Kawża C-96/09 P

Anheuser-Busch Inc.

vs

Budějovický Budvar, národní podnik

“Appell — Trade mark Komunitarja — Regolament (KE) Nru 40/94 — Artikolu 8(4) — Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali u figurattiva BUD — Oppożizzjoni — Indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika ‘bud’— Protezzjoni skont il-Ftehim ta’ Lisbona u t-trattati bilaterali li jorbtu żewġ Stati Membri — Użu fil-kummerċ — Sinjal li ma huwiex biss ta’ sinjifikat lokali”

Sommarju tas-sentenza

1.        Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal ieħor li huwa użat fil-kummerċ — Kundizzjonijiet — Eżistenza ta’ dritt preċedenti li ma jkunx ġie ddikjarat invalidu permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li saret finali

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(4))

2.        Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal ieħor li huwa użat fil-kummerċ — Użu tas-sinjal fil-kummerċ — Kunċett

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 8(4) u 43(2) u (3))

3.        Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal ieħor li huwa użat fil-kummerċ — Sinjifikat lokali tas-sinjal

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(4))

4.        Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal ieħor li huwa użat fil-kummerċ — Użu tas-sinjal fil-kummerċ – Kriterju ratione temporis

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(4)(a))

5.        Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal ieħor li huwa użat fil-kummerċ — Sinjal li jagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti — Oneru tal-prova

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 8(4)(b) u 74(1))

1.        Sabiex min jopponi jkun jista’, abbażi tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja, jimpedixxi r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, huwa neċessarju u suffiċjenti li, meta l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) jivverifika li l-kundizzjonijiet tal-oppożizzjoni huma sodisfatti, tkun tista’ tiġi invokata l-eżistenza ta’ dritt preċedenti li ma jkunx ġie ddikjarat invalidu permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li saret finali.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm l-Uffiċċju, meta jiddeċiedi fuq oppożizzjoni bbażata fuq l-imsemmi Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, għandu jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet tal-qrati tal-Istati Membri kkonċernati dwar il-validità jew il-klassifikazzjoni ta’ drittijiet preċedenti sostnuti sabiex jiġi żgurat li dawn id-drittijiet dejjem jipproduċu l-effetti rikjesti minn din id-dispożizzjoni, ma jistax jissostitwixxi d-diskrezzjoni tiegħu għal dik tal-qrati nazzjonali kompetenti, setgħa li barra minn hekk ma tingħatax lilu mill-imsemmi regolament.

(ara l-punti 94, 95)

2.        F’dak li jirrigwarda t-termini “wżati fil-kummerċ” li jinsabu fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja, din id-dispożizzjoni ma ssemmix l-użu “ġenwin” tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni u ma hemm xejn fil-formulazzjoni tal-Artikolu 43(2) u (3) tal-imsemmi regolament li jindika li r-rekwiżit tal-prova tal-użu ġenwin japplika għal tali sinjal.

Għalkemm huwa minnu li t-termini “wżati fil-kummerċ” mhux neċessarjament jingħataw l-istess interpretazzjoni bħal dik adottata fil-kuntest tal-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament jew tal-Artikoli 5(1) u 6(1) tad-Direttiva 89/104 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, peress li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan rispettiv ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jibqa’ l-fatt li interpretazzjoni ta’ dawn it-termini bħala li jfissru, essenzjalment, li s-sinjal għandu jkun biss is-suġġett ta’ użu kummerċjali tikkorrispondi għall-aċċettazzjoni abitwali tiegħu.

Jekk ir-rekwiżit ta’ użu ġenwin kien impost fuq is-sinjali msemmija fl-Artikolu 8(4) tr-Regolament 40/94 fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 43(2) u (3) ta’ dan ir-regolament, tali interpretazzjoni twassal li timponi fuq dawn is-sinjali kundizzjonijiet speċifiċi għall-oppożizzjonijiet ibbażati fuq trade marks preċedenti u li, b’mod differenti għal dawn l-oppożizzjonijiet, fil-kuntest tal-imsemmi Artikolu 8(4), min jopponi għandu juri wkoll li s-sinjal inkwistjoni jagħtih id-dritt, skont id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, li jipprojbixxu l-użu ta’ trade mark iktar reċenti.

Barra minn hekk, applikazzjoni b’analoġija tal-kundizzjoni dwar l-użu ġenwin ipprovduta għat-trade marks preċedenti għad-drittijiet preċedenti li hemm fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 tmur kontra n-natura fil-prinċipju awtonoma ta’ din ir-raġuni relattiva għal rifjut ta’ reġistrazzjoni li jintwera permezz ta’ kundizzjonijiet speċifiċi u li wkoll trid tinftiehem fid-dawl tal-eteroġeneità kbira ta’ drittijiet preċedenti li jistgħu jiġu koperti minn tali raġuni.

Fir-rigward, tal-kwistjoni dwar jekk it-termini “wżat fil-kummerċ” jimplikawx li l-użu ta’ indikazzjoni ġeografika invokata skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jsir konformi mal-funzjoni essenzjali ta’ tali sinjal, jiġifieri li l-konsumaturi jkollhom garanzija tal-oriġini ġeografika tal-prodotti u tal-kwalitajiet speċifiċi intrinsiċi tagħhom, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li s-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni huwa użat fil-kummerċ u li l-fatt li dan is-sinjal ikun identiku għal trade mark ma jfissirx madankollu li dan ma jintużax għal dan il-għan. Fir-rigward tal-funzjoni li għandu jtendi lejha l-użu tas-sinjal, dan għandu jintuża bħala element distintiv fis-sens li għandu jservi sabiex jidentifika attività ekonomika mwettqa mill-proprjetarju tiegħu.

Fl-aħħar nett, il-konsenji b’mod gratuwitu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi vverifikata l-kundizzjoni tal-użu fil-kummerċ tad-dritt preċedenti invokat, peress li dawn il-konsenji setgħu saru fil-kuntest ta’ attività kummerċjali intiża sabiex ikollha gwadann ekonomiku, jiġifieri l-kisba ta’ swieq ġodda.

(ara l-punti 142-149, 152)

3.        Sinjal li l-ambitu ġeografiku tal-protezzjoni tiegħu huwa biss lokali għandu ċertament jiġi kkunsidrat bħala li għandu sinijifikat lokali biss. Madankollu, ma jsegwix li l-kundizzjoni magħmula fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja hija sodisfatta fil-każijiet kollha minħabba l-fatt biss li l-protezzjoni tas-sinjal inkwistjoni tkopri territorju li ma jistax jiġi kkunsidrat biss ta’ sinjifikat lokali, peress li t-territorju ta’ protezzjoni jestendi lil hinn mit-territorju ta’ oriġini.

Fil-fatt, l-għan komuni tal-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(4) huwa li jkunu limitati l-kunflitti bejn is-sinjali billi jiġi ostakolat li dritt preċedenti li ma jkunx kkaratterizzat biżżejjed, jiġifieri importanti u sinjifikattiv fil-kummerċ, jista’ jkun ta’ ostakolu għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja ġdida. Tali fakultà ta’ oppożizzjoni għandha tkun riżervata għas-sinjali li huma effettivament u realment preżenti fis-suq rilevanti tagħhom.

Għaldaqstant, is-sinjifikat ta’ sinjal ma jkunx biss skont l-ambitu ġeografiku ta’ protezzjoni tiegħu, peress li, kieku kien hekk, sinjal li l-ambitu tal-protezzjoni tiegħu ma huwiex biss lokali jista’, minħabba dan il-fatt biss, ikun ta’ ostakolu għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, u dan anki jekk jiġi użat fil-kummerċ biss b’mod marġinali.

Minn dan isegwi li, sabiex ikun ta’ ostakolu għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal ġdid, dak li huwa invokat insostenn tal-oppożizzjoni għandu effettivament jintuża b’mod suffiċjentement sinjifikattiv fil-kummerċ u jkollu ambitu ġeografiku li ma huwiex biss lokali, li jimplika li, meta t-territorju ta’ protezzjoni ta’ dan is-sinjal jista’ jiġi kkunsidrat bħala mhux lokali, dan l-użu jkun seħħ f’parti sinjifikattiva ta’ dan it-territorju.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk dan huwiex il-każ, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tul u l-intensità tal-użu ta’ dan is-sinjal bħala elementi distintivi għad-destinatarji tiegħu li huma kemm ix-xerrejja u l-konsumaturi kif ukoll il-fornituri u l-kompetituri. F’dan ir-rigward, huma rilevanti b’mod partikolari l-użi tas-sinjal magħmula fir-reklamar u fil-korrispondenza kummerċjali.

Barra minn hekk, huwa biss fit-territorju ta’ protezzjoni tas-sinjal, li jirrigwarda l-intier jew parti biss minnu, li d-dritt applikabbli jagħti lis-sinjal drittijiet esklużivi li jistgħu jsibu ruħhom f’kunflitt ma’ trade mark Komunitarja. L-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-użu fil-kummerċ għandha ssir separatament għal kull territorju fejn id-dritt li huwa invokat insostenn tal-oppożizzjoni huwa protett. Is-sinjifikat tas-sinjal ma jistax għalhekk jiġi dedott minn evalwazzjoni kumulattiva tal-użu tas-sinjal fit-territorji kollha rilevanti.

(ara l‑punti 156, 160, 162, 163)

4.        Għandu jiġi applikat għall-kundizzjoni tal-użu fil-kummerċ tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni l-istess kriterju temporali bħal dak espressament ipprovdut fl-Artikolu 8(4)(a) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja rigward il-kisba tad-dritt għall-imsemmi sinjal, jiġifieri dak tad-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

Fil-fatt, fid-dawl, b’mod partikolari, tat-terminu sinjifikattiv li jista’ jgħaddi bejn il-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u l-pubblikazzjoni tagħha, l-applikazzjoni ta’ dan l-istess kriterju huwa tali li jiggarantixxi aħjar li l-użu invokat tas-sinjal inkwistjoni jkun użu reali u mhux prattika li għandha l-għan biss li tostakola r-reġistrazzjoni ta’ trade mark ġdida.

Barra minn hekk, bħala regola ġenerali, użu tas-sinjal magħmul esklużivament jew prinċipalment matul il-perijodu bejn il-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja u l-pubblikazzjoni ta’ din l-applikazzjoni ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jistabbilixxi li dan is-sinjal kien suġġett ta’ użu fil-kummerċ li juri li għandu sinjifikat suffiċjenti.

(ara l-punti 166-168)

5.        L-Artikolu 8(4)(b) tar-Regolament 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja jistabbilixxi l-kundizzjoni li biha, skont id-dritt tal-Istat Membru li huwa applikabbli għas-sinjal invokat skont din id-dispożizzjoni, dan is-sinjal jagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti. Fil-fatt, skont l-Artikolu 74(1) tal-imsemmi regolament, l-oneru tal-prova li din il-kundizzjoni hija sodisfatta qiegħed fuq min jopponi quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni).

F’dan il-kuntest u fir-rigward ta’ drittijiet preċedenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali allegata insostenn tal-oppożizzjoni u deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fl-Istat Membru kkonċernat. Fuq din il-bażi, min jopponi għandu juri li s-sinjal inkwistjoni jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Istat Membru invokata u li din tippermetti l-preklużjoni tal-użu ta’ trade mark iktar reċenti. Minn dan isegwi li min jopponi għandu juri biss li huwa għandu d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti u ma jistax jintalab minnu li huwa juri li dan id-dritt jiġi eżerċitat, fis-sens li min jopponi effettivament seta’ jikseb il-projbizzjoni ta’ tali użu.

(ara l-punti 188-191)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

29 ta’ Marzu 2011 (*)

“Appell – Trade mark Komunitarja – Regolament (KE) Nru 40/94 − Artikolu 8(4) − Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali u figurattiva BUD − Oppożizzjoni − Indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika ‘bud’ − Protezzjoni skont il-Ftehim ta’ Lisbona u t-trattati bilaterali li jorbtu żewġ Stati Membri – Użu fil-kummerċ – Sinjal li ma huwiex biss ta’ sinjifikat lokali”

Fil-Kawża C‑96/09 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fl-4 ta’ Marzu 2009,

Anheuser-Busch Inc., stabbilita f’Saint Louis (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn V. von Bomhard u B. Goebel, Rechtsanwälte,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Budějovický Budvar, národní podnik, stabbilita f’České Budĕjovice (ir-Repubblika Ċeka), irrappreżentata minn F. Fajgenbaum, T. Lachacinski, C. Petsch u S. Sculy-Logotheti, avukati,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard‑Monguiral, bħala aġent,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot (Relatur), K. Schiemann u D. Šváby, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, R. Silva de Lapuerta, E. Levits, U. Lõhmus, M. Safjan u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Ġunju 2010,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Settembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Anheuser-Busch Inc. (iktar ’il quddiem “Anheuser-Busch”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-Qorti Ġenerali) tas-16 ta’ Diċembru 2008, Budějovický Budvar vs UASI – Anheuser-Busch (BUD) (T‑225/06, T‑255/06, T‑257/06 u T‑309/06, Ġabra p. II‑3555, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din tal-aħħar laqgħet ir-rikorsi ippreżentati minn Budějovický Budvar, národní podnik (iktar ’il quddiem “Budvar”), kontra d-deċiżjonijiet tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tal-14 ta’ Ġunju 2006 (Każ R 234/2005‑2) u tat-28 ta’ Ġunju 2006 (Każijiet R 241/2005‑2 u R 802/2004‑2) kif ukoll tal-1 ta’ Settembru 2006 (Każ R 305/2005‑2) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet kkontestati”), dwar proċeduri ta’ oppożizzjoni rigward applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja tas-sinjal “BUD”, ippreżentati minn Anheuser-Busch.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

2        L-Artikoli 1 sa 5 tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar il-Protezzjoni ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u r-Reġistrazzjoni Internazzjonali tagħhom, tal-31 ta’ Ottubru 1958, irrivedut fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967 u emendat fit-28 ta’ Settembru 1979, (Recueil des traités des Nations unies, vol. 828, n 13172, p. 205, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Lisbona”), jipprovdi:

                              “Artikolu 1

1)      Il-pajjiżi li għalihom japplika dan il-Ftehim jikkostitwixxu Unjoni Speċjali fil-qafas tal-Unjoni għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali.

2)      Huma jobbligaw ruħhom li jipproteġu, fit-territorji tagħhom, skont it-termini ta’ dan il-Ftehim, id-denominazzjonijiet ta’ oriġini ta’ prodotti tal-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Speċjali, li huma rikonoxxuti u protetti bħala tali fil-pajjiż ta’ oriġini u rreġistrati fl-Uffiċċju Internazzjonali tal-Proprjetà Intellettwali […] li għalih tirreferi l-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali [WIPO].

                              Artikolu 2

1)      F’dan il-Ftehim, ‘denominazzjoni ta’ oriġini’ tfisser l-isem ġeografiku ta’ pajjiż, ta’ reġjun jew ta’ lokalità li jservi sabiex jindika prodott li joriġina minn hemm u li l-kwalità jew il-karatteristiċi tiegħu huma dovuti esklużivament jew essenzjalment għall-ambjent ġeografiku, li jinkludi l-fatturi naturali u umani.

2)      Il-pajjiż ta’ oriġini huwa dak li ismu, jew dak li fih jinsab ir-reġjun jew il-lokalità li isimhom, jikkostitwixxi d-denominazzjoni ta’ oriġini li tat il-fama tagħha lill-prodott.

