Kawża C-19/09

Wood Floor Solutions Andreas Domberger GmbH

vs

Silva Trade SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Wien)

“Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni speċjali — Artikolu 5(1)(a) u t-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) — Provvista ta’ servizzi — Kuntratt ta’ rappreżentanza kummerċjali — Eżekuzzjoni ta’ kuntratt f’diversi Stati Membri”

Sommarju tas-sentenza

1.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni speċjali — Qorti tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu kuntrattwali li huwa l-bażi tat-talba — Kuntratt għal provvista ta’ servizzi — Numru ta’ postijiet ta’ provvista ta’ servizzi fi Stati Membri differenti — Applikabbiltà tar-regolament

(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, it-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b))

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni speċjali — Qorti tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu kuntrattwali li huwa l-bażi tat-talba — Kuntratt għal provvista ta’ servizzi — Rappreżentanza kummerċjali — Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-post tal-provvista prinċipali tas-servizzi

(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, it-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b)

1.        It-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni hija applikabbli fil-każ ta’ provvista ta’ servizzi f’diversi Stati Membri. Fil-fatt, l-għanijiet ta’ prossimità u ta’ prevedibbiltà, permezz tal-konċentrazzjoni tal-ġurisdizzjoni fil-post tal-provvista ta’ servizzi, abbażi tal-kuntratt inkwistjoni, u permezz tal-fatt li tiġi stabbilita ġurisdizzjoni waħda għat-talbiet kollha bbażati fuq dan il-kuntratt, ma jistgħux jiġu kkunsidrati b’mod differenti fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ provvista ta’ servizzi inkwistjoni fi Stati Membri differenti.

(ara l-punti 27, 29 u d-dispożittiv 1)

2.        It-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ provvista ta’ servizzi f’diversi Stati Membri, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet kollha bbażati fuq il-kuntratt hija l-qorti li fil-ġurisdizzjoni territorjali tagħha jinsab il-post tal-provvista prinċipali tas-servizzi. Fir-rigward ta’ kuntratt ta’ rappreżentanza kummerċjali, dan il‑post huwa l-post tal-provvista prinċipali tas-servizzi tal-aġent, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-kuntratt. Fil-fatt, id‑determinazzjoni tal-post tal-provvista prinċipali tas-servizzi skont l‑għażla kuntrattwali tal-partijiet tissodisfa l-għan ta’ prossimità, peress li dan il-post għandu, min-natura tiegħu, rabta mal-mertu tal-kawża.

Jekk id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ma jippermettux li jiġi ddeterminat il‑post tal-provvista prinċipali ta’ servizzi, iżda l-aġent jkun diġà pprovda tali servizzi, għandu, sussidjarjament, jittieħed inkunsiderazzjoni l-post fejn huwa jkun effettivament wettaq parti kbira tan-negozju tiegħu b’eżekuzzjoni tal-kuntratt, bil-kundizzjoni li l-provvista ta’ servizzi f’tali post ma tmurx kontra r-rieda tal-partijiet kif tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-kuntratt. Għal dan il-għan, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti tal-kawża, b’mod partikolari, l-ammont ta’ ħin f’dawn il-postijiet u l-importanza tal-attività li twettqet hemmhekk.

Fl-aħħar nett, jekk ikun impossibbli li jiġi ddeterminat il-post tal-provvista prinċipali tas-servizzi fuq tali bażijiet, għandu jitqies bħala l-post tal-provvista ta’ servizzi l-post tad-domiċilju tal-aġent kummerċjali. Fil-fatt, dan il-post dejjem jista’ jiġi identifikat b’ċertezza u għalhekk huwa prevedibbli. Barra minn hekk, huwa għandu rabta ta’ prossimità mal-kawża peress li, x’aktarx, l-aġent kummerċjali jipprovdi parti sostanzjali mis-servizzi tiegħu hemmhekk.

