30.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 223/49


Rikors ippreżentat fis-16 ta' Ġunju 2008 — HPA vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-236/08)

(2008/C 223/87)

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Hoofdproductschap Akkerbouw (l-Aja, l-Olanda) (rappreżentant: R.J.M. van den Tweel)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara ineżistenti jew, ta' l-inqas, tannulla, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 7093/6 tad-19 ta' Diċembru 2006 li tikkonċerna l-irkupru tal-kreditu Nru 3240206544 li għandu jitħallas in solidum mill-membri tal-Grupp Ewropew b'Interess Ekonomiku (GEIE) Euroterroirs, fil-kuntest tal-Proġett Nru 93.EU.06.002 rigward studju sabiex isir inventarju fuq il-wirt Ewropew fir-rigward ta' prodotti agrikoli u ta' l-ikel tipiċi u reġjonali (prodotti lokali u reġjonali ċċertifikati), ta' l-inqas safejn huwa ddikjarat li l-Hoofdproductschap Akkerbouw hija responsabbli in solidum għall-ammont kollu ta' l-imsemmi kreditu.

tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta l-irkupru ta' kreditu minn Euroterriors stabbilita permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l-14 ta' Awwissu 2000. Skond ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata għandha, ta' l-inqas safejn ir-rikorrenti hija ddikjarata responsabbli in solidum għall-ammont kollu tal-kreditu, tiġi ddikjarata ineżistenti u nulla, peress li din id-deċiżjoni hija vvizzjata minn difetti partikolarment serji u manifesti. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li tista' tingħata deċiżjoni li tiddikjara li d-deċiżjoni ma kellha l-ebda effett fid-dritt anki wara l-iskadenza tal-perijodu li fih din id-deċiżjoni kellha tiġi kkontestata.

Permezz ta' l-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li kien hemm ksur tar-Regolament Nru 2137/85 (1) peress li r-rikorrenti qatt ma kienet membru tal-Grupp Ewropew b'Interess Ekonomiku (GEIE) Euroterriors u għaldaqstant ma tistax tinżamm responsabbli.

It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega ksur tad-drittijiet tad-difiża. Hija ssostni li l-Kummissjoni ma tatx lir-rikorrenti l-possibbiltà li tesprimi ruħha qabel ma hija adottat id-deċiżjoni kkontestata, u nnotifikat ir-rikorrenti bil-kreditu stabbilit permezz tad-deċiżjoni ta' l-14 ta' Awwissu 2000 biss meta hija bagħtet id-deċiżjoni kkontestata lir-rikorrenti.

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li nkiser il-prinċipju ta' proporzjonalità. Il-Kummissjoni ddikjarat lir-rikorrenti bħala responsabbli in solidum sitt snin wara li ġie stabbilit il-kreditu mingħajr ma l-ewwel ħadet miżuri xierqa kontra Euroterriors, kontra l-membru li stabbilixxa Euroterriors, b'mod partikolari l-Conseil national des Arts Culinaires (CNAC) fi Franza, kontra l-amminisratur ta' Euroterriors jew kontra l-Istat Membru ta' Franza. Barra minn dan, ir-rikorrenti ssostni li l-espert Olandiż għal attivitajiet ta' inventarji individwali fl-1994/1995 fil-kuntest tal-Proġett Euroterriors irċieva ħlas ta' EUR 13 055 biss.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-kreditu huwa preskritt minħabba l-fatt li l-Kummissjoni bagħtet in-nota ta' debitu kkontestata lil Euroterriors fit-28 ta' Settembru 2000 mingħajr ma informat sussegwentement lir-rikorrenti fi żmien raġonevoli bl-atti li setgħu sospendew il-perijodu ta' preskrizzjoni.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2137/85 tal-25 ta' Lulju 1985 dwar il-Gruppi Ewropej b'Interess Ekonomiku (GEIE) (ĠU 1985 L 199, p. 1).