Kawża C-81/09

Idryma Typou AE

vs

Ypourgos Typou kai Meson Mazikis Enimerosis

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias)

“Libertà ta’ stabbiliment — Moviment liberu tal-kapital — Dritt tal-kumpanniji — L-Ewwel Direttiva 68/151/KEE — Kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li taqa’ taħt is-settur tal-istampa u tat-televiżjoni — Kumpannija u azzjonista li għandha iktar minn 2.5 % tal-azzjonijiet — Multa amministrattiva flimkien u in solidum”

Sommarju tas-sentenza

Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Dritt tal-kumpanniji

(Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE; Direttiva tal-Kunsill 68/151)

L‑ewwel Direttiva 68/151, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f’kull parti tal-Komunità, għandha tiġi interpretata fis‑sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l‑multi previsti għal ksur tal‑leġiżlazzjoni u tar‑regoli tal‑etika li jirregolaw il‑funzjonament tal‑istazzjonijiet televiżivi jiġu imposti flimkien u in solidum, mhux biss fuq il‑kumpannija li jkollha l‑liċenzja għall‑ħolqien u għall‑operat ta’ stazzjon televiżiv, iżda wkoll fuq l‑azzjonisti kollha li jkollhom perċentwali ta’ azzjonijiet ta’ iktar minn 2.5 %.

Min‑naħa l‑oħra, l‑Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE għandhom jiġu interpretati fis‑sens li jipprekludu tali leġiżlazzjoni nazzjonali.

Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni għandha effett dissważiv għall‑investituri, taffettwa l‑aċċess tagħhom fis‑suq tal‑ishma fil‑kumpanniji u tirrestrinġi b’dan il-mod il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment libertu tal-kapital. Għalkemm tali restrizzjoni għandha għan leġittimu li tiġi osservata l‑leġiżlazzjoni u l‑etika tal‑ġurnalisti mill‑kumpannija televiżiva sabiex, b’mod partikolari, jiġi evitat li jiġi ppreġudikat l‑unur jew il‑ħajja privata tal‑persuni li l‑immaġni tagħhom tidher fuq l‑iskrin jew li jiġi ċċitat isimhom, ma jistax jitqies li din ir-restrizzjoni hija adatta sabiex tiggarantixxi t‑twettiq tal‑għan tagħha u lanqas fuq kollox li hija tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l‑għan.

(ara l-punti 46, 56, 60, 63, 65, 70, dispożittivi 1,2)







SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla)

21 ta’ Ottubru 2010(*)

“Libertà ta’ stabbiliment – Moviment liberu tal-kapital – Dritt tal-kumpanniji – L‑Ewwel Direttiva 68/151/KEE – Kumpannija pubblika b’ responsabbiltà limitata li taqa’ taħt is-settur tal-istampa u tat-televiżjoni – Kumpannija u azzjonista li għandha iktar minn 2.5 % tal-azzjonijiet – Multa amministrattiva flimkien u in solidum”

Fil-Kawża C-81/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Ottubru 2008, li waslet fil‑Qorti tal‑Ġustizzja fit‑ 25 ta’ Frar 2009, fil‑proċedura

Idryma Typou AE

vs

Ypourgos Typou Kai Meson Mazikis Enimerosis,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal‑Awla, A. Arabadjiev, A. Rosas (Relatur), U. Lõhmus u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tal‑11 ta’ Marzu 2010,

wara li kkunsidrat l‑osservazzjonijiet ippreżentati:

–      għall‑Gvern Elleniku, minn P. Mylonopoulos u M. Apessos kif ukoll N. Marioli, bħala aġenti,

–      għall‑Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u G. Zavvos, bħala aġenti,

wara li semgħet il‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tat‑2 ta’ Ġunju 2010,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

1        It‑talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal‑ewwel Direttiva tal‑Kunsill [68/151/KEE], tad‑9 ta’ Marzu tal‑1968, dwar il‑koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall protezzjoni tal‑interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill‑Istati Membri minn kumpanniji fis‑sens tat‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 58 tat‑Trattat, bil‑għan li tagħmel dawn is‑salvagwardji ekwivalenti f’kull parti tal‑Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 3. L 65, p. 8, iktar ’il quddiem l‑“Ewwel Direttiva”).

2        Din it‑talba ġiet ippreżentata fil‑kuntest ta’ kawża bejn Idryma Typou AE, kumpannija pubblika b’responsabbilità limitata li għandha l‑uffiċċju rreġistrat tagħha f’Ateni (il‑Greċja) u l‑Ypourgos Typou kai Meson Mazikis Enimerosis (Ministru tal‑Istampa u tax‑Xandir) dwar multa imposta fuq din il‑kumpannija minħabba ksur tal‑leġiżlazzjoni u tar‑regoli deontoloġiċi li jirregolaw il‑funzjonament tal-istazzjonijiet televiżivi.

 Il‑kuntest ġuridiku

 Il‑leġiżlazzjoni tal‑Unjoni

3        L‑ewwel tliet premessi tal‑Ewwel Direttiva huma fformulati kif ġej:

“Billi l‑kordinazzjoni prevista fl‑Artikolu 54(3) (ġ) [tat‑Trattat KEE] u fil‑Programm Ġenerali għat‑tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il‑libertà ta’ stabbiliment hija kwistjoni ta’ urġenza, speċjalment dwar kumpaniji limitati b’azzjonijiet jew għandhom xort’oħra responsabbiltà limitata, billi l‑attiviatjiet ta’ dawk il‑kumpaniji ġieli jestendu ‘l hinn mill‑fruntieri ta’ territorji nazzjonali;

Billi l‑kordinazzjoni ta’ disposizzjonijiet nazzjonali dwar l‑iżvelar, il‑validità ta’ obbligi li jkunu daħlu għalihom, u n‑nullità ta’ dawk il‑kumpaniji hija ta’ importanza speċjali, partikolarment għall‑iskop ta’ protezzjoni ta’ l‑interessi ta’ terzi persuni;

Billi f’dawn il‑kwistjonijiet għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet tal‑Komunità relattivament għal dawk il‑kumpaniji simultanjament, billi l‑uniċi salvagwardji li huma joffru lil partijiet terzi huma l‑assi tagħhom.”

4        L‑Artikolu 1 tal‑Ewwel Direttiva, kif kien emendat bl‑Att dwar il‑kundizzjonjiet tal‑Adeżjoni tar‑Repubblika Ellenika u għall‑aġġustamenti tat‑Trattati (ĠU 1979, L 291, p. 17), jipprovdi li:

“Il‑miżuri ta’ kordinazzjoni preskritti b’din id‑Direttiva għandhom japplikaw għall‑liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l‑Istati Membri dwar it‑tipi ta’ kumpaniji li ġejjin:

[…]

– fil‑Greċja:

ανώνυμη εταιρία, εταιρία περιωρισμένης ευθύνης, ετερόρρυθμη κατά μετοχές εταιρία [kumpannija pubblika ta' responsabbiltà limitata, kumpannija b’responsabbiltà limitata, kumpannija in akkomandita b’ishma]”.

