KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fit-28 ta’ Ġunju 2011(1)

Kawża C‑548/09 P

Bank Melli Iran

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Appell – Miżuri restrittivi meħuda fil-konfront tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex titwaqqaf il-proliferazzjoni nukleari – Lista ta’ persuni u ta’ entitajiet li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi impost mil-liġi Komunitarja – Sistema ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji adottati fil-ġlieda kontra l-politika ta’ Stat terz – Inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent – Ksur ta’ rekwiżiti proċedurali sostanzjali – Nuqqas ta’ notifika individwali – Konsegwenzi – Nuqqas ta’ bażi legali – Ksur tad-dritt ta’ proprjetà – Ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u ta’ proporzjonalità”






Werrej

I –   Il-fatti li wasslu għall-kawża u s-sentenza appellata

II – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

III – L-analiżi legali

A –   Fuq l-ewwel aggravju prinċipali, imsejjes fuq żball ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali relatat mal-evalwazzjoni tal-konsegwenzi li għandhom jirriżultaw minn ksur tal-obbligu ta’ notifika

1.     Is-sentenza appellata

2.     L-argumenti tal-partijiet

3.     Evalwazzjoni

a)     Fuq l-eżistenza ta’ obbligu ta’ notifika individwali tad-deċiżjoni kontenzjuża

b)     Fuq il-konsegwenzi tal-ksur tal-obbligu ta’ notifika

B –   Fuq it-tieni aggravju prinċipali, imsejjes fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-bażijiet legali tar-Regolament Nru 423/2007

1.     Is-sentenza appellata

2.     L-argumenti tal-partijiet

3.     Evalwazzjoni

C –   Fuq it-tielet aggravju prinċipali, imsejjes fuq żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

1.     Is-sentenza appellata

2.     L-argumenti tal-partijiet

3.     Evalwazzjoni

D –   Fuq l-ewwel aggravju sussidjarju, imsejjes fuq interpretazzjoni żbaljata tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill

1.     Is-sentenza appellata

2.     L-argumenti tal-partijiet

3.     Evalwazzjoni

E –   Fuq it-tieni aggravju sussidjarju, imsejjes fuq żball ta’ evalwazzjoni ta’ liġi mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-dritt ta’ proprjetŕ tal-appellant

1.     Is-sentenza appellata

2.     L-argumenti tal-partijiet

3.     Evalwazzjoni

a)     Rimarka preliminari

b)     Analiżi tal-aggravju

F –   Fuq it-tielet aggravju sussidjarju, imsejjes fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill meta inkluda lill-appellant fil-lista tal-entitajiet li l-beni tagħhom kellhom jiġu ffriżati

1.     L-argumenti tal-partijiet

2.     Evalwazzjoni

IV – Dwar l-ispejjeż

V –   Konklużjoni

1.        Dan l-appell, ippreżentat mill-Bank Melli Iran (iktar ’il quddiem il-“Bank Melli” jew l-“appellant”), huwa intiż għall-annullament tas-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill (2) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-Qorti Ġenerali) (iktar ’il quddiem il-“Qorti Ġenerali”) ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat mill-appellant fir-rigward tal-punt 4 tat-Tabella B tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/475/KE, tat-23 ta’ Ġunju 2008, li timplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (3) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), deċiżjoni li permezz tagħha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea inkluda lill-appellant fil-lista tal-entitajiet li l-beni tagħhom għandhom jiġu ffriżati.

2.        Dan l-appell huwa l-ewwel wieħed li ġie ppreżentat fir-rigward ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, adottati fil-kuntest ta’ sistema ta’ sanzjonijiet kontra Stat terz. Dan l-appell iqajjem, barra minn hekk, numru ta’ kwistjonijiet importanti, b’mod partikolari fir-rigward tal-intensità tad-drittijiet tad-difiża li jistgħu jinvokaw f’kuntest bħal dan il-persuni u l-entitajiet koperti mill-miżuri msemmija.

I –    Il-fatti li wasslu għall-kawża u s-sentenza appellata

3.        Mill-punti 1 et seq tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Bank Melli huwa kumpannija kummerċjali Iranjana proprjetà tal-Istat Iranjan u li l-kawża introdotta quddiem il-Qorti Ġenerali toriġina mis-sistema ta’ miżuri restrittivi stabbilita bl-għan li tpoġġi pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex ittemm l-attivitajiet nukleari li fihom riskju ta’ proliferazzjoni u sabiex ittemm l-aġġornament tas-sistemi ta’ konsenja tal-armi nukleari (iktar ’il quddiem il-“proliferazzjoni nukleari”). L-imsemmija sistema toħroġ mir-Riżoluzzjoni 1737 (2006) (4), tat-23 ta’ Diċembru 2006, tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-“Kunsill tas-Sigurtà”) li l-anness tagħha jelenka l-persuni u l-entitajiet li, skont il-Kunsill tas-Sigurtà, kienu implikati fil-proliferazzjoni nukleari fl-Iran u li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom (iktar ’il quddiem il-“fondi”) kellhom jiġu ffriżati. Din il-lista kienet ġiet aġġornata regolarment mill-Kunsill tas-Sigurtà permezz ta’ diversi riżoluzzjonijiet. Madankollu, l-appellant ma kienx fil-mira ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi deċiżi mill-Kunsill tas-Sigurtà.

4.        Ir-Riżoluzzjoni 1737 (2006) ġiet implementata, għal dak li għandu x’jaqsam mal-Unjoni Ewropea, permezz tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2007/140/PESK, tas-27 ta’ Frar 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (5). L-Artikolu 5(1)(a) tal-imsemmija pożizzjoni komuni jistabbilixxi l-iffriżar ta’ fondi li jappartjenu lil, huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati, direttament jew indirettament, mill-entitajiet jew persuni li huma indikati fir-riżoluzzjoni. L-Artikolu 5(1)(b) tagħha jestendi din il-miżura għal persuni jew entitajiet li huma rikonoxxuti mill-Kunsill bħala persuni jew entitajiet impenjati fi, assoċjati direttament ma’ jew jipprovdu appoġġ għal proliferazzjoni nukleari. L-imsemmija pożizzjoni komuni tistabbilixxi wkoll, fl-Artikolu 7(2) tagħha, li l-lista tal-persuni u tal-entitajiet indikati abbażi tal-Artikolu 5(1)(b), kellha tiġi stabbilita u emendata mill-Kunsill b’mod unanimu.

5.         Għal dak li kellu x’jaqsam mal-kompetenzi tal-Komunità Ewropea, il-Pożizzjoni Komuni 2007/140 kienet segwita bl-adozzjoni, abbażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007, tad-19 ta’ April 2007 (6). B’kontenut li huwa simili ħafna għal dak tal-pożizzjoni komuni, l-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi l-iffriżar tal-fondi li jappartjenu lill-persuni, lill-entitajiet u lill-korpi elenkati fir-Riżoluzzjoni 1737 (2006), kif ukoll tal-fondi kollha li jappartjenu lil, huma proprjetà ta’, huma miżmuma jew ikkontrollati minn dawn il-persuni, entitajiet jew korpi. L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 jestendi din il-possibbiltà tal-iffriżar għall-persuni, għall-entitajiet jew għall-korpi indikati mill-Kunsill u rrikonoxxuti, skont l-Artikolu 5(1)(b) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140, bħala persuni, entitajiet jew korpi impenjati fi, assoċjati direttament ma’, jew jipprovdu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari. Il-persuni, l-entitajiet u l-korpi indikati mill-Kunsill skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 huma elenkati fl-Anness V tal-imsemmi regolament.

6.        L-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 423/2007 jistabbilixxi, barra minn hekk, li “[i]l-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jemenda [l-Anness V] f’konformità sħiħa mad-determinazzjonijiet li jsiru mill-Kunsill [adottati skont l-Artikolu 5(1)(b) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140]”. Dejjem skont din l-istess dispożizzjoni, il-Kunsill għandu jirrevedi l-imsemmija lista f’intervalli regolari, u għall-inqas kull tnax-il xahar.

7.        L-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007 jistabbilixxi li “[i]l-Kunsill għandu jiddikjara raġunijiet individwali u speċifiċi għal deċiżjonijiet meħuda skond il-paragrafu 2 u jagħmilhom magħrufa lill-persuni, entitajiet u korpi kkonċernati”.

8.        Ftit wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 423/2007, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1803 (2008) (7), tat-3 ta’ Marzu 2008, li permezz tagħha jitlob “lill-Istati kollha sabiex ikunu viġilanti dwar l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jinsabu fit-territorju tagħhom, mal-banek kollha domiċiljati fl-Iran, b’mod partikolari mal-[Bank] Melli u mal-Bank Saderat, kif ukoll mal-fergħat u l-aġenziji tagħhom barra l-pajjiż, sabiex jiġi evitat li dawn l-attivitajiet jikkontribwixxu għal attivitajiet li fihom ir-riskju ta’ proliferazzjoni” (8) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

9.        Bl-adozzjoni, fit-23 ta’ Ġunju 2008, tal-Pożizzjoni Komuni 2008/479/PESK (9), il-Kunsill emenda l-Pożizzjoni Komuni 2007/140. L-Anness tal-pożizzjoni komuni l-ġdida kien jinkludi lill-appellant fost l-entitajiet li kienu fil-mira tal-iffriżar ta’ fondi skont l-Artikolu 5(1)(b) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140. L-inklużjoni tiegħu nżammet mill-Pożizzjoni Komuni 2008/652/PESK (10) li, min-naħa tagħha, emendat il-Pożizzjoni Komuni 2007/140.

10.      Fit-23 ta’ Ġunju 2008, jiġifieri fl-istess jum tal-adozzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/479, il-Kunsill adotta d-deċiżjoni kontenzjuża. Skont il-punt 4 tat-Tabella B tal-Anness tal-imsemmija deċiżjoni, l-appellant ġie inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007. Din l-inklużjoni kellha, bħala konsegwenza, l-iffriżar tal-fondi tiegħu.

11.      B’hekk, il-punt 4 tat-Tabella B tal-Anness tad-deċiżjoni kontenzjuża jsemmi isem l-appellant, l-indirizz postali tiegħu f’Tehran u d-data meta ġie inkluż fil-lista (jiġifieri s-26 ta’ Ġunju 2008). Bħala r-raġunijiet li wasslu lill-Kunsill sabiex l-appellant jiġi inkluż fil-lista, il-punt 4 jistabbilixxi li l-Bank Melli “[j]ipprovdi jew jipprova jipprovdi sostenn finanzjarju lil kumpanniji li huma involuti fi jew li jakkwistaw merkanzija għall-programmi nukleari u missilistiċi ta’ l-Iran (AIO, SHIG, SBIG, AEOI, Kumpannija Novin Energy, Kumpannija Mesbah Energy, Kumpannija Kalaye Electric u DIO). Il-Bank Melli jagħmilha ta’ faċilitatur għall-attivitajiet sensittivi ta’ l-Iran. Huwa ffaċilita bosta akkwisti ta’ materjal sensittiv għall-programmi nukleari u missilistiċi ta’ l-Iran. Huwa pprova [pprovda] firxa ta’ servizzi finanzjarji f’isem entitajiet marbuta ma’ l-industriji nukleari u missilistiċi ta’ l-Iran, inkluż il-ftuħ ta’ ittri ta’ kreditu u ż-żamma tal-kontijiet. Bosta mill-kumpanniji t’hawn fuq issemmew fir-[Riżoluzzjonijiet] 1737 u 1747 [tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti]”.

12.      Permezz ta’ rikors għal annullament ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Settembru 2008, il-Bank Melli talab lill-Qorti Ġenerali, prinċipalment, sabiex tannulla l-punt 4 tat-Tabella B tal-Anness tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn jikkonċerna lilu, kif ukoll lis-sussidjarji u l-fergħat tiegħu; sussidjarjament, sabiex tiddikjara li l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 423/2007 ma japplikawx għal din il-vertenza; u fi kwalunkwe każ, sabiex tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż. Skont kif jindika l-punt 22 tas-sentenza appellata, il-Bank Melli madankollu rrinunzja, waqt is-seduta, għat-tieni talba tiegħu, filwaqt li ppreċiża li l-eċċezzjoni ta’ illegalità, imqajma fil-konfront tal-Artikolu 7(2) u tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 423/2007, kellha titqies bħala lment li permezz tiegħu kien qiegħed jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża minħabba nuqqas ta’ bażi legali. Huwa rrinunzja wkoll għall-ewwel talba tiegħu inkwantu din kienet tikkonċerna l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din tal-aħħar tikkonċerna lis-sussidjarji tiegħu (11).

13.      Sabiex isostni t-talbiet tiegħu kif emendati, l-appellant invoka numru ta’ lmenti, li l-Qorti Ġenerali ġabret f’ħames motivi. Fl-ewwel lok, l-appellant invoka motiv imsejjes fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali tat-Trattat KE, tad-dispożizzjonijiet legali relatati mal-applikazzjoni tiegħu u tal-Artikolu 7(2) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140, fuq l-użu ħażin tal-poter u fuq in-nuqqas ta’ bażi legali tad-deċiżjoni kontenzjuża; it-tieni motiv kien imsejjes fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament; it-tielet motiv invokat kien imsejjes fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-dritt ta’ proprjetà; fir-raba’ lok, l-appellant invoka motiv imsejjes fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007; fl-aħħar nett, il-ħames motiv kien imsejjes fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Komunità.

14.      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi kollha u kkundannat lill-appellant għall-ħlas tal-ispejjeż tal-Kunsill.

II – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

15.      Fit-23 ta’ Diċembru 2009, il-Bank Melli ppreżenta appell mis-sentenza appellata.

16.      Permezz tal-appell tiegħu, l-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tilqa’ t-talbiet tal-appellant li huwa ressaq quddiem il-Qorti Ġenerali;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

17.      Fir-risposta tiegħu, il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

18.      Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika Franċiża, bħala parti intervenjenti fl-ewwel istanza insostenn tal-Kunsill, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell tal-appellant;

–        tipproċedi għas-sostituzzjoni tal-motivi għal dak li għandu x’jaqsam mal-punti 86 sa 88 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kunsill kien marbut jipproċedi għan-notifika individwali tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati mill-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi adottati abbażi tar-Regolament Nru 423/2007;

–        tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

19.      Fir-risposta tiegħu, ir-Renju Unit, bħala parti intervenjenti fl-ewwel istanza insostenn tal-Kunsill, jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell.

20.      Il-Kummissjoni, bħala parti intervenjenti fl-ewwel istanza insostenn tal-Kunsill, titlob, fir-risposta tagħha, li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara li ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellant ma huwa ta’ natura tali li jannulla s-sentenza appellata u, konsegwentement, tiċħad l-appell;

–        tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

21.      Ħlief għar-Renju Unit, il-partijiet instemgħu waqt is-seduta li nżammet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Marzu 2011.

III – L-analiżi legali

22.      L-appellant iqajjem tliet aggravji prinċipali u tliet aggravji sussidjarji.

23.      Prinċipalment, l-ewwel aggravju huwa msejjes  fuq żball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali meta naqset milli tikkunsidra, bħala rekwiżit proċedurali sostanzjali li l-ksur tiegħu jġib miegħu l-annullament tal-att, l-obbligu ta’ notifika individwali li jinsab fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007. It-tieni aggravju jirriżulta minn żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-bażijiet legali tar-Regolament Nru 423/2007. It-tielet aggravju huwa msejjes fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċetti tad-drittijiet tad-difiża u tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

24.      Sussidjarjament, l-ewwel aggravju huwa msejjes fuq żball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 u li wassalha għal kontradizzjoni fil-motivi. It-tieni aggravju huwa msejjes fuq evalwazzjoni legali żbaljata tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-dritt ta’ proprjetà tal-appellant. Fl-aħħar nett, it-tielet aggravju huwa msejjes fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni allegatament imwettaq mill-Kunsill meta dan inkluda, u sussegwentement żamm, lill-appellant fil-lista tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007.

A –    Fuq l-ewwel aggravju prinċipali, imsejjes fuq żball ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali relatat mal-evalwazzjoni tal-konsegwenzi li għandhom jirriżultaw minn ksur tal-obbligu ta’ notifika

1.      Is-sentenza appellata

25.      Fil-punt 86 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-deċiżjoni kontenzjuża kellha effetti erga omnes peress li kienet indirizzata lil grupp ta’ destinatarji ddeterminat b’mod ġenerali u astratt li kienu obbligati jiffriżaw il-fondi tal-persuni u tal-entitajiet elenkati. L-imsemmija deċiżjoni iżda ma kinitx ta’ natura esklużivament ġenerali peress li dawn il-persuni u entitajiet kienu jissemmew b’isimhom. Id-deċiżjoni kontenzjuża għalhekk kienet tikkonċerna direttament u individwalment lil dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset li l-iffriżar ta’ fondi kellu konsegwenzi kunsiderevoli għall-entitajiet ikkonċernati peress li seta’ jillimita l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tagħhom. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali dehrilha li kien meħtieġ li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet kemm sostantivi kif ukoll proċedurali tal-entitajiet fil-mira tad-deċiżjoni kontenzjuża u, għal dan il-għan, iddeċidiet li l-Kunsill kellu jgħarraf lill-imsemmija entitajiet, sa fejn dan kien possibbli, dwar il-miżuri tal-iffriżar adottati fil-konfront tagħhom. Għalhekk, il-Kunsill kellu jipproċedi bin-notifika individwali tad-deċiżjoni kontenzjuża lill-appellant. Fil-punt segwenti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kunsill ma setax isostni l-impossibbiltà tan-notifika individwali peress li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet tindika l-indirizz postali tal-appellant. Il-massima “Ignorantia juris non excusat” lanqas ma setgħet tapplika peress li d-deċiżjoni kontenzjuża kellha, f’dan il-każ, in-natura ta’ att individwali. Barra minn hekk, l-argument tal-Kunsill, li r-raġuni għan-notifika individwali tal-miżuri restrittivi, adottati fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, kienet in-natura potenzjalment inġurjuża tal-pubblikazzjoni tal-motivi f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea – natura li ma jkollhiex il-pubblikazzjoni tal-motivi ta’ deċiżjoni adottata skont ir-Regolament Nru 423/2007 – ma kienx rilevanti. Għall-kuntrarju, peress li dawn iż-żewġ tipi ta’ miżuri għandhom effetti paragunabbli, inkwantu jaffetwaw individwalment u b’mod kunsiderevoli l-persuni u l-entitajiet imsemmija, it-tnejn li huma kellhom jinġiebu għall-għarfien tagħhom permezz ta’ notifika individwali. Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kunsill ma kienx osserva l-obbligu tiegħu ta’ notifika individwali riżultanti mill-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007 (12).

