SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

11 ta’ Settembru 2012 ( *1 )

“Għajnuna mill-Istat — Settur tal-kabotaġġ marittimu — Servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali — Test tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq — Politika soċjali tal-Istati Membri — Għajnuna għar-ristrutturazzjoni — Effetti ta’ sentenza ta’ annullament”

Fil-Kawża T-565/08,

Corsica Ferries France SAS, stabbilita f’Bastia (Franza), irrappreżentata minn S. Rodrigues u C. Bernard-Glanz, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Giolito u B. Stromsky, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Franċiża, inizjalment irrappreżentata minn G. de Bergues u A.-L. Vendrolini, sussegwentement minn G. de Bergues, N. Rouam u J. Rossi, bħala aġenti,

u minn

Société nationale maritime Corse-Méditerranée (SNCM) SA, irrappreżentata minn A. Winckler u F.-C. Laprévote, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/611/KE, tat-8 ta’ Lulju 2008, dwar il-miżuri C 58/02 (ex N 118/02) li Franza implementat favur is-Société nationale maritime Corse-Méditerranée (SNCM) (ĠU 2009, L 225, p. 180),

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President tal-Awla, K. Jürimäe u M. van der Woude (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Diċembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-kumpanniji marittimi inkwistjoni

1

Ir-rikorrenti, Corsica Ferries France SAS, hija kumpannija marittima li toffri konnessjonijiet marittimi regolari lejn Korsika bi tluq minn Franza kontinentali (Marseille, Toulon u Nice) u mill-Italja.

2

Is-Société Nationale Maritime Corse-Méditerranée (SNCM) hija kumpannija marittima li tiggarantixxi konnessjonijiet regolari lejn Korsika bi tluq minn Franza kontinentali (Marseille, Toulon u Nice) u lejn l-Afrika ta’ Fuq (l-Alġerija u t-Tuneżija) bi tluq minn Franza kif ukoll konnessjonijiet lejn Sardinja. Waħda mis-sussidjarji prinċipali tal-SNCM, miżmuma 100 %, hija l-Compagnie méridionale de navigation (iktar ’il quddiem iċ-“CMN”).

3

Fl-2002, 20 % tal-ishma tal-SNCM kienu l-proprjetà tas-Société nationale des chemins de fer u 80 % tal-Compagnie générale maritime et financière (iktar ’il quddiem iċ-“CGMF”), miżmuma 100 % mill-Istat Franċiż. Mal-ħruġ tal-kapital fl-2006, żewġ xerrejja Butler Capital Partners (iktar ’il quddiem “BCP”) u Veolia Transport (iktar ’il quddiem “VT”), ħadu l-kontroll ta’ 38 % u 28 % tal-kapital rispettivament, filwaqt li ċ-CGMF baqgħet iżżomm 25 % u li 9 % tal-kapital kien baqa’ rriżervat għall-impjegati. Wara, BCP biegħet l-ishma tagħha lil VT.

Il-proċedura amministrattiva

4

Permezz tad-Deċiżjoni 2002/149/KE tagħha, tat-30 ta’ Ottubru 2001, dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija minn Franza lill-SNCM (ĠU 2002, L 50, p. 66 iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-2001”), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qieset li għajnuna ta’ EUR 787 miljun mogħtija lill-SNCM, għall-perijodu bejn l-1991 u l-2001, bħala kumpens ta’ servizz pubbliku, kienet kompatibbli mas-suq komuni, skont l-Artikolu 86(2) KE. Din id-deċiżjoni ma kinitx is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali.

5

Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Frar 2002, ir-Repubblika Franċiża nnotifikat lill-Kummissjoni bi proġett ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni favur l-SNCM fl-ammont ta’ EUR 76 miljun (iktar ’il quddiem il-“pjan tal-2002”).

6

Permezz tad-Deċiżjoni 2004/166/KE tagħha, tad-9 ta’ Lulju 2003, dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni li Franza kellha l-intenzjoni li tagħti lill-SNCM (ĠU 2004, L 61, p. 13, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-2003”), il-Kummissjoni approvat kundizzjonalment żewġ porzjonijiet ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni favur l-SNCM fl-ammont totali ta’ EUR 76 miljun, waħda ta’ EUR 66 miljun, pagabbli immedjatament, u l-oħra, fl-ammont massimu ta’ EUR 10 miljuni, li kienet tiddependi fuq ir-riżultat nett tat-trasferimenti fir-rigward, b’mod partikolari, tal-vapuri ta’ SNCM.

7

Ir-rikorrenti ppreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-2003 quddiem il-Qorti Ġenerali, fit-13 ta’ Ottubru 2003 (Kawża T-349/03).

8

Permezz tad-Deċiżjoni 2005/36/KE tagħha, tat-8 ta’ Settembru 2004, li temenda d-deċiżjoni tal-2003 (ĠU 2005, L 19, p. 70, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-2004”), il-Kummissjoni emendat waħda mill-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 2 tad-deċiżjoni tal-2003. Din kienet il-kundizzjoni marbuta man-numru massimu ta’ ħdax-il vapur li l-SNCM kienet awtorizzata titrasferixxi. Fid-deċiżjoni tal-2004, il-Kummissjoni ppermettiet is-sostituzzjoni ta’ wieħed minn dawn il-vapuri, l-Aliso, b’ieħor, l-Asco.

9

Permezz tad-Deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni approvat il-ħlas tat-tieni porzjon tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, fl-ammont ta’ EUR 3 327 400, abbażi tad-deċiżjoni tal-2003 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-2005”).

