Kawża C-27/09 P

Ir-Repubblika Franċiża

vs

People’s Mojahedin Organization of Iran

“Appell — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu — Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK — Regolament (KE) Nru 2580/2001 — Iffriżar ta’ fondi applikabbli għal grupp imniżżel f’lista stabbilita, riveduta u emendata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea — Drittijiet tad-difiża”

Sommarju tas-sentenza

Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi meħuda kontra persuni u entitajiet issuspettati li wettqu attivitajiet terroristiċi — Obbligi tal-Kunsill — Komunikazzjoni lill-parti kkonċernata tal-provi kkunsidrati kontriha u dritt għal smigħ — Portata — Nuqqas ta’ osservanza — Ksur tad-drittijiet tad-difiża

(Artikolu 6(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a); Regolament tal-Kunsill Nru 2580/2001, Artikolu 2(3); Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/583)

Fil-każ ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi, il-Kunsill ma huwiex marbut li jikkomunika minn qabel lill-persuna jew lill-entità kkonċernata l-motivi li fuqhom din l-istituzzjoni għandha l-intenzjoni li tibbaża l-inklużjoni ta’ isem din il-persuna jew entità fil-lista msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu. Fil-fatt, tali miżura, sabiex ma tikkompromettix l-effettività tagħha, għandha, min-natura tagħha stess, tkun tista’ tibbenefika minn effett ta’ sorpriża u tiġi applikata b’mod immedjat. F’tali każ, huwa biżżejjed, bħala prinċipju, li l-istituzzjoni tipproċedi bil-komunikazzjoni tal-motivi lill-persuna jew lill-entità kkonċernata u li tiftaħ id-dritt għas-smigħ tagħha flimkien jew immedjatament wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni.

Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi sussegwenti li permezz tagħha jinżamm isem persuna jew entità li jkun diġà mniżżel fil-lista msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, dan l-effett ta’ sorpriża ma jibqax neċessarju sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-miżura, b’tali mod li l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni għandha, bħala prinċipju, tkun preċeduta minn komunikazzjoni tal-provi meqjusa kontriha kif ukoll mill-opportunità mogħtija lill-persuna jew lill-entità kkonċernata li tinstema’.

F’dan ir-rigward, l-element ta’ protezzjoni li joffru r-rekwiżiti ta’ komunikazzjoni tal-provi meqjusa kontra u d-dritt tal-preżentata tal-osservazzjonijiet qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tagħti bidu għall-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi, huwa fundamentali u essenzjali għad-drittijiet tad-difiża. Dan huwa iktar u iktar minnu meta tali miżuri jkollhom impatt kbir fuq id-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni u tal-gruppi kkunsidrati. Fil-fatt, ir-regola li tgħid li d-destinatarju ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu qabel ma din tal-aħħar tiġi adottata, għandha l-għan li tqiegħed lill-awtorità kkonċernata f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod effettiv l-elementi rilevanti kollha. Sabiex tiżgura protezzjoni effettiva tad-destinatarju msemmi, hija għandha b’mod partikolari l-għan li dan ikun jista’ jikkoreġi żball jew jinvoka tali provi relattivi għas-sitwazzjoni personali tiegħu li jwasslu sabiex id-deċiżjoni tiġi adottata, ma tiġix adottata, jew li jkollha tali jew tali kontenut.

Dan id-dritt fundamentali għall-osservanza tad-drittijiet tad-difiża matul proċedura li tippreċedi l-adozzjoni ta’ miżura restrittiva, huwa stabbilit espressament fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li għaliha l-Artikolu 6(1) TUE jirrikonoxxi l-istess valur legali daqs it-Trattati. Għalkemm ġiet ammessa eċċezzjoni għad-dritt fundamentali msemmi f’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi inizjali, din hija ġġustifikata mill-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri ta’ ffriżar u, b’mod definittiv, minn kunsiderazzjonijiet imperattivi li jolqtu s-sigurtà jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

(ara l-punti 61, 62, 64-67)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

21 ta’ Diċembru 2011 (*)

“Appell – Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu – Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK – Regolament (KE) Nru 2580/2001 – Iffriżar ta’ fondi applikabbli għal grupp imniżżel f’lista stabbilita, riveduta u emendata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – Drittijiet tad-difiża”

Fil-Kawża C‑27/09 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fid-19 ta’ Jannar 2009,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn E. Belliard kif ukoll minn G. de Bergues u A. Adam, bħala aġenti,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

People’s Mojahedin Organization of Iran, stabbilita f’Auvers-sur-Oise (Franza), irrappreżentata minn J.-P. Spitzer, avukat, D. Vaughan, QC, u M.‑E. Demetriou, barrister,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,

konvenut fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Boelaert u P. Aalto, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), K. Lenaerts u J.-C. Bonichot, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, G. Arestis, A. Borg Barthet, M. Ilešič, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, A. Arabadjiev u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Settembru 2010,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Lulju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Bl-appell tagħha, ir-Repubblika Franċiża titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li llum saret il-Qorti Ġenerali), tal-4 ta’ Diċembru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill (T‑284/08, Ġabra p. II‑3487, iktar ’il quddiem is-“sentenza kkontestata”), li permezz tagħha din laqgħet ir-rikors tal-People’s Mojahedin Organization of Iran (iktar ’il quddiem il-“PMOI”) intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/583/KE, tal-15 ta’ Lulju 2008, li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2007/868/KE (ĠU L 188, p. 21, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), safejn din tirrigwarda lill-PMOI.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti

2        Fit-28 ta’ Settembru 2001, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) li tistabbilixxi strateġiji fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u, b’mod partikolari, kontra l-iffinanzjar tiegħu. Il-paragrafu 1(ċ) ta’ din ir-Riżoluzzjoni jipprovdi, b’mod partikolari, li l-Istati kollha għandhom jiffriżaw mingħajr dewmien il-fondi u l-assi finanzjarji l-oħra jew ir-riżorsi ekonomiċi ta’ persuni li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu atti terroristiċi, jew li jipparteċipaw jew jiffaċilitaw it-twettiq ta’ atti terroristiċi, tal-entitajiet li jappartjenu lil dawn il-persuni jew ikkontrollati minnhom, u tal-persuni u tal-entitajiet li jaġixxu f’isem, jew huma mmexxija, minn dawn il-persuni u entitajiet.