26.      Madankollu, fil-punti 89 u 90 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Commission bancaire française (Kummissjoni bankarja Franċiża), fl-24 ta’ Ġunju 2008, kienet informat lill-fergħa Franċiża tal-Bank Melli dwar l-eżistenza tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll dwar il-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Minn dan hija kkonkludiet li l-appellant kien ġie informat fiż-żmien opportun permezz ta’ sors uffiċjali u b’hekk tpoġġa f’pożizzjoni li jikkonsulta l-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, kif fil-fatt ma hemmx dubju li għamel, peress li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet annessa mar-rikors. Il-Qorti Ġenerali għalhekk qieset li kellha quddiemha ċirkustanzi eċċezzjonali li wassluha sabiex tikkonkludi li n-nuqqas tal-Kunsill li jinnotifika individwalment id-deċiżjoni kontenzjuża lill-appellant ma kienx ta’ natura tali li jiġġustifika l-annullament tagħha.

2.      L-argumenti tal-partijiet

27.      L-appellant iqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tiddeċiedi li l-ksur, mill-Kunsill, tal-obbligu ta’ notifika kellu jġib miegħu l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. L-obbligu ta’ notifika huwa prinċipju ta’ natura kostituzzjonali rikonoxxut mid-dritt primarju. In-notifika kienet iktar u iktar importanti fil-każ preżenti peress li l-appellant ma kienx instema’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Huwa jqajjem, barra minn hekk, forom proċedurali sostanzjali li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jimplika l-ineżistenza jew l-annullament tal-att, kif ikkonfermat is-sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni (13). Peress li huwa raġuni għan-nullità assoluta, il-ksur tal-obbligu ta’ notifika ma jistax jiġi rregolarizzat bl-intervent ta’ entità jew istituzzjoni oħra. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 423/2007 ma jipprevedi ebda possibbiltà għad-delegazzjoni tal-obbligu ta’ notifika. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kellha tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża minħabba nuqqas ta’ notifika.

28.      Il-Kunsill ma ħa ebda pożizzjoni dwar jekk jeżistix effettivament, fil-każ preżenti, obbligu ta’ notifika individwali. Huwa jfakkar, madankollu, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li għandha quddiemha deċiżjoni ta’ applikazzjoni ġenerali, indirizzata lil għadd ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u operaturi ekonomiċi, filwaqt li rrikonoxxiet li d-deċiżjoni ma kinitx ta’ natura esklużivament ġenerali. B’hekk, il-Qorti Ġenerali qatt ma ddikjarat li għandha quddiemha deċiżjoni b’destinatarju, fis-sens tal-Artikolu 254 KE. Il-ġurisprudenza Hoechst vs Il-Kummissjoni ma tapplikax inkwantu, f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha deċiżjoni li kienet issemmi lid-destinatarji u li, min-naħa l-oħra, ma kinitx ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Qorti Ġenerali għalhekk iddeċidiet, ġustament, li peress li n-notifika tal-Kummissjoni bankarja Franċiża serviet sabiex tinforma immedjatament lill-appellant dwar l-eżistenza tad-deċiżjoni kontenzjuża, in-nuqqas ta’ notifika individwali mill-Kunsill innifsu ma huwiex ta’ natura tali li jġib miegħu l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

29.      Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja, prinċipalment, tipproċedi għas-sostituzzjoni tal-motivi għal dak li għandu x’jaqsam mal-punti 86 sa 88 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, filwaqt li ma tikkontestax id-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika Franċiża ma taqbilx mad-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kunsill kien marbut jinnotifika individwalment id-deċiżjoni kontenzjuża lill-appellant. Ir-raġunament tar-Repubblika Franċiża huwa msejjes, sostantivament, fuq żewġ elementi prinċipali. Minn naħa, l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007 jimponi fuq il-Kunsill l-obbligu biss li jgħarraf lill-entitajiet imsemmija dwar id-deċiżjonijiet adottati, mingħajr ma jimponi obbligu ta’ notifika individwali. Min-naħa l-oħra, wieħed irid iqis id-differenza bejn in-natura tas-sistemi ta’ sanzjonijiet li jiġu adottati fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u li jiffriżaw il-beni tal-persuni u tal-entitajiet li jaġixxu b’mod awtonomu, u n-natura tas-sistema ta’ sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża preżenti, li hija adottata fir-rigward ta’ pajjiż terz u li tipproċedi għall-iffriżar tal-beni ta’ persuni u ta’ entitajiet unikament minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fi programm statali. Is-sistena ġenerali stabbilita permezz tar-Regolament Nru 423/2007 tista’ titqabbel ma’ embargo applikat fir-rigward ta’ pajjiż terz; irid jingħad li qatt ma kien hemm l-eżiġenza li embargo jiġi nnotifikat individwalment lil tali pajjiż. Sussidjarjament, fl-eventwalità li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-talba għas-sostituzzjoni tal-motivi, ir-Repubblika Franċiża tqis li n-nuqqas ta’ notifika individwali mill-Kunsill ma ċaħħadx lill-appellant mid-dritt tiegħu li jieħu konjizzjoni, fil-ħin opportun, tad-deċiżjoni kontenzjuża adottata fir-rigward tiegħu, u dan peress li l-Kummissjoni bankarja Franċiża informatu dwar l-eżistenza tagħha. Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-deċiżjonijiet għall-iffriżar ta’ fondi huma deċiżjonijiet ta’ natura regolatorja li għalhekk jidħlu fis-seħħ unikament minħabba l-pubblikazzjoni tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fis-sens tal-Artikolu 254 KE. In-nuqqas ta’ notifika ta’ tali deċiżjoni għalhekk ma jikkostitwixxix difett sostanzjali. Għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

30.      Il-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa argument simili ħafna għal dak żviluppat mir-Repubblika Franċiża, inkwantu hija ssostni wkoll li la l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007 u lanqas id-dritt primarju ma jimponu obbligu ta’ notifika individwali fir-rigward tad-deċiżjoni kontenzjuża. Id-deċiżjoni kontenzjuża hija att li jemenda r-Regolament Nru 423/2007. Skont l-Artikolu 254(1) KE, l-imsemmi regolament jew id-deċiżjonijiet li jemendawh għandhom sempliċement jiġu ppubblikati mingħajr ma hija meħtieġa notifika individwali tar-regolamenti li jippreġudikaw lil individwi. Meta individwu huwa affettwat individwalment u direttament minn regolament, huwa jista’ jippreżenta rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali, iżda din il-possibbiltà ta’ rikors ma hijiex akkumpanjata minn obbligu legali ta’ notifika individwali tar-regolamenti li potenzjalment jistgħu jippreġudikaw lil individwi. L-uniku rekwiżit huwa li l-persuni kkonċernati jkunu informati bir-raġunijiet individwali u speċifiċi li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni sabiex ikunu jistgħu jinvokaw id-drittijiet tagħhom, kif l-appellant seta’ jagħmel fid-dawl tal-fatt li ppreżenta rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi għalhekk li tiġi kkonfermata ċ-ċaħda, fl-ewwel istanza, tal-motiv imsejjes fuq in-nuqqas ta’ notifika bħala infondat u titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi għas-sostituzzjoni tal-motivi, peress li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta imponiet obbligu ta’ notifika individwali fil-każ preżenti.

31.      Ir-Renju Unit iqis ukoll li la l-Artikolu 254 KE u lanqas l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007 ma jagħtu indikazzjonijiet preċiżi dwar il-modi effettivi li kellhom jintużaw sabiex id-deċiżjoni kontenzjuża tiġi nnotifikata u jsostni li notifika diretta mill-Kunsill ma hijiex l-uniku mod kif tista’ sseħħ in-notifika f’forma tajba u idonea. In-notifika tad-deċiżjoni kontenzjuża mill-Kummissjoni bankarja Franċiża kellha l-istess effetti daqslikieku l-imsemmija deċiżjoni kienet ġiet effettivament innotifikata mill-Kunsill. Il-preżentata tar-rikors għal annullament hija xhieda tal-fatt li l-appellant kien jaf dwar din id-deċiżjoni. Barra minn hekk huwa diffiċli li wieħed isostni li n-notifika hija l-unika mezz li permezz tiegħu l-appellant seta’ jsir jaf dwar id-deċiżjoni meħuda fil-konfront tiegħu inkwantu, minn naħa, it-tħassib tal-komunità internazzjonali dwar l-iżvilupp tal-programm nukleari Iranjan kien magħruf pubblikament u, min-naħa l-oħra, l-iffriżar ta’ fondi kellu effetti immedjati, tant li l-appellant ħasshom immedjatament. F’dawn il-kundizzjonijiet, għaliex huwa għal kollox sproporzjonat li tiġi annullata d-deċiżjoni kontenzjuża meta l-appellant ma sofra ebda preġudizzju minħabba n-nuqqas ta’ notifika diretta mill-Kunsill, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali għandha tiġi kkonfermata fl-appell.

3.      Evalwazzjoni

a)      Fuq l-eżistenza ta’ obbligu ta’ notifika individwali tad-deċiżjoni kontenzjuża

32.      Qabel ma twieġeb għall-aggravju mqajjem mill-appellant, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu pożizzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar jekk il-Kunsill kienx marbut jinnotifika individwalment id-deċiżjoni kontenzjuża lill-appellant u, għalhekk, dwar it-talba għas-sostituzzjoni tal-motivi mressqa mir-Repubblika Franċiża u mill-Kummissjoni.

33.      Għal dan il-għan hemm lok li jiġi enfasizzat li l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007 (14) jimponi fuq il-Kunsill l-obbligu li jagħti raġunijiet individwali u speċifiċi għad-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 15(2) tal-istess regolament – jiġifieri dawk li jistabbilixxu, jirrevedu u jemendaw il-lista tal-persuni, entitajiet u korpi li l-beni tagħhom għandhom jiġu ffriżati skont l-Artikolu 7(2) – u li jinġiebu għall-għarfien tal-imsemmija persuni, entitajiet u korpi. Wieħed jista’ jislet żewġ punti meta jaqra l-Artikolu 15(3). Minn naħa, dan l-artikolu jindika li l-atti adottati abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 jikkostitwixxu deċiżjonijiet. Min-naħa l-oħra, ma huwiex possibbli li wieħed jikkonkludi, abbażi biss tal-Artikolu 15(3), li jeżisti obbligu ċar u espliċitu li l-imsemmija deċiżjonijiet jiġu nnotifikati lill-entitajiet li l-beni tagħhom għandhom jiġu ffriżati.

34.      F’dawn il-kundizzjonijiet, huwa meħtieġ li wieħed jirrikorri għad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt primarju u li jitfakkru l-prinċipji tiegħu. Skont l-Artikolu 254(1) KE, “[i]r-regolamenti, d-direttivi u d-deċiżjonijiet li jiġu adottati skond il-proċedura li għaliha hemm riferenza fl-Artikolu 251 [KE] għandhom jiġu […] ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea”. L-Artikolu 254(2) KE jistabbilixxi li “[i]r-regolamenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni […] għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea”. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 254(3) KE jistabbilixxi, li “d-deċiżjonijiet, għandhom jiġu notifikati lil dawk li lilhom kienu indirizzat […]”. Kif jistabbilixxi t-Trattat, il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet tal-pubbliċità – il-pubblikazzjoni jew in-notifika – huma dawk tan-natura tal-att u tal-eżistenza potenzjali ta’ destinatarji.

35.      X’inhija l-pożizzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża?

36.      Id-deċiżjoni kontenzjuża hija deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 u temenda wieħed mill-annessi tiegħu. Peress li ma ġietx adottata skont l-Artikolu 251 KE, ir-regoli relatati mal-pubbliċità ta’ din id-deċiżjoni ma jistgħux jiġu ddefiniti fir-rigward tal-Artikolu 254(1) KE. Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit jekk il-Kunsill kienx obbligat jinnotifika l-imsemmija deċiżjoni lill-appellant, irid jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 254(3) KE jikkonkorrux u, b’mod partikolari, jekk l-appellant huwiex wieħed mid-destinatarji tad-deċiżjoni.

37.      Meta l-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, sejset l-eżistenza tal-obbligu tal-Kunsill li jinnotifika individwalment id-deċiżjoni kontenzjuża fuq il-fatt li din tal-aħħar kienet tikkonċerna direttament u individwalment lill-appellant (15), hija applikat il-kundizzjoni tal-interess dirett u individwali mitluba mill-Artikolu 230 KE u meħtieġa għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn individwu.

38.      Din il-konfużjoni apparenti bejn kundizzjoni għall-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament u d-determinazzjoni tad-destinatarju ta’ deċiżjoni sabiex jiġi deċiż jekk din tal-aħħar hijiex effettivament individwali, toriġina minn ambigwità fis-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (iktar ’il quddeim “is-sentenza Kadi”) (16). Fir-risposta tagħha għal ilment imsejjes fuq ksur tal-Artikolu 249 KE, li wassalha għalhekk sabiex tiddeċiedi dwar il-kwalifikazzjoni tal-att inkwistjoni f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-fatt li l-persuni u entitajiet li huma s-suġġett tal-miżuri restrittivi li r-Regolament ikkontestat jimponi huma b’mod partikolari msemmija fl-Anness I ta’ dan ir-regolament, b’tali mod li huma jidhru bħala li dan ir-regolament jirrigwardhom direttament u individwalment, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, ma jimplikax li dan l-att ma għandux applikazzjoni ġenerali skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 249 KE, u li dan ma jistax jiġi kkwalifikat bħala regolament. Fil-fatt, għalkemm huwa veru li r-Regolament ikkontestat jimponi miżuri restrittivi fuq il-persuni u fuq l-entitajiet li isimhom jidher fil-lista eżawrjenti li tikkostitwixxi l-Anness I tiegħu […] għandu jiġi kkonstatat li d-destinatarji ta’ dan ir-regolament huma ddeterminati b’mod ġenerali u astratt. Ir-Regolament ikkontestat […] jinkludi projbizzjoni, ifformulata b’mod partikolarment wiesgħa [wiesa’], li jitqegħdu fondi u riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni tal-imsemmija persuni jew entitajiet […]. [D]in il-projbizzjoni hija indirizzata lil kull minn [min] jista’ materjalment iżomm il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi inkwistjoni” (17). Minkejja dan, iktar ’il quddiem fis-sentenza, meta ġiet sabiex tiddeċiedi dwar l-allegazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret il-ġurisprudenza stabbilita tagħha relatata mal-komunikazzjoni tal-motivi ta’ deċiżjoni lid-destinatarju tagħha (18) u ddikjarat li “[l]-osservanza tal-obbligu li l-imsemmija motivi jiġu kkomunikati huwa fil-fatt neċessarju [...] sabiex jippermetti lid-destinatarji tal-miżuri restrittivi jiddefendu d-drittijiet tagħhom fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli” (19). Skont din il-ġurisprudenza, ir-regolament li jimponi miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuni, entitajiet u korpi li jissemmew b’isimhom fl-anness huwa indirizzat lil destinatarji ddeterminati b’mod ġenerali u astratt. Madankollu, dejjem skont din l-istess ġurisprudenza, huwa importanti li jkun hemm il-komunikazzjoni tal-motivi ta’ miżura restrittiva lid-destinatarju tagħha, u b’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi iktar għall-persuna milquta mill-imsemmija miżura.

39.      In-nuqqas ta’ koerenza apparenti fid-dikjarazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dak li għandu x’jaqsam mal-kwalità tad-destinatarji jista’ madankollu jingħeleb jekk wieħed jaċċetta li jqis in-natura profondament ibrida tal-atti li jadottaw miżuri restrittivi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża preżenti. F’dan ir-rigward, naqbel mad-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali li d-deċiżjoni kontenzjuża “ma għandhiex natura esklużivament ġenerali” (20).

40.      Fl-ewwel lok, trid issir distinzjoni bejn id-destinatarji tal-obbligu tal-iffriżar ta’ fondi. Dawn id-destinatarji huma effettivament iddeterminati b’mod ġenerali u astratt permezz ta’ miżuri ta’ portata ġenerali misjuba fil-kontenut stess tar-regolament. F’dan ir-rigward, l-ewwel parti tar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kadi tista’, mingħajr diffikultà, tiġi applikata b’analoġija għar-Regolament Nru 423/2007. Dan huwa, mingħajr dubju, att ta’ portata ġenerali li jindirizza ruħu b’mod ġenerali u astratt lil kull min huwa suġġett għal-liġi Komunitarja u huwa suxxettibbli li jkollu f’idejh, materjalment, il-fondi li jappartejnu lil persuna, entità jew korp imsemmija f’wieħed mill-annessi tar-regolament.

41.      Madankollu, fl-istess ħin, huwa wkoll possibbli li, meta regolamenti bħal dawn ikollhom magħhom annessi b’lista dettaljata ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi li l-beni tagħhom għandhom jiġu ffriżati, dawn il-listi għandhom jitqiesu bħala diversi deċiżjonijiet individwali li kull persuna, kull entità u kull korp imsemmija jiġu inklużi f’dawn il-listi. Għalhekk, il-persuni, l-entitajiet u l-korpi li, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, ikunu ġew miżjuda mal-lista misjuba fl-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007 huma bla dubju d-destinatarji tad-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill sabiex jiżdiedu mal-imsemmija lista, li d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha hija, barra minn hekk, ippreċiżata għal kull wieħed minnhom f’kolonna speċifika fl-anness.

42.      Adattata għas-sensittività tal-oqsma li fihom il-miżuri restrittivi huma suxxettibbli li jintervjenu, is-soluzzjoni proposta tidħol ukoll fil-linja ġurisprudenzjali storika tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi li “il-karatteristiċi essenzjali tad-deċiżjoni jirriżultaw mil-limitazzjoni tad-destinatarji li lilhom hija indirizzata, filwaqt li r-regolament, li huwa ta’ natura essenzjalment normattiva, ma huwiex applikabbli għal destinatarji limitati, identifikati jew li jistgħu jiġu identifikati, iżda għal kategoriji stabbiliti b’mod astratt u fit-totalità tagħhom” (21). Id-deċiżjonijiet ta’ inklużjoni huma mingħajr dubju limitati għall-persuni, għall-entitajiet u għall-korpi identifikati fl-anness, filwaqt li l-obbligi imposti permezz tar-regolament huma indirizzati lil destinatarji ddeterminati b’mod ġenerali u astratt. In-natura individwali ta’ dawk li nqis li huma deċiżjonijiet ta’ inklużjoni hija, fl-opinjoni tiegħi, ikkonfermata mill-fatt li l-Kunsill huwa obbligat, skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007, jindika r-raġunijiet individwali u speċifiċi għall-inklużjoni.

43.      Ir-rikonoxximent ta’ din in-natura ibrida tal-liġijiet Komunitarji li jistabbilixxu miżuri restrittivi, kemm jekk fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu kif ukoll fil-kuntest ta’ azzjoni kontra pajjiż terz, jidher, barra minn hekk, li huwa meħtieġ sabiex jiġi pprovdut minimu ta’ garanziji lill-persuni, lill-entitajiet u lill-korpi li jidhru fil-listi peress li, fil-fatt, mill-kwalifikazzjoni legali li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lid-deċiżjoni kontenzjuża jistgħu jirriżultaw numru ta’ konsegwenzi fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża (22).