10

Permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni (T-349/03, Ġabra p. II-2197, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-2005”), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-2003 minħabba evalwazzjoni żbaljata tal-ammont minimu tal-għajnuna, dovuta prinċipalment għal żbalji ta’ kalkolu fir-riżultat nett tat-trasferimenti, filwaqt li tiċħad il-motivi l-oħra kollha bbażati fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u ksur tal-Artikolu 87(3)(c) KE u tal-Linji gwida Komunitarji dwar għajnuna tal-istat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultà (ĠU 1999, C 288, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”).

11

F’ittra tas-7 ta’ April 2006, l-awtoritajiet Franċiżi stiednu lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra li, minħabba n-natura ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku, parti minn din l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni permessa fil-kuntest tal-pjan tal-2002, fl-ammont ta’ EUR 53.48 miljun, ma kellhiex tiġi kklassifikata bħala miżura meħuda fil-kuntest ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni iżda bħala miżura li ma tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C-280/00, Ġabra p. I-7747, iktar ’il quddiem is-“sentenza Altmark”), jew miżura awtonoma mill-pjan tal-2002 abbażi tal-Artikolu 86(2) KE.

12

Fil-21 ta’ April 2006, il-proġett ta’ konċentrazzjoni li jirrigwarda l-ksib ta’ kontroll konġunt tal-SNCM minn BCP u VT ġie nnotifikat lill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40). Il-Kummissjoni awtorizzat il-konċentrazzjoni fid-29 ta’ Mejju 2006 abbażi tal-Artikolu 6(1)(b) tal-istess regolament.

13

F’Ġunju 2006, l-awtoritajiet Franċiżi għaddew lill-Kummissjoni informazzjoni dwar tranżazzjonijiet finanzjarji li kienu saru fl-okkażjoni tat-trasferiment tal-SNCM lis-settur privat.

14

Fit-13 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward tal-miżuri l-ġodda implementati favur l-SNCM filwaqt li integrat il-pjan tal-2002 (ĠU 2006, C 303, p. 53, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-2006”).

15

Permezz tad-Deċiżjoni 2009/611/KE tagħha, tat-8 ta’ Lulju 2008, dwar il-miżuri C 58/02 (ex N 118/02) li Franza implementat favur l-SNCM (ĠU 2009, L 225, p. 180, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni qieset li l-miżuri tal-pjan tal-2002 kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illegali fis-sens tal-Artikolu 88(3) KE, iżda kienu kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 86(2) KE u l-Artikolu 87(3)(c) KE, u li l-miżuri tal-pjan ta’ privatizzazzjoni tal-2006 (iktar ’il quddiem il-“pjan tal-2006”) ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

Il-miżuri inkwistjoni

16

Id-deċiżjoni kkontestata għandha bħala suġġett il-miżuri li ġejjin:

fil-kuntest tal-pjan tal-2002: il-kontribuzzjoni f’kapital miċ-CGMF lill-SNCM fl-ammont ta’ EUR 76 miljun, li minnhom EUR 53.48 miljun huma abbażi tal-obbligi ta’ servizz pubbliku u l-bilanċ abbażi tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni;

fil-kuntest tal-pjan tal-2006;

il-prezz tal-bejgħ negattiv tal-SNCM miċ-CGMF fl-ammont ta’ EUR 158 miljun;

il-kontribuzzjoni f’kapital miċ-CGMF fl-ammont ta’ EUR 8.75 miljun;

il-ħlas minn qabel f’kont kurrenti miċ-CGMF għal ammont ta’ EUR 38.5 miljun favur l-impjegati mkeċċija mill-SNCM fil-każ ta’ pjan soċjali ġdid.

Id-deċiżjoni kkontestata

17

Fid-deċiżjoni kkontestata, partikolament fil-premessi 37 sa 54, il-Kummissjoni kkonstatat li s-servizz ta’ trasport tal-passiġġieri għal Korsika kien suq ikkaratterizzat mill-istaġunalità u mill-konċentrazzjoni tiegħu. Il-qafas kompetittiv tas-suq inbidel b’mod qawwi wara li daħlet ir-rikorrenti fl-1996. Mis-sena 2000, l-SNCM u r-rikorrenti kienu jiffurmaw duwopolju de facto u kellhom sehem ta’ iktar minn 90 % tas-suq. Fl-2007, ir-rikorrenti kisbet dominanza netta fuq l-SNCM u ttrasportat miljun passiġġier iktar, f’suq bi tkabbir regolari ta’ 4 % kull sena. Min-naħa l-oħra, L-SNCM, flimkiem maċ-CMN, baqgħet fi kważi monopolju f’dak li huwa ġarr tal-merkanzija.

18

Fil-premessi 219 sa 225 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kontribuzzjonijiet meħuda flimkien riċevuti mill-SNCM permezz taċ-CGMF, kienu ffinanzjati permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li kienu jheddu li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u li kienu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Għalhekk, hija kkunsidrat li kienu sodisfatti tlieta mill-erba’ kundizzjonijiet tal-Artikolu 87(1) KE. Wara, għal kull miżura, hija eżaminat l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku selettiv u l-kompatibbiltà eventwali tiegħu mas-suq komuni.