3        Din ir-riżoluzzjoni ma tistabbilixxix lista ta’ persuni li fil-konfront tagħhom għandhom jiġu applikati dawn il-miżuri restrittivi.

 Il-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK

4        Fis-27 ta’ Diċembru 2001, peress li qies li kienet neċessarja azzjoni tal-Komunità Ewropea sabiex tiġi implementata r-Riżoluzzjoni 1373 (2001), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, b’mod partikolari, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217).

5        L-Artikolu 1(1) ta’ din il-Pożizzjoni Komuni jipprovdi li:

“Din il-Pożizzjoni Komuni taħdem flimkien mad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli li ġejjin lill-persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi u mniżżla fl-Anness.”

6        L-Artikolu 1(2) u (3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jiddefinixxi rispettivament, dak li għandu jinftiehem b’“persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi” u b’“atti terroristiċi”.

7        L-Artikolu 1(4) u (6) tal-Pożizzjoni Komuni msemmija jipprovdi:

“4.      Il-lista f’dan l-Anness għandha tinbena fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew materjali fir-relevanza li turi deċiżjoni ittieħdet minn awtorità kompetenti b’rispett ta’ nies, gruppi u entitajiet konċernati, irrispettivament minn jekk din tikkonċernax jew le x’ta bidu għall-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni għall-att terroristiku, attentat, tipparteċipa jew tiffaċilita dan it-tip ta’ att ibbażat fuq xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet jew kundanna għal dawn l-atti. Il-persuni, gruppi jew entitajiet identifikati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li huma relatati mat-terroriżmu u kontra min tkun ordnat is-sanzjonijiet jistgħu jkunu inklużi fil-lista.

Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, ‘awtorita kompetenti’ għandha tfisser awtorita ġudizzjarja, jew, fejn awtoritajiet ġudizzjarji li m’għandhomx kompetenza fil-qasam konċernat f’dan il-paragrafu, awtorità kompeteneti ekwivalenti f’dak il-qasam.

[…]

6.      Għandha ssir reviżjoni ta’ l-ismijiet tal-persuni jew entitajiet fil-lista ta’ l-Anness, għall-inqas darba kull sitt xhur biex jiġi assigurat li hemm raġunijiet biex jinżammu fuq il-lista.”

8        Il-PMOI ġiet inkluża fil-lista stabbilita fl-Anness tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 permezz tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2002/340/PESK, tat-2 ta’ Mejju 2002, li taġġorna l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ĠU L 116, p. 75).

9        Sussegwentement, l-inklużjoni tal-PMOI fil-lista stabbilita fl-Anness tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 inżammet permezz ta’ sensiela ta’ deċiżjonijiet sussegwenti adottati mill-Kunsill b’mod konformi mal-Artikolu 1(6) ta’ din il-Pożizzjoni Komuni.

 Ir-Regolament (KE) Nru 2580/2001

10      Fis-27 ta’ Diċembru 2001, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 207, u korrezzjoni ĠU L 52, p. 58).

11      Il-premessa 5 tar-Regolament Nru 2580/2001 tipprovdi:

“Azzjoni mill-Komunità hija neċessarja sabiex jiġu implimentati l-aspetti tal-[politika barranija u ta’ sigurtà komuni] tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK.”

12      Skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament:

“1.      Ħlief kif permess taħt l-Artikoli 5 u 6:

a)      Il-fondi, assi finanzjarji oħra u riżorsi ekonomiċi kollha, li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’jew miżmuma minn, persuna naturali jew legali, grupp jew entità inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 3 għandhom ikunu ffriżati;

b)      L-ebda fondi, assi finanzjarji oħra u risorsi ekonomiċi m’għandhom jiġu magħmula disponibbli, direttament jew indirettament, lil, jew għall-benefiċċju ta’, persuna naturali jew legali, grupp jew entità inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 3.

2.      Ħlief kif permess taħt l-Artikoli 5 u 6, għandu jkun projbit li tipprovdi servizzi finanzjarji lil, jew għall-benefiċċju ta’, persuna naturali jew legali, grupp jew entità inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 3.

3.      Il-Kunsill, jaġixxi b’unanimità, għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jemenda l-lista ta’ persuni, gruppi jew entitajiet li għalihom japplika dan ir-Regolament, skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(4), (5) u (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK; […]”

13      Il-PMOI ġiet inkluża fil-lista stabbilita fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/334/KE, tat-2 ta’ Mejju 2002, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tħassar id-Deċiżjoni 2001/927/KE (ĠU L 116, p. 33).

14      Sussegwentement, l-inklużjoni tal-PMOI fil-lista msemmija nżammet bid-deċiżjonijiet ulterjuri tal-Kunsill, adottati b’mod konformi mal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, fosthom id-deċiżjoni kkontestata.

15      Il-PMOI tħassret minn din l-istess lista bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/62/KE, tas-26 ta’ Jannar 2009, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2008/583/KE (ĠU L 23, p. 25).

16      Skont il-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2009/62:

“Wara s-sentenza [kkontestata], grupp wieħed ma ġiex inkluż fil-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet li għalihom japplika r-Regolament (KE) Nru 2580/2001.”

17      Huwa stabbilit li l-grupp ikkunsidrat minn din il-premessa huwa l-PMOI.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

18      Għal espożizzjoni tal-ewwel fatti li wasslu għal din il-kawża, il-punt 1 tas-sentenza kkontestata jirreferi għas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill (T‑228/02, Ġabra p. II‑4665, punti 1 sa 26), u tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill (T‑256/07, Ġabra p. II‑3019, punti 1 sa 37).