44.      F’dawn il-kundizzjonijiet, anki jekk ma nqisx bħala rilevanti l-mobilizzazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-kriterju relatat mal-interess dirett u individwali tal-appellant sabiex jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjoni kontenzjuża kellhiex tiġi nnotifikata, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-konklużjoni pożittiva li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali dwar l-eżistenza ta’ obbligu ta’ notifika individwali min-naħa tal-Kunsill.

45.      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-eżistenza ta’ obbligu ta’ notifika individwali, nixtieq nagħmel żewġ rimarki ulterjuri.

46.      Fl-ewwel lok, fid-dawl tal-fatt li l-miżuri restrittivi jintervjenu f’oqsma li jippreżentaw, ġeneralment, livell għoli ta’ sensittività u jistgħu jikkonċernaw persuni, entitajiet u korpi li l-lokalizzazzjoni preċiża tagħhom mhux dejjem tkun magħrufa u lanqas iddeterminata, il-Kunsill ma għandux ikun mgħobbi b’dan l-obbligu ta’ notifika ħlief meta l-eżekuzzjoni tagħha tkun possibbli. Irid jingħad, fil-kawża preżenti, li l-indirizz postali tal-appellant kien indikat fid-deċiżjoni kontenzjuża.

47.      Fit-tieni lok, sabiex inwieġeb għall-argument imressaq mir-Repubblika Franċiża, li wieħed ma jistax iqabbel il-miżuri restrittivi adottati fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu ma’ dawk adottati fil-kuntest ta’ sistema ta’ sanzjonijiet indirizzati lejn pajjiż terz, hija l-opinjoni tiegħi li huwa biss l-obbligu ta’ notifika individwali li għandu jkun fil-mira ta’ evalwazzjoni differenti skont il-kuntest li fih il-miżura restrittiva tkun ġiet adottata. Meta l-miżuri restrittivi jittieħdu fil-kuntest ta’ sistema ta’ sanzjonijiet adottati fir-rigward ta’ pajjiż terz, dawn il-miżuri jkunu jistgħu jkunu mmirati kemm lejn il-mexxejja tal-imsemmi pajjiż kif ukoll lejn il-persuni u l-entitajiet li sostnew l-azzjoni statali. Issa, bl-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ notifika individwali fuq il-Kunsill, huma l-ewwel u qabel kollox id-drittijiet individwali tal-individwi jew tal-entitajiet koperti mill-miżuri restrittivi li wieħed għandu jfittex li jħares. Peress li din hija kwistjoni ta’ garanzija ta’ dawn id-drittijiet individwali, anki jekk hemm suspett li jsostnu politika pubblika, huwa importanti li jiġu informati dwar l-eżistenza ta’ miżuri restrittivi deċiżi mill-Unjoni fil-konfront tagħhom. Min-naħa l-oħra, dawn id-drittijiet individwali ma japplikawx fir-rigward tal-mexxejja tal-pajjiż terz, li jkunu huma stess fil-mira ta’ miżuri restrittivi, u tal-persuni li jipparteċipaw fit-teħid ta’ deċiżjonijiet jew fit-tmexxija tal-imsemmi pajjiż, u dan sa fejn dawn għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom sorsi ta’ informazzjoni uffiċjali tal-Istat tagħhom li jippermettulhom isiru jafu dwar azzjonijiet internazzjonali meħuda fil-konfront ta’ dan tal-aħħar. Fil-kawża preżenti, skont l-evalwazzjoni tal-fatti tal-Qorti Ġenerali, li mhux fil-kompitu tagħna li nirrevedu, peress li l-attivitajiet tal-Bank Melli huma ta’ natura kummerċjali (23), hemm lok li wieħed iqis li, għalkemm proprjetà tal-Istat Iranjan, il-Bank Melli ma jipparteċipax b’mod dirett fl-azzjoni pubblika mmexxija mill-Istat Iranjan u lanqas ma għandu poter li jiddeċiedi fir-rigward tagħha, iżda sempliċement isostniha. Jidhirli għalhekk li l-Kunsill kellu jinnotifikah bid-deċiżjoni kontenzjuża.

48.      Nissuġġerixxi għalhekk li t-talba għas-sostituzzjoni tal-motivi mressqa mir-Repubblika Franċiża u mill-Kummissjoni ma tintlaqax.

b)      Fuq il-konsegwenzi tal-ksur tal-obbligu ta’ notifika

49.      Ma hemmx dubju li, li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tieħu pożizzjoni dwar il-kwistjoni ta’ liema huma l-konsegwenzi legali marbuta ma’ irregolarità fil-proċedura ta’ notifika, hija jkollha tikkonferma, a priori, li d-deċiżjoni kontenzjuża kellha effettivament il-karatteristiċi ta’ att li kellu jiġi nnotifikat mill-Kunsill. Għall-finijiet tar-raġunament segwenti, ser nitlaq għalhekk mill-prinċipju li l-Bank Melli huwa effettivament id-destinatarju ta’ att li għandu natura individwali, li madankollu ma ġiex innotifikat lilu individwalment mill-istituzzjoni awtriċi tal-att.

50.      Ma hemmx dubju li l-pubbliċità tal-atti Komunitarji – u b’pubbliċità irrid infisser kemm il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll in-notifika individwali – hija prinċipju fundamentali, stabbilit għal żmien twil fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi li dan il-prinċipju “jitlob li att li joħroġ mill-poteri pubbliċi ma għandux jiġi applikat kontra dawk ikkonċernati qabel ma dawn ikollhom il-possibbiltà li jieħdu konjizzjoni tiegħu” (24). Għalhekk, ir-raġuni għall-pubblikazzjoni jew għan-notifika, skont il-każ, hija sabiex tippermetti lill-persuna kkonċernata tieħu konjizzjoni tal-att inkwistjoni, tevalwa jekk il-motivazzjoni tiegħu hijiex fondata u eventwalment tikkontesta l-legalità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni.

51.      In-notifika – peress li dan huwa dak li jikkonċernana hawnhekk – hija għalhekk stadju li bħala prinċipju jiġi immedjatament wara l-adozzjoni tal-att: l-att ikun ġie adottat skont proċedura stabbilita, il-kontenut tiegħu huwa ddefinit, iżda jkun jonqos li jinġieb għall-konjizzjoni tad-destinatarju tiegħu.

52.      Skont waħda mit-tendenzi ġurisprudenzjali u iktar preċiżament fis-sentenza Geigy vs Il-Kummissjoni (25), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li “l-irregolaritajiet fil-proċedura tan-notifika ta’ deċiżjoni huma estranji għall-att u ma jistgħux għalhekk jivvizjawh; […] f’ċerti ċirkustanzi, dawn l-irregolaritajiet jistgħu jimpedixxu t-terminu tar-rikors milli jibda jiddekorri” (26). Madankollu, f’dik l-istess kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li kien “paċifiku li r-rikorrenti [kellha] għarfien totali tat-test tad-deċiżjoni u li [kienet] għamlet użu, qabel l-iskadenza tat-termini, mid-dritt tagħha ta’ rikors; […] f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni tal-irregolaritajiet potenzjali fin-notifika jitlifu kull interess” (27). Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li dan il-motiv kellu jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta’ interess (28). Il-Qorti tal-Ġustizzja adottat l-istess raġunament fis-sentenza ICI vs Il-Kummissjoni mogħtija fl-istess ġurnata (29). Minn din il-ġurisprudenza wieħed jista’ jislet żewġ punti. Minn naħa, is-sanzjoni potenzjali tan-nuqqas ta’ notifika ma tiġix iddikjarata fir-rigward tan-nullità tal-att iżda fir-rigward tal-infurzabbiltà tat-terminu għall-preżentata tar-rikors, u dan iwassalni sabiex nemmen li l-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ma kinitx qed tikkunsidra n-notifika bħala forma proċedurali sostanzjali fis-sens tat-Trattat. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li aċċettat li tmur lil hinn mill-kunċett wisq formalistiku tal-obbligu ta’ notifika, kienet qed teżamina sa fejn in-nuqqas ta’ notifika kien ikkawża preġudizzju lid-destinatarju tal-att u b’mod partikolari l-kwistjoni jekk id-destinatarju setax jippreżenta rikors qabel l-iskadenza tat-termini (30).

53.      Skont tendenza oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li bidlet l-orjentament tal-ġurisprudenza tagħha fis-sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni (31). Fit-tweġiba tagħha għal ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ effett ta’ att li ma jkunx ġie nnotifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “allegat nuqqas ta’ notifika […] ma jistax ikollu bħala konsegwenza ħlief id-dikjarazzjoni tal-ineżistenza [tal-att] jew l-annullament tiegħu. […] Fil-fatt, għal dak li għandu x’jaqsam man-notifika tal-att, bħal kull forma proċedurali sostanzjali oħra, l-irregolarità tkun tant serja u evidenti li ġġib magħha l-ineżistenza tal-att ikkontestat, jew inkella tikkostitwixxi ksur tal-forom proċedurali sostanzjali li jista’ jikkawża l-annullament tiegħu” (32). Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis hawnhekk li n-notifika hija forma proċedurali sostanzjali u li, għaldaqstant, is-sanzjoni għan-nuqqas tal-osservanza tagħha hija n-nullità tal-att. Imbagħad, fis-sentenza Spanja vs Il-Kunsill (33), il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li għamlet riferiment għas-sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni, ikkonfermat li l-preokkupazzjoni tat-trasparenza “tispjega li s-sempliċi nuqqas ta’ notifika jista’, f’ċerti każijiet, jiġġustifika l-annullament ta’ att tal-istituzzjonijiet Komunitarji” (34). Hija għalhekk illimitat is-soluzzjoni Hoechst għal “ċerti każijiet”, mingħajr iżda ma ddeterminathom.

54.      Dan premess, is-sempliċi fatt li din it-tieni linja ġurisprudenzjali hija posterjuri għall-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Geigy vs Il-Kummissjoni u ICI vs Il-Kummissjoni (35), ma jidhirlix li jista’ jiġġustifika, fih innifsu, li għandha tkun biss din l-orjentazzjoni li tiġi segwita fil-kawża preżenti. Għall-kuntrarju, dan l-appell għandu jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrevedi l-pożizzjoni tagħha u terġa’ tagħti ħajja lil-linja ġurispudenzjali l-iktar antika.

55.      Fil-fatt ma jienx konvint li n-notifika taqa’ fl-ambitu tal-forom proċedurali sostanzjali ta’ att. Skont l-iktar ġurisprudenza klassika tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-kunċett, il-forom proċedurali sostanzjali, skont it-Trattat, huma forom proċedurali “li jimponi t-Trattat sabiex jiġu elaborati d-deċiżjonijiet ikkontestati [… ;] stabbiliti sabiex jiżguraw li l-miżuri ppjanati jkollhom il-garanziji kollha ta’ prekawzjoni u ta’ prudenza, dawn il-forom proċedurali jistgħu jitqiesu bħala sostanzjali” (36). Dan japplika, b’mod partikolari, għall-proċeduri tal-votazzjoni tal-istituzzjonijiet (37), għall-obbligu ta’ konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew matul il-proċedura (38), għall-awtentikazzjoni tal-atti (39) kif ukoll għall-obbligu ta’ motivazzjoni (40). B’mod ġenerali, għalhekk, jaqgħu fl-ambitu tal-forom proċedurali sostanzjali l-kundizzjonijiet li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jista’ jkollu impatt fuq il-kontenut stess tal-att, għalkemm ikomplu jaqgħu fl-ambitu tal-legalità esterna tiegħu. Fl-opinjoni tiegħi, in-nuqqas ta’ notifika ma għandux dan l-impatt fuq il-kontenut tal-att iżda għandu biss l-effett li jċaħħad lid-destinatarju tiegħu mill-informazzjoni li ġiet adottata deċiżjoni minn istituzzjoni Komunitarja fir-rigward tiegħu.

56.      Irrid ninftiehem tajjeb u għal dan il-għan nippreċiża li ma huwiex il-każ hawnhekk li wieħed jerġa’ jqajjem il-kwistjoni tal-importanza, għad-destinatarji tagħhom, tar-regoli relatati man-notifika li japplikaw għal kull att ta’ natura individwali adottat mill-Unjoni. Dan premess, huwa daqstant ieħor importanti wkoll li wieħed jikkonċedilhom kwalifikazzjoni legli adegwata. Barra minn hekk, għalkemm in-notifika ma hijiex forma proċedurali sostanzjali, dan ma jfissirx li l-ksur tal-obbligu ta’ notifika ma jkunx issanzjonat. Madankollu, dan ma huwiex nuqqas li jolqot il-legalità stess tal-att, iżda biss l-infurzabbiltà tiegħu.

57.      F’dan ir-rigward, irrid ngħid li l-Artikolu 254(3) KE jistabbilixxi li d-deċiżjonijiet li jkunu nnotifikati lid-destinatarji tagħhom jidħlu fis-seħħ permezz ta’ din in-notifika. Madankollu, peress li ma għadx hemm il-ħtieġa li wieħed jipprova n-natura profondament ibrida tal-miżuri restrittivi (41), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Kadi, li “tali miżuri għandhom, minn natura tagħhom stess, jibbenefikaw minn effett ta’ sorpriża u […] japplikaw b’effett immedjat” (42). Għalhekk, li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tistabbilixxi li l-Kunsill kellu l-obbligu li jinnotifika d-deċiżjoni kontenzjuża lill-appelant, is-sanzjoni tal-ksur tal-obbligu ta’ notifika ma tkunx tista’ tintervjeni fil-livell tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, ikun kontra l-prinċipji l-iktar elementari tal-ordinament ġuridiku Komunitrju li wieħed jiċħad rikors għal annullament ippreżentat wara li jkun skada t-terminu minn persuna jew entità li tkun fil-mira ta’ deċiżjoni għall-iffriżar ta’ fondi li, minkejja n-nuqqas ta’ notifika, tkun bdiet tipproduċi l-effetti tagħha.

58.      Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa r-raġunament li l-Qorti tal-Ġustizzja applikat fil-linja ġurisprudenzjali tagħha Geigy vs Il-Kummissjoni u ICI vs Il-Kummissjoni (43) li jidhirli li huwa l-iktar idoneu inkwantu jippermetti li jinżamm bilanċ, li huwa diffiċli ħafna li wieħed isib, bejn ir-rekwiżit tal-effikaċja tal-miżuri restrittivi u d-dritt tal-persuni koperti minnhom li jiġu informati fil-ħin dwar l-eżistenza tagħhom. Jekk wieħed isegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikun barra minn hekk possibbli li l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ notifika tiġi adattata għaċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ preżenti (44).

59.      Fil-linja stretta segwita fis-sentenzi Geigy vs Il-Kummissjoni u ICI vs Il-Kummissjoni (45), il-Qorti Ġenerali għalhekk setgħet ġustament tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni pprovduta lill-fergħa Pariġina tal-Bank Melli mill-Kummissjoni bankarja Franċiża sabiex tiddetermina jekk l-appellant kienx, minkejja n-nuqqas ta’ notifika individwali mill-Kunsill, tpoġġa f’pożizzjoni li jieħu konjizzjoni, fi żmien utli, tad-deċiżjoni kontenzjuża sabiex ikun jista’ jippreżenta rikors qabel l-iskadenza tat-termini. F’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, il-Qorti Ġenerali setgħet ukoll tiddeċiedi, ġustament, li l-fatt li l-Kunsill ma nnotifikax individwalment lill-appellant bid-deċiżjoni kontenzjuża ma kellux il-konsegwenza li jċaħħdu mill-possibbiltà li jsir jaf, fi żmien utli, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u li jevalwa jekk din kinitx fondata jew le u li, għalhekk, l-ommissjoni tal-Kunsill ma kinitx tiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

60.      L-ewwel aggravju prinċipali għandu għalhekk jiġi miċħud bħala infondat.

B –    Fuq it-tieni aggravju prinċipali, imsejjes fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-bażijiet legali tar-Regolament Nru 423/2007

1.      Is-sentenza appellata

61.      Fil-punti 44 et seq tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset l-ewwel nett li, għal dak li għandu x’jaqsam mal-kwistjoni tal-bażi legali, u kuntrarjament għalhekk għal dak pretiż mill-appellant, is-sentenza Kadi (46) setgħet utilment tiġi invokata inkwantu l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ippreċiżat, f’dik is-sentenza, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 60 KE u 301 KE (47). Hija fakkret sussegwentement li dawn l-artikoli kienu jikkostitwixxu pont bejn l-azzjonijiet Komunitarji li kienu jinkludu miżuri ekonomiċi u l-għanijiet tat-Trattat UE fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni. L-imsemmija artikoli kienu jipprevedu preċiżament l-ipoteżi fejn tkun meħtieġa azzjoni Komunitarja sabiex jiġi sodisfatt wieħed mill-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 2 TUE. Madankollu, il-Komunità u l-Unjoni – dak iż-żmien – kienu jifformaw żewġ ordinamenti ġuridiċi integrati iżda distinti tant li, meta azzjoni kienet tkun inbdiet fi ħdan il-Komunità bl-għan li timplementa wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni, il-legalità tal-atti Komunitarji kienet tiġi evalwata fir-rigward tal-kundizzjonijiet li jappartjenu lill-ewwel pilastru, anki għal dak li għandu x’jaqsam mar-regoli tal-votazzjoni. Peress li taqa’ taħt it-tieni pilastru, il-Pożizzjoni Komuni 2007/140 ma kinitx tikkostitwixxi bażi legali għar-regolament Komunitarju u, għalhekk, ir-regola ta’ votazzjoni applikabbli għall-adozzjoni tal-pożizzjoni komuni ma kinitx applikabbli għar-Regolament Nru 423/2007. L-eżistenza ta’ pożizzjoni komuni mhix għajr kundizzjoni imposta mill-Artikolu 301 KE, li jiddefinixxi huwa stess ir-regola ta’ votazzjoni applikabbli. Konsegwentement, l-imsemmi regolament u d-deċiżjoni kontenzjuża setgħu jiġu adottati b’maġġoranza kkwalifikata skont l-Artikolu 301 KE, peress li l-adozzjoni tar-regolament kienet ippreċeduta mill-adozzjoni unanima tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140 u peress li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ippreċeduta mill-adozzjoni b’mod unanimu tal-Pożizzjoni Komuni 2008/479. Għalhekk il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 301 KE ġew sodisfatti.

62.      It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, kuntrarjament għal dak li kien qiegħed isostni l-appellant, l-Artikoli 60 KE u 301 KE ma kinux jippermettu li jiġi deċiż li l-kompetenza hekk konċessa lill-Komunità kellha tkun limitata għall-implementazzjoni tal-miżuri deċiżi mill-Kunsill tas-Sigurtà u li l-Kunsill għaldaqstant kien kompetenti sabiex jadotta, abbażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE biss, l-Artikoli 7(2) u 15(2) tar-Regolament Nru 423/2007, li abbażi tagħhom ġiet adottata d-deċiżjoni kontenzjuża.