(ara l-punti 36, 38-43 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

11 ta’ Marzu 2010 (*)

“Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni speċjali – Artikolu 5(1)(a) u t-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) – Provvista ta’ servizzi – Kuntratt ta’ rappreżentanza kummerċjali – Eżekuzzjoni ta’ kuntratt f’diversi Stati Membri”

Fil-Kawża C-19/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikoli 68 KE u 234 KE, imressqa mill-Oberlandesgericht Wien (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Diċembru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Jannar 2009, fil-proċedura

Wood Floor Solutions Andreas Domberger GmbH

vs

Silva Trade SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts (Relatur), President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, J. Malenovský, T. von Danwitz u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Ottubru 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Wood Floor Solutions Andreas Domberger GmbH, minn J. Zehetner, Rechtsanwalt,

–        għal Silva Trade SA, minn K. U. Janovsky u T. Berend, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Ossowski, bħala aġent, assistit minn A. Henshaw, barrister,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.-M. Rouchaud-Joët u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Jannar 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali stabbilita, fir-rigward ta’ kuntratti għall-provvista ta’ servizzi, fit-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Wood Floor Solutions Andreas Domberger GmbH (iktar ’il quddiem “Wood Floor”) stabbilita f’Amstetten (l-Awstrija), u Silva Trade SA (iktar ’il quddiem “Silva Trade”), stabbilita f’Wasserbillig (il-Lussemburgu), dwar talba għad-danni minħabba xoljiment ta’ kuntratt ta’ rappreżentanza kummerċjali mwettaq f’diversi Stati Membri.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Skont il-premessa 1 tar-Regolament:

“Il-Komunità poġġiet quddiemha l-għan li tmantni u tiżviluppa żona ta’ ħelsien, sigurtà u ġustizzja, li fiha jiġi żgurat il-moviment ħieles ta’ persuni. Sabiex tiġi stabbilita ftit ftit din iż-żona, il-Komunità trid tadotta, fost affarijiet oħra, il-miżuri li għandhom x’jaqsmu ma’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili meħtieġa għall-operat tajjeb tas-suq intern.”

4        Il-premessa 2 tar-Regolament tipprovdi:

“Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Disposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament huma essenzali.”

5        Skont il-premessa 11 tar-Regolament, “[i]r-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti.”

6        Ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni stabbiliti permezz tar-Regolament jinsabu fil-Kapitolu II tiegħu, li jikkonsisti fl-Artikoli 2 sa 31.

7        L-Artikolu 2(1) tar-Regolament, li jagħmel parti mill‑imsemmi Kapitolu II, Sezzjoni 1, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali ”, jipprovdi:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

8        L-Artikolu 3(1) tar-Regolament, li jidher fl-istess Sezzjoni 1, jipprovdi:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

9        B’hekk, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tar-Regolament, inkluż fil-Kapitolu II, Sezzjoni 2 tiegħu intitolat “Ġurisdizzjoni speċjali”:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1)      (a)   f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

         (b)   għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

–      fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

–      fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi;

(ċ) jekk sub-paragrafu (b) ma japplikax, japplika s-sub-paragrafu (a);

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-21 ta’ Awwissu 2007, Wood Floor ressqet kawża kontra Silva Trade quddiem il-Landesgericht Sankt Pölten (l-Awstrija) sabiex il-qorti tikkundannaha tħallasha, abbażi ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ rappreżentanza kummerċjali, l-ammont ta’ EUR 27 864.65 bħala danni minħabba xoljiment tal-kuntratt u l-ammont ta’ EUR 83 593.95 bħala kumpens għad-danni.

11      Wood Floor invokat l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament bħala bażi u sostniet li kienet eżerċitat in-negozju tagħha esklużivament fis-sede tagħha, jiġifieri f’Amstetten, u għaldaqstant il-bejgħ fuq l-għatba tal-bieb u l-ksib tal-klijenti twettqu fl-Awstrija.

12      Silva Trade kkontestat il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita billi sostniet li iktar minn tliet kwarti tad-dħul mill-bejgħ ta’ Wood Floor kien twettaq f’pajjiżi oħra minbarra l-Awstrija u li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament ma kienx jipprovdi dispożizzjoni speċifika għal każ bħal dan. Skont Silva Trade, fin-nuqqas tal-possibbiltà li jiġi ddeterminat il-post fejn ġew ipprovduti s-servizzi li jservi ta’ bażi għal din it-talba, peress li dan l-obbligu kien ġeografikament illimitat, l-imsemmi Artikolu 5(1) ma japplikax u l-ġurisdizzjoni għandha tiġi ddeterminata abbażi tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament.

13      L-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ġiet miċħuda mil-Landesgericht Sankt Pölten li qieset, minn naħa, li l-kuntratti ta’ rappreżentanza kummerċjali jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “provista ta’ servizzi”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament u, min-naħa l-oħra, li, abbażi tal-ġurisprudenza Awstrijaka, fil-każ ta’ provvista ta’ servizzi f’numru ta’ pajjiżi, huwa ċ-ċentru tan-negozju tal-fornitur li għandu jitqies li huwa l-post tal-provvista ta’ servizzi.

