Kawża C-118/09

Robert Koller

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberste Berufungs- und Disziplinarkommission)

“Kunċett ta’ ‘qorti nazzjonali’ fis-sens tal-Artikolu 234 KE — Rikonoxximent tad-diplomi — Direttiva 89/48/KEE — Avukat — Reġistrazzjoni fl-elenku tal-ordni ta’ professjoni ta’ Stat Membru differenti minn dak li fih id-diploma ġiet approvata”

Sommarju tas-sentenza

1.        Domandi preliminari — Rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja — Qorti nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 234 KE — Kunċett

(Artikolu 234 KE)

2.        Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Ħaddiema — Rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtjia mal-ikkompletar ta’ edukazzjoni u taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin — Direttiva 89/48 — Kunċett ta’ “diploma”

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/19; Direttiva tal-Kunsill 89/48)

3.        Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Ħaddiema — Rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtjia mal-ikkompletar ta’ edukazzjoni u taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin — Direttiva 89/48 — Aptitude test

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/19: Direttiva tal-Kunsill 89/48)

1.        Sabiex tiddetermina jekk organu ta’ rinviju għandux in-natura ta’ qorti jew tribunal skont l-Artikolu 234 KE, kwistjoni li taqa’ unikament taħt id-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ kriterji, bħal jekk l-organu huwiex stabbilit mil-liġi, jekk huwiex permanenti, jekk il-ġurisdizzjoni tiegħu hijiex ta’ natura obbligatorja, jekk il-proċeduri quddiemu humiex inter partes, jekk l-organu japplikax regoli tad-dritt, kif ukoll jekk huwiex indipendenti. F’dan ir-rigward, l-Oberste Berufungs- und Disziplinarkommission (il-bord superjuri dixxiplinari tal-avukati fl-Awstrija), li huwa paċifiku li l-ġurisdizzjoni tiegħu hija obbligatorja, jissodisfa l-elementi kollha neċessarji sabiex ikun jista’ jiġi kkassifikat bħala qorti fis-sens tal-Artikolu 234 KE.

(ara l-punti 22, 23)

2.        Sabiex jingħata aċċess, bil-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tgħaddi mill-aptitude test, għall-professjoni rregolata ta’ avukat fl-Istat Membru ospitanti, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/48, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-ikkompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin, kif emendata bid-Direttiva 2001/19, jistgħu jiġu invokati mit-titolari ta’ titolu mogħti f’dan l-Istat Membru wara kors postsekondarju ta’ iktar minn tliet snin, kif ukoll ta’ titolu ekwivalenti mogħti fi Stat Membru ieħor wara taħriġ komplementari ta’ inqas minn tliet snin u li jawtorizzah jaċċedi, f’dan l-aħħar Stat, għall-professjoni rregolata ta’ avukat li huwa kien effettivament jeżerċita hemmhekk fid-data meta talab li jiġi awtorizzat li jagħmel l-aptitude test.

Għalhekk, tali persuna hija fil-fatt titolari ta’ “diploma” fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48 emendata. B’mod partikolari, it-titolu miksub fl-Istat Membru l-ieħor li għandu l-imsemmi titolari juri l-kisba minn dan tal-aħħar ta’ kwalifika addizzjonali għal dik li kiseb fl-Istat Membru ospitanti. Għaldaqstant, għalkemm huwa minnu li titolu li juri kwalifiki professjonali ma jistax jiġi mqabbel ma’ “diploma” fis-sens tad-Direttiva 89/48 emendata mingħajr ma jiġu akkwistati, totalment jew parzjalment, kwalifiki fil-kuntest tas-sistema edukattiva tal-Istat Membru li jagħti dan it-titolu, dan ma huwiex il-każ għal dak li jirrigwarda t-titolu kkonċernat. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li dan it-titolu Spanjol ma jurix taħriġ professjonali ta’ tliet snin imwettaq fl-Istat Membru l-ieħor hija irrilevanti f’dan ir-rigward, peress li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1(a) tal-imsemmija direttiva ma jirrikjedix li l-kors postsekondarju ta’ mill-inqas tliet snin, jew ta’ tul ekwivalenti part-time, għandu jsir fi Stat Membru ieħor mill-Istat Membru ospitanti.

