Kawżi magħquda C-105/09 u C-110/09

Terre wallonne ASBL

u

Inter-Environnement Wallonie ASBL

vs

Région wallonne

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju))

“Direttiva 2001/42/KE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent — Direttiva 91/676/KEE — Protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkważat min nitrati minn sorsi agrikoli — Programmi ta’ azzjoni li jirrigwardaw iż-żoni vulnerabbli”

Sommarju tas-sentenza

Ambjent — Evalwazzjoni tal-effeti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent — Direttiva 2001/42 — Pjan u programm — Kunċett

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/42, Artikoli 2(a) u 3(2)(a); Direttivi tal-Kunsill 85/337,Annessi I u II, u 91/676, Artikolu 5(1))

Programm ta’ azzjoni adottat taħt l-Artikolu 5(1) tad Direttiva 91/676, dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, huwa bħala prinċipju pjan jew programm imsemmi fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, meta dan jikkostitwixxi pjan jew programm fis-sens tal-Artikolu 2(a) ta’ din l-aħħar direttiva u meta fih miżuri li l-osservanza tagħhom tikkundizzjona l-ħruġ tal-awtorizzazzjoni li tista’ tingħata għat twettiq tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 85/337, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 97/11.

(ara l-punt 55 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

17 ta’ Ġunju 2010 (*)

“Direttiva 2001/42/KE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Direttiva 91/676/KEE – Protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkważat min‑nitrati minn sorsi agrikoli – Programmi ta’ azzjoni li jirrigwardaw iż-żoni vulnerabbli”

Fil-Kawżi magħquda C‑105/09 u C‑110/09,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju), permezz tad‑deċiżjonijiet tal-11 ta’ Marzu 2009, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 u fit‑23 ta’ Marzu 2009, fil-proċeduri

Terre wallonne ASBL (C-105/09),

Inter-Environnement Wallonie ASBL (C-110/09)

vs

Région wallonne,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader (Relatur), K. Schiemann, P. Kūris, u L. Bay Larsen, Imħallfin

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Jannar 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Inter-Environnement Wallonie ASBL, minn J. Sambon, avocat,

–        għar-Région wallonne, minn A. Gillain, avocat,

–        għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne, kif ukoll minn C. Pochet, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S.Pardo Quintillán u J.‑B. Laignelot, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Marzu 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn Terre wallonne ASBL u Inter-Environnement Wallonie ASBL kontra r-Reġjun tal-vallonja u għandhom bħala suġġett l-annullament tad-digriet tal-Gvern tal-Vallonja, tal-15 ta’ Frar 2007, li jemenda l-Ktieb II tal-Kodiċi fuq l-Ambjent li jikkostitwixxi l-kodiċi tal‑ilma għal dak li jikkonċerna l-ġestjoni sostenibbli tan-nitroġenu (Moniteur belge tas-7 ta’ Marzu 2007, p. 11118, iktar ’il fuq id-“digriet ikkontestat”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 91/676/KEE

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 91/676/KEE tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 68) jipprevedi:

“Din id-Direttiva għandha l-mira li:

–        tnaqqas it-tniġġis ta’ l-ilma kkawżat jew imdaħħal bin-nitrati minn sorsi agrikoli u

–        tipprevjieni aktar tniġġis minn dan.

4        L-Artikolu 3(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      L-ilmijiet effettwati bit-tniġġis u l-ilmijiet li jistgħu jiġu effettwati bit-tniġġis jekk ma titteħidx azzjoni skond l-Artikolu 5 għandhom jiġu identifikati mill-Istati Membri skond il-kriterji stabbiliti f’l-Anness I.

2.       L-Istati Membri għandhom, f’perjodu taż-żmin ta’ sentejn wara n-notifika ta’ din id-Direttiva, jinominaw bħala żoni vulnerabbli ż-żoni kollha ta’ l-art fit-territorji tagħhom li jxaqilbu lejn l-ilmijiet identifikati skond il-paragrafu I u li jikkontribwixxu għat-tniġġis. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’din in-nominazzjoni inizjali fi żmien sitt xhur.