5        L‑Ewwel Direttiva fiha tliet taqsimiet. It‑Taqsima I tittratta l‑iżvelar ta’ dokumenti ta’ kumpannija, it‑Taqsima II tinkludi dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il‑validità ta’ obbligi li l‑kumpannija tkun daħlet għalihom, u t‑Taqsima III tirregola n‑nullità possibbli tal‑kumpannija.

 Il‑leġiżlazzjoni nazzjonali

6        L‑Artikolu 15(2) tal‑Kostituzzjoni Ellenika, kif kienet fis‑seħħ qabel ir‑reviżjoni kostituzzjonali tal‑2001, kien jipprovdi li r‑radju u t‑televiżjoni jkunu suġġetti għall‑kontroll dirett tal‑Istat.

7        Il‑Liġi Nru 2863/2000 “Kunsill nazzjonali tar‑radjuteleviżjoni u awtoritajiet jew korpi oħrajn fis‑settur tal‑provvista ta’ servizzi radjuteleviżivi” (FEK A’ 262) tistabbilixxi l‑Kunsill nazzjonali tar‑radjuteleviżjoni (Ethniko symvoulio radiotileorasis, iktar ’il quddiem l‑“ESR”).

8        Il‑Liġi Nru 2328/1995 “Qafas ġuridiku tat‑televiżjoni privata u tar‑radju lokali, risoluzzjoni ta’ kwistjonijiet marbutin mas‑suq radjuteleviżiv u dispożizzjonijiet oħrajn” [FEK A’ 159, applikabbli f’dan il‑każ fil‑verżjoni tagħha preċedenti għall‑emenda tagħha bil‑Liġi Nru 2644/A233/1998 “dwar il‑provvista ta’ servizzi radjufoniċi u televiżivi bi ħlas” (FEK A’ 233), iktar ’il quddiem il‑“Liġi Nru 2328/1995”] tiddefinixxi l‑qafas ġuridiku u l‑kuntest ta’ funzjonament tat‑televiżjoni privata u tar‑radju lokali.

9        Din il‑liġi tirregola b’mod partikolari l‑għoti tal‑liċenzji għall‑ħolqien, għat‑twaqqif u għall‑operat ta’ stazzjonijiet televiżivi privati kif ukoll l‑ishma fil‑kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata li jippreżentaw tali applikazzjoni għal liċenzja. Bħala regola ġenerali, dawn l‑ishma għandhom ikunu nominattivi. Diversi dispożizzjonijiet tal‑liġi huma intiżi li jillimitaw il‑perċentwali massima tal‑kapital azzjonarju, li persuna fiżika jew ġuridika tista’ jkollha f’kumpannija li għandha liċenzja għall‑ħolqien, għat‑twaqqif jew għall‑operat ta’ stazzjon televiżiv, għal 25 %. Barra minn hekk, kull trasferiment ta’ ishma ta’ iktar minn 2.5 % tal‑kapital azzjonarju għandu jiġi nnotifikat lill‑ESR.

10      L‑Artikolu 3 tal‑Liġi Nru 2328/1995 jipprovdi li:

“1. b) It‑trażmissjonijiet ta’ kull tip (inkluż ir-reklamar) li jxandru l‑istazzjonijiet tar‑radju u tat‑televiżjoni għandhom jirrispettaw il‑personalità, l‑unur, ir‑reputazzjoni, il‑ħajja privata u familjari, l‑attività professjonali, soċjali, xjentifika, artistika, politika, jew kull attività oħra simili, ta’ kull persuna li l‑immaġni tagħha tidher fuq l‑iskrin jew li jixxandru isimha jew elementi ta’ identifikazzjoni suffiċjenti tagħha.”

11      L‑Artikolu 3(15) tal‑Liġi Nru 2328/1995 jipprevedi l‑elaborazzjoni, mill‑ESR, ta’ kodiċi ta’ etika għall‑professjoni ta’ ġurnalist. L‑Artikolu 5 tar‑Regolament Nru 1/1991 tal‑ESR jipprovdi li “[h]uwa pprojbit li persuni jiġu ppreżentati b’mod li jista’, f’kundizzjonijiet speċifiċi, jinkoraġġixxi l‑umiljazzjoni tagħhom, l‑iżolament soċjali tagħhom jew diskriminazzjonijiet kontrihom […]”.

12      L‑Artikolu 4 tal‑Liġi Nru 2328/1995 jipprovdi li:

“1.      F’kull każ ta’ ksur a) ta’ dispożizzjonijiet tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali [, tal‑leġiżlazzjoni] tal‑Unjoni Ewropea u tad‑dritt Internazzjonali li jirregolaw, direttament jew indirettament, l‑istazzjonijiet televiżivi privati u, b’mod iktar ġenerali, il‑funzjonament tat‑televiżjoni privata, b) […], ċ) ta’ regoli ta’ etika, kif iddefiniti fl‑Artikolu 3 ta’ din il‑liġi, għandhom jiġu imposti s‑sanzjonijiet li ġejjin […]: a) rakkomandazzjonijiet u twissijiet, b) multa ta’ bejn GDR ħames u ħames mitt miljun […], ċ) sospensjoni provviżorja sa tliet xhur [jew] interruzzjoni definittiva tax‑xandir ta’ trażmissjoni speċifika tal‑istazzjon, d) sospensjoni provviżorja sa tliet xhur tax‑xandir ta’ kull programm televiżiv, e) irtirar tal‑liċenzja għall‑operat tal‑istazzjon u f) sanzjonijiet ta’ natura etika (bħal xandira obbligatorja ta’ messaġġ dwar is‑sanzjonijiet l‑oħra imposti). L‑ESR għandu jgħaddi d‑deċiżjoni tiegħu mingħajr dewmien lill‑Ypourgos Typou kai Meson Mazikis Enimerosis, li għandu jistħarreġ il-legalità u jadotta d‑deċiżjoni li timponi s‑sanzjoni. L‑għażla tat‑tip ta’ sanzjoni amministrattiva msemmija f’dan l‑artikolu u l‑iffissar tal‑livelli tagħha ssir skont il‑gravità tal‑ksur, l‑udjenza tal‑programm fil‑kuntest li fih twettaq il‑ksur, il‑parti tas‑suq tas‑servizzi radjufoniċi u televiżivi li akkwista eventwalment min għandu l‑liċenzja, l‑ammont tal‑investimenti magħmula jew proposti u l‑eżistenza eventwali ta’ reċidiva. Id‑deċiżjoni tal‑ESR li tipprovdi għall‑applikazzjoni tas‑sanzjonijiet imsemmija f’dan il‑paragrafu għandha tinkludi motivazzjoni kompleta u speċifika u għandha tiġi adottata f’kull każ wara li jkunu nstemgħu l‑persuni kkonċernati matul tal‑inqas laqgħa tas‑sessjoni plenarja ta’ din l‑istituzzjoni. […]

3.      Il‑multi stabbiliti fil‑paragrafi preċedenti għandhom jiġu imposti flimkien u in solidum mal‑kumpannija u personalment mar‑rappreżentant legali (jew mar‑rappreżentanti legali tagħhom), mal‑membri kollha tal‑Bord tad‑Diretturi tagħha u mal‑azzjonisti kollha tagħha li għandhom iktar minn 2.5 % tal‑azzjonijiet tagħha. […]

5.      Is‑sanzjonijiet amministrattivi msemmija iktar ’il fuq huma indipendenti mill‑eżistenza eventwali ta’ responsabbiltà penali jew ċivili”.