19

F’dak li jirrigwarda l-EUR 76 miljun innotifikati fl-2002, hija qieset, fil-premessa 236 tad-deċiżjoni kkontestata, li EUR 53.48 miljun setgħu jiġu kkunsidrati bħala kumpens ta’ servizz pubbliku. Skont il-punt 320 tas-sentenza tal-2005, punt 10 iktar ’il fuq, hija evalwat din il-kontribuzzjoni fid-dawl tas-sentenza Altmark, punt 11 iktar ’il fuq, u kkonkludiet, fil-premessa 257 tad-deċiżjoni kkontestata, li kienet tassew tikkonsisti għajnuna mill-Istat, madankollu kompatibbli mas-suq komuni abbażi tal-Artikolu 86(2) KE. Għaldaqstant, il-bilanċ ta’ EUR 22.52 miljun li kien fadal kellu jiġi kkunsidrat abbażi tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

20

F’dak li jirrigwarda l-pjan tal-2006, il-Kummissjoni sussegwentement applikat, fil-premessi 267 sa 352 tad-deċiżjoni kkontestata, it-test tal-investitur privat fl-ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem it-“test tal-investitur privat”) għall-prezz tal-bejgħ negattiv ta’ EUR 158 miljun. Sabiex isir dan, hija evalwat jekk investitur privat ipotetiku, minflok iċ-CGMF, kienx jippreferi jirrikapitalizza ċ-CGMF għal dan l-ammont jew inkella kienx jillikwida l-kumpannija u jassumi l-ispejjeż tagħha. Għalhekk, kien neċessarju li tiġi evalwata l-ispiża minima tal-likwidazzjoni.

21

Fil-premessi 267 sa 280 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-ispiża tal-likwidazzjoni kellha neċessarjament tinkludi l-ispiża tal-pjan soċjali, jiġifieri l-ispiża ta’ indennizzi supplimentari ta’ tkeċċija apparti l-obbligi legali u kuntrattwali; sabiex tikkonforma ruħha mal-prattika ta’ llum ta’ gruppi kbar ta’ impriżi u bl-għan li ma ssirx ħsara lill-immaġni tal-kumpannija holding li minnha tifforma parti u tal-azzjonist finali tagħha. Għalhekk, hija evalwat, bl-għajnuna ta’ espert indipendenti, l-ispiża ta’ dawn l-indennizzi supplimentari billi għamlet paragun mal-pjanijiet soċjali implementati reċentement fi Franza minn gruppi ta’ impriżi bħal Michelin jew Yves Saint-Laurent.

22

Il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessa 350 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prezz tal-bejgħ negattiv kien joħroġ minn proċedura ta’ għażla miftuħa, trasparenti, inkundizzjonata u nondiskriminatorja, u li, f’dan ir-rigward, kien jikkostitwixxi prezz tas-suq. Għaldaqstant, filwaqt li għażlet ipoteżi ta’ spiża ta’ likwidazzjoni llimitata biss għall-indennizzi għat-tkeċċija, hija kkonkludiet, fil-premessa 352 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-ispiża tal-likwidazzjoni kienet ogħla mill-prezz tal-bejgħ negattiv u għalhekk, il-kontribuzzjoni f’kapital ta’ EUR 158 miljun ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

23

F’dak li jirrigwarda l-kontribuzzjoni f’kapital ta’ EUR 8.75 miljun miċ-CGMF, il-Kummissjoni qieset, fil-premessi 256 sa 358 tad-deċiżjoni kkontestata, li peress li l-kontribuzzjoni tax-xerrejja privati kienet sinjifikattiva u konkomitanti, il-karattru tal-għajnuna seta’ jiġi eskluż minnufih. Sussegwentement, hija tikkonstata li r-rata ta’ profitt fiss kienet tikkostitwixxi dħul adegwat mill-kapitali investiti u li l-eżistenza tal-klawżola riżoluttiva ta’ trasferiment ma kinitx ta’ natura li tpoġġi f’dubju l-ugwaljanza fit-trattament. Fil-premessa 365 ta’ din l-istess deċiżjoni, hija kkonkludiet li l-kontribuzzjoni f’kapital taċ-CGMF, fl-ammont ta’ EUR 8.75 miljun, ma tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

24

Il-Kummissjoni sussegwentement osservat, fil-premessi 372 sa 378 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-miżuri ta’ għajnuna għall-persuna, fil-livell ta’ EUR 38 miljun, iddepożitati f’kont sekwestratarju kellhom jidħlu fis-seħħ fl-eventwalità ta’ pjan soċjali ġdid implementat mix-xerrejja u li dawn ma jikkorrispondux għall-implementazzjoni tat-tnaqqis tal-impjegati previst fil-pjan tal-2002. Skont il-Kummissjoni, din l-għajnuna setgħet titħallas biss lil individwi li l-kuntratt tax-xogħol tagħhom mal-SCNM ġie mitmum minn qabel. Għalhekk, dawn il-miżuri ma humiex spejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni normali tal-leġiżlazzjoni soċjali applikabbli fil-qafas tat-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol. Il-Kummissjoni kkonkludiet li din l-għajnuna għall-persuna, approvata mill-Istat bħala awtorità pubblika u mhux bħala l-Istat azzjonist, taqa’ għalhekk taħt il-politika soċjali tal-Istati Memberi u ma tikkostitwixxix, minn dan il-fatt, għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

25

F’dak li jirrigwarda l-bilanċ ta’ EUR 22.52 miljun innotifikat abbażi tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, jiġifieri l-bilanċ ta’ EUR 76 miljun innotifikat fil-kuntest tal-pjan tal-2002 u tal-EUR 53.48 miljun stmati kompatibbli mas-suq komuni abbażi tal-Artikolu 86(2) KE (ara l-punt 19 iktar ’il fuq), fil-premessa 381 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Sussegwentement hija evalwat il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mal-linji gwida.