5        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      Bil-għan li jipprovdu għall-ilmijiet kollha livell ġenerali ta’ protezzjoni kontra t-tniġġis, l-Istati Membri għandhom, f’perjodu taż-żmien ta’ sentejn wara n-notifika ta’ din id-Direttiva:

a)      jistabbilixxu kodiċi jew kodiċijiet ta’ prattika agrikola tajba, li għandhom jiġu mħaddma mill-bdiewa fuq bażi volontarja, li għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li jkopru mill-inqas l-intestaturi msemmija f’L-Anness II A

[…]”

6        Skont l-Artikolu 5 tal-istess direttiva:

“1.      Fil-perjodu taż-żmien ta’ sentejn wara n-nomini inizjali riferiti fl-Artikolu 3(2) jew fi żmien sena minn kull nomina addizzjonali riferita fl-Artikolu 3(4), l-Istati Membri għandhom, bl-iskop li jilħqu l-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1, jistabbilixxu programmi ta’ azzjoni rigward iż-żoni nnominati vulnerabbli

2.      Programm ta’ azzjoni jista’ jkollu x’jaqsam maż-żoni vulnerabbli kollha fit-territorju ta’ Istat Membru jew, meta l-Istat Membru jqisha ħaġa xierqa, jistgħu jiġu stabbiliti programmi differenti għal żoni vulnerabbli differenti jew partijiet ta’ żoni.

3.       Il-Programmi ta’ azzjoni għandhom iqisu:

a)      l-informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli, b’mod partikolari b’riferiment għall-kontribuzzjonijiet tan-nitroġenu rispettivi ġejjin minn sorsi agrikoli jew minn sorsi oħra;

b)      il-kondizzjonijiet ambjentali fir-reġjuni rilevanti ta’ l-Istat Membru interessat.

4.       Il-programmi ta’ azzjoni għandhom jiġu implimentati fi żmien erba’ snin minn meta jiġu stabbiliti u għandhom jikkonsistu mill-miżuri obbligatorji li ġejjin:

a)      il-miżuri f’L-Anness III;

b)      dawk il-miżuri li l-Istati Membri jkunu stabbilew fil-kodiċi/jiet ta’ prattika agrikola tajba stabbiliti skond l-Artikolu 4, għajr dawk li posthom ikun ġie meħud mill-miżuri f’l-Anness III.

5.       L-Istati Membri għandhom barra minn hekk jieħdu, fil-qafas tal-programmi ta’ azzjoni, dawk il-miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa li jqisu li huma meħtieġa jekk, fil-bidu jew fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni, ikun jidher biċ-ċar illi l-miżuri msemmija fil-paragrafu 4 ma jkunux biżżejjed għalbiex jinkisbu l-miri speċifikati fl-Artikolu 1. Fil-għażla ta’ dawn il-miżuri jew azzjonijiet, l-Istati Membri għandhom iqisu l-effiċjenza tagħhom u l-ispejjeż tagħhom fejn għandhom x’jaqsmu l-miżuri preventivi l-oħra possibbli

[…]”

7        L-Anness III tad-Direttiva 91/676, “Il-miżuri li għandhom jiġu nklużi fil-programmi ta’ azzjoni skond l-Artikolu 5(4)(a)”, jipprevedi:

“1.       Il-miżuri għandhom jinkludu regoli li għandhom x’jaqsmu ma’:

[…]

2)      il-kapaċità tal-kontenituri tal-ħażna tad-demel ta’ l-annimali; din il-kapaċità għandha taqbeż dik meħtieġa għall-ħażna matul l-itwal perijodu taż-żmien li matulu tkun ipprojbita l-applikazzjoni fir-raba’ fiż-żona vulnerabbli, għajr fejn jista; jintwera lill-awtoritajiet kompetenti illi kull kwantità ta’ demel li taqbeż il-kapaċità attwali tal-ħażna tiġi [mormija] b’manjiera li ma tikkawżax ħsara lill-ambjent;

[…]”

 Id-Direttiva 2001/42

8        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/42 jiddisponi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

a)      “pjanijiet u programmi” tfisser pjanijiet u programmi, inklużi dawk ko-finanzjati mill-Komunità Ewropea, kif ukoll xi modifiki li jsirulhom:

–        li huma suġġetti għall-preparazzjoni u/jew adozzjoni minn xi awtorita nazzjonali, reġjonali jew livell lokali jew li jkunu preparati minn xi awtorita għall-adozzjoni, permezz ta’ proċedura leġislattiva mill-Parlament jew il-Gvern, u

–        li huma meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi;

b)      “stima [evalwazzjoni] ambjentali” tfisser il-preparazzjoni ta’ xi rapport ambjentali, l-għemil ta’ konsultazzjonijiet, it-teħid tal-kont tar-rapport ambjentali u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet fit-teħid tad-deċiżjonijiet u d-disposizzjoni ta’ l-informazzjoni dwar id-deċiżjoni skond l-Artikoli 4 sa 9;

[…]”

9        Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva:

“1.       L-istima ambjentali, skond l-Artikoli 4 sa 9, għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

2.       Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha,

a)      li huma ppreparati għall-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar ta’ l-iskart, l-amministrazzjoni ta’ l-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, pjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu ta’ l-art u li jistabilixxu l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 85/337/KEE, jew

b)      li, in vista ta’ l-effett fuq iż-żoni li x’aktarx, ġew stabbiliti biex jiksbu stima bis-saħħa ta’ l-Artikolu 6 jew 7 tad-Direttiva 92/43/KEE.