 Il‑kawża prinċipali u d‑domanda priliminari

13      Ir‑rikorrenti fil‑kawża hija kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, azzjonista tal‑kumpannija Nea Tileorasi AE, proprjetarja tal‑istazzjon televiżiv Star Channel.

14      Quddiem is‑Symvoulio tis Epikrateias, hija tikkontesta d‑deċiżjoni Nru 11840/E/11.5.2001 tal‑Ypourgos Typou kai Meson Mazikis Enimerosis, li impona fuqha multa ta’ GDR 10 000 000 (madwar EUR 29 347) flimkien u in solidum mal‑kumpannija Nea Tileorasi AE, kif ukoll mal‑azzjonisti l‑oħrajn u l‑membri tal‑Bord tad‑Diretturi tagħha, għar‑raġuni li, matul l‑aħbarijiet prinċipali tal‑istazzjon televiżiv Star Channel tal‑14 ta’ Frar 2000, hija kisret l‑obbligu li jiġu rrispettati l‑personalità, l‑unur, ir‑reputazzjoni u l‑ħajja familjari, kif ukoll il‑preżunzjoni ta’ innoċenza ta’ diversi personalitajiet. Barra minn hekk, hija tikkontesta d‑deċiżjoni Nru 122/91/20.4.2000 tal‑ESR, li abbażi tagħha d‑deċiżjoni ministerjali kkontestata kienet ġiet adottata.

15      Ir‑Raba’ Awla tas‑Symvoulio tis Epikrateias, li kienet adita bl‑appell, irrinvijat il‑kawża quddiem is‑sessjoni plenarja, minħabba l‑importanza kbira tagħha.

16      Is‑Symvoulio tis Epikrateias wettqet stħarriġ tal‑kostituzzjonalità tal‑Artikolu 4(3) tal‑Liġi Nru 2328/1995, li jimponi sanzjoni fuq l‑azzjonisti tal‑kumpannija, fid‑dawl tal‑prinċipju tal‑libertà ekonomika stabbilita fl‑Artikolu 5 tal‑Kostituzzjoni Ellenika. Hija tqis, essenzjalment, li l‑leġiżlatur nazzjonali jista’ jadotta regoli li jidderogaw mid‑dritt komuni tal‑kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, u b’mod partikolari mill‑prinċipju ta’ nuqqas ta’ responsabbiltà tal‑azzjonist għad‑djun tal‑persuna ġuridika, prinċipju fundamentali u vinkolanti tad‑dritt komuni tal‑kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, iżda mhux prinċipju kostituzzjonali. Il‑leġiżlatur nazzjonali għandu, a fortiori, din il‑possibbiltà, meta jirrigwarda kumpanniji partikolari, li jservu l‑interess pubbliku u huma suġġetti għall‑kontroll dirett tal‑Istat. Il‑qorti tar‑rinviju tirrileva li, fi kwalunkwe każ, l‑Artikolu 4(3) tal‑Liġi 2328/1995, ma jipprovdix responsabbiltà in solidum tal‑azzjonisti għad‑“djun” tal‑persuna ġuridika, iżda l‑applikazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi kemm fuq il‑kumpannija kif ukoll fuq il‑persuni msemmija minn din id‑dispożizzjoni. F’aħħar nett, din tal‑aħħar ma kinitx tirrendi impossibli jew sostanzjalement diffiċli l‑eżerċizzju ta’ attività ta’ impriża.

17      Madankollu, is‑Symvoulio tis Epikrateias tikkonstata l‑eżistenza ta’ opinjonijiet minoritarji, fost il‑konsulenti, li jipprovdu li d‑dispożizzjoni inkwistjoni timponi fuq l‑azzjonisti tal‑kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata ta’ televiżjoni li jħallsu multa amministrattiva imposta fuq il‑kumpannija bħala tali, minħabba ksur tal‑leġiżlazzjoni fl‑eżerċizzju tal‑attività tagħha, u tikkostitwixxi dejn marbut mal‑passiv tal‑kumpannija. Din id‑dispożizzjoni tikser il‑prinċipji fundamentali tad‑dritt tal‑kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata – b’mod partikolari dak tal‑limitazzjoni tar‑riskju inkors minn azzjonist ‑, u konsegwentement, il‑libertà ekonomika protetta bl‑Artikolu 5 tal‑Kostituzzjoni Ellenika, li tinkludi d‑dritt li jitwaqqfu kumpanniji kummerċjali, peress li l‑ekonomija tas‑suq ma tistax tiffunzjona mingħajr dawn il‑kumpanniji. Fil‑fatt, il‑prinċipju li jipprovdi li l‑kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata biss hija responsabbli għad‑djun azzjonarju huwa l‑manifestazzjoni essenzjali tan‑natura tal‑kumpannija b’azzjonijiet li hija dik tal‑kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata. Ma huwiex rilevanti ħafna li l‑kumpannija teżerċita attività ta’ interess pubbliku jew li hija tkun suġġetta għall‑kontroll tal‑Istat.

18      Billi eżaminat l‑osservanza tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità, is‑Symvoulio tis Epikrateias tikkunsidra li l‑leġiżlazzjoni kkontestata għandha għan leġittimu u ma tikkostitwixxix restrizzjoni għal‑libertà ekonomika manifestament sproporzjonata meta mqabbla mal‑għanijiet tagħha, peress li hija ma tistax manifestament titqies li tirrendi impossibbli jew sostanzjalment diffiċjli l‑eżerċizzju ta’ attività ta’ impriża fis‑settur tal‑ħolqien u tal‑operat ta’ stazzjonijiet televiżivi privati.

19      Is‑Symvoulio tis Epikrateias targumenta b’mod partikolari li l‑leġiżlatur nazzjonali, li jaf il‑kundizzjonijiet u s‑sitwazzjoni reali tal‑ambjent televiżiv fil‑pajjiż, iqis li azzjonist li għandu perċentwali ta’ azzjonijiet ta’ iktar minn 2.5 % ma huwiex investitur ordinarju, iżda huwa, essenzjalment, investitur professjonali li, bis‑saħħa ta’ dan is‑sehem fil‑kumpannija, huwa potenzjalment f’pożizzjoni li jinfluwenza l‑amministrazzjoni tal‑persuna ġuridika u, minħabba dan il‑fatt, l‑operat tal‑istazzjon televiżiv. Il‑qorti tar‑rinviju tqis li din l‑evalwazzjoni ta’ mertu tal‑leġiżlatur nazzjonali ma tistax titqies li hija manifestament żbaljata jew inadegwata jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l‑fatt li, skont il‑Liġi Nru 2328/1995, il‑perċentwali massima tal‑kapital azzjonarju li jista’ jkollu azzjonist (persuna fiżika jew ġuridika) ma jistax jaqbeż l‑25 % u li, konsegwentement, il‑kollaborazzjoni ta’ diversi azzjonisti mal‑amministrazzjoni tal‑kumpannija hija assolutament neċessarja sabiex tiġi influwenzata l‑ġestjoni tal‑kumpannija.