26

Il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessi 387 sa 401 tad-deċiżjoni kkontestata, li fl-2002 l-SNCM kienet verament impriża f’diffikultà skont il-punt 5(a) u l-punt 6 tal-linji gwida u li l-pjan tal-2002 x’aktarx kellu jiżgura r-ritorn għall-vijabbiltà tal-impriża, skont il-punti 31 sa 34 tal-linji gwida.

27

F’dak li jirrigwarda l-prevenzjoni ta’ distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni (punti 35 sa 39 tal-linji gwida), il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 404 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-suq tas-servizzi ta’ trasport marittimu lejn il-Korsika ma kienx suġġett għal kapaċità żejda u li għalhekk ma kien hemm l-ebda ħtieġa li wieħed jikkontribwixxi għar-ristrutturazzjoni finanzjarju tiegħu. Sussegwentement hija kkunsidrat, fil-premessa 406 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni nnotifikat kien jikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv għat-tnaqqis tal-preżenza tal-impriża fis-suq. Għalhekk, anki l-kriterju relatat mal-prevenzjoni ta’ distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni kien ġie sodisfatt.

28

Il-Kummissjoni osservat, fil-premessi 410 sa 419 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ħtieġa ta’ għajnuna, ikkalkolata bil-minimu skont il-punti 40 u 41 tal-linji gwida, kienet illimitata għal EUR 19.75 miljun fid-9 ta’ Lulju 2003, bla ħsara għar-riżultat nett tat-trasferimenti previst mid-deċiżjoni tal-2003. Għal dan, il-Kummissjoni bdiet billi tikkalkola l-ħtiġijiet ta’ likwidità tal-SNCM għall-pjan ta’ ristrutturazzjoni tagħha. Skont din, l-ispiża tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni hija stabbilita għal EUR 46 miljun. Sussegwentement hija naqqset it-trasferimenti kollha li saru bejn it-18 ta’ Frar 2002 (data tan-notifika tal-pjan tal-2002) u d-9 ta’ Lulju 2003 (data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2003), jiġifieri EUR 26.25 miljun sabiex wieħed jasal għal ammont ta’ EUR 19.75 miljun.

29

F’dak li jirrigwarda l-miżuri ta’ kumpens, il-Kummissjoni kkonstatat li l-kundizzjonijiet kollha previsti fid-deċiżjoni tal-2003 fir-rigward tal-ksib, tal-użu tal-flotta, tat-trasferiment tal-assi, tal-projbizzjoni li toffri prezzijiet iktar baxxi minn dawk ta’ kull wieħed mill-kompetituri tagħha (iktar ’il quddiem il-“kundizzjoni tal-price leadership”) u l-projbizzoni ta’ vjaġġi marittimi fuq ir-rotot li jitilqu minn Korsika kienu ġew sodisfatti kważi kompeltament. Sa fejn dawn il-kundizzjonijiet kienu ġew sodisfatti u li l-ammont ta’ għajnuna nnotifikat kien sostanzjalment inqas mill-ammont approvat fl-2003, il-Kummissjoni ma kkunsidratx bħala xieraq li jiġu imposti obbligi addizzjonali. Għalhekk, wara li qieset l-ammont tat-trasferimenti addizzjonali previst mid-deċiżjoni tal-2003, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessa 434 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-bilanċ finali ta’ ristrutturazzjoni, stabbilit għal EUR 15.81 miljun, kien għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq komuni abbażi tal-Artikolu 87(3)(c) KE.

30

Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi:

“Artikolu 1

Il-kumpens imħallas mill-Istat Franċiż lill-SNCM li jammonta għal EUR 53,48 miljun għall-obbligi ta’ servizz pubbliku għall-perijodu 1991-2001 huwa għajnuna mill-Istat illegali skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat KE, iżda huwa kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 86(2) tal-istess Trattat.

Il-prezz ta’ bejgħ negattiv tal-SNCM ta’ EUR 158 miljun, il-ħlas mis-CGMF tal-miżuri soċjali fir-rigward tal-impjegati għal ammont ta’ EUR 38,5 miljun u l-kapitalizzazzjoni mill-ġdid konġunta u konkomitanti tal-SNCM mis-CGMF għal ammont ta’ EUR 8,75 miljun mhumiex għajnuniet mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE. L-għajnuna għar-ristrutturar ta’ ammont ta’ EUR 15,81 miljun li Franza implementat favur is-Société Nationale Maritime Corse-Méditerranée (SNCM) hija għajnuna mill-Istat illegali skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat KE, iżda hija kumpatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 86(2) tal-istess Trattat.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża”.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

31

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Diċembru 2008, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

32

B’digriet tas-27 ta’ April 2009 ir-Repubblika Franċiża ġiet awtorizzata tintervjeni.

33

B’digriet tal-1 ta’ Lulju 2009, l-SNCM ġiet awtorizzata tintervjeni.

34

Fuq rapport tal-Imħallef relatur, il-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

35

Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din stiednet lill-partijiet iwieġbu għal ċerti mistoqsijiet u sabiex jipprovdulha ċerti dokumenti. Il-partijiet wieġbu għal dawn it-talbiet fit-termini mogħtija.

36

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

37

Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża u l-SNCM jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

38

Insostenn ta’ dan ir-rikors għal annullament, ir-rikorrenti essenzjalment tinvoka sitt motivi.

39

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq interpretazzjoni allegatament wiesgħa żżejjed tal-Artikolu 287 KE, li allegatament irriżultat kemm f’nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fi ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv.