2.      L-argumenti tal-partijiet

63.      L-appellant jilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li r-regolament u, b’mod inċidentali, id-deċiżjoni kontenzjuża, setgħu jiġu adottati b’maġġoranza kkwalifikata abbażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE biss. Minn naħa, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija artikoli huwa limitat għall-implementazzjoni ta’ miżuri fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, filwaqt li r-regolament jistabbilixxi miżuri restrittivi adottati fir-rigward ta’ persuni u entitajiet magħrufa li huma impenjati fi, assoċjati direttament ma’, jew li jipprovdu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari fl-Iran. Il-kriterju applikat, għalhekk, ma huwiex dak ta’ kontroll minn Stat terz jew ta’ assoċjazzjoni mal-mexxejja tiegħu, iżda tal-impenn, tal-assoċjazzjoni diretta jew tal-provvediment ta’ appoġġ, lill-attivitajiet marbuta mal-proliferazzjoni nukleari. Għaldaqstant, l-Artikolu 308 KE (48) kellu wkoll jissemma bħala bażi legali tar-Regolament Nru 423/2007. Min-naħa l-oħra, u fuq kollox, l-appellant iqis li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat li l-Pożizzjoni Komuni 2007/140 ma kinitx tikkostitwixxi bażi legali rilevanti għall-imsemmi regolament, meta l-Kunsill, bl-adozzjoni b’maġġoranza kkwalifikata tar-Regolament Nru 423/2007 u tad-deċiżjonijiet li kellhom l-għan jimplementawh, aġixxa b’użu ħażin ta’ poter li ppermettielu jadotta d-deċiżjoni kontenzjuża, mogħnija b’effett dirett, meta dan it-tip ta’ strument ma jeżistix fil-kuntest tal-politika esterna u tas-sigurtà komuni. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali għamlet distinzjoni li ma tirriżultax mit-Trattat, billi ddikjarat li l-Pożizzjoni Komuni 2007/140 ma tikkostitwixxix bażi legali għar-regolament, iżda biss kundizzjoni imposta mill-Artikolu 301 KE.

64.      Il-Kunsill, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni qed jitolbu li dan l-aggravju jiġi miċħud. Skont id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kadi (49), il-Qorti Ġenerali għamlet evalwazzjoni korretta tal-bażi legali tar-regolament meta qieset l-Artikoli 60 KE u 301 KE bħala suffiċjenti minħabba li l-miżuri restrittivi adottati għandhom l-Iran fil-mira tagħhom. Barra minn hekk, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali għandu jkun eżentat minn kull kritika għal dak li għandu x’jaqsam mal-esklużjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140 mill-bażi legali.

3.      Evalwazzjoni

65.      Preliminarjament, irid jingħad li l-Kunsill iqis li l-argument relatat mal-Artikolu 308 KE ma tqajjimx quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, issostni li, fl-ipoteżi li parti minn dan l-aggravju tiġi interpretata fis-sens li l-appellant jikkontesta li huwa entità marbuta mal-mexxejja Iranjani jew li huwa direttament jew indirettament ikkontrollat minn dawn tal-aħħar, din il-parti tkun inammissibbli peress li dan il-punt ma ġiex ikkontestat fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

66.      Huwa ċertament minnu li r-rikors promotur ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali ma jagħmel ebda riferiment għall-ħtieġa li r-Regolament Nru 423/2007 jiġi fondat fuq l-Artikolu 308 KE. L-appellant lanqas ma kkontesta b’mod espliċitu, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-fatt li s-sistema tal-miżuri restrittivi implementata mill-imsemmi regolament kienet tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 301 KE minħabba l-fatt li l-miżuri ma humiex eżattament diretti kontra pajjiż terz. Dan premess, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, li “l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 301 KE ġew osservati” u li, barra minn hekk, ma hemmx dubju li l-appellant qajjem, quddiem il-Qorti Ġenerali, motiv li kellu l-għan jikkontesta s-suffiċjenza tal-bażi legali tar-Regolament Nru 423/2007. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-argument imsejjes fuq l-Artikolu 308 KE kif ukoll dak, strettament marbut miegħu, imsejjes fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, jidhru li jistgħu jitqiesu bħala żvilupp leċitu tal-motiv imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali. Għalhekk ma hemm ebda problema serja ta’ ammissibbiltà.

67.      Bħala introduzzjoni għall-eżami fil-mertu tal-aggravju preżenti, irrid nenfasizza li l-analiżi relatata mal-bażi legali bilfors ser twassal sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-kwistjoni ta’ jekk miżuri restrittivi adottati fir-rigward ta’ pajjiż terz u li l-għan tagħhom huwa, skont it-Trattat, li jnaqqsu r-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ dan il-pajjiż (50), jistgħux ukoll ikunu mmirati lejn persuni u entitajiet li, bħala tali, la jmexxu dak il-pajjiż u lanqas ma huma bilfors organu tal-imsemmi pajjiż terz, iżda li huma ssuspettati li jsostnu jew jappoġġaw politika Statali li kontriha l-Unjoni tipprova tissielet. Din il-kwistjoni trid tiġi evalwata b’mod awtonomu fir-rigward tal-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-obbligu ta’ notifika fil-konfront tal-appellant. B’differenza minn din l-aħħar kwistjoni, fil-fatt, il-punt ma huwiex li jiġi żgurat li d-drittijiet individwali huma ggarantiti suffiċjentement. Għall-kuntrarju, il-kwistjoni hija waħda tad-determinazzjoni tal-kompetenza tal-Kunsill sabiex jadotta miżuri bħal dawn abbażi tad-dispożizzjonijiet invokati tat-Trattat. Irrid ngħid li l-kamp ta’ applikazzjoni li jinfetaħ meta wieħed jikkunsidra flimkien l-Artikoli 60 KE u 301 KE għandu jiġi evalwat abbażi ta’ kriterji differenti u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-għanijiet li trid tilħaq il-politika ta’ sigurtà mmexxija mill-Unjoni, li testendi għall-Komunità. Għalhekk, f’dan il-kuntest, ikun wisq limitat jekk wieħed jadotta idea strettament formali tal-kunċett ta’ “pajjiż terz”. F’dawn il-kundizzjonijet, u fil-linja ġurisprudenzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja li ser ninvoka meta jkun il-waqt, nissuġġerixxi li wieħed imur lil hinn mill-kunċett formali ta’ pajjiż terz u li jiġi adottat approċċ iktar sostanzjali, li jippermetti għalhekk li tiġi mħarsa l-effikaċja tal-miżuri restrittivi, filwaqt li jitqies il-fatt li l-politiki pubbliċi huma, ċertament u dejjem iktar, appoġġati mill-azzjoni u mis-sostenn ta’ persuni u ta’ entitajiet li għandhom personalità distinta minn dik tal-Istat innifsu, iżda li għandhom rabta suffiċjenti fir-rigward tal-Istat u tal-politiki pubbliċi li jmexxi sabiex ikunu jistgħu jkunu fil-mira tal-miżuri restrittivi li jikkonċernaw, fil-fatt, il-pajjiż terz innifsu. Għalhekk jidhirli li huwa għal kollox permissibbli li wieħed iqis li l-appellant għandu r-rabta meħtieġa mar-Repubblika Iżlamika tal-Iran u mal-politika tiegħu ta’ proliferazzjoni nukleari sabiex ikun fil-mira ta’ miżuri adottati unikament abbażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, filwaqt li jiġi rrikonoxxut li din ir-rabta ma hijiex madankollu suffiċjenti sabiex teżenta lill-Kunsill mill-obbligu tiegħu ta’ notifika individwali fir-rigward tal-appellant.

68.      Issa li dan il-punt ġie ppreċiżat, ngħaddu għall-analiżi tal-fondatezza ta’ dan l-aggravju, li titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu pożizzjoni fuq żewġ serje ta’ kwistjonijiet. Minn naħa, irid jiġi ddeterminat jekk il-Qorti Ġenerali kinitx korretta meta ddeċidiet li l-Pożizzjoni Komuni 2007/140 ma kinitx tikkostitwixxi waħda mill-bażijiet legali tar-Regolament Nru 423/2007. Min-naħa l-oħra, irid jiġi eżaminat jekk l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 60 KE u 301 KE hijiex korretta.

69.      Skont l-Artikolu 301 KE, huwa previst li “[m]eta jkun hemm, f’pożizzjoni komuni jew azzjoni konġunta adottata skond il-provvedimenti tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jirrigwardaw il-politika komuni barranija u ta’ sigurtà, provvedimenti għal xi azzjoni mill-Komunità biex tinterrompi jew tnaqqas, parzjalment jew kompletament, ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ xi pajjiż terz wieħed jew iktar, il-Kunsill għandu jieħu l-miżuri urġenti neċessarji. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni.” Mill-ewwel jirriżulta mill-mod ta’ kif huwa redatt l-Artikolu 301 KE li l-eżistenza ta’ miżura adottata abbażi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea hija prerekwiżit għal azzjoni Komunitarja. Fi kliem ieħor, l-azzjoni Komunitarja ma hijiex possibbli ħlief jekk tkun adottata minn qabel pożizzjoni komuni jew azzjoni konġunta li tipprevedi li hija meħtieġa azzjoni Komunitarja sabiex jintlaħaq l-għan segwit. F’dan ir-rigward irrid ngħid li l-Pożizzjoni Komuni 2007/140 tipprevedi li azzjoni Komunitarja hija meħtieġa sabiex jiġu implementati ċerti miżuri (51). Għalhekk, il-Kunsill kien effettivament awtorizzat jadotta miżuri, għal dak li għandu x’jaqsam mal-Komunità, abbażi tal-Artikolu 301 KE, li jistabbilixxi b’mod espliċitu li r-regola ta’ votazzjoni applikabbli f’ipoteżi bħal din ­– jiġifieri wara li pożizzjoni komuni li tipprevedi l-azzjoni Komunitarja tkun ġiet adottata – hija l-maġġoranza kkwalifikata.

70.      Dan huwa, barra minn hekk, ikkonfermat mill-mod ta’ kif huwa redatt l-Artikolu 60 KE, li l-paragrafu 1 tiegħu jistabbilixxi li “[j]ekk, fil-każijiet kontemplati fl-Artikolu 301, azzjoni mill-Komunità tiġi kkunsidrata meħtieġa, il-Kunsill jista’ skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 301, jieħu l-miżuri urġenti u neċessarji dwar il-moviment tal-kapital u dwar il-pagamenti għar-rigward tal-pajjiżi terzi in kwistjoni”. Miżura għall-iffriżar ta’ fondi meħuda fir-rigward ta’ pajjiż terz li tkun sussegwenti għal pożizzjoni komuni għandha, għalhekk, fir-rigward tad-dritt primarju applikabbli, tiġi adottata b’maġġoranza kkwalifikata. Barra minn hekk, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 423/2007 jipprevedi li l-Kunsill għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jemenda l-Anness V b’maġġoranza kkwalifikata, b’konformità mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill relatati mal-Anness II tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140. Minn din il-perspettiva, anki hawnhekk l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża hija għal kollox regolari: il-Pożizzjoni Komuni 2008/479, fil-fatt, emendat l-Anness II tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140, billi inkludiet b’mod partikolari lill-appellant fil-lista tal-entitajiet li l-beni tagħhom għandhom jiġu ffriżati. Simultanjament, il-Kunsill adotta, b’maġġoranza kkwalifikata, u kif jawtorizzah jagħmel ir-Regolament Nru 423/2007, id-deċiżjoni kontenzjuża. Ikun kompletament kontradittorju, fid-dawl tal-mod ta’ kif huwa redatt l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 423/2007 evokat, li r-riferiment għall-Pożizzjoni Komuni 2007/140, misjub fl-imsemmi artikolu, jiġi interpretat bħala regola ta’ votazzjoni.

71.      F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali għal dak li għandu x’jaqsam mar-regola ta’ votazzjoni applikabbli u man-nuqqas ta’ rilevanza tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140 fir-rigward tad-determinazzjoni tal-bażi legali li hija idonea għar-Regolament Nru 423/2007, huwa għal kollox korrett.

72.      Għal dak li għandu x’jaqsam mal-argument li l-miżuri previsti mir-Regolament Nru 423/2007 ma setgħux jissejsu unikament fuq l-Artikoli 60 KE u 301 KE inkwantu ma humiex immirati kontra pajjiż terz, il-Qorti Ġenerali ġustament fakkret li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Kadi (52), li, “fid-dawl tal-kliem tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, b’mod partikolari tal-kliem ‘għar-rigward tal-pajjiżi terzi inkwistjoni’ u ‘ma’ xi pajjiż terz wieħed jew iktar’ li jinsabu fihom, dawn id-dispożizzjonijiet ikopru l-adozzjoni ta’ miżuri kontra pajjiżi terzi, peress li dan l-aħħar kunċett jista’ jinkludi l-mexxejja ta’ tali pajjiż kif ukoll individwi u entitajiet li huma assoċjati ma’ dawn il-mexxejja jew ikkontrollati direttament jew indirettament minnhom” (53). Irid jingħad li l-inklużjoni tal-appellant fil-lista tal-entitajiet li l-beni tagħhom għandhom jiġu ffriżati saret abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007, li ma jagħmel ebda riferiment espliċitu għar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

73.      Dan premess, jidhirli li joħroġ ċar mir-ratio legis tal-imsemmi regolament li l-attenzjoni tal-Komunità hija ffokata fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, u dan jirriżulta mit-titolu stess tar-regolament. L-Artikolu 7(2) ma jistax jinfired mill-kuntest tiegħu iżda għandu, għall-kuntrarju, jinqara fid-dawl tad-dispożizzjonijiet l-oħra tar-regolament kif ukoll tal-premessi tiegħu. Mingħajr ma nipprova nkun eżawrjenti, ngħid li l-premessa 1 tar-Regolament Nru 423/2007 tirreferi għall-fatt li l-Kunsill tas-Sigurtà ddeċieda li “l-Iran għandu mingħajr aktar dewmien jissospendi l-attivitajiet kollha relatati” mal-proliferazzjoni nukleari u li l-komunità internazzjonali kellha tkun żgura mill-“iskop esklussivament paċifiku tal-programm nukleari ta’ l-Iran”. Il-premessa 2 tirreferi, fost oħrajn, għall-azzjoni meħuda mill-Unjoni li tipprevedi “ċerti miżuri restrittivi kontra l-Iran” u għall-ħtieġa ta’ “restrizzjonijiet fuq esportazzjonijiet u importazzjonijiet ta’ oġġetti u teknoloġiji li jistgħu jikkontribwixxu għall-attivitajiet ta’ l-Iran relatati ma’ l-arrikkiment, l-ipproċessar mill-ġdid, jew relatati ma’ l-ilma tqil, jew għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ konsenja ta’ armi nukleari”. Din l-istess premessa tistabbilixxi li huwa meħtieġ li jiġu ffriżati l-fondi “ta’ persuni, entitajiet u korpi involuti fi, assoċjati direttament ma’ jew li jipprovdu appoġġ għal tali attivitajiet jew żvilupp”. Minn dan jirriżulta li l-miżuri restrittivi huma maħsuba sabiex jissieltu kontra l-iżvilupp ta’ politika li hija prinċipalment irjali. L-attività tal-proliferazzjoni nukleari hija kkunsidrata mil-leġiżlatur Komunitarju bħala attività li hija deċiża u mmexxija mir-reġim Iranjan, b’tali mod li l-entitajiet li jappoġġaw l-implementazzjoni tagħha ma jipparteċipawx f’xi kwalunkwe azzjoni li tista’ tiġi sseparata mill-volontà tat-tmexxija iżda, għall-kuntrarju, jikkontribwixxu fit-twettiq tal-pjan statali.

74.      F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni hija għal kollox differenti mill-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha fil-kawża Kadi. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li kellha quddiemha “miżuri kkaraterizzati minn nuqqas ta’ kull konnessjoni mar-reġim mexxej ta’ pajjiż terz” minħabba l-fatt li l-imsemmija miżuri kienu indirizzati direttament kontra Oussama ben Laden, in-netwerk Al-Qaida u l-persuni u entitajiet assoċjati miegħu (54). Madankollu, hija kienet ċaħdet it-teżi li “jkun biżżejjed li l-miżuri restrittivi inkwistjoni jikkonċernaw persuni jew entitajiet li jinsabu f’pajjiż terz jew li huma assoċjati miegħu b’mod ieħor ” (55) sabiex dawn il-miżuri jkunu msejsa esklużivament fuq l-Artikoli 60 KE u 301 KE, għaliex dan jattribwixxi “portata eċċessivament wiesgħa lil dawn id-dispożizzjonijiet u ma tkun bl-ebda mod qed tittieħed inkunsiderazzjoni tal-ħtieġa, li tirriżulta mill-kliem stess tagħhom, li l-miżuri deċiżi fuq il-bażi tal-imsemmija dispożizzjonijet għandhom jittieħdu kontra pajjiż terz” (56).

75.      Irid jingħad li skont ir-Regolament Nru 423/2007, ma hijiex l-attività ġenerali tal-proliferazzjoni nukleari li hija kkumbattuta iżda r-riskji partikolari għall-programm Iranjan tal-iżvilupp nukleari. Ir-rabta bejn l-attività kkonċernata u l-Istat Iranjan jidhirli li hija evidenti mill-qari tar-regolament. Jibqa’ għalhekk li jiġi vverifikat jekk l-appellant innifsu huwiex effettivament u suffiċjentement marbut mal-Istat Iranjan u mal-politika ta’ proliferazzjoni nukleari li jmexxi dan l-Istat sabiex ikun jista’ jkun fil-mira tad-deċiżjoni kontenzjuża. 

76.      Dwar il-kwistjoni jekk l-appellant huwiex marbut mal-Istat Iranjan, huwa biżżejjed jekk wieħed ifakkar id-dikjarazzjoni, mhux ikkontestata, magħmula fil-punt 1 tas-sentenza appellata, li l-appellant huwa “bank kummerċjali Iranjan proprjetà tal-Istat Iranjan” li jista’ jkun appoġġ essenzjali għall-finanzjament tal-programm nukleari Iranjan. Dwar il-punt 2, irid jingħad li l-appellant ma ressaq ebda motiv ammissibbli quddiem il-Qorti Ġenerali bl-għan li jikkontesta l-konstatazzjoni tal-Kunsill li huwa jservi ta’ sostenn finanzjarju għall-proliferazzjoni nukleari tal-Istat Iranjan (57).