                              Artikolu 3

Għandha tiġi assigurata l-protezzjoni kontra kull użu ħażin jew imitazzjoni, anki jekk l-oriġini vera tal-prodott hija indikata jew jekk id-denominazzjoni hija tradotta jew użata flimkien ma’ espressjonijiet bħal ‘stil’, ‘tip’, ‘metodu’, ‘imitazzjoni’ jew espressjonijiet simili.

                              Artikolu 4

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim bl-ebda mod ma jeskludu l-protezzjoni ġa eżistenti favur id-denominazzjonijiet ta’ oriġini f’kull pajjiż tal-Unjoni Speċjali, permezz ta’ strumenti internazzjonali oħra, bħalma huma l-Konvenzjoni ta’ Pariġi tal-20 ta’ Marzu 1883 għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali u r-reviżjonijiet sussegwenti tagħha, u l-Ftehim ta’ Madrid tal-14 ta’ April 1891 dwar it-Trażżin ta’ Indikazzjonijiet ta’ Provenjenza Foloz jew Qarrieqa fuq il-Prodotti u r-reviżjonijiet sussegwenti tiegħu, jew permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-ġurisprudenza.

                              Artikolu 5

1)      Ir-reġistrazzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini għandha ssir fl-Uffiċċju Internazzjonali, fuq talba tal-Uffiċċji tal-pajjiżi tal-Unjoni Speċjali, f’isem il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, pubbliċi jew privati, li għandhom id-dritt li jużaw dawn id-denominazzjonijiet skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

2)      L-Uffiċċju Internazzjonali għandu jinnotifika r-reġistrazzjonijiet mingħajr dewmien lill-Uffiċċji tad-diversi pajjiżi tal-Unjoni Speċjali u jippubblikahom f’ġabra maħruġa f’intervalli regolari.

3)      L-Uffiċċji tal-pajjiżi jistgħu jiddikjaraw li ma jistgħux jassiguraw il-protezzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini li r-reġistrazzjoni tagħha tkun ġiet innotifikata lilhom, iżda biss sakemm id-dikjarazzjoni tagħhom tkun innotifikata lill-Uffiċċju Internazzjonali, b’indikazzjoni tal-motivi għaliha, fi żmien sena minn meta jkunu rċevew in-notifika tar-reġistrazzjoni, u bil-kundizzjoni li din id-dikjarazzjoni ma tkunx ta’ ħsara, fil-pajjiż inkwistjoni, għall-forom l-oħra ta’ protezzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini li l-proprjetarju ta’ din tal-aħħar jista’ jkollu d-dritt jitlob skont l-Artikolu 4 iktar ’il fuq.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3        Ir-Regoli 9 u 16 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Ftehim ta’ Lisbona, kif daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2002, jipprovdu kif ġej:

                              “Regola 9

Dikjarazzjoni ta’ ċaħda

1)      Kull dikjarazzjoni ta’ ċaħda għandha tiġi nnotifikata lill-Uffiċċju Internazzjonali mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż kontraenti li għalih inħarġet iċ-ċaħda u għandha tkun iffirmata minn din l-awtorità.

[…]

                              Regola 16

Invalidazzjoni

1)      Meta l-effetti ta’ reġistrazzjoni internazzjonali jiġu invalidati f’pajjiż kontraenti u meta l-invalidazzjoni ma tistax tkun iktar suġġetta għal appell, l-imsemmija invalidazzjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Uffiċċju internazzjonali mill-awtorità kompetenti ta’ dan il-pajjiż kontraenti. […]

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        Fl-10 ta’ Marzu 1975, id-denominazzjoni ta’ oriġini “Bud” ġiet irreġistrata mal-WIPO fl-10 ta’ Marzu 1975 bin-numru 598, għall-birra, skont il-Ftehim ta’ Lisbona.

 It-trattati bilaterali

 Il-konvenzjoni bilaterali

5        Fil-11 ta’ Ġunju 1976, ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka kkonkludew trattat dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ta’ provenjenza, id-denominazzjonijiet ta’ oriġini u denominazzjonijiet oħra li jindikaw il-provenjenza tal-prodotti agrikoli u industrijali (iktar ’il quddiem il-“konvenzjoni bilaterali”).

6        Wara l-approvazzjoni u r-ratifika tagħha, il-konvenzjoni bilaterali ġiet ippubblikata fil-Bundesgesetzblatt für die Republik Österreich tad-19 ta’ Frar 1981 (BFB1. 75/1981). Skont l-Artikolu 16(2) tagħha, il-konvenzjoni bilaterali daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Frar 1981 għal perijodu indeterminat.

7        L-Artikolu 1 tal-konvenzjoni bilaterali jipprovdi:

“Kull Stat kontraenti jimpenja ruħu li jieħu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jipproteġi b’mod effettiv, mill-kompetizzjoni żleali fil-qasam tal-kummerċ, l-indikazzjonijiet ta’ provenjenza, id-denominazzjonijiet tal-oriġini u denominazzjonijiet oħra li jindikaw il-provenjenza ta’ prodotti agrikoli u industrijali li jaqgħu taħt il-kategoriji msemmija fl-Artikolu 5 u speċifikati fil-ftehim previst fl-Artikolu 6, kif ukoll l-ismijiet u l-illustrazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3, 4 u 8(2).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        Skont l-Artikolu 2 tal-konvenzjoni bilaterali:

“B’indikazzjonijiet ta’ provenjenza, wieħed jifhem denominazzjonijiet tal-oriġini u denominazzjonijiet oħra li jindikaw il-provenjenza fis-sens ta’ dan it-trattat, l-indikazzjonijiet kollha direttament jew indirettament marbuta mal-provenjenza ta’ prodott. Indikazzjoni bħal din hija ġeneralment ikkostitwita minn denominazzjoni ġeografika. Madankollu, hija tista’ tkun ikkostitwita wkoll minn espressjonijiet oħra jekk f’dawn l-espressjonijiet, flimkien mal-prodott hekk denominat, dawk ikkonċernati fil-pajjiż ta’ oriġini jaraw indikazzjoni tal-pajjiż ta’ produzzjoni. Dawn id-denominazzjonijiet jistgħu jinkludu, minbarra l-indikazzjoni ta’ territorju ta’ provenjenza ġeografikament iddeterminata, espressjonijiet marbuta mal-kwalità tal-prodott ikkonċernat. Dawn il-proprjetajiet partikolari tal-prodotti huma esklużivament jew prinċipalment riżultat ta’ influwenzi ġeografiċi jew umani.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        L-Artikolu 3(1) tal-konvenzjoni bilaterali jipprovdi:

“[...] id-denominazzjonijiet Ċekoslovakki stipulati fi ftehim konkluż skont l-Artikolu 6 huma rriżervati fir-Repubblika tal-Awstrija esklużivament għal prodotti Ċekoslovakki.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      Il-punt B(2) tal-Artikolu 5(1) tal-konvenzjoni bilaterali jsemmi l-birer fost il-kategoriji ta’ prodotti Ċeki kkonċernati mill-protezzjoni stabbilita minn din il-konvenzjoni.

11      Skont l-Artikolu 6 tal-konvenzjoni bilaterali:

“Id-denominazzjonijiet ta’ prodotti, li għalihom japplikaw il-kundizzjonijiet tal-Artikoli 2 u 5, li jibbenefikaw mill-protezzjoni tat-trattat u li għalhekk ma humiex denominazzjonijiet ġeneriċi għandhom jiġu elenkati fi ftehim li għandu jiġi konkluż bejn il-gvernijiet taż-żewġ Stati kontraenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-ftehim bilaterali

12      Skont l-Artikolu 6 tal-konvenzjoni bilaterali, ftehim fuq l-applikazzjoni tiegħu (iktar ’il quddiem il-“ftehim bilaterali” u, flimkien mal-konvenzjoni bilaterali, it-“trattati bilaterali inkwistjoni”) ġie konkluż fis-7 ta’ Ġunju 1979.

13      L-Anness B tal-ftehim bilaterali jipprovdi:

“Denominazzjonijiet Ċekoslovakki għal prodotti agrikoli u industrijali

[...]

B      Ikel u agrikoltura (minbarra l-inbid)

[...]

2.      Birra

Repubblika Soċjalista Ċeka

[...]

Bud

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt tal-Unjoni

14      Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17 Vol. 1, p. 146), ġie abrogat u ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1). Madankollu, jibqa’ applikabbli għal din il-kawża r-Regolament Nru 40/94, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 422/2004, tad-19 ta’ Frar 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 40/94”).

15      L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “Raġunijiet relattivi għal rifjut”, jipprovdi fil-paragrafu 4 tiegħu:

“4. Ma l-opposizzjoni mill-propjetarju tat-trade-mark mhux-reġistrata jew ta’ xi sinjal ieħor użat fil-korsa tal-kummerċ ta’ aktar minn sempliċement ta’ sinifikanza lokali, it-trade-mark li tkun saret applikazzjoni dwarha m’għandiex tkun reġistrata meta u sal-limitu li, bis-saħħa tal-leġislazzjoni tal-Komunità jew tal-liġi tal-Istat Membru li jirregola dak is-sinjal:

a)      id-drittijiet għal dak is-sinjal kienu nkisbu qabel id-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, jew id-data tal-prijorità mitluba għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja;

b)      dak is-sinjal jagħti lill-proprjetarju id-dritt li jiprojbixxi l-użu ta’ trade mark suċċessiv.”

16      L-Artikolu 43(2) u (3) tal-istess regolament jipprovdi:

“2.      Fuq talba ta’ l-applikant, il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja preċedenti li jkun għamel notifika għandu iġib provi li, waqt il-perjodu ta’ ħames snin qabel id-data ta’ publikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, ikun sar użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata u li huwa qiegħed isemmi bħala ġustifikazzjoni għall-opposizzjoni tiegħu, jew li hemm raġunijiet validi għalfejn m’għandhiex tintuża, sakemm it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun f’dik id-data ilha reġistrata għal mhux inqas minn ħames snin. F’nuqqas ta’ provi ta’ din ix-xorta, l-opposizzjoni għandha tiġi miċħuda. Jekk it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun intużat f’konnessjoni ma’ parti biss mill-prodotti jew servizzi li għalihom tkun reġistrata, hija għandha, għall-finijiet ta’ l-eżaminazzjoni ta’ l-opposizzjoni, titqies li hija reġistrata biss f’konnessjoni ma dik il-parti tal-prodotti jew servizzi.

3.      Il-paragrafu 2 japplika għal trade marks nazzjonali preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(2)(a), u dana billi l-użu f l-Istat Membru fejn it-trade mark nazzjonali preċedenti hija protetta jiġi sostitwit b’użu fil-Komunità.”

17      Skont l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru40/94:

“Fi proċedimenti quddiemu l-Uffiċċju għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizzjattiva tiegħu stess; madanakollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ippreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

18      Il-fatti li wasslu għall-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, kif inhuma deskritti fis-sentenza appellata, jistgħu jiġi mqassra kif ġej.

19      Anheuser-Busch, Inc. ippreżentat, fl-1 ta’ April 1996, fit-28 ta’ Lulju 1999, fil-11 ta’ April u fl-4 ta’ Lulju 2000, erba’ applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja tat-trade mark figurattiva u verbali Bud għal ċerti tipi ta’ prodotti, inkluża l-birra, fil-klassijiet 16, 21, 25, 32, 33, 35, 38, 41 u 42 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju, 1957, kif rivedut u emendat.

20      Fil-5 ta’ Marzu 1999, fl-1 ta’ Awwissu 2000, fit-22 ta’ Mejju u fil-5 ta’ Ġunju 2001, Budvar ressqet oppożizzjonijiet skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 għall-prodotti kollha speċifikati fl-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni.

21      Insostenn ta’ dawn l-oppożizzjonijiet, Budvar invokat, fl-ewwel lok, abbażi tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, l-eżistenza ta’ trade mark preċedenti, jiġifieri t-trade mark figurattiva internazzjonali Bud (Nru 361 566), irreġistrata għall-birra, b’effett fl-Awstrija, fil-pajjiżi tal-Benelux u fl-Italja.

22      Fit-tieni lok, Budvar invokat, abbażi tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, l-eżistenza tad-denominazzjoni “bud” kif protetta, minn naħa, fi Franza, fl-Italja u fil-Portugall, skont il-Ftehim ta’ Lisbona, u min-naħa l-oħra, fl-Awstrija skont it-trattati bilaterali inkwistjoni.

23      Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Lulju 2004, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI laqgħet parzjalment l-oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba f’dak li jirriwarda “Servizzi ta’ restoranti, bars u tveren” (klassi 42), intiżi mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tal-4 ta’ Lulju 2000, billi kkunsidrat, b’mod partikolari, li Budvar kienet uriet li hija kellha dritt fuq id-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” fi Franza, fl-Italja u fil-Portugall.

24      B’deċiżjonijiet tat-23 ta’ Diċembru 2004 u tas-26 ta’ Jannar 2005, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjonijiet kontra r-reġistrazzjoni ta’ trade marks li huma s-suġġett ta’ tliet applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni, billi kkunsidrat, essenzjalment, li ma kinitx tressqet il-prova li d-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” fir-rigward ta’ Franza, tal-Italja, tal-Awstrija u tal-Portugall, kienet sinjal użat fil-kummerċ li ma huwiex biss ta’ sinjifikat lokali.

25      Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kkunsidrat li kellhom jiġu applikati l-istess kriterji bħal dawk ipprovduti fl-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94, moqri fid-dawl tar-Regola 22(2) u (3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1041/2005, tad-29 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 287M, p. 12, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2868/95”), peress li dawn il-kriterji kienu relatati mal-“użu ġenwin” tat-trade marks preċedenti li bbażat l-oppożizzjoni.

26      Għaldaqstant Budvar ippreżentat tliet appelli kontra deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI tat-23 ta’ Diċembru 2004 u tas-26 ta’ Jannar 2005 kif ukoll kontra d-deċiżjoni tal-16 Lulju 2004 tal-istess diviżjoni, sa fejn din ċaħdet l-oppożizzjoni fir-rigward ta’ servizzi oħra inklużi fil-klassijiet 35, 38, 41 u 42.

27      Rigward Anheuser-Busch, hija ippreżentat appell kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI tas-16 ta’ Lulju 2004, sa fejn hija parzjalment laqgħet l-oppożizzjoni magħmula minn Budvar.

28      Permezz tad-deċiżjonijiet tagħha tal-14 ta’ Ġunju, tat-28 ta’ Ġunju u tal-1 ta’ Settembru 2006, it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appelli ppreżentati minn Budvar kontra d-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI tat-23 ta’ Diċembru 2004 u tas-26 ta’ Jannar 2005. Permezz ta’ deċiżjoni mogħtija fit-28 ta’ Ġunju 2006, l-imsemmi bord laqa’ l-appell ippreżentat minn Anheuser-Busch kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI tas-16 ta’ Lulju 2004 u ċaħad l-oppożizzjoni magħmula minn Budvar kollha kemm hi.

29      Fl-erba’ deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord tal-Appell, fl-ewwel lok, irrileva li ma kienx jidher li Budvar kienet għadha qed tirreferi għat-trade mark figurattiva internazzjonali Nru 361 566 sabiex tibbaża l-oppożizzjonijiet tagħha, iżda kienet qed tirreferi biss għad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud”.