40

It-tieni, it-tielet, ir-raba’, il-ħames u s-sitt motiv huma bbażati fuq il-ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE u tal-linji gwida. Dawn il-motivi jikkonċernaw suċċessivament il-kontribuzzjoni f’kapital ta’ EUR 53.48 miljun abbażi tal-kumpens ta’ servizz pubbliku, it-trasferiment tal-SNCM bi prezz negattiv ta’ EUR 158 miljun, il-kontribuzzjoni f’kapital taċ-CGMF ta’ EUR 8.75 miljun, il-miżuri ta’ għajnuna għall-persuna fl-ammont ta’ EUR 38.5 miljun u l-bilanċ ta’ EUR 22.52 miljun innotifikat abbażi tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv

41

Permezz ta’ dan il-motiv ir-rikorrenti essenzjalment issostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn elementi essenzjali ġew oskurati mill-Kummissjoni, abbażi tal-kunfidenzjalità, fil-verżjoni kkomunikata lir-rikorrenti. Sussidjarjament hija tqis li ma ġietx ikkonsultata biżżejjed dwar l-informazzjoni li tikkonċernaha.

42

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u b’tali mod li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. L-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha, kif ukoll f’dak tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Bl-istess mod, għandu jitfakkar li l-Artikolu 287 KE jimponi fuq il-membri, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet Komunitarji l-obbligu li ma jiżvelawx l-informazzjoni li, min-natura tagħha, hija koperta mis-sigriet professjonali. Madankollu, nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi ġġustifikat mill-obbligu, stabbilit fl-imsemmi Artikolu 287, tal-osservanza tas-segretezza professjonali. Għalhekk, l-obbligu tal-osservanza tas-sigrieti kummerċjali ma jistax ikun interpretat b’mod tant wiesa’ li jċaħħad lir-rekwiżit ta’ motivazzjoni mill-kontenut essenzjali tiegħu, bi ħsara għad-drittijiet tad-difiża tal-Istati Membri u tal-partijiet interessati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-13 ta’ Marzu 1985, Il-Pajjiżi l-Baxxi u Leeuwarder Papierwarenfabriek vs Il-Kummissjoni, 296/82 u 318/82, Ġabra. p. 809, punt 27). B’mod partikolari, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni meħuda fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat ma jistax jiġi ddeterminat skont l-interess ta’ informazzjoni tal-Istat Membru li għalih din id-deċiżjoni hija indirizzata biss. Effettivament, f’każ fejn l-Istat Membru kiseb dak li kien qed jitlob mingħand il-Kummissjoni, jiġifieri l-awtorizzazzjoni tal-proġett ta’ għajnuna tiegħu, l-interess tiegħu li jkun id-destinatarju ta’ deċiżjoni motivata, kuntrarjament għal dak tal-kompetituri tal-benefiċjarju tal-għajnuna, jista’ jkun biss żgħir ħafna. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni, T-371/94 u T-394/94, Ġabra p. II-2405, punt 92).

44

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, motiv għandu jiġi ppreżentat b’mod suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti li l-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha u li l-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu. Sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa meħtieġ għalhekk li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat, motiv jirriżultaw minn tal-inqas b’mod sommarju, iżda b’mod koerenti, preċiż u li jinftiehem, mir-rikors innifsu (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-7 ta’ Novembru 1997, Cipeke vs Il-Kummissjoni, T-84/96, Ġabra p. II-2081, punt 31, u tas-27 ta’ Settembru 2006, Roquette Frères vs Il-Kummissjoni, T-322/01, Ġabra p. II-3137, punt 208). Mid-dispożizzjonijiet kollha tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta wkoll li r-rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u jkun jinkludi sunt qasir iżda ċar u preċiż tal-motivi invokati.

45

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jaqbel li jiġi eżaminat dan il-motiv.

46

Fl-ewwel lok, sa fejn jikkonċerna l-obbligu ta’ motivazzjoni, l-ewwel nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata wara d-deċiżjonijiet meħuda bejn l-2001 u l-2005 u wara s-sentenza tal-2005, punt 10 iktar ’il fuq. Għaldaqstant id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata f’kuntest magħruf sew mir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Ġunju 2005, Olsen vs Il-Kummissjoni, T-17/02, Ġabra p. II-2031, punt 97).

47

Fit-tieni nett, fid-dawl tar-rikors, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tiddefendi ruħha b’mod utli. Bl-istess mod, id-deċiżjoni kkontestata kienet suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti li l-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha.

48

Fit-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tindikax b’mod suffiċjentement preċiż, liema elementi essenzjali tad-deċiżjoni kkontestata ġew oskurati. Fil-fatt, l-uniċi elementi konkreti mressqa mir-rikorrenti huma ppreżentati b’mod allużiv, mingħajr ma r-rikorrenti ma impenjat ruħha li turi kif dawn kienu indispensabbli fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

49

Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

50

Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tikkonsulta mar-rikorrenti dwar l-informazzjoni u l-evalwazzjonijiet li jikkonċernawha. Fil-fatt, l-impriżi benefiċjarji tal-għajnuna jew il-kompetituri tagħhom huma biss ikkunsidrati bħala “partijiet interessati” matul il-proċedura amministrattiva. Għalhekk, il-ġurisprudenza essenzjalment tagħti lill-partijiet interessati r-rwol ta’ sorsi ta’ informazzjoni għall-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva miftuħa abbażi tal-Artikolu 88(2) KE. Minn dan isegwi li l-persuni interessati, mhux biss talli ma jistgħux jinvokaw drittijiet tad-difiża mogħtija lill-persuni li kontrihom tinfetaħ proċedura, iżda talli għandhom biss id-dritt li jiġu assoċjati mal-proċedura amministrattiva b’mod xieraq fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali British Airways et vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punti 59 u 60, u tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T-228/99 u T-233/99, Ġabra p. II-435, punt 125).