(ara l-punti 32, 36, u d-dispożittiv 1)

3.        Id-Direttiva 89/48, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-ikkompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin, kif emendata bid-Direttiva 2001/19, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti milli jirrifjutaw lit-titolari ta’ titolu mogħti f’dan l-Istat Membru wara kors postsekondarju ta’ iktar minn tliet snin, kif ukoll ta’ titolu ekwivalenti mogħti fi Stat Membru ieħor wara taħriġ komplementari ta’ inqas minn tliet snin u li jawtorizzah jaċċedi, f’dan l-aħħar Stat, għall-professjoni rregolata ta’ avukat li huwa kien effettivament jeżerċita hemmhekk, l-awtorizzazzjoni li jagħmel l-aptitude test għall-professjoni ta’ avukat fin-nuqqas ta’ prova li huwa wettaq l-istage ta’ prattika rikjest mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti.

(ara l-punti 36, 41 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

22 ta’ Diċembru 2010 (*)

“Kunċett ta’ ‘qorti nazzjonali’ fis-sens tal-Artikolu 234 KE – Rikonoxximent tad-diplomi – Direttiva 89/48/KEE – Avukat – Reġistrazzjoni fl-elenku tal-ordni ta’ professjoni ta’ Stat Membru differenti minn dak li fih id-diploma ġiet approvata”

Fil-Kawża C‑118/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Oberste Berufungs- und Disziplinarkommission (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ April 2009, fil-proċeduri mibdija minn

Robert Koller,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann u L. Bay Larsen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal R. Koller, minnu stess, avukat,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall-Gvern Grieg, minn E. Skandalou u S. Vodina, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn J. López-Medel Báscones, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn C. Hermes u H. Støvlbæk, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Ġunju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tittratta dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-ikkompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 2001/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Mejju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 138, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/48 emendata).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn R. Koller u r-Rechtsanwaltsprüfungskommission de l’Oberlandesgericht Graz (il-bord responsabbli mill-eżami ta’ aċċess għall-professjoni ta’ avukat tal-qorti reġjonali superjuri ta’ Graz) dwar ir-rifjut tal-president ta’ dan tal-aħħar li jawtorizzah jagħmel l-aptitude test għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat fl-Awstrija jew li jeżentah milli jagħmel dan l-aptitude test.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 1(a), (b) u (g) tad-Direttiva 89/48 emendata:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)      diploma: kull diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifiki formali jew kull sett ta’ dawn id-diplomi, ċertifikati jew provi oħrajn:

–      li ngħatat minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, maħtur skond il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-disposizzjonijiet amministrattivi proprji;

–      li juri li l-possessur temm b’suċċess kors post-sekondarju ta’ tul ta’ mill-anqas tliet snin, jew ta’ tul ekwivalenti part-time, f’università jew stabbiliment ta’ edukazzjoni għolja jew stabbiliment ieħor ta’ livell ekwivalenti, fejn xieraq, li hu temm b’suċċess it-taħriġ professjonali barra l-kors post-sekondarju, u

–      li turi li t-titolari jkollu l-kwalifiki professjonali meħtieġa għall-bidu jew it-twettiq ta’ professjoni regolata f’ dak l-Istat Membru,

sakemm l-edukazzjoni u t-taħriġ ivverifikati mid-diploma, iċ-ċertifikat jew provi oħrajn ta’ kwalifiki formali jkunu ġew irċevuti prinċipalment fil-Komunità […]

Dan li ġej għandu jiġi trattat bl-istess mod bħal diploma, fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu: kull diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifiki formali jew kull sett ta’ diplomi, ċertifikati jew provi oħrajn bħal dawn mogħtija minn awtorità kompetenti fi Stat Membru jekk din tkun ingħatat mal-ikkompletar b’ suċċess ta’ edukazzjoni u taħriġ irċevut fil-Komunità u rikonoxxut minn awtorità kompetenti f’ dak l-Istat Membru bħala ta’ livell ekwivalenti u jekk dan jagħti l-istess drittijiet fir-rigward tal-bidu u t-twettiq ta’ professjoni regolata f’dak l-Istat Membru;

(b)      Stat Membru ospitanti: Kull Stat Membru li fih ċittadin ta’ Stat Membru japplika sabiex iwettaq professjoni soġġetta għar-regolament f’ dak l-Istat Membru, ta’ xort’oħra mill-Istat li fih huwa akkwista d-diploma tiegħu jew beda għall-ewwel darba l-professjoni inkwistjoni;

[…]

(g)      aptitude test: test limitat għat-tagħrif professjonali ta’ l-applikant, magħmul mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ospitanti bl-iskop li tiġi stmata l-abilità ta’ l-applikant li jwettaq professjoni regolata f’ dak l-Istat Membru.