19      Fil-punti 1, 2, 12 u 16 tas-sentenza Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, ġie rrilevat is-segwenti:

“1      Mill-proċess jirriżulta li [l-PMOI] twaqqfet fl-1965 u stabbilit bħala l-għan tagħha s-sostituzzjoni tar-reġim tax-Xaħ ta’ l-Iran, imbagħad dak tal-mullah, b’reġim demokratiku. Fl-1981 hija pparteċipat fit-twaqqif tal-Kunsill Nazzjonali tar-Reżistenza ta’ l-Iran (KNRI), korp li jiddefinixxi ruħu bħala il-“Parlament f’eżilju tar-reżistenza” Iranjana. Fiż-żmien tal-fatti li wasslu għal din il-kawża, hija kienet komposta minn ħames organizzazzjonijiet separati kif ukoll minn sezzjoni indipendenti, li kienet tikkostitwixxi sezzjoni armata li topera ġewwa l-Iran. Skond dak li tgħid, madankollu, [il-PMOI] u l-aderenti kollha tagħha rrinunzjaw espliċitament għal kull attività militari mix-xahar ta’ Ġunju 2001 u attwalment ma fadlilhiex struttura armata.

2      B’digriet tat-28 ta’ Marzu 2001, is-Secretary of State for the Home Department (Ministru ta’ l-Intern tar-Renju Unit, iktar ’il quddiem il-“Home Secretary”) inkluda [lill-PMOI] fil-lista ta’ l-organizzazzjonijiet proskritti skond it-Terrorism Act (Liġi ta’ l-2000 dwar it-terroriżmu). [Il-PMOI] ressqet żewġ rikors paralleli kontra dan id-digriet, waħda f’appell (appeal) quddiem il-Proscribed Organisations Appeal Commission (Kummissjoni ta’ Appell rigward l-Organizzazzjonijiet Proskritti, POAC), l-oħra għal reviżjoni (judicial review) quddiem il-High Court of Justice (England and Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) [Qorti tat-Tieni Istanza (Ingilterra u Wales) (Qorti Amministrattiva) […]].

[…]

12      Permezz ta’ sentenza tas-17 ta’ April 2002, il-[High Court] ċaħdet ir-rikors għal reviżjoni mressaq [mill-PMOI] kontra d-digriet tal-Home Secretary tat-28 ta’ Marzu 2001 […], billi kkunsidrat, essenzjalment, li l-POAC kien il-forum xieraq sabiex jinstemgħu l-argumenti ta[l-PMOI], fosthom dawk ibbażati fuq il-ksur tad-dritt ta’ smigħ xieraq.

[…]

16      B’sentenza tal-15 ta’ Novembru 2002, il-POAC ċaħdet ir-rikors għal appell imressaq mi[ll-PMOI] kontra d-digriet tal-Home Secretary tat-28 ta’ Marzu 2001 […], billi kkunsidrat, b’mod partikolari, li xejn ma kien jeżiġi li hija tisma’ [lill-PMOI] minn qabel, peress li tali smigħ, wara kollox, mhuwiex prattiku jew mixtieq fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni diretta kontra organizzazzjonijiet terroristiċi. Skond din l-istess deċiżjoni, l-iskema legali tat-Terrorism Act 2000 tipprovdi possibbiltà ġenwina sabiex l-opinjoni ta[l-PMOI] tinstema’ quddiem il-POAC.”

20      Il-fatti iktar reċenti li wasslu għall-kawża huma spjegati kif ġej fil-punti 2 sa 10 tas-sentenza kkontestata:

“2      Permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Mejju 2008, il-Court of Appeal (England & Wales) [Qorti tal-Appell (l-Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit, iktar ’il quddiem il-“Court of Appeal”] ċaħdet it-talba [tal-Home Secretary] sabiex jiġi awtorizzat jappella quddiem din il-qorti mid-deċiżjoni tal-[POAC] tat-30 ta’ Novembru 2007, li permezz tagħha din il-qorti kienet laqgħet rikors kontra d-deċiżjoni tal-Home Secretary tal-1 ta’ Settembru 2006 li tirrifjuta t-tneħħija tal-projbizzjoni tal-[PMOI] inkwantu organizzazzjoni involuta fit-terroriżmu u li kienet ordnat lill-Home Secretary sabiex jippreżenta fil-Parlament tar-Renju Unit abbozz ta’ ordni (Order) li jneħħi [lill-PMOI] mil-lista tal-organizzazzjonijiet ipprojbiti skont it-Terrorism Act 2000 […].

3      B’din id-deċiżjoni, il-POAC iddeskriviet, b’mod partikolari, bħala “perversa” (perverse) il-konklużjoni tal-Home Secretary, li tinsab fid-deċiżjoni tagħha tal-1 ta’ Settembru 2006 li tirrifjuta t-tneħħija tal-projbizzjoni ta[l-PMOI], li din kienet għadha, f’dak iż-żmien, organizzazzjoni “involuta fit-terroriżmu” (concerned in terrorism), fis-sens tat-Terrorism Act 2000. […]

[…]

5      Permezz tas-sentenza tagħha ċċitata iktar ’il fuq, il-Court of Appeal ikkonfermat l-evalwazzjonijiet tal-POAC. Hija indikat ukoll li l-elementi ta’ informazzjoni kunfidenzjali ppreżentati mill-Home Secretary kienu jsaħħu l-konklużjoni tagħha li dan ma setax raġonevolment jikkunsidra li l-PMOI kellha l-intenzjoni li terġa’ tirrikorri għat-terroriżmu fil-futur.

6      Permezz ta’ ordni tat-23 ta’ Ġunju 2008, li daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Ġunju, il-Home Secretary konsegwentement ħassar isem il-PMOI mil-lista ta’ organizzazzjonijiet ipprojbiti skont it-Terrorism Act 2000. Dan it-tħassir mil-lista ġie approvat miż-żewġ kmamar tal-Parlament tar-Renju Unit.

7      Permezz tad-[deċiżjoni kkontestata], il-Kunsill madankollu żamm, flimkien ma’ oħrajn, l-isem ta[l-PMOI] fil-lista li tidher fl-anness tar-[Regolament Nru 2580/2001] […].

8      Il-punt 5 tal-premessi tad-deċiżjoni kkontestata, li huwa stabbilit li jkopri l-PMOI, jipprovdi:

‘Fil-każ ta’ grupp, il-Kunsill ikkunsidra l-fatt li d-deċiżjoni minn awtorità kompetenti li serviet bħala ġustifikazzjoni għall-inklużjoni ta’ dan il-grupp fil-lista ma għadhiex fis-seħħ mill-24 ta’ Ġunju 2008. Madankollu, il-Kunsill ġie mgħarraf dwar provi ġodda rigward dan il-grupp. Il-Kunsill ikkunsidra li dawn il-provi ġodda jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ dan il-grupp fil-lista.’