3.       Pjanijiet u programmi msemmija fil-paragrafu 2 li jistabbilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fil-livell lokali u modifiki żgħar għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafu 2 jkunu jeħtieġu stima ambjentali biss meta l-Istati Membri jistabbilixxu li dawn x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

4.       L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet u l-programmi, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2, li jissettjaw il-qafas għall-kunsens futur ta’ l-iżvilupp tal-proġetti, hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

5.       L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet jew il-programmi msemmija fil-paragrafi 3 u 4 hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti jew billi kull każ jiġi eżaminat jew billi jkunu speċifikati t-tipi ta’ pjanijiet u programmi jew billi jkunu kombinati iż-żewġ metodi. Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom fil-każijiet kollha jikkunsidraw il-kriterji rilevanti stabbiliti fl-Anness II, sabiex ikun assigurat li l-pjanijiet u l-programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent ikunu koperti b’din id-Direttiva

[...]”

 Id-Direttiva 85/337/KEE

10      L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248) hekk kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 3, p. 151, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 85/337”), jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

“proġett” tfisser:

–        l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ istallazjonijiet jew skemi oħra,

–        interventi oħra fil-madwar u pajsaġġ naturali inklużi dawk li jimplikaw l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali;

[…]”

11      Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 85/337, il-proġetti msemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva huma suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti ambjentali tagħhom.

12      Skont l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva:

“Iridu jitqiesu r-riżultati tal-konsultazzjonijiet u tat-tagħrif miġbura skond l-Artikoli 5, 6 u 7 fil-proċedura tal-kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp.”

13      L-Anness I tad-Direttiva 85/337, intitolat “Proġetti suġġetti għal l-Artikolu 4(1)” jiddisponi:

“[…]

Stallazzjoni għat-tkabbir intensiv tat-tjur jew tal-ħnieżer b’iktar minn:

a)      85000 post għall-kapuċċelli, 60000 post għat-tiġieġ;

b)      3000 post għall-produzzjoni tal-ħnieżer (ta’ iktar minn 30 kg);

jew

c)      900 post għall-majjaliet.

[…]”

14      L-Anness II ta’ din id-direttiva, intitolata “Proġetti suġġetti għal l-Artikolu 4(2)” isemmi:

1.       Il-biedja, il-kultura tal-foresti (silvikultura) u l-akkwakultura

[…]

“b)      Proġetti għall-użu ta’ raba’ mhux ikkultivat jew ta’ żoni semi-naturali bil-għan ta’ biedja intensiva;

[…]

e)      Stallazzjonijiet għat-tkabbir b’mod intensiv ta’ l-annimali ta’ l-irziezet (proġetti mhux inklużi fl-Anness I);”

[…]”

 Id-Direttiva 2003/35/KE

15      Il-premessa 10 tad-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward [waqt] it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il‑parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466) tistabbilixxi:

“Għandha ssir disposizzjoni rigward ċerti Direttivi fil-qasam ta’ l-ambjent li teħtieġ lill-Istati Membri li jipproduċu pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ambjent imma li ma jkunx fihom disposizzjonijiet biżżejjed dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku, sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-pubbliku konsistenti mad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Århus [Aårhus], [dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall- ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, konluża f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, p. 17, iktar ’il quddiem il-“konvenzjoni ta’ Aårhus”], b’mod parikolari l-Artikolu 7 tagħha. Il-leġislazzjoni l-oħra rilevanti Komunitarja diġà tipprovdi għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-tħejjija tal-pjani u tal-programmi u, għall-ġejjieni, il-ħtiġiet tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku f’linja mal-Konvenzjoni ta’ Århus [Aårhus] iridu jiġu inkorporati fil-leġislazzjoni rilevanti mill-bidu.”