Sabiex jiġi permess li dan it-test jitwettaq, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ifasslu lista ta’ suġġetti li, abbażi ta’ paragun ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ meħtieġa fl-Istat Membru u dak irċevut mill-applikant, mhumiex koperti mid-diploma jew prova oħra ta’ kwalifiki formali posseduti mill-applikant.

L-aptitude test għandu jieħu kont tal-fatt li l-applikant huwa professjonist kwalifikat fl-Istat Membru ta’ l-oriġini jew fl-Istat Membru minn fejn ikun ġej. Għandu jkopri suġġetti li għandhom jintagħżlu minn dawk fuq il-lista, li t-tagħrif tagħhom huwa essenzjali sabiex ikun possibli li wieħed jeżerċita l-professjoni fl-Istat Membru ospitanti. It-test jista’ wkoll jinkludi t-tagħrif tar-regoli professjonali applikabbli għall-attivitajiet inkwistjoni fl-Istat Membru ospitanti. L-applikazzjoni dettaljata ta’ l-aptitude test għandha tiġi determinata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat b’ konsiderazzjoni xierqa għar-regoli tal-liġi Komunitarja.

[…]”

4        L-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 89/48 emendata jipprovdi:

“Meta, fi Stat Membru ospitanti, il-bidu jew it-twettiq ta’ professjoni regolata huwa soġġett għall-pussess ta’ diploma, l-awtorità kompetenti ma tistax, fuq il-bażi ta’ kwalifiki inadegwati, tirrifjuta li tawtorizza ċittadin ta’ Stat Membru milli jibda jew iwettaq dik il-professjoni bl-istess kondizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini proprji stess:

(a)      jekk l-applikant għandu d-diploma meħtieġa fi Stat Membru ieħor għall-bidu jew it-twettiq tal-professjoni inkwistjoni fit-territorju tiegħu, u din id-diploma tkun ingħatat fi Stat Membru […]”

5        L-Artikolu 4(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Minkejja l-Artikolu 3, l-Istat Membru ospitanti jista’ wkoll jitlob lill-applikant:

(a)      jipprovdi prova ta’ esperjenza professjonali, meta d-dewmien ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ meħud bħala sostenn għal din l-applikazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 3 (a) u (b), huwa mill-anqas sena inqas minn dak meħtieġ fl-Istat Membru ospitanti. […]

[…]

(b)      jikkompleta perjodu ta’ addattament li ma jaqbiżx it-tliet snin jew jieħu aptitude test:

–        meta l-kwistjonijiet koperti bl-edukazzjoni u t-taħriġ li huwa rċieva kif stabbilit fl-Artikolu 3(a) u (b), jvarjaw sostanzjalment minn dawk koperti mid-diploma meħtieġa fl-Istat Membru ospitanti, jew

–        meta, fil-każ imsemmi fl-Artikolu 3(a), il-professjoni regolata fl-Istat Membru ospitanti tikkomprendi attività professjonali waħda jew aktar li mhumiex fil-professjoni regolata fl-Istat Membru minn fejn joriġina jew ikun ġej l-applikant u dik id-differenza tikkorrispondi għall-edukazzjoni u t-taħriġ speċifiku meħtieġ fl-Istat Membru ospitanti u tkopri materji li jvarjaw sostanzjalment minn dawk koperti mid-diploma murija mill-applikant, jew

[…]

Jekk l-Istat Membru ospitanti għandu l-intenzjoni li jitlob li l-applikant iwettaq perjodu ta’ adattament jew jagħmel test għall-kapaċità, dan irid l-ewwel jeżamina jekk l-għarfien miksub mill-applikant matul l-esperjenza professjonali tiegħu hux tali li jkopri kompletament jew parzjalment id-differenza sostanzjali li hemm referenza għaliha fl-ewwel subparagrafu.

Jekk l-Istat Membru ospitanti juża din il-possibiltà, dan għandu jagħti lill-applikant id-dritt li jagħżel bejn il-perjodu ta’ addattament jew aptitude test. B’deroga minn dan il-prinċipju, għall-professjonijiet li l-prattika tagħhom titlob tagħrif preċiż tal-liġi nazzjonali u li fir-rigward tagħhom il-provvista ta’ pariri u/jew assistenza li tikkonċerna l-liġi nazzjonali hija aspett essenzjali u kostanti ta’ l-attività professjonali, l-Istat Membru ospitanti jista’ jistipula jew perjodu ta’ addattament jew aptitude test. […]

2.      Madanakollu, l-Istat Membru ospitanti ma jistax japplika d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 (a) u (b) kumulattivament.”