14      Silva Trade ppreżentat appell quddiem l-Oberlandesgericht Wien u invokat il-fatt li l-ġurisprudenza Awstrijaka inkwistjoni kienet tikkonċerna biss il-każ fejn il-postijiet ta’ provvista differenti jkunu jinsabu fi Stat Membru wieħed. Fil-fehma tagħha, jekk il-postijiet ta’ provvista differenti jinsabu f’diversi Stati Membri, kull qorti għandha biss ġurisdizzjoni għal u sa fejn l-obbligu għandu jitwettaq fil-ġurisdizzjoni territorjali tagħha. Ir-rikorrent li jkollu l-intenzjoni li jressaq it-talbiet kollha tiegħu quddiem qorti waħda, bħal fil-kawża inkwistjoni, jista’ biss jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 2 tar-Regolament, b’mod li, f’din il-kawża, il-qrati Awstrijaki ma jkollhomx ġurisdizzjoni.

15      Skont il-qorti tar-rinviju, li għandha l-intenzjoni li tikkonferma d-deċiżjoni tal-ewwel istanza, il-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Color Drack (C‑386/05, Ġabra p. I‑3699) japplikaw ukoll fil-każ li fih il-postijiet differenti li fihom jiġu pprovduti s-servizzi jinsabu f’diversi Stati Membri u li l-“post tat-twettieq”, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament, għandu jiġi ddeterminat skont il-post tal-provvista prinċipali jew iċ-ċentru tan-negozju tal-fornitur tas-servizzi.

16      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fil-kawża inkwistjoni, l-aġent kummerċjali wettaq parti kbira mill-attivitajiet tiegħu minn Amstetten u li għalhekk huwa f’dan il-post li jinsab iċ-ċentru tan-negozju tal-provvista ta’ servizzi tiegħu, iddeterminat abbażi tal-ammont ta’ ħin f’dan il-post u skont l-importanza tal-attività li saret hemmhekk.

17      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tenfasizza, qabelxejn, li, fis-sentenza Color Drack, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li r-risposti mogħtija f’din il-kawża kienu limitati biss għal każ fejn hemm diversi postijiet ta’ provvista fi Stat Membru wieħed u ma kinux jikkonfutaw ir-risposta li għandha tingħata fil-każ ta’ diversi postijiet ta’ provvista f’diversi Stati Membri.

18      Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi kif għandu jiġi ddeterminat il-post tal-provvista ta’ servizzi u, fin-nuqqas tal-possibbiltà li jiġi ddeterminat post ta’ provvista wieħed, jekk ir-rikorrent ikunx jista’, fuq għażla tiegħu, iressaq il-kawża tiegħu quddiem kull qorti li fil-ġurisdizzjoni territorjali tagħha tkun twettqet provvista.

19      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament huwiex applikabbli fl-eventwalità li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li t-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) ta’ dan ir-regolament ma huwiex applikabbli fil-każ ta’ provvista ta’ servizzi f’diversi Stati Membri.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Wien iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)       a)      It-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-regolament [...] japplika wkoll, fil-każ ta’ kuntratt għal provvista ta’ servizzi, fejn is-servizzi huma pprovduti, skont ftehim, f’numru ta’ Stati Membri?

Fil-każ li tingħata risposta pożittiva għal din id-domanda:

         b)      id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq għandha tiġi interpretata fis-sens li l-post li fih jitwettaq l-obbligi karatteristiku għandu jiġi stabbilit b’riferiment għall-post fejn jinsab iċ-ċentru tan-negozju tal-fornitur tas-servizzi (li għandu jiġi stabbilit b’riferiment għall-ammont ta’ ħin f’dan il-post u skont l-importanza tal-attività inkwistjoni)?

         c)      fil-każ li ma jiġix stabbilit tali ċentru tan-negozju, id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq għandha tiġi interpretata fis-sens li kawża li tirrigwarda t-talbiet kollha bbażati fuq il-kuntratt tista’ titressaq, skont kif jagħżel ir-rikorrent, fi kwalunkwe post fejn jiġi pprovdut is-servizz fil-Komunità?

2) Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda:

L-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament japplika fil-każ ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi, fejn is-servizzi huma pprovduti, skont ftehim, f’diversi Stati Membri?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq id-domanda 1(a)

21      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, 1(a), il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk it-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) huwiex applikabbli fil-każ ta’ provvista ta’ servizzi f’diversi Stati Membri.

22      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Color Drack, iċċitata iktar ’il fuq, ikkunsidrat li r-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam ta’ relazzjonijiet kuntrattwali, li tikkompleta r-regola li l-ġurisdizzjoni ġeneralment hija bbażata fuq il-post tad-domiċilju tal-konvenut, tissodisfa l-għan ta’ prossimità u hija mmotivata mill-eżistenza ta’ rabta stretta bejn il-kuntratt u l-qorti li tintalab tiddeċiedi fuq il-kawża (sentenzi Color Drack, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22, u tad-9 ta’ Lulju 2009, Rehder, C‑204/08, Ġabra p. I‑6073, punt 32, u tal-25 ta’ Frar 2010, Car Trim, C‑381/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 48).

23      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li, fir-rigward tal-post tat-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw minn kuntratti ta’ bejgħ ta’ merkanzija, ir-Regolament jiddefinixxi, fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tiegħu, b’mod awtonomu, dan il-kriterju ta’ rabta, sabiex isaħħaħ l-għanijiet ta’ unifikazzjoni tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati u ta’ prevedibbiltà. Għaldaqstant, f’tali każijiet, il-post tal-provvista tal-merkanzija huwa stabbilit bħala kriterju awtonomu tar-rabta, li għandu japplika għat-talbiet kollha li huma bbażati fuq l-istess kuntratt ta’ bejgħ (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Color Drack, punti 24 u 26, Rehder, punt 33, u Car Trim, punti 49 u 50).

24      Fid-dawl tal-għanijiet ta’ prossimità u ta’ prevedibbiltà, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regola stabbilita fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament tapplika wkoll fil-każ ta’ diversi postijiet ta’ provvista tal-merkanzija fi Stat Membru wieħed, bil-kundizzjoni li tkun biss qorti waħda li jkollha ġurisdizzjoni li tiddeċiedi fuq it-talbiet kollha bbażati fuq il-kuntratt (sentenzi ċċitati Color Drack, punti 36 u 38, kif ukoll Rehder, point 34).

25      Għandu jitfakkar, it-tieni nett, li l-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement iddeċidiet li l-kunsiderazzjonijiet li bbażat ruħha fuqhom sabiex tasal għall-interpretazzjoni li tat fis-sentenza Color Drack, iċċitata iktar ’il fuq, huma applikabbli wkoll fir-rigward ta’ kuntratti għal provvista ta’ servizzi, inklużi l-każijiet meta din il-provvista ma titwettaqx fi Stat Membru wieħed (sentenza Rehder, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

26      Fil-fatt, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali pprovduti fir-Regolament fil-qasam tal-kuntratti għall-bejgħ ta’ merkanzija u għall-provvista ta’ servizzi għandhom l-istess oriġini, isegwu l-istess għan u jokkupaw l-istess post fis-sistema stabbilita minn dan ir-regolament (sentenza Rehder, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

27      L-għanijiet ta’ prossimità u ta’ prevedibbiltà, li jinkisbu permezz tal-konċentrazzjoni tal-ġurisdizzjoni fil-post tal-provvista ta’ servizzi, abbażi tal-kuntratt inkwistjoni, u permezz tal-fatt li tiġi stabbilita ġurisdizzjoni waħda għat-talbiet kollha bbażati fuq dan il-kuntratt, ma jistgħux jiġu kkunsidrati b’mod differenti fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ provvista ta’ servizzi inkwistjoni fi Stati Membri differenti (sentenza Rehder, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

28      Fil-fatt, din id-differenza, minbarra l-fatt li ma għandha l-ebda bażi fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament, tmur kontra l-finalità li għaliha ġie adottat ir-Regolament stess, li, permezz tal-unifikazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali, jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ żona ta’ ħelsien, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja kif ukoll għall-operat tajjeb tas-suq intern fi ħdan il-Komunità, kif jirriżulta mill-premessi 1 u 2 tar-Regolament (sentenza Rehder, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

29      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda 1(a) għandha tkun li t-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni hija applikabbli fil-każ ta’ provvista ta’ servizzi f’diversi Stati Membri.