16      L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fejn jirridgwarda l-pjani u l-programmi” jipprevedi mill-paragrafi 2 u 5 tiegħu:

“2.       L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-pubbliku jingħata opportunitajiet minn kmieni u effettivi sabiex jipparteċipa fit-tħejjija u l-modifika jew ir-rivista tal-pjani jew tal-programmi meħtieġa li jitfasslu skond id-dispożizzjonijiet elenkati fl-Anness I.

[...]

5.       Dan l-Artikolu ma għandux japplika għall-pjani u l-programmi ddikjarati fl-Anness I li għalihom il-proċedura ta’ parteċipazzjoni mill-pubbliku titwettaq taħt id-Direttiva2002/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjani u programmi dwar l-ambjent jew taħt id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għall-azzjoni Komunitarja fil-kamp tal-politika dwar l-ilma.”

17      L-Anness I tad-Direttiva 2003/35, intitolat “Id-disposizzjonijiet għall-pjani u l-programmi riferiti fl-Artikolu 2”, isemmi:

“[…]

c)      L-Artikolu 5(1) tad-[Direttiva 91/676/KEE]

[…]”

 Id-dritt nazzjonali

18      Id-Direttiva 2001/42 ġiet trasposta fid-dritt tar-Reġjun tal-Vallonja mill-Artikoli D. 52 et seq tal-Ktieb I tal-Kodiċi fuq l-Ambjent (Moniteur belge tad-9 ta’ Lulju 2004, p. 54654).

19      L-Artikolu D. 53 ta’ dan il-kodiċi jiddisponi:

“1.      Evalwazzjoni tal-effetti tal-pjanijiet u programmi fuq l-ambjent għandha ssir, skont l-Artikoli 52 sa 61, għall-pjanijiet u programmi kif ukoll l-emendi tagħhom li jinsabu fil-lista I stabbilita mill-Gvern, li

(1)      huma mfassla għas-setturi għall-agrikoltura, is-silvikoltura, is-sajd, l‑enerġija, l-industrija, it-trasport, il-ġestjoni tal-iskart, il-ġestjoni tal-ilma, l‑art, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu u li jistabilixxu l-qafas li fih l‑implementazzjoni tal-proġetti elenkati fil-lista stabblita taħt l‑Artikolu 66(2), tista’ tiġi awtorizzata fil-futur;

(2)      huma suġġetti għal evalwazzjoni skont l-Artikolu 29 tal-liġi tat-12 ta’ Lulju 1973 fuq il-konservazzjoni tan-natura.

[…]

3.       Il-Gvern jista’ jissuġġetta għal evalwazzjoni tal-effetti ambjentali taħt dan il-Kapitolu l-pjanijiet u l-programmi li jistgħu jkollhom effetti mhux negliġibbli u li ma humiex previsti minn digriet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi.

[…]”

20      L-Artikolu R. 47 tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:

“Il-lista tal-pjanijiet u l-programmi msemmija fl-Artikolu 53[(1)] tal-parti degretali hija ddeterminata fl-Anness V.”

21      L-imsemmija Anness V, stabbilit mid-digriet tal-Gvern tal-Vallonja tas-17 ta’ Marzu 2005, dwar il-Ktieb I tal-Kodiċi fuq l-Ambjent (Moniteur belge tal-4 ta’ Mejju 2005, p. 21184), fih b’mod partikolari l-programm ta’ azzjoni għall-kwalità tal-arja, il-programm ta’ azzjoni għall-kwalità tal-art u l-programm ta’ azzjoni għall-protezzjoni tan-natura. Madankollu dan l-anness ma jinkludix il-programm ta’ azzjoni għall-ġestjoni tan-nitroġenu fl-agrikoltura fiż-żoni vulnerabbli li kien ġie inizzjalment stabbilit fid-dritt tar-Reġjun tal-Vallonja minn digriet tal-10 ta’ Ottubru 2002.

22      Għal dak li jikkonċerna speċifikament dan l-aħħar programm ta’ azzjoni, id‑dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tar-Reġjun tal-Vallonja attwalment fis-seħħ jinsab fid-digriet ikkontestat.

23      Dan id-digriet jistabbilixxi l-kundizzjonijiet applikabbli għall-ġestjoni tan‑nitroġenu fl-agrikoltura fit-territorju tar-Reġjun tal-Vallonja. Dan jirrigwarda wkoll il-ġestjoni tan-nitroġenu fiż-żoni vulnerabbli, fejn jikkostitwixxi l‑programm ta’ azzjoni meħtieġ taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/676. Iż-żoni vulnerabbli jirrapreżentaw 42 % tat-territorju tal-imsemmi reġjun u 54 % tas‑superfiċju agrikolu utli tiegħu.