20      Madankollu, is‑Symvoulio tis Epikrateias tikkonstata l‑eżistenza ta’ opinjonijiet minoritarji, fost il‑membri tagħha, billi tqiegħed fid‑diskuzzjoni din il‑forma ta’ responsabbiltà oġġettiva tal‑azzjonisti, li jiskoraġġixxu l‑akkwist ta’ azzjonijiet f’kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata tat‑televiżjoni. Il‑miżura ma hijiex ta’ natura li tiffavorixxi t‑twettiq tal‑għan, peress li sehem li jkun ftit iktar minn 2.5 % ma jkunx importanti biżżejjed sabiex ikun jista’ jinfluwenza l‑amministrazzjoni tad‑dħul tal‑kumpannija u jevita li hija tadotta aġir li jmur kontra l‑etika. Il‑miżura timplika, fir‑realtà, li tiġi imposta sanzjoni fuq azzjonist ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata ta’ televiżjoni li għandu perċentwali limitat tal‑kapital azzjonarju għar‑raġuni biss li huwa azzjonist ta’ tali tip ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata.

21      F’dan il‑kuntest, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi fuq il‑kompatibbiltà tal‑Artikolu 4(3) tal‑Liġi Nru 2328/1995 mad‑diversi direttivi tal‑Unjoni dwar il‑kumpanniji, li hija tirreferi għalihom.

22      F’dan ir‑rigward, hija tqis li l‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 4(3) tal‑Liġi Nru 2328/1995 u dak tad‑dispożizzjonijiet tad‑direttivi dwar il‑kumpanniji ma jikkoinċidux. Fil‑fatt, dawn ma jinkludu l‑ebda regola li tikkonċerna u, a fortiori, li tipprekludi l‑imputazzjoni ta’ responsabbiltà fuq l‑azzjonisti ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li għandhom ċerta perċentwali ta’ azzjonijiet rigward il‑pagament, flimkien u in solidum mal‑persuna ġuridika li tikkostitwixxi l‑kumpannija, tal‑multi imposti għal ksur tal‑leġiżlazzjoni minħabba l‑attività tal‑persuna ġuridika li tikkostiwixxi l‑kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, b’mod ġenerali, iżda wkoll, partikolarment, f’dan il‑każ, minħabba l‑attività tal‑persuna ġuridika li tikkostitwixxi l‑kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li għandha liċenzja għall‑ħolqien u għall‑operat ta’ stazzjon televiżiv. Tali projbizzjoni ma tistax tiġi dedotta mill‑Artikolu 1 tal‑Ewwel Direttiva, fejn il‑leġiżlatur tal‑Unjoni sempliċement jidentifika t‑tipi ta’ kumpanniji li jeżistu diġà fl‑Istati Membri u li għalihom japplikaw id‑dispożizzjonjiet tad‑direttiva inkwistjoni.

23      Skont il‑qorti tal‑rinviju, anki jekk il‑kampijiet ta’ applikazzjoni tal‑Ewwel Direttiva u tal‑Artikolu 4 tal‑Liġi Nru 2328/1995 jitqiesu li jkopru l‑istess oqsma, din id‑dispożizzjoni tal‑aħħar ma hijiex kuntrarja għall‑Artikolu 1 ta’ din id‑direttiva. Fil‑fatt, l‑Artikolu 1 ma jagħtix definizzjoni tal‑kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata u sempliċement jidentifika t‑tipi ta’ kumpanniji li għalihom tapplika din id‑dispożizzjoni. Konsegwentement, id‑dritt tal‑Unjoni ma jostakola lil‑leġiżlatur nazzjonali la milli jintroduċi tipi ġodda ta’ kumpanniji, li ma jaqgħux taħt il‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑direttivi dwar il‑kumpanniji, u lanqas milli joħloq kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata (parikolari) li għalihom japplikaw id‑dispożizzjonijiet li jidderogaw mid‑dritt tal‑Unjoni tal‑kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, sa fejn, evidentement, dawn id‑dispożizzjonijiet derogatorji ma humiex kuntrarji għal dispożizzjonijiet speċifiċi tad‑direttivi dwar il‑kumpanniji u tad‑dritt tal‑Unjoni inġenerali, bħalma huwa l‑każ li jirrigwarda d‑dispożizzjoni tal‑Artikolu 4(3) tal‑Liġi Nru 2328/1995.

24      Skont is‑Symvoulio tis Epikrateias, il‑fatt li n‑nuqqas ta’ responsabbiltà tal‑azzjonisti ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata rigward id‑djun tal‑persuna ġuridika ma huwiex iggarantit bid‑dritt tal‑Unjoni jirriżulta mill‑fatt li s‑sistemi legali ta’ diversi Stati Membri pprovdew, sa mill‑aħħar għaxar snin, fuq kollox permezz tal‑interpretazzjoni ġudizzjarja, il‑prinċipju tat‑tneħħija tal‑awtonomija tal‑persuna ġuridika, li jwassal, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall‑imputazzjoni ta’ responsabbiltà fuq l‑azzjonist fir‑rigward tal‑obbligi tal‑kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, mingħajr ma tqum il‑kwistjoni dwar jekk il‑prinċipju msemmi iktar ’il fuq huwiex kuntrarju għad‑dritt tal‑Unjoni, iżda wkoll minħabba l‑fatt li qatt ma nbdiet l‑armonizzazzjoni tal‑kundizzjonijiet ta’ tali tneħħija tal‑awtonomija tal‑personalità ġuridika.

25      Madankollu ċerti konsulenti taw opinjoni minoritarja, fid‑dawl tal‑fatt li l‑espressjoni “kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata” użata fl‑Artikolu 1 tal‑Ewwel Direttiva għandha kontenut minimu obbligatorju. Fil‑fehma tagħhom, il‑karatteristiċi fundamentali ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, li minnhom il‑leġiżlatur nazzjonali ma jistax jidderoga, huma:

a)       id‑distinzjoni stretta bejn il‑patrimonju azzjonarju u dak tal‑azzjonisti, kif ukoll

b)       in‑nuqqas ta’ responsabbiltà personali tal‑azzjonisti għad‑djun azzjonarji, peress li l‑azzjonisti huma responsabbli biss li jħallsu l‑kontribut tagħhom, li jikkorrispondi għall‑kwota tas‑sehem tagħhom għall‑kapital azzjonarju globali.

26      Barra minn hekk, dawn il‑konsulenti jirrilevaw li, fl‑ebda sistema legali ta’ Stat Membru tal‑Unjoni Ewropea, la fil‑leġiżlazzjoni u lanqas fil‑ġurisprudenza, ma jiġi aċċettat li jiġi ppreġudikat il‑prinċipju li l‑azzjonist ma huwiex responsabbli għad‑djun tal‑kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata fuq il‑patrimonju personali tiegħu. Il‑ġurisprudenza aċċettat biss li, meta jkun hemm konfużjoni totali bejn il‑patrimonju tal‑kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata u dak ta’ azzjonist u li dan l‑azzjonist ġġestixxa l‑patrimonju li issa sar wieħed b’mod kuntrarju għall‑bon fide, permezzi tal‑atti jew l‑omissjonijiet personali tiegħu, huma ma jistax jinvoka iktar il‑prinċipju ta’ awtonomija taż‑żewġ patrimonji (il‑patrimonju personali tiegħu u dak tal‑kumpannija) fir‑rigward tal‑kredituri tal‑kumpannija.