 Fuq id-domanda 1(b)

30      Permezz tad-domanda 1(b), il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, lill-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi ta’ liema kriterji għandu jiġi ddeterminat il-post tat-twettiq tal-obbligu karatteristiku u, għalhekk, liema hija l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet kollha bbażati fuq il-kuntratt, fil-każ ta’ provvista ta’ servizzi f’diversi Stati Membri, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament. Fir-rigward tal-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali, din id-domanda għandha titqies li hija intiża sabiex il-qorti tkun taf, b’mod partikolari, abbażi ta’ liema kriterji għandu jiġi ddeterminat dan il-post fil-każ ta’ kuntratt ta’ rappreżentanza kummerċjali.

31      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li fis-sentenza Color Drack, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam tal-kuntratti, stabbilita fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament, dwar il-bejgħ tal-merkanzija, li bħala prinċipju, fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ provvista tal-merkanzija, il-post tat-twettiq huwa l-post li jiżgura r-rabta l-iktar stretta bejn il-kuntratt u l-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni; u din ir-rabta l-iktar stretta tinsab, bħala regola ġenerali, fil-post tal-kunsinna prinċipali (sentenza Color Drack, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

32      Għaldaqstant, għall-motivi esposti fil-punti 25 sa 28 tas-sentenza preżenti, l-istess soluzzjoni hija applikabbli, mutatis mutandis, fil-kuntest tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament.

33      Konsegwentement, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam tal-kuntratti, stabbilita fit-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament, dwar il-provvista ta’ servizzi, fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ provvista ta’ servizzi, il-post tat-twettiq huwa, bħala prinċipju, il-post li jiżgura r-rabta l-iktar stretta bejn il-kuntratt u l-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni; u din ir-rabta l-iktar stretta tinsab, bħala regola ġenerali, fil-post tal-provvista prinċipali (sentenza Color Drack, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

34      It-tieni nett, għandu jiġi ppreċiżat li, f’kuntratt ta’ rappreżentanza kummerċjali, huwa l-aġent kummerċjali li jwettaq il-kunsinna li tikkaratterizza l-kuntratt u li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament, jipprovdi s-servizzi.

35      Fil-fatt, skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE, tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 177), l-aġent kummerċjali għandu jinnegozja l-bejgħ u x-xiri ta’ merkanzija għall-prinċipal, u skont il-każ, jikkonkludi tranżazzjonijiet għan-nom u f’isem il-prinċipal. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, l-aġent kummerċjali “għandu jagħmel sforzi approprjati biex jinnegozja u, meta approprjat, jikkonkludi l-operazzjonijiet li jkun intalab jieħu ħsieb[,] jikkomunika lill-prinċipal tiegħu l-informazjoni kollha neċessarja disponibbli għalih [u] jikkonforma ma’ istruzzjonijiet raġonevoli mogħtija mill-prinċipal tiegħu”.

36      Għalhekk, sabiex tapplika r-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam tal-kuntratti, stabbilita fit-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament, fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ provvista ta’ servizzi min-naħa tal-aġent kummerċjali, il-“post tat-twettieq” huwa, bħala prinċipju, il-post tal-provvista prinċipali tas-servizzi tal-aġent kummerċjali.

37      It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat abbażi ta’ liema kriterji għandu jiġi ddeterminat il-post tal-provvista prinċipali ta’ servizzi, fil-każ fejn dawn is-servizzi jiġu pprovduti fi Stati Membri differenti.

38      Fid-dawl tal-għan ta’ prevedibbiltà, espost mil-leġiżlatur fil-premessa 11 tar-Regolament, u fid-dawl tal-kliem tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament, li jgħid li huwa l-post fl-Istat Membru jew il-post kif stabbilit “skond il-kuntratt” fejn ġew ipprovduti jew kellhom jiġu pprovduti s-servizzi li huwa determinanti, il-post tal-provvista prinċipali għandu jiġi identifikat, sa fejn huwa possibbli, mid-dispożizzjonijiet tal-kuntratt innifsu. Għalhekk, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ rappreżentanza kummerċjali, għandu jiġi identifikat, abbażi ta’ dan il-kuntratt, il-post fejn l-aġent kummerċjali kellu prinċipalment iwettaq xogħlu għan-nom tal-prinċipal, xogħol li għall-aġent kummerċjali jinvolvi l-preparazzjoni, in-negozjar u, skont il-każ, il-konklużjoni tat-tranżazzjonijiet li huwa inkarigat minnhom.

