KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fis-6 ta’ Marzu 2012 ( 1 )

Kawża C-348/09

P. I.

vs

Oberbürgermeisterin der Stadt Remscheid

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (il-Ġermanja)]

“Direttiva 2004/38/KE — Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri — Protezzjoni kontra t-tkeċċija — Kunċetti ta’ ‘ordni pubbliku’ u ta’ ‘sigurtà pubblika’ — Kunċett ta’ ‘raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika’ — Kundanna kriminali għal abbuż sesswali fuq minuri ta’ erbatax-il sena, aggressjoni sesswali u stupru”

1. 

Permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, l-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (il-Ġermanja) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tippreċiża, fid-dawl tas-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis ( 2 ), il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-protezzjoni kontra t-tkeċċija li jinsabu fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38/KE ( 3 ).

2. 

Din id-dispożizzjoni tipprovdi li deċiżjoni ta’ tkeċċija tista’ tittieħed kontra ċittadin tal-Unjoni li għex fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin preċedenti minħabba raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika biss.

3. 

Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi jekk l-imsemmija dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-abbuż sesswali fuq minuri ta’ erbatax-il sena, l-aggressjoni sesswali kif ukoll l-istupru fuq minorenni jaqgħux taħt il-kunċett ta’ raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika. B’mod partikolari, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet, fis-sentenza Tsakouridis, iċċitata iktar ’il fuq, li l-ġlieda kontra t-traffikar ta’ drogi fi grupp organizzat tista’ taqa’ taħt dan il-kunċett, id-domanda hawnhekk hija jekk att iżolat, bħal dak imwettaq minn I. fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-abbuż sesswali fuq minuri ta’ erbatax-il sena, l-aggressjoni sesswali kif ukoll l-istupru jistax ukoll jaqa’ taħt l-imsemmi kunċett.

4. 

F’dawn il-konklużjonijiet, se nispjega r-raġunijiet li għalihom naħseb li l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-abbuż sesswali fuq minuri ta’ erbatax-il sena, l-aggressjoni sesswali kif ukoll l-istupru ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika fil-każ li dawn l-atti ma jheddux direttament it-trankwillità u s-sigurtà fiżika tal-popolazzjoni kollha jew parti kbira minnha.

5. 

Sussegwentement, se niddikjara għala, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 28(2) u (3) ta’ din l-istess direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin tal-Unjoni ma jistax jinvoka d-dritt ta’ protezzjoni rinforzata kontra t-tkeċċija abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, fil-każ li jintwera li l-imsemmi ċittadin jislet dan id-dritt minn aġir ta’ ksur li jikkostitwixxi nkwiet serju għall-ordni pubbliku tal-Istati Membri ospitanti.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-Direttiva 2004/38

6.

Qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/38, kienu jeżistu diversi direttivi u regolamenti fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni u tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini Ewropej. Din id-direttiva ġabret u ssimplifikat il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam.

7.

Fil-fatt, din tneħħi l-obbligu taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiksbu permess ta’ residenza, tintroduċi dritt ta’ residenza permanenti favur dawn iċ-ċittadini u tiċċirkoskrivi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jillimitaw ir-residenza taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra fit-territorju tagħhom.

8.

B’mod speċjali, ispirata minn kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2004/38 tagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni protezzjoni kontra t-tkeċċija.

9.

Għalhekk, bis-saħħa tal-Artikolu 27(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu dan id-dritt minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika, bl-esklużjoni ta’ raġunijiet invokati għal skopijiet ekonomiċi.

10.

L-Artikolu 27(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-miżuri ta’ ordni pubbliku jew ta’ siġurtà pubblika għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 4 ) u jkunu bbażati esklużivament fuq l-aġir personali tal-persuna li hija s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija ( 5 ). Kundanni kriminali preċedenti ma għandhomx, minnhom infushom, jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri. Minbarra dan, l-aġir tal-persuna li hija s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed għal interess fundamentali tas-soċjetà ( 6 ).

11.

B’hekk, l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, dwar il-protezzjoni kontra t-tkeċċija, huwa fformulat kif ġej:

“Deċiżjoni ta’ tkeċċija m’ għandhiex tittieħed kontra ċittadini tal-Unjoni, ħlief meta d-deċiżjoni hi bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika, kif imfissra mill-Istati Membri, jekk dawn:

a)

għexu fl-Istat Membru ospitanti għall-għaxar snin preċedenti.”

B – Id-dritt Ġermaniż

12.