9      Id-deċiżjoni kkontestata ġiet notifikata [lill-PMOI] permezz ta’ ittra tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2008 […]. F’din l-ittra, il-Kunsill indika b’mod partikolari dan li ġej:

‘Il-Kunsill reġa’ ddeċieda li jinkludi [lill-PMOI] fil-lista […] Il-Kunsill ħa konjizzjoni tal-fatt li d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti li kienet serviet bħala ġustifikazzjoni għall-inklużjoni [tal-PMOI] fil-lista ma għadhiex fis-seħħ wara l-24 ta’ Ġunju. Madankollu, il-Kunsill irċieva informazzjoni ġdida li hija rilevanti għal din l-inklużjoni. Wara li kkunsidra din l-informazzjoni, il-Kunsill iddeċida li [l-PMOI] kellha tibqa’ inkluża fil-lista msemmija iktar ’il fuq. Għaldaqstant, il-Kunsill emenda l-espożizzjoni tal-motivi konsegwentement.’

10      Fl-espożizzjoni tal-motivi annessa mal-ittra ta’ notifika […], il-Kunsill espona dan li ġej:

“Il-[PMOI] hija grupp stabbilit fl-1965 bil-għan inizjali li jwaqqa’ r-reġim imperjali. Il-membri tagħha b’hekk ipparteċipaw fl-eliminazzjoni ta’ bosta eluf ta’ ‘aġenti’ tar-reġim antik u kienu fost dawk responsabbli għat-teħid ta’ ostaġġi fl-ambaxxata tal-Istati Uniti f’Teheran. Peress li hija kienet oriġinarjament fost l-atturi l-iktar radikali tar-revoluzzjoni Iżlamika, il-PMOI, wara li ġiet ipprojbita, bdiet taġixxi b’mod klandestin u wettqet diversi atti kontra r-reġim fis-setgħa f’Teheran. L-organizzazzjoni b’hekk kienet il-moħħ wara l-attentati terroristiċi […]. Barra minn hekk, attwalment għaddejjin proċeduri kriminali kontra membri ta’ din l-organizzazzjoni, stabbiliti f’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, għal attivitajiet kriminali intiżi għall-finanzjament tal-attivitajiet tagħhom. Dawn l-atti jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(3)(a), (ċ), (d), (f), (g), (h) u (i) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u twettqu bil-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3)(i) u (iii) tagħha.

Il-[PMOI] taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001.

F’April 2001, l-uffiċċju tal-prosekutur kontra t-terroriżmu tat-tribunal de grande instance ta’ Pariġi beda stħarriġ ġudizzjarju tal-kapijiet ta’ ‘assoċjazzjonijiet kriminali bil-għan li jitħejjew atti ta’ terroriżmu’ taħt il-kundizzjonijiet previsti fid-dritt Franċiż taħt il-Liġi 96/647, tat-22 ta’ Lulju 1996. L-investigazzjonijiet li saru fil-kuntest ta’ din l-istħarriġ ġudizzjarju wasslu sabiex isir enfażi fuq allegati membri ta[l-PMOI] għal serje ta’ reati kollha relatati, b’mod prinċipali jew sussidjarju, ma’ impriża kollettiva li għandha bħala għan id-disturb serju tal-ordni pubbliku permezz tal-intimidazzjoni jew it-terrur. Minbarra l-inkriminazzjoni preċedenti, dan l-istħarriġ ikopri wkoll il-‘finanzjament ta’ grupp terrorist’ fil-kundizzjonijiet previsti fid-dritt Franċiż taħt il-Liġi 2001/1062, tal-15 ta’ Novembru 2001, dwar is-sigurtà fil-ħajja ta’ kuljum.

Fid-19 ta’ Marzu 2007 u fit-13 ta’ Novembru 2007, l-uffiċċju tal-prosekutur kontra t-terroriżmu ta’ Pariġi ressaq akkużi supplimentari kontra allegati membri tal-[PMOI]. Dawn il-proċeduri ġew immotivati minn neċessità li jsir stħarriġ fuq provi ġodda li rriżultaw mill-investigazzjonijiet li saru bejn l-2001 u l-2007. Huma jkopru b’mod partikolari l-kapijiet tal-‘ħasil dirett jew indirett ta’ dħul li jirriżulta minn reati ta’ frodi kontra persuni partikolarment vulnerabbli u frodi organizzata’ li huma marbuta ma’ impriża terrorista fil-kundizzjonijiet previsti fid-dritt Franċiż mil-Liġi 2003/706, tat-2 ta’ Awwissu 2003.

Konsegwentement, ittieħdet deċiżjoni fil-konfront tal-[PMOI] minn awtorità kompetenti skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

Il-Kunsill jinnota li dawn il-proċeduri għadhom għaddejjin u ngħataw portata usa’ fl-2007 fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-operazzjonijiet ta’ finanzjament immexxija minn gruppi terroristiċi. Il-Kunsill jikkunsidra li r-raġunijiet sabiex il-PMOI tiġi inkluża fil-lista tal-persuni u entitajiet suġġetti għall-miżuri previsti fl-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 2580/2001 jibqgħu validi.

Wara li l-Kunsill ikkunsidra dawn il-provi, huwa ddeċieda li [l-PMOI] għandha tibqa’ suġġetta għall-miżuri previsti taħt l-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 2580/2001.”

 Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Lulju 2008, il-PMOI ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u talbet lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċernaha, u

–        tikkundanna l-Kunsill għall-ispejjeż.

22      Ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni Ewropea ġew awtorizzati sabiex jintervjenu quddiem il-Qorti Ġenerali insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

23      Insostenn tat-talbiet tagħha, il-PMOI kienet invokat, essenzjalment, ħames motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, it-tieni, fuq ksur tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u tar-regoli dwar l-oneru tal-prova, it-tielet, fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ir-raba’ fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, u l-ħames, fuq abbuż jew użu ħażin ta’ poter jew ta’ proċedura.