30      Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, essenzjalment, li kien diffiċli li jitqies li s-sinjal “BUD” jista’ jiġi kkunsidrat bħala li huwa denominazzjoni ta’ oriġini, jew bħala indikazzjoni indiretta ta’ provenjenza ġeografika. Minn dan huwa kkonkluda li oppożizzjoni ma setgħetx tirnexxi, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, abbażi ta’ dritt ippreżentat bħala denominazzjoni ta’ oriġini li, madankollu, fil-fatt, ma jkunx tali.

31      Fit-tielet lok, il-Bord tal-Appell, bl-applikazzjoni b’analoġija tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, u tar-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95, ikkunsidra li l-provi mressqa minn Budvar, fir-rigward tal-użu tad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” fi Franza, fl-Awstrija, fl-Italja u fil-Portugall kienu insuffiċjenti.

32      Fl-aħħar lok, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-oppożizzjoni kellha wkoll tiġi miċħuda peress li Budvar ma kinitx uriet li d-denominazzjoni ta’ oriġini inkwistjoni kienet tagħtiha d-dritt li tipprekludi l-użu tat-terminu “bud”, bħala trade mark, fi Franza jew fl-Awstrija.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

33      Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Awwissu (Kawża T‑225/06), fil-15 ta’ Settembru (Kawżi T‑255/06 u T‑257/06) u fl-14 ta’ Novembru 2006 (Kawża T‑309/06), Budvar ippreżentat kawżi intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

34      Budvar invokat, essenzjalment, motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, u li għandu żewġ partijiet.

35      Permezz tal-ewwel parti Budvar tqiegħed f’dubju l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li s-sinjal “BUD” ma setax jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi denominazzjoni ta’ oriġini. Permezz tat-tieni parti, Budvar tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 ma humiex, f’din il-kawża, sodisfatti.

36      Rigward l-ewwel parti tal-imsemmi motiv, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, li għandha ssir distinzjoni, għall-finijiet tal-eżami tad-deċiżjonijiet ikkontestati, bejn id-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” irreġistrata skont il-Ftehim ta’ Lisbona u d-denominazzjoni “bud” protetta skont il-konvenzjoni bilaterali.

37      Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, id-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” irreġistrata skont il-Ftehim ta’ Lisbona, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett iddeċidiet kif ġej fil-punt 87 tas-sentenza appellata:

“F’dan il-każ, id-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” (Nru 598) ġiet irreġistrata fl-10 ta’ Marzu 1975. Franza ma ddikjaratx, fi żmien sena min-notifika tar-reġistrazzjoni, li hija ma setgħetx tiżgura l-protezzjoni tal-imsemmija denominazzjoni ta’ oriġini. Barra minn hekk, fiż-żmien meta ġew adottati d-deċiżjonijiet ikkontestati, l-effetti tad-denominazzjoni ta’ oriġini inkwistjoni kienu ġew invalidati permezz ta’ sentenza tat-Tribunal de grande instance de Strasbourg [Franza] tat-30 ta’ Ġunju 2004. Madankollu, kif jirriżulta mid-dokumenti eżebiti fid-dibattiti, Budvar appellat minn din is-sentenza, u dan l-appell għandu effett sospensiv. Minn dan jirriżulta li, fiż-żmien meta ġew adottati d-deċiżjonijiet ikkontestati, l-effetti tad-denominazzjoni ta’ oriġini inkwistjoni ma kinux ġew invalidati, fi Franza, b’deċiżjoni li ma setgħetx tiġi appellata.”

38      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza tagħha li d-dritt dwar it-trade marks tal-Unjoni ma jissostitwixxix id-drittijiet ta’ trade marks tal-Istati Membri, peress li l-validità ta’ trade mark nazzjonali ma tistax tiġi kkontestata fl-ambitu ta’ proċeduri għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja.

39      Min dan iddeduċiet, fil-punt 89 tal-imsemmija sentenza, li s-sistema maħluqa mir-Regolament Nru 40/94 tippresupponi li l-UASI jieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza tad-drittijiet preċedenti protetti fil-livell nazzjonali.

40      Fil-punt 90 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġibdet minn dan il-konklużjoni li ġejja:

“Peress li, fi Franza, l-effetti tad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” ma kinux ġew definittavament invalidati, il-Bord tal-Appell kellu jqis, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, il-liġi nazzjonali rilevanti u r-reġistrazzjoni magħmula skont il-Ftehim ta’ Liżbona, mingħajr ma seta’ jqajjem dubju fir-rigward tal-fatt li d-dritt preċedenti invokat jikkostitwixxi ‘denominazzjoni ta’ oriġini’”.

41      Fl-aħħar nett, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet li, kieku l-Bord tal-Appell kellu dubji serji fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala “denominazzjoni ta’ oriġini” tad-dritt preċedenti, u għalhekk fir-rigward tal-protezzjoni li kellha tingħatalu skont il-liġi nazzjonali invokata, meta din il-kwistjoni kienet ġustament tifforma s-suġġett fi proċedura ġudizzjarja fi Franza, huwa kellu l-possibbiltà li, skont ir-Regola 20(7)(c) tar-Regolament Nru 2868/95, jissospendi l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni sakemm tingħata sentenza definittiva f’dan ir-rigward.

42      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell kien kiser l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 meta kkunsidra, l-ewwel nett, li d-dritt preċedenti invokat, irreġistrat skont il-Ftehim ta’ Lisbona, ma kienx “denominazzjoni ta’ oriġini”, it-tieni nett, li l-kwistjoni ta’ jekk is-sinjal “BUD” ġiex meqjus bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta, b’mod partikolari fi Franza, kellha “importanza sekondarja” u, fl-aħħar lok, meta kkonkluda li oppożizzjoni fuq din il-bażi ma setgħetx tirnexxi.

43      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, id-denominazzjoni “bud” protetta skont it-trattati bilaterali inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, mill-imsemmija trattati ma jirriżultax li l-indikazzjoni “BUD” ġiet speċifikament meqjusa bħala “denominazzjoni ta’ oriġini”.

44      Fil-punt 94 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li mill-Artikolu 2 tal-konvenzjoni bilaterali jirriżulta li din tal-aħħar hija bbażata fuq definizzjoni iktar wiesgħa minn dik mogħtija mill-Bord tal-Appell, peress li huwa biżżejjed li l-indikazzjonijiet jew id-denominazzjonijiet ikkonċernati jkunu marbuta direttament jew indirettament mal-provenjenza ta’ prodott sabiex ikunu jistgħu jiġu elenkati fil-ftehim bilaterali u sabiex jibbenefikaw, fuq din il-bażi, mill-protezzjoni mogħtija mill-imsemmija konvenzjoni.

45      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 95 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell kien għamel żewġ żbalji, l-ewwel wieħed, meta huwa kien ikkunsidra, b’mod żbaljat, li d-denominazzjoni “BUD” kienet speċifikament protetta bħala “denominazzjoni ta’ oriġini” skont it-trattati bilaterali, u t-tieni wieħed, meta, fi kwalunkwe każ, huwa kien applika definizzjoni tad-“denominazzjoni ta’ oriġini” li ma tikkorrispondix għad-definizzjoni tal-indikazzjonijiet protetti skont dawn l-imsemmija trattati.

46      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 96 tas-sentenza appellata, li l-fatt li Budvar setgħet tippreżenta d-dritt invokat bħala “denominazzjoni ta’ oriġini” ma kienx iżomm lill-Bord tal-Appell milli jagħmel evalwazzjoni sħiħa tal-fatti u tad-dokumenti ppreżentati, peress li l-limitazzjoni tal-bażi fattwali tal-eżami magħmul mill-UASI ma teskludix il-possibbiltà li dan jieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-fatti mressqa b’mod espliċitu mill-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, fatti magħrufa, jiġifieri fatti li jistgħu jkunu magħrufa minn kulħadd jew li tagħhom jista’ jinkiseb għarfien minn sorsi ġeneralment aċċessibbli.

47      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 97 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell kien kiser l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 meta kkunsidra, l-ewwel, li d-dritt preċedenti invokat, protett skont il-konvenzjoni bilaterali, ma kienx “denominazzjoni ta’ oriġini”, skont id-definizzjoni mogħtija mill-Bord tal-Appell, it-tieni, meta kkunsidra li l-kwistjoni ta’ jekk is-sinjal “BUD” kienx meqjus bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta, b’mod partikolari fl-Awstrija, kellha “importanza sekondarja” u, fl-aħħar lok, meta kkonkluda li oppożizzjoni fuq din il-bażi ma setgħetx tirnexxi.

48      Fil-punt 98 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, barra minn hekk, it-trattati bilaterali inkwistjoni għadhom jipproduċu l-effetti tagħha fl-Awstrija għall-finijiet tal-protezzjoni tad-denominazzjoni “bud”, billi jibbażaw rwieħom, b’mod partikolari, fuq il-kunsiderazzjoni li l-kawżi pendenti fl-Awstrija ma wasslux għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, id-dritt preċedenti invokat minn Budvar mingħajr ma jqajjem dubju fir-rigward tal-istess klassifikazzjoni tal-imsemmi dritt.

49      Għaldaqstant, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel parti tal-motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

50      Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, relatata mal-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ilment dwar il-kundizzjonijiet dwar l-użu fil-kummerċ ta’ sinjal li ma huwiex biss ta’ sinjifikat lokali.

51      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kundizzjoni relatata mal-użu tas-sinjal “BUD” fil-kummerċ, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett fakkret, fil-punt 160 tas-sentenza appellata, li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord tal-Appell kien applika, b’analoġija, l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 u r-rekwiżit tal-prova ta’ użu “ġenwin” tad-dritt preċedenti ipprovdut f’dan l-Artikolu 43(2).

52      Fil-punt 163 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali insegwitu ddeċidiet li l-għanijiet u l-kundizzjonijiet marbuta mal-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti huma differenti minn dawk relatati mal-prova tal-użu, fil-kummerċ, tas-sinjal previst fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, b’mod partikolari meta tkun involuta, bħal f’din il-kawża, denominazzjoni ta’ oriġini rreġistrata skont il-Ftehim ta’ Lisbona jew denominazzjoni protetta skont it-trattati bilaterali inkwistjoni.

53      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punti 164 sa 167 tas-sentenza appellata li:

–        l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 ma jipprevedix l-użu “ġenwin” tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni;

–        fil-kuntest tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 40/94, tal-Artikolu 5(1) u tal-Artikolu 6(1) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali qiesu b’mod kostanti li l-użu ta’ sinjal ikun “fil-kummerċ” meta jsir fil-kuntest ta’ attività kummerċjali intiża sabiex ikollha gwadann ekonomiku u mhux fil-qasam privat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 2002, Arsenal Football Club, C‑206/12, Ġabra p. 1‑10273, punt 40);

–        l-applikazzjoni b’analoġija tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 iwassal sabiex is-sinjali pprovduti fl-Artikolu 8(4) jiġu mgħobbija b’kundizzjonijiet speċifikament marbuta mat-trade marks u mal-portata tal-protezzjoni tagħhom. Barra minn hekk, din l-aħħar dispożizzjoni għandha rekwiżit addizzjonali, mhux ipprovdut fl-Artikolu 8(1)(b) tal-istess regolament, rigward il-prova li s-sinjal jagħti d-dritt, skont il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat, li jipprekludi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti;

–        din l-applikazzjoni b’analoġija tal-imsemmi Artikolu 43(2) u (3) wassal sabiex il-Bord tal-Appell jeżamina biss l-użu tas-sinjal inkwistjoni fi Franza, fl-Italja, fl-Awstrija u fil-Portugall, b’mod separat, jiġifieri fir-rigward ta’ kull wieħed mit-territorji fejn hemm, skont Budvar, il-protezzjoni tad-denominazzjoni “bud” u, konsegwentement, ma ħax inkunsiderazzjoni l-provi prodotti minn Budvar rigward l-użu ta’ denominazzjonijiet inkwistjoni fil-Benelux, fi Spanja u fir-Renju Unit. Issa, skont il-Qorti Ġenerali, peress li mill-kliem tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 ma jirriżultax li s-sinjal inkwistjoni għandu jkun suġġett għal użu fit-territorju li l-liġi tiegħu tkun invokata insostenn tal-protezzjoni tal-istess sinjal, dan jista’ jkun suġġett għal protezzjoni f’territorju speċifiku, filwaqt li ma jkunux intużaw f’territorju speċifiku, għalkemm ma kinux suġġett ta’ użu f’dan it-territorju.

54      Fl-aħħar nett, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 168 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi meta ddeċieda li japplika, b’analoġija, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-użu “ġenwin” tat-trade mark preċedenti. Skont il-Qorti Ġenerali, il-Bord tal-Appell kellu jivverifika jekk il-provi mressqa minn Budvar matul il-proċedimenti amministrattivi kinux jirriflettu l-użu tas-sinjali inkwistjoni fil-kuntest ta’ attività kummerċjali intiża li jkollha gwadann ekonomiku, u mhux fil-qasam privat, u dan indipendentement mit-territorju kkonċernat minn dan l-użu.

55      Madankollu, fl-istess punt 168, il-Qorti Ġenerali żiedet li, minkejja dan, l-iżball ta’ metodoloġija magħmul mill-Bord tal-Appell jista’ jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati biss jekk Budvar kienet stabilixxiet li s-sinjali inkwistjoni kienu użati fil-kummerċ.

56      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 169 tas-sentenza appellata li ma jirriżultax li min jopponi għandu juri li s-sinjal inkwistjoni intuża qabel l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, iżda li l-iktar li jista’ jkun rikjest, bħalma huwa mitlub fir-rigward tat-trade marks preċedenti, u dan sabiex jiġu evitati użi tad-dritt preċedenti pprovokati biss minn proċedimenti ta’ oppożizzjoni, li s-sinjal inkwistjoni jkun intuża qabel il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark fil-Bulettin ta’ trade marks Komunitarji.

57      Fil-punti 170 sa 172 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat id-dokumenti ppreżentati minn Budvar u, wara li kkonstatat li dawn jirrigwardaw użu tas-sinjal qabel il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkonċernata, minn dan ikkonkludiet, fil-punt 173 tal-istess sentenza, li dawn id-dokumenti jistgħu juru, skont il-valur probatorju tagħhom, li s-sinjal inkwistjoni kien “wżat” fil-kummerċ.

58      Dwar il-mertu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 175 tas-sentenza appellata, li indikazzjoni intiża sabiex tindika l-provenjenza ġeografika ta’ prodott tista’ tintuża, bħal fil-każ ta’ trade mark, fil-kummerċ mingħajr ma dan ifisser madankollu li d-denominazzjoni kkonċernata tintuża “bħala trade mark” u għalhekk tilfet il-funzjoni prinċipali tagħha.

59      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 176 tas-sentenza appellata, li l-valur probatorju tad-dokumenti marbuta ma’ konsenji li saru b’mod gratwit ma jistax jiġi kkontestat ġaladarba dawn setgħu saru fil-kuntest ta’ attività kummerċjali intiża sabiex ikollha gwadann ekonomiku, jiġifieri l-kisba ta’ swieq ġodda.