51

F’dan il-każ ir-rikorrenti kellha l-possibbiltà li tesponi b’mod utli l-opinjoni tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tad-diversi punti ta’ fatt u ta’ liġi relatati mal-attività kkontestata. Fil-fatt, l-elementi li l-Qorti Ġenerali għandha, dwar il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-proċedura amministrattiva, jindikaw b’mod ċar li hija kellha l-opportunità li tesponi l-opinjoni tagħha kemm dwar il-pjan tal-2002 kif ukoll dwar il-pjan tal-2006 kif jirriżulta mill-premessi 24, 131 sa 134 u 142 sa 159 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, ir-rikorrenti kellha l-possibbiltà li tipparteċipa bis-sħiħ fil-proċedura billi f’diversi okkażjonijiet, tibgħat lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

52

B’konsegwenza, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet ta’ difiża għandu jiġi miċħud bħala infondat.

53

Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda l-allegat ksur tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-ilmenti tar-rikorrenti dwar ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-drittijiet tad-difiża ġew miċħuda bħala infondati (ara punti 49 u 52 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ressqitx argument speċifiku insostenn tal-ilment tagħha. Għaldaqstant, anki l-ilment ibbażat fuq ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal rimedju ġudizzjarju effettiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

54

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni motiv, essenzjalment ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni li jirriżulta mill-approvazzjoni tal-kontribuzzjoni f’kapital ta’ EUR 53.48 miljun abbażi tal-Artikolu 86(2) KE moqri flimkien mal-Artikolu 87(1) KE

55

Ir-rikorrenti essenzjalment targumenta li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li l-SNCM setgħet ġustament tirċievi kontribuzzjoni f’kapital ta’ EUR 53.48 miljun abbażi tal-kumpens ta’ servizz pubbliku, partikolarment fid-dawl tal-fatt li l-kontinwità territorjali setgħet tiġi żgurata mis-sempliċi kompetizzjoni fis-suq.

56

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni ma jagħtix definizzjoni preċiża tal-kunċett ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (iktar ’il quddiem “SIEĠ”) kif jinsab fl-Artikolu 86(2) KE. Kuntrarjament, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward tad-definizzjoni ta’ dak li jikkunsidraw bħala SIEĠ u li d-definizzjoni ta’ dawn is-servizzi minn Stat Membru tista’ tiġi kkontestata mill-Kummissjoni biss fil-każ ta’ żball manifest. Madankollu, is-setgħa tal-Istat Membru li jaġixxi, skont l-Artikolu 86(2) KE, u għalhekk, is-setgħa tiegħu li jiddefinixxi s-SIEĠ, ma hijiex illimitata u ma tistax tiġi eżerċitata b’mod arbitrarju sempliċement (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Olsen vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 216; tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni, T-289/03, Ġabra p. II-81, punti 165 sa 169 u tas-6 ta’ Ottubru 2009, FAB vs Il-Kummissjoni, T-8/06, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 63).

57

F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, is-SIEĠ dwar il-konnessjonijiet marittimi, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92, tas-7 ta’ Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 10, iktar ’il quddiem ir-“regolament ta’ kabotaġġ”), jipprovdi b’mod espliċitu l-possibbiltà li jsiru kuntratti ta’ servizz pubbliku sabiex jiġi żgurat li s-servizzi tat-trasport regolari lejn u minn gżejjer kif ukoll bejn il-gżejjer infushom ikunu suffiċjenti, bil-kundizzjoni li ma jkunx hemm diskriminazzjoni. Infatti, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fis-sentenza tagħha tal-20 ta’ Frar 2001, Analir et (C-205/99, Ġabra p. I-1271, punt 27), li l-obbjettiv ta’ kontinwità territorjali kien jirriżulta minn interess pubbliku leġittimu.

58

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex tkun konformi mal-punt 320 tas-sentenza tal-2005, punt 10 iktar ’il fuq, fil-premessi 226 sa 244 il-Kummissjoni eżaminat il-kontribuzzjoni f’kapital ta’ EUR 53.48 miljun fid-dawl tas-sentenza Altmark, punt 11 iktar ’il fuq. Il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 244 tad-deċiżjoni kkontestata, li din il-kontribuzzjoni f’kapital kienet tati lill-SNCM vantaġġ ekonomiku selettiv u b’konsegwenza, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Wara dan hija qieset, fil-premessa 257 tad-deċiżjoni kkontestata, li din l-għajnuna kienet kompatibbli mas-suq komuni abbażi tal-Artikolu 86(2) KE.

59

F’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ SIEĠ, il-Kummissjoni sempliċement indikat fil-qosor, fil-premessa 249 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li l-kuntratti ta’ delegazzjoni ta’ servizz pubbliku (iktar ’il quddiem id-“DSP”) kienu jirrispondu għal bżonn reali ta’ servizz pubbliku. Għandu jiġi enfasizzat li l-kuntratti DSP, iffirmati bejn l-awtoritajiet pubbliċi deleganti u l-impriżi, huma kuntratti li jippreċiżaw obbligi ta’ servizz pubbliku sabiex jippermettu l-implementazzjoni tal-prinċipju tal-kontinwità territorjali. L-SNCM kienet ġiet magħżula mill-Istat Franċiż fl-1976 sabiex tiżgura l-kontinwità territorjali għal perijodu ta’ 25 sena. Skont ir-regoli Komunitarji l-ġodda u wara sejħa għall-offerti fil-livell Ewropew, l-SNCM u ċ-CMN kisbu b’mod konġunt id-DSP għar-rotta ta’ Korsika għall-perijodu mill-2002 sal-2006, u wara mill-2007 sal-2013. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret li l-prinċipju ta’ kontinwità territorjali kien jirrispondi għall-iżvantaġġi li toħloq l-insularità, li f’dan il-każ, dan l-għan leġittimu ma setax jintlaħaq mis-sempliċi kompetizzjoni fis-suq u, finalment, irreferiet għall-analiżi fil-fond tagħha tal-kompetizzjoni li żviluppat fid-deċiżjoni tal-2001.