39      Id-determinazzjoni tal-post tal-provvista prinċipali tas-servizzi skont l-għażla kuntrattwali tal-partijiet tissodisfa l-għan ta’ prossimità, peress li dan il-post għandu, min-natura tiegħu, rabta mal-mertu tal-kawża.

40      Jekk id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ma jippermettux li jiġi ddeterminat il-post tal-provvista prinċipali ta’ servizzi, jew għax ikunu jipprovdu għall-numru ta’ postijiet ta’ provvista, jew għax ma jipprovdu, b’mod espliċitu, ebda post speċifiku ta’ provvista, iżda li l-aġent ikun diġà pprovda tali servizzi, għandu, sussidjarjament, jittieħed inkunsiderazzjoni l-post fejn effettivament huwa jkun wettaq parti kbira min-negozju tiegħu b’eżekuzzjoni tal-kuntratt, bil-kundizzjoni li l-provvista ta’ servizzi f’tali post ma tmurx kontra r-rieda tal-partijiet kif tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-kuntratt. Għal dan il-għan, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti tal-kawża, b’mod partikolari, l-ammont ta’ ħin f’dawn il-postijiet u l-importanza tal-attività li twettqet hemmhekk. Hija l-qorti nazzjonali adita li għandha tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward tal-provi li jkunu ġew ippreżentati quddiemha (ara s-sentenza Color Drack, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

41      Ir-raba’ nett, fil-każ ta’ impossibbiltà li jiġi ddeterminat il-post tal-provvista prinċipali tas-servizzi abbażi kemm tad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt infushom kif ukoll tal-eżekuzzjoni effettiva tiegħu, dan il-post għandu jiġi identifikat b’mod ieħor li jirrifletti kemm l-għanijiet ta’ prossimità kif ukoll dawk ta’ prevedibbiltà mixtieqa mil-leġiżlatur.

42      Għal dan il-għan, għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament, il-post tal-provvista prinċipali tas-servizzi pprovduti minn aġent kummerċjali għandu jkun is-sede ta’ dan l-aġent. Fil-fatt, dan il-post dejjem jista’ jiġi identifikat b’ċertezza u għalhekk huwa prevedibbli. Barra minn hekk, huwa għandu rabta ta’ prossimità mal-kawża peress li, x’aktarx, l-aġent kummerċjali jipprovdi parti sostanzjali mis-servizzi tiegħu hemmhekk.

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda 1(b) għandha tkun li t-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ provvista ta’ servizzi f’diversi Stati Membri, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi, fuq it-talbiet kollha bbażati fuq il-kuntratt, hija l-qorti li fil-ġurisdizzjoni territorjali tagħha jinsab il-post tal-provvista prinċipali tas-servizzi. Fir-rigward ta’ kuntratt ta’ rappreżentanza kummerċjali, dan il-post huwa l-post tal-provvista prinċipali tas-servizzi tal-aġent, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-kuntratt kif ukoll, fin-nuqqas ta’ tali dispożizzjonijiet, mill-eżekuzzjoni effettiva tal-kuntratt u, fil-każ li jkun impossibbli li jiġi ddeterminat fuq din il-bażi, għandu jkun il-post tad-domiċilju tal-aġent kummerċjali.

 Fuq id-domanda 1(ċ)

44      Fid-dawl tar-risposti mogħtija lid-domandi 1(a) u (b), ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domanda 1(ċ) u għad-domanda 2.

 Fuq l-ispejjeż

45      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      It-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni hija applikabbli fil-każ ta’ provvista ta’ servizzi f’diversi Stati Membri.

2)      It-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ provvista ta’ servizzi f’diversi Stati Membri, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq it-talbiet kollha bbażati fuq il-kuntratt, hija l-qorti li fil-ġurisdizzjoni territorjali tagħha jinsab il-post tal-provvista prinċipali tas-servizzi. Fir-rigward ta’ kuntratt ta’ rappreżentanza kummerċjali, dan il-post huwa l-post tal-provvista prinċipali tas-servizzi tal-aġent, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-kuntratt kif ukoll, fin-nuqqas ta’ tali dispożizzjonijiet, mill-eżekuzzjoni effettiva tal-kuntratt u, fil-każ li jkun impossibbli li jiġi ddeterminat fuq din il-bażi, għandu jkun il-post tad-domiċilju tal-aġent kummerċjali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.