60      Konsegwentement, fil-punt 178 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ilment ta’ Budvar rigward il-kundizzjoni relatata mal-użu tas-sinjal inkwistjoni fil-kummerċ, kif provdut fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

61      Rigward, fit-tieni lok, il-kundizzjoni relatata mas-sinjifikat tas-sinjal inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 179 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell ikkonkluda li l-prova tal-użu ta’ dan is-sinjal fi Franza kienet insuffiċjenti sabiex turi l-eżistenza ta’ dritt li ma huwiex biss ta’ sinjifikat lokali.

62      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 180 u 181 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell kien wettaq ukoll żball ta’ liġi peress li l-imsemmija kundizzjoni hija intiża għas-sinjifikat tas-sinjal inkwistjoni, jiġifieri l-ambitu ġeografiku tal-protezzjoni tagħha, u mhux is-sinjifikat tal-użu tagħha. Fuq dan il-punt, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-drittijiet preċedenti inkwistjoni għandhom sinjifikat li ma huwiex biss lokali fid-dawl tal-fatt li l-protezzjoni tagħhom skont il-Ftehim ta’ Lisbona u t-trattati bilaterali inkwistjoni jestendu lil hinn mit-territorju ta’ oriġini tagħhom.

63      Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 182 tas-sentenza appellata, li l-ewwel ilment tat-tieni parti tal-motiv uniku jintlaqa’ bħala fondat.

64      Rigward it-tieni ilment tat-tieni parti tal-motiv uniku, dwar jekk Budvar kinitx ressqet il-prova li s-sinjali inkwistjoni jagħtuha d-dritt li tipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti fis-sens tal-Artikolu 8(4)(b) tar-Regolament Nru 40/94, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 185 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl ukoll tal-Artikolu 74 tal-istess regolament, il-piż tal-prova qiegħed fuq min jopponi.

65      Rigward id-drittijiet nazzjonali invokati minn Budvar insostenn tal-oppożizzjoni tagħha u intiżi li juru l-eżistenza ta’ dritt ta’ projbizzjoni tat-terminu “BUD”, bħala trade mark, fi Franza jew fl-Awstrija, il-Qorti Ġenerali, fl-punt 192 tas-sentenza appellata, iddeċidiet, fl-ewwel lok, li l-Bord tal-Appell ma setax jibbaża ruħu biss fuq ċerti deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtiha f’dawn l-Istati Membri sabiex jasal għall-konklużjoni tiegħu li Budvar ma kinitx ressqet il-prova li s-sinjal inkwistjoni kien jagħtiha d-dritt li tipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti, peress li ebda waħda minn dawn id-deċiżjonijiet ma kienet kisbet l-awtorità ta’ res judicata.

66      Il-Qorti Ġenerali fl-istess punt 192, żiedet li, sabiex jiġi vverifikat jekk l-imsemmija prova tressqitx, il-Bord tal-Appell kellu wkoll jieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali invokati minn Budvar, inklużi l-Ftehim ta’ Lisbona u l-konvenzjoni bilaterali, u b’mod partikolari, fir-rigward ta’ Franza, diversi dispożizzjonijiet tal-Kodiċi rurali, tal-Kodiċi tal-konsumaturi kif ukoll tal-Kodiċi dwar il-proprjetà intellettwali, u, fir-rigward tal-Awstrija, l-UASI, tal-bażi ġuridika li tinsab fir-rikorsi ppreżentati minn Budvar skont id-dritt nazzjonali invokat, jiġifieri l-Artikolu 9 tal-konvenzjoni bilaterali, u d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka dwar it-trade marks kif ukoll dwar il-kompetizzjoni żleali.

67      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-Awstrija, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 193 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell kien indika li s-sentenza tal-Oberlandesgericht Wien (l-Awstrija) tal-21 ta’ April 2005 iddeċidiet li t-terminu “bud” ma kienx isem ta’ post u ma kienx mifhum mill-konsumaturi tar-Repubblika Ċeka bħala li jirrappreżenta birra tal-belt ta’ České Budějovice, u li, skont l-imsemmi bord, din is-sentenza hija bbażata fuq konstatazzjonijiet fattwali li r-reviżjoni tagħhom minn qorti tal-aħħar istanza hija ftit li xejn probabbli.

68      Issa l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fl-istess punt 193, li mid-dokumenti mressqa fid-dibattiti jirriżulta li l-imsemmija sentenza tal-Oberlandesgericht Wien ġiet preċiżament mibdula mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) f’sentenza mogħtija fid-29 ta’ Novembru 2005, jiġifieri qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, peress li d-denominazzjoni “BUD”, fir-Repubblika Ċeka, ma kinitx assoċjata ma’ ebda reġjun jew lokalità speċifika, peress li kellu jiġi vverifikat jekk il-konsumaturi jinterpretawx din id-denominazzjoni, b’rabta mal-birra, bħala li tindika post jew reġjun.

69      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, f’dan l-istess punt 193, li, fid-dawl tal-fatt li, fir-replika tagħha quddiem il-Bord tal-Appell, Budvar kienet ipprovdiet kopja tal-appell tagħha quddiem l-Oberster Gerichtsof, din setgħet tinforma ruħha mingħand il-partijiet, jew permezz ta’ kwalunkwe mezz ieħor, dwar l-eżitu tal-proċeduri mibdija quddiem din il-qorti nazzjonali.

70      Fuq dan il-punt, il-Qorti Ġenerali fakkret, ukoll fil-punt 193 tas-sentenza appellata, li l-UASI għandu jinforma ruħu ex officio , bil-mezzi li jidhirlu li jkunu utli għal dan il-għan, dwar il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat jekk din l-informazzjoni tkun neċessarja għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ raġuni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, u, b’mod partikolari, għall-evalwazzjoni tar-rilevanza tal-fatti mressqa jew tas-saħħa probatorja tad-dokumenti ppreżentati. Skont il-Qorti Ġenerali, il-limitazzjoni tal-bażi fattwali tal-eżami magħmul mill-UASI ma teskludix, fil-fatt, li dan tal-aħħar jieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-fatti mressqa b’mod espliċitu mill-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, fatti magħrufa, jiġifieri fatti li jistgħu jkunu magħrufa minn kulħadd jew li tagħhom jista’ jinkiseb għarfien minn sorsi ġeneralment aċċessibbli.

71      Fit-tielet lok, fir-rigward ta’ Franza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 195 tas-sentenza appellata, li, kuntrarjament għal dak li kien iddeċieda l-Bord tal-Appell, mill-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 ma jirriżultax li min jopponi għandu juri li huwa kien diġà seta’ jipprekludi b’mod effettiv l-użu ta’ trade mark iktar reċenti, li Budvar ma kinitx kapaċi tagħmel, iżda għandu biss juri li għandu tali dritt.

72      Fil-punt 196 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet li, kuntrarjament għal dak li kien indika l-Bord tal-Appell, id-denominazzjoni ta’ oriġini “bud”, irreġistrata fuq il-bażi tal-Ftehim ta’ Lisbona, ma ġietx invalidata mis-sentenza tat-Tribunal de grande instance de Strasbourg tat-30 ta’ Ġunju 2004, peress li din tal-aħħar tindika b’mod ċar li huma biss l-“effetti” fit-territorju Franċiż tad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” li huma invalidati, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmi ftehim. Il-Qorti Ġenerali fakkret ukoll li l-imsemmija sentenza hija suġġetta għal appell u li dan l-appell għandu effett sospensiv.

73      Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 199 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell kien wettaq żball meta ma kkunsidrax l-elementi fattwali u legali rilevanti kollha sabiex jiddetermina jekk, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat tagħtix id-dritt lil Budvar li tipprekludi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti.

74      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 201 tas-sentenza appellata, li għalhekk it-tieni parti tal-motiv uniku għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat, u, għaldaqstant, laqgħet il-motiv uniku tar-rikors u laqgħet ukoll ir-rikors kollu kemm hu.

75      Konsegwentement, fil-punt 202 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjonijiet ikkontestati.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

76      Permezz tal-appell tagħha, Anheuser-Busch titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata, ħlief għall-punt 1 tad-dispożittiv tagħha;

–        prinċipalment, tiddeċiedi b’mod definittiv fuq il-kawża billi tiċħad ir-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza jew, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–        tikkundanna lil Budvar għall-ispejjeż.

77      Budvar jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lil Anheuser-Busch għall-ispejjeż.

78      L-UASI jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata u;

–        tikkundanna lil Budvar għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

79      Insostenn tal-appell tagħha, Anheuser-Busch tinvoka żewġ aggravji. L-ewwel aggravju, li huwa maqsum fi tliet partijiet, huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 8(4) u 74(1) ta’ dan l-istess regolament.

80      L-UASI jiddikjara li jsostni l-appell u jqajjem żewġ aggravji, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikoli 8(4) u 74(1), rispettivament, tal-imsemmi regolament.

 Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

81      Permezz tal-ewwel parti tal-aggravju tagħha, Anheuser-Busch issostni illi l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Bord tal-Appell ma kienx kompetenti biex jivverifika jekk Budvar kinitx stabbilixxiet il-validità tad-drittijiet preċedenti li hija invokat skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, għalkemm tali invalidità setgħet tiġi mqgħieda serjament f’dubju.

82      Fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ oppożizzjoni bbażati fuq “drittijiet” fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI għandu jiddetermina jekk tali drittijiet jeżistux attwalment, jekk dawn humiex applikabbli u jekk jistgħux jiġu invokati kontra l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkonċernata, kif ġustament għamel il-Bord tal-Appell.

83      Barra minn hekk huwa min jopponi li għandu l-oneru li jipprova li dawn il-kundizzjonijiet huma sodisfatti, kif jikkonfermaw l-Artikoli 43(5) u 45 tar-Regolament Nru 40/94.

84      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuq diversi deċiżjonijiet ġudizzjarji, finali fir-rigward tar-Repubblika Taljana u tar-Repubblika Portugiża u li għadhom ma humiex finali fir-rigward tar-Repubblika Franċiża u tar-Repubblika tal-Awstrija, li minnhom jirriżulta, fir-rigward tal-ewwel żewġ Stati Membri msemmija iktar ’il fuq, li d-denominazzjoni inkwistjoni ġiet annullata u, fir-rigward taż-żewġ Stati Membri oħra, li d-dritt preċedenti kkonċernat ma kienx applikabbli.

85      F’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet mogħtija f’dawn l-aħħar żewġ Stati Membri, Anheuser-Busch kienet pprovdiet diversi elementi li juru li d-denominazzjoni inkwistjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi denominazzjoni ta’ oriġini, jiġifieri indikazzjoni ġeografika, u b’hekk tinqaleb il-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ tali dritt preċedenti li jirriżulta mir-reġistrazzjoni tagħha. Isegwi li hija Budvar li għandha turi l-eżistenza tad-drittijiet nazzjonali li hija invokat. Issa, il-Bord tal-Appell, wara li kkunsidra l-provi mogħtija minn Budvar, kien ikkunsidra li din tal-aħħar ma kinitx ressqet tali prova.

86      Fl-aħħar nett, Anheuser-Busch tikkritika lill-Qorti Ġenerali li bbażat ruħha fuq analoġija bejn l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 u l-Artikolu 8(1) tal-istess regolament, li jirrigwarda oppożizzjoni bbażata fuq trade mark preċedenti u li fil-kuntest tagħha minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-UASI ma jivverifikax il-validità tat-trade mark preċedenti.

87      Issa, tali analoġija hija infondata. Iż-żewġ dispożizzjonijiet inkwistjoni għandhom fil-fatt raġunijiet relattivi għal rifjut indipendenti u differenti. Trade mark nazzjonali tikkostitwixxi raġuni relattiva għal rifjut minħabba r-reġistrazzjoni tagħha biss, peress li l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade huma armonizzati bid-Direttiva 89/104. Għall-kuntrarju, dan ma huwiex il-każ rigward “drittijiet” imsemmija fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, peress li dawn tal-aħħar ma kienu suġġett ta’ ebda miżura ta’ armonizzazzjoni.

88      Budvar tfakkar li r-Regolament Nru 40/94 ma jagħtix lill-UASI, bħala korp tal-Unjoni Ewropea, is-setgħa li tirregistra jew li tinvalida trade marks nazzjonali. Issa, kif stabbilit ukoll fil-ħdax-il premessa tal-istess regolament, ma jistgħux jiġu rikonoxxuti kompetenzi lill-UASI mingħajr ma dawn jingħataw espressament mid-dritt derivat u bil-kundizzjoni li dak l-għoti ta’ kompetenzi jkun permess mit-Trattat KE.

89      Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali ġustament irrifjutat li tirrikonoxxi l-kompetenza tal-UASI sabiex tiddeċiedi dwar il-validità ta’ trade mark nazzjonali invokata insostenn ta’ oppożizzjoni. Dan il-prinċipju, minqux ukoll fil-ħames premessa tar-Regolament Nru 40/94, huwa kompletament applikabbli għad-drittijiet mitluba minn min jopponi skont l-Artikolu 8(4) ta’ dan ir-regolament.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

90      Anheuser-Busch issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Bord tal-Appell kien kiser l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 sa fejn dan tal-aħħar ikkunsidra li l-indikazzjoni ta’ provenjanza ġeografika “Bud”, kif protetta taħt il-Ftehim ta’ Lisbona u t-trattati bilaterali inkwistjoni, ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala denominazzjoni ta’ oriġini, jiġifieri indikazzjoni indiretta ta’ provenjanza ġeografika, u li oppożizzjoni ma setgħetx tirnexxi, skont din id-dispożizzjoni, abbażi ta’ dawn id-drittijiet preċedenti ppreżentati bħala denominazzjoni ta’ oriġini iżda li, fil-fatt, ma jkunux tali.

91      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 87 u 98 tas-sentenza appellata, li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-proċeduri ġudizzjarji pendenti fi Franza u fl-Awstrija dwar il-validità, rispettivament, tad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud”, kif protetta fi Franza mill-Ftehim ta’ Lisbona, u tad-denominazzjoni “bud”, kif protetta fl-Awstrija mit-trattati bilaterali inkwistjoni, ma kinux waslu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali u li ma tistax tkun suġġetta għal appell.

92      Peress li kkonstatat li l-effetti ta’ drittijiet preċedenti invokati ma kinux ġew finalment ddikjarati invalidi f’dawn iż-żewġ Stati Membri u li dawn id-drittijiet kienu baqgħu validi matul l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 90 u 98 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni d-drittijiet preċedenti invokati mingħajr ma jpoġġi f’dubju l-klassifikazzjoni stess ta’ dawn id-drittijiet.

93      Meta ddeċidiet hekk, il-Qorti Ġenerali ma vvizzjat is-sentenza tagħha b’ebda żball ta’ liġi.

94      Fil-fatt, sabiex opponent ikun jista’, abbażi tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, jimpedixxi r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, huwa neċessarju u suffiċjenti li, meta l-UASI jivverifika li l-kundizzjonijiet tal-oppożizzjoni huma sodisfatti, tkun tista’ tiġi invokata l-eżistenza ta’ dritt preċedenti li ma jkunx ġie ddikjaratat invalidu permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li saret finali.

95      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm l-UASI, meta jiddeċiedi fuq oppożizzjoni bbażata fuq l-imsemmi Artikolu 8(4), għandu jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet tal-qrati tal-Istati Membri kkonċernati dwar il-validità jew il-klassifikazzjoni ta’ drittijiet preċedenti sostnuti sabiex jiġi żgurat li dawn id-drittijiet dejjem jipproduċu l-effetti rikjesti minn din id-dispożizzjoni, ma jistax jissostitwixxi d-diskrezzjoni tiegħu għal dik tal-qrati nazzjonali kompetenti, setgħa li barra minn hekk ma tingħatax lilu mir-Regolament Nru 40/94.