 Id-dritt nazzjonali

6        Il-Kapitolu 3 tal-liġi federali dwar il-moviment liberu ta’ servizzi u l-istabbiliment ta’ avukati fl-Awstrija (Bundesgesetz über den freien Dienstleistungsverkehr und die Niederlassung von europäischen Rechtsanwälten in Österreich, BGBl. I, 27/2000, fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-BGBl. I, 59/2004, iktar ’il quddiem l-“EuRAG”) fih b’mod partikolari l-Artikoli 24 sa 29 ta’ din il-liġi. L-Artikolu 24 tal-EuRAG jipprovdi:

“1. Iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea […] li huma partijiet kontraenti tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, li kisbu diploma li minnha jirriżulta li t-titolari jissodisfa l-kundizzjonijiet professjonali rikjesti għall-aċċess dirett għal professjoni msemmija fl-Anness tal-liġi preżenti, jitniżżlu fuq talba tagħhom fl-elenku tal-avukati […], meta huma jkunu għaddew b’suċċess mill-aptitude test.

2.      Diploma, skont il-paragrafu 1, għandha tfisser kull diploma, ċertifikat jew titolu ieħor, skont id-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE […]”

7        L-Artikolu 25 tal-EuRAG jgħid is-segwenti:

“L-aptitude test huwa eżami nazzjonali li jittratta esklużivament l-għarfien professjonali tal-kandidat, intiż sabiex jevalwa l-kapaċità tiegħu li jeżerċita fl-Awstrija l-professjoni ta’ avukat. L-aptitude test għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kandidat għandu, fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, kwalifika professjonali sabiex jeżerċità l-professjoni ta’ avukat.”

8        L-Artikolu 27 tal-EuRAG jipprovdi:

“Il-President tal-bord tal-eżami għandu jiddeċiedi, bi ftehim mal-Kamra tal-Avukati ta’ Oberlandesgericht, fuq talba tal-kandidat, jekk dan tal-aħħar għandux jiġi ammess għall-aptitude test, mhux aktar tard minn erba’ xhur wara l-preżentazzjoni mill-kandidat ta’ fajl komplut.”

9        L-Artikolu 29 tal-EuRAG jipprovdi:

“Il-President tal-bord tal-eżami, bi ftehim mal-Kamra tal-Avukati kompetenti skont l-Artikolu 26, għandu jeżenta lill-kandidat li jressaq talba għal dan il-għan mill-aptitude test għal kull suġġett li għalih jipproduċi l-prova li, fit-taħriġ tiegħu jew fl-attività professjonali preċedenti tiegħu, huwa kiseb l-għarfien tad-dritt nazzjonali u proċedurali Awstrijaku meħtieġ fl-Awstrija għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat.”

10      L-Artikolu 1 tar-regolament dwar il-professjoni ta’ avukat (Rechtsanwaltsordnung, RGBl. 96/1868, fil-verżjoni tiegħu ppubblikata fil-BGBl. I, 128/2004, iktar ’il quddiem ir-“RAO”) jgħid dan li ġej:

“1)      Sabiex teżerċita l-professjoni ta’ avukat fl-[Awstrija], l-ebda ħatra minn awtorità ma hija neċessarja, iżda jeħtieġ sempliċement li tinġieb il-prova li l-kundizzjonijiet segwenti huma sodisfatti u li l-avukat tniżżel fl-elenku tal-avukati […]

2)      Dawn il-kundizzjonijiet huma s-segwenti:

[…]

d)      il-perjodu ta’ prattika, skont il-modalitajiet u t-tul previsti mil-leġiżlazzjoni;

e)      suċċess fl-eżami ta’ avukat;

[…]”

11      Skont l-Artikolu 2(2) tar-RAO, l-istage prattiku għandu jdum ħames snin, disa’ xhur minnhom fi ħdan qorti jew prosekuzzjoni u mill-inqas tliet snin ma’ avukat li jeżerċita fl-Awstrija.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Fil-25 ta’ Novembru 2002, R. Koller, ċittadin Awstrijak, kiseb mill-Università ta’ Graz (l-Awstrija) il-grad ta’ “Magister der Rechtswissenschaften”, jiġifieri diploma li tingħata wara kors universitarju tal-liġi ta’ mill-inqas tmien semestri.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Novembru 2004, il-Ministeru Spanjol tal-Edukazzjoni u tax-Xjenza rrikonoxxa l-ekwivalenza tat-titolu ta’ “Magister der Rechtswissenschaften” ma’ dak ta’ “Licenciado en Derecho”, sa fejn l-applikant kien segwa kors fl-Università ta’ Madrid (Spanja) u għadda minn eżamijiet komplementari skont il-proċedura ta’ approvazzjoni prevista fid-dritt nazzjonali Spanjol.