60

Sa fejn mill-premessa 249 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni limitat ruħha li timmotiva b’mod sommarju l-eżistenza ta’ SIEĠ għall-perijodu mill-1991 sal-2001 u li tirreferi għad-deċiżjoni tal-2001 għal iktar dettalji, għandu jiġi evalwat jekk hija kinitx iġġustifikata li tibbaża ruħha parzjament fuq din id-deċiżjoni preċedenti sabiex tiġġustifika l-eżistenza ta’ SIEĠ fid-deċiżjoni kkontestata, jew jekk kinitx, kuntrarjament, obbligata, kif issostni r-rikorrenti, li teżamina mill-ġdid din il-kwistjoni fil-fond.

61

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-punt 7.2 tad-deċiżjoni tal-2001 jistabbilixxi b’mod konvinċenti, l-eżistenza ta’ bżonn reali ta’ servizz pubbliku. Il-kwistjoni ta’ jekk il-kompetizzjoni, b’mod partikolari fid-dawl tad-dħul fis-suq tar-rikorrenti fl-1996, kinitx f’pożizzjoni li tiżgura t-twettiq tal-obbjettiv tal-kontinwità territorjali hija diskussa fil-premessi 72 sa 74 tad-deċiżjoni tal-2001. B’mod partikolari, fil-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni studjat l-iżvilupp, linja wara linja, tal-offerta tar-rikorrenti bejn Korsika u Franza għall-perijodu mill-1996 sal-2001. Sussegwentement hija kkonkludiet, fil-premessa 74 ta’ din id-deċiżjoni, l-inabbiltà tal-operaturi privati li jiżguraw il-kontinwità territorjali mingħajr DSP, kemm fir-rigward tal-kriterji kwalitattivi u kwantitattivi previsti mis-sistema tal-kuntratt, li min-naħa tagħha ġiet deskritta, l-istess bħal qafas normattiv, fil-premessi 18 sa 30 tal-imsemmija deċiżjoni u mfakkra fil-qosor fil-premessi 73, 75 u 80 ta’ din tal-aħħar. Id-deċizjoni tal-2001 tistudja fid-dettall ir-relazzjoni bejn il-kompetizzjoni u s-servizz pubbliku minimu sa April 2001 (premessa 72) u ma kinitx is-suġġett ta’ rikors għal annullament min-naħa tar-rikorrenti.

62

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-karattru reali tas-servizz pubbliku li joħloq is-suġġett tal-kuntratt tad-DSP qatt ma ġie kkontestat mir-rikorrenti jew minn partijiet interessati oħra matul id-diversi proċeduri amministrattivi u ġuridiċi quddiem l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li ġew wara d-deċiżjoni tal-2001. B’mod partikolari, ir-rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-2003, ippreżentat mir-rikorrenti fit-13 ta’ Ottubru 2003, kellu l-għan li jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kumpens għas-servizz pubbliku ta’ parti mill-għajnuna, u mhux l-eżistenza tas-servizz pubbliku fih innifsu.

63

Fit-tielet u l-aħħar lok, matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti lanqas ma kkontestat l-eżistenza ta’ servizz pubbliku. Fil-fatt, mill-premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-rikorrenti sostniet li ebda wieħed mill-kriterji msemmija fis-sentenza Altmark, punt 11 iktar ’il fuq, ma kienu sodisfatti f’dan il-każ, bl-eċċezzjoni tal-ewwel kriterju, jiġifieri dak dwar l-eżistenza ta’ servizz pubbliku reali.

64

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ element ġdid miġjub għall-attenzjoni tagħha mill-partijiet interessati, b’mod partikolari matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata, u fid-dawl tal-elementi ta’ evalwazzjoni li hija kellha, il-Kummissjoni setgħat, ġustament, tillimita ruħha għal motivazzjoni sommarja u tirreferi għad-deċiżjoni tal-2001 sabiex tikkunsidra li l-eżistenza ta’ servizz pubbliku reali kienet stabbilita għall-perijodu mill-1991 sal-2001, perijodu li barra minn hekk huwa preċedenti għad-deċiżjoni kkontestata.

65

Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-kontroll ristrett tagħha tad-definizzjoni tas-SIEĠ mill-Istati Membri (sentenza BUPA et vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punt 166), il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-kuntratt tad-DSP kien jirrispondi għal bżonn reali ta’ servizz pubbliku għall-perijodu mill-1991 sal-2001.

66

Għall-komplatezza, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fir-rigward, prinċipalment, tal-preżenza tagħha fis-suq f’dik l-epoka, ma humiex ta’ natura li jikkonfutaw din l-evalwazzjoni.