27      Konsegwentement, il‑qorti tar‑rinviju tikkonstata diverġenza ta’ opinjonijiet, minn naħa, rigward il‑kwistjoni dwar jekk il‑kampijiet ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 1 tal‑Ewwel Direttiva u tal‑Artikolu 4(3) tal‑Liġi Nru 2328/1995 jikkoinċidux u, min‑naħa l‑oħra, rigward il‑kompatibbiltà tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali mal‑imsemmija dispożizzjoni.

28      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, is‑Symvoulio tis Epikrateias qieset li, skont l‑Artikolu 234(3) KE u s‑sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (283/81, Ġabra p. 3415) hija kellha tissospendi l‑proċeduri quddiemha u tagħmel lill‑Qorti tal‑Ġustizzja d‑domanda preliminari li ġejja:

“Id‑Direttiva 68/151/KEE, li fl‑Artikolu 1 tagħha tipprovdi li “[i]l‑miżuri ta’ kordinazzjoni preskritti b’din id‑Direttiva għandhom japplikaw għall‑liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi tal‑Istati Membri dwar it‑tipi ta’ kumpaniji li ġejjin: [...] fil‑Greċja: ανώνυμη εταιρία [kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata], [...]”, tistabbilixxi regola li tipprekludi l‑adozzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħall‑Artikolu 4(3) tal‑Liġi Nru 2328/1995, sa fejn tali dispożizzjoni tipprovdi li l‑multi previsti fil‑paragrafi preċedenti ta’ dan l‑artikolu għal ksur tal‑leġiżlazzjoni u tar‑regoli tad‑deontoloġija [etika] li jirregolaw il‑funzjonament tal‑istazzjonijiet televiżivi huma imposti b’mod konġunt u in solidum, mhux biss fuq il‑kumpannija detentriċi tal‑awtorizzazzjoni [li għandha l‑liċenzja] għall‑ħolqien u għall‑użu [operat] ta’ stazzjon televiżiv, iżda wkoll fuq l‑azzjonisti kollha li għandhom perċentwali ta’ ishma [azzjonijiet] ta’ iktar minn 2.5 %.”

29      Il‑Qorti tal‑Ġustizzja talbet lill‑persuni kkonċernati msemmija fl‑Artikolu 23 tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑Unjoni Ewropea li xtaqu jipparteċipaw għas‑seduta għat‑trattazzjoni sabiex jesprimu ruħhom b’mod partikolari fuq ir‑rilevanza tal‑Artikoli 49 TFUE, dwar il‑libertà ta’ stabbiliment, u 63 TFUE, dwar il‑moviment liberu tal‑kapital, għar‑risposta għad‑domanda magħmula mis‑Symvoulio tis Epikrateias.

 Fuq id‑domanda preliminari

30      Id‑domanda preliminari magħmula mill‑qorti tar‑rinviju tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal‑Ewwel Direttiva.

31      Madankollu, għandu jitfakkar li l‑fatt li qorti tar‑rinviju fformulat formalment id‑domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad‑dritt Komunitarju ma huwiex ta’ ostakolu sabiex il‑Qorti tal‑Ġustizzja tipprovdi lil din il‑qorti l‑elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad‑deċiżjoni tal‑kawża li għandha quddiemha, kemm jekk hija rreferiet għalihom jew le meta ressqet id‑domandi tagħha. F’dan ir‑rigward, il‑Qorti tal‑Ġustizzja għandha tieħu elementi kollha li tkun ipprovditilha l‑qorti tar‑rinviju, u b’mod partikolari mill‑motivazzjoni tad‑deċiżjoni tar‑rinviju, il‑punti ta’ dritt Komunitarju li jeħtieġu interpretazzjoni fid‑dawl tas‑suġġett tal‑kawża (ara s‑sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ, C‑115/08, Ġabra p. I‑10265, punt 81).

32      Fid‑dawl tal‑fatti tal‑kawża prinċipali u tal‑leġiżlazzjoni Ellenika applikabbli, jeħtieġ, barra l‑Ewwel Direttiva, li jiġu interpretati l‑Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE.

 Fuq l‑Ewwel Direttiva

33      Permezz tad‑domanda tagħha, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi jekk l‑Ewwel Direttiva għandhiex tiġi interpretata fis‑sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħall‑Artikolu 4(3) tal‑Liġi Nru 2328/1995, li jipprovdi li l‑multi previsti fil‑paragrafi preċedenti ta’ dan l‑artikolu għal ksur tal‑leġiżlazzjoni u tar‑regoli tal‑etika li jirregolaw il‑funzjonament tal‑istazzjonijiet televiżivi jiġu imposti flimkien u in solidum, mhux biss fuq il‑kumpannija li għandha l‑liċenzja għall‑ħolqien u għall‑operat ta’ stazzjon televiżiv, iżda wkoll fuq l‑azzjonisti kollha li jkollhom perċentwali ta’ azzjonijiet ta’ iktar minn 2.5%.

34      Il‑Gvern Elleniku josserva li l‑Artikolu 4(3) tal‑Liġi Nru 2328/1995 ma jipprovdix għar‑responsabbiltà in solidum tal‑azzjonisti tal‑kumpannija li jkollha perċentwali ta’ azzjonijiet ta’ iktar minn 2.5% b’mod ġenerali għad‑djun tal‑persuna ġuridika, iżda bil‑kontra l‑multi amministrattivi għal ksur tal‑leġiżlazzjoni u tar‑regoli ta’ funzjonament li jirregolaw l‑operat tal‑istazzjonijiet televiżivi jiġu imposti kemm fuq il‑kumpannija li għandha l‑liċenzja għall‑ħolqien u għall‑operat ta’ stazzjon televiżiv kif ukoll fuq l‑azzjonisti msemmija iktar ’il fuq, li għandhom importanza partikolari għall‑ħolqien u għall‑funzjonament tal‑persuna ġuridika.

35      Madankollu, jeħtieġ jitfakkar li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il‑proċedura stabbilita fl‑Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni totali bejn il‑qrati nazzjonali u l‑Qorti tal‑Ġustizzja u din tal‑aħħar hija għandha biss ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi fuq l‑interpretazzjoni jew il‑validità ta’ atti Komunitarji previsti fl‑imsemmi artikolu. F’dan il‑kuntest, huwa biżżejjed li jitfakkar li ma hijiex il‑Qorti tal‑Ġustizzja li għandha tevalwa l‑interpretazzjoni tad‑dispożizzjonijiet nazzjonali jew li tiddeċiedi jekk l‑interpretazzjoni li tagħti l‑qorti tar‑rinviju hijiex korretta (ara s‑sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2007, Auroux et, C‑220/05, Ġabra p. I‑385, punt 25).

36      Għaldaqstant jeħtieġ li wieħed jillimita ruħu għall‑interpretazzjoni tal‑liġi Ellenika kif inhi mqassra fil‑punt 17 ta’ din is‑sentenza, u li tikkostitwixxi l‑premessa tad‑domanda magħmula mill‑Qorti tal‑Ġustizzja.