24      Fir-rigward tar-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 36 tas-sentenza kkontestata, li kien stabbilit li l-Kunsill adotta d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma kkomunika minn qabel lill-PMOI l-informazzjoni l-ġdida jew il-provi l-ġodda tal-fajl li, fil-fehma tiegħu, kienu jiġġustifikaw iż-żamma tagħha fil-lista msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, jiġifieri dawk relattivi għall-informazzjoni ġudizzjarja miftuħa mill-uffiċċju tal-prosekutur kontra t-terroriżmu tat-tribunal de grande instance ta’ Pariġi f’April 2001 u għaż-żewġ akkużi supplimentari ta’ Marzu u ta’ Novembru 2007. Il-Qorti Ġenerali żiedet tgħid, a fortiori, li l-Kunsill ma poġġiex lill-PMOI f’pożizzjoni li tesponi b’mod utli l-fehma tagħha dwar dan is-suġġett, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

25      Minn dan, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 37 tas-sentenza kkontestata, li kellu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-prinċipji msemmija, b’mod partikolari, fil-punti 120, 126 u 131 tas-sentenza Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, f’dak li jirrigwarda l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża.

26      Barra minn hekk, fil-punti 39 sa 44 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fl-ewwel lok, l-argument tal-Kunsill li jgħid li din l-istituzzjoni kienet fondata li taġixxi b’dan il-mod minħabba s-sitwazzjoni partikolari li kienet tinsab fiha f’dan il-każ, b’mod partikolari minħabba l-urġenza li biha kellha tiġi adottata d-deċiżjoni kkontestata.

27      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 40 tas-sentenza kkontestata, li l-urġenza allegata bl-ebda mod ma kienet ġiet stabbilita.

28      Il-Qorti Ġenerali rrilevat li, bejn is-7 ta’ Mejju 2008, id-data li fiha ġiet adottata s-sentenza tal-Court of Appeal li temmet b’mod definittiv il-possibbiltà għall-Kunsill li jerġa jibbaża ruħu fuq l-ordni tal-Home Secretary tat-28 ta’ Marzu 2001, u l-15 ta’ Lulju 2008, id-data li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, kienu għaddew iktar minn xahrejn. F’dan ir-rigward, il-Kunsill ma spjegax għaliex huwa ma kellux il-possibbiltà li jieħu passi minnufih wara s-7 ta’ Mejju 2008 bil-għan li l-PMOI titneħħa mil-lista stabbilita fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, jew li tinżamm f’din il-lista fuq il-bażi tal-provi l-ġodda.

29      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 41 tas-sentenza kkontestata, li anki jekk jitqies li dawn il-provi l-ġodda ġew ikkomunikati lill-Kunsill biss f’Ġunju 2008, dan ma jispjegax għalfejn dawn ma setgħux jiġu kkomunikati qabel lill-PMOI, jekk il-Kunsill kellu l-intenzjoni li juzahom kontriha.

30      Din żiedet tgħid li, għalkemm, fl-osservazzjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kunsill iddikjara l-intenzjoni tiegħu li jadotta pożizzjoni b’urġenza abbazi ta’ “provi ġodda” li tressqu quddiemu, din l-istituzzjoni naqset milli tikkomunika dawn l-elementi lill-PMOI, mingħajr ma invokat xi tip ta’ impossibbiltà materjali jew legali milli tgħamel dan, u dan minkejja li l-Qorti Ġenerali kienet annullat, bis-sentenza Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, waħda mid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha, preċiżament minħabba li din ma kinitx is-suġġett ta’ tali komunikazzjoni bil-quddiem.

31      Fil-punt 42 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali osservat li la s-sentenza tal-Court of Appeal tas-7 ta’ Mejju 2008 u lanqas l-ordni tal-Home Secretary tat-23 ta’ Ġunju 2008 ma kellhom xi effett awtomatiku u immedjat fuq id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/868/KE, tal-20 ta’ Diċembru 2007, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2007/445/KE (ĠU L 340, p. 100), applikabbli dak iż-żmien, peress li din id-deċiżjoni baqgħet fis-seħħ, b’saħħa ta’ liġi, minħabba l-preżunzjoni ta’ validità marbuta mal-atti tal-Unjoni, sa kemm din ma kinitx irtirata, annullata fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarata invalida b’riżultat ta’ rinviju preliminari jew ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità.

32      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-Kunsill li jgħid li l-espożizzjoni tal-motivi nnotifikata lill-PMOI kienet tippermetti li jiġu osservati d-drittijiet tad-difiża ta’ din tal-aħħar.

33      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 46 tas-sentenza kkontestata, li din l-argumentazzjoni tirriżulta minn konfużjoni bejn il-garanzija tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u dik li tirriżulta mid-dritt għal rikors ġudizzjarju effettiv kontra l-att li joħloq preġudizzju adottat fl-aħħar ta’ din il-proċedura.

34      Minn dan, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 47 tas-sentenza kkontestata, li, peress li r-raba’ motiv kien fondat, kien meħtieġ l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna lill-PMOI.

35      Fil-punt 48 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali indikat li, għalkemm ma kinitx tqis bħala neċessarju, f’dawk iċ-ċirkustanzi, li tiddeċiedi fuq il-motivi l-oħra tar-rikors, madankollu kienet ser teżamina t-tieni u t-tielet motivi, minħabba l-importanza tagħhom fid-dawl tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

36      Fir-rigward ta’ dawn il-motivi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 78 tas-sentenza kkontestata, minn naħa, li ma kienx stabbilit b’mod suffiċjenti skont il-liġi li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u, min-naħa l-oħra, li ċ-ċirkustanzi nfushom tal-adozzjoni tagħha jippreġudikaw id-dritt fundamentali tal-PMOI għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv.

37      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 79 tas-sentenza kkontestata, li t-tieni u t-tielet motivi kienu fondati.

 It-talbiet tal-partijiet fl-appell

38      Bl-appell tagħha, ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata, u

–        tiddeċiedi hija stess definittivament il-kawża billi tiċħad ir-rikors tal-PMOI, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

39      Il-PMOI titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara l-appell inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiddikjara li ma huwiex neċessarju li tiġi adottata deċiżjoni fuq dan l-appell;

–        b’mod iktar sussidjarju, tiċħad l-appell, u

–        f’kull każ, tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż sostnuti mill-appellata.