14      Fl-14 ta’ Marzu 2005, il-Kamra tal-Avukati ta’ Madrid, billi kkonstatat li R. Koller kellu t-titolu ta’ “Licenciado en Derecho”, tat l-awtorizzazzjoni sabiex ikollu t-titolu ta’ “abogado”.

15      Fil-5 ta’ April 2005, R. Koller talab lir-Rechtsanwaltsprüfungskommission (il-bord responsabbli mill-eżami ta’ aċċess għall-professjoni ta’ avukat) ħdejn il-Oberlandesgericht Graz l-awtorizzazzjoni li jagħmel l-aptitude test għall-professjoni ta’ avukat. Fl-istess waqt, talab l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 29 tal-EuRAG għas-suġġetti kollha li jikkostitwixxu l-aptitude test.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Awwissu 2005, il-president tal-imsemmija Rechtsanwaltsprüfungskommission ċaħad, abbażi tal-Artikolu 27 tal-EuRAG, it-talba għal awtorizzazzjoni sabiex jagħmel l-aptitude test. F’dak iż-żmien, R. Koller kien jeżerċita l-professjoni ta’ avukat fi Spanja. Huwa appella minn din id-deċiżjoni quddiem l-Oberste Berufungs- und Disziplinarkommission (il-bord superjuri dixxiplinari tal-avukati, iktar ’il quddiem l-“OBDK”).

17      Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2006, l-OBDK ċaħad it-talbiet tal-applikant. Dan il-bord ibbaża ruħu, l-ewwel nett, fuq il-fatt li, fi Spanja, għad-differenza tal-leġiżlazzjoni applikabbli fl-Awstrija, ma huwiex neċessarju li jitwettaq stage ta’ prattika għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat. L-OBDK ikkonkluda li t-talba ta’ R. Koller kellha bħala għan li jiġi evitat l-obbligu tal-istage ta’ prattika ta’ ħames snin rikjest mill-imsemmija leġiżlazzjoni.

18      It-tieni nett, it-titolu ta’ “Licenciado en Derecho” ma huwiex biżżejjed, skont l-OBDK, sabiex persuna tiġi ammessa għall-aptitude test, skont il-Kapitolu 3 tal-EuRAG. F’dan ir-rigward, it-tieni inċiż tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48 emendata jagħmel distinzjoni bejn il-fatt li persuna ssegwi b’suċċess kors postsekondarju ta’ mill-inqas tliet snin u t-taħriġ professjonali rikjest flimkien ma’ dan il-kors. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-aptitude test rikjest mill-EuRAG huwa eżami intiż esklużivament għall-evalwazzjoni tal-għarfien professjonali tal-applikant. Skont l-OBDK, R. Koller, peress li ma għandu ebda għarfien professjonali, ma jistax jiġi ammess għall-aptitude test. Fl-aħħar nett, il-konkomitanza bejn it-talba għal awtorizzazzjoni li jagħmel l-aptitude test u t-talba għal eżenzjoni hija intiża fir-realtà sabiex tiġi evitata intenzjonalment il-leġiżlazzjoni Awstrijaka.

19      Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, il-Verfassungsgerichtshof (Qorti Kostituzzjonali, l-Awstrija) annullat, fuq rikors ta’ R. Koller, l-imsemmija deċiżjoni ta’ ċaħda fid-dawl, b’mod partikolari, tan-nuqqas ta’ elementi li jindikaw abbuż min-naħa tal-applikant. Konsegwentement, l-OBDK għandu jiddeċiedi mill-ġdid dwar it-talba ta’ R. Koller intiża għall-awtorizzazzjoni li jagħmel l-aptitude test għall-professjoni ta’ avukat.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-OBDK iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u għamel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Id-Direttiva 89/48/KEE hija applikabbli għall-każ ta’ ċittadin Awstrijak meta dan