77.      F’dawn il-kundizzjonijet, l-iffriżar tal-fondi tal-appellant jista’ għalhekk, jiġi deċiż, b’mod leġittimu, abbażi ta’ regolament li jkollu bħala bażi legali l-Artikoli 60 KE u 301 KE biss. Ir-riferiment għall-Artikolu 308 KE ma kienx meħtieġa għal dak li għandu x’jaqsam mal-inklużjoni tal-appellant fl-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007, peress li l-miżura restrittiva meħuda fil-konfront tiegħu kellha effettivament fil-mira tagħha, u dan skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward, entità assoċjata mal-mexxejja Iranjani jew ikkontrollata minnhom fil-kuntest ta’ sistema ġenerali ta’ sanzjonijiet adottati kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran bl-għan li jwaqqfu, jew għall-inqas li jissottomettu għall-kontroll tal-komunità internazzjonali, l-iżviluppi tal-programm nukleari Iranjan.

78.      B’hekk, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar il-bażi legali tar-Regolament Nru 423/2007 għandu jkun eżentat minn kull kritika. It-tieni aggravju prinċipali għandu għalhekk jiġi miċħud bħala infondat.

C –    Fuq it-tielet aggravju prinċipali, imsejjes fuq żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

1.      Is-sentenza appellata

79.      Mill-punti 79 sa 85 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset il-motivazzjoni pprovduta fid-deċiżjoni kontenzjuża bħala suffiċjenti fid-dawl tat-titolu tagħha, tal-kontenut tal-premessa 2 tagħha u tal-espożizzjoni tal-motivi misjuba fil-punt 4 tat-Tabella B tal-imsemmija deċiżjoni.

80.      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza tagħha fil-qasam tad-drittijiet tad-difiża, żviluppata fil-kuntest ta’ rikorsi relatati ma’ miżuri restrittivi adottati fil-kamp tat-terroriżmu. Għalkemm id-dritt għal smigħ huwa bħala prinċipju ggarantit, minn qabel, lil kull persuna li tista’ tkun fil-mira ta’ att li jikkawża preġudizzju, l-effett ta’ sorpriża li għandu jintrabat mal-implementazzjoni ta’ miżuri restrittivi jista’ jipprevalixxi fuq ir-rekwiżit tal-komunikazzjoni minn qabel tal-elementi inkriminanti u fuq id-dritt għal smigħ matul il-proċedura tal-adozzjoni tal-att inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet ukoll li, fil-kawża preżenti, kienet ġiet ikkomunikata informazzjoni preċiża lill-appellant fil-mument tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, b’tali mod li kien tpoġġa f’pożizzjoni li jifhem ir-raġunijiet li wasslu lill-Kunsill sabiex iqis li l-Artikolu 7(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 423/2007 kien applikabbli fil-konfront tiegħu.

81.      Fil-punti 97 et seq tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, kuntrarjament għal dak pretiż mill-appellant, li l-Kunsill ma kienx marbut jikkomunika spontanjament il-fajl lill-Bank Melli meta dan ma kienx staqsa għalih.

82.      Fl-aħħar nett, mill-punti 105 sa 107 jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma kienx ġie miksur. Wara li fakkret l-importanza ta’ dan il-prinċipju fl-ordinament ġuridiku Komunitraju, il-Qorti Ġenerali qieset li l-effikaċja tal-istħarriġ ġudizzjarju ma kinitx tpoġġiet fil-periklu minħabba n-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ provi mill-Kunsill. Fil-fatt, din il-produzzjoni ma kinitx meħtieġa, minn naħa, minħabba l-fatt li l-appellant ma qajjem ebda motiv ammissibbli li jikkontesta l-konstatazzjoni tal-Kunsill li l-appellant huwa impenjat fi, assoċjat direttament ma’ jew jipprovdi appoġġ lill-attivitajiet nukleari tal-Iran b’riskju ta’ proliferazzjoni, jew lill-iżvilupp, minn dan l-Istat, ta’ sistemi ta’ konsenja ta’ armi nukleari u, min-naħa l-oħra, minħabba il-fatt li l-Qorti Ġenerali qieset li kienu sarulha l-kjarifiki kollha meħtieġa sabiex teżerċita l-istħarriġ sħiħ tagħha.

2.      L-argumenti tal-partijiet

83.      L-appellant jilmenta li l-Qorti Ġenerali tat interpretazzjoni li kienet wisq restrittiva tal-kunċetti tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (58) jirriżulta li d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata għandhom jiġu rrispettati sa mill-istadju tal-proċedura amministrattiva li tippreċedi l-adozzjoni ta’ sanzjoni fil-konfront tagħha mill-istituzzjoni partikolari. Il-persuna li tkun fil-mira f’dan is-sens, għandha tkun tista’ tesprimi ruħha dwar ir-realtà tal-fatti u taċ-ċirkustanzi. Din il-persuna għandha tkun informata dwar l-indikazzjonijiet kollha meħtieġa għad-difiża tagħha u għandha tkun tista’ tagħti l-opinjoni tagħha. Għandu jiġi rrikonoxxut ukoll dritt ta’ aċċess għall-fajl peress li dan għandu l-għan li jiggarantixxi l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża. Ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma jistax, barra minn hekk, jiġi rregolarizzat fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja. Fi kwalunkwe każ, id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma ġewx irrispettati sa fejn l-appellant lanqas ma kellu aċċess għall-fajl fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni, permezz ta’ provi li għalihom kellhom aċċess l-appellant u l-Qorti Ġenerali, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża kellha wkoll titqies bħala insuffiċjenti.

84.      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali stess jirriżulta wkoll li l-limitazzjonijiet imposti mill-Kunsill għad-drittijiet tad-difiża għandhom jiġu ekwilibrati permezz ta’ stħarriġ ġudizzjarju strett u imparzjali (59). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem timponi, barra minn hekk, l-istess rekwiżiti (60).

85.      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali hija wkoll, barra minn hekk, ivvizzjata b’kontradizzjoni fil-motivi, peress li, filwaqt li rrikonoxxiet, fil-punti 91 u 92 tas-sentenza appellata, li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tal-ordinament ġuridiku Komunitarju, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kunsill ma kellux għalfejn jikkomunika l-provi fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja. Il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tqis, kif għamlet fil-punt 106 tas-sentenza appellata, li kienet suffiċjentement informata sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha meta ma kienet irċeviet ebda prova.

86.      Il-Kunsill u l-partijiet intervenjenti fil-proċedura qed jitolbu li l-aggravju jiġi miċħud bħala infondat. Huma jqisu li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa korrett mill-aspett legali, ħlief għar-Repubblika Franċiża li ma tqisx li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-miżuri restrittivi adottati fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu tista’ tiġi applikata fil-każ preżenti, fejn għandna quddiemna miżuri restrittivi adottati fil-kuntest ta’ sistema mmirata lejn pajjiż terz. Dan premess, ir-Repubblika Franċiża ma tislet ebda konklużjoni legali partikolari fir-rigward ta’ dan l-aggravju u titlob, fi kwalunkwe każ, li jiġi miċħud.

3.      Evalwazzjoni

87.      Nissuġġerixxi li wieħed iqis l-aggravju preżenti bħala maqsum f’żewġ partijiet li jikkonċernaw rispettivament żball ta’ liġi relatat mal-evalwazzjoni tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u żball ta’ liġi relatat mal-evalwazzjoni tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. L-appellant jallega, barra minn hekk, l-eżistenza ta’ kontradizzjoni fil-motivi li tivvizzja s-sentenza appellata.

88.      Għal dak li għandu x’jaqsam mal-ewwel parti, l-appellant jikkontesta, fl-ewwel lok, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tikkonċerna l-motivazzjoni pprovduta mill-Kunsill sabiex isostni d-deċiżjoni kontenzjuża. Huwa jqis kemm li d-deċiżjoni kontenzjuża ma fihiex ir-raġunijiet li wasslu lill-Kunsill għall-adozzjoni tal-att, kif ukoll li ma kienx possibbli għall-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi li l-motivazzjoni kienet suffiċjenti inkwantu ebda prova ma kienet ġiet prodotta mill-Kunsill matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

89.      Kif fakkret il-Qorti Ġenerali, l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa rekwiżit impost mid-dritt primarju (61), misjub ukoll fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007 (62). Sabiex jiġi evalwat jekk l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni adottata minn istituzzjoni tal-Unjoni ġiex osservat, irid jiġi vverifikat li permezz tal-motivazzjoni l-entità fil-mira ta’ din id-deċiżjoni setgħet issir taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l-qorti kompetenti setgħet teżerċita l-istħarriġ tagħha. Skont ġurisprudenza klassika, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att hijiex suffiċjenti għandha tiġi evalwata mhux biss b’referenza għall-mod ta’ kif hija redatta, iżda wkoll għall-kuntest tagħha u għar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (63). Nikkonferma li dawn il-prinċipji bażilari ġew ikkonfermati mill-ġdid mill-Qorti Ġenerali fil-punt 82 tas-sentenza appellata.

90.      Il-Qorti Ġenerali fakkret ukoll li l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni li minnu ma tista’ ssir ebda deroga ħlief għal kunsiderazzjonijiet imperattivi (64) u li l-Kunsill huwa marbut jgħarraf lill-entità kkonċernata dwar ir-raġunijiet “speċifiċi u konkreti” fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni għall-iffriżar ta’ fondi (65). L-intensità tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-att tvarja skont il-qasam li fih tintervjeni l-istituzzjoni u l-effett li għandha l-intenzjoni li tagħtih. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tittrasponi, b’analoġija, ir-raġunament adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’każ ta’ miżuri restrittivi adottati fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, raġunament li jistabbilixxi li, fid-dawl tal-kuntest partikolari tal-adozzjoni u tal-implementazzjoni ta’ dawn il-miżuri, il-Kunsill jissodisfa l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni jekk jgħarraf lill-persuni kkonċernati bil-motivi li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni għall-iffriżar ta’ fondi fil-konfront tagħhom fil-mument tal-adozzjoni tal-miżura, jew mill-iktar fis possibbli (66). Jekk wieħed jirrikonoxxi l-prinċipju li l-miżuri restrittivi jistgħu jiġu adottati fil-konfront ta’ entitajiet meta jkun magħruf li dawn jaġixxu għal jew iservu l-kawża ta’ politika attribwibbli lil pajjiż terz u li kontriha l-Unjoni trid tissielet, ma nara ebda raġuni għalfejn, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Franċiża, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja żviluppata fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża ta’ persuni jew entitajiet li jkunu fil-mira ta’ miżura restrittiva adottata fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, ma tistax tapplika fil-kawża preżenti.

91.      Billi applikat il-kriterji li għadni kemm infakkar, il-Qorti Ġenerali ivverifikat, fil-punt 84 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża kien effettivament fiha r-raġunijiet individwali u speċifiċi li kienu wasslu lill-Kunsill sabiex jimplementa l-poter tiegħu, skont l-Artikolu 7 (2)(a) u (b), fir-rigward tal-appellant. Peress li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali kienet iggwidata mill-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni misjuba fid-deċiżjoni kontenzjuża kinitx ippermettiet lill-appellant jifhem ir-raġunijiet li għalihom il-fondi tiegħu kienu ġew iffriżati u jekk kinitx suffiċjenti sabiex hija stess tkun f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża, filwaqt li kkunsidrat il-kuntest partikolari tal-imsemmija deċiżjoni, jidhirli li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali ma fiha ebda żball ta’ liġi.

92.      Fit-tieni lok, id-dikjarazzjoni tal-appellant li motivazzjoni li ma tkunx iġġustifikata bi provi dokumentali, bid-destinatarju ma jkollu ebda aċċess la qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni u lanqas wara, ma tistax titqies bħala motivazzjoni adegwata u suffiċjenti (67), ma tistax tintlaqa’ b’mod favorevoli. L-appellant qed jipprova hawnhekk jissuġġetta s-suffiċjenza tal-motivazzjoni għad-dritt għal smigħ minn qabel jew, għall-inqas, għall-aċċess għall-fajl, meta dawn iż-żewġ konsegwenzi korollarji tad-drittijiet tad-difiża għandhom jitqiesu b’mod separat. Minn naħa, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni, li għandu sempliċement l-għan li l-entità kkonċernata jkollha spjegazzjoni ċara biżżejjed tar-raġunijiet li wasslu lill-istituzzjoni sabiex tiffriża l-fondi tagħha sabiex din l-entità tkun taf dak li qed tiġi akkużata bih u sabiex tkun kapaċi tevalwa u, jekk ikun il-każ, tikkontesta l-fondatezza tiegħu, irid jiġi distint mir-rekwiżit tal-eżistenza ta’ provi reali u serji. Min-naħa l-oħra, l-eżami tal-fondatezza tal-motivazzjoni jista’ jsir biss fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja – fuq kollox meta, bħal fil-każ preżenti, l-aċċess għall-fajl ma jkunx intalab mill-persuna kkonċernata ­­– u huwa dan l-eżami li jeħtieġ il-produzzjoni tal-provi. Madankollu, xorta waħda huwa meħtieġ li dan l-eżami jintalab u, f’dan ir-rigward, wieħed ma jistax jippretendi li l-qorti kompetenti tgħatti n-negliġenzi tar-rikorrent. Irid jingħad ukoll li l-appellant ma ressaq ebda motiv ammissibbli li jikkontesta r-raġunijiet invokati mill-Kunsill insostenn tad-deċiżjoni kontenzjuża (68) u li tali motiv, li jikkonċerna l-legalità fil-mertu tad-deċiżjoni kontenzjuża, ma jistax jiġi eżaminat ħlief jekk ikun ġie invokat mir-rikorrent (69). L-appellant qed jinvoka għalhekk in-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ provi, produzzjoni li huwa biss kien f’pożizzjoni li jipprovoka, kemm matul il-proċedura prekontenzjuża kif ukoll dik kontenzjuża.

93.      Din is-sitwazzjoni tiddistingwi ruħha b’mod ċar minn dik fil-kawża People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill (70), iċċitata mill-appellant. Minn naħa, f’dik il-kawża, ir-rikorrenti kienet qed tikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kunsill li kienet qed tħalliha tidher fuq il-lista tal-entitajiet li l-beni tagħhom kellhom jiġu ffriżati, filwaqt li, fl-appell preżenti, il-kwistjoni tikkonċerna l-eżami tal-legalità tal-ewwel deċiżjoni li tiddeċiedi dwar l-inklużjoni tal-Bank Melli fil-lista. Irid jingħad li għalkemm wieħed jista’ jiġġustifika ċerta flessibbiltà fid-drittijiet tad-difiża fl-istadju tal-proċedura preliminari, fil-każ tal-ewwel inklużjoni fil-lista, kif ser nuri immedjatament, din il-flessibbiltà għandha tkun ammessa b’wisq iktar diffikultà meta d-deċiżjoni tkun waħda sabiex il-persuna jew entità tinżamm fuq il-lista (71). Min-naħa l-oħra, il-Kunsill kien irrifjuta, f’dik il-kawża, li jikkomunika lill-Qorti Ġenerali l-informazzjoni li fuqha kienet imsejsa d-deċiżjoni sabiex l-entità tinżamm fuq il-lista (72), b’tali mod li b’hekk il-Qorti Ġenerali ma setgħetx, minkejja li kienet intalbet, tistħarreġ il-legalità u l-fondatezza tal-miżuri ta’ ffriżar tal-fondi (73).

94.      Ma jistax jiġi nnegat li l-intensità tad-drittijiet tad-difiża, kif għandhom ikunu ggarantiti mill-istituzzjoni, awtriċi tal-att, fil-fażi ta’ qabel l-adozzjoni tiegħu jew f’dik li tiġi immedjatament wara l-adozzjoni, hija limitata fil-preżenza ta’ miżuri restrittivi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża preżenti, għall-inqas meta jkunu qed jiġu adottati għall-ewwel darba fir-rigward ta’ persuna jew ta’ entità partikolari. Irid jingħad li huwa minnu li l-ġurisprudenza li fuqha huwa msejjes ir-raġunament tal-appellant tikkonċerna l-mod ta’ kif id-drittijiet tad-difiża għandhom jiġu żgurati mill-istituzzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva preliminari, meta din hija suxxettibbli li twassal għall-adozzjoni ta’ sanzjoni, iżda din il-ġurisprudenza ġiet żviluppata fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Fl-opinjoni tiegħi madankollu, is-sitwazzjoni preżenti iktar tista’ titqabbel ma’ dik li tipprevalixxi meta l-Kunsill ikollu jadotta miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuni jew ta’ entitajiet fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat ġurisprudenza li tistabbilixxi li d-drittijiet tad-difiża, kif għandhom jiġu ggarantiti fl-istadju tal-proċedura preliminari, ma humiex assoluti u rrikonoxxiet li, meta wieħed ikollu quddiemu miżuri restrittivi, il-komunikazzjoni tal-motivi qabel l-inklużjoni ta’ entità fil-lista “tkun tali li tikkomprometti l-effikaċja tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi” (74) u li “tali miżuri għandhom, minn natura tagħhom stess, jibbenefikaw minn effett ta’ sorpriża u […] japplikaw b’effett immedjat” (75). Il-ġurisprudenza invokata mill-appellant hija, għalhekk, nieqsa minn kull rilevanza u jidher b’mod ċar li l-Kunsill ma kienx, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, marbut li jikkomunika spontanjament lill-appellant il-motivi jew il-fajl, u lanqas ma kien marbut li jisimgħu (76). Il-Qorti Ġenerali għalhekk tat, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, interpretazzjoni għal kollox korretta dwar il-portata tad-drittijiet tad-difiża ta’ entità li tkun fil-mira, għall-ewwel darba, ta’ miżura restrittiva kif iddefinita mill-ġurisprudenza.

95.      Fit-tielet lok, u għal dak li għandu x’jaqsam mal-argument tal-appellant imsejjes fuq in-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ provi, irid jingħad immedjatament li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, invokata insostenn ta’ dan l-aggravju, hija għal kollox inapplikabbli. Fil-fatt, is-sentenzi Saadi vs L-Italja u A. vs Ir-Renju Unit (77) jikkonċernaw, it-tnejn li huma, l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddeim il-“KEDB”). Anki jekk wieħed kellu jippresupponi li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, f’dawk iż-żewġ sentenzi, iddeċidiet li dritt fundamentali ma setax jiġi bbilanċjat kontra għan bħalma huwa l-ġlieda kontra t-terroriżmu, dan għamlitu fir-rigward tal-projbizzjoni tat-tortura li, kuntrarjament għad-drittijiet l-oħra misjuba fil-KEDB, hija ta’ natura assoluta u ma tistax tkun suġġetta għal restrizzjoni (78).

96.      Mill-bqija, u għal dak li għandu x’jaqsam mat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, l-argument tal-appellant li n-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ provi min-naħa tal-Kunsill, qabel u mbagħad matul ir-rikors, ippreġudika d-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, bilfors li jistrieħ fuq żewġ elementi.