 Fuq l-appell

40      Ir-Repubblika Franċiża tinvoka tliet aggravji, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni, rispettivament, tal-prinċipji relattivi għad-drittijiet tad-difiża, tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tal-prinċipji relattivi għad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-appell

 L-argumenti tal-partijiet

41      Il-PMOI, filwaqt li tfakkar li d-deċiżjoni kkontestata ġiet imħassra u ssostitwita mid-Deċiżjoni 2009/62, li ma tinkludihiex iktar fil-lista msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, tosserva li r-Repubblika Franċiża ma għandhiex interess li żżomm dan l-appell u li għalhekk dan huwa inammissibbli. Sussidjarjament, hija ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrifjuta li tiddeċiedi dan l-appell minħabba li huwa mingħajr skop.

42      Ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra li l-appell huwa ammissibbli u f’dan ir-rigward issostni, b’mod partikolari, li abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija ma għandhiex tiġġustifika interess ġuridiku.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

43      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-eżistenza ta’ interess ġuridiku tal-appellant jippreżupponi li l-appell jista’, jekk jirnexxi, ikun ta’ benefiċċju għall-parti li ppreżentatu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Moser Baer India vs Il-Kunsill, C‑535/06 P, Ġabra p. I‑7051, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Madankollu, peress li r-Repubblika Franċiża interveniet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan l-Istat Membru jista’ jippreżenta appell anki meta d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ma tolqtux direttament.

45      Barra minn hekk, mit-tielet paragrafu tal-istess artikolu jirriżulta li l-Istati Membri, kemm jekk kienu parti fil-kawża fl-ewwel istanza jew le, ma għandhomx jagħtu prova ta’ interess sabiex ikunu jistgħu jippreżentaw appell kontra sentenza tal-Qorti Ġenerali (sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 171).

46      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-PMOI, dan l-appell ma sarx mingħajr skop minħabba l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata li tinkludi lill-PMOI fil-lista msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 ġiet imħassra u ssostitwita mid-Deċiżjoni 2009/62 li, b’riferiment għas-sentenza kkontestata, ma tinkludihiex fil-verżjoni aġġornata ta’ din il-lista.

47      Fil-fatt, minn naħa, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tilqa’ l-appell u tiċħad fuq il-mertu t-talba għal annullament tal-PMOI kontra d-deċiżjoni kkontestata, minn dan ikun jirriżulta, hekk kif sostniet ġustament ir-Repubblika Franċiża, li din id-deċiżjoni terġa’ tiġi stabbilita fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-perijodu inkluż bejn is-16 ta’ Lulju 2008, id-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni kkontestata, u s-27 ta’ Jannar 2009, id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2009/62 li ħassret, mingħajr effett retroattiv, id-deċiżjoni kkontestata u ħassret isem il-PMOI mil-lista msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001.

48      Min-naħa l-oħra, lanqas ma jidher li l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2009/62 kellha l-konsegwenza li ttemm il-kwistjoni bejn il-partijiet u li, għalhekk, l-appell sar mingħajr skop għal din ir-raġuni (ara b’analoġija, b’mod partikolari, id-digriet tal-1 ta’ Diċembru 2004, UASI vs Zapf Creation, C‑498/01 P, Ġabra p. I‑11349, punt 12).

49      Fil-fatt, ir-Repubblika Franċiża tippersisti li ssostni li l-inklużjoni tal-PMOI permezz tad-deċiżjoni kkontestata fil-lista msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 kienet iġġustifikata, u barra minn hekk osservat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li hija għad għandha interess sabiex l-iżbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza kkontestata jiġu rrikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tkun tista’ titlob lill-Kunsill sabiex jerġa jinkludi lill-PMOI f’din il-lista.

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-appell ma tilifx l-iskop tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tadotta deċiżjoni fir-rigward tiegħu.

 Fuq il-mertu

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq fl-evalwazzjoni tal-prinċipji relattivi għad-drittijiet tad-difiża

–       L-argumenti tal-partijiet

51      Ir-Repubblika Franċiża tilmenta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 37 tas-sentenza kkontestata, li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-prinċipji relattivi għad-drittijiet tad-difiża, peress li l-Kunsill adotta din id-deċiżjoni mingħajr ma kkomunika bil-quddiem lill-PMOI l-informazzjoni ġdida jew il-provi ġodda li, fil-fehma tiegħu, jiġġustifikaw iż-żamma tagħha fil-lista msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001.

52      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ħtieġa ta’ notifika minn qabel ta’ ffriżar ta’ fondi għandha xi eċċezzjonijiet, b’mod partikolari fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar inizjali, peress li tali notifika tippreġudika l-effettività ta’ tali miżuri restrittivi (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punti 339 sa 341).

53      Ir-Repubblika Franċiża ssostni li, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kienet manifestament teżisti theddida ta’ interruzzjoni tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi applikabbli għall-PMOI, u b’hekk riskju li tiġi ppreġudikata l-effettività ta’ tali miżura.

54      Minn meta, b’ordni tat-23 ta’ Ġunju 2008, li daħal fis-seħħ fil-ġurnata segwenti, il-Home Secretary kien ħassar isem il-PMOI mil-lista tal-organizzazzjonijiet proskritti abbażi tat-Terrorism Act 2000, l-ordni tal-Home Secretary tat-28 ta’ Marzu 2001, deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti li kienet ibbażat id-Deċiżjoni 2007/868, ma setgħetx iktar isservi bħala bażi għall-inklużjoni tal-PMOI fil-lista msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, mingħajr ma tikser l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

55      Ir-Repubblika Franċiża żżid li, għalkemm, ċertament, l-ordni msemmija tat-23 ta’ Ġunju 2008 ma kellhiex effett awtomatiku u immedjat fuq id-Deċiżjoni 2007/868, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kunsill ma setax iħalli fit-tul sitwazzjoni fejn id-deċiżjoni msemmija kienet mingħajr bażi, iżda kellu, fl-iqsar żmien, jasal għall-konklużjoni tagħha.