96      F’din il-kawża, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali, il-Bord tal-Appell, meta ddeċieda dwar l-oppożizzjonijiet magħmula minn Budvar, seta’ jikkonstata li d-drittijiet preċedenti invokati skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 ma kinux ġew ddikjarati invalidi minn deċiżjonijiet ġudizzjarji finali.

97      L-eżistenza ta’ drittijiet preċedenti invokati minn Budvar, relatati mad-denominazzjoni “BUD”, setgħet ukoll tkun faċilment ikkonstatata mill-Bord tal-Appell fid-data meta huwa ddeċieda fuq l-imsemmija oġġezzjonijiet, peress li din hija kkonfermata mir-reġistrazzjoni ta’ din id-denominazzjoni skont il-Ftehim ta’ Lisbona b’effett, b’mod partikolari fi Franza, u permezz tal-inklużjoni tagħha fil-lista ta’ denominazzjonijiet b’effett fl-Awstrija li jissemmew fil-ftehim bilaterali. Kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li din ir-reġistrazzjoni u din l-inklużjoni kienu għadhom jeżistu f’dik id-data kien biżżejjed sabiex jistabbilixxi l-validità tad-drittijiet preċedenti inkwistjoni għall-finijiet tal-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell.

98      Dwar il-kwistjoni ta’ jekk id-drittijiet preċedenti hawn invokati, jiġifieri dawk relatati mad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud”, kif protetta skont il-Ftehim ta’ Lisbona b’effett fi Franza, u din l-istess denominazzjoni kif protetta skont it-trattati bilaterali inkwistjoni b’effett fl-Awstrija, jikkostitwixxux sinjali li jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 fid-dawl ta’ dak li ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Settembru 2009, Budĕjovický Budvar (C‑478/07, Ġabra p. I‑7721), li kkonstatat li s-sistema ta’ protezzjoni pprovduta permezz tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, tal-20 ta’ Marzu 2006, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (ĠU L 335M, p. 213–250), għandha natura eżawrjenti, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija kwistjoni ma ġietx dibattuta qudidem il-Qorti Ġenerali.

99      Konsegwentement, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni u t-tielet partijiet tal-ewwel aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

100    Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, Anheuser-Busch tikkritika lill-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwantità u tal-kwalità tal-użu ta’ sinjal, li ddeċidiet li l-kundizzjoni, li tinsab fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, li “sinjal ieħor” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandu jkun “wżat fil-kummerċ”, għandha tinftiehem fis-sens li hija intiża għal kull użu kummerċjali, għalkemm limitat, sakemm dan ma jkunx jinsab biss fl-isfera purament privata, inkluż l-użu ta’ indikazzjoni ġeografika bħala trade mark, u wkoll l-użu fil-kuntest ta’ konsenji b’mod gratuwitu.

101    Anheuser-Busch issostni li l-Bord tal-Appell kien ikkunsidra, ġustament, li tal-inqas, l-imsemmija kundizzjoni għandha tiġi kkunsidrata li hija ekwivalenti għal dik ta’ użu ġenwin li hemm fl-Artikoli 15 u 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, mifhuma bħala li tirrikjedi l-użu effettiv ta’ trade mark fis-suq għall-prodotti u għas-servizzi li għalihom hija protetta, kif ukoll l-użu reali kummerċjali, bil-kontra ta’ sempliċi użu intern jew simboliku intiż biss li jinżammu d-drittijiet marbuta mat-trade mark, peress li dan l-użu ġenwin għandu jsir b’mod konformi mal-funzjoni essenzjali ta’ trade mark, li hija li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini tal-prodotti u tas-servizzi lill-konsumatur jew lill-utent aħħari.

102    Jekk tali rekwiżit ma japplikax fil-kuntest tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, skont il-kundizzjoni awtonoma tad-dritt tal-Unjoni dwar “wżat fil-kummerċ”, dan ir-regolament ikun qed jimponi rekwiżiti ta’ użu sabiex trade mark preċedenti tista’ tostakola applikazzjoni għal trade mark ippreżentata skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament li huma iktar stretti minn dawk ipprovduti minn dritt preċedenti skont l-Artikolu 8(4), filwaqt li, kuntrarjament għad-dritt ta’ trade marks, tali dritt ma huwa suġġett għal ebda armonizzazzjoni.

103    Kuntrarjament għall-Bord tal-Appell, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-għan tal-kundizzjoni legali ta’ użu. Issa, sabiex tikkonstata ksur taħt l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 40/94, ir-rekwiżiti relatati mal-użu għandhom ikunu inqas minn dawk għaż-żamma ta’ trade mark li hemm fl-Artikoli 15 u 43(2) u (3) tal-imsemmi regolament. Ir-rekwiżiti l-iktar stretti, madankollu, għandhom japplikaw għall-kostituzzjoni ta’ dritt bħad-dritt ta’ oppożizzjoni pprovdut fl-Artikolu 8(4) tal-istess regolament, meta dan l-aħħar dritt jista’ jiġġustifika r-rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarju.

104    Anheuser-Busch tilmenta wkoll li l-Qorti Ġenerali kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-konsenji minn Budvar ta’ kwantitajiet żgħar ħafna u li saru b’mod gratuwitu fuq perijodu ta’ erba’ snin. Dawn ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala użu ġenwin fid-dawl tal-ġurisprudenza dwar din il-kundizzjoni ta’ użu (ara s-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2009, Silberquelle, C‑495/07, Ġabra p. I‑137).

105    Anheuser-Busch tikkritika wkoll lill-Qorti Ġenerali li kkunsidrat li ma huwiex rilevanti jekk, għall-finijiet tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, l-użu tas-sinjal sarx bħala trade mark jew bħala denominazzjoni ta’ oriġini, jiġifieri bħala indikazzjoni ġeografika.

106    Bl-istess mod l-użu ta’ trademark għandu jsir skont il-funzjoni essenzjali tiegħu sabiex jikkwalifika bħala ġenwin, peress li l-użu ta’ denominazzjoni ta’ oriġini jew ta’ indikazzjoni ġeografika invokata bħala dritt preċedenti, skont l-imsemmi Artikolu 8(4), għandu jsir skont il-funzjoni essenzjali ta’ dawn is-sinjali, jiġifieri dak li jiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini ġeografika tal-prodotti u l-kwalitajiet speċifiċi intrinsiċi tal-prodotti.

107    Budvar issostni, għall-kuntrarju, li l-kunċett ta’ użu fil-kummerċ, fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, ma jagħmel ebda riferiment għal użu ġenwin u għandu jinftiehem bħala kriterju kwalitattiv u mhux kwantitattiv, peress li dan il-kunċett, kif jinsab ukoll fl-Artikoli 9 u 12 tal-imsemmi regolament kif ukoll fl-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 89/104, jiddetermina l-attivitajiet li għalihom trade mark hija protetta meta mqabbla ma’ dawk fejn din ma hijiex protetta.

108    Issa, fil-punt 165 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġustament aċċettat l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett ta’ użu li ġiet stabbilita permezz ta’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, jiġifieri l-interpretazzjoni li l-użu jrid isir biss “fil-kuntest ta’ attività kummerċjali intiża sabiex ikollha gwadann ekonomiku u mhux fil-qasam privat”. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, l-istess kunċett li jinsab f’dispożizzjonijiet differenti għandu jingħata l-istess interpretazzjoni.

109    Id-drittijiet preċedenti minbarra t-trade marks, imsemmija fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 u, f’termini simili ħafna, fl-Artikolu 4(4)(b) tad-Direttiva 89/104, huma tant differenti li ma jkunx possibbli li jiġu ddeterminati l-karatteristiċi minimi li dawn id-drittijiet għandhom jissodisfaw sabiex jistgħu jiġu invokati sabiex jopponu trade mark iktar reċenti. Din hija r-raġuni għaliex, fl-imsemmija dispożizzjonijiet, kundizzjoni supplimentari hija imposta, li tirrikjedi li l-proprjetarju tat-trade mark mhux irreġistrata jew tas-sinjal juri li huwa kapaċi jipprojbixxu l-użu ta’ trade mark iktar reċenti skont id-dritt li huwa jinvoka.

110    Fir-rigward ta’ konsenji oħra b’mod gratuwitu ta’ birra fi Franza taħt id-denominazzjoni “BUD”, Budvar issotni li s-sentenza Silberquelle, iċċitata iktar ’il fuq, ma tistax tiġi applikata bħal dak f’din il-kawża peress li din is-sentenza tirrigwarda kundizzjoni relatata mhux ma’ sinjal “fil-kummerċ”, iżda ma’ “użu ġenwin” fis-sens tal-Artikoli 10(1) u 12(1) tad-Direttiva 89/104.

111    F’dak li jirrigwarda l-argument li l-Qorti Ġenerali kellha tistabbilixxi jekk Budvar kinitx uriet użu tas-sinjal inkwistjoni bħala denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika u mhux bħala trade mark, Budvar tikkunsidra li l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 ma jimponix tali kundizzjoni sabiex id-dritt preċedenti jkun jista’ utilment jiġi invokat u titlob għal dan il-għan il-konferma tal-punti 174 u 175 tas‑sentenza appellata. Fi kwalunkwe każ, il-kwistjoni dwar jekk, f’din il-kawża, Budvar użatx dan is-sinjal bħala denominazzjoni ta’ oriġini jew bħala trade mark tikkostitwixxi kwistjoni ta’ fatt li taqa’ fid-diskrezzjoni unika tal-Qorti Ġenerali.

112    Fit-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, Anheuser Busch issostni, fit-tieni lok, rigward it-territorju rilevanti rigward il-prova tal-użu tas-sinjal inkwistjoni fil-kummerċ, li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ territorjalità u interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, meta ddikjarat, fil-punt 167 tas-sentenza appellata, li provi dwar it-territorji ta’ Stati Membri barra min dak li fih id-dritt huwa invokat taħt din id-dispożizzjoni jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ użu fil-kummerċ.

113    Tali kundizzjoni tista’ tikkonċerna biss l-użu tas-sinjal fit-territorju li fih il-protezzjoni tiegħu hija invokata.

114    Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-prinċipju ta’ territorjalità, li huwa prinċipju fundamentali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Għaldaqstant, l-atti li juru l-użu tas-sinjal preċedenti għandhom jirrigwardaw il-qrati speċifiċi inkwistjoni, f’din il-kawża dawk tar-Repubblika Franċiża jew tar-Repubblika tal-Awstrija, u għandhom jiġu kkunsidrati separatament għal kull waħda minn dawn il-qrati.

115    Kieku kien mod ieħor, id-drittijiet li ma humiex armonizzati intiżi mill-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 ikunu trattati aħjar mid-drittijiet li huma suġġett ta’ armonizzazzjoni peress li ma hemmx dubju li dawn tal-aħħar jippermettu li tiġi ostakolata applikazzjoni għal trade mark Komunitarja biss jekk huma suġġetti għal użu ġenwin fit-territorju tal-Istat Membru li fih huma protetti, peress li l-użu fi Stat Membru ieħor ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni.

116    Fuq dan il-punt, l-UASI jiddefendi l-istess teżi, jiġifieri li t-territorju rilevanti għall-prova ta’ użu tas-sinjal inkwistjoni fil-kummerċ fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni hija biss li fiha protezzjoni hija mitluba, jiġifieri, f’din il-kawża, Franza u l-Awstrija. Dan jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, peress li, fl-istess sentenza, dan jirreferi għal “sinjal […] li huwa wżat fil-kummerċ” u għal-“liġi ta’ l-Istat Membru li tirregola dak is-sinjal”.

117    L-approċċ korrett kien ġie adottat fil-punt 40 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Marzu 2009, Moreira da Fonseca vs UASI – General Óptica (GENERAL OPTICA) (T‑318/06 sa T‑321/06, Ġabra p. II‑649), jiġifieri dak li t-territorju rilevanti sabiex jiġi eżaminat s-sinjifikat ta’ drittijiet esklużivi huwa dak fejn hija applikabbli kull norma ġuridika li fiha dawn id-drittijiet jkunu oriġinaw.

118    Budvar issostni, għall-kuntrarju, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament li, fil-kuntest tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, ma huwiex neċessarju li jintwera l-użu effettiv ta’ dritt preċedenti fit-territorju tal-Istat Membru li fih jibbenefika minn protezzjoni, sa fejn id-drittijiet intiżi minn din id-dispożizzjoni jistgħu jkunu protetti f’dan it-territorju mingħajr ma jkunu qatt intużaw.

119    L-imsemmija dispożizzjoni la tobbliga li jintwera użu ġenwin tat-sinjal inkwistjoni u lanqas li jkun hemm il-prova tal-użu tiegħu fit-territorju li fih hija tgawdi minn protezzjoni.

120    Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, Anheuser Busch issostni, it-tielet nett, fir-rigward tal-perijodu li fih l-użu ta’ drittijiet preċedenti għandu jiġi ppruvat, li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 billi rrifjutat li tikkunsidra d-data tal-preżentata ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni tat-trademark bħala d-data rilevanti li fiha l-użu fil-kummerċ għandu jiġi stabbilit u li ddeċidiet, fil-punt 169 tas-sentenza appellata, li huwa suffiċjenti li tingħata l-prova tal-użu qabel id-data tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark fil-Bullettin ta’ trade marks Komunitarji.

121    F’dan ir-rigward, Anheuser-Busch issostni li l-kundizzjonijiet kollha rikjesti sabiex dritt preċedenti jista’ jiġi invokat taħt waħda mir-raġunijiet għal rifjut ipprovduti fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 40/94 għandhom jiġu sodisfatti fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni li suġġetta għall-oppożizzjoni, inkluż, fir-rigward tal-Artikolu 8(4), il-kundizzjoni relata mal-użu fil-kummerċ. Konsegwentement, kwalunkwe prova mogħtija bil-għan li jintwera tali użu għandha tkun qabel il-preżentata tal-applikazzjoni inkwistjoni jew qabel id-data ta’ prijorità tagħha.

122    Tali interpretazzjoni hija kkonfermata, f’kuntest simili, mill-ġurisprudenza li tgħid li r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti invokati minn min jopponi taħt l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 għandha tkun teżisti fid-data tal-preżentata tat-trade mark Komunitarja suġġetta għall-oppożizzjoni jew fid-data ta’ prijorità mitluba (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ April 2008, Ferrero Deutschland vs UASI, C‑108/07 P, punt 35), anki jekk din id-dispożizzjoni tirreferi biss għall-preċedenza tat-trade mark u ma teżiġix espressament li r-reputazzjoni tkun ukoll preċedenti.

123    Din il-ġurisprudenza hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ prijorità, prinċipju fundamentali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali rrikonoxxuti universalment, inklużi fosthom it-trattati fundamentali dwar il-proprjetà intellettwali, li jistabbilixxi s-supremazija tad-dritt esklużiv preċedenti fuq id-drittijiet li jinħolqu sussegwentement u jistabbilixxi li applikazzjoni għal trade mark tista’ tiġi kkontestata biss abbażi ta’ drittijiet preċedenti.

124    Anheuser-Busch tikkritika lill-Qorti Ġenerali li għamlet applikazzjoni b’analoġija ineżatta tal-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, peress li rabtet il-preċedenza mad-data tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark fil-Bullettin ta’ trade marks Komunitarji. Barra minn hekk dan jikkontradixxi l-punt 166 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet tali applikazzjoni b’analoġija.

125    Barra minn hekk, l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 jinkludi regola ta’ prijorità eċċezzjonali u speċifika għaż-żamma ta’ trade mark preċedenti, li ma tistax tiġi applikata f’kuntest differenti għal kollox, bħal dak tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

126    Fl-aħħar nett, il-kunċett ta’ użu ta’ sinjal “li mhuwiex biss ta’ sinifikanza lokali” huwa kundizzjoni awtonoma tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi sodisfatt, bħall-kundizzjonijiet l-oħra kollha msemmija fl-Artikolu 8(4)(a) u 9(b) tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll, iktar b’mod ġenerali, dawk kollha stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 8 “qabel id-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja jew, id-data tal-prijorità mitluba għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja”.

127    Bl-istess mod, skont l-UASI, għandu jiġi deċiż li d-data tal-preżentata tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni tat-trademark hija d-data rilevanti li fiha l-użu fil-kummerċ għandu jiġi stabbilit. Dan il-prinċipju ġie applikat b’mod korrett fil-punt 44 tas-sentenza Moreira da Fonseca vs UASI – General Óptica (GENERAL OPTICA), iċċitata iktar ’il fuq.

128    Budvar issostni għall-kuntrarju li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali għandha tiġi kkonfermata.

129    Fl-ewwel lok, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 ma tistax tiġi trasposta għall-Artikolu 8(4). Dan huwa ġġustifikat min-natura speċifika tat-trade marks li għandhom reputazzjoni, peress li huwa probabbli ħafna li r-reputazzjoni tkun magħrufa lill-applikant meta tiġi ppreżentata applikazzjoni għal trademark sussegwenti. Għall-kuntrarju, rigward tipi oħra ta’ oppożizzjoni msemmija fl-imsemmi Artikolu 8, huwa biss permezz tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni li din tal-aħħar issir pubblika u ssir infurzabbli kontra terzi.

130    Fit-tieni lok, is-sentenza appellata ma hijiex kuntrarja għall-prinċipju ta’ prijorità fuq dan il-punt. Dan il-prinċipju, stabbilit fl-Artikolu 8(4)(a) tar-Regolament Nru 40/94, jimponi li min jopponi għandu jissodisfa kundizzjoni supplimentari, jiġifieri dik li jagħti l-prova li d-dritt invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien jeżisti qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark. Madankollu, tali prinċipju ma jobbligax lil min jopponi li għandu jagħmel il-prova li dan id-dritt kien użat fil-kummerċ qabel din id-data.

131    Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tagħha, Anheuser-Busch issostni li l-Qorti Ġenerali ukoll kisret l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 meta interpretata b’mod żbaljat, fil-punti 179 sa 183 tas-sentenza appellata, il-kliem “li mhuwiex biss ta’ sinifikanza lokali” li jinsabu f’din id-dispożizzjoni.

132    Anheuser-Busch issostni b’mod partikolari li s-“sinifikanza” ta’ sinjal fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 għandha tiġi evalwata fir-rigward tat-territorju tagħha, f’dan il-każ dak tar-Repubblika Franċiża u tar-Repubblika tal-Awstrija.

133    Barra minn hekk, sinjal jista’ jkollu sinjifikat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni biss jekk jiġi użat fis-swieq ta’ Stati Membri li skont id-dritt tagħhom huwa protett. Għall-kuntrarju, tali sinjifikat ma jistax jirriżulta sempliċement minħabba li s-sinjal huwa protett taħt il-leġiżlazzjoni ta’ żewġ Stati Membri jew iktar.

134    Anheuser-Busch tikkonkludi li t-termini “li mhuwiex biss ta’ sinifikanza lokali” għandhom jiġu interpretati bħala li jikkostitwixxu kundizzjoni awtonoma tad-dritt tal-Unjoni li ma tistax tkun suġġetta għad-dritt nazzjonali, iżda għandha tirriżulta mill-użu tas-sinjal inkwistjoni fis-suq tal-Istati Membri li fit-territorju tagħhom huwa protett.

135    L-UASI jsostni li, meta rabtet, fil-punt 180 tas-sentenza kkontestata, is-“sinifikanza” tas-sinjal mal-ambitu ġeografiku tal-protezzjoni mogħtija mid-dritt nazzjonali invokat, il-Qorti Ġenerali injorat li l-kundizzjoni pprovduta fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, li s-sinjfikat tas-sinjal ma għandux ikun biss lokali, tikkostitwixxi rekwiżit li jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni u li ma jistax jiġi evalwat permezz ta’ riferiment għad-dritt nazzjonali.

136    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 181 tas-sentenza kkontestata, li d-drittijiet preċedenti li għandhom sinjifikat li ma huwiex biss lokali fis-sens tal-Artikolu 8(4), minħabba biss li l-protezzjoni tagħhom testendi lil hinn mit-territorju tagħhom ta’ oriġini.

137    Issa, skont l-UASI, il-kriterju tas-“sinifikanza” huwa intiż sabiex jistabbilixxi limitu effettiv għas-sinjali kollha potenzjali barra t-trade marks li jistgħu jiġu invokati sabiex jiġi kkontestat il-karattru reġistrabbli ta’ trade mark Komunitarja. Għaldaqstant, dan il-kunċett jista’ jirrigwarda biss l-importanza ekonomika u l-ambitu ġeografiku ta’ “wżat fil-kummerċ”.

138    F’dan ir-rigward, l-UASI jirreferi għall-punti 36 sa 39 tas-sentenza Moreira da Fonseca vs UASI – General Óptica (GENERAL OPTICA), iċċitata iktar ’il fuq, li fiha din l-aħħar interpretazzjoni kienet ġiet aċċettata.

139    Għall-kuntrarju, Budvar issostni li l-espressjoni “li mhuwiex biss ta’ sinifikanza lokali”, fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 jirreferi biss għall-ambitu ġeografiku tal-protezzjoni tas-sinjal inkwistjoni, jiġifieri t-territorju li fih min jopponi jista’ jasserixxi dritt tiegħu preċedenti, f’dan il-każ it-territorji Franċiż u Awstrijaku kollha li fihom id-drittijiet invokati huma protetti rispettivament skont il-Ftehim ta’ Lisbona u t-trattati bilaterali inkwistjoni.

140    L-imsemmija espressjoni għaldaqstant hija intiża għat-territorju fejn is-sinjal huwa protett u mhux dak fejn huwa użat. L-interpretazzjoni kuntrarja tmur kontra l-formulazzjoni stess tal-Artikolu 8(4) u, barra minn hekk, tasal li timponi fuq min jopponi kundizzjoni supplimentari, li wkoll ma tkunx iktar konsistenti mal-Artikolu 107 tal-istess regolament, li jipprovdi bħala kriterju ta’ applikazzjoni ta’ dritt preċedenti t-territorju fejn dan id-dritt huwa protett u mhux dak fejn huwa użat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

141    Permezz tat-tieni u tat-tielet partijiet tal-ewwel aggravju tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, Anheuser-Busch tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 għar-raġuni li hija għamlet interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni li d-dritt preċedenti invokat insostenn tal-oppożizzjoni għandu jirrigwarda “sinjal […] li huwa wżat fil-kummerċ u li mhuwiex biss ta’ sinifikanza lokali”.

142    F’dak li jirirgwarda l-ewwel punt, dwar il-kwistjoni ta’ jekk it-termini “wżati fil-kummerċ” għandhomx jinftiehmu bħala li jirreferu, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali, għal użu ta’ dritt preċedenti fil-kuntest ta’ attività kummerċjali intiża li jinkiseb gwadann ekonomiku u mhux fil-qasam privat, jew ukoll bħala li jirreferi għal użu ġenwin, b’analoġija ma’ dak li huwa pprovdut fl-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 għat-trade marks preċedenti invokati insostenn ta’ oppożizzjoni, is-sentenza kkontestata ma hija vvizzjata b’ebda żball ta’ liġi.

143    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 ma jsemmix l-użu “ġenwin” tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni u ma hemm xejn fil-formulazzjoni tal-Artikolu 43(2) u (3) tal-imsemmi regolament li jindika li r-rekwiżit tal-prova tal-użu ġenwin japplika għal tali sinjal.

144    Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li t-termini “wżati fil-kummerċ” li jinsabu fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 mhux neċessarjament jingħataw l-istess interpretazzjoni bħal dik adottata fil-kuntest tal-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament jew tal-Artikoli 5(1) u 6(1) tad-Direttiva 89/104, peress li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan rispettiv ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jibqa’ l-fatt li l-interpretazzjoni ta’ dawn it-termini bħala li jfissru, essenzjalment, li s-sinjal għandu jkun biss suġġett ta’ użu kummerċjali tikkorrispondi għall-aċċettazzjoni abitwali tiegħu.

145    Ġustament ukoll li, fil-punt 166 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, jekk ir-rekwiżit ta’ użu ġenwin kien impost fuq is-sinjali msemmija fl-Artikolu 8(4) tr-Regolament 40/94 fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 43(2) u (3) ta’ dan ir-regolament, tali interpretazzjoni twassal li timponi fuq dawn is-sinjali kundizzjonijiet speċifiċi għall-oppożizzjonijiet ibbażati fuq trade marks preċedenti u li, b’mod differenti għal dawn l-oppożizzjonijiet, fil-kuntest tal-Artikolu 8(4), min jopponi għandu juri wkoll li s-sinjal inkwistjoni jagħtih id-dritt, skont id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti.

146    Barra minn hekk, applikazzjoni b’analoġija tal-kundizzjoni dwar l-użu ġenwin pprovduta għat-trade marks preċedenti mid-drittijiet preċedenti li hemm fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 tmur kontra n-natura fil-prinċipju awtonoma ta’ din ir-raġuni relattiva għal rifjut ta’ reġistrazzjoni li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 69 sa 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, jintwera permezz ta’ kundizzjonijiet speċifiċi u li wkoll iridu jinftiehmu fid-dawl tal-eteroġeneità kbira ta’ drittijiet preċedenti li jistgħu jiġu koperti minn tali raġuni.

147    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni dwar jekk it-termini “wżat fil-kummerċ” jimplikawx li l-użu ta’ indikazzjoni ġeografika invokata skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jsir konformi mal-funzjoni essenzjali ta’ tali sinjal, jiġifieri li l-konsumaturi jkollhom garanzija tal-oriġini ġeografika tal-prodotti u tal-kwalitajiet speċifiċi intrinsiċi tagħhom, filwaqt li, f’din il-kawża, is-sinjal invokat ikun ġie użat bħala trade mark, il-Qorti Ġenerali ma vvizzjatx is-sentenza tagħha bi żball ta’ liġi.

148    Il-Qorti Ġenerali, fil-punt 175 tad-deċiżjoni kkontestata, ddeċidiet li, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li s-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni huwa użat fil-kummerċ u li l-fatt li dan is-sinjal ikun identiku għal trade mark ma jfissirx għal daqshekk li dan ma jintużax għal dan il-għan.

149    Fir-rigward tal-funzjoni li għandu jtendi lejha l-użu tas-sinjal, dan għandu jintuża bħala element distintiv fis-sens li għandu jservi sabiex jidentifika attività ekonomika mwettqa mill-proprjetarju tagħha, li, f’dan il-każ, ma huwiex diskuss.

150    B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali żiedet fl-imsemmi punt 175 li ma ġietx speċifikata quddiemha r-raġuni għaliex is-sinjal “BUD” kien użat “bħala trade mark” u ma hemm xejn li kien jindika li din l-espressjoni, li tinsab fuq il-prodotti inkwistjoni, tirreferi iktar għall-oriġini kummerċjali milli għall-oriġini ġeografika tal-prodott.

151    Minn dan isegwi li l-ilment jista’ biss jiġi miċħud peress li l-Qorti Ġenerali, f’dan ir-rigward, ma vvizjatx is-sentenza tagħha b’xi kwalunkwe żball ta’ liġi u li, barra minn hekk, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-istadju tal-appell, li għandha tistħarreġ l-evalwazzjoni tal-fatti li għamlet il-Qorti Ġenerali, peress li barra minn hekk ma qed jiġi allegat ebda żnaturament tagħhom minn Anheuser‑Busch quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

152    Fit-tielet lok, kuntrarjament għal dak li ssotni Anheuser‑Busch, il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tikkunsidra, fil-punt 176 tas-sentenza kkontestata, li l-konsenji b’mod gratuwitu setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi vverifikata l-kundizzjoni tal-użu fil-kummerċ tad-dritt preċedenti invokat, peress li dawn il-konsenji saru fil-kuntest ta’ attività kummerċjali intiża sabiex ikollha gwadann ekonomiku, jiġifieri l-kisba ta’ swieq ġodda.

153    Qabel ma jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra mqajma minn Anheuser‑Busch, fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, u mill-UASI, bħala parti mill-ewwel aggravju tiegħu, rigward il-perijodu u t-territorju rilevanti sabiex tiġi evalwata l-kundizzjoni dwar l-użu fil-kummerċ, l-ewwel għandha tiġi analizzata t-tielet parti tal-ewwel aggravju invokat minn Anheuser-Busch u l-ewwel aggravju invokat mill-UASI f’dak li jirrigwarda r-rekwiżit li s-sinjifikat tas-sinjal invokat ma għandux ikun lokali biss, kundizzjoni oħra stabbilita fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

154    Fil-punt 180 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li jirriżulta mit-termini stess tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 li din id-dispożizzjoni hija intiża għas-sinjifikat tas-sinjal inkwistjoni u mhux għall-użu tiegħu, u li, min-naħa l-oħra, is-sinjifikat ta’ dan is-sinjal għandu jestendi għall-ambitu ġeografiku tal-protezzjoni tiegħu, li ma għandux ikun biss lokali.

155    Fuq dan il-punt, is-sentenza appellata għandha żball ta’ liġi.

156    Sinjal li l-ambitu ġeografiku tal-protezzjoni tiegħu huwa biss lokali għandu ċertament jiġi kkunsidrat bħala li għandu sinjifikat lokali biss. Madankollu, ma jsegwix li l-kundizzjoni magħmula fl-Artikolu 8(4) hija sodisfatta fil-każijiet kollha minħabba l-fatt biss li l-protezzjoni tas-sinjal inkwistjoni tkopri territorju li ma jistax jiġi kkunsidrat biss ta’ sinjifikat lokali, f’dan il-każ peress li t-territorju ta’ protezzjoni jestendi lil hinn mit-territorju ta’ oriġini.

157    Fil-fatt, l-għan komuni tal-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 huwa li jkunu limitati l-kunflitti bejn is-sinjali billi jiġi ostakolat li dritt preċedenti li ma jkunx kkaratterizzat biżżejjed, jiġifieri importanti u sinjifikattiv fil-kummerċ, jista’ jkun ta’ ostakolu għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja ġdida. Tali fakultà ta’ oppożizzjoni għandha tkun riżervata għal sinjali li huma effettivament u realment preżenti fis-suq rilevanti tagħhom.

158    Għaldaqstant, is-sinjifikat ta’ sinjal ma jkunx biss skont l-ambitu ġeografiku tal-protezzjoni tiegħu, peress li, kieku kien hekk, sinjal li l-ambitu tal-protezzjoni tiegħu ma huwiex biss lokali jista’, minħabba dan il-fatt biss, ikun ta’ ostakolu għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, u dan anki jekk jiġi użat fil-kummerċ biss b’mod marġinali.

159    Minn dan isegwi li, sabiex ikun ta’ ostakolu għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal ġdid, dak li huwa invokat insostenn tal-oppożizzjoni għandu effettivament jintuża b’mod suffiċjentement sinjifikattiv fil-kummerċ u jkollu ambitu ġeografiku li ma huwiex biss lokali, li jimplika li, meta t-territorju ta’ protezzjoni ta’ dan is-sinjal jista’ jiġi kkunsidrat bħala mhux lokali, dan l-użu jkun seħħ f’parti sinjifikattiva ta’ dan it-territorju.

160    Sabiex jiġi ddeterminat jekk dan huwiex il-każ, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tul u l-intensità tal-użu ta’ dan is-sinjal bħala elementii distintivi għad-destinatarji tiegħu li huma kemm ix-xerrejja u l-konsumaturi kif ukoll il-fornituri u l-kompetituri. F’dan ir-rigward, huma rilevanti b’mod partikolari l-użi tas-sinjal magħmula fir-reklamar u fil-korrispondenza kummerċjali.

161    Peress li, kif intqal fil-punt 159 hawn fuq, għandu jiġi eżaminat l-użu tas-sinjal inkwistjoni fil-kummerċ f’parti mhux biss lokali tat-territorju ta’ protezzjoni tiegħu, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi, kif sostniet kemm Anheuser‑Busch, fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, kif ukoll l-UASI, fil-kuntest tal-ewwel aggravju tiegħu, meta ddeċidiet fil-punt 167 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 ma jirrikjedix li s-sinjal inkwistjoni jkun użat fit-territorju ta’ protezzjoni tiegħu u li l-użu tiegħu f’territorju barra minn dak li fih huwa protett jista’ jkun biżżejjed, anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe użu fit-territorju ta’ protezzjoni.

162    Fil-fatt, huwa biss fit-territorju tas-sinjal, li jirrigwarda l-intier jew parti biss minnu, li d-dritt applikabbli jagħti lis-sinjal drittijiet esklużivi li jistgħu jsibu ruħhom f’kunflitt ma’ trade mark Komunitarja.

163    Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-użu fil-kummerċ għandha ssir separatament għal kull territorju fejn id-dritt li huwa invokat insostenn tal-oppożizzjoni huwa protett. Is-sinjfikat tas-sinjal ma jistax għalhekk, f’din il-kawża, jiġi dedott minn evalwazzjoni kumulattiva tal-użu tas-sinjal fiż-żewġ territorji rilevanti, jiġifieri t-territorju Awstrijak fir-rigward tal-protezzjoni taħt it-trattati bilaterali inkwistjoni u t-territorju Franċiż fir-rigward tal-protezzjoni skont il-Ftehim ta’ Lisbona.

164    Bl-istess mod, kif isostnu Anheuser-Busch u l-UASI, meta ddeċidiet, fil-punt 169 tas-sentenza kkontestata, li l-użu tas-sinjal inkwistjoni fil-kummerċ għandu jintwera biss qabel il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark applikazzjoni u mhux, iktar tard, fid-data tal-preżentata ta’ din l-applikazzjoni, il-Qorti Ġenerali wkoll ivvizzjat is-sentenza tagħha bi żball ta’ liġi.

165    F’dan ir-rigward, is-sentenza appellata għandha tal-inqas inkonsistenza meta, fl-imsemmi punt 169, il-Qorti Ġenerali tirreferi b’analoġija għal dak li huwa mitlub għat-trade marks preċedenti invokati insostenn ta’ oppożizzjoni, filwaqt li, fil-punt 166 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, u dan ġustament, kif diġà ntqal fil-punt 142 ta’ din is-sentenza, applikazzjoni b’analoġija għad-drittijiet preċedenti invokati skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 tal-kundizzjoni tal-użu ġenwin impost għat-trade marks preċedenti.

166    Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 120 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi applikat għall-kundizzjoni tal-użu fil-kummerċ tas-sinjal insostenn tal-oppożizzjoni l-istess kriterju temporali bħal dak espressament ipprovdut fl-Artikolu 8(4)(a) tar-Regolament Nru 40/94 rigward il-kisba tad-dritt għall-imsemmi sinjal, jiġifieri dak tad-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

167    Fil-fatt, fid-dawl, b’mod partikolari, tat-terminu sinjifikattiv li jista’ jgħaddi bejn il-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u l-pubblikazzjoni tagħha, l-applikazzjoni ta’ dan l-istess kriterju huwa tali li jiggarantixxi aħjar li l-użu invokat tas-sinjal inkwistjoni jkun użu reali u mhux prattika li għandha l-għan biss li tostakola r-reġistrazzjoni ta’ trade mark ġdida.

168    Barra minn hekk, bħala regola ġenerali, użu tas-sinjal inkwistjoni magħmul esklużivament jew prinċipalment matul il-perijodu bejn il-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja u l-pubblikazzjoni ta’ din l-applikazzjoni ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jistabbilixxi li dan is-sinjal kien suġġett ta’ użu fil-kummerċ li juri li għandu sinjifikat suffiċjenti.

169    Minn dak li ntqal jirriżulta li, għalkemm l-ilmenti invokati minn Anheuser‑Busch relatati mal-kunċetti ta’ użu ġenwin, ta’ użu fil-kummerċ u ta’ kunsinni magħmula b’mod gratuwitu għandhom jiġu miċħuda, il-tieni u t-tielet partijiet tal-ewwel aggravju invokat minn din tal-aħħar kif ukoll l-ewwel aggravju mqajjem mill-Uffiċċju huma fondati peress li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ikkunsidrat, l-ewwel nett, li s-sinjifikat ta’ dan is-sinjal, li ma huwiex biss lokali, għandu jiġi evalwat esklużivament fit-territorju ta’ protezzjoni tal-sinjal inkwistjoni, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-użu tiegħu f’dan it-territorju, sussegwentement, li t-territorju rilevanti għall-evalwazzjoni tal-użu ta’ dan is-sinjal ma huwiex neċessarjament it-territorju ta’ protezzjoni tal-istess sinjal, u fl-aħħar nett, li l-użu tal-istess sinjal ma għandux neċessarjament iseħħ qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

 Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 8(4) u 74(1) tar-Regolament Nru 40/94

–       L-argumenti tal-partijiet

170    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Anheuser-Busch tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kisret id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 8(4) u 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 billi ddeċidiet, fil-punt 199 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell kien wettaq żball ta’ liġi meta ma ħax inkunsiderazzjoni l-elementi fattwali u legali rilevanti kollha sabiex jiddetermina jekk id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, invokat skont l-imsemmi Artikolu 8(4) tax lil Budvar id-dritt li tipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti.

171    Anheuser-Busch tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kisret l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 meta kkunsidrat, fil-punt 193 tas-sentenza appellata li l-Bord tal-Appell kellu l-obbligu li jinforma ruħu ex officio, bil-mezzi li jidhirlu li jkunu utli għal dan il-għan, dwar id-dritt nazzjonali, inkluża l-ġurisprudenza tal-qrati tal-Istat Membru kkonċernat, meta dan id-dritt jista’ jiġi kkunsidrat bħala fatt magħruf jew ġeneralment magħruf, u li, lil hinn mill-provi prodotti dwar dan il-punt mill-partijiet, huwa kellu jinforma ruħu mingħand dawn tal-aħħar, jew bi kwalunkwe mezz ieħor, fuq ir-riżultat tal-proċeduri pendenti quddiem l-imsemmija qrati.

172    Meta ddeċidiet hekk, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, sa fejn il-pożizzjoni tagħha timplika li l-applikant għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja għandu, fil-preżenza ta’ dikjarazzjoni sempliċi ta’ min jopponi li jinvoka dritt nazzjonali skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, jagħmel ir-riċerki dwar id-dritt u l-ġurisprudenza nazzjonali.

173    B’mod partikolari, is-sentenza appellata tmur kontra l-prinċipju, stabbilit fl-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94, li bih min jopponi għandu l-oneru tal-prova fil-kuntest ta’ oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(4) tal-istess regolament, b’mod partikolari li jiġi stabbilit li s-sinjal inkwistjoni jagħti lil min jopponi d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti.

174    Mill-imsemmi Artikolu 74(1) jirriżulta li, fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni, l-eżami tal-UASI huwa limitat għall-fatti ppreżentati mill-partijiet u li dan tal-aħħar ma jistax ikun obbligat li jinforma ruħu ex officio fuq tali fatti.

175    Issa, id-dritt nazzjonali, inkluża l-ġurisprudenza tal-Istat Membru kkonċernat, f’dan il-każ dik relatata mal-kwistjoni dwar jekk indikazzjoni ġeografika jistax ikollha protezzjoni ġudizzjarja, jikkostitwixxi punti ta’ fatt, peress li tali punti ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala fatti magħrufa li dwarhom l-UASI huwa marbut li jipproċedi ex officio għal investigazzjoni.

176    Anheuser-Busch issostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 195 tad-sentenza appellata, fuq kriterju żbaljat sabiex tevalwa jekk min jopponi weriex b’mod suffiċjenti li s-sinjal invokat jintitola lill-proprjetarju tiegħu li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti, jiġifieri d-dimostrazzjoni tal-eżistenza astratta ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu jiffurmaw il-bażi ta’ dritt li jippermetti li jiġi ostakolat l-użu ta’ sinjal iktar reċenti.

177    F’sitwazzjoni bħal dik tal-każ ineżami, il-Bord tal-Appell kellu, skont Anheuser-Busch, il-kompetenza sabiex jiddeċiedi, abbażi ta’ diversi provi mressqa minn din tal-aħħar li jindikaw li s-sinjal inkwistjoni ma kienx suġġett ta’ protezzjoni ġudizzjarja fi Franza u lanqas fl-Awstrija, li, kuntrarjament għall-prinċipju li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq min jopponi, Budvar ma kinitx ressqet il-prova li hija kellha d-dritt li tipprojbixxu l-użu ta’ trade mark iktar reċenti. Tali deċiżjoni barra minn hekk ma tikkawżax b’mod definittiv preġudizzju lil min jopponi, peress li dan tal-aħħar jista’ dejjem jikkontesta t-trade mark mir-reġistrazzjoni tagħha permezz ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

178    Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, l-UASI jikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94. Il-punt 193 tas-sentenza appellata f’dan ir-rigward hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.

179    L-UASI jirrileva li, fil-ġurisprudenza tiegħu preċedenti għas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li d-deċiżjonijiet ta’ qrati nazzjonali ma jikkostitwixxux “fatti magħrufa” li l-UASI jista’ jinvestiga ex officio.

180    L-UASI jikkunsidra li, fil-kuntest speċifiku tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji nazzjonali jikkostitwixxu elementi li jistgħu jagħtu l-prova ta’ “skop tal-protezzjoni ta’ dan id-dritt” fis-sens tar-Regola 19(2)(d) tar-Regolament Nru 2868/95, prova li għandha titressaq minn min jopponi skont din l-istess regola.

181    Għall-inqas, jekk, kif għamlet Anheuser-Busch, l-applikant għat-trade mark Komunitarja jibgħat deċiżjonijiet ġudizzjarji nazzjonali li jindikaw li l-oppożizzjoni għal trade mark iktar reċenti abbażi ta’ drittijiet invokati abbażi tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 ma kinitx ammessa, għaldaqstant huwa min jopponi li għandu jressaq il-prova sabiex juri l-portata effettiva tal-protezzjoni ta’ drittijiet li jibbaża fuqhom.

182    L-UASI jsostni li, f’tali sitwazzjoni, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tirrikjedi li huwa jeżamina ex officio din il-prova, kif għamlet fil-punt 193 tas-sentenza appellata, mingħajr ma jħarbat il-bilanċ ta’ obbligi u ta’ drittijiet proċedurali bejn il-partijiet kif stabbilit mill-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 40/94.

183    Budvar tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma kisritx l-Artikoli 8(4)(b) u 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 meta imponiet fuq l-UASI l-obbligu li jinforma ruħu ex officio fuq id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

184    Tali obbligu għandu natura moderata u barra minn hekk ikun konformi mal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 40/94, li jagħti lill-UASI l-fakultà li tieħu ċertu miżuri investigattivi.

185    Budvar issostni wkoll li l-analiżi żviluppata minn Anheuser‑Busch fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha hija fil-fatt marbuta mal-ewwel aggravju mqajjem minn din tal-aħħar, li l-UASI huwa kompetenti sabiex jevalwa l-validità ta’ drittijiet preċedenti invokati insostenn ta’ oppożizzjoni. Għall-istess raġunijiet bħal dawk imressqa b’risposta għall-ewwel aggravju, Budvar tikkunsidra li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

186    Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, li jirrigwarda l-punti 184 sa 199 tas-sentenza appellata, Anheuser-Busch u l-UASI jsostnu li huwa b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Bord tal-Appell kien wettaq żball meta ma ħax inkunsiderazzjoni l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat kienx jagħti d-dritt lil Budvar li tipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti.

187    Dan l-aggravju huwa indirizzat b’mod partikolari kontra l-punt 193 tas-sentenza appellata, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li, f’din il-kawża, il-Bord tal-Appell kellu l-obbligu li jinforma ruħu ex officio dwar l-eżitu ta’ proċeduri ġudizzjarji mibdija minn Budvar quddiem l-Oberster Gerichtshof, qorti tal-aħħar istanza fl-Awstrija, kontra sentenza li minnha jirriżulta li Budvar ma setgħetx tipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti abbażi tad-denominazzjoni “Bud” kif protetta taħt it-trattati bilaterali inkwistjoni.

188    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 8(4)(b) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi l-kundizzjoni li biha, skont id-dritt tal-Istat Membru li huwa applikabbli għas-sinjal invokat skont din id-dispożizzjoni, dan is-sinjal jagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti.

189    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, l-oneru tal-prova li din il-kundizzjoni hija sodisfatta qiegħed fuq min jopponi quddiem l-UASI.

190    F’dan il-kuntest u fir-rigward ta’ drittijiet preċedenti invokati f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat, fil-punt 187 tad-deċiżjoni kkontestata, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali allegata insostenn tal-oppożizzjoni u deċiżjonijiet ġudizzjarjai mogħtija fl-Istat Membru kkonċernat u li, abbażi ta’ dan, min jopponi għandu juri li s-sinjal inkwistjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Istat Membru invokat u li jippermetti l-projbizzjoni tal-użu ta’ trade mark iktar reċenti.

191    Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni Anheuser-Busch fil-kuntest ta’ dan it-tieni aggravju, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament, fil-punt 195 tas-sentenza appellata, li min jopponi għandu juri biss li huwa għandu d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti u ma jistax jintalab minnu li huwa juri li dan id-dritt jiġi eżerċitat, fis-sens li min jopponi effettivament seta’ jikseb il-projbizzjoni ta’ tali użu.

192    Fuq dan il-punt, it-tieni aggravju invokat minn Anheuser‑Busch insostenn tal-appell tagħha ma huwiex għaldaqstant fondat.

