Keywords
Summary

Keywords

Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea — Dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE — Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae — Minuri ċittadin ta’ Stat Membru li qatt ma eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu — Inklużjoni

(Artikolu 20 TFUE)

Summary

L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġu interpretat bħala li jipprekludi li Stat Membru, minn naħa, jirrifjuta lil ċittadin ta’ Stat terz, li huwa responsabbli għal uliedu ta’ età żgħira, ċittadini tal-Unjoni, ir-residenza fl-Istat Membru ta’ residenza ta’ dawn tal-aħħar li tiegħu għandhom iċ-ċittadinanza u, min-naħa l-oħra, jirrifjuta lill-imsemmi ċittadin ta’ Stat terz permess ta’ xogħol, sa fejn tali deċiżjonijiet iċaħħdu lill-imsemmija wlied mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

Fil-fatt, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri. Issa, tali rifjut ta’ residenza jkollu l-konsegwenza li l-imsemmija wlied, ċittadini tal-Unjoni, jiġu obbligati jitilqu mit-territorju tal-Unjoni sabiex jakkumpanjaw lill-ġenituri tagħhom. Bl-istess mod, jekk permess ta’ xogħol ma jingħatax lil tali persuna, din tirriskja li ma jkollhiex riżorsi neċessarji sabiex tlaħħaq mal-ħtiġijiet tagħha u dawk tal-familja tagħha, li jkollu wkoll il-konsegwenza li wliedha, ċittadini tal-Unjoni, jiġu obbligati jitilqu mit-territorju tagħha. F’tali ċirkustanzi, l-imsemmija ċittadini tal-Unjoni huma, fil-fatt, f’pożizzjoni li jkun impossibli għalihom li jeżerċitaw l-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni.

(ara l-punti 41, 44, 45 u d-dispożittiv)