24      Il-Kapitolu IV tad-digriet ikkontestat jinkludi s-Sezzjoni 3 intitolata “Kundizzjonijiet applikabbli għall-ġestjoni tan-nitroġenu fl-agrikoltura fit‑territorju tar-Reġjun tal-Vallonja”. Din is-sezzjoni fiha, minn naħa, is‑subsezzjonijiet 1 sa 5 li japplikaw għat-territorju kollu ta’ dan ir-reġjun, inklużi ż-żoni vulnerabbli, u s-subsezzjoni 6 u 7 li japplikaw biss għaż-żoni vulnerabbli. It‑totalità ta’ dawn is-subsezzjonijiet jifformaw il-programm ta’ azzjoni meħtieġ fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/676.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

25      Bis-sentenza tiegħu tat-22 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑221/03, Ġabra p. I‑8307), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, billi ma adottax, fit-terminu previst, il-miżuri neċessarji sabiex jimplementa kompletament u korrettament id-Direttiva tal-Kunsill 91/676, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva.

26      Sabiex jiġi implementat l-imsemmi digriet, il-Gvern tal-Vallonja adotta, skont l‑Artikolu 5 tad-Direttiva 91/676, id-digriet ikkontestat. Dan id-digriet jemenda l‑Ktieb II tal-Kodiċi fuq l-Ambjent li jikkostitwixxi l-Kodiċi tal-Ilma għal dak li jikkonċerna l-ġestjoni sostenibbli tan-nitroġenu fl-agrikoltura.

27      Terre Wallonne ASBL u Inter-Environnement Wallonie ASBL talbu lill-Conseil d’État l-annullament tal-imsemmi digriet billi allegaw, b’mod partikolari, li l‑programm li dan fih ma kienx is-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali skont id‑Direttiva 2001/42.

28      Il-Gvern tal-Vallonja sostna li l-programm ta’ ġestjoni tan-nitroġenu fl-agrikoltura ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/42.

29      Il-qorti tar-rinviju tqis li ma jistax jiġi eskluż li programmi ta’ azzjoni bħal dak previst mid-Direttiva 91/676 huma pjanijiet u programmi fis-sens tad-Direttiva 2001/42. L-imsemmija qorti tirreleva, barra minn hekk, li ebda dispożizzjoni ta’ dritt tar-Reġjun tal-Vallonja applikabbli fid-data tal-adozzjoni tad-digriet ikkontestat ma tassuġġetta l-pjan ta’ ġestjoni tan-nitroġenu għal evalwazzjoni tal‑effetti ambjentali, li ma huwiex neċessarjament stabbilit li din is-sitwazzjoni tmur kontra d-Direttiva 2001/42 u li l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni ma hijiex daqshekk ovvja li telimina kull dubju raġonevoli.

30      Il‑Conseil d’État għaldaqstant iddeċieda li jissospendi l‑proċeduri quddiemu u li jagħmel id‑domandi preliminari segwenti lill‑Qorti tal‑Ġustizzja:

“1)      Il-programm ta’ ġestjoni tan-nitroġenu rigward iż-żoni vulnerabbli indikati, li huwa stabbilit skont l-Artikolu 5(1) tad-[Direttiva 91/676] huwa pjan jew programm kopert mill-Artikolu 3(2)(a) tad-[Direttiva 2001/42], li hu ppreparat għall-agrikoltura, l-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it‑trasport, l-immaniġġjar tal-iskart, l-amministrazzjoni tal-ilma, t‑telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, l-ippjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l‑użu tal-art u li jistabbilixxi l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal‑proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-[Direttiva 85/337]?

2)      Il-programm ta’ ġestjoni tan-nitroġenu rigward iż-żoni vulnerabbli indikati, li huwa stabbilit skont l-Artikolu 5(1) tad-[Direttiva 91/676] huwa pjan jew programm kopert mill-Artikolu 3(2)(b) tad-[Direttiva 2001/42] li, peress li l‑effetti li huwa jista’ jkollu fuq is-siti, jeħtieġ evalwazzjoni skont l-Artikoli 6 u 7 tad-[Direttiva 92/43], b’mod partikolari meta l-programm ta’ ġestjoni tan-nitroġenu inkwistjoni japplika għaż-żoni vulnerabbli indikati kollha tar‑Reġjun tal-Vallonja?