97.       L-ewwel nett infakkar sempliċement li, kif jirriżulta mill-punt 99 tas-sentenza appellata, l-appellant ma talabx lill-Kunsill għall-possibbiltà li jkollu aċċess għall-fajl tiegħu qabel il-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali (79). It-tieni nett, l-appellant lanqas ma ressaq, quddiem il-Qorti Ġenerali, motiv ammissibbli sabiex jikkontesta l-veraċità tal-konstatazzjoni tal-Kunsill fis-sens li, fid-dawl tal-motivi esposti fil-punt 4 tat-Tabella B tal-Anness V, l-appellant huwa meqjus bħala impenjat fi u jsostni jew jipprovdi appoġġ għal attivitajiet marbuta mal-proliferazzjoni nukleari fl-Iran (80). Li kieku dan il-motiv tressaq korrettament, allura l-Kunsill kien jiġi effettivament mitlub jipproduċi l-provi sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tistħarreġ dawn il-provi. Peress li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex għalfejn tiddeċiedi dwar il-fondatezza tal-motivi allegati, in-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ provi matul l-istanza ma setax jivvizzja d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jew jikser id-dritt tal-appellant għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Għal dak li għandu x’jasam mal-eżami tal-motivi l-oħra, il-Qorti Ġenerali hija d-diriġenti tal-proċedura u tista’, fil-każ biss li tqis li dan huwa meħtieġ, tordna miżuri ta’ istruzzjoni addizzjonali (81).

98.      Fl-aħħar nett, dwar l-allegata eżistenza ta’ kontradizzjoni fil-motivi, ngħid li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkonfermat, mill-punti 91 u 92 ’il quddiem tas-sentenza appellata, punti dawn li ssemmew mill-appellant, l-eżistenza tal-prinċipju fundamentali dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, minkejja l-possibbiltà konkorrenti tal-flessibbiltà ta’ dawn id-drittijiet, u b’mod partikolari tad-dritt tal-komunikazzjoni tal-elementi inkriminanti, fid-dawl ta’ kunsiderazzjonijiet imperattivi li jolqtu s-sigurtà jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Komunità (82). Fi kwalunkwe każ, il-punti 96 sa 102 tad-deċiżjoni kontenzjuża li, skont kif pretiż, jidħlu f’kontradizzjoni mal-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali evokata preċedentement, sempliċement jikkonstataw li l-appellant tpoġġa f’pożizzjoni li jifhem ir-raġunijiet li mmotivaw l-inklużjoni tiegħu fil-lista, mingħajr ma l-Kunsill intalab jipprovdi aċċess għall-fajl tiegħu ex officio jew jorganizza smigħ ex officio. Kuntrarjament għal dak pretiż mill-appellant, il-Qorti Ġenerali għalhekk qatt ma kkonfermat li d-drittijiet tad-difiża ma jobbligawx lill-Kunsill jikkomunika l-provi tiegħu, u dan anki fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja (83). Ngħid ukoll li, fil-punti 100 u 101 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, barra minn hekk, eżaminat ir-raġunijiet invokati mill-Bank Melli sabiex jiġġustifika l-fatt li kien naqas milli jitlob aċċess għall-fajl tiegħu, iżda ddeċidiet li l-argumenti mressqa f’dan il-kuntest ma setgħux jintlaqgħu. Għandi għalhekk diffikultà nistabbilixxi, fil-partijiet imsemmija tas-sentenza appellata, xi kontradizzjoni fil-motivi.

99.      Minn dan isegwi li t-tielet aggravju prinċipali għandu, fl-integralità tiegħu, jiġi miċħud bħala infondat.

D –    Fuq l-ewwel aggravju sussidjarju, imsejjes fuq interpretazzjoni żbaljata tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill

1.      Is-sentenza appellata

100. Fil-punti 51 u 52 tas-sentenza appellata, meta kienet qed teżamina l-ewwel motiv tar-rikors, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma hemm xejn fl-Artikoli 60 KE u 301 KE li jippermetti li jitqies li l-kompetenza kkonferita minn dawn id-dispożizzjonijiet lill-Komunità kienet limitata biss għall-implementazzjoni tal-miżuri deċizi mill-Kunsill tas-Sigurtà. Il-Kunsill, għalhekk, kien kompetenti sabiex jadotta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 li jawtorizza l-iffriżar tal-beni ta’ entitajiet li ma jkunux identifikati mill-Kunsill tas-Sigurtà iżda li skont il-Kunsill huma impenjati fi, direttament assoċjati ma’ jew jipprovdu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari. Il-Qorti Ġenerali sussegwentement irrikonoxxiet li l-premessa 6 tar-Regolament Nru 423/2007 kienet titlob mill-Kunsill li huwa jeżerċita l-poter tiegħu skont l-Artikolu 7(2) filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tar-Riżoluzzjoni 1737 (2006). Madankollu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dan l-obbligu ma kienx jimplika li l-Kunsill kellu jimplementa miżuri restrittivi biss fil-konfront tal-entitajiet identifikati mill-Kunsill tas-Sigurtà f’riżoluzzjoni.

101. Fil-punti 64 u 65 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali tat l-evalwazzjoni tagħha tat-tielet motiv tar-rikors, imsejjes fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-dritt ta’ proprjetà, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kunsill kellu setgħa awtonoma abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007, li l-għan tiegħu ma huwiex dak tal-implementazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà adottati fil-kamp tal-proliferazzjoni nukleari. L-għan ta’ dan l-artikolu u tad-deċiżjoni kontenzjuża li timplementah huwa li jiġi żgurat li l-għanijiet tar-Riżoluzzjoni 1737 (2006) jintlaħqu permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi awtonomi. Il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkonkludiet li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 ma kellux l-għan li jimplementa t-tieni riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà fir-rigward, jiġifieri r-Riżoluzzjoni 1803 (2008), li fiha ntalab biss li l-Istati juru viġilanza fir-rigward tal-appellant (84). F’dawn il-kundizzjonijiet, il-kontenut u l-għanijiet ta’ din ir-riżoluzzjoni ma setgħux jikkostitwixxu kriterji li fid-dawl tagħhom kellha tiġi evalwata n-natura proporzjonata tad-deċiżjoni kontenzjuża.

2.      L-argumenti tal-partijiet

102. L-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet ir-rilevanza tar-Riżoluzzjonijiet 1737 (2006), 1747 (2007) (85) u 1803 (2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà sabiex tiddefinixxi s-setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill. Ir-relazzjoni bejn ir-Regolament Nru 423/2007 u r-riżoluzzjonijiet toħroġ mit-termini stess tar-regolament, u b’mod partikolari mill-premessi 1, 2, 5 u 6 tiegħu. L-appellant jinnota li r-Riżoluzzjoni 1803 (2008) tippreċedi d-deċiżjoni kontenzjuża, tant li l-Kunsill kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kunsill tas-Sigurtà kien qed jitlob biss viġilanza fir-rigward tal-appellant. Meta ddeċidiet xort’oħra, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

103. Barra minn hekk, dejjem skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, stabbilixxiet ir-rilevanza tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà (fil-punt 52 tas-sentenza appellata) iżda, min-naħa l-oħra, iddeskriviet is-setgħa tal-Kunsill bħala awtonoma fir-rigward ta’ dawn l-istess riżoluzzjonijiet (punti 64 u 65). Minn dan tirriżulta kontradizzjoni fil-motivi li tivvizzja s-sentenza appellata. Is-setgħa tal-Kunsill hija setgħa li hija marbuta bir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, element dan li l-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni meta ddeterminat jekk d-deċiżjoni kontenzjuża kinitx kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità u d-dritt ta’ proprjetà tal-appellant.

104. Il-partijiet l-oħra fil-proċedura jitolbu li l-aggravju jiġi ddikjarat infondat. Fir-risposta tiegħu, il-Kunsill isostni b’mod partikolari li l-Unjoni hija libera li tadotta miżuri awtonomi sabiex tkun tista’ tilħaq l-għanijiet stabbiliti fir-riżoluzzjoni. Meta l-Kunsill jadotta att sussegwentement għal riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà, il-miżuri awtonomi adottati mill-Kunsill għandhom isegwu l-għanijiet stabbiliti fir-riżoluzzjoni. Fil-kawża preżenti, id-deċiżjoni awtonoma għall-iffriżar ta’ fondi ta’ entitajiet mhux identifikati mill-Kunsill tas-Sigurtà hija konformi mal-għan li dan tal-aħħar irid jilħaq, jiġifieri li jwaqqaf lill-Iran milli jkompli bl-iżvilupp tal-programm nukleari tiegħu.

3.      Evalwazzjoni

105. Sabiex wieħed ikun jista’ jiddeċiedi dwar l-aggravju preżenti, jidher li huwa meħtieġ li ssir kostruzzjoni mill-ġdid tal-kuntest normattiv li tagħmel parti minnu d-deċiżjoni kontenzjuża.

106. Il-Pożizzjoni Komuni 2007/140 implementat, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ir-Riżoluzzjoni 1737 (2006). L-implementazzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni hija bbażata biss fuq il-volontà tal-Unjoni li tinkwadra l-azzjoni tagħha fil-perspettiva ta’ kontribuzzjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u fil-perspettiva tal-ħsieb li jitwettqu l-obbligi internazzjonali tal-Istati Membri tagħha, iżda ma hijiex ibbażata fuq l-eżistenza ta’ obbligu pożittiv u dirett impost fuq l-Unjoni li timplementa r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, peress li hija ma tagħmilx parti mill-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

107. Fl-istess ħin li kienet qed timplementa l-imsemmija riżoluzzjoni, il-pożizzjoni komuni stabbilixxiet ukoll, skont l-Artikolu 5(1)(b) tagħha, li l-iffriżar ta’ fondi seta’ jiġi deċiż mill-Kunsill fir-rigward ta’ persuni, entitajiet jew korpi li ma jkunux identifikati fir-Riżoluzzjoni 1737 (2006) iżda li dwarhom ġie stabbilit li huma “impenjati fi, assoċjati direttament ma’, jew jipprovdu appoġġ għal, attivitajiet nukleari sensittivi f’termini ta’ proliferazzjoni ta’ l-Iran jew għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ twassil ta’ armi nukleari, jew persuni jew entitajiet li jaġixxu f’isimhom jew skond id-direzzjoni tagħhom, jew entitajiet li jkunu proprjetà tagħhom jew kontrollati minnhom, anke permezz ta’ mezzi illeċiti”. Il-premessa 10 tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140 tispeċifika r-raġunijiet għaliex il-Kunsill xtaq imur lil hinn minn dak previst fir-riżoluzzjoni meta din tistabbilixxi li, “[k]onformement mal-konklużjonijiet tal-Kunsill [Ewropew] u sabiex jiġu mwettqa l-għanijiet ta’ l-UNSCR 1737 (2006)”, l-iffriżar kellu jiġi estiż għall-persuni u entitajiet identifikati mill-Kunsill “bl-użu ta’ l-istess kriterji bħal dawk applikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat”.

108. Ir-Regolament Nru 423/2007 ġie adottat ftit wara l-Pożizzjoni Komuni 2007/140 inkwantu l-imsemmija pożizzjoni komuni kienet tipprevedi, preċiżament, li kienet meħtieġa azzjoni Komunitarja sabiex jiġu implementati ċerti miżuri li kienet qed tadotta (86). Għalhekk, ir-Regolament Nru 423/2007 jimplementa, għal dak li għandu x’jaqsam mal-Komunità, ir-Riżoluzzjoni 1737 (2006) filwaqt li jestendi l-loġika tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140: il-Kunsill jirrikonoxxi, fil-fatt, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007, is-setgħa unilaterali tiegħu, li hija dik li jidentifika, b’referenza għall-kriterji stabbiliti mill-Kunsill tas-Sigurtà, il-persuni, l-entitajiet u l-korpi li huma impenjati fi, direttament assoċjati ma’ jew li jipprovdu appoġġ lill-attivitajiet nukleari tal-Iran li huma ta’ riskju għall-proliferazzjoni jew għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ twassil ta’ armi nukleari. B’hekk, is-setgħa awtonoma rrikonoxxuta lill-Kunsill, jiġifieri li dan ma jiddependix fuq l-adozzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà ta’ miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuni, entitajiet jew korpi li huwa jidentifika, issostni l-għan inizjali tar-Riżoluzzjoni 1737 (2006), għan dan, li l-Unjoni, imbagħad il-Komunità, fil-frattemp, għamlu tagħhom. Jirriżulta b’mod ċar, kemm mill-Pożizzjoni Komuni 2007/140 kif ukoll mir-regolament, li s-setgħa awtonoma tal-Kunsill għandha tiġi eżerċitata bl-għan uniku li jintlaħaq l-għan tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti. Id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward (87) ma hija suxxettibbli għal ebda kritika.

109. Għalhekk, u għal dak li għandu x’jaqsam mal-evalwazzjoni tas-setgħa tal-Kunsill fir-rigward, wieħed irid jiddistingwi, b’mod ċar, bejn żewġ każijiet ipotetiċi.

110. Minn naħa, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 423/2007 jirreferi strettament għal-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi stabbilita mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-sanzjonijiet, skont il-paragrafu 12 tar-Riżoluzzjoni 1737 (2006), li għalih jirreferi espressament ir-regolament.

111. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi setgħa li, għalkemm għandha l-istess għan bħal dak tar-Riżoluzzjoni 1737 (2006), hija, mill-perspettiva tal-identifikazzjoni u l-inklużjoni fil-listi, awtonoma. Għalhekk huwa biss l-għan tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li jikkostitwixxi parametru – indirett ­– tal-legalità tal-azzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament. Għalhekk, il-fatt li l-appellant ma kienx ġie identifikat mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-sanzjonijiet bħala entità li l-beni tagħha għandhom jiġu ffriżati, iżda biss, skont il-punt 10 tar-Riżoluzzjoni 1803 (2008), bħala entità li fir-rigward tagħha l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw viġilanza, huwa irrilevanti inkwantu s-setgħa awtonoma tal-Kunsill fil-qasam tal-inklużjonijiet fil-lista ġiet attribwita b’mod ċar fil-livell Komunitarju.

112. F’dan ir-rigward infakkar li d-deċiżjoni kontenzjuża għandha l-għan, kif anki jindika t-titolu tagħha, li timplementa l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007. L-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 1803 (2008) ċertament li kellha impatt fuq l-imsemmi regolament, peress li kienet fl-oriġini ta’ waħda mill-emendi tiegħu (88), iżda dan biss inkwantu l-Kunsill tas-Sigurtà, permezz ta’ din ir-riżoluzzjoni, ipproċeda għall-inklużjoni ta’ persuni, entitajiet u korpi ġodda. L-adozzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni l-ġdida għalhekk ma kellhiex impatt ħlief, jekk wieħed jieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 423/2007, inkwantu hija ppermettiet li jiġi attwalizzat l-anness tal-imsemmi regolament li jelenka l-entitajiet identifikati mill-Kunsill tas-Sigurtà. Għalhekk hija għal kollox eżatta d-dikjarazzjoni li n-natura proporzjonata tal-inklużjoni tal-appellant fil-lista ta’ entitajiet identifikati mill-Kunsill ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tar-Riżoluzzjoni 1803 (2008).

113. Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak pretiż mill-appellant, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali ma huwiex ivvizzjat b’kontradizzjoni fil-motivi. Il-punt 52 tas-sentenza appellata jipprova jikkjarifika n-natura tar-relazzjonijiet li r-regolament għandu mar-Riżoluzzjoni 1737 (2006) u huwa bir-raġun li l-Qorti Ġenerali qieset li s-setgħa awtonoma rrikonoxxuta lill-Kunsill skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 għandha tiġi eżerċitata fid-dawl tal-għanijiet tal-imsemmija riżoluzzjoni. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-punt 65 tas-sentenza appellata, dan jelimina r-rilevanza tar-Riżoluzzjoni 1803 (2008) bħala kriterju li fid-dawl tiegħu għandha tiġi evalwata n-natura proporzjonata tal-azzjoni tal-Kunsill. Irid jingħad għalhekk li, peress li dawn iż-żewġ punti jikkonċernaw żewġ riżoluzzjonijiet differenti, il-Qorti Ġenerali ma kkontraditx lilha nnifisha.

114. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel aggravju sussidjarju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

E –    Fuq it-tieni aggravju sussidjarju, imsejjes fuq żball ta’ evalwazzjoni ta’ liġi mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-dritt ta’ proprjetà tal-appellant

1.      Is-sentenza appellata

115. Fil-punti 70 u 71 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fis-sustanza, li r-rispett tad-drittijiet fundamentali kien wieħed mill-kundizzjonijiet għal-legalità tal-atti tal-Unjoni. Madankollu, dan ma jfissirx li dawn id-drittijiet huma assoluti, u l-eżerċizzju tagħhom seta’ kien fil-mira ta’ restrizzjonijiet, kemm-il darba dawn ikunu ġew iġġustifikati abbażi ta’ għan ta’ interess ġenerali segwit mill-Unjoni. L-importanza ta’ dan l-għan seta’ jiġġustifika ċerti konsegwenzi negattivi kunsiderevoli għal xi operaturi ekonomiċi, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet. Fil-kawża preżenti, il-preġudizzju kkawżat lid-dritt ta’ proprjetà u lil-libertà li titwettaq attività ekonomika tal-appellant kien manifest, peress li l-Bank Melli ma setax jiddisponi iktar mill-fondi miżmuma minnu fit-territorju tal-Unjoni jew miżmuma minn ċittadini tal-Unjoni. Madankollu, l-importanza tal-għan li jiġġustifika l-miżura mmirata lejn l-appellant, jiġifieri ż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, kienet ta’ natura tali li tiġġustifika l-portata tal-inkonvenjenzi kkawżati, mingħajr ma dawn tal-aħħar jirriżultaw li kienu sproporzjonati meta mqabbla mal-imsemmi għan, u dan iktar u iktar meta wieħed iqis li r-restrizzjoni kienet tikkonċerna biss parti mill-attivi tal-Bank Melli u li kien hemm il-possibbiltà ta’ eċċezzjonijiet u derogi fir-rigward tal-iffriżar ta’ fondi, previsti mill-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament Nru 473/2007.

2.      L-argumenti tal-partijiet

116. It-tieni aggravju sussidjarju huwa msejjes fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali relatat mad-dritt ta’ proprjetà tal-appellant. Skont l-appellant, ma huwiex korrett li, fil-punti 70 u 71 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-kuntest tal-eżami tar-raba’ motiv tar-rikors, l-argument imsejjes fuq ksur mhux iġġustifikat tad-dritt ta’ proprjetà tiegħu. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u b’mod partikolari mis-sentenzi Saadi vs L-Italja (89) u A. vs Ir-Renju Unit (90), jirriżulta li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ma tistax tiġi bbilanċjata mal-ġlieda kontra t-terroriżmu. L-istess jista’ jingħad għall-miżuri relatati maż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tirrikonoxxi d-drittijiet fundamentali tal-appellant. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali adottat motivazzjoni li ma kinitx korretta meta qieset li l-miżuri restrittivi kienu ġġustifikati, mingħajr ma kkunsidrat l-importanza konċessa lill-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sa mill-għoti tas-sentenza Internationale Handelsgesellschaft (91), importanza li saret iktar sinjifikattiva bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u bil-perspettiva tal-adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB.