193    Minn dan jirriżulta wkoll li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament fil-punt 95 tas-sentenza appellata, rigward il-protezzjoni fi Franza tad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” irreġistrata skont il-Ftehim ta’ Lisbona, li l-Bord tal-Appell ma setax jibbaża ruħu fuq il-fatt li minn deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija f’dan l-Istat Membru jirriżulta li Budvar ma kinitx f’pożizzjoni, sa dakinhar, li tostakola lid-distributur ta’ Anheuser-Busch milli jbigħ l-birra fi Franza taħt it-trade mark BUD sabiex jiġi dedott minn dan li Budvar kienet naqset milli tressaq il-prova li l-kundizzjoni relatata mad-dritt li jiġi pprojbit l-użu ta’ trade mark iktar reċenti skont is-sinjal invokat kienet sodisfatta.

194    Dan l-aggravju kien suffiċjenti, fih innifsu, sabiex jiġi kkonstatat li, fuq dan il-punt, id-deċiżjonijiet kkontestati huma, fir-rigward tad-dritt preċedenti inkwistjoni, jiġifieri l-protezzjoni skont il-Ftehim ta’ Lisbona, invalidi.

195     Barra minn hekk, fil-punt 192 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-Bord tal-Appell kien irrefera biss għal deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fl-Awstrija u fi Franza sabiex jikkonkludi li Budvar kienet naqset milli tressaq il-prova li s-sinjal inkwistjoni kien taha d-dritt li tipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti.

196    Issa, peress illi kkonstatat li ebda waħda minn dawn id-deċiżjonijiet ma kienet akkwistat l-awtorità ta’ res judicata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fl-istess punt 192, li l-Bord tal-Appell ma setax jibbaża ruħu biss fuq dawn id-deċiżjonijiet sabiex jasal għall-konklużjoni tiegħu, u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll id-disposizzjonijiet tad-dritt nazzjonali invokati minn Budvar fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni sabiex jiġi eżaminat jekk, skont dawn id-dispożizzjonijiet, Budvar kellhiex id-dritt li tipprojbixxi trade mark iktar reċenti abbażi tas-sinjal invokat.

197    Fuq dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ġustament li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji kellhom żball ta’ liġi.

198    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 192 u 193 tas-sentenza appellata, għalkemm il-Bord tal-Appell kien jaf bil-fatt li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji invokati minn Anheuser‑Busch ma kinux finali, billi kienu suġġetti għal appell quddiem qorti nazzjonali superjuri, madankollu huwa bbaża esklużivament fuqhom sabiex jiddeċiedi li ma kinitx sodisfatta l-kundizzjoni pprovduta fl-Artikolu 8(4)(b) tar-Regolament Nru 40/94, għar-raġuni li, minn naħa, is-sentenza mogħtija fl-Awstrija hija bbażata fuq konstatazzjonijiet fattwali li r-reviżjoni minn qorti tal-aħħar istanza kienet “ftit li xejn probabbli” u li, min-naħa l-oħra, is-sentenza tal-qorti Franċiża wriet li Budvar “ma kinitx sallum kapaċi tipprekludi lid-distributur ta’ Anheuser-Busch milli jbigħ il-birra fi Franza taħt it-trade mark BUD”.

199    B’hekk jirriżulta mid-deċiżjonijiet kkontestati li l-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuq motivi żbaljati meta ddeċieda li Budvar kienet naqset milli tistabbilixxi li l-kundizzjoni pprovduta fl-Artikolu 8(4)(b) tar-Regolament Nru 40/94 kienet sodisfatta.

200    Fir-rigward, minn naħa, tad-deċiżjoni mogħtija minn qorti Franċiża, diġà ntqal, fil-punt 193 ta’ din is-sentenza, li r-raġuni mogħtija mill-Bord tal-Appell hija bbażata fuq rekwiżit li ma jirriżultax mill-imsemmija dispożizzjoni u li din tivvizzja d-deċiżjonijiet kkontestati b’illegalità.

201    F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, id-deċiżjoni mogħtija minn qorti Awstrijaka, jekk il-Bord tal-Appell kien ikkunsidra li din id-deċiżjoni ma kinitx suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-kundizzjoni pprovduta fl-Artikolu 8(4)(b) tar-Regolament Nru 40/94 kienet sodisfatta, huwa kellu jikkonstata dan in-nuqqas ta’ suffiċjenza sabiex jiddeduċi minnu li, peress li Budvar ma kinitx ipproduċiet quddiem l-UASI s-sentenza tal-Oberster Gerichtshof li tikkonferma li din il-kumpannija kellha d-dritt li tipprojbixxi t-trade mark l-iktar reċenti, din tal-aħħar ma kinitx ipprovat li l-imsemmija kundizzjoni kienet sodisfatta, kuntrarjament għal dak li jirrikjedi l-Artikolu 74(1) tal-imsemmi regolament.

202    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, kif għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punti 192 u 193 tas-sentenza appellata, li l-approċċ tal-Bord tal-Appell kien għal kollox differenti.

203    Fil-fatt, huwa paċifiku li dan tal-aħħar irrefera esklużivament għad-deċiżjoni tal-qorti Awstrijaka invokata minn Anheuser-Busch sabiex minnha jiġi dedott li Budvar ma kellhiex id-dritt li tipprojbixxu l-użu tat-trade mark l-iktar reċenti, għar-raġuni li din id-deċiżjoni hija bbażata fuq konstatazzjonijiet fattwali li minnhom kien “ftit li xejn probabbli” li ser ikunu kkontestati mill-qorti tal-aħħar istanza.

204    Issa, peress li l-Bord tal-Appell ma setax, f’dan il-każ, jissostitwixxi l-evalwazzjoni tiegħu dwar il-validità ta’ drittijiet preċedenti invokati skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 għal dik ta’ qrati nazzjonali kompetenti, kif diġà ntqal fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, il-Bord tal-Appell ma setax mill-ewwel jeskludi l-impatt ta’ sentenza futura tal-Oberster Gerichtshof fuq il-kwistjoni ta’ jekk din tissodisfax il-kundizzjoni pprovduta fl-Artikolu 8(4)(b) tal-imsemmi regolament, u dan minkejja li huwa kien ġie informat minn Budvar li hija kienet marret quddiem din il-qorti nazzjonali permezz ta’ appell mid-deċiżjoni invokata, peress li tali effett kien ġie miċħud abbażi tal-evalwazzjoni tiegħu stess dwar il-probabbiltà ta’ kontestazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

205    Peress li huwa paċifiku, kif ġie kkonstatat fil-punt 96 ta’ din is-sentenza fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel aggravju invokat minn Anheuser‑Busch li huwa, kif ġustament sostniet Budvar, intimament marbut mat-tieni aggravju tagħha, li d-dritt preċedenti invokat minn din tal-aħħar skont it-trattati bilaterali inkwistjoni b’effett fl-Awstrija ma kienx ġie ddikjarat invalidu permezz ta’ deċiżjoni finali ta’ qorti u li ma kinitx suġġetta għal appell fid-data li fiha l-Bord Appell adotta d-deċiżjonijiet ikkontestati, dan tal-aħħar ma setax jibbaża ruħu esklużivament fuq deċiżjoni ġudizzjarja li għadha ma hijiex finali u suġġetta għal appell sabiex jikkonkludi li Budvar ma kellhiex id-dritt li tipprojbixxi l-użu tat-trade mark Bud skont l-imsemmi dritt preċedenti.

206    Fil-fatt, l-unika konklużjoni li tista’ tinġibed minn tali deċiżjoni ġudizzjarja kienet li d-dritt preċedenti inkwistjoni kien ċertament ikkontestat, iżda li madankollu ma kienx għadu jeżisti.

207    Peress li dan id-dritt preċedenti kien għadu jeżisti, il-kwistjoni dwar jekk dan jagħtix lil min jopponi d-dritt li jipprojbixxi trade mark iktar riċenti fis-sens tal-Artikolu 8(4)(b) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jwassal sabiex jiġi eżaminat li, kif intqal fil-punt 190 ta’ din is-sentenza, jekk min jopponi kienx wera li s-sinjal inkwistjoni kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Istat Membru invokat u kienx jippermetti l-użu ta’ trade mark iktar reċenti.

208    Issa, fuq dan il-punt, il-Qorti Ġenerali ddikjarat, fil-punt 192 tad-deċiżjoni kkontestata, li Budvar kienet qajmet quddiem il-Bord tal-Appell mhux biss id-dispożizzjonijiet tat-trattati bilaterali inkwistjoni, iżda wkoll id-dispożizzjonijiet tad-dritt Awstrijak li, skont din l-opponent, setgħu jkunu l-bażi tad-dritt tagħha li tipprojbixxi t-trade mark iktar riċenti Bud. Madankollu, il-Bord tal-Appell, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fl-istess punt 192, ma ħax inkunsiderazzjoni dawn id-dispożizzjonijiet lanqas ma bbaża fuq elementi li setgħu jitfgħu dubju dwar l-applikabbiltà tagħhom f’dan il-każ.

209    Kunsiderazzjonijiet bħal dawk stabbiliti fil-punti 192 u 195 tas-sentenza kkontestata huma tali li jiġġustifikaw il-konklużjoni milħuqa mill-Qorti Ġenerali fil-punt 199 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta ma ħax inkunsiderazzjoni l-punti kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi sabiex jiġi ddeterminat jekk, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat jagħtix lil Budvar id-dritt li tipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti.

210    Minn dan isegwi li jekk, ċertament, fil-punt 193 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet, essenzjalment, li d-dmir tal-UASI li jinforma ruħu ex officio fuq fatti magħrufa, inkluż id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, jimplika li, f’dan il-każ, kien “permess” li l-Bord tal-Appell jikseb informazzjoni mingħand il-partijiet, jew permezz ta’ kwalunkwe mezz ieħor, dwar l-eżitu tal-proċeduri mibdija quddiem l-Oberster Gerichtshof, din ir-raġuni, anki jekk timplika dmir reali għall-Bord tal-Appell li jinforma ruħu ex officio dwar tali proċedura u għalhekk għamel żball ta’ liġi, kif allegat minn Anheuser-Busch u l-UASI, ma jistax ukoll jivvizzja l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-illegalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati sa fejn jirrelataw mal-eżami tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 8(4)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

211    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-ilmenti ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali intiżi kontra raġunijiet li saru biss għall-finijiet ta’ eżawriment ma jistgħux jimplikaw l-annullament ta’ din is-sentenza u b’hekk huma ineffettivi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 148).

212    Issa, il-kwistjoni dwar jekk il-Bord tal-Appell għandux jew setax jinforma ruħu ex officio dwar l-eżitu tal-proċeduri ġudizzjarji inkwistjoni kienet eżaminata mill-Qorti Ġenerali b’mod eżawrjenti, peress li, f’dan il-każ, kif ġie mfakkar fil-punt 204 ta’ din is-sentenza, hija tiddikjara li l-Bord tal-Appell ikkunsidra, abbażi tal-evalwazzjoni tiegħu stess tal-probabbiltà ta’ reviżjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja inkwistjoni, li ma kienx neċessarju li jinforma ruħu dwar din il-kwistjoni u li huwa kellu l-informazzjoni kollha rilevanti sabiex jivverifika jekk il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 8(4)(b) tar-Regolament Nru 40/94 kinitx sodisfatta u jikkonkludi, f’dan il-każ, li dan ma kienx il-każ.

213    Minn dan isegwi li t-tieni aggravju invokat minn Anheuser‑Busch u mill-UASI, sa fejn jirrigwarda l-punt 193 tas-sentenza appellata, huwa intiż kontra raġuni ta’ din is-sentenza li saret biss għall-finijiet ta’ eżawriment u, għaldaqstant, anki kieku jitqies fondat, ma huwiex tali li jwassal għall-annullament tagħha.

214    Konsegwentement, għandu jiġi miċħud it-tieni aggravju invokat minn Anheuser-Busch insostenn tal-appell tagħha bħala parzjalment infondat u parzjalment ineffettiv u t-tieni aggravju mqajjem mill-UASI bħala ineffettiv.

215    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn il-Qorti Ġenerali, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, ikkunsidrat b’mod żbaljat, l-ewwel nett, li s-sinjifikat tas-sinjal inkwistjoni, li ma jistax ikun biss lokali, għandu jkun esklużivament stabbilit skont l-ambitu territorjali ta’ protezzjoni ta’ dan is-sinjal, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-użu tiegħu f’dan it-territorju, sussegwentement, li t-territorju rilevanti għall-evalwazzjoni tal-użu tal-imsemmi sinjal ma huwiex neċessarjament it-territorju ta’ protezzjoni ta’ dawn tal-aħħar, u, fl-aħħar nett, li l-użu tal-istess sinjal ma għandux neċessarjament iseħħ qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

 Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

216    Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jirriżulta li meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni.

217    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ilment ta’ Budvar, li jagħmel parti mit-tieni parti tal-aggravju uniku tagħha, li biha tqiegħdet f’dubju l-applikazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell tal-kundizzjoni marbuta mal-użu fil-kummerċ ta’ sinjal li s-sinjifikat tiegħu ma huwiex biss lokali, kif previst fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

218    Issa, ġie kkonstatat fil-punt 215 ta’ din is-sentenza li, fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ din il-kundizzjoni, is-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball triplu ta’ liġi.

219    Sabiex jiġi evalwat l-aggravju ta’ Budvar ibbażat fuq l-applikazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell tal-kundizzjoni relatata mal-użu fil-kummerċ ta’ sinjal li ma huwiex biss ta’ sinjifikat lokali, huwa neċessarju li ssir evalwazzjoni tal-valur probatorju tal-elementi fattwali li jistgħu juru li hija sodisfatta f’din il-kawża din il-kundizzjoni abbażi tad-definizzjoni ta’ din tal-aħħar kif deċiż f’din is-sentenza, ta’ fatti li fosthom hemm, b’mod partikolari, id-dokumenti ppreżentati minn Budvar u li huma msemmija fl-punti 171 u 172 tas-sentenza appellata.

220    Minn dan isegwi li l-kawża ma tistax tiġi deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja, u għalhekk għandha tiġi rrinvijata lill-Qorti Ġenerali sabiex teżamina r-rikors ta’ Budvar sabiex tingħata deċiżjoni fuq l-imsemmi aggravju.

 Fuq l-ispejjeż

221    Peress li l-kawża ġiet irrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri ta’ appell jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-Qorti Ġenerali) tas-16 ta’ Diċembru 2008, Budějovický Budvar vs UASI – Anheuser-Busch (BUD) (T‑225/06, T‑255/06, T‑257/06 u T‑309/06) hija annullata sa fejn il-Qorti Ġenerali, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 422/2004, tad-19 ta’ Frar 2004, ikkkunsidrat b’mod żbaljat, l-ewwel nett, li s-sinjifikat tas-sinjal inkwistjoni, li ma jistax ikun biss lokali, għandu jkun esklużivament evalwat skont l-ambitu territorjali ta’ protezzjoni ta’ dan is-sinjal, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-użu tiegħu f’dan it-territorju, sussegwentement, li t-territorju rilevanti għall-evalwazzjoni tal-użu tal-imsemmi sinjal ma huwiex neċessarjament it-territorju ta’ protezzjoni ta’ dan tal-aħħar u, fl-aħħar nett, li l-użu tal-istess sinjal ma għandux neċessarjament iseħħ qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

2)      Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

3)      Il-Kawżi magħquda T‑56/06, T‑60/06, T‑62/06 u T‑69/06 huma rrinvijati quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

4)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.