3)      Il-programm ta’ ġestjoni tan-nitroġenu rigward iż-żoni vulnerabbli indikati, li huwa stabbilit skont l-Artikolu 5(1) tad-[Direttiva 91/676] huwa pjan jew programm differenti minn dawk koperti mill-Artikolu 3(2) tad-direttiva [2001/42], li jiddefinixxi l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal‑proġetti, li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, skont l-Artikolu 3(4) tad-[Direttiva 2001/42], jekk huma jistax ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, skont il-paragrafu 5?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

31      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju staqsiet, essenzjalment, lill‑Qorti tal-Ġustizzja jekk programm ta’ azzjoni tan-nitroġenu fl-agrikoltura, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistax jikkostitwixxi pjan jew programm imsemmi fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42.

32      Għandu jiġi rrilevat, minn qabel, l-għan essenzjali tad-Direttiva 2001/42, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, jikkonsisti fis-sottomissjoni tal-pjanijiet u programmi li jistgħu jkollhom effetti ambjentali sinjifikattivi, waqt it-tfassil tagħhom u qabel l-adozzjoni tagħhom, għal evalwazzjoni ambjentali.

33      Meta tali evalwazzjoni ambjentali hija meħtieġa mid-Direttiva 2001/42, din id‑direttiva tistabbilixxi regoli minimi li jikkonċernaw it-tfassil tar-rapport fuq l‑effetti ambjentali, l-implementazzjoni tal-proċess ta’ konsultazzjoni, it-teħid inkunsiderazzjoni tar-riżultati tal-iżvilupp ambjentali kif ukoll il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni fuq id-deċiżjoni adottata wara l-evalwazzjoni.

34      Sabiex jiġi stabbilit jekk programmi ta’ azzjoni mfassla skont l-Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 91/676 (iktar ’il quddiem il-“programmi ta’ azzjoni”) jaqgħux taħt l‑Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk l-imsemmija programmi ta’ azzjoni humiex “pjanijiet u programmi” fis-sens tal‑Artikolu 2(a) ta’ din l-aħħar direttiva u, fit-tieni lok, jekk jissodisfawx il‑kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2)(a) tagħha.

 Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/42

35      Qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li l-programmi ta’ azzjoni huma, minn naħa, imfassla minn awtorità f’livell nazzjonali, reġjonali jew lokali jew imfassla minn awtorità sabiex jiġu adottati mill-parlament jew mill-gvern permezz ta’ proċedura leġiżlattiva u, min-naħa l-oħra, meħtieġa minn liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva.

36      Insegwitu, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 91/676 teżiġi l-istabbiliment ta’ tali programmi ta’ azzjoni fiż-“żoni vulnerabbli” kollha indikati mill-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet tagħha u li dawn il-programmi għandhom jinkludu l‑miżuri u l-azzjonijiet bħal dawk elenkati fl-Artikolu 5 tagħha, intiżi sabiex jiġġieldu t-tniġġiż min-nitrati, u għaldaqstant huma l-Istati Membri li għandhom jiżguraw l-implementazzjoni kif ukoll is-sorveljanza. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ukoll jeżaminaw mill-ġdid perijodikament ir-rilevanza tal-miżuri u tal‑azzjonijiet u, jekk ikun il-każ, jirrevedu l-programmi ta’ azzjoni.

37      Barra minn hekk, hekk kif irrivelat l-Avukat Ġenerali fil-punti 25 sa 28 tagħha, tali konstatazzjoni hija sostnuta mill-premessa 10 tad-Direttiva 2003/35, kif ukoll mill-Artikolu 2(5) u l-Anness I tagħha.

38      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2003/35 tipprevedi l‑parteċipazzjoni pubblika waqt it-tfassil ta’ ċerti pjanijiet u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent, sabiex tiġi allineata l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mal-Konvenzjoni ta’ Aårhus.

39      Mill-premessa 10 tad-Direttiva 2003/35 jirriżulta li ċerti atti leġiżlattivi Komunitarji kien fihom diġà dispożizzjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni pubblika għat-tfassil ta’ pjanijiet u programmi li kienu konformi mal-Konvenzjoni ta’ Aårhus. Konsegwentement, l-Artikolu 2(5) ta’ din id-direttiva teskludi mill‑kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu l-“pjanijiet u programmi” indikati fl-Anness I tal-imsemmija direttiva, li għalihom tali dispożizzjonijiet kienu ġew implementati taħt id-Direttiva 2001/42. Issa, fost dawn il-pjanijiet u programmi jinsabu l-programmi ta’ azzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 91/676.

