Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-10 ta’ Ġunju 2010 – Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall

(Kawża C-37/09)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ambjent – Ġestjoni ta’ skart mormi illegalment – Direttiva 2006/12/KE – Direttiva 80/68/KEE”

1.                     Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu - Prova tan-nuqqas - Oneru li jaqa’ fuq il-Kummissjoni - Preżunzjonijiet - Inammissibbiltà (Artikolu 226 KE) (ara l-punt 28)

2.                     Ambjent - Skart - Direttiva 2006/12 - Obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw l-irkupru jew ir-rimi ta’ skart - Obbligu ta’ riżultat - Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-miżuri li għandhom jittieħdu - Limiti (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/12, Artikolu 4) (ara l-punti 35-39, 44)

3.                     Ambjent - Skart - Direttiva 2006/12 - Obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-possessuri ta’ skart - Kunċett ta’ possessur ta’ skart - Possessuri ta’ mħażen mhux awtorizzati - Inklużjoni (Artikolu 174(2) KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/12, Artikolu 8) (ara l-punti 46-51, 53-55)

4.                     Approssimazzjoni tal-liġijiet - Protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art - Direttiva 80/68 - Kamp ta’ applikazzjoni - Azzjonijiet li jwasslu għal rilaxx indirett ta’ sustanzi li jaqgħu taħt il-lista II tad-Direttiva - Inklużjoni (Artikolu 174(2) KE; Direttiva tal-Kunsill 80/68, Artikoli 3 u 5) (ara l-punti 64-66)

5.                     Approssimazzjoni tal-liġijiet - Protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art - Direttiva 80/68 - Obbligu tal-Istati Membri li jillimitaw l-introduzzjoni ta’ sustanzi li jaqgħu taħt il-lista II tad-Direttiva fl-ilma ta’ taħt l-art - Obbligu li jiġi ssuġġettat għal investigazzjoni minn qabel kull rilaxx dirett ta’ dawn is-sustanzi - Inserzjoni ta’ skart mingħajr teħid ta’ prekawzjonijiet tekniċi li jippermettu li jiġi evitat it-tniġġis ta’ dan l-ilma - Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (Direttiva tal-Kunsill 80/68, Artikoli 3(b) u 5) (ara l-punti 74-78)

Suġġett

Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Ksur tal-Artikoli 4 u 8 tad-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006, dwar l-iskart (ĠU L 114, p. 9), li kkodifikat id-Direttiva 75/442/KEE, dwar l-iskart, u tal-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 80/68/KEE, tas-17 ta’ Diċembru 1979, dwar il-ħarsien ta’ ilma ta’ taħt l-art kontra tniġġiż ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 43) - Rimi ta’ skart f’barrieri li ma kinux qed jintużaw iżjed - Barrieri “dos Limas, dos Linos u dos Barreiras” [Lourosa] - Nuqqas ta’ kontroll

Dispożittiv

1)

Billi ma adottatx il-miżuri neċessarji fil-kuntest tal-ġestjoni tal-iskart mormi illegalment fil-barrieri qodma “dos Limas” u “dos Linos”, li jinsabu fil-komun ta’ Lourosa, ir-Repubblika Portugiża naqset milli tewttaq l-obbligi tagħha rispettivament taħt l-Artikoli 4 u 8 tad-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006, dwar l-iskart, li kkodifikat id-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart, u taħt l-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 80/68/KEE, tas-17 ta’ Diċembru 1979, dwar il-ħarsien ta’ ilma ta’ taħt l-art kontra tniġġiż ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi.

2)

Il‑kumplament tar‑rikors huwa miċħud.

3)

Ir-Repubblika Portugiża għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, żewġ terzi tal-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tbati terz tal-ispejjeż tagħha stess.