a)      temm b’suċċess fl-Awstrija ċiklu ta’ studji universitarji fil-liġi u ngħata, b’deċiżjoni f’dan is-sens, it-titolu akkademiku ta’ ‘Magister der Rechtswissenschaften’,

b)      ġie sussegwentement awtorizzat, permezz ta’ att ta’ rikonoxximent mill-Ministeru [Spanjol] tal-Edukazzjoni u tax-Xjenza tar-Renju, wara li għadda mill-eżamijiet komplementari f’università Spanjola li madankollu involvew perijodu ta’ taħriġ ta’ inqas minn tliet snin, juża t-titolu Spanjol – ekwivalenti għat-titolu Awstrijak – ta’ ‘Licenciado en Derecho’, u

c)      kiseb, billi rreġistra ruħu mal-Kamra tal-Avukati ta’ Madrid, l-awtorizzazzjoni li juża t-titolu professjonali ta’ ‘abogado’ fi Spanja, u effettivament eżerċita l-professjoni ta’ avukat fi Spanja, u dan, qabel ma ppreżenta l-applikazzjoni tiegħu, għal tliet ġimgħat, u, fir-rigward tad-data tad-deċiżjoni tal-ewwel istanza, għal mhux iktar minn ħames xhur?

2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv:

L-interpretazzjoni tal-Artikolu 24 tal-EuRAG, fis-sens li l-kisba ta’ diploma Awstrijaka fil-liġi kif ukoll l-awtorizzazzjoni li jintuża t-titolu Spanjol ta’ ‘Licenciado en Derecho’, mogħtija wara li wieħed jgħaddi, f’perijodu ta’ inqas minn tliet snin, minn eżamijiet komplementari f’università Spanjola, ma humiex suffiċjenti sabiex wieħed jiġi ammess joqgħod għall-eżami tal-kapaċità (aptitude test) fl-Awstrija, skont l-Artikolu 24(1) tal-EuRAG, fin-nuqqas ta’ prova tal-esperjenza prattika mitluba mid-dritt nazzjonali (Artikolu 2(2) tar-[RAO]) anki jekk l-applikant, fi Spanja, huwa awtorizzat jeżerċita professjoni inkwantu ‘abogado’, mingħajr rekwiżit komparabbli ta’ esperjenza prattika, u eżerċita hemmhekk din il-professjoni, qabel ma ppreżenta l-applikazzjoni, għal tliet ġimgħat, u, fir-rigward tad-data tad-deċiżjoni tal-ewwel istanza, għal mhux iktar minn ħames xhur, hija kompatibbli mad-Direttiva 89/48/KEE?”

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

21      B’mod preliminari, għandu jiġi vverifikat jekk l-OBDK jikkostitwixxix qorti fis-sens tal-Artikolu 234 KE u jekk, konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex il-ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula minn dan il-bord.

22      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiddetermina jekk il-korp ta’ rinviju għandux in-natura ta’ qorti skont l‑Artikolu 234 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ kriterji, bħall-oriġini legali tal-korp, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura, l-applikazzjoni, mill-korp, tar-regoli tad-dritt, kif ukoll l-indipendenza tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult, C­‑54/96, Ġabra p. I‑4961, punt 23; tal-31 ta’ Mejju 2005, Syfait et, C‑53/03, Ġabra p. I‑4609, punt 29, kif ukoll tal-14 ta’ Ġunju 2007, Häupl, C‑246/05, Ġabra p. I‑4673, punt 16).

23      Issa, l-OBDK, li huwa paċifiku li l-ġurisdizzjoni tiegħu hija obbligatorja, jissodisfa, kif spjega l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-elementi kollha neċessarji sabiex ikun jista’ jiġi kkassifikat bħala qorti fis-sens tal-Artikolu 234 KE.

24      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

25      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk, sabiex jingħata aċċess, bil-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tgħaddi mill-aptitude test, għall-professjoni rregolata ta’ avukat fl-Istat Membru ospitanti, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/48 emendata jistgħux jiġu invokati mit-titolari ta’ titolu mogħti f’dan l-Istat Membru wara kors postsekondarju ta’ iktar minn tliet snin, kif ukoll ta’ titolu ekwivalenti mogħti fi Stat Membru ieħor wara taħriġ komplementari ta’ inqas minn tliet snin u li jawtorizzah jaċċedi, f’dan l-aħħar Stat, għall-professjoni rregolata ta’ avukat li huwa kien effettivament jeżerċita hemmhekk fid-data meta talab li jiġi awtorizzat li jagħmel l-aptitude test.

26      Għandu jiġi mfakkar li l-kunċett ta’ “diploma”, kif definit fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48 emendata, jikkostitwixxi l-iktar fattur importanti li fuqu hija bbażata s-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent tad-diplomi ta’ edukazzjoni ogħla prevista f’din id-direttiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑286/06, Ġabra p. I‑8025, punt 53).

27      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/48 emendata, il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 ta’ din tal-aħħar jagħti lil kull applikant, li għandu “diploma” fis-sens ta’ din id-direttiva li tippermettilu jeżerċita professjoni rregolata fi Stat Membru, id-dritt li jeżerċita l-istess professjoni f’kull Stat Membru ieħor (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

28      Għal dak li jirrigwarda l-kwalifiki li għandu R. Koller, għandu jiġi enfasizzat li d-“diploma”, fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48 emendata, tista’ tkun ikkostitwita minn sensiela ta’ titoli.

29      Għal dak li jirrigwarda l-kundizzjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48 emendata, għandu jiġi kkonstatat li fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, Consiglio Nazionale degli Ingegneri (C‑311/06, Ġabra p. I‑415), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, li hija sodisfatta għal dak li jirrigwarda t-titoli li għandha persuna li talbet ir-reġistrazzjoni tagħha fl-elenku tal-inġiniera fl-Italja, billi kull wieħed minn dawn it-titoli ngħata minn awtorità kompetenti, skont id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi Taljani u Spanjoli rispettivament. L-imsemmija kundizzjoni hija wkoll sodisfatta għal dak li jirrigwarda t-titoli bħal dawk li għandu R. Koller, billi kull wieħed minnhom ingħata minn awtorità kompetenti, skont id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi Awstrijaki u Spanjoli rispettivament.

30      Għal dak li jikkonċerna l-kundizzjoni msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48 emendata, għandu jiġi kkonstatat li persuna bħal R. Koller, kif iddeċidiet ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 49 tas-sentenza Consiglio Nazionale degli Ingegneri, iċċitata iktar ’il fuq, dwar il-persuna inkwistjoni fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, jissodisfa l-kundizzjoni li tgħid li t-titolari għandu jtemm b’suċċess kors postsekondarju ta’ mill-inqas tliet snin f’università. Dan huwa, fil-fatt, muri espressament bil-kwalifika li ngħatat lill-parti kkonċernata mill-Università ta’ Graz.

31      Għal dak li jirrigwarda l-kundizzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48 emendata, jirriżulta miċ-ċertifikat ta’ rikonoxximent maħruġ mill-Ministeru Spanjol tal-Edukazzjoni u tax-Xjenza u, f’kull każ, mir-reġistrazzjoni fl-elenku tal-Kamra tal-Avukati ta’ Madrid ta’ R. Koller, li dan tal-aħħar għandu l-kwalifiki professjonali meħtieġa sabiex jaċċedi għal professjoni rregolata fi Spanja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Consiglio Nazionale degli Ingegneri, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

32      Barra minn hekk, kuntrarjament għaċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni li kellha l-persuna inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Consiglio Nazionale degli Ingegneri, iċċitata iktar ’il fuq, li ma kien jixhed l-ebda taħriġ taħt is-sistema edukattiva Spanjola u ma kien ibbażat la fuq eżami u lanqas fuq esperjenza professjonali miksuba fi Spanja, it-titolu Spanjol li għandu R. Koller juri l-kisba minn dan tal-aħħar ta’ kwalifika addizzjonali għal dik li kiseb fl-Awstrija.

33      Għaldaqstant, għalkemm huwa minnu li titolu li juri kwalifiki professjonali ma jistax jiġi mqabbel ma’ “diploma” fis-sens tad-Direttiva 89/48 emendata mingħajr ma jiġu akkwistati, totalment jew parzjalment, kwalifiki fil-kuntest tas-sistema edukattiva tal-Istat Membru li jagħti dan it-titolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Consiglio Nazionale degli Ingegneri, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55), dan ma huwiex il-każ għal dak li jirrigwarda t-titolu invokat minn R. Koller fil-kawża prinċipali.

34      Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li dan it-titolu Spanjol ma jurix taħriġ professjonali ta’ tliet snin imwettaq fi Spanja hija irrilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1(a) tal-imsemmija direttiva ma jirrikjedix li l-kors postsekondarju ta’ mill-inqas tliet snin, jew ta’ tul ekwivalenti part-time, għandu jsir fi Stat Membru ieħor mill-Istat Membru ospitanti.

35      Għalhekk, persuna bħal R. Koller hija fil-fatt titolari ta’ “diploma” fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48 emendata.

36      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li, sabiex jingħata aċċess, bil-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tgħaddi mill-aptitude test, għall-professjoni rregolata ta’ avukat fl-Istat Membru ospitanti, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/48 emendata jistgħu jiġu invokati mit-titolari ta’ titolu mogħti f’dan l-Istat Membru wara kors postsekondarju ta’ iktar minn tliet snin, kif ukoll ta’ titolu ekwivalenti mogħti fi Stat Membru ieħor wara taħriġ komplementari ta’ inqas minn tliet snin u li jawtorizzah jaċċedi, f’dan l-aħħar Stat, għall-professjoni rregolata ta’ avukat li huwa kien effettivament jeżerċita hemmhekk fid-data meta talab li jiġi awtorizzat li jagħmel l-aptitude test.

 Fuq it-tieni domanda

37      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 89/48 emendata għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti milli jirrifjutaw lil persuna li ssib ruħha f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali l-awtorizzazzjoni li tagħmel l-aptitude test għall-professjoni ta’ avukat fin-nuqqas ta’ prova li hija wettqet l-istage ta’ prattika rikjest mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru.

38      Bħala titolari ta’ “diploma” fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48 emendata, persuna bħal R. Koller tibbenefika, skont il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, minn aċċess għall-professjoni rregolata ta’ avukat fl-Istat Membru ospitanti.

39      Madankollu, għal dak li jirrigwarda professjoni li l-eżerċizzju tagħha tirrikjedi għarfien preċiż tad-dritt nazzjonali u fejn element essenzjali u kostanti tal-attività hija l-għoti ta’ pariri u/jew assistenza dwar id-dritt nazzjonali, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 emendata ma jostakolax, skont l-Artikolu 4(1)(b) tagħha, lill-Istat Membru ospitanti milli jirrikjedi wkoll li l-applikant jissuġġetta ruħu għal aptitude test, bil-kundizzjoni li dan l-Istat jivverifika minn qabel jekk l-għarfien miksub mill-applikant matul l-esperjenza professjonali tiegħu huwiex ta’ natura li jkopri, totalment jew parzjalment, id-differenza sostanzjali msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

40      Issa, peress li l-applikant huwa suġġett, fl-Istat Mmebru ospitanti, għal aptitude test, li huwa intiż preċiżament sabiex jippermetti li jiġi żgurat li huwa adatt sabiex jeżerċita l-professjoni rregolata f’dan l-Istat Membru, dan tal-aħħar ma jistax, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/48 emendata, jirrifjuta lil persuna li ssib ruħha f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali l-awtorizzazzjoni li tagħmel tali aptitude test għaliex hija ma wettqitx l-istage ta’ prattika rikjest mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru.

41      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li d-Direttiva 89/48 emendata għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti milli jirrifjutaw lil persuna li ssib ruħha f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali l-awtorizzazzjoni li tagħmel l-aptitude test għall-professjoni ta’ avukat fin-nuqqas ta’ prova li hija wettqet l-istage ta’ prattika rikjest mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru.

 Fuq l-ispejjeż

42      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Sabiex jingħata aċċess, bil-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tgħaddi mill-aptitude test, għall-professjoni rregolata ta’ avukat fl-Istat Membru ospitanti, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-ikkompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin, kif emendata bid-Direttiva 2001/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Mejju 2001, jistgħu jiġu invokati mit-titolari ta’ titolu mogħti f’dan l-Istat Membru wara kors postsekondarju ta’ iktar minn tliet snin, kif ukoll ta’ titolu ekwivalenti mogħti fi Stat Membru ieħor wara taħriġ komplementari ta’ inqas minn tliet snin u li jawtorizzah jaċċedi, f’dan l-aħħar Stat, għall-professjoni rregolata ta’ avukat li huwa kien effettivament jeżerċita hemmhekk fid-data meta talab li jiġi awtorizzat li jagħmel l-aptitude test.

2)      Id-Direttiva 89/48, kif emendata mid-Direttiva 2001/19, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti milli jirrifjutaw lil persuna li ssib ruħha f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali l-awtorizzazzjoni li tagħmel l-aptitude test għall-professjoni ta’ avukat fin-nuqqas ta’ prova li hija wettqet l-istage ta’ prattika rikjest mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.