Il-Liġi dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni (Gesetz über die allgemeine Freizügigkeit von Unionsbürgern), tat-30 ta’ Lulju 2004 ( 7 ), tittrasponi, fl-ordinament ġuridiku, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38. B’mod partikolari, l-Artikolu 6(1) tal-FreizügG/EU jipprovdi li, għal ċittadin tal-Unjoni, it-telf tad-dritt ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju Ġermaniż jista’ jiġi ddikjarat biss minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ siġurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika. Skont l-Artikolu 6(2) tal-FreizügG/EU, il-kundanni kriminali li ma jkunux għadhom tħassru mir-reġistru ċentrali jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biex jiġġustifikaw id-deċiżjoni ta’ tkeċċija, sakemm iċ-ċirkustanzi li jifformaw il-bażi ta’ dawn il-kundanni jkunu xhieda ta’ aġir personali li jirrappreżenta theddida reali għall-ordni pubbliku, u li jirrappreżenta theddida reali u serja biżżejjed li tolqot interess fundamentali tas-soċjetà.

13.

L-Artikolu 6(3) tal-FreizügG/EU jipprovdi li, għall-finijiet ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija, għandu b’mod partikolari jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul ta’ residenza tal-persuna kkonċernata fit-territorju Ġermaniż, l-età tagħha, l-istat ta’ saħħitha, is-sitwazzjoni familjari u ekonomika tagħha, l-integrazzjoni soċjali u kulturali tagħha f’dan it-territorju, kif ukoll l-intensità tar-rabtiet tagħha mal-Istat ta’ oriġini tagħha.

14.

Bis-saħħa tal-Artikolu 6(4) tal-FreizügG/EU, wara l-ksib ta’ dritt ta’ residenza permanenti, it-telf tad-dritt ta’ residenza u ta’ moviment fit-territorju Ġermaniż jista’ jiġi ddikjarat biss għal raġunijiet serji.

15.

Skont l-Artikolu 6(5) tal-FreizügG/EU, fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li għexu fit-territorju Federali matul l-aħħar għaxar snin, id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) tal-FreizügG/EU tista’ ssir biss minħabba raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika. Din ir-regola ma tapplikax għal minuri meta t-telf tad-dritt ta’ residenza huwa meħtieġ fl-interess tal-minuri. Jeżistu raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika biss fil-każ li l-persuna kkonċernata tkun ġiet ikkundannata minħabba reat jew reati mwettqa intenzjonalment għal priġunerija jew għal piena minħabba att kriminali minn minuri ta’ mhux inqas minn ħames snin li tkun saret res judicata jew tkun ġiet imposta detenzjoni preventiva matul l-aħħar kundanna definittiva tagħha, fil-każ li tkun involuta s-sigurtà tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew meta l-persuna kkonċernata tippreżenta theddida terroristika.

II – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16.

I., ċittadin Taljan, twieled fit-3 ta’ Settembru 1965 f’Licata (l-Italja). Hu ilu joqgħod fit-territorju Ġermaniż mis-sena 1987. Il-permess ta’ residenza tiegħu kien intbagħatlu fix-xahar ta’April 1987 u kien imġedded regolarment. Huwa għażeb u ma għandux tfal. Huwa qatt ma spiċċa l-iskola jew xi taħriġ vokazzjonali u ma eżerċita l-ebda attività professjonali fil-Ġermanja ħlief b’mod temporanju, bħala ħaddiem mhux speċjalizzat. Qabel l-arrest tiegħu, huwa kien jaħdem bħala assistent tal-ex sieħba tiegħu, anki hija ħassiela. I. għandu ħamest aħwa, ftit minnhom joqogħdu l-Ġermanja, u oħrajn l-Italja. Sa mill-arrest tiegħu, ommu toqgħod parzjalment fil-Ġermanja u parzjalment fl-Italja.

17.

Fis-16 ta’ Mejju 2006, il-Landgericht Köln ikkundannat lil I. għal priġunerija ta’ seba’ snin u sitt xhur għal abbuż sesswali fuq minuri ta’ erbatax-il sena, aggressjoni sesswali kif ukoll stupru. Din is-sentenza saret res judicata fit-28 ta’ Ottubru 2006. Il-fatti żvolġew bejn is-sena 1990 u 2001. Il-vittma, it-tifla tal-ex sieħba ta’ I., kellha tmien snin fil-bidu ta’ dawn il-fatti. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, mis-sena 1992, I. ġiegħlha regolarment ikollha rapporti sesswali miegħu jew twettaq atti sesswali oħra, kważi kull ġimgħa, filwaqt li heddidha, fost l-oħrajn, li joqtol lil ommha u lil ħuha.

18.

I. ilu l-ħabs mill-10 ta’ Jannar 2006 u se jiskonta l-piena ta’ priġunerija tiegħu fid-9 ta’ Lulju 2013.

19.

Permezz tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Mejju 2008, l-Oberbürgermeisterin der Stadt Remscheid ikkonstatat, abbażi tal-Artikolu 6(1) ta’ FreizügG/EU, it-telf tad-dritt ta’ dħul u ta’ residenza ta’ I., għar-raġuni li, mal-kundanna tiegħu, dan tal-aħħar ssodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 6(5) tal-FreizügG/Eu u li, barra minn hekk, kien uża enerġija kunsiderevoli fl-atti tiegħu u kkawża tbatija infinita lill-vittma tiegħu billi abbużaha għal snin sħaħ. Barra minn hekk, l-Oberbürgermeisterin der Stadt Remscheid tikkunsidra li reċidività ma setgħetx tiġi eskluża, peress li huwa kien regolarment stupra u attakka sesswalment lill-vittma tiegħu, u dan għal żmien twil, u ma żviluppa qatt sens ta’ ħtija. Skont l-informazzjoni pprovduta miċ-ċentru karċerarju, I. kien iqis lilu nnifsu bħala l-vera vittma u qatt ma kien dispost li jara l-karattru kundannabbli tal-atti tiegħu. L-Oberbürgermeisterin der Stadt Remscheid ordnat l-eżekuzzjoni immedjata tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Mejju 2008 u ordnat lil I. biex jitlaq mit-territorju, fin-nuqqas ta’ dan huwa jiġi deportat lejn l-Italja.

20.

Fit-12 ta’ Ġunju 2008, I. ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni, abbażi tal-fatt li ma kienx hemm raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika sabiex ikun jista’ jiġi kkonstatat it-telf tad-dritt tiegħu ta’ dħul u ta’ residenza.

21.

B’deċiżjoni tal-14 ta’ Lulju 2008, il-Verwaltungsgericht irrifjutat dan ir-rikors, billi qieset li kien hemm raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika u li l-kundanna ta’ I. wriet aġir personali li ġab il-biżgħa ta’ theddida attwali, reali u serja biżżejjed għal interessi fundamentali tas-soċjetà, jiġifieri l-protezzjoni tat-tfajliet u tan-nisa kontra l-aggressjonijiet sesswali u l-istupri.

22.

I. appella kontra din is-sentenza quddiem l-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen li ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Il-kunċett ta’ ‘raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika’, imsemmi fl-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38, ikopri biss theddid għas-sigurtà interna u esterna ta’ Stat, fis-sens tal-eżistenza kontinwa tal-Istat bl-istituzzjonijiet u s-servizzi pubbliċi importanti tiegħu, tas-sopravivenza tal-popolazzjoni, tar-relazzjonijiet esterni u tal-koeżistenza paċifika tan-nazzjonijiet?”

III – L-analiżi tiegħi

23.

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-atti ta’ abbuż sesswali fuq minuri ta’ erbatax-il sena fil-kuntest tal-ħajja tal-familja jikkostitwixxux xi raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika li jistgħu jiġġustifikaw it-tkeċċija ta’ ċittadin mill-Unjoni preżenti għal iktar minn għaxar snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti.

24.

Fl-analiżi li ġejja, ser nindika, oriġinarjament, ir-raġunijiet li għalihom naħseb li reat bħal dak imwettaq minn I. ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika”, skont l-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38. Sussegwentement, se nispjega għala, fil-fehma tiegħi, I. ma jistax, madankollu, jinvoka l-protezzjoni rinforzata mogħtija minn din id-dispożizzjoni u mill-Artikolu 28(2) ta’ din l-istess direttiva.

A – Fuq il-kunċett ta’ raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika

25.

Fis-sentenza Tsakouridis, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mat-traffiku ta’ drogi fi grupp organizzat tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika li tista’ tiġġustifika miżura ta’ tkeċċija ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun irrisjeda fl-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin preċedenti.

26.

Fil-fatt, hija sostniet, l-ewwel nett, li t-traffiku ta’ drogi fi grupp organizzat jikkostitwixxi kriminalità mferrxa, mogħnija b’mezzi ekonomiċi u operattivi impressjonanti u li spiss għandha konnessjonijiet transnazzjonali ( 8 ). Fir-rigward tal-effetti qerrieda tal-kriminalità marbuta ma’ dan it-traffiku, id-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI ( 9 ) tipprovdi, fil-premessa 1 tagħha, li t-traffikar illeċitu ta’ drogi joħloq theddida għas-saħħa, għas-sigurtà u għall-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, u għall-ekonomija legali, għall-istabbiltà u għas-sigurtà tal-Istati Membri ( 10 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad spjegat, wara li nnotat li t-tossikomanija tikkostitwixxi pjaga għall-individwu u perikolu ekonomiku u soċjali għall-umanità, li dan it-tip ta’ traffikar jista’ jippreżenta livell ta’ intensità ta’ natura li thedded direttament it-trankwillità u s-sigurtà fiżika tal-popolazzjoni kollha jew parti kbira minnha ( 11 ).

27.

Il-mistoqsija bħalissa hi dik dwar jekk att kriminali bħal dak imwettaq minn I., jiġifieri l-abbuż sesswali fuq minuri ta’ erbatax-il sena, l-aggressjoni sesswali kif ukoll l-istupru fil-kuntest tal-familja, jistax, bl-istess mod, jidħol fil-kunċett ta’ raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika, anki jekk huwa att iżolat, indipendenti minn kull parteċipazzjoni, mill-awtur tiegħu, għal kwalunkwe netwerk.

28.

Jekk huwa inkontestabbli li l-abbuż sesswali fuq minuri ta’ erbatax-il sena, l-aggressjoni sesswali kif ukoll l-istupru jikkostitwixxu theddida partikolarment serja kontra valur fundamentali tas-soċjetà, jien ma naħsibx li dan it-tip ta’ att jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “sigurtà pubblika”, fis-sens tal-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38.

29.

F’dan ir-rigward, naħseb li hu utli li titfakkar il-filosofija tad-Direttiva 2004/38 billi nippreċiża li hawnhekk tikkonċerna l-konfront tal-kunċetti tagħha mar-realtà u l-ispeċifiċità tad-dritt kriminali.

30.

L-għan ta’ din id-direttiva huwa li tiffaċilita d-dritt fundamentali ta’ kull ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq u li jgħix liberament fit-territorju tal-Istati Membri. Dan id-dritt fundamentali jirriżulta miċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jeżerċita ruħu taħt il-limitazzjonijiet u r-restrizzjonijiet previsti mid-direttiva msemmija ( 12 ).

31.

Peress li t-tul tar-residenza jagħti lok għas-suppożizzjoni tal-integrazzjoni taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, id-Direttiva 2004/38 tipprovdi l-ksib ta’ dritt ta’ residenza permanenti f’dan l-Istat fi tmiem ta’ residenza mhux interrotta ta’ ħames snin ( 13 ).

32.

Dan id-dritt ta’ residenza permanenti jagħti lill-benefiċjarju tiegħu protezzjoni kontra miżuri ta’ tkeċċija li ma jistgħux jittieħdu kontra tiegħu ħlief għal raġunijiet serji ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika ( 14 ).

33.

Tul kumulattiv ta’ residenza għal tal-inqas għaxar snin liċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat protezzjoni rinforzata fir-rigward tal-istess miżuri li ma jistgħux għalhekk jittieħdu ħlief għal raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika ( 15 ). Id-differenza bejn il-kunċetti ta’ “raġunijiet serji” u ta’ “raġunijiet imperattivi” tidher diġà sinjifikattiva għar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni ( 16 ).

34.

Barra minn hekk, il-paragun bejn paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 28 tad-Direttiva 2004/38 juri b’mod ċar li l-kliem tagħha jippreżenta differenza netta bejn il-kunċett ta’ ordni pubbliku u dak ta’ sigurtà pubblika, it-tieni wieħed ikollu grad ogħla mill-ewwel wieħed, peress li jfixkel il-protezzjoni rinforzata li minnha jibbenefika ċ-ċittadin tal-Unjoni.

35.

Applikati għal kwistjonijiet kriminali, dawn iż-żewġ kunċetti jikkorrispondu għal realtajiet kriminologiċi differenti.

36.

Permezz tad-dritt kriminali tiegħu, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-kuntest tal-ordni pubbliku tiegħu, peress li jiddefinixxi l-aġir li jipprojbixxi taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali. Huwa ċar, f’dan ir-rigward, li r-regoli ta’ dritt kriminali huma kollha ta’ ordni pubbliku fis-sens li, regoli li fil-prinċipju huma imperattivi, ir-rieda individwali ma tistax taħrab minnhom. Huma magħmula preċiżament biex jopponu r-rieda individwali għal dak li jista’ jkollha konsegwenzi kkunsidrati bħala negattivi għall-valuri tas-soċjetà.

37.

Il-ksur imwettaq fir-rigward ta’ dawn ir-regoli jwassal għalhekk problema fl-ordni pubbliku stabbilita mill-Istat Membru, problema ftit jew wisq serja skont in-natura tal-att imwettaq, il-problema kkawżata lill-ordni pubbliku tirrifletti normalment fil-gravità tal-piena prevista mil-leġiżlatur nazzjonali biex jissanzjona l-aġir projbit. F’kull każ inkwistjoni, din l-evalwazzjoni hi espressa, u f’dan il-każ il-ponderazzjoni tagħha, fil-piena effettivament imposta li tirrifletti fir-rigward taċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull każ il-grad tal-problema verament ikkawzata.

38.

Ir-riferiment għall-kunċett ta’ sigurtà pubblika jidher ovvjament li jirriżulta mhux b’mod awtomatiku mis-sempliċi fatt li jkun twettaq ksur, imma minn aġir ta’ ksur partikolarment serju fil-prinċipju tiegħu u wkoll fl-effetti tiegħu li jmorru lil hinn mid-dannu individwali kkawżat lill-vittma jew lill-vittmi. Għalhekk iż-żewġ kunċetti ma humiex identiċi u jekk kwalunkwe aġir li joħloq perikolu għas-sigurtà pubblika joħloq problemi minnu nnifsu lill-ordni pubbliku, il-kuntrarju mhux validu, anki jekk, ladarba magħruf, l-att imwettaq jista’ jkattar fl-opinjoni pubblika emozzjoni li hi r-riflessjoni tal-problemi kkawżati mill-ksur.

39.

Hu importanti, f’dan l-istadju, li jkun ippreċiżat li l-kwistjoni dwar jekk delinkwent, bl-aġir tiegħu, jikkostitwixxix perikolu għas-sigurtà pubblika jiddependi għalhekk mhux biss mill-gravità tal-ksur imwettaq, li l-piena sostnuta jew mogħtija tiegħu tagħti idea, imma fuq kollox min-natura tiegħu.

40.

F’dan l-istadju ta’ analiżi ġenerali, it-teħid inkunsiderazzjoni tar-riskju ta’ reċidività mhux fih innifsu determinanti. Liema hu l-ksur li għalih ir-riskju ta’ reċidività ma jeżistix? Hu r-reat mingħajr riskju ta’ reċidività li ma jeżistix. Ukoll, fir-rigward tal-perikolu għas-sigurtà pubblika, hi pjuttost in-natura stess ta’ dan il-perikolu li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni. Jekk in-natura tal-aġir toħloq perikolu b’tali mod li jeżistu għalhekk raġunijiet imperattivi għat-tkeċċija tiegħu biex jiġi evitat, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38 ikunu sodisfatti. Il-probabbiltà tar-reċidività tista’, ċertament, tittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti jew mill-awtorità kompetenti, iżda għall-evalwazzjoni, flimkien ma’ jew ibbilanċjata ma’ kundizzjonijiet jew elementi oħra previsti minn din id-direttiva u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk ikun hemm lok li effettivament tiġi ordnata t-tkeċċija ( 17 ).

41.

Liema huwa għaldaqstant l-aġir ta’ ksur li jista’ jikkostitwixxi tali perikoli għas-sigurtà pubblika? Il-Qorti tal-Ġustizzja tat definizzjoni dwar dan fis-sentenza Tsakouridis, iċċitata iktar ’il fuq.

42.

Kif rajna fil-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li t-traffikar ta’ droga fi grupp organizzat jikkostitwixxi kriminalità mferrxa u jista’ jippreżenta livell ta’ intensità ta’ natura li thedded direttament it-trankwillità u s-sigurtà fiżika tal-popolazzjoni kollha jew parti kbira minnha.

43.

L-atti mwettqa minn I. jaqgħu taħt id-definizzjoni kif mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja? Tkun xi tkun ix-xewqa li jista’ jkollna li nirrispondu b’mod affermattiv peress li, minn perspettiva morali, il-fatti mwettqa jqajjmu diżapprovazzjoni u ripulsjoni spontanji, l-analiżi legali tidher li titlob risposta negattiva.

44.

Fil-fatt, ma jidhirx kontestabbli, b’mod partikolari minn perspettiva kriminoloġika, li dan it-tip ta’ aġir, li jinstab fil-kuntest esklużivament tal-familja, ma jistax jitqabbel ma’ dak tal-“predaturi sesswali” ( 18 ). Jekk I. jikkostitwixxi b’mod inkontestabbli perikolu fl-isfera tal-familja, mhux stabbilit, min-natura tal-att imwettaq, li huwa jikkostitwixxi theddida għas-sigurtà taċ-ċittadini tal-Unjoni, espressjoni meħuda mill-punt 46 tas-sentenza Tsakouridis, iċċitata iktar ’il fuq. Għalkemm ikun repulsiv, l-att ta’ inċest ma jidhirx li joħloq, fir-rigward tas-sigurtà pubblika, l-istess tip ta’ perikolu bħal dak iddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza.

45.

Kieku jiġi deċiż mod ieħor, dan iwassal biex jiġi meqjus li l-unika gravità oġġettiva ta’ ksur kriminali, determinata mill-piena tiegħu, sostunuta jew mogħtija, tikkostitwixxi potenzjalment ġustifikazzjoni għal miżura ta’ tkeċċija għal raġuni imperattiva ta’ sigurtà pubblika.

46.

Għandu madankollu jiġi kkonstatat li dan l-approċċ ma jidhirx konformi mal-filosofija tad-Direttiva 2004/38. Barra minn hekk, il-ħolqien ta’ spazju komuni ta’ ħajja u ta’ moviment jeżiġi wkoll li jittieħed inkunsiderazzjoni fl-interess globali ta’ dan l-ispazju komuni, jiġifieri l-koeżjoni soċjali tal-Unjoni, il-fenomenu tad-delinkwenza, anki jekk dan ifisser l-iżvilupp ta’ mezzi komuni biex jipprevenuh u jiġġielduh. Jidhirli li dan huwa l-kompitu u l-ambizzjoni tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Dan l-ispazju ma jistax jinbena fuq il-bażi ta’ rinviju fl-Istat Membru ta’ oriġini ta’ kull delinkwent ikkastigat severament, fuq l-unika raġuni tas-sanzjoni. Din il-perspettiva tidher barra minn hekk li hi dik espressa minn din id-direttiva permezz tal-prekawzjonijiet li din tobbliga lill-Istati Membri biex jieħdu qabel jordnaw tkeċċija ( 19 ).

47.

Jista’ jkun ikkunsidrat li l-preżenza ta’ I. fl-Istat Membru ospitanti tista’ toħloq il-kundizzjonijiet ta’ reċidività fir-rigward tal-vittma tal-ewwel atti u li, għalhekk, it-tkeċċija tiegħu tkun meħtieġa għall-protezzjoni tal-vittma. Possibbiltà bħal din, li ma tistax tiġi eskluża a priori, ma tistax toħroġ ħlief minn test speċifiku għall-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja fil-kuntest ta’ miżuri ta’ kontroll ta’ wara s-sentenza li l-bażi leġali tagħhom jinsab bnadi oħra milli fid-Direttiva 2004/38. Peress li dan ma kienx suġġett għad-diskussjoni kontradittorja, mhux se niddiskutih hawnhekk, il-każ kuntrarju jeħtieġ, fil-fehma tiegħi, il-ftuħ mill-ġdid tad-diskussjonijiet.

48.

Min-naħa l-oħra, suġġetta għad-diskussjoni tal-partijiet, il-kwistjoni dwar jekk il-benefiċċju ta’ protezzjoni rinforzata tal-Artikolu 28 tad-Direttiva 2004/38 huwiex applikabbli għal I. jistħoqqilha tiġi eżaminata.

B – Fuq il-benefiċċju tal-protezzjoni rinforzata skont l-Artikolu 28(2) u (3) tad-Direttiva 2004/38

49.

Bħall-Gvern Olandiż ( 20 ), naħseb li l-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38 ma japplikax għall-każ ta’ I. sa fejn l-aġir tiegħu u l-mod li bih l-atti twettqu juru li, fil-verità, ma kienx verament integrat u li ma jistax, għalhekk, jibbenefika mill-protezzjoni rinforzata prevista minn din id-dispożizzjoni.

50.

F’dan ir-rigward, il-parallel li jħaddan il-Gvern Olandiż permezz tal-kawża Kol ( 21 ) huwa, fil-fehma tiegħi, rilevanti, sa fejn, f’dan il-każ partikolari perfettament differenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li aġir frawdolenti seta’ jċaħħad lill-awtur tiegħu mill-benefiċċju ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza.

51.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tindika, fis-sentenza Kol, iċċitata iktar ’il fuq, li huwa eskluż li l-eżerċizzju ta’ impjieg permezz ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza mogħtija bħala konsegwenza ta’ aġir frawdolenti li ta lok għal kundanna jista’ jqajjem favur il-ħaddiem Tork drittijiet jew jiġġustifika aspettattivi leġittimi fil-kap tiegħu ( 22 ).

52.

Jidhirli li din il-ġurisprudenza tista’ tiġi applikata għal din il-kawża.

53.

Fil-fatt, mill-premessa 23 tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li t-tkeċċija taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika tista’ tweġġa’ serjament persuni li, wara li utilizzaw id-drittijiet u l-libertajiet mogħtija lilhom mit-Trattat KE, ġenwinament integraw rwieħhom ( 23 ) fl-Istat Membru ospitanti ( 24 ).

54.

Għal din ir-raġuni, kif jirriżulta mill-premessa 24 ta’ din id-direttiva, din timplementa sistema ta’ protezzjoni kontra miżuri ta’ tkeċċija li hija bbażata fuq il-grad ta’ integrazzjoni taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, b’mod li iktar kemm tkun kbira l-integrazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom fl-Istat Membru ospitanti iktar trid tkun kbira l-protezzjoni tagħhom kontra t-tkeċċija ( 25 ).

55.

Kif rajna, l-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38 jikkostitwixxi l-aħħar grad ta’ protezzjoni kontra t-tkeċċija, l-iktar importanti, minħabba li jibbenefika liċ-ċittadin tal-Unjoni li kien għex matul l-għaxar snin qabel il-miżura ta’ tkeċċija fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti.

56.

Din id-dispożizzjoni tinkludi, jidhirli, preżunzjoni sempliċi ta’ integrazzjoni li l-prova kuntrarja tagħha tirriżulta hawnhekk mill-fatti stess.

57.

Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni telaq mill-prinċipju li t-tul ta’ residenza huwa xhieda ta’ ċertu integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti ( 26 ). Wara perijodu ta’ għaxar snin mqatta’ fit-territorju ta’ dan l-Istat, ir-rapporti bejn iċ-ċittadin tal-Unjoni li għamel użu mil-libertà tiegħu ta’ moviment u ’l hekk imsejjaħ Stat huma preżunti li huma stretti, sal-punt li twassal lil dan iċ-ċittadin biex jħossu li jagħmel parti integrali mis-soċjetà tal-Istat, u dan, infakkar, sabiex tkun promossa l-koeżjoni soċjali li hi waħda mill-objettivi fundamentali tal-Unjoni ( 27 ).

58.

Jidher inkontestabbli, f’din il-kawża, li, jekk il-fatti, fid-dawl tad-data tagħhom, kienu magħrufa sa mill-bidu tal-kummissjoni tagħhom, I. kellu jkun imfittex, ikkundannat u, f’dan il-każ, imkeċċi mingħajr naturalment ma jkun jista’ jinvoka l-benefiċċju tal-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38.

59.

Fil-fatt, mit-tielet sena tiegħu ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, għalhekk qabel il-ħames snin ta’ residenza legali li huma ċentrali għad-dritt ta’ residenza permanenti, I. beda jabbuża mit-tifla minorenni tas-sieħba tiegħu, u dan sal-2001, jiġifieri fil-perijodu tal-għaxar snin preċedenti l-miżura ta’ tkeċċija meħuda kontra dan ( 28 ).

60.

Jekk l-integrazzjoni taċ-ċittadin tal-Unjoni hi, effettivament, ibbażata fuq fatturi spazjali u temporali, hi bbażata, ukoll, fuq fatturi kwalitattivi ( 29 ). Madankollu, jidher ċar li l-aġir ta’ I., li jikkostitwixxi problema serja għall-ordni pubbliku, jindika nuqqas totali tar-rieda ta’ integrazzjoni fis-soċjetà fejn jinsab u li b’mod tant konxju ċaħad, għal snin twal, ċerti mill-valuri fundamentali tagħha. Illum huwa jibbaża ruħu fuq konsegwenzi li jirriżultaw mit-twettiq ta’ terminu ta’ għaxar snin li ma kienx interrot għax l-aġir tiegħu baqa’ moħbi permezz tal-effett tal-vjolenza fiżika u morali eżerċitata b’mod odjuż fuq il-vittma matul is-snin.

61.

Sitwazzjoni ta’ ksur ta’ din in-natura, bil-pretest li damet żmien twil, ma tistax toħloq dritt. Barra minn hekk, id-Direttiva 2004/38 fiha nnifisha tipprevedi, fl-Artikolu 35 tagħha, li l-Istati Membri jistgħu jadottaw il-miżuri neċessarji biex jirrifjutaw, jikkanċellaw jew jirtiraw kwalunkwe dritt mogħti minnha f’każ ta’ abbuż ta’ dritt jew ta’ frodi. Jeħtieġ hawnhekk li tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tislet il-konsegwenzi minn tali frodi.

62.

Li wieħed jammetti li I. jista’ jislet mill-aġir tiegħu ta’ ksur id-dritt għall-protezzjoni rinforzata previst fl-Artikolu 28(2) u (3) ta’ din id-direttiva jmur kontra, fil-fehma tiegħi, il-valuri li fuqhom tibbaża ċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

63.

Minkejja dan, I. irid, naturalment, jibbenefika mill-garanziji tad-drittijiet tiegħu skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28(1) tad-direttiva msemmija u skont il-prinċipji tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jikkonċernaw il-garanzija tad-drittijiet fundamentali, prinċipji indikati fis-sentenza Tsakouridis, iċċitata iktar ’il fuq, b’mod partikolari fil-punt 52 tagħha.

64.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, naħseb li l-Artikolu 28(2) u (3) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin tal-Unjoni ma jistax jinvoka d-dritt għal protezzjoni rinforzata kontra t-tkeċċija skont din id-dispożizzjoni meta huwa muri li l-imsemmi ċittadin jislet dan id-dritt minn aġir ta’ ksur li jikkostitwixxi problema serja għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru ospitanti.

IV – Konklużjoni

65.

Fir-rigward tal-elementi kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrispondi lill-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen bil-mod kif ġej:

“L-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-abbuż sesswali fuq minuri ta’ erbatax-il sena, l-aggressjoni sesswali kif ukoll l-istupru ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ ‘raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika’ peress li dawn l-atti ma jheddux direttament it-trankwillità u s-sigurtà fiżika tal-popolazzjoni kollha jew parti kbira minnha.

L-Artikolu 28(2) u (3) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat f’sens li ċittadin tal-Unjoni ma jistax jinvoka d-dritt għal protezzjoni rinforzata kontra t-tkeċċija skont din id-dispożizzjoni meta huwa muri li l-imsemmi ċittadin jislet dan id-dritt minn aġir ta’ ksur li jikkostitwixxi problema serja għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru ospitanti.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) C-145/09, Ġabra p. I-11979.

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46, u r-rettifiki ĠU L 229, p. 35, u ĠU 2005, L 197, p. 34).

( 4 ) Ara s-sentenza tat-18 ta’ Mejju 1982, Adoui u Cornuaille (115/81 u 116/81, Ġabra p. 1665).

( 5 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ Frar 1975, Bonsignore (67/74, Ġabra p. 297).

( 6 ) Ara s-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, Ġabra p. 1999).

( 7 ) BGBl. 2004 I, p. 1950; Liġi kif emendata bil-liġi li temenda l-Liġi fuq il-Pulizija Federali u l-liġijiet oħrajn (Gesetz zur Änderung des Bundespolizeigesetzes und anderer Gesetze), tas-26 ta’ Frar 2008 (BGBl. 2008 I, p. 215, iktar ’il quddiem il-“FreizügG/EU”).

( 8 ) Ara l-punt 46.

( 9 ) Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2004, li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni applikabbli fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi (ĠU 2006, L 153M, p. 94).

( 10 ) Sentenza Tsakouridis, iċċitata iktar ’il fuq (punt 46).

( 11 ) Ibidem (punt 47).

( 12 ) Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja (C-424/10 u C-425/10, Ġabra p. I-14035, punt 35 kif ukoll l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Ara l-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva.

( 14 ) Ara l-Artikolu 28(2) tad-direttiva msemmija.

( 15 ) Ara l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38.

( 16 ) Sentenza Tsakouridis, iċċitata iktar ’il fuq (punt 40).

( 17 ) Ibidem (punti 49 sa 53).

( 18 ) Kategorija ta’ kriminali partikolarment perikolużi kkaratterizzata minn aġir bħal dak identifikat mis-sentenzi Dutroux u Fourmiret.

( 19 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 27(2) tal-imsemmija direttiva.

( 20 ) Ara l-punti 37 et seq tal-osservazzjonijiet.

( 21 ) Kawża li wasslet għas-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1997 (C-285/95, Ġabra p. I-3069).

( 22 ) Punt 28.

( 23 ) Enfasi miżjuda minni.

( 24 ) Sentenza Tsakouridis, iċċitata iktar ’il fuq (punt 24).

( 25 ) Ibidem (punt 25).

( 26 ) Ara proposta ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu u jirrisjedu b’mod ħieles fit-territorju tal-Istati Membri [COM(2001) 257 finali].

( 27 ) Ara l-premessa 17 tad-Direttiva 2004/38.

( 28 ) Ara l-punti 31 u 32 tad-deċiżjoni tar-rinviju.

( 29 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Dias (C-325/09, Ġabra p. I-6387, punt 64).