56      Peress li l-Kunsill kien irċieva, fid-9 ta’ Ġunju 2008, mingħand l-awtoritajiet Franċiżi, provi ġodda, jiġifieri l-informazzjoni ġudizzjarja miftuha fid-9 ta’ April 2001 kontra 17-il membru preżunt tal-PMOI u l-investigazzjoni ta’ 24 persuna, li jiġġustifikaw, skont dawn l-awtoritajiet, it-talba tagħhom għall-inklużjoni tal-PMOI fil-lista msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, il-Kunsill kellu, sabiex jiżgura l-effettività tas-sanzjonijiet, jevita kull interruzzjoni tal-iffriżar tal-fondi u, konsegwentement, jadotta, l-iktar rapidament possibbli, deċiżjoni ġdida li tinkludi lill-PMOI f’din il-lista.

57      Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża tfakkar li, b’mod konformi mal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill kien, fl-aħħar ta’ Ġunju 2008, marbut li jeżamina mill-ġdid, fl-iqsar żmien, il-lista msemmija hekk kif stabbilita mid-Deċiżjoni 2007/868.

58      Il-PMOI ssostni li, fis-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, ġustament, din l-argumentazzjoni mressqa mill-Kunsill u invokata mill-ġdid f’dan l-appell, billi qieset, b’mod partikolari, li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Kunsill ma kienx fondat li jżomm lura milli jinnotifikaha bil-quddiem bil-provi l-ġodda inkwistjoni minħabba li, inkella, ikun hemm riskju ta’ interruzzjoni tal-iffriżar tal-fondi tal-PMOI. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija bbażata fuq provi fattwali, li ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ kontestazzjoni fil-kuntest ta’ appell.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

59      Fil-punti 36 u 37 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kunsill, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma kkomunika minn qabel lill-PMOI l-informazzjoni l-ġdida jew il-provi l-ġodda tal-fajl li, fil-fehma tiegħu, jiġġustifikaw iż-żamma tagħha fil-lista msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u, a fortiori, billi ma poġġiex lill-PMOI f’pożizzjoni li tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha fuq dan is-suġġett qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, kiser il-prinċipji dwar l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża stabbiliti, b’mod partikolari, fil-punti 120, 126 u 131 tas-sentenza Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq.

60      B’hekk, il-prinċipji li rreferiet għalihom il-Qorti Ġenerali u li ma humiex ikkontestati mir-Repubblika Franċiża jirriżultaw ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja [ara, fil-kuntest tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 tal-Kunsill, tas-27 ta’ Mejju 2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerti merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l-friża fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban ta’ l-Afganistan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 294), sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 338 sa 341].

61      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-każ ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi, il-Kunsill ma huwiex marbut li jikkomunika minn qabel lill-persuna jew lill-entità kkonċernata l-motivi li fuqhom din l-istituzzjoni għandha l-intenzjoni li tibbaża l-inklużjoni ta’ isem din il-persuna jew entità fil-lista msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001. Fil-fatt, tali miżura, sabiex ma tikkompromettix l-effettività tagħha, għandha, min-natura tagħha stess, tkun tista’ tibbenefika minn effett ta’ sorpriża u tiġi applikata b’mod immedjat. F’tali każ, huwa biżżejjed, bħala prinċipju, li l-istituzzjoni tipproċedi bil-komunikazzjoni tal-motivi lill-persuna jew lill-entità kkonċernata u li tiftaħ id-dritt għas-smigħ tagħha flimkien jew immedjatament wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni.

62      Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi sussegwenti li permezz tagħha jinżamm isem persuna jew entità li jkun diġà mniżżel fil-lista msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, dan l-effett ta’ sorpriża ma jibqax neċessarju sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-miżura, b’tali mod li l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni għandha, bħala prinċipju, tkun preċeduta minn komunikazzjoni tal-provi meqjusa kontriha kif ukoll mill-opportunità mogħtija lill-persuna jew lill-entità kkonċernata li tinstema’.

63      Fis-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali applikat dawn il-prinċipji f’dan il-każ u minnhom ikkonkludiet ġustament li, peress li, bid-deċiżjoni kkontestata, isem il-PMOI nżamm fil-lista msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, f’liema lista hija kienet ilha tidher minn meta isimha ġie inkluż għall-ewwel darba fit-3 ta’ Mejju 2002 abbażi tad-Deċiżjoni 2002/334, il-Kunsill ma setax, kif għamel f’dan il-każ, jikkomunika l-provi l-ġodda meqjusa kontra l-PMOI fl-istess ħin mal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kunsill kellu neċessarjament jiżgura l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża tal-PMOI, jiġifieri l-komunikazzjoni tal-provi meqjusa kontriha u d-dritt tas-smigħ, qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

64      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, hekk kif għamlet l-Avukat Ġenerali fil-punt 103 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-element ta’ protezzjoni li joffru r-rekwiżiti ta’ komunikazzjoni tal-provi meqjusa kontra u d-dritt tal-preżentata tal-osservazzjonijiet qabel l-adozzjoni ta’ miżura bħad-deċiżjoni kkontestata li tagħti bidu għall-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi huwa fundamentali u essenzjali għad-drittijiet tad-difiża. Dan huwa iktar u iktar minnu meta tali miżuri jkollhom impatt kbir fuq id-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni u tal-gruppi kkunsidrati.

65      Fil-fatt, ir-regola li tgħid li d-destinatarju ta’ deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu qabel ma din tal-aħħar tiġi adottata għandha l-għan li tqiegħed lill-awtorità kkonċernata f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod effettiv l-elementi rilevanti kollha. Sabiex tiżgura protezzjoni effettiva tad-destinatarju msemmi, hija għandha b’mod partikolari l-għan li dan ikun jista’ jikkoreġi żball jew jinvoka tali provi relattivi għas-sitwazzjoni personali tiegħu li jwasslu sabiex id-deċiżjoni tiġi adottata, ma tiġix adottata, jew li jkollha tali jew tali kontenut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé, C‑349/07, Ġabra p. I‑10369, punt 49).

66      Barra minn hekk, dan id-dritt fundamentali għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża matul proċedura li tippreċedi l-adozzjoni ta’ miżura restrittiva bħad-deċiżjoni kkontestata huwa stabbilit espressament fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li għaliha l-Artikolu 6(1) TUE jirrikonoxxi l-istess valur legali daqs it-trattati.