117. Il-Kunsill, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni fakkru b’mod unanimu l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi li l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali jista’ jkun suġġett għal xi restrizzjonijiet (92), ġurisprudenza li huma jqisu li hija konformi ma’ dik tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward (93). Barra minn hekk, is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem invokati mill-appellant fil-kuntest tal-appell tiegħu huma mingħajr rilevanza għall-eżami tad-dritt ta’ proprjetà. Peress li l-Qorti Ġenerali qieset, loġikament, li l-għan li ried jintlaħaq kien ta’ natura li jiġġustifika r-restrizzjonijiet għad-dritt ta’ proprjetà tal-appellant, it-tieni aggravju żviluppat sussidjarjament ikollu jiġi miċħud.

3.      Evalwazzjoni

a)      Rimarka preliminari

118. Il-partijiet ġew mistiedna, waqt is-seduta, sabiex jesprimu l-pożizzjoni tagħhom dwar il-kwistjoni ta’ jekk id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tal-proprjetà japplikax għal kull persuna fiżika jew ġuridika, inkluża organizzazzjoni governattiva fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u jekk il-Qorti Ġenerali kellhiex, meta eżaminat il-motiv imsejjes fuq ksur tad-dritt ta’ proprjetà tal-appellant, tistħarreġ il-kwistjoni ta’ jekk il-Bank Melli setax effettivament jinvoka l-ksur ta’ tali dritt fundamentali meta l-Bank Melli huwa persuna ġuridika stabbilita fi Stat terz b’rabta mal-politika ta’ proliferazzjoni nukleari mmexxija mill-Istat Iranjan – li tiegħu huwa kompletament proprjetà – li tidher suffiċjenti sabiex il-fondi tiegħu setgħu jiġu ffriżati abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007.

119. Mingħajr ma nikkontesta l-interess tad-domanda, għandi d-dubji tiegħi dwar kemm il-kawża preżenti tagħti lok għal tali żviluppi.

120. Ebda waħda mill-partijiet ma kkontestat l-eżistenza ta’ dan id-dritt għall-benefiċċju tal-appellant, la matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas matul il-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (94). Il-Qorti Ġenerali lanqas ma qajmet il-kwistjoni ta’ jekk l-appellant setax jinvoka d-dritt ta’ proprjetà kif iggarantit mill-ordinament ġuridiku Komunitarju (95). Il-fatt li l-Qorti Ġenerali baqgħet siekta ma għandux jiġi interpretat neċessarjament bħala ommissjoni, min-naħa tagħha, li tindirizza l-problema iżda jista’ jitqies ukoll bħala rikonoxximent impliċitu li l-appellant jibbenefika mid-dritt ta’ proprjetà. Għalhekk, il-fatt li l-partijiet fil-proċedura – u qed nirreferi hawnhekk essenzjalment għall-Kunsill – ma qajmux din il-kwistjoni fis-sottomissjonijiet tagħhom bil-miktub, iwassalni sabiex nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex quddiemha, fil-kawża preżenti, żball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali meta ddikjarat, b’mod impliċitu iżda ċertament, li l-appellant jibbenefika mid-dritt ta’ proprjetà.

121. Jibqa’ għalhekk li jiġi stabbilit jekk kienx il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tqajjem il-kwistjoni ex officio, kif tista’ tagħmel meta jkun involut motiv ta’ ordni pubbliku. F’dan ir-rigward diġà kelli l-okkażjoni nesponi, sussegwentement għall-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Salzgitter vs Il-Kummissjoni (96), il-kriterji li abbażi tagħhom motiv ikun wieħed ta’ ordni pubbliku (97), kriterji li qiegħed nieħu l-libertà li nfakkar hawnhekk:

–        ir-regola miksura għandu jkollha fil-mira tagħha għan fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u għandu jkollha rwol sinjifikattiv fit-twettiq ta’ dan l-għan, u

–        ir-regola miksura għandha tkun ġiet stabbilita fl-interess ta’ terzi jew fl-interess kollettiv b’mod ġenerali, u mhux sempliċement fl-interess tal-persuni direttament ikkonċernati.

–        L-Avukat Ġenerali Jacobs kien żied ukoll il-kundizzjoni tan-natura manifesta tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni, li pjuttost għandi l-inklinazzjoni li nqis bħala kundizzjoni preliminari għall-eżistenza ta’ obbligu, għall-qorti, li tqajjem dan ex officio (98).

122. Jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali kisret dispożizzjoni legali meta qieset, b’mod żbaljat, li l-appellant jibbenefika mid-dritt ta’ proprjetà, irrid ngħid żewġ affarijiet. Tal-ewwel hija li l-kwistjoni ta’ jekk l-appellant jibbenefikax minn dritt fundamentali taqa’ fl-ambitu ta’ kunsiderazzjonijiet li huma estranji għat-tieni kriterju msemmi iktar ’il fuq. It-tieni hija li l-kwistjoni hija tant delikata sabiex tiġi deċiża li ma nistgħux ngħidu li għandna quddiemna ksur manifest tad-dritt tal-Unjoni, u dan meta huwa biss ksur manifest li jista’ jiġġustifika li jitqajjem ex officio mill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dawn il-kundizzjonijiet, inqis li ma kienx il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tqajjem tali kwistjoni ex officio. Għalhekk lanqas ma huwa l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tqajjem din il-kwistjoni ex officio. Jekk xorta jkollha l-intenzjoni li tqajjem din il-kwistjoni minn jeddha, ma narax kif il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tevita l-kritika li ddeċidiet ultra petita.

123. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja la għandha u lanqas tista’ tqajjem il-kwistjoni ex officio. Dwar it-tħassib li wieħed jista’ jkollu minħabba l-persistenza ta’ eventwali dubju, infakkar li, fi kwalunkwe każ, fil-kawża preżenti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fis-sens l-iktar favorevoli għall-appellant billi telqet mill-prinċipju li effettivament l-appellant seta’ jinvoka d-dritt ta’ proprjetà tiegħu.

124. Għar-raġunijiet kollha hawn fuq esposti, mingħajr ma wieħed jiċħad l-interess ta’ tali kwistjoni jew jipprova jipprevedi d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward, meta din verament titqajjem quddiemha, huwa s-suġġeriment tiegħi li l-analiżi tagħha fil-kawża preżenti tkun limitata għall-aggravju kif imressaq mill-appellant.

b)      Analiżi tal-aggravju

125. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-eżami tal-aggravju kif invokat mill-appellant, irrid nistabbilixxi żewġ affarijiet.

126. Fl-ewwel lok, għal darba oħra, il-ġurisprudenza invokata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma hijiex rilevanti fil-kuntest tal-appell preżenti. Fil-kawża Saadi vs L-Italja, il-kwistjoni mqajma kienet dik ta’ jekk ir-Repubblika Taljana setgħetx teżegwixxi deċiżjoni ta’ tkeċċija adottata fil-konfront ta’ ċittadin Tuneżin minħabba r-rwol attiv li dan tal-aħħar kellu fi ħdan organizzazzjoni li kienet tipprovdi appoġġ loġistiku u finanzjarju lil persuni li kienu jappartjenu lil gruppi integristi fl-Italja, u li, konsegwentement, kien jiddisturba l-ordni pubbliku Taljan, meta kien allegat li l-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni kienet tesponi lill-appellant għal trattamenti li jmorru kontra l-Artikolu 3 tal-KEDB. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’dik is-sitwazzjoni ddeċidiet li, “[p]eress li l-protezzjoni kontra t-trattamenti pprojbiti mill-Artikolu 3 hija assoluta, din id-dispożizzjoni timponi li persuna ma tistax tiġi estradita jew imkeċċija meta hemm riskju serju li tkun suġġetta għal dawn it-trattamenti fil-pajjiż destinatarju” (99) [traduzzjoni mhux uffiċjali] u kkonkludiet li “mhux possibbli li wieħed jibbilanċja r-riskju ta’ trattament ħażin u l-motivi invokati [f’dan il-każ, il-ġlieda kontra t-terroriżmu] għat-tkeċċija sabiex tkun tista’ tiġi ddeterminata jekk tiskattax ir-responsabbiltà ta’ Stat abbażi tal-Artikolu 3, minkejja li dawn it-trattamenti ħżiena jikkostitwixxu l-għemil ta’ Stat terz” (100). Għal dak li għandu x’jaqsam mas-sentenza A. vs Ir-Renju Unit, li wkoll ingħatat fir-rigward tal-Artikolu 3 tal-KEDB, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sempliċement fakkret, fil-paragrafu msemmi mill-Bank Melli, li “l-Artikolu 3 jikkonferma wieħed mill-valuri fundamentali tas-soċjetajiet demokratiċi. Din id-dispożizzjoni ma tipprevedi ebda restrizzjoni u, f’dan ir-rigward, tiddistingwi ruħha mill-biċċa l-kbira tal-klawżoli normattivi tal-Konvenzjoni u tal-Protokolli Nru 1 u 4, u skont l-Artikolu 15(2) [tal-KEDB], ma hija suġġetta għal ebda deroga, anki jekk jeżisti perikolu pubbliku li huwa ta’ theddida għan-nazzjon kollu. Anki fl-iktar ċirkustanzi diffiċli, bħalma hija l-ġlieda kontra t-terroriżmu, u jkun xi jkun l-aġir tal-persuna kkonċernata, il-Konvenzjoni tipprojbixxi f’termini assoluti t-tortura u l-pieni u t-trattamenti inumani jew degradanti” (101) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

127. Minn dawn iż-żewġ sentenzi jirriżulta għalhekk li l-impossibbiltà li dritt fundamentali jiġi bbilanċjat mal-ġlieda kontra t-terroriżmu hija hawnhekk limitata b’mod strett għall-prevenzjoni tat-tortura u tat-trattamenti inumani jew degradanti. Barra minn hekk, il-paragrafu msemmi iktar ’il fuq tas-sentenza A. vs Ir-Renju Unit jagħti lil wieħed x’jifhem, b’mod ċar, li dan l-ibbilanċjar huwa bħala prinċipju possibbli għad-drittijiet l-oħra kollha rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Protokoll Nru 1 tal-KEDB. Irid jingħad li d-dritt ta’ proprjetà huwa rikonoxxut preċiżament mill-Artikolu 1 tal-imsemmi Protokoll. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt ta’ proprjetà huwa dritt li l-eżerċizzju tiegħu jista’ jiġi limitat (102).

128. Fit-tieni lok, huwa wkoll rikonoxxut, fi ħdan l-ordinament ġuridiku Komunitarju, li d-dritt ta’ proprjetà jista’ jkun suġġett għal xi restrizzjonijiet (103). Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, diġà ddeċidiet li d-dritt ta’ proprjetà “ma huwiex wieħed assolut iżda għandu jiġi kkunsidrat fir-rigward tar-rwol tiegħu fis-soċjetà. Għaldaqstant, jistgħu jsiru restrizzjonijiet għall-użu tad-dritt għal proprjetà sakemm dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali li l-Komunità tfittex li tilħaq u ma jammontawx, fir-rigward tal-għan mixtieq, għal intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt hekk iggarantit” (104). Ma hemmx dubju li l-Bank Melli qed isofri, bħala effett tal-miżura restrittiva adottata fil-konfront tiegħu, restrizzjoni għall-użu tad-dritt ta’ proprjetà tiegħu (105). L-appellant jikkontesta r-raġunament tal-Qorti Ġenerali relatat mal-ġustifikazzjoni ta’ dan il-preġudizzju, fejn ikkunsidrat li, “fid-dawl tal-importanza primordjali taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali”, il-miżura kontra l-appellant ma kinitx sproporzjonata (106).

129. Irrid ngħid min-naħa tiegħi li, meta l-Komunità kellha l-intenzjoni li tissielet kontra t-terroriżmu permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, kellha biss fil-mira tagħha ż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali (107). L-istess ġie deċiż meta kienu involuti miżuri li l-għan tagħhom kien jikkonsisti fit-terminazzjoni ta’ stat ta’ gwerra u ta’ ksur massiv tad-drittijiet tal-bniedem (108). Ma jistax ikun xorta oħra meta l-Komunità tipparteċipa fi sforz eżegwit mill-komunità internazzjonali sabiex tissielet kontra l-proliferazzjoni nukleari, bl-għan li r-Repubblika Iżlamika tal-Iran tissuġġetta l-iżvilupp tal-programm nukleari tagħha għall-kontroll tal-komunità internazzjonali. Huwa ferm evidenti li tali għan huwa għan ta’ interess ġenerali.

130. F’dawn il-kundizzjonijet, kuntrarjament għal dak pretiż mill-appellant, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali la hija f’kontradizzjoni mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u lanqas mal-ġurisprudenza storika tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kamp tad-drittijiet fundamentali kif invokati mill-appellant.

131. Inkwantu huwa infondat, it-tieni aggravju sussidjarju għandu jiġi miċħud.

F –    Fuq it-tielet aggravju sussidjarju, imsejjes fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill meta inkluda lill-appellant fil-lista tal-entitajiet li l-beni tagħhom kellhom jiġu ffriżati

1.      L-argumenti tal-partijiet

132. L-appellant iqis li l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2009, tas-17 ta’ Novembru 2009 li jimplementa l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar id-deċiżjoni kontenzjuża (109), tikkostitwixxi element ġdid li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(2) tar-Regoli tal-Proċedura (110), jippermettilu jippreżenta aggravju ġdid. Fil-fatt, mill-ittra li permezz tagħha r-Regolament Nru 1100/2009 ġie nnotifikat lill-appellant jirriżulta li l-Kunsill sejjes ruħu kemm fuq il-ġustifikazzjonijiet li inizjalment kienu wasslu għall-inklużjoni tal-appellant fil-lista tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007, kif ukoll fuq elementi ġodda. F’dawn il-kundizzjonijiet, li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li l-appellant ma kienx diġà ċaħad, anki b’mod impliċitu, l-allegazzjoni tal-Kunsill relatata mal-impenn tiegħu fil-proliferazzjoni nukleari permezz tas-sempliċi preżentata tar-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, issa huwa possibbli għall-appellant li jikkontesta b’mod espress din l-allegazzjoni.

133. Fil-kuntest tal-aggravju preżenti, l-appellant isostni li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni bl-inklużjoni u ż-żamma tiegħu fl-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007. Għal dan il-għan, l-appellant jibbaża ruħu fuq dokumenti li kien ippreżenta huwa stess fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Frar 2009 u fuq korrispondenza skambjata mal-Kunsill wara l-pubblikazzjoni, fil-25 ta’ Ġunju 2009, ta’ avviż ġdid li kien jinforma lill-persuni, entitajiet u korpi inklużi fil-lista skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 dwar il-possibbiltà li jintalab eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li permezz tagħha kienu ġew inklużi fil-lista (111). Mit-totalità ta’ dawn id-dokumenti jirriżulta li l-appellant qatt ma kkontribwixxa għall-programm nukleari Iranjan, kif lanqas ma kien assoċjat ma’ entitajiet li setgħu huma stess ikkontribwixxew.

134. Il-Kunsill, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni talbu unanimament li l-aggravju jiġi ddikjarat bħala inammissibbli.

2.      Evalwazzjoni

135. Ma hemmx dubju li dan l-aggravju huwa dirett kontra l-Kunsill innifsu u li huwa msejjes fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni allegatament imwettaq mill-Kunsill fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 1100/2009 u, indirettament, waqt l-adozzjoni tar-Regolament Nru 473/2007.

136. Il-fatt li dan l-aggravju huwa dirett b’dan il-mod iwassalni sabiex inqis li l-appellant mhux qed jikkontesta d-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali li r-rikors ippreżentat quddiemha ma kien fih ebda motiv li jikkontesta l-konstatazzjoni tal-Kunsill li l-appellant ipprovda l-appoġġ finanzjarju tiegħu għall-proliferazzjoni nukleari, “minkejja li din il-konstatazzjoni tikkostitwixxi l-bażi tad-deċiżjoni [kontenzjuża] sa fejn tikkonċerna lir-rikorrent u li, għaldaqstant, tali motiv seta’ jitqajjem sa mill-formulazzjoni tar-rikors” (112). L-appellant bilkemm ipprova jiġġustifika din il-lakuna oriġinali fir-rikors meta kkonferma, fl-istadju tal-appell (113), li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li s-sempliċi preżentata ta’ rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kienet tikkorrispondi għall-kontestazzjoni, anki jekk impliċita, tal-konstatazzjoni tal-Kunsill li l-appellant jipprovdi appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari.

137. Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. L-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża seta’ jintalab għal motivi varji, motivi li setgħu jkunu – u effettivament kienu – mingħajr rabta mal-allegazzjoni tal-parteċipazzjoni fil-proliferazzjoni nukleari. La huwa l-kompitu tal-Qorti Ġenerali u lanqas tal-Qorti tal-Ġustizzja li jippreżumu r-raġunijiet li jkunu wasslu lir-rikorrenti sabiex jikkontestaw il-validità ta’ att, iżda dan jaqa’ fl-ambitu, għall-kuntrarju, tar-responsabbiltà tagħhom. Fi kwalunkwe każ, nirrepeti li l-aggravju preżenti huwa dirett kontra l-Kunsill.

138. Peress li, “ [f]il-kuntest ta’ appell, il⁃kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija […] limitata għall⁃evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li tkun ingħatat lill-motivi u l⁃argumenti li jkunu ġew dibattuti quddiem l-ewwel qorti” (114), u fid-dawl tal-fatt li l-appellant ma ressaq ebda motiv dwar dan il-punt quddiem il-Qorti Ġenerali, l-unika raġuni li tista’ twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu pożizzjoni dwar il-fondatezza ta’ din il-konstatazzjoni konċernanti lill-appellant hija l-materjalizzazzjoni ta’ punti ta’ liġi u ta’ fatt ġodda matul il-proċedura. Huwa għal din ir-raġuni li l-appellant jinvoka l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1100/2009 (115). L-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007 ġie ssostitwit permezz tal-Anness tar-Regolament Nru 1100/2009. L-appellant għadu inkluż fil-punt 4 tat-Tabella B tal-Anness kif emendat, iżda l-motivi li abbażi tagħhom saret l-inklużjoni tiegħu fil-lista ġew ikkompletati.

139. Preliminarjament, irrid ngħid li, kuntrarjament għal dak li sostna l-Kunsill fir-risposta tiegħu, l-Artikolu 42(2) tar-Regoli tal-Proċedura japplika wkoll fil-kuntest ta’ appell, skont l-Artikolu 118 tal-istess Regoli (116).

140. Fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ jekk aħniex fil-preżenza ta’ element ġdid li qam waqt il-proċedura, l-appellant jirrikonoxxi huwa stess li, mill-ittra li permezz tagħha l-Kunsill innotifikalu r-Regolament Nru 1100/2009, jirriżulta li dan tal-aħħar, li żammu mniżżel fil-lista, huwa msejjes b’mod partikolari fuq il-ġustifikazzjonijiet li inizjalment kienu wasslu għall-inklużjoni tiegħu fil-lista tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007. Anki jekk, għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1100/2009, il-Kunsill seta’ jikkunsidra elementi ġodda, għandi diffikultà nara kif ir-Regolament Nru 1100/2009 jikkostitwixxi, fih innifsu, element ġdid fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li jista’ jawtorizza lill-appellant, fl-istadju tal-appell, jinvoka motiv ġdid, f’sitwazzjoni fejn kien manifestament f’pożizzjoni li jikkontesta, sa mill-istadju tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali (117), il-konstatazzjoni li fuqu tissejjes d-deċiżjoni kontenzjuża.

141. Fi kwalunkwe każ, il-motiv ġdid milqugħ f’dan l-istadju ma jistax, eventwalment, jiġi dirett ħlief kontra wieħed mill-aspetti tal-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali. Billi jindirizza dan l-aggravju kontra l-Kunsill mingħajr indikazzjoni veritarja tal-eżistenza ta’ punt ġdid ta’ liġi jew ta’ fatt, u f’sitwazzjoni fejn ma ressaq ebda motiv dwar dan il-punt quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellant qed jipprova jwessa’, b’mod inopportun, is-suġġett tal-kawża u, b’hekk, jiżnatura l-appell (118).

142. It-tielet aggravju sussidjarju għandu għalhekk jiġi ddikjarat bħala inammissibbli.

IV – Dwar l-ispejjeż

143. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell huwa infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 118 tagħhom, il-parti telliefa għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kunsill talab li l-appellant jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż u peress li dan tal-aħħar għandu, fil-fehma tiegħi, jitqies li tilef fir-rigward tal-aggravji tiegħu, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjez tal-appell. Peress li r-Repubblika Franċiża, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni ħadu sehem fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 115 tar-Regoli tal-Proċedura, huma għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom skont l-Artikolu 69(4) tal-imsemmija regoli.

V –    Konklużjoni

144. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara u tiddeċiedi li:

“1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Il-Bank Melli Iran huwa kkundannat għall-ħlas tal-ispejjeż tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Il-partijiet l-oħra fil-proċedura għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Ottubru 2009 (T‑390/08, Ġabra p. II‑3967).


3 – ĠU L 163, p. 29.


4 – S/RES/1737 (2006)*.


5 – ĠU L 4M, 8.1.2008, p. 155.


6 – ĠU L 335M , 13.12.2008, p. 969, rettifika fil-ĠU L 64M, 10.3.2009, p. 423.


7 – S/RES/1803 (2008).


8 – Ara l-punt 10 tar-Riżoluzzjoni 1803 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà.


9 – Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/479/PESK, tat-23 ta’ Ġunju 2008, li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 163, p. 43).


10 – Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/652/PESK, tas-7 ta’ Awwissu 2008, li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 213, p. 58, rettifika fil-ĠU L 285, 29.10.2008, p. 22).


11 – Is-sussidjarja Brittannika tal-appellant kellha l-fondi tagħha ffriżati, abbażi tal-istess deċiżjoni li laqtet lill-kumpannija parent tagħha. Wara li r-rikors tagħha, distint minn dak li ppreżentat il-kumpannija parent tagħha, ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2009, Melli Bank vs Il-Kunsill (T‑246/08 u T‑332/08, Ġabra p. II‑2629)], hija ppreżentat appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jiġi ttrattat separatament, irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja bin-numru C‑390/09 P.


12 – Artikolu ċċitat fil-punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


13 – Sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999 (C‑227/92 P, Ġabra p. I‑4443).


14 – Artikolu ċċitat fil-punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


15 – Ara l-punt 86 tas-sentenza appellata.


16 – Sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008 (C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351).


17 – Ibidem, punti 241 sa 244.


18 – Ibidem, punt 336.


19 – Ibidem, punt 337. L-enfażi korsiva hija tiegħi.


20 – Ara l-punt 86 tas-sentenza appellata.


21 – Sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1962, Confédération nationale des producteurs de fruits et légumes et vs Il-Kunsill (16/62 u 17/62, Ġabra p. 901).


22 – Dwar dan il-punt, ara l-punti 88 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


23 – Ara l-punt 1 tas-sentenza appellata.


24 – Sentenza tal-25 ta’ Jannar 1979, Racke (98/78, Ġabra p. 69, punt 15).


25 – Sentenza tal-14 ta’ Lulju 1972 (52/69, Ġabra p. 787).


26 – Ibidem, punt 18.


27 – Ibidem.


28 – Ibidem, punt 19.


29 – 48/69, Ġabra p. 619, punti 39 sa 44.


30 – Irrid ngħid li l-Qorti Ġenerali kompliet tispira ruħha minn din il-ġurisprudenza: ara, inter alia, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Mejju 1998, W vs Il-Kummissjoni (T‑78/96 u T‑170/96, ĠabraSP p. I‑A‑239 u II‑745, punt 183) u tat-2 ta’ Lulju 2002, SAT.1 vs UASI (SAT.2) (T‑323/00, Ġabra p. II‑2839, punt 12).


31 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13.


32 – Ibidem, punti 68 u 72.


33 – Sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2002 (C‑398/00, Ġabra p. I‑5643).


34 – Ibidem (punt 33). L-enfażi korsiva hija tiegħi.


35 – Iċċitati rispettivament fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 25 u 29.


36 – Sentenza tal-21 ta’ Marzu 1955, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs L-Awtorità Għolja (6/54, Ġabra p. 220).


37 – Sentenza tat-23 ta’ Frar 1988, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (68/86, Ġabra p. 855).


38 – Sentenza tal-20 ta’ Settembru 1988, Spanja vs Il-Kunsill (203/86, Ġabra p. 4563).


39 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et (C‑137/92 P, Ġabra p. I‑2555, punt 76), u tas-6 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs Solvay (C‑287/95 P u C‑288/95 P, Ġabra p. I‑2391, punt 55).


40 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Marzu 2000, VBA vs Florimex et (C‑265/97 P, Ġabra p. I‑2061), tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost vs UFEX et (C‑341/06 P u C‑342/06 P, Ġabra p. I‑4777, punti 88 et seq) kif ukoll tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast (C‑390/06, Ġabra p. I‑2577, punti 79 et seq).


41 – Ara l-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


42 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (punt 340 u l-ġurisprudenza ċċitata).


43 – Iċċitati iktar ’il fuq fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 25 u 29, rispettivament.


44 – Fi kwalunkwe każ, li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha, minkejja l-proposta tiegħi, tqis li l-obbligu ta’ notifika jaqa’ fl-ambitu tal-forom proċedurali sostanzjali tal-att, u kuntrarjament għal dak li jsostni l-appellant, il-ksur ta’ obbligu bħal dan ma jistax awtomatikament jikkawża l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża peress li, fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, mis-sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li l-ksur ta’ din il-forma proċedurali sostanzjali seta’ – u mhux kellu – jikkawża l-annullament tal-att li tiegħu ma saritx in-notifika. Il-formola applikata fis-sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma tistax tkun iktar ċara, peress li f’dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja tillimita s-sitwazzjonijiet li fihom in-nuqqas ta’ notifika jikkawża l-annullament għal “ċerti każijiet” (ara l-punt 33 tal-imsemmija sentenza).


45 – Iċċitati rispettivament fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 25 u 29.


46 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16.


47 – Iċċitati infra punti 69 u 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


48 – Skont it-termini tiegħu “[j]ekk ikun jidher meħtieġ li l-Komunità tieħu azzjoni biex jintlaħaq xi wieħed mill-għanijiet tal-Komunità, fit-tħaddim tas-suq komuni, u jekk dan it-Trattat ma jkunx ipprovda għal xi setgħa t’azzjoni hekk meħtieġa għal dan il-għan, il-Kunsill, b’vot unanimu fuq proposta mil-Kummissjoni, u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, għandu jieħu l-passi xierqa”.


49 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16..


50 – Skont it-termini tal-Artikolu 301 KE: ara l-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


51 – Ara l-premessa 12 tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140.


52 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq.


53 – Ibidem, punt 166.


54 – Ibidem, punt 167.


55 – Ibidem, punt 168.


56 – Ibidem.


57 – F’dan ir-rigward, ara l-punt 30 tas-sentenza appellata kif ukoll il-punti 136 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


58 – Fil-punt 4.21 tar-rikors tiegħu, l-appellant jikkwota, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, Ġabra p. 461, punti 9 u 11); tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni (322/81, Ġabra p. 3461, punt 7); tas-6 ta’ April 1995, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni (C‑310/93 P, Ġabra p. I‑865, punt 21), kif ukoll tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C‑185/95 P, Ġabra p. I‑417, punt 89).


59 – Fil-punt 4.22 tar-rikors tiegħu, l-appellant jikkwota, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Diċembru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill (T‑284/08, Ġabra p. II‑3487).


60 – Fil-punt 4.22 tar-rikors tiegħu, l-appellant jinvoka, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Saadi vs L-Italja, tat-28 ta’ Frar 2008 (rikors Nru 37/201/06, § 138 u 139) u A. vs Ir-Renju Unit, tad-19 ta’ Frar 2009 (rikors Nru 3455/05, § 126).


61 – Artikolu  253 KE.


62 – Ara l-punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


63 – Ara, inter alia, is-sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill (C‑266/05 P, Ġabra p. I‑1233, punt 80).


64 – Ara l-punt 81 tas-sentenza appellata.


65 – Idem.


66 – Sentenza Kadi, iċċitata iktar ’il fuq (punt 336).


67 – Ara l-aħħar parti tal-punt 4.21 tal-appell.


68 – Ara l-punti 30 u 107 tas-sentenza appellata.


69 – Dwar l-impossibbiltà li motivi bħal dawn jitqajmu ex officio, ara s-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑89/08 P, Ġabra p. I‑11245, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


70 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 59.


71 – Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha fil-ġejjieni qarib tieħu pożizzjoni dwar dan il-punt, peress li ġie ppreżentat appell fir-rigward tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (ara l-kawża Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja bin-numru C‑27/09 P) kif ukoll fir-rigward tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Mejju 2010, Tay Za vs Il-Kunsill (T‑181/08, Ġabra p. II‑1965), kawża rreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja bin-numru C‑376/10 P.


72 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 76).


73 – Ibidem (punt 75). Attitudni bħal din tal-istituzzjoni Komunitarja kienet qed tirriżulta fir-riskju ċar ta’ preġudizzju għad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-entità li kienet fil-mira tal-miżura restrittiva inkwistjoni.


74 – Sentenza Kadi, iċċitata iktar ’il fuq (punt 339).


75 – Ibidem (punt 340 u l-ġurisprudenza ċċitata).


76 – Ibidem (punt 341).


77 – Iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


78 – Ara l-punt 126 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


79 – F’dan ir-rigward, irid jingħad ukoll li l-Kunsill ippubblika, fl-istess jum tad-deċiżjoni kontenzjuża, avviż li jinforma lill-persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007, dwar il-possibbiltà li ssir talba lill-Kunsill sabiex id-deċiżjoni li permezz tagħha kienu ġew inklużi fl-Anness V tal-imsemmi regolament, tiġi eżaminata mill-ġdid (ara ĠU C 159, p. 1 kif ukoll il-punt 98 tas-sentenza appellata). L-appellant ma għamilx użu minn din il-possibbiltà ħlief wara l-pubblikazzjoni tal-avviż fil-25 ta’ Ġunju 2009: ara l-punt 133 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


80 – Ser naraw iktar ’il quddiem li l-appellant ipprova jerġa’ jqajjem il-kwistjoni fil-kuntest tal-appell, iżda mingħajr suċċess (ara l-punti 132 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet li jittrattaw l-eżami tat-tielet aggravju sussidjarju).


81 – B’mod partikolari, skont l-Artikolu 66(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, huwa previst li din tal-aħħar “tistabbilixxi dawk il-mużuri li hija tqis xierqa permezz ta’ digriet li jindika l-fatti li għandhom jiġu ppruvati” (l-enfażi korsiva hija tiegħi).


82 – U dan, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja: ara s-sentenza Kadi, iċċitata iktar ’il fuq (punt 342).


83 – Ara l-aħħar parti tal-punt 4.22 tal-appell.


84 – Ara l-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


85 – S/RES/1747 (2007).


86 – Ara l-premessa 12 tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140.


87 – Ara l-punt 52 tas-sentenza appellata.


88 – Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 219/2008, tal-11 ta’ Marzu 2008, li jemenda r-Regolament Nru 423/2007 (ĠU L 68, p. 5) jalludi biss għar-Riżoluzzjoni 1803 (2008) fil-premessa 2 tiegħu. L-uniku għan ta’ din l-emenda huwa s-sostituzzjoni tal-Anness IV tar-Regolament Nru 423/2007 (anness li jelenka l-perusni, l-entitajiet u l-korpi identifikati mill-Kunsill tas-Sigurtà) b’lista aġġornata. It-teħid inkunsiderazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1803 (2008), għal dak li għandu x’jaqsam mal-Unjoni, sar permezz tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/652/PESK, tas-7 ta’ Awwissu 2008, li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 213, p. 58 u rettifika fil-ĠU L 285, 29.10.2008, p. 22), sussegwentement għad-deċiżjoni kontenzjuża u li, fi kwalunkwe każ, b’ebda mod ma reġgħet qajmet il-kwistjoni tal-awtonomija tas-setgħa tal-Kunsill relatata mal-identifikazzjoni u mal-inklużjoni fil-lista tal-entitajiet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti permezz tal-pożizzjoni komuni.


89 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (§ 138 u 139).


90 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (§ 126).


91 – Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1970 (11/70, Ġabra p. 1125).


92 – B’referenza, b’mod partikolari, għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Settembru 2009, El Morabit vs Il-Kunsill (T‑37/07 u T‑323/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra) kif ukoll għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Lulju 1996, Bosphorus (C‑84/95, Ġabra p. I‑3953) u Kadi u Al Barakaat International Foundation, iċċitata iktar ’il fuq.


93 – Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tat-30 ta’ Ġunju 2005, Bosphorus Hava Yollari Turizm Ve Ticaret Anonim Sirketi vs L-Irlanda (rikors numru 45036/98).


94 – Fil-fatt, kien biss wara li l-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-partijiet, waqt is-seduta, sabiex jieħdu pożizzjoni dwar din il-kwistjoni li tqajmet din il-problema.


95 – Ara l-punti 70 u 71 tas-sentenza appellata.


96 – Sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000 (C‑210/98 P, Ġabra p. I‑5843).


97 – Ara l-punti 102 et seq tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Common Market Fertilizers vs Il-Kummissjoni (C‑443/05 P, Ġabra p. I‑7209) kif ukoll il-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni (C‑362/08 P, Ġabra p. I‑669).


98 – Ara l-punt 143 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża li tat lok għas-sentenza Salzgitter vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq; in-nota ta’ qiegħ il-paġna 54 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza Common Market Fertilizers vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.


99 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (§ 138).


100 – Idem.


101 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (§ 126).


102 – Fis-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 1976, Handyside vs Ir-Renju Unit (rikors Nru 5493/72), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-miżuri provviżorji għall-qbid tal-beni li jimpedixxu, għal xi żmien, lill-proprjetarju milli jgawdi u jiddisponi mill-beni tiegħu kif jixtieq huwa, jaqgħu fl-ambitu tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB (ara § 62 tal-imsemmija sentenza). Il-miżuri nazzjonali li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi tieni paragrafu ma jistgħux jiġu ġġustifikati ħlief abbażi tal-eżistenza ta’ interess ġenerali li għandu jiġi mħares u bil-kundizzjoni li teżisti rabta raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi applikati u l-għan li jrid jintlaħaq (ara s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-13 ta’ Ġunju 1979, Marckx vs Il-Belġju, rikors Nru 6833/74, § 63 u 64; tal-24 ta’ Ottubru 1986, AGOSI vs Ir-Renju Unit, rikors Nru 9118/80, § 48 sa 52; Bosphorus Hava Yollari Turizm VE Ticaret Anonim Sirketi vs L-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, § 141, 142 u 149; tat-28 ta’ Lulju 2005, Rosenzweig and Bonded Warehouse Ltd. vs Il-Polonja, rikors Nru 51728/99, § 48; tad-29 ta’ Marzu 2011, Uzan et vs It-Turkija, rikors Nru 18240/03, § 82 u 94).


103 – Ara b’mod partikolari, is-sentenza Bosphorus, iċċitata iktar ’il fuq (punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll il-punti 22 u 23).


104 – Sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation, iċċitata iktar ’il fuq (punt 355 u l-ġurisprudenza ċċitata).


105 – B’analoġija, ara ibidem (punt 358).


106 – Ara l-punt 71 tas-sentenza appellata.


107 – Ara s-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation, iċċitata iktar ’il fuq (punt 363).


108 – Sentenza Bosphorus, iċċitata iktar ’il fuq (punt 24).


109 – ĠU L 303, p. 31.


110 – Li jistabbilixxi li “[e]bda raġuni ġdida ma tista’ tiġi ppreżentata matul il-kawża sakemm din ir-raġuni ma tkunx ibbażata fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li joħorġu matul il-proċedura”.


111 – Avviż għall-attenzjoni ta’ dawk il-perusni, l-entitajiet u l-korpi li kienu inklużi mill-Kunsill fil-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007 (Anness V) (ĠU C 145, p. 1). Dan l-avviż għandu jiġi distint minn dak imsemmi mill-Qorti Ġenerali fil-punt 98 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li l-Bank Melli ma għamilx użu minn din il-possibbiltà għal eżami mill-ġdid ħlief immedjatament wara l-pubblikazzjoni tal-avviż tal-25 ta’ Ġunju 2009 (ara l-anness Nru 18 tal-appell), meta seta’ ċertament jitolbu sa mill-pubblikazzjoni tal-avviż tal-24 ta’ Ġunju 2008, sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.


112 – Punt 30 tas-sentenza appellata.


113 – Nirreferi hawnhekk għad-dikjarazzjoni, pjuttost inkompleta, tal-appellant fil-punt 5.12 tal-appell tiegħu.


114 – Sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni (C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, Ġabra p. I‑8533, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata).


115 – Ta’ min wieħed jinnota li l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1100/2009 ħassar id-deċiżjoni kontenzjuża, fatt dan li madankollu huwa mingħajr impatt fuq il-kawża preżenti.


116 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, ARAP et vs Il-Kummissjoni (C‑321/99 P, Ġabra p. I‑4287, punt 112) kif ukoll tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill (C‑229/05 P, Ġabra p. I‑439, punt 61).


117 – Ara l-punt 30 tas-sentenza appellata.


118 – Ara, fost ġurisprudenza abbondanti, is-sentenza L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata).