KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fid-9 ta’ Settembru 2010 (1)

Kawża C‑274/09

Privater Rettungsdienst und Krankentransport Stadler

vs

Zweckverband für Rettungsdienst und Feuerwehralarmierung Passau

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht München (il‑Ġermanja)]

“Servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza – Kriterji ta’ distinzjoni bejn kuntratt pubbliku għal servizzi u konċessjoni għal servizzi – Tip ta’ remunerazzjoni –Trasferiment tar-riskju marbut mal-operat tas-servizzi”





1.        Fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għal darba oħra qiegħda tintalab tiddeċiedi dwar il-kriterji li jippermettu distinzjoni bejn konċessjoni għal servizzi u kuntratt pubbliku għal servizzi.

2.        Id-domandi preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht München (il-Ġermanja) jipprovdu kif ġej:

“1)      Kuntratt dwar servizzi (f’dan il-każ, servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza) li, fid-dawl tal-kontenut tiegħu, ma jipprevedix li l-awtorità kontraenti tħallas direttament lill-kuntrattur, iżda jipprovdi li:

a)      il-ħlas għall-użu ta’ servizzi li għandhom jiġu pprovduti huwa stabbilit fl-ambitu ta’ negozjati bejn il-kuntrattur u terzi, li huma awtoritajiet kontraenti (f’dan il-każ, l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali),

b)      fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim, huwa previst li bord ta’ arbitraġġ stabbilit għal dan il-għan jagħti deċiżjoni fuq din il-kwistjoni, liema deċiżjoni hija suġġetta għall-istħarriġ tal-qrati tal-Istat,

ċ)      il-ħlas ma jsirx direttament mill-utenti, iżda minn uffiċċju ċentrali ta’ ħlas, li l-kuntrattur huwa legalment marbut li jindirizza, u li jħallsu permezz ta’ ħlasijiet b’mod regolari,

għandu jiġi kkunsidrat għal din ir-raġuni biss bħala konċessjoni ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) u (d) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [dwar koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (2) (kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, kuntratti pubbliċi għal provvisti u kuntratti pubbliċi għal servizzi)]?

2)      Jekk għall-ewwel domanda preliminari tingħata risposta negattiva, ikun każ ta’ konċessjoni ta’ servizzi meta r-riskju ta’ operazzjoni marbut mas-servizz pubbliku jkun limitat, minħabba li:

a)      regola leġiżlattiva tipprevedi li l-ħlasijiet għall-użu tas-servizz għandhom jiġu kkalkolati fuq il-bażi tal-ispejjeż li jistgħu jiġu stmati skont il-prinċipji ta’ ġestjoni tal-impriżi u li jikkorrispondu għal servizz tajjeb, ġestjoni razzjonali u ekonomika kif ukoll organizzazzjoni effiċjenti,

b)      id-debituri tal-ħlasijiet għall-użu tas-servizz huma istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali solventi,

ċ)      ċerta esklużività tal-operazzjoni hija żgurata fil-qasam stabbilit kuntrattwalment,

iżda l-kuntrattur jassumi bis-sħiħ dan ir-riskju limitat?”

3.        Ir-risposta għad-domandi preliminari mressqa mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għandha tgħin lill-qorti tar-rinviju biex tiddeċiedi fuq appell imressaq minn Privater Rettungsdienst und Krankentransport Stadler (iktar ’il quddiem “Stadler”) kontra deċiżjoni tal-Vergabekammer Südbayern (Bord tal-Kuntratti Pubbliċi tal-Bavarja tan-nofsinhar) li permezz tagħha dan tal-aħħar ċaħad azzjoni ta’ Stadler dwar il-proċedura tal-għoti ta’ kuntratti li jipprovdu servizzi fil-qasam tas-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza segwita minn Zweckverband für Rettundgsdienst und Feuerwehralarmierung Passau (grupp komunali responsabbli mis-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza u mill-emerġenza tan-nirien ta’ Passau, iktar ’il quddiem il-“grupp komunali ta’ Passau”) fis-sens tal-liġi tal-Bavarja dwar is-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza (Bayerishces Rettungsdienstgesetz, iktar ’il quddiem il-“BayRDG”) bħala inammissibbli minħabba li l-ħidma li tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza tikkostitwixxi konċessjoni għal servizzi li ma jaqgħux fil-leġiżlazzjoni relatata mal-għoti ta’ kuntratti.

4.        Skont Stadler li pprovdiet servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza għall-grupp komunali ta’ Passau sal-31 ta’ Diċembru 2008 (3), il-kuntratt inkwistjoni ma jikkostitwixxix konċessjoni għal servizzi skont l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2004/18, iżda kuntratt pubbliku għal servizzi skont l-Artikolu 1(2)(a) u (d) tal-imsemmija direttiva.

5.        Min-naħa l-oħra, il-grupp komunali ta’ Passau, bħala l-konvenuta fil-kawża prinċipali, kif ukoll żewġ partijiet intervenjenti fil-proċedura fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Malteser Hilfsdienst e.V. u l-Bayerisches Rotes Kreuz (is-Salib l-Aħmar tal-Bavarja) (4), iqisu li l-kuntratti inkwistjoni jikkostitwixxu konċessjoni għal servizzi.

6.        L-appellanti, il-Kunsill u l-Kummissjoni nstemgħu fit-trattazzjoni tagħhom fis-seduta li saret fis-16 ta’ Settembru 2009. Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ġew ippreżentati l-osservazzjonijiet bil-miktub mhux biss mill-partijiet fil-kawża prinċipali, iżda wkoll mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mir-Repubblika Ċeka kif ukoll mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej. Ir-Renju tal-Iżvezja u ta’ dawn tal-aħħar, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika Ċeka, instemgħu fis-seduta tal-24 ta’ Ġunju 2010.

 Leġiżlazzjoni nazzjonali

7.        Fil-Ġermanja, fil-qasam tas-servizz pubbliku tal-emerġenza, l-awtoritajiet lokali jikkonkludu, fil-kapaċità tagħhom ta’ awtoritajiet responsabbli mill-organizzazzjoni ta’ dawn is-servizzi, kuntratti mal-fornituri bil-għan li dawn is-servizzi jiġu pprovduti lill-popolazzjoni kollha tat-territorju tagħhom.

8.        Fir-rigward tar-remunerazzjoni tal-fornituri tas-servizzi inkwistjoni, jeżistu żewġ mudelli distinti fil-Länder differenti. Skont l-ewwel wieħed, imsejjaħ “appalt”, ir-remunerazzjoni titwettaq direttament mill-awtoritajiet lokali (5). Skont it-tieni wieħed, imsejjaħ “konċessjoni”, ir-remunerazzjoni tal-fornitur tas-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza timplika ħlas, għas-servizzi tiegħu, mill-pazjenti jew minn korpi tas-sigurtà soċjali.

9.        Il-Land tal-Bavarja, fejn ġiet ippreżentata l-kawża prinċipali, għażel il-mudell tal-konċessjoni. Is-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza, li jiġbru l-għajnuniet ta’ emerġenza, it-trasport tal-pazjenti akkumpanjati minn tabib, it-trasport tal-morda, l-għajnuna tal-emerġenza fuq il-muntanji u fl-għerien kif ukoll l-għajnuna tal-emerġenza fl-ilma huma rregolati fil-Bavarja mill-BavRDG, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2009.

10.      Fir-rigward tas-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza, tat-trasport tal-pazjenti akkumpanjati minn tabib u tat-trasport tal-morda, l-Artikolu 13(1) u (2), tal-BayRDG jipprovdi li l-grupp komunali għas-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza u tal-emerġenza tan-nirien għandu jafda l-eżekuzzjoni tagħhom lil organizzazzjonijiet ta’ għajnuna bħall-Bayerisches Rotes Kreuz, l-Arbeiter-Samariter-Bund (l-Għaqda tal-ħaddiema samaritani), il-Malteser-Hilfsdienst (is-servizz ta’ għajnuna tal-Ordni ta’ San Ġwann ta’ Malta) jew il-Johanniter-Unfall-Hilfe (volontarji ta’ San Ġwann). Huwa biss fil-każ meta l-organizzazzjonijiet ta’ għajnuna ma jaċċettawx ix-xogħol jew ma jkunux jistgħu jagħmlu dan, li l-grupp komunali għas-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza u l-emerġenza tan-nirien jafda l-eżekuzzjoni tas-servizzi inkwistjoni fuq l-art lil terzi jew jassumi r-responsabbiltà tagħhom huwa stess jew permezz ta’ intervent mill-membri tiegħu.

11.      Skont l-Artikolu 13(4) tal-BayRDG, ir-relazzjoni ġuridika bejn il-grupp komunali għas-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza u l-emerġenza tan-nirien u l-operatur responsabbli mill-eżekuzzjoni tas-servizzi tal-għajnuna hija rregolata permezz ta’ kuntratt tad-dritt pubbliku.

12.      L-Artikolu 21 tal-BayRDG jipprevedi li kull persuna li topera impriża ta’ għajnuna tal-emerġenza, ta’ trasport ta’ pazjenti akkumpanjati minn tabib jew ta’ trasport tal-morda għandha titlob awtorizzazzjoni. Skont l-Artikolu 24(2) tal-BayRDG, din l-awtorizzazzjoni għandha tinħareġ meta jsir kuntratt tad-dritt pubbliku skont l-Artikolu 13(4) ta’ din l-istess liġi.

13.      L-Artikolu 32 tal-BayRDG jipprovdi li l-provvisti tas-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza, li jinkludu l-parteċipazzjoni tat-tobba, tagħti lok għal ġbir ta’ drittijiet ta’ użu li għandhom ikunu bbażati fuq l-ispejjeż li jistgħu jkunu stmati skont il-prinċipji ta’ ġestjoni tal-impriżi u li jikkorrispondu għal servizz tajjeb, għal ġestjoni razzjonali u ekonomika kif ukoll għal organizzazzjoni effiċjenti.

14.      Id-drittijiet tal-użu tal-operaturi tas-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza, tat-trasport tal-pazjenti akkumpanjati minn tabib u tat-trasport tal-morda huma rregolati permezz tal-Artikolu 34 tal-BayRDG li jipprovdi kif ġej:

“[...]

(2)      Il-korpi tas-sigurtà soċjali għandhom jiftiehmu, b’mod uniformi mal-operaturi tas-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza jew mal-gruppi reġjonali tagħhom, id-drittijiet tal-użu li huma għandhom iħallsu għas-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza, għat-trasport tal-pazjenti akkumpanjati minn tabib u għat-trasport tal-morda […]

(3)      Il-ftehim dwar id-drittijiet tal-użu għandu jiġi konkluż bil-quddiem kull sena.

(4)      L-ispejjeż tal-għajnuna tal-emerġenza, tat-trasport tal-pazjenti akkumpanjati minn tabib u tat-trasport tal-morda huma allokati lill-utenti skont kriterji uniformi. L-operaturi jitolbu wkoll id-drittijiet tal-użu miftiehma mal-korpi tas-sigurtà soċjali lill-persuni l-oħra kollha u lill-istituzzjonijiet li jużaw il-provvisti tas-servizz pubbliku tas-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza.

(5)      Id-drittijiet tal-użu huma bbażati, f’kull każ, fuq l-ispejjeż stmati tas-servizz li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 32 fis-setturi operazzjonali tas-servizz tal-emerġenza, tat-trasport tal-pazjenti akkumpanjati minn tabib u tat-trasport tal-morda, kif ukoll fuq in-numru mistenni ta’ interventi matul il-perijodu tal-intervent. L-ispejjeż tal-provvista tas-servizz jinkludu, b’mod partikolari wkoll l-ispejjeż tal-parteċipazzjoni tat-tobba fis-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza, […] kif ukoll l-ispejjeż marbutin mal-attività tal-uffiċċju ċentrali tal-ħlas tas-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza tal-Bavarja, b’mod konformi mal-paragrafu 8. Il-korpi tas-sigurtà soċjali għandhom jistabbilixxu, f’kull każ, f’negozjati separati mal-operaturi differenti, mal-amministraturi tad-dipartimenti integrati u l-uffiċċju ċentrali tal-ħlas għas-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza fil-Bavarja, l-ispejjeż ippreveduti li dawn tal-aħħar ikollhom matul il-perijodu rilevanti għal raġunijiet ta’ remunerazzjoni. L-ispejjeż jistgħu jiġu miftiehma bħala baġit.

(6)      Jekk ftehim dwar id-drittijiet tal-użu skont il-paragrafu 2 jew ftehim skont il-paragrafu 5 ma jiġix konkluż sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Novembru tas-sena finanzjarja ta’ qabel il-perijodu ta’ ħlas tad-drittijiet ta’ użu, għandha tinbeda proċedura ta’ arbitraġġ dwar l-ammont ta’ spejjeż stmati u d-drittijiet tal-użu quddiem it-tribunal tal-arbitraġġ […]. Id-drittijiet tal-użu ma jistgħux jiġu adottati b’mod retroattiv.

(7)      L-ispejjeż stmati miftiehma mal-korpi tas-sigurtà soċjali jew li saru res judicata huma koperti mid-drittijiet irċevuti għall-għajnuna tal-emerġenza, għat-trasport tal-pazjenti akkumpanjati minn tabib u għat-trasport tal-morda (kumpens tad-dħul). Mal-iskadenza ta’ perijodu ta’ ħlas tad-drittijiet tal-użu, kull operatur, kull amministratur ta’ dipartiment integrat u l-uffiċċju ċentrali tal-ħlas għas-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza fil-Bavarja għandhom iġibu prova tal-ispejjeż reali f’kont finali u jqabbluhom ma’ dawk miftiehma fil-ftehim fuq l-ispejjeż (preżentazzjoni tal-kontijiet). Fil-każ ta’ differenza bejn l-ispejjeż reali u l-ispejjeż stmati rrikonoxxuti mill-korpi tas-sigurtà soċjali għall-finijiet tal-ftehim dwar l-ispejjeż, ir-riżultat tal-preżentazzjoni tal-kontijiet għandu jiġi inkluż fl-aġenda tal-eqreb negozjati dwar id-drittijiet tal-użu; it-trasferiment ta’ dan ir-riżultat huwa eskluż jekk l-ispejjeż tal-operatur […] jew tal-uffiċċju ċentrali tal-ħlas kienu miftiehma bħala baġit.

(8)      Għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-paragrafi 2 sa 7 u tal-Artikolu 35, għandu jintuża l-uffiċċju ċentrali tal-ħlas għas-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza fil-Bavarja, li b’mod partikolari għandu bħala xogħol

1.      li jipparteċipa bħala konsulent fil-ftehim dwar id-drittijiet tal-użu previst fil-paragrafu 2 u fil-ftehim previsti fil-paragrafu 5;

2.      li jikkalkola d-drittijiet tal-użu neċessarji fuq il-bażi tal-ispejjeż stmati tal-partijiet ikkonċernati u tan-numru ta’ interventi prevedibbli tas-servizz pubbliku ta’ għajnuna tal-emerġenza, u li jipproponihom għal ftehim lill-partijiet ikkonċernati; dan huwa applikabbli wkoll għall-adattament neċessarju tad-drittijiet tal-użu matul is-sena finanzjarja kurrenti;

3.      li jiġbor mingħand il-persuni suġġetti għat-taxxa, id-drittijiet tal-użu tal-provvisti tas-servizz pubbliku ta’ għajnuna tal-emerġenza […];

4.      li jwettaq il-kumpens tad-dħul […];

5.      li jirrimborsa l-ammonti korrispondenti għall-ispejjeż tas-servizz lill-operaturi tas-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza [...];

6.      li jikkontrolla l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-operaturi [...] u li jivverifika l-plawżibbiltà u l-preċiżjoni tagħhom;

7.      li jistabbilixxi kont finali globali vverifikat tas-servizz pubbliku ta’ għajnuna tal-emerġenza.

F’dan ir-rigward, l-uffiċċju ċentrali tal-ħlas għas-servizz ta’ għajnuna fil-Bavarja għandu jipprovdi s-servizzi tiegħu mingħajr profitt. Il-partijiet kollha kkonċernati huma marbuta li jgħinu lill-uffiċċju ċentrali tal-ħlas għas-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza fil-Bavarja fl-eżekuzzjoni tal-kompiti tiegħu u li jibagħtulu l-informazzjoni u d-dokumenti bil-miktub neċessarji għal dan il-għan.”

15.      Il-kompożizzjoni tat-tribunal tal-arbitraġġ kompetenti fil-qasam tad-drittijiet tal-użu hija stipulata fl-Artikolu 48 tal-BayRDG. Skont dan l-artikolu, fit-tilwim dwar id-drittijiet tal-użu ta’ għajnuna tal-emerġenza tal-art, dan huwa kompost minn tliet membri li jirrapreżentaw lill-operaturi tas-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza tal-art u minn tliet membri li jirrapreżentaw il-korpi tas-sigurtà soċjali kif ukoll il-president innominat b’mod konġunt mill-operaturi tas-servizz pubbliku ta’ għajnuna tal-emerġenza, mill-Għaqda Bavarjana tat-tobba tal-assigurazzjoni tas-saħħa, mill-persuni responsabbli li jiżguraw il-parteċipazzjoni tat-tobba akkumpanjaturi u mill-korpi tas-sigurtà soċjali.

16.      F’dak li jikkonċerna l-uffiċċju ċentrali tal-ħlas għas-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza fil-Bavajra, l-Artikolu 53 tal-BayRDG jawtorizza l-amministrazzjoni ċentrali kompetenti fil-qasam tas-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza, jiġifieri l-Ministeru tal-Intern tal-Land tal-Bavarja, sabiex jistabbilixxih permezz ta’ leġiżlazzjoni.

 Evalwazzjoni

17.      Il-qorti tar-rinviju hi mitluba tiddetermina jekk il-kuntratti konklużi skont il-mudell ta’ konċessjoni għandhomx jiġu kklassifikati bħala konċessjoni għal servizzi jew, minkejja d-denominazzjoni tal-mudell inkwistjoni, bħala kuntratt għal servizzi. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li din il-kwistjoni għandha tiġi evalwata esklużivament fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni (6), f’dan il-każ, fid-dawl tad-definizzjonijiet tal-kunċetti ta’ “kuntratti pubbliċi”, “kuntratti għal servizzi pubbliċi” u “konċessjoni tas-servizz” li jidhru fl-Artikolu 1(2)(a) u (d) u fil-paragrafu 4 tad-Direttiva 2004/18, kif ukoll fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.

18.      Ladarba l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2004/18 jeskludi l-applikazzjoni tal-istess direttiva għall-konċessjonijiet għal servizzi, il-klassifikazzjoni tal-kuntratti inkwistjoni tinfluwenza l-kawża fir-rigward tal-konklużjoni tagħha. Madankollu, anki jekk, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-kuntratti ta’ konċessjoni għal servizzi ma huma rregolati minn ebda waħda mid-direttivi li permezz tagħhom il-leġiżlatur tal-Unjoni rregola l-qasam tal-kuntratti pubbliċi, l-awtoritajiet pubbliċi li jikkonkludu tali kuntratti huma xorta waħda obbligati josservaw ir-regoli fundamentali tat-Trattat KE, b’mod partikolari l-Artikoli 43 KE u 49 KE, kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom (7).

19.      F’dan ir-rigward, nixtieq għal darba oħra nenfasizza li fil-kuntest tal-proċedura preliminari ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda l-qorti nazzjonali li għandha tikklassifika l-kuntratti konklużi skont il-mudell ta’ konċessjoni. Fir-risposta għaż-żewġ domandi preliminari, li huma marbuta mill-qrib u għandhom, fl-opinjoni tiegħi, jiġu eżaminati flimkien, il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa dak li tispjega u tippreċiża l-kriterji li għandhom ikunu utli għall-finijiet ta’ din il-klassifikazzjoni (8).

20.      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat ix-xebh li jeżisti bejn id-domandi preliminari fil-kawża preżenti u dawk irrinvijati fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Eurawasser (9). Fiż-żewġ każijiet, il-qrati tar-rinviju essenzjalment, staqsew, dwar jekk, minn naħa, il-fatt li l-fornitur tas-servizzi ma huwiex direttament remunerat mill-awtorità pubblika li magħha huwa qiegħed f’relazzjoni kontraenti, jimplikax, fih innifsu, li l-kuntratt għandu jiġi kklassifikat bħala konċessjoni għal servizzi u, min-naħa l-oħra, jekk huwiex deċiżiv, għall-finijiet ta’ din il-klassifikazzjoni, li r-riskju tal-operazzjoni marbut mas-servizz li huwa s-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni li jaqa’ fuq il-fornitur tas-servizz huwa mill-oriġini tiegħu limitat, jiġifieri, anki fil-każ meta s-servizz jiġi pprovdut mill-awtorità pubblika kkonċernata.

21.      Għalhekk, id-domandi preliminari jirrigwardaw żewġ kriterji li l-Qorti tal-Ġustizzja tuża biex tiddistingwi konċessjoni għal servizzi minn kuntratt għal servizzi. L-ewwel nett, dan jinvolvi l-“assenza ta’ remunerazzjoni diretta” ta’ fornitur tas-servizzi, jiġifieri r-remunerazzjoni ssir, mhux mill-awtorità pubblika li tattribwixxi s-servizz inkwistjoni, iżda minn terzi, u t-tieni nett, it-“teħid tar-riskju tal-operazzjoni marbut mas-servizz inkwistjoni”.

22.      Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat l-interazzjoni bejn iż-żewġ kriterji fis-sentenza Parking Brixen (10) billi qieset li l-assenza ta’ remunerazzjoni diretta tal-fornitur tas-servizzi timplika li l-fornitur jassumi r-riskju tal-operat tas-servizzi inkwistjoni u, għaldaqstant, tikkaratterizza konċessjoni għal servizzi pubbliċi.

23.      Fis-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007 Il-Kummisjoni vs L-Italja (11), il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod konformi mad-definizzjoni tal-kunċett “konċessjoni għal servizzi” mogħtija permezz tad-Direttiva 2004/18, issostitwixxiet il-kriterju tal-assenza ta’ remunerazzjoni diretta b’dak tal-mod ta’ remunerazzjoni li “jikkonsisti fid-dritt tal-fornitur li jesplotja l-fornitura tiegħu stess”. Għaldaqstant, fl-ambitu ta’ dan il-kriterju, il-Qorti tal-Ġustizzja, ikkunsidrat li jkun hemm konċessjoni għal servizzi meta l-mod ta’ remunerazzjoni miftiehem ikun jikkonsisti fid-dritt tal-fornitur li jopera s-servizz u meta dan jassumi r-riskju marbut mal-operat tas-servizzi inkwistjoni. Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat din il-ġurisprudenza fis-sentenza Acoset (12).

24.      Fis-sentenza Eurawasser (13), il-Qorti tal-Ġustizzja marret lura għall-kriterju tal-assenza ta’ remunerazzjoni diretta billi spjegat li l-fatt li l-fornitur tas-servizzi jitħallas permezz ta’ pagamenti minn terzi, jikkostitwixxi waħda mill-forom li l-eżerċizzju tad-dritt jista’ jieħu, rikonoxxut lill-fornitur, biex jopera s-servizz.

25.      Fl-opinjoni tiegħi, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitati iktar ’il fuq, jippermettu l-konklużjoni deċiżiva tal-kriterju tal-assenza ta’ remunerazzjoni diretta sabiex kuntratt dwar is-servizzi jiġi kklassifikat bħala konċessjoni għal servizzi, peress li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-assenza ta’ remunerazzjoni diretta tal-fornitur tas-servizzi hija waħda mill-forom li jista’ jieħu l-eżerċizzju tad-dritt, rikonoxxut lill-fornitur, li jopera s-servizz u fl-istess ħin jimplika li l-fornitur jassumi r-riskju tal-operazzjoni tas-servizz inkwistjoni (14).

26.      Nasal għall-istess konklużjoni anki jekk nieħu inkunsiderazzjoni r-relazzjoni bejn id-definizzjoni tal-kunċett ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi u dak ta’ konċessjoni għal servizzi li qegħdin fid-Direttiva 2004/18. Dawn jinkludu fihom il-kuntratti kollha dwar is-servizzi konklużi mill-awtoritajiet pubbliċi. Isegwi li jekk il-kuntratt inkwistjoni ma huwiex kuntratt pubbliku għal servizzi, huwa għandu neċessarjament ikun konċessjoni għal servizzi u viċe versa. Konsegwentement, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba ddikjarat li korrispettiv li jitħallas direttament mill-awtorità kontraenti lill-fornitur ta’ servizzi jikkostitwixxi l-kriterju ta’ definizzjoni ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi (15), l-assenza ta’ tali remunerazzjoni tfisser neċessarjament il-preżenza ta’ konċessjoni għal servizzi.

27.      Fil-qosor, kif juru s-sentenzi ċċitati preċedentement, l-assenza ta’ remunerazzjoni diretta tal-fornitur tas-servizzi timplika li l-kuntratt għal servizzi inkwistjoni jiġi kklassifikat bħala konċessjoni għal servizzi.

28.      Madanakollu, l-eżistenza ta’ remunerazzjoni diretta tal-fornitur tas-servizzi min-naħa tal-awtorità pubblika kkonċernata ma timplikax neċessarjament l-eżistenza ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi. Fil-fatt, mill-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li r-remunerazzjoni indiretta hija “waħda mill-forom” li jista’ jieħu l-eżerċizzju tad-dritt, rikonoxxut lill-fornitur, li jopera s-servizz (16), joħroġ li jeżistu wkoll forom oħra li l-eżerċizzju tad-dritt tal-operazzjoni tas-servizz jista’ jieħu. Dan jispjega r-raġuni li għaliha, fis-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 2005, Contse et (17), tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (18) kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2009, Hans & Christophorus Oymanns (19), il-Qorti tal-Ġustizzja fittxet jekk il-kuntratti inkwistjoni setgħux jikkostitwixxu konċessjonijiet għal servizzi, anki jekk il-fornituri tas-servizzi tħallsu direttament mill-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati.

29.      Fis-sentenzi msemmija, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat il-“kriterji sussidjarji” li jippermettu, fil-preżenza ta’ remunerazzjoni diretta, li jkun konkluż li l-fornitur tas-servizzi jassumi r-riskju ta’ operazzjoni marbuta mas-servizz inkwistjoni, bħall-kriterju tat-trasferiment tar-responsabbiltà għal kull ħsara mġarrba minħabba nuqqas fis-servizz ikkonċernat (20) jew dak tal-eżistenza ta’ ċerta libertà ekonomika sabiex jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li bihom jeżerċita servizz determinat (21). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat ukoll, b’mod ċar mingħajr prentensjoni ta’ eżawriment, liema huma l-karatteristiċi li ma humiex determinanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-kuntratti inkwistjoni, bħat-tul ta’ żmien tal-kuntratti inkwistjoni, l-investimenti inizjali kbar sostnuti mill-operatur tas-servizzi jew awtonomija kbira fl-operazzjoni tas-servizzi min-naħa tal-fornitur tas-servizzi (22).

30.      Madanakollu xorta għandu jiġi kkonstatat li l-“kriterji sussidjarji” ma ntużawx ħlief fil-preżenza ta’ remunerazzjoni diretta tal-fornitur tas-servizzi. Dan jista’ jistabbilixxi li l-assenza ta’ remunerazzjoni diretta tal-fornitur tas-servizzi tistabbilixxi kriterju suffiċjenti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ kuntratt inkwistjoni bħala konċessjoni għal servizzi.

31.      F’dan il-każ, huwa evidenti li l-fornitur tas-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza inkwistjoni ma jitħallasx mill-awtorità pubblika li tagħtu s-servizz inkwistjoni, iżda minn terzi, jiġifieri minn korpi tas-sigurtà soċjali, persuni assigurati b’mod privat u persuni mhux assigurati (23).

32.      Suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jidhirli li, minkejja li l-korpi tas-sigurtà soċjali nnifishom jistgħu jkunu kkunsidrati bħala awtorità kontraenti skont id-definizzjoni li tidher fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18, huma jirrapreżentaw entitajiet suffiċjentement distinti u indipendenti mill-awtorità pubblika li assenjat is-servizz inkwistjoni biex tiġġustifika l-kunsiderazzjoni li huwa każ ta’ remunerazzjoni ta’ fornitur tas-servizz “min-naħa tat-terzi” (24).

33.      Id-dettalji speċifiċi tal-kawża preżenti jinstabu fil-fatt li l-entitajiet li jħallsu d-dritt ta’ użu, jiġifieri l-korpi tas-sigurtà soċjali, il-persuni assigurati b’mod privat kif ukoll il-persuni mhux assigurati ma jħallsux dan id-dritt direttament lill-fornitur tas-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza, iżda lill-uffiċċju ċentrali tal-ħlas għas-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza fil-Bavarja. Għalhekk, jifdal li jiġi vverifikat jekk din iċ-ċirkustanza jistax ikollha effett fuq il-konstatazzjoni li l-assenza ta’ remunerazzjoni diretta lill-fornitur tas-servizzi tikkostitwixxi kriterju suffiċjenti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-kuntratt inkwistjoni bħala konċessjoni għal servizzi.

34.      Jiena nqis li huwa xieraq li nirrispondi għal din id-domanda fin-negattiv. Il-fatt li kwalunkwe “intermedjarju” jidher bejn il-fornitur tas-servizzi u l-persuna li tħallas għas-servizz imsemmi bl-ebda mod ma jaffettwa l-konstatazzjoni l-oħra, jiġifieri li l-fornitur tas-servizzi ma jitħallasx direttament mill-awtorità pubblika li assenjat lilu s-servizz inkwistjoni, b’mod partikolari meta l-awtorità pubblika kkonċernata ma għandha l-ebda influwenza fuq il-pagamenti.

35.      Dan iwassalni biex nikkonkludi li l-assenza tar-remunerazzjoni diretta tal-fornitur tas-servizzi min-naħa tal-awtorità pubblika li lilu assenjat is-servizz inkwistjoni tirrapreżenta kriterju suffiċjenti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-kuntratt inkwistjoni bħala konċessjoni għal servizzi. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett huwa irrilevanti min iħallas ir-remunerazzjoni dovuta għas-servizzi fornuti, jekk wieħed iqis li dan huwa korp suffiċjentement distint u indipendenti mill-awtorità pubblika li assenjat is-servizz inkwistjoni, u t-tieni nett, liema huma l-modalitajiet ta’ perċezzjoni tar-remunerazzjoni.

36.      F’dak li jikkonċerna d-domanda jekk huwiex deċiżiv, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ tali kuntratt għal servizzi bħala konċessjoni għal servizzi, li r-riskju tal-operat marbut mas-servizz inkwistjoni li l-fornitur tas-servizzi jassumi huwa mill-oriġini tiegħu limitat, jiġifieri anki fil-każ tal-provvista tas-servizz mill-awtorità kontraenti, jiena nqis li r-risposta għandha tkun ibbażata fuq is-sentenza Eurawasser (25).

37.      Ċertament, f’dan il-każ, il-kwistjoni tal-grad tar-riskju tal-operat marbut mas-servizz ta’ għajnuna tal-emerġenza hija diskutibbli. Madankollu, hija tirrigwarda konstatazzjonijiet ta’ fatt li għandhom isiru, fejn meħtieġ, mill-qorti tar-rinviju.

38.      Fil-fatt, il-grad tar-riskju tal-operat marbut mas-servizz inkwistjoni ma huwiex determinanti. Li hu deċiżiv huwa t-trasferiment tar-riskju, li għalih l-awtorità pubblika li tassenja s-servizz inkwistjoni tkun hija stess esposta li kieku kellha tipprovdi hija stess is-servizz, sa fejn dan jikkonċerna l-fornitur tas-servizz (26).

 Konklużjoni

39.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi d-domandi preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht München am Main bil-mod kif ġej:

“L-assenza ta’ remunerazzjoni diretta tal-fornitur tas-servizz mill-awtorità pubblika li lilu assenjat is-servizz inkwistjoni tikkostitwixxi kriterju suffiċjenti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ kuntratt bħala konċessjoni għal servizzi fis-sens tal-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi]. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti, l-ewwel nett, min iħallas ir-remunerazzjoni dovuta għas-servizzi pprovduti, jekk wieħed iqis li dan jikkonċerna korp distint u indipendenti mill-awtorità pubblika li assenjat is-servizz inkwistjoni, u t-tieni nett, liema huma l-modalitajiet ta’ perċezzjoni tar-remunerazzjoni, u t-tielet nett, jekk ir-riskju tal-operat marbut mas-servizz inkwistjoni huwiex, mill-oriġini tiegħu.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 –      Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132.


3 – Il-kuntratti konklużi bejn Stadler, minn naħa, u l-grupp komunali ta’ Passau, min-naħa l-oħra, intemmu bl-inizjattiva ta’ dan tal-aħħar. Milli jidher, it-tmiem tal-kuntratti ntrabat mal-BayRDG, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2009, u, b’mod iktar preċiż, mal-Artikolu 13(1) tagħha li jinkludi lista ta’ organizzazzjonijiet li jeħtieġ li, bi prijorità, jiġu fdati b’servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza.


4 – Dawn huma organizzazzjonijiet li magħhom, wara t-tmiem tal-kuntratti konklużi ma’ Stadlet, il-grupp komunali ta’ Passau kkonkluda kuntratti tal-għoti ta’ servizzi fil-qasam tas-servizzi ta’ għajnuna tal-emerġenza.


5 – Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Bundesgerichsthof (il-Qorti tal-Ġustizzja Federali) diġà ddeċidiet li l-mudell ta’ appalt għandu jitqies bħala kuntratt għal servizzi. Fuq il-bażi tas-sentenza tad-29 ta’ April 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑160/08, Ġabra p. I‑3713), huwa possibbli li jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja hija tal-istess opinjoni.


6 – Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑382/05, Ġabra p. I-6657, punt 31), u tal-15 ta’ Ottubru 2009, Acoset (C‑196/08), Ġabra p. I‑9913, punt 38.


7 – Ara s-sentenza tat-13 ta’ April 2010, Wall (C‑91/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


8 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen (C‑458/03, Ġabra p. I‑8585, punt 32).


9 – C‑206/08, Ġabra p. I‑8377.


10 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 40.


11 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 34.


12 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 39.


13 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 53.


14 – Fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa possibbli li jinstabu wkoll sentenzi li fihom, il-karattru indirett tar-remunerazzjoni kien biżejjed għall-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkonstata li l-kuntratt inkwistjoni jirrapreżenta konċessjoni għal servizzi. F’dan ir-rigward hemm, pereżempju, is-sentenzi tas-6 ta’ April 2006, ANAV, (C‑410/04, Ġabra p. I-3303, punt 16) u tat-13 ta’ Novembru 2008, Coditel Brabant (C‑324/07, Ġabra p. I-8457, punt 24).


15 – Ara, f’dan is-sens, s-sentenzi Parking Brixen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 39); Eurawasswer (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 51), u Acoset (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 39).


16 – Sentenza Eurawasser (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 53).


17 – C‑234/03 (Ġabra p. I-9315).


18 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.


19 – C-300/07, Ġabra p. I-4779.


20 – Sentenza Contse et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 22).


21 – Sentenza Hans & Christophorus Oymanns (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 71).


22 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 42 u 44).


23 – Il-partijiet fil-kawża prinċipali jaqblu li madwar 10 % tad-drittijiet ta’ użu huma kkawżati minn persuni assigurati b’mod privat u persuni mhux assigurati.


24 – Il-korpi tas-sigurtà soċjali kienu wkoll f’pożizzjoni ċentrali tal-kawża li wasslet għas-sentenza Hans & Christophorus Oymanns (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19). Minkejja li f’din il-kawża, huma kellhom il-kwalità ta’ awtorità pubblika li assenjat is-servizz inkwistjoni filwaqt li ħallset ir-remunerazzjoni dovuta bħala ħlas għas-servizz imsemmi, huma jillimitaw ruħhom, f’dan il-każ, għall-ħlas tar-remunerazzjoni dovuta għas-servizzi pprovduti.


25 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.


26 – Fil-kuntest tal-konklużjonijiet tagħha tad-29 ta’ Ottubru 2009 fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2010 Club Hotel Loutraki et (C‑145/08 u C‑149/08, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra), l-Avukat Ġenerali Sharpston waslet għal konklużjoni simili, billi kkunsidrat li l-punt determinanti ma huwiex li r-riskju tal-operat huwa sinjifikattiv fih innifsu, iżda li r-riskju tal-operat, indipendentement mill-għamla tiegħu, li qabel ikun tal-awtorità kontraenti, jiġi ttrasferit, kompletament jew sa grad sinjifikattiv, lill-offerent rebbieħ.