67      Għalkemm, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, ġiet ammessa eċċezzjoni għad-dritt fundamentali msemmi f’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi inizjali, din hija ġġustifikata mill-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri ta’ ffriżar u, b’mod definittiv, minn kunsiderazzjonijiet imperattivi li jolqtu s-sigurtà jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 342).

68      Madankollu, fil-punti 39 sa 44 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argumentazzjoni tal-Kunsill li tgħid li din l-istituzzjoni kienet fondata li tikkomunika l-provi l-ġodda meqjusa kontra l-PMOI flimkien mal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u mhux qabilha, minkejja l-fatt li ma kinitx deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi inizjali, minħabba s-sitwazzjoni partikolari li din l-istituzzjoni kienet tinsab fiha f’dan il-każ, b’mod iktar preċiż l-urġenza li biha kellha tittieħed id-deċiżjoni kkontestata.

69      Din l-argumentazzjoni ġiet essenzjalment adottata mir-Repubblika Franċiża fil-kuntest ta’ dan l-appell.

70      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, min-naħa waħda, li, mis-7 ta’ Mejju 2008, id-data li fiha ġiet adottata s-sentenza tal-Court of Appeal, kienet intemmet b’mod definittiv il-possibbiltà għall-Kunsill li jerġa jibbaża ruħu fuq l-ordni tal-Home Secretary tat-28 ta’ Marzu 2001 bħala deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 għaż-żamma tar-reġistrazzjoni tal-PMOI fil-lista msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001. Barra minn hekk, permezz ta’ ordni tat-23 ta’ Ġunju 2008, li daħal fis-seħħ fil-ġurnata segwenti, il-Home Secretary implementa din is-sentenza billi ħassar lill-PMOI mil-lista tal-organizzazzjonijiet proskritti abbażi tat-Terrorism Act 2000.

71      Min-naħa l-oħra, huwa stabbilit li fid-9 ta’ Ġunju 2008, il-Kunsill irċieva mingħand ir-Repubblika Franċiża provi ġodda relattivi għal proċeduri ġudizjarji mressqa fi Franza kontra membri preżunti tal-PMOI li dan l-Istat Membru kien iqis li setgħu jservu bħala bażi għaż-żamma ta’ din l-organizzazzjoni fil-lista msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001.

72      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill b’hekk kellu, fi żmien qasir ħafna, jeżamina dawn il-provi l-ġodda sabiex jiddeċiedi li jew dawn tal-aħħar setgħu jikkostitwixxu deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 li setgħet isservi bħala bażi għaż-żamma tal-PMOI fil-lista msemmija, jew li dan il-grupp kellu jiġi immedjatament imħassar minn din l-istess lista.

73      Għalkemm huwa minnu, kif sostniet ir-Repubblika Franċiża, li għall-inqas mill-24 ta’ Ġunju 2008, il-Kunsill ma setax iżomm sitwazzjoni fejn id-Deċiżjoni 2007/868 kienet mingħajr bażi, iżda kellu, fl-iqsar żmien, jasal għall-konklużjoni tagħha, xorta jibqa’ l-fatt, hekk kif wara kollox jammetti dan l-Istat Membru u hekk kif ġustament irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 42 tas-sentenza kkontestata, li la s-sentenza tal-Court of Appeal tas-7 ta’ Mejju 2008 u lanqas l-ordni tal-Home Secretary tat-23 ta’ Ġunju 2008 ma kellhom effett awtomatiku u immedjat fuq id-Deċiżjoni 2007/868 applikabbli dak iż-żmien.

74      Fil-fatt, din l-aħħar deċiżjoni baqgħet fis-seħħ minħabba l-preżunzjoni tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jimplika li dawn jipproduċu effetti legali sa kemm ma jiġux irtirati, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi b’riżultat ta’ rinviju preliminari jew eċċezzjoni ta’ illegalità (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication, C‑199/06, Ġabra p. I‑469, punt 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

75      Konsegwentement, fid-dawl ukoll tal-importanza fundamentali li għandha tingħata, hekk kif ġie mfakkar fil-punti 64 u 65 ta’ din is-sentenza, għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-proċedura li tippreċedi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni bħad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 39 u 43 tas-sentenza kkontestata, li l-Kunsill ma kienx ipprova li d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi adottata b’urġenza tali li kien impossibbli għal din l-istituzzjoni li tikkomunika lill-PMOI l-provi l-ġodda meqjusa kontriha u li tippermetti s-smigħ tagħha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

76      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel aggravju huwa infondat.

 Fuq it-tieni u t-tielet aggravji

77      It-tieni u t-tielet aggravji, ibbażati, rispettivament, fuq ksur tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u fuq żball ta’ liġi mwettaq fl-evalwazzjoni tal-prinċipji relattivi għad-dritt għal protezzjoni legali effettiva, huma diretti kontra t-tieni parti tas-sentenza kkontestata li fiha l-Qorti Ġenerali eżaminat u qieset bħala fondati t-tieni u t-tielet motivi mressqa quddiemha mill-PMOI.

78      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, wara li ddeċidiet, fil-punt 47 tas-sentenza kkontestata, li d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi annullata minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-PMOI, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 48 ta’ dik is-sentenza, li, għalkemm ma kienx neċessarju, f’dawk il-kundizzjonijiet, li tippronunzja ruħha dwar il-motivi l-oħra tar-rikors, madankollu, il-Qorti Ġenerali kienet ser teżamina t-tieni u t-tielet motivi invokati quddiemha, minħabba l-importanza tagħhom fir-rigward tad-dritt fundamentali għal protezzjoni legali effettiva.

79      Għaldaqstant, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad kategorikament l-ilmenti kollha intiżi kontra motivi supplimentari ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali għaliex dawn ma jistgħux iwasslu għall-annullament ta’ din is-sentenza, u għalhekk huma ineffettivi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Deutsche Post, C‑399/08 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 75, u tad-29 ta’ Marzu 2011, Anheuser-Busch vs Budějovický Budvar, C‑96/09 P, Ġabra p. I‑7831, punt 211 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

80      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni u t-tielet aggravju huma ineffettivi.

81      Peress li l-ebda aggravju invokat mir-Repubblika Franċiża ma ġie milqugħ, l-appell għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

82      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tal-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Franċiża tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-PMOI.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.