40      Huwa minnu li l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2003/35 ġie adottat fil-kuntest ta’ dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni pubblika għat-tfassil ta’ ċerti pjanijiet u programmi relatati mal-ambjent. Madankollu, ikun kontradittorju li jiġi ammess li l-programmi ta’ azzjoni jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/42 meta dawn jirrigwardaw dispożizzjonijiet relatati mal‑parteċipazzjoni pubblika għall-adozzjoni tal-pjan jew tal-programm, iżda li l‑istess programmi ta’ azzjoni ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni meta jikkonċernaw l-evalwazzjoni tal-effetti ambjentali.

41      Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li jekk kull miżura leġiżlattiva relatata mal‑protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġiż ikkawżati min-nitrati minn sorsi agrikoli ma tikkostitwixxix “pjan” jew “programm” fis-sens tad-Direttiva 2001/42, l-unika ċirkustanza li tali miżuri tkun adottata permezz ta’ att leġiżlattiv ma teskludihiex mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, sakemm hija għandha l‑karatteristiċi mfakkra fil-punt 36 ta’ din is-sentenza.

42      Mill-premess jirriżulta li, kemm mill-karatteristiċi li huma għandhom kif ukoll mill-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, il-programmi ta’ azzjoni jikkostitwixxu “pjanijiet” u “programmi” fis-sens tad-Direttiva 2001/42.

 Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42

43      Għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42, huma suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali sistematika dawk il-pjanijiet u programmi li, minn naħa, huma mfassla għal ċerti setturi u li, min-naħa l-oħra, jiddefinixxu l‑kuntest li fih l-implementazzjoni tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad‑Direttiva 85/337 tista’ tiġi awtorizzata fil-futur.

44      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni prevista fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mit-titolu stess tad‑Direttiva 91/676 jirriżulta li l-programmi ta’ azzjoni huma mfassla għas-settur agrikolu.

45      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, sabiex jiġi stabbilit jekk il-programmi ta’ azzjoni jiddefinixxux il-kuntest li fih l-implementazzjoni tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 85/337 tista’ tiġi approvata fil-futur, hemm lok li jiġi eżaminat il-kontenut u l-għan ta’ dawn il-programmi, fid-dawl tal-portata tal-evalwazzjoni ambjentali ta’ proġetti, hekk kif prevista mill-imsemmija direttiva.

46      B’hekk, għal dak li jikkonċerna l-għan tal-programmi ta’ azzjoni, jirriżulta mid‑Direttiva 91/676, u b’mod partikolari l-premessi 9 sa 11, l-Artikoli 1 u 3 sa 5 kif ukoll l-annessi ta’ din id-direttiva, li dawn il-programmi jimplikaw eżami globali, fil-livell taż-żoni vulnerabbli, ta’ problemi ambjentali marbuta mat-tniġġiż ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, u li huma jimplementaw sistema organizzata intiża sabiex jiġi żgurat livell ġenerali ta’ protezzjoni kontra tali tniġġiż.

47      In-natura speċifika tal-imsemmija programmi tikkonsisti fil-fatt li huma għandhom jikkostitwixxu approċċ komprensiv u koerenti, li għandu natura ta’ pjanifikazzjoni konkreta u strutturata, li jkopri ż-żoni vulnerabbli, f’dan il‑każ fit‑territorju kollu u li jirrigwarda t-tnaqqis tat-tniġġis kif ukoll il‑prevenzjoni tat‑tniġġiż ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli.

48      Fir-rigward tal-kontenut tal-programmi ta’ azzjoni, mill-Artikolu 5 tad‑Direttiva 91/676, meħud flimkien mal-Anness III tagħha, jirriżulta li l-imsemmija programmi fihom miżuri konkreti u vinkolanti, li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-perijodi li fihom il-fertilizzazzjoni b’ċerti tipi ta’ fertilizzanti hija pprojbita, il‑kapaċità tal-kontenituri maħsuba għall-ħażna tad-demel tal-annimali, il-metodi ta’ fertilizzazzjoni u l-kwantità massima ta’ demel tal-annimali li jkun fih in‑nitroġenu li jista’ jiġi użat għall-fertilizzazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑416/02, Ġabra p. I‑7487, punt 34). Dawn il-miżuri jiżguraw b’mod partikolari, hekk kif il-punt 2 tal‑Anness III tad-Direttiva 91/676 jipprevedi, li għal kull azjenda jew razzett, il‑kwantità ta’ demel ta’ annimali li jintużaw kull sena, inkluż mill-annimali stess, ma jaqbiżx kwantità għal kull ettaru li tikkorrispondi għall-kwantità ta’ demel li fih 170 kilogramma ta’ nitroġenu.

49      Għal dak li jikkonċerna l-portata tal-evalwazzjoni ambjentali prevista mid‑Direttiva 85/337, għandu jitfakkar minn qabel li l-miżuri li jinsabu fil‑programmi ta’ azzjoni jkopru l-istallazzjonijiet ta’ trobbija intensiva elenkati fil-punt 17 tal-Anness I u l-punt 1(e) tal-Anness II tad-Direttiva 85/337.

50      Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-iżvilupp ambjentali previst mid‑Direttiva 85/337, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss l-effetti diretti tax-xogħlijiet previsti, iżda wkoll l-effetti ambjentali li jistgħu jiġu kkawżati mill-użu u l-operat tal-prodott finali ta’ dawn ix-xogħlijiet (sentenzi tat-28 ta’ Frar 2008, Abraham et, C‑2/07, Ġabra p. I‑1197, punt 43, u tal‑25 ta’ Lulju 2008, Ecologistas en Acción-CODA, C‑142/07, Ġabra p. I‑6097, punt 39).

51      B’mod partikolari, fir-rigward ta’ stallazzjonijiet intiżi għat-trobbija intensiva, tali evalwazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti tal-imsemmija stallazzjonijiet fuq il-kwalità tal-ilma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-121/03, Ġabra C‑121/03p. I‑7569, punt 88).

52      Hekk kif tirrileva ġustament l-Avukat Ġenerali, fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 85/337 jeżiġi li l-aspetti ambjentali, li l‑programmi ta’ azzjoni għandhom bħala għan li jirregolaw, jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-awtorizzazzjoni tal-proġetti ta’ operat ta’ tali istallazzjonijiet.

53      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li mill-Artikolu 5(4) tad‑Direttiva 91/676 jirriżulta li l-programmi ta’ azzjoni adottati skont l-Artikolu 5(1) għandhom jipprevedu totalità ta’ miżuri li l-osservanza tagħhom tista’ tikkundizzjona l-ħruġ tal-awtorizzazzjoni li tista’ tingħata għall-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 85/337 u li għad-definizzjoni tagħhom id-Direttiva 91/676 tagħti lill-Istati Membri ċertu marġini ta’ diskrezzjoni. Dan huwa partikolarment il-każ ta’ miżuri relatati mal-ħażniet ta’ demel ta’ annimali previsti fl-Anness III tad‑Direttiva 91/676 għal dak li jikkonċerna l-proġetti ta’ istallazzjoni intiżi għat‑trobbija intensiva elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 85/337.

54      F’tali ipoteżi, li, madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa r-realità u l-portata tagħha fir-rigward tal-programm ta’ azzjoni kkonċernat, għandu jiġi kkunsidrat li dan il-programm ta’ azzjoni għandu jitqies, għal dak li jikkonċerna l-imsemmija miżuri, li jiddefinixxi l-kuntest li fih l‑implementazzjoni tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 85/337 tista’ tiġi awtorizzata fil-futur, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42.

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li programm ta’ azzjoni adottat taħt l-Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 91/676 huwa bħala prinċipju pjan jew programm imsemmi fl‑Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42 meta dan jikkostitwixxi “pjan” jew “programm” fis-sens tal-Artikolu 2(a) ta’ din l-aħħar direttiva u meta fih miżuri li l-osservanza tagħhom tikkundizzjona l-ħruġ tal-awtorizzazzjoni li tista’ tingħata għat‑twettiq tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 85/337.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

56      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, għandu jiġi kkonstatat li ma huwiex neċessarju, għall-eżitu tal-kawża prinċipali, li jkun hemm deċiżjoni fuq il‑kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2001/42 jimponix wkoll evalwazzjoni tal-effetti ambjentali tal-programmi ta’ azzjoni.

57      Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

58      Fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2001/42 japplika biss fil-każ fejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) ma humiex applikabbli, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

59      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Programm ta’ azzjoni adottat taħt l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/676/KEE tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t‑tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli huwa bħala prinċipju pjan jew programm imsemmi fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal‑effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, meta dan jikkostitwixxi “pjan” jew “programm” fis-sens tal-Artikolu 2(a) ta’ din l-aħħar direttiva u meta fih miżuri li l-osservanza tagħhom tikkundizzjona l-ħruġ tal‑awtorizzazzjoni li tista’ tingħata għat-twettiq tal-proġetti elenkati fl‑Annessi I u II tad-Direttiva 85/337/KEE tal-Kunill tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, hekk kif emendata bid-Direttiva 97/11/KE tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 1997.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.