37      L‑Ewwel Direttiva kienet ġiet adottata abbażi tal‑Artikolu 54(3)(g) tat‑Trattat KEE, li sar l‑Artikolu 50(2)(g) TFUE.

38      Din id‑dispożizzjoni tal‑aħħar tipprovdi li, sabiex tinkiseb il‑libertà ta’ stabbiliment, il‑leġiżlatur tal‑Unjoni għandu jadotta direttivi sabiex jikkoordina, sa fejn huwa neċessarju u bil‑ħsieb li jiżgura l‑ekwivalenza tagħhom fl‑Unjoni kollha, il‑garanziji meħtieġa, fl‑Stati Membri, minn kumpanniji fis‑sens tat‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 54, sabiex jipproteġi l‑interessi kemm tal‑membri kif ukoll ta’ terzi. Skont it‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 54 TFUE, “kumpanniji jew ditti” ifissru kumpanniji jew ditti stabbiliti skont il‑liġijiet ċivili jew kummerċjali, inklużi s‑soċjetajiet koperattivi u persuni ġuridiċi oħra rregolati bid‑dritt pubbliku jew privat, ħlief għal dawk mingħajr skop ta’ lukru.

39      Kif jirriżulta mill‑ewwel żewġ premessi tal‑Ewwel Direttiva, dawn għandhom l‑għan li jikkoordinaw l‑iżvelar, il‑validità ta’ obbligi li jkunu daħlu għalihom, u n‑nullità ta’ kumpanniji b’azzjonijiet u tal‑kumpanniji b’responsabbiltà limitata. Ir‑regoli li għandhom jiġu adottati f’kull dritt nazzjonali huma deskritti fl‑Artikoli 2 sa 12 tal‑Ewwel Direttiva.

40      Anki jekk it‑tielet premessa tal‑Ewwel Direttiva tħalli x’tifhem li jeżisti prinċipju li l‑kumpanniji biss huma responsabbli għad‑djun tagħhom fil‑konfront ta’ terzi fuq il‑patrimonju azzjonarju tagħhom, l‑imsemmija direttiva ma tipprovdix kunċett uniformi ta’ kumpannija b’azzjoni u lanqas ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata bbażat fuq tali prinċipju. L‑Artikolu 1 tal‑Ewwel Direttiva jelenka, min‑naħa l‑oħra, għal kull Stat Membru, it‑tipi differenti ta’ kumpanniji tad‑dritt ta’ dan l‑Istat Membru, li għalihom għandhom japplikaw ir‑regoli previsti fl‑Artikoli 2 sa 12.

41      Minn dan isegwi li l‑Ewwel Direttiva ma tipprovdix x’għandha tkun kumpannija b’azzjonijiet jew b’responsabbiltà limitata, iżda sempliċement tipprovdi regoli li għandhom jiġu applikati għal ċerti tipi ta’ kumpanniji identifikati bħala kumpannija b’azzjonijiet jew b’responsabbiltà limitata mil‑leġiżlatur tal‑Unjoni.

42      Barra min hekk, għalkemm minn eżami tad‑dritt tal‑Istati Membri, bħal dak li wettaq l‑Avukat Ġenerali fil‑punt 34 tal‑konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta li, fil‑parti l‑kbira tal‑każijiet, l‑azzjonisti tal‑kumpanniji elenkati fl‑Artikolu 1 tal‑Ewwel Direttiva ma humiex responsabbli personalment għad‑djun ta’ kumpannija b’azzjonijiet jew ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, ma jistax jiġi konkluż li jirrigwarda prinċipju ġenerali tad‑dritt tal‑kumpanniji applikabbli f’kull ċirkustanzi u mingħajr eċċezzjoni.

43      Bl‑istess mod, fir‑rigward tal‑obbligi li daħlet għalihom kumpannija, l‑ebda prinċipju ġenerali ma jista jiġi dedott mill‑Artikoli 7 sa 9 tal‑Ewwel Direttiva, li sempliċement isemmu ċertu numru ta’ regoli f’dan ir‑rigward.

44      Għaldaqstant, la mill‑qari tal‑Ewwel Direttiva u lanqas minn interpretazzjoni tagħha fid‑dawl tal‑għan tagħha jew tad‑dritt tal‑Istati Membri ma jirriżulta li din id‑direttiva timponi regola li azzjonist ma jista’ qatt jitqies li huwa responsabbli għal multa imposta fuq kumpannija, b’mod partikolari fl‑ipoteżi li din il‑multa tkun imposta flimkien u in solidum fuq kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata u fuq dan l‑azzjonist.

45      Barra minn hekk, l‑eżistenza ta’ tali regola fid‑dritt nazzjonali ma tippreġudikax l‑għan tal‑Ewwel Direttiva, fid‑dawl tan‑natura limitata tagħha.

46      Konsegwentement, ir‑risposta għad‑domanda magħmula għandha tkun li l‑Ewwel Direttiva għandha tiġi intepretata fis‑sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik tal‑Artikolu 4(3) tal‑Liġi Nru 2328/1995, li tipprovdi li l‑multi previsti fil‑paragrafi preċedenti ta’ dan l‑artikolu għal ksur tal‑leġiżlazzjoni u tar‑regoli tal‑etika li jirregolaw il‑funzjonament tal‑istazzjonijiet televiżivi jiġu imposti flimkien u in solidum, mhux biss fuq il‑kumpannija li għandha l‑liċenzja għall‑ħolqien u għall‑operat ta’ stazzjon televiżiv, iżda ukoll fuq l‑azzjonisti kollha li għandhom perċentwali ta’ azzjonijiet ta’ iktar minn 2.5 %.

 Fuq il‑libertà ta’ stabbiliment u l‑moviment liberu tal‑kapital

47      Dawk id‑dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw għaż‑żamma, minn ċittadin ta’ Stat Membru, fil‑kapital ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, ta’ sehem li jippermettilu jeżerċita influwenza ċerta fuq id‑deċiżjonijiet ta’ din il‑kumpannija u li jiddetermina l‑attivitajiet tagħha jaqgħu taħt il‑kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal‑Artikolu 49 TFUE dwar il‑libertà ta’ stabbiliment (ara f’dan is‑sens, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat‑13 ta’ April 2000, Baars, C‑251/98, Ġabra p. I‑2787, punt 22; tat‑23 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑112/05, Ġabra p. I‑8995, punt 13, u tas‑26 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑326/07, Ġabra p. I‑2291, punt 34).

48      B’mod partikolari l‑investimenti diretti, taħt il‑forma ta’ sehem f’impriża permezz taż‑żamma ta’ azzjonijiet li jagħtu l‑possibbiltà ta’ parteċipazzjoni effettiva fit‑tmexxija u fil‑kontroll tagħha, kif ukoll l‑investiment ta’ portfolio, jiġifieri x‑xiri ta’ titoli fis‑suq tal‑kapital magħmul bl‑intenzjoni biss li jitwettaq investiment finanzjarju mingħajr l‑intenzjoni li tiġi influwenzata t‑tmexxija u l‑kontroll tal‑impriża, jaqgħu taħt id‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 63 TFUE, dwar il‑moviment liberu tal‑kapital (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2009, Glaxo Wellcome, C‑182/08, Ġabra p. I‑8591, punt 40).

49      Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma hijiex intiża li tapplika biss għal dawk l‑ishma li jippermettu li tiġi eżerċitata influwenza ċerta fuq id‑deċiżjonijiet ta’ kumpannija u li jiġu ddeterminati l‑attivitajiet tagħha, iżda li hija intiża li tapplika irrispettivament mill‑kobor tas‑sehem li azzjonist ikollu f’kumpannija tista’ taqa’ kemm taħt l‑Artikolu 49 TFUE kif ukoll taħt l‑Artikolu 63 TFUE (ara s‑sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

50      Fil‑kawża prinċipali, il‑leġiżlazzjoni Ellenika tillimita għal 25 % is‑sehem massimu li persuna fiżika jew ġuridika tista’ jkollha f’kapital azzjonarju ta’ kumpannija li għandha liċenzja għall‑ħolqien, għat‑twaqqif u għall‑operat ta’ stazzjon televiżiv. Barra minn hekk, l‑Artikolu 4(3) tal‑Liġi Nru 2328/1995, jipprovdi li multa tista’ tiġi imposta fuq azzjonist li jkollu iktar minn 2.5 % ta’ azzjonijiet f’tali kumpannija.

51      Skont il‑mod kif il‑bqija tal‑kapital azzjonarju jitqassam, b’mod partikolari jekk jitqassam fost numru kbir ta’ azzjonisti, sehem ta’ 25 % jista’ jkun biżżejjed sabiex jinżamm il‑kontroll ta’ kumpannija jew tal‑inqas tiġi eżerċitata influwenza ċerta fuq id‑deċiżjonijiet ta’ din il‑kumpannija u li jiġu ddeterminati l‑attivitajiet fis‑sens tal‑ġurisprudenza Baars, imfakkra fil‑punt 47 ta’ din is‑sentenza (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38). Għaldaqstant, il‑leġiżlazzjoni Ellenika tista’ taqa’ taħt l‑Artikolu 49 TFUE.

52      Barra minn hekk, sa fejn tirrigwarda azzjonisti li għandhom iktar minn 2.5 % tas‑sehem, iżda s‑sehem tagħhom ma huwiex biżżejjed biex jippermettilhom jeżerċitaw il‑kontroll jew influwenza ċerta fuq id‑deċiżjonijiet tal‑kumpannija, din il‑leġiżlazzjoni tista’ wkoll taqa’ taħt l‑Artikolu 63 TFUE.

53      Għaldaqstant jeħtieġ li jiġu interpretati dawn iż‑żewġ dispożizzjonnjiet.

54      Hija ġurisprudenza stabbilita li l‑kunċett ta’ “restrizzjoni” fis‑sens tal‑Artikolu 49 TFUE jirrigwarda l‑miżuri kollha li jipprojbixxu, ifixklu jew jagħmlu inqas attraenti l‑eżerċizzju tal‑libertà ta’ stabbiliment (sentenza tat‑28 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑518/06, Ġabra p. I‑3491, punt 62).

55      Bl‑istess mod, għandhom jiġu kklassifikati bħala “restrizzjonijiet” fis‑sens tal‑Artikolu 63(1) TFUE miżuri nazzjonali li jistgħu jostakolaw jew jillimitaw l‑akkwist ta’ azzjonijiet fl‑impriżi kkonċernati jew li jistgħu jiddisswadu l‑investituri ta’ Stati Membri oħra milli jinvestu fil‑kapital tagħhom (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, iċċitata iktar’il fuq, punt 19).

56      Fil‑kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li l‑miżura nazzjonali inkwistjoni għandha effett dissważiv għall‑investituri u taffettwa b’dan il‑mod l‑aċċess tagħhom fis‑suq tal‑ishma fil‑kumpanniji.

57      Fil‑fatt, il‑miżura nazzjonali tippermetti li l‑azzjonisti ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata ta’ televiżjoni jitqiesu li huma responsabbli għall‑multi imposti fuq din il‑kumpannija sabiex dawn l‑azzjonisti jsibu mod li l‑imsemmija kumpannija tosserva l‑leġiżlazzjoni u r‑regoli ta’ etika Elleniċi, anki meta s‑setgħat li huma rrikonoxxuti lil dawn l‑azzjonisti mir‑regoli applikabbli għall‑funzjonament tal‑organi tal‑kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata ma jagħtuhomx il‑possibbiltà materjali.

58      Barra minn hekk, għalkemm il‑miżura hija applikabbli mingħajr distinzjoni għall‑investituri Elleniċi u għal dawk ta’ Stati Membri oħrajn, l‑effett dissważiv ta’ din tal‑aħħar huwa iktar importanti għall‑investituri ta’ Stati Membri oħrajn milli għall‑investituri Elleniċi.

59      Fil‑fatt, peress li l‑għan tal‑liġi huwa li jwassal l‑azzjonisti li jikkonkludu alleanzi ma’ azzjonisti oħrajn sabiex ikun jistgħu jinfluwenzaw id‑deċiżjonijiet tal‑amministrazzjoni tal‑kumpannija, anki jekk din l‑għażla hija imposta fuq l‑azzjonisti kollha, huwa inkontestabbli li hija iktar diffiċli li tiġi osservata mill‑investituri ta’ Stati Membri oħrajn, li huma inqas esposti għar‑realtajiet tal‑ambjent tax‑xandir fil‑Greċja u ma jafux neċessarjament il‑gruppi differenti jew alleanzi rappreżentanti fi ħdan il‑kapital ta’ kumpannija li għandha liċenzja għall‑ħolqien, għat‑twettiq u għall‑operat ta’ stazzjon televiżiv.

60      Minn dan isegwi li miżura nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali tirrestrinġi kemm il‑libertà ta’ stabbiliment kif ukoll il‑moviment liberu tal‑kapital.

61      Dan kien ikun il‑każ anki jekk tali miżura kienet interpretata fis‑sens indikat mill‑Gvern Elleniku u espost fil‑punt 34 ta’ din is‑sentenza.

62      Restrizzjoni għal‑libertà ta’ stabbiliment u għall‑moviment liberu tal‑kapital tista’ tiġi aċċettata jekk jirriżulta li din isservi raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, li hija tista’ tiggarantixxi l‑kisba tal‑għan tagħha u li hija ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jintlaħaq dan il‑għan (għal‑libertà ta’ stabbiliment, ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Il‑Kummissjon vs L‑Italja, C‑518/06, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72, u għall‑moviment libertu tal‑kapital, ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja ċċitata mill‑ġdid, punt 72, u għall‑moviment liberu tal‑kapital, ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Il‑Kummisjoni vs Il‑Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 72 u 73).

63      Kif iddikjarat il‑qorti tar‑rinviju, l‑għan tal‑miżura inkwistjoni fil‑kawża prinċipali huwa li tiġi osservata l‑leġiżlazzjoni u l‑etika tal‑ġurnalisti mill‑kumpannija televiżiva sabiex, b’mod partikolari, jiġi evitat li jiġi ppreġudikat l‑unur jew il‑ħajja privata tal‑persuni li l‑immaġni tagħhom tidher fuq l‑iskrin jew li jiġi ċċitat isimhom. Dan jirrigwarda mingħajr dubju għan leġittimu.

64      Fis‑seduta, il‑Kummissjoni qieset li l‑ebda element mill‑proċess ma kien jippermetti li jiġi ddeterminat għaliex azzjonist li għandu iktar minn 2.5 % tal‑azzjonijiet ta’ kumpannija televiżiva għandu jitqies li jista’ jinfluwenza l‑amministrazzjoni tal‑kumpannija. Il‑Gvern Elleniku, meta ġie mistoqsi fuq dan il‑punt, iddikjara li meta ġiet adottata l‑Liġi Nru 2328/1995, numru ta’ ġurnalisti kienu azzjonisti ta’ tali ishma, u li l‑għan ta’ din il‑liġi kien, minn naħa, li jaqsam il‑kapital azzjonarju tal‑kumpanniji televiżivi, sabiex jiġi evitat poter importanti ħafna min‑naħa ta’ azzjonist wieħed, u, min‑naħa l‑oħra, sabiex jinkoraġġixxi lill‑azzjonisti jingħaqdu flimkien sabiex jadottaw id‑deċiżjonijiet dwar il‑programmi.

65      F’dan ir‑rigward, anki jekk kienet teżisti, meta ġiet adottata l‑Liġi Nru 2328/1995, korrelazzjoni statistika bejn il‑kwalità ta’ azzjonist li għandu 2.5% tas‑sehem ta’ kumpannija televiżiva u x‑xogħol ta’ ġurnalist, tali rabta ma tidhirx suffiċjenti sabiex il‑miżura inkwistjoni titqies li hija adatta sabiex tiggarantixxi t‑twettiq tal‑għan tagħha u lanqas fuq kollox li hija tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l‑għan.

66      Fil‑fatt, għalkemm il‑professjoni ta’ ġurnalist tista’ titqies li hija kriterju adatt sabiex jiġu identifikati l‑persuni li jistgħu jinfluwenzaw il‑ġestjoni ta’ kumpannija televiżiva, dan ma huwiex il‑każ tas‑sempliċi kwalità ta’ azzjonist li għandu ftit iktar minn 2.5 % tas‑sehem jew anki numru suffiċjenti ta’ azzjonijiet sabiex jeżerċita influwenza ċerta fis‑sens tas‑sentenza Baars, iċċitata iktar ’il fuq, fl‑organi tal‑kumpannija televiżiva.

67      F’dan ir‑rigward, jekk l‑għan tal‑miżura huwa li l‑ġurnalisti josservaw il‑liġijiet u l‑etika tal‑professjoni tagħhom, jista’ jkun iktar xieraq li huma jkunu personalment issanzjonati għall‑ksur li huma jwettqu, milli jiġu imposti sanzjonijiet fuq azzjonisti li ma humiex neċessarjament ġurnalisti.

68      F’dan il‑kuntest, hemm lok li jiġi rrilevat li l‑Liġi Ellenika tinkludi possibbiltajiet oħrajn ta’ sanzjonijiet iktar xierqa għall‑għan tagħha, inkwantu huma jolqtu l‑attività televiżiva u mhux biss iż‑żamma tal‑kapital azzjonarju, bħas‑sospensjoni jew l‑interruzzjoni tax‑xandir ta’ trażmissjoni speċifika, is‑sospensjoni provviżorja sa tliet xhur tax‑xandir ta’ kull programm televiżiv, l‑irtirar tal‑liċenzja għall‑operat tal‑istazzjon jew ta’ sanzjonijiet ta’ natura etika.

69      Barra minn hekk, kieku l‑azzjonisti kollha ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata kellhom jitqiesu li huma professjonisti tas‑settur li jaqa’ taħtu, l‑għan azzjonarju tal‑kumpannija jikkostitwixxi n‑negazzjoni stess tal‑moviment liberu tal‑kapital li jirreferi b’mod partikolari għall‑investimenti ta’ portfolio, jiġifieri x‑xiri ta’ titoli tas‑suq tal‑kapitali bl‑uniku skop li jitwettaq investiment finanzjarju mingħajr l‑intenzjoni li tiġi influwenzata l‑ġestjoni u l‑kontroll tal‑impriża (sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjon vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, C‑282/04 u C‑283/04, Ġabra p. I‑9141, punt 19). Issa, huwa speċifikament dan it‑tip ta’ investimenti li jidher li jistgħu jwettqu l‑investituri ta’ Stati Membri oħrajn, li jippruvaw jiddiversifikaw il‑portfolio tagħhom.

70      Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l‑Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE għandhom jiġu interpretati fis‑sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall‑Artikolu 4(3) tal‑Liġi Nru 2328/1995, li tipprevedi li l‑multi previsti fil‑paragrafi preċedenti ta’ dan l‑artikolu għal ksur tal‑leġiżlazzjoni u tar‑regoli tal‑etika li jirregolaw il‑funzjonament tal‑istazzjonijiet televiżivi jiġu imposti flimkien u in solidum, mhux biss fuq il‑kumpannija li għandha l‑liċenzja għall‑ħolqien u għall‑operat ta’ stazzjon televiżiv, iżda wkoll fuq l‑azzjonisti kollha li għandhom perċentwali ta’ azzjonijiet ta’ iktar minn 2.5 %.

 Fuq l‑ispejjeż

71      Peress li l‑proċedura għandha, fir‑rigward tal‑partijiet fil‑kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il‑qorti tar‑rinviju, hija din il‑qorti li tiddeċiedi fuq l‑ispejjeż. L‑ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, barra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (It‑Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L‑ewwel Direttiva tal‑Kunsill [68/151/KEE], tad‑9 ta’ Marzu tal‑1968, dwar il‑koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall‑protezzjoni tal‑interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill‑Istati Membri minn kumpanniji fis‑sens tat‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 58 tat‑Trattat, bil‑għan li tagħmel dawn is‑salvagwardji ekwivalenti f’kull parti tal‑Komunità għandha tiġi intepretata fis‑sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik tal‑Artikolu 4(3) tal‑Liġi Nru 2328/1995 “Qafas ġuridiku tat‑televiżjoni privata u tar‑radju lokali, risoluzzjoni ta’ kwistjonijiet marbutin mas‑suq radjuteleviżiv u dispożizzjonijiet oħrajn”, kif emendat bil‑Liġi Nru 2644/1998 “dwar il‑provvista ta’ servizzi radjufoniċi u televiżivi bi ħlas”, li tipprovdi li l‑multi previsti fil‑paragrafi preċedenti ta’ dan l‑artikolu għal ksur tal‑leġiżlazzjoni u tar‑regoli tal‑etika li jirregolaw il‑funzjonament tal‑istazzjonijiet televiżivi jiġu imposti flimkien u in solidum, mhux biss fuq il‑kumpannija li għandha l‑liċenzja għall‑ħolqien u għall‑operat ta’ stazzjon televiżiv, iżda wkoll fuq l‑azzjonisti kollha li għandhom perċentwali ta’ azzjonijiet ta’ iktar minn 2.5 %.

2)      L‑Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE għandhom jiġu interpretati fis‑sens li jipprekludu tali leġiżlazzjoni nazzjonali.

Firem


** Lingwa tal‑kawża: il‑Grieg.