtorità pubblika” kif ġej:

“L-espressjoni ‘awtorità pubblika’ tirreferi għal:

a)

Gvern f’livell nazzjonali, reġjonali jew f’livell ieħor;

b)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jeżerċitaw, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali, funzjonijiet amministrattivi pubbliċi, inklużi kompiti, attivitajiet jew servizzi partikolari li jirrigwardaw l-ambjent;

[...]

Din id-definizzjoni ma tinkorporax il-korpi jew istituzzjonijiet li jaġixxu f’kapaċità ġudizzjarja jew leġiżlattiva” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

5

L-Artikolu 4(1) ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi li, taħt ċertu numru ta’ riżervi u kundizzjonijiet, kull parti għandha tagħmel mezz li l-awtoritajiet pubbliċi jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, it-tagħrif dwar l-ambjent mitlub lilhom.

6

L-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Århus jippreċiża:

“Talba għal tagħrif dwar l-ambjentali tista’ tiġi miċħuda fil-każ fejn l-iżvelar ta’ dik l-informazzjoni jkollu effett ħażin fuq:

a)

il-kunfidenzjalità tal-proċeduri tal-awtoritajiet pubbliċi meta din il-kunfidenzjalità tkun prevista skont id-dritt nazzjonali;

[...]

Ir-raġunijiet għar-rifjut imsemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv fid-dawl tal-interess li l-iżvelar tat-tagħrif mitlub jista’ jkollu għall-pubbliku u skont jekk dan it-tagħrif ikunx jirrigwarda l-emissjonijiet fl-ambjent jew le” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

7

L-Artikolu 8 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Parteċipazzjoni pubblika waqt it-tħejjija ta’ regolamenti eżekuttivi u/jew ta’ strumenti normattivi vinkolanti ta’ applikazzjoni ġenerali” jipprovdi:

“Kull parti għandha tagħmel ħilitha biex tippromwovi l-parteċipazzjoni effettiva tal-pubbliku fi stadju xieraq, u sakemm ikun għad hemm il-possibbiltà tal-għażla, waqt it-tħejjija mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ regolamenti eżekuttivi u ta’ regoli legalment vinkolanti oħra ta’ applikazzjoni ġenerali u li jistgħu jkollhom effett sinjifikattiv fuq l-ambjent. [...]

[...]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

8

Id-dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea dwar ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/4, annessa mad-Deċiżjoni 2005/370 tipprovdi li:

“Fir-rigward ta’ l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, il-Komunità Ewropea tistieden lill-Partijiet għall-Konvenzjoni biex jieħdu nota ta’ l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 6 tad-Direttiva [2003/4]. Dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-Istati Membri tal-Komunità Ewropea l-possibbilità, f’każijiet eċċezzjonali u taħt kondizzjonijiet strettament speċifiċi, li jeskludu ċerti istituzzjonijiet u korpi mir-regoli dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar talbiet għall-informazzjoni.

Għaldaqstant ir-ratifika mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus tinkludi kwalunkwe riserva minn Stat Membru tal-Komunità Ewropea safejn tali riserva hi kumpatibbli ma’ l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 6 tad-Direttiva [2003/4].”

Id-dritt tal-Unjoni

9

Il-premessi 1, 5, 11 u 16 tad-Direttiva 2003/4 jipprovdu li:

“1)

L-aċċess pubbliku miżjud għat-tagħrif ambjentali u t-tixrid ta’ dan it-tagħrif jikkontribwixxu għal konoxxenza ikbar dwar il-materji ambjentali, skambju ħieles tal-veduti, parteċipazzjoni iktar effettiva mill-pubbliku fit-tiswir tad-deċiżjonijie u, eventwalment, ambjent aħjar.

[...]

5)

[...] Id-disposizzjonijiet tal-liġijiet Komunitarji jridu jkunu konsistenti ma’ [l-Konvenzjoni ta’ Aarhus] bil-ħsieb tal-konklużjoni tagħha mill-Komunità Ewropea.

[...]

11)

Sabiex jitqies il-prinċipju fl-Artikolu 6 tat-Trattat, illi l-ħtiġiet tal-protezzjoni ta’ l-ambjent għandhom jiġu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet Komunitarji, id-definizzjoni ta’ l-awtoritajiet pubbliċi għandha tiġi mwessgħa sabiex tkopri l-amministrazzjoni governattiva jew amministrazzjonijiet oħra pubbliċi fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali sewwa jekk ikollhom responsabbiltajiet speċifiċi rigward l-ambjent u sewwa jekk le. Bl-istess mod id-definizzjoni għandha tiġi mwessgħa sabiex tinkludi persuni jew korpi oħra li jwettqu l-funzjonijiet ta’ amministrazzjonijiet pubbliċi fejn għandu x’jaqsam l-ambjent skond il-liġijiet nazzjonali, kif ukoll persuni jew korpi oħra li jaġixxu taħt il-kontroll tagħhom u li jkollhom responsabbilitajiet jew funzjonijiet pubbliċi fejn jidħol l-ambjent.

[...]

16)

Id-dritt għat-tagħrif ifisser illi l-iżvelar tat-tagħrif għandu jkun ir-regola ġenerali u li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jitħallew li jirrifjutaw talba għat-tagħrif dwar l-ambjent f’każijiet speċifiċi u ddefiniti biċ-ċar. Ir-raġunijiet għal rifjut għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, li bih, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar għandu jiġi ppeżat kontra l-interess moqdi bir-rifjut. [...]”

10

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi “Il-miri” tagħha kif ġej:

“Il-miri ta’ din id-Direttiva huma:

(a)

li jiġi ggarantit id-dritt għall-aċċess tat-tagħrif dwar l-ambjent li jkun għand l-awtoritajiet pubbliċi jew miżmum għalihom, u li jiġu ddikjarati t-termini u l-kondizzjonijiert bażiċi ta’ l-eżerċizzju tiegħu u l-arranġamenti prattiċi għalih; u

(b)

li jiġi żgurat illi, bħala ħaġa naturali, it-tagħrif dwar l-ambjent jiġi magħmul disponibbli u jixxerred b’mod progressiv fost il-pubbliku sabiex jinkisbu id-disponibbiltà u t-tixrid l-iktar wiesa’ possibbli tat-tagħrif dwar l-ambjent fost il-pubbliku. Għal dan il-fini, għandhom jiġu promossi b’mod partikolari l-użu tat-telekomunikazzjoni bil-kompjuter u/jew tat-teknoloġija eletronika, meta disponibbli.”

11

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/4 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “Tagħrif dwar l-ambjent” fis-sens ta’ din id-direttiva kif ġej:

“‘Tagħrif dwar l-ambjent’ għandu jfisser kull tagħrif fil-għamla miktuba, li jidher, li jinsama’, bl-elettronika jew ta’ kull materjal ieħor dwar:

(a)

l-istat ta’ l-elementi ta’ l-ambjent, bħalma huma l-arja u l-atmosfera, l-ilma, il-ħamrija, il-pajżaġġ u s-siti naturli inklużi l-artijiet mistagħdra, iż-żoni kostali u marini, id-diversità bijoloġika u l-komponenti tagħha, inklużi l-organiżmi mmodifikati ġenetikament, u l-interazzjoni fost dawn l-elementi;

(b)

il-fatturi, bħalma juma s-sustanzi, l-enerġija, il-ħsejjes, ir-radjazzjoni jew l-iskart, inklużi l-iskart radjoattiv, l-emissjonijiet, l-iskarigi u ħruġ ieħor fl-ambjent, li jaffettwaw jew x’aktarx jaffettwaw l-elementi ta’ l-ambjent riferiti fil-(a);

(ċ)

il-miżuri (inklużi l-miżuri amministrattivi), bħalma huma l-politiki, il-leġislazzjoni, il-pjani, il-programmi, il-ftehimijiet ambjentali, u l-attivitajiet li jaffettwaw jew x’aktarx li jaffettwaw l-elementi u l-fatturi riferiti fil-(a) u fil-(b) kif ukoll il-miżuri jew l-attivitajiet iddisinjati għalbiex jipproteġu dawn l-elementi;

(d)

ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni ta’ leġislazzjoni dwar l-ambjent;

(e)

il-benefiċċju taħt il-profil ta’ ġestjoni u spejjeż u l-analiżijiet u l-ipotesijiet l-oħra ekonomiċi wżati ġewwa l-qafas tal-miżuri u l-attivitajiet riferiti fiċ-(ċ); u

(f)

l-istat tas-saħħa u tas-sigurtà pubblika, inklużi t-tniġġiż tal-katina ta’ l-ikel, meta rilevanti, il-kondizzjonijiet tal-ħajja umana, is-siti kulturali u l-istrutturi mibnija daqskemm jistgħu jaffettwaw jew jiġu affettwati mill-istat ta’ l-elementi ta’ l-ambjent riferiti fil-(a) jew, permezz ta’ dawn l-elementi, minn kull materja riferita fil-(b) u ċ-(ċ)”.

12

L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “Awtorita pubblika” kif ġej:

“‘Awtorita pubblika’ għandha tfisser:

a)

l-amministrazzjoni governattiva jew amministrazzjoni oħra pubblika, inklużi l-korpi pubbliċi konsultattivi fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali;

[...]

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi din id-definizzjoni ma għandhiex tinkludi korpi jew istituzzjonijiet meta jaġixxu f’kapaċità ġudizzjali [ġudizzjarja] jew leġislattiva. Jekk id-disposizzjonijiet kostituzzjonali tagħhom fid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva ma jagħmlu l-ebda disposizzjoni għall-proċedura tar-rivista fit-tifsira ta’ l-Artikolu 6, l-Istati Membri jistgħu jeskludu dawn il-korpi jew istituzzjonijiet minn din id-definizzjoni”.

13

L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet pubbliċi huma meħtieġa li jagħmlu disponibbli t-tagħrif dwar l-ambjent li jkun għandhom jew miżmum għalihom lil kull applikant fuq it-talba tiegħu u mingħajr ma jkollu għalfejn jiddikjara l-interess tiegħu.”

14

Wara l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4, li jippermetti lill-Istati Membri li jiċħdu talba għal tagħrif dwar l-ambjent f’ċerti każijiet, l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva joffri wkoll din il-fakultà lill-Istati Membri skont it-termini li ġejjin:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li tiġi rrifjutata talba għal tagħrif dwar l-ambjent jekk l-iżvelar tat-tagħrif jaffettwa b’mod negattiv:

(a)

il-kunfidenzjalità tal-proċedimenti ta’ l-awtoritajiet pubbliċi, meta din il-kunfidenzjalità tkun ipprovvduta bil-liġi;

[...]

Ir-raġunijiet għar-rifjut imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu interpretati f’manjiera restrittiva, filwaqt li jitqies għall-każ partikolari l-interess pubbliku moqdi b’dan l-iżvelar. F’kull każ partikolari, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar għandu jiġi miżun kontra l-interess moqdi bir-rifjut. Bis-saħħa tal-paragrafu 2(a), (d), (f), (g) u (h), l-Istati Membri ma jistgħux jipprovdu li tiġi rrifjutata talba meta t-talba jkollha x’taqsam ma’ tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent.

[...]”

15

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/4 intitolat “L-aċċess għall-ġustizzja” jimponi fuq l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex kull applikant għal tagħrif dwar l-ambjent, li jikkunsidra li t-talba tiegħu ġiet injorata, irrifjutata b’mod ħażin, ma kinitx meħuda inkunsiderazzjoni biżżejjed jew ma kinitx ittrattata, ikun jista’ jibda azzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja kontra l-atti jew l-ommissjonijiet tal-awtorità pubblika kkonċernata.

Id-dritt nazzjonali

16

Il-liġi dwar it-tagħrif ambjentali (Umweltinformationsgesetz), tat-22 ta’ Diċembru 2004 (BGBl. 2004 I, p. 3704), ittrasponiet id-Direttiva 2003/4 fid-dritt Ġermaniż.

17

L-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi jipprovdi li:

“L-awtoritajiet meħtieġa li jipprovdu tagħrif huma:

1.   Il-gvern u l-awtoritjiet pubbliċi l-oħra [...]. Ma jagħmlux parti mill-awtoritajiet pubbliċi meħtieġa li jipprovdu tagħrif

a)

l-ogħla awtoritajiet federali, meta dawn jaġixxu fil-kuntest ta’ proċess leġiżlattiv jew meta jkunu qed joħorġu strumenti legali [...]”

18

Fir-rigward tal-eċċezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-proċeduri l-Artikolu 8(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi li:

“Meta l-iżvelar ta’ tagħrif ikollu effett negattiv fuq

[...]

2.

il-kunfidenzjalità tal-proċeduri tal-awtoritajiet li huma meħtieġa li jipprovdu tagħrif skont l-Artikolu 2(1),

[...]

it-talba għandha tiġi miċħuda sakemm ma jkunx hemm interess pubbliku ta’ importanza ikbar li jiġġustifika dan l-iżvelar [...]”

19

Il-liġi dwar il-proċedura amministrattiva mhux kontenzjuża (Verwaltungsverfahrensgesetz), tat-23 ta’ Jannar 2003 (BGBl. 2003 I, p. 102) tipprovdi, fl-Artikolu 28(1) tagħha:

“Qabel ma tiġi adottata miżura amministrattiva li taffettwa d-drittijiet ta’ xi parti, dik il-persuna għandha tingħata l-opportunità li tgħid x’inhi l-pożizzjoni tagħha f’dak li jirrigwarda l-fatti rilevanti għad-deċiżjoni.”

20

L-Artikolu 29 ta’ din il-liġi jippreċiża:

“(1)   Awtorità amministrattiva għandha tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jikkonsultaw il-fajls li jirrigwardaw il-proċedura inkwistjoni, sa fejn it-tagħrif li jinsab f’dawk il-fajls huwa neċessarju biex jiġu mħarsa jew issalvagwardjati l-interessi legali tagħhom. Sakemm tiġi fi tmiemha l-proċedura amministrattiva, l-ewwel sentenza ma tapplikax għal deċiżjonijiet li jkunu għadhom fil-forma ta’ abbozz, u lanqas għal xogħol direttament konness mal-abbozzar tagħhom. [...]

(2)   Filwaqt li għandha b’mod partikolari tieħu kont tal-interessi leġittimi tal-partijiet involuti jew ta’ terzi, awtorità amministrattiva ma hijiex obbligata tippermetti li jiġu kkonsultati l-fajls jekk dan ikun jaffettwa l-qadi normali ta’ dmirijietha jew jekk l-iżvelar tal-kontenut tal-fajls ikun jolqot ħażin lill-Federazzjoni jew lil xi Land, jew meta l-fatti jkollhom jinżammu sigrieti bis-saħħa ta’ xi liġi jew minħabba n-natura tagħhom.

[...]”

21

L-Artikolu 68(1) ta’ din il-liġi, dwar il-proċedura orali quddiem awtorità amministrattiva fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva, jipprovdi li:

“Is-seduti amministrattivi ma humiex pubbliċi. Rappreżentanti tal-awtoritajiet ta’ kontroll u persuni impejgati mal-awtorità jistgħu jipparteċipaw għall-finijiet ta’ taħriġ. Il-president tas-seduta jista’ jawtorizza l-preżenza ta’ persuni oħrajn sakemm ma jkunx hemm xi parti li toġġezzjona għal dan.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22

Flachglas Torgau tixtieq tikseb informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet li taħthom l-Umweltbundesamt (Aġenzija federali għall-ambjent), li hija l-awtorità responsabbli għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, adottat deċiżjonijiet ta’ allokazzjoni tal-imsemmija kwoti matul is-snin 2005 sa 2007.

23

Għal dan il-għan Flachglas Torgau talbet lil Bundesministerium für Umwelt, Naturschutz und Reaktorsicherheit (Ministeru Federali għall-Ambjent, għall-Protezzjoni tan-Natura u għas-Sigurtà Nukleari, iktar ’il quddiem il-“Bundesministerium für Umwelt”) sabiex jagħtiha informazzjoni kemm dwar il-proċess leġiżlattiv li fil-kuntest tiegħu ġiet adottata z-Zuteilungsgesetz 2007, kif ukoll dwar l-implementazzjoni ta’ din il-liġi. Hija talbet, b’mod partikolari, aċċess għal noti interni u kummenti bil-miktub ta’ dan il-ministeru kif ukoll dokumenti mill-korrispondenza, inkluża korrispondenza elettronika, skambjata bejnu u l-Umweltbundesamt.

24

Il-Bundesministerium für Umwelt irrifjuta din it-talba peress li qies, minn naħa, fir-rigward l-informazzjoni dwar il-proċess leġiżlattiv, li kien eżentat mill-obbligu li jikkomunika din l-informazzjoni minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu f’dan il-proċess u, min-naħa l-oħra, għall-informazzjoni dwar l-implementazzjoni taz-Zuteilungsgesetz 2007, li din kienet koperta bil-kunfidenzjalità tal-proċeduri tal-awtoritajiet pubbliċi.

25

Il-Verwaltungsgericht Berlin laqgħet parti mir-rikors ippreżentat minn Flachglas Torgau kontra din id-deċiżjoni ta’ rifjut. Fl-appell ippreżentat quddiemha, l-Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg qieset li l-Bundesministerium für Umwelt kien ġustament invoka l-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċess leġiżlattiv iżda li ma setax jinvoka l-kunfidenzjalità tal-proċeduri bħala raġuni għaliex irrifjuta li jikkomunika l-informazzjoni mitluba mingħajr ma jesponi fid-dettall ir-raġunijiet għaliex l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jkollha effett negattiv.

26

Kemm Flachglas Torgau kif ukoll il-Bundesministerium für Umwelt ippreżentaw appell fuq punt ta’ liġi minn din id-deċiżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht, li fil-kuntest tiegħu din l-impriża ssostni li d-deċiżjoni ta’ rifjut ikkontestat tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Hija ssostni, b’mod partikolari, li d-dritt tal-Unjoni ma jippermettix lil-leġiżlatur nazzjonali li jeżenta lill-ministeri, li jaġixxu fil-kuntest tal-proċess leġiżlattiv, mill-obbligu li jipprovdu tagħrif dwar l-ambjent u li, fi kwalunkwe każ, din id-deroga għandha tintemm wara l-promulgazzjoni tal-liġi inkwistjoni.

27

Barra minn hekk, Flachglas Torgau tikkunsidra li l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-proċeduri tal-awtoritajiet pubbliċi ma setgħetx tiġi invokata mill-Bundesministerium für Umwelt peress li d-dritt tal-Unjoni jimponi li tali protezzjoni tkun prevista espressament minn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali speċifika, distinta mil-liġijiet ġenerali li jirrigwardaw it-tagħrif dwar l-ambjent.

28

F’dan ir-rigward, il-Bundesverwaltungsgericht tqis li jekk tali obbligu effettivament jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi ddeterminat jekk prinċipju ġenerali tad-dritt mhux miktub, li jipprovdi li l-proċeduri amministrattivi tal-awtoritajiet pubbliċi ma humiex pubbliċi, kif provdut fid-dritt nazzjonali, jippermettix li jiġi osservat dan l-obbligu.

29

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

a)

[L-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu] tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva [2003/4] għandha tiġi interpretata fis-sens li huma biss il-korpi u l-istituzzjonijiet li, skont id-dritt nazzjonali, jadottaw id-deċiżjoni finali (vinkolanti) fil-kuntest tal-proċedura leġislattiva li jaġixxu f’kapaċità leġiżlattiva, jew fis-sens li anki l-korpi u l-istituzzjonijiet li d-dritt nazzjonali jagħtihom kompetenzi u drittijiet ta’ parteċipazzjoni fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva li jippermettulhom, b’mod partikolari, jippreżentaw abbozzi ta’ liġi u li jagħtu opinjonijiet fuq tali abbozzi, jaġixxu f’din il-kapaċità?

b)

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-kunċett ta’ awtorità pubblika jeskludi l-korpi u l-istituzzjonijiet li jaġixxu f’kapaċità ġudizzjarja u leġiżlattiva biss jekk, fid-data tal-adozzjoni tad-Direttiva [2003/4], id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali tagħhom ma jipprovdux għal proċeduri ta’ rikors [proċeduri ta’ eżami mill-ġdid] fis-sens tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva?

c)

Il-korpi u l-istituzzjonijiet li jaġixxu f’kapaċità leġiżlattiva huma esklużi mill-kamp tad-definizzjoni tal-awtorità pubblika biss matul l-iżvolġiment tal-proċedura leġiżlattiva?

2)

a)

Il-kunfidenzjalità tal-proċedimenti, fis-sens tal-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva [2003/4], tkun stabbilita fil-liġi meta d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati għat-traspożizzjoni tad-Direttiva [2003/4] jipprovdu, b’mod ġenerali, li t-talba għal aċċess għal informazzjoni ambjentali għandha tiġi miċħuda meta l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni tippreġudika l-kunfidenzjalità tal-proċedimenti tal-amministrazzjonijiet pubbliċi suġġetti għall-obbligu ta’ informazzjoni, jew inkella hija meħtieġa dispożizzjoni legali speċifika li timponi l-kunfidenzjalità tal-proċedimenti?

b)

Il-kunfidenzjalità tal-proċedimenti, fis-sens tal-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunill 90/313/KEE, tkun stabbilita fil-liġi meta, minħabba prinċipju ġenerali tad-dritt nazzjonali, il-proċeduri amministrattivi tal-awtoritajiet pubbliċi ma jkunux pubbliċi?”

Fuq id-domandi preliminari

30

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta aderixxiet mal-Konvenzjoni ta’ Århus, l-Unjoni ntrabtet li tiżgura, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, aċċess fil-prinċipju għat-tagħrif dwar l-ambjent miżmum mill-awtoritajiet pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Ville de Lyon, C-524/09, Ġabra p. I-14115, punt 35).

31

Permezz tal-adozzjoni tad-Direttiva 2003/4, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura l-kompatibbiltà tad-dritt tal-Unjoni mal-Konvenzjoni ta’ Århus bl-għan tal-konklużjoni tagħha mill-Komunità billi pprovda għal sistema ġenerali li biha jiġi żgurat li kull persuna fiżika jew ġuridika ta’ Stat Membru jkollha dritt għall-aċċess għat-tagħrif dwar l-ambjent miżmum mill-awtoritajiet pubbliċi jew miżmum għalihom mingħajr ma din il-persuna jkollha għalfejn tiddikjara interess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ville de Lyon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

32

Għandu wkoll jiġi enfasizzat li d-dritt għal aċċess ggarantit mid-Direttiva 2003/4 japplika sakemm it-tagħrif mitlub jissodisfa r-rekwiżiti dwar l-aċċess pubbliku previsti minn din id-direttiva, u dan jissoponi b’mod partikolari, li dan it-tagħrif jikkostitwixxi “tagħrif dwar l-ambjent” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva, u dan huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika dan għal dak li jikkonċerna l-kawża prinċipali.

Fuq il-punti (a) u (b) tal-ewwel domanda

33

Permezz tal-punti (a) u (b) tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li d-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri minn din id-dispożizzjoni sabiex ma jikkunsidrawx bħala awtoritajiet pubbliċi l-“korpi jew istituzzjonijiet li jaġixxu f’kapaċità [...] leġiżlattiva” tistax tapplika għall-ministeri sa fejn huma jipparteċipaw għall-proċess leġiżlattiv, b’mod partikolari, billi jippreżentaw abbozzi ta’ liġi jew jagħtu opinjonijiet u jekk din id-diskrezzjoni hijiex, barra minn hekk, suġġetta għall-kundizzjonijiet imsemmija fit-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva.

34

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali trażmessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li din id-domanda tirreferi biss għall-proċedura leġiżlattiva fiha nnifisha u mhux għal dik li twassal għall-adozzjoni ta’ norma li hija ta’ livell inferjuri minn liġi.

35

Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument ta’ Flachglas Torgau li huwa bbażat fuq id-dokument ippubblikat fl-2000 mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti intitolat “Gwida ta’ implementazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Århus”. F’dan ir-rigward, Flachglas Torgau tirreferi għall-preċiżazzjonijiet inklużi f’dan id-dokument li jipprovdu li “[m]inħabba li l-attivitajiet tal-awtoritajiet pubbliċi f’dak li jirrigwarda l-abbozzar ta’ regolamenti, liġijiet u atti normattivi [huma] espliċitament koperti [mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta’ Århus], hija ħaġa loġika li wieħed jasal għall-konklużjoni li l-Konvenzjoni [ta’ Århus] ma tqisx dawn l-attivitajiet bħala attivitajiet ‘f’kapaċità leġiżlattiva’. Għalhekk, l-awtoritajiet tal-eżekuttiv li jkunu involuti f’dawn l-attivitajiet huma awtoritajiet pubbliċi skont il-Konvenzjoni [ta’ Århus]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

36

Minbarra l-fatt li dan id-dokument ma jistax jagħti interpretazzjoni vinkolanti tal-Konvenzjoni ta’ Århus, l-Artikolu 8 ta’ din il-konvenzjoni, li huwa jirreferi għalih, fi kwalunkwe każ, ma jsemmix espliċitament il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi fl-abbozzar tal-“liġijiet” b’tali mod li, għaldaqstant, interpretazzjoni bħal dik adottata mid-dokument ma tistax tiġi konkluża mill-kliem tal-konvenzjoni.

37

Skont ġurisprudenza stabbilita, kemm mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi stabbilit is-sens u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha li għandha tiġi stabbilita fid-dawl tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Monsanto Agricoltura Italia et, C-236/01, Ġabra p. I-8105, punt 72).

38

Barra minn hekk, l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4, li tippermetti lill-Istati Membri jidderogaw mis-sistema ġenerali prevista minn din id-direttiva, ma tistax tiġi interpretata b’mod li testendi l-effetti tagħha lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiżgura l-protezzjoni tal-interessi li hija tfittex li tiggarantixxi u l-portata tad-derogi previsti għandha tiġi ddeterminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tal-imsemmija direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1998, Mecklenburg, C-321/96, Ġabra p. I-3809, punt 25).

39

Fir-rigward tal-għanijiet tad-Direttiva 2003/4 l-Artikolu 1 tagħha jippreċiża, b’mod partikolari, li hija tfittex li tiggarantixxi d-dritt ta’ aċċess għat-tagħrif dwar l-ambjent miżmum mill-awtoritajiet pubbliċi u li dan it-tagħrif isir awtomatikament disponibbli għall-pubbliku b’mod progressiv.

40

Kemm mill-Konvenzjoni ta’ Århus innifisha kif ukoll mid-Direttiva 2003/4, li għandha l-għan li timplementa din il-konvenzjoni fid-dritt tal-Unjoni, jirriżulta li billi jsemmu l-“awtoritajiet pubbliċi” l-awturi tagħhom riedu jirreferu għall-awtoritajiet amministrattivi peress li, fi ħdan tal-Istati, huma dawn li s-soltu huma meħtieġa jżommu t-tagħrif dwar l-ambjent fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

41

Barra minn hekk, fl-Artikolu 2(2) tagħha, il-Konvenzjoni ta’ Århus tipprovdi espressament li l-espressjoni “awtoritajiet pubbliċi” użata minnha, “ma tinkorporax il-korpi jew istituzzjonijiet li jaġixxu f’kapaċità ġudizzjarja jew leġiżlattiva”, u dan mingħajr ebda restrizzjoni.

42

Skont din id-dispożizzjoni, l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4, min-naħa tagħha, tawtorizza espressament li l-Istati Membri jeskludu mill-kamp tal-awtoritajiet pubbliċi l-korpi jew istituzzjonijiet li jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja jew leġiżlattiva.

43

L-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4 għandha l-għan li tippermetti lill-Istati Membri jiffissaw ir-regoli li huma xierqa sabiex jiżguraw li l-proċedura ta’ adozzjoni tal-liġijiet tiżvolġi sew billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fid-diversi Stati Membri, l-għoti tal-informazzjoni liċ-ċittadin huwa normalment żgurat biżżejjed fil-kuntest tal-proċess leġiżlattiv.

44

F’dan ir-rigward jista’ jiġi rrilevat, barra minn hekk, li l-leġiżlatur tal-Unjoni jieħu inkunsiderazzjoni n-natura speċifika tal-korpi leġiżlattivi u ġudizzjarji tal-Istati Membri. Huwa għalhekk, pereżempju, li fil-kuntest tad-diversi regoli dwar l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), teskludi mill-obbligu ta’ evalwazzjoni fid-dettall tal-proġetti adottati permezz ta’ att speċifiku ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, meta l-għanijiet ta’ din id-direttiva, inkluż dak li tagħmel disponibbli l-informazzjoni, jinkisbu permezz tal-proċess leġiżlattiv (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Boxus et, C-128/09 sa C-131/09, C-134/09 u C-135/09, Ġabra p. I-9711, punt 36).

45

Huwa minnu li, bħalma tirrileva l-qorti tar-rinviju, it-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4 tipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jeskludu dawn il-korpi u istituzzjonijiet jekk, fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-direttiva, id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali tagħhom ma jipprevedux proċeduri ta’ eżami mill-ġdid fis-sens tal-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva.

46

Madankollu, din id-dispożizzjoni kienet intiża sabiex tirregola l-każ partikolari ta’ ċerti awtoritajiet nazzjonali u, b’mod partikolari, ta’ awtoritajiet li jaġixxu fil-kapaċità amministrattiva, li d-deċiżjonijiet tagħhom, fid-data tal-adozzjoni tad-Direttiva 2003/4 ma setgħux, skont id-dritt nazzjonali fis-seħħ f’ċerti Stati Membri, ikunu suġġetti għal eżami mill-ġdid skont ir-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni.

47

Din l-interpretazzjoni hija kkorraborata mid-dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea dwar ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/4.

48

Għaldaqstant, l-imsemmija dispożizzjoni la għandha l-għan u lanqas l-effett li tillimita d-diskrezzjoni tal-Istati Membri li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva l-korpi jew l-istituzzjonijiet li jaġixxu fil-kapaċità leġiżlattiva li, barra minn hekk, hija prevista mingħajr ebda restrizzjoni mill-Konvenzjoni ta’ Århus innifisha.

49

Għalhekk, dawn il-kunsiderazzjonijiet iwasslu għal interpretazzjoni funzjonali tal-kunċett ta’ “korpi jew istituzzjonijiet li jaġixxu fil-kapaċità [...] leġiżlattiva” li tipprovdi li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala jaqgħu taħt din id-definizzjoni, fis-sens u għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/4, il-ministeri li, skont id-dritt nazzjonali huma responsabbli għat-tħejjija tal-abbozzi ta’ liġi, li jippreżentawhom lill-Parlament u li jipparteċipaw fil-proċess leġiżlattiv, b’mod partikolari, li jagħtu opinjonijiet.

50

Dan l-approċċ funzjonali huwa iktar iġġustifikat minħabba li l-proċessi leġiżlattivi jistgħu jvarjaw b’mod sinjifikanti skont l-Istati Membri u li għaldaqstant huwa meħtieġ li tingħata interpretazzjoni li tiżgura applikazzjoni uniformi tad-Direttiva 2003/4 f’dawn l-Istati Membri.

51

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-punti (a) u (b) tal-ewwel domanda għandha għaldaqstant tkun li l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4 għandha tiġi interpretata fis-sens li d-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri minn din id-dispożizzjoni sabiex ma jikkunsidrawx bħala awtoritajiet pubbliċi l-“korpi jew istituzzjonijiet li jaġixxu f’kapaċità [...] leġiżlattiva” tista’ tapplika għall-ministeri sa fejn huma jipparteċipaw għall-proċess leġiżlattiv, b’mod partikolari, billi jippreżentaw abbozzi ta’ liġi jew jagħtu opinjonijiet u li din id-diskrezzjoni ma hijiex suġġetta għall-kundizzjonijiet imsemmija fit-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva.

Fuq il-punt (c) tal-ewwel domanda

52

Permezz tal-punt (c) tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li d-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri minn din id-dispożizzjoni sabiex ma jikkunsidrawx bħala awtoritajiet pubbliċi l-korpi jew istituzzjonijiet li jaġixxu f’kapaċità leġiżlattiva ma tistax iktar tiġi eżerċitata meta l-proċess leġiżlattiv inkwistjoni jkun intemm.

53

Għandu jiġi rrilevat li la d-Direttiva 2003/4 u lanqas il-Konvenzjoni ta’ Århus ma jagħtu indikazzjoni dwar dan il-punt.

54

Din id-domanda għandha tingħata risposta fid-dawl tal-għan tad-dispożizzjoni inkwistjoni li, kif ġie ppreċiżat fil-punt 43 tas-sentenza preżenti, huwa ġġustifikat mill-ħtieġa li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiżguraw li l-proċess leġiżlattiv jiżvolġi sew, kif previst mir-regoli kostituzzjonali nazzjonali.

55

Jekk it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ tagħrif dwar l-ambjent matul il-proċess leġiżlattiv, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/4, jista’ jkun tali li jostakola l-iżvolġiment tajjeb tiegħu, dan ma huwiex, fil-prinċipju, il-każ meta dan il-proċess ikun intemm. Barra minn hekk, id-dokumenti relatati ma’ dan il-proċess, b’mod partikolari, ir-rapporti parlamentari, huma ġeneralment aċċessibbli għall-pubbliku.

56

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm sabiex jinżamm l-effett utli tal-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4 għandha tiġi adottata interpretazzjoni wiesgħa tal-proċess leġiżlattiv, li tinkludi d-diversi stadji ta’ dan il-proċess sal-promulgazzjoni tal-liġi li tista’ tiġi adottata f’dan il-proċess, l-estensjoni tad-deroga għall-prinċipju, stabbilit fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, ta’ dritt ta’ aċċess għat-tagħrif dwar l-ambjent wara t-tmiem ta’ dan il-proċess ma tidhirx li hija ġġustifikata.

57

Dan huwa iktar il-każ peress li, bħalma l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punti 77 u 78 tal-konklużjonijiet tagħha, din il-limitazzjoni tal-possibbiltà ta’ deroga prevista fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4 għaż-żmien meta jkun għaddej il-proċess leġiżlattiv tapplika, mingħajr ħsara, għad-diskrezzjoni tal-istituzzjoni jew korp li pparteċipaw fih, li jirrifjutaw it-trażmissjoni ta’ tagħrif dwar l-ambjent għal motivi oħrajn u b’mod partikolari li jinvokaw, jekk ikun il-każ, waħda mill-eċċezzjonijiet provduti fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva.

58

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-punt (c) tal-ewwel domanda għandha tkun li l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4 għandha tiġi interpretata fis-sens li d-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri minn din id-dispożizzjoni sabiex ma jikkunsidrawx bħala awtoritajiet pubbliċi l-korpi jew istituzzjonijiet li jaġixxu f’kapaċità leġiżlattiva ma tistax iktar tiġi eżerċitata meta l-proċess leġiżlattiv inkwistjoni jkun intemm.

Fuq il-punti (a) u (b) tat-tieni domanda

59

Permezz tal-punti (a) u (b) tat-tieni domanda il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 2003/4 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni li l-kunfidenzjalità tal-proċeduri tal-awtoritajiet pubbliċi għandha tkun prevista mil-liġi, tista’ titqies li hija sodisfatta permezz tal-eżistenza, fid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, ta’ dispożizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprovdi, b’mod ġenerali, li l-kunfidenzjalità tal-proċeduri tal-awtoritajiet pubbliċi tikkostitwixxi raġuni għal rifjut ta’ aċċess għat-tagħrif dwar l-ambjent miżmum minn dawn l-awtoritajiet jew jekk din il-kundizzjoni timponix dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kunfidenzjalità ta’ dawn il-proċeduri. F’din l-ipoteżi tal-aħħar, il-qorti tar-rinviju titlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk prinċipju ġenerali tad-dritt, bħal dak li jeżisti fid-dritt Ġermaniż, li jipprovdi li l-proċeduri amministrattivi tal-awtoritajiet pubbliċi ma humiex pubbliċi, jissodisfax dawn ir-rekwiżiti.

60

Skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm huwa indispensabbli li s-sitwazzjoni legali li tirriżulta minn miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva tkun suffiċjentement preċiża u ċara sabiex tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-portata tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li skont il-kliem stess tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, l-Istati Membri jibbenefikaw mill-għażla ta’ forom u metodi ta’ implementazzjoni tad-direttivi li tippermetti li jiġi ggarantit l-aħjar riżultat li dawn tal-aħħar jixtiequ jilħqu u li minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li t-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ direttiva mhux neċessarjament teħtieġ azzjoni leġiżlattiva f’kull Stat Membru.

61

Madankollu, għalkemm huwa minnu li t-traspożizzjoni ta’ direttiva fid-dritt nazzjonali ma teħtieġx neċessarjament li d-dispożizzjoni tad-direttiva tkun riprodotta f’liġi espressa u speċifika, peress li l-kuntest legali ġenerali jista’ jkun suffiċjenti għall-implementazzjoni tagħha, skont il-kontenut tagħha (ara b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Mejju 1985, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 29/84, Ġabra p. 1661, punti 22 u 23; tad-9 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-217/97, Ġabra p. I-5087, punti 31 u 32, kif ukoll tas-26 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Franza, C-233/00, Ġabra p. I-6625, punt 76), għandu jiġi rrilevat li l-preċiżazzjoni pprovduta fl-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 2003/4, li tgħid li l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-proċeduri pubbliċi għandha tkun “ipprovduta bil-liġi”, kundizzjoni li tikkorrispondi għar-rekwiżit previst fl-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Århus, li jipprovdi li l-kunfidenzjalità tal-proċeduri għandha tkun “prevista skont id-dritt nazzjonali”, il-leġiżlatur tal-Unjoni evidentement ried li fid-dritt nazzjonali teżisti regola espliċita u li l-portata tagħha tkun iddeterminata b’mod eżatt u mhux biss kuntest legali ġenerali.

62

Min-naħa l-oħra, din il-preċiżazzjoni ma tistax tiġi interpretata bħala timponi li l-kundizzjonijiet kollha tal-invokazzjoni ta’ din ir-raġuni għal rifjut tal-aċċess għat-tagħrif dwar l-ambjent tiġi ddeterminata fid-dettall, peress li min-natura tagħhom stess, id-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu f’dan il-qasam jiddependu ħafna mill-kuntest konkret li fih huma adottati u jeħtieġu li n-natura tad-dokumenti inkwistjoni u l-istadju tal-proċedura amministrattiva li fih issir it-talba għal tagħrif jiġu evalwati (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punti 81 u 82).

63

Madankollu, jeħtieġ li l-awtoritajiet pubbliċi jkunu projbiti milli jiddeterminaw unilateralment iċ-ċirkustanzi li fihom il-kunfidenzjalità msemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 tista’ tiġi invokata, u dan jimplika b’mod partikolari, li d-dritt nazzjonali jistabbilixxi b’mod ċar il-portata tal-kunċett ta’ “proċeduri” tal-awtoritajiet pubbliċi msemmija f’din id-dispożizzjoni li jirreferu għall-istadji finali tal-proċess deċiżjonali tal-awtoritajiet pubbliċi.

64

Fl-aħħar nett, u fi kwalunkwe każ, ir-rekwiżit li l-kunfidenzjalità tal-proċeduri tal-awtoritajiet pubbliċi għandha tiġi pprovduta bil-liġi, japplika, mingħajr ħsara, għall-obbligi l-oħra imposti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4 u, b’mod partikolari, l-obbligu għall-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati li jibbilanċjaw l-interessi involuti f’kull każ partikolari (ara, f’dan ir-rigward is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Stichting Natuur en Milieu, C-266/09, Ġabra p. I-13119, punt 58).

65

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-punti (a) u (b) tat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 2003/4 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni li l-kunfidenzjalità tal-proċeduri tal-awtoritajiet pubbliċi għandha tkun prevista mil-liġi, tista’ titqies li hija sodisfatta permezz tal-eżistenza, fid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, ta’ regola li tipprovdi, b’mod ġenerali, li l-kunfidenzjalità tal-proċeduri tal-awtoritajiet pubbliċi tikkostitwixxi raġuni għal rifjut ta’ aċċess għat-tagħrif dwar l-ambjent miżmum minn dawn l-awtoritajiet, sakemm id-dritt nazzjonali jiddetermina b’mod ċar il-kunċett ta’ proċeduri, u dan huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tivverifikah.

Fuq l-ispejjeż

66

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunill 90/313/KEE, għandha tiġi interpretata fis-sens li d-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri minn din id-dispożizzjoni sabiex ma jikkunsidrawx bħala awtoritajiet pubbliċi l-“korpi jew istituzzjonijiet li jaġixxu f’kapaċità [...] leġiżlattiva” tista’ tapplika għall-ministeri sa fejn huma jipparteċipaw għall-proċess leġiżlattiv, b’mod partikolari, billi jippreżentaw abbozzi ta’ liġi jew jagħtu opinjonijiet u li din id-diskrezzjoni ma hijiex suġġetta għall-kundizzjonijiet imsemmija fit-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva.

 

2)

L-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/4 għandha tiġi interpretata fis-sens li d-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri minn din id-dispożizzjoni sabiex ma jikkunsidrawx bħala awtoritajiet pubbliċi l-korpi jew istituzzjonijiet li jaġixxu f’kapaċità leġiżlattiva ma tistax iktar tiġi eżerċitata meta l-proċess leġiżlattiv inkwistjoni jkun intemm.

 

3)

L-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 2003/4 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni li l-kunfidenzjalità tal-proċeduri tal-awtoritajiet pubbliċi għandha tkun prevista mil-liġi, tista’ titqies li hija sodisfatta permezz tal-eżistenza, fid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, ta’ regola li tipprovdi, b’mod ġenerali, li l-kunfidenzjalità tal-proċeduri tal-awtoritajiet pubbliċi tikkostitwixxi raġuni għal rifjut ta’ aċċess għat-tagħrif dwar l-ambjent miżmum minn dawn l-awtoritajiet, sakemm id-dritt nazzjonali jiddetermina b’mod ċar il-kunċett ta’ proċeduri, u dan huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tivverifikah.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.