67

Fl-ewwel lok, il-fatt li r-rikorrenti kienet diġà preżenti fis-suq meta ġie mġedded id-DSP fl-2001, għalkemm dan il-fatt huwa ppruvat, ma huwiex tali li jikkonfuta l-konklużjoni tal-Kummissjoni. Fil-fatt, mill-atti tal-proċess jirriżulta li r-rikorrenti kienet totalment nieqsa mis-suq qabel l-1996 u li kien biss fis-sena 2000 li fetħet rotta bejn Toulon u Korsika. Hija kellha biss sehem ta’ 12 % tas-suq f’termini ta’ postijiet offruti matul il-perijodu tas-sajf bejn Korsika u Franza fl-2000. L-ishma tas-suq tagħha kienu madankollu qed jikbru b’mod mgħaġġel, jiġifieri, b’mod partikolari, 30 % fl-2001. Anki jekk il-preżenza nnifisha tar-rikorrenti fis-suq kienet għalhekk bdiet tinħass iktar b’saħħitha fl-aħħar sentejn tal-perijodu kkunsidrat, b’mod partikolari fl-2001, dan il-fatt fih innifsu ma jipprovax li l-kompetizzjoni fis-suq setgħet tippermetti li operatur partikolari jissodisfa l-obbligi tal-kuntratt DSP kif iddefiniti fil-kuntratt-qafas, kemm fuq livell kwalitattiv kif ukoll kwantitattiv. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tipprovdi ebda element konkret dwar, pereżempju, l-abbiltà tagħha li tilħaq l-obbjettiv ta’ frekwenza fl-istaġun baxx u fl-aqwa tal-istaġun fuq ir-rotot kollha, il-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla jew it-tip ta’ vapur, kemm fuq il-livell ta’ trasport ta’ passiġġieri kif ukoll fuq dak tal-merkanzija, kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-kapaċità tagħha li taqdi l-ħafna portijiet ta’ Korsika.

68

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat, kif tenfasizza r-rikorrenti, li d-DSP ġie abbandunat fuq il-konnessjonijiet li jitilqu minn Nice u minn Toulon favur sistema ta’ għajnuna soċjali intenzjonata għal ċerti kategoriji ta’ passiġġieri, fosthom ir-residenti ta’ Korsika, u obbligi ta’ frekwenza ta’ rotot fuq l-operaturi kollha. Dawn is-sistemi ta’ għajnuna soċjali ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni bħala li huma kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 86(2) KE. Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, għalkemm ma huwiex ikkontestat li d-dħul gradwali tagħha fis-suq juri intensifikazzjoni tal-kompetizzjoni, obbjettivi stabbiliti wkoll mill-Unjoni wara l-implementazzjoni tar-regolament ta’ kabotaġġ, dan ma jqiegħedx f’dubju l-karattru ta’ servizz pubbliku tad-DSP matul il-perijodu kkunsidrat, iktar u iktar meta mill-premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-sistema tal-għajnuna soċjali kienet implementata fl-2002, jiġifieri wara l-perijodu msemmi.

69

Fil-fatt, it-tranżizzjoni lejn l-għajnuna soċjali iktar tindika ġestjoni tajba min-naħa tal-awtorità konċedenti milli għajnuna inġustifikata intiża li “ssalva” lill-SNCM, kif issostni r-rikorrenti. Billi llimita b’mod gradwali l-kumpensi mogħtija lill-SNCM, l-Uffiċċju tat-trasport ta’ Korsika (iktar ’il quddiem l-“OTC”) illimita l-ispiża għall-konsumatur u adatta l-kumpens, kif inhu mitlub fl-Artikolu 86(2) KE. B’hekk, l-OTC rrisponda għall-ħtieġa li jittieħed kont tal-iżvilupp tal-kompetizzjoni fis-suq u aġixxa b’diliġenża bit-tnedija ta’ riflessjoni dwar il-bidla fis-sistema mis-sena 2000. Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat l-eżistenza ta’ għajnuna soċjali fiha nnifisha għandha t-tendenza li turi l-eżistenza ta’ bżonn ġenwin ta’ servizz pubbliku. Il-fatt li l-perimetru tal-imsemmi servizz pubbliku kien limitat mill-OTC ma jikkonfutax dan l-istat ta’ fatt.

70

Fit-tielet u l-aħħar lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li d-deċiżjoni tat-tribunal administratif de Bastia (Franza) tal-5 ta’ Lulju 2001, li tannulla s-servizzi ewlenin matul il-perijodu tas-sajf, fatt li juri n-nuqqas ta’ servizz pubbliku reali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din id-deċiżjoni ġiet annullata mill-Conseil d’État Franċiż fl-24 ta’ Ottubru 2001, kif imfakkar ukoll mill-SNCM. Finalment, f’dak li jirrigwarda s-sentenza tal-Cour administrative d’appel de Marseille (Franza) tas-7 ta’ Novembru 2011, iċċitata mir-rikorrenti matul is-seduta, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija sentenza tikkonċerna l-perijodu tad-DSP l-iktar reċenti, mill-2007 sal-2013. Konsegwentement, l-analiżi kollha dwar l-eżistenza ta’ bżonn ta’ servizz pubbliku reali matul dan il-perijodu ma jistgħux jipproduċu xi prova li tista’ tikkonfuta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni għall-perijodu mill-1996 sal-2001, b’mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp partikolarment mgħaġġel tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat.

71

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni fir-rigward tal-approvazzjoni tat-trasferiment tal-SNCM bi prezz negattiv ta’ EUR 158 miljun bħala miżura li ma tikkostitwix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE

72

Insostenn tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti tressaq sitt ilmenti intiżi li jikkontestaw l-applikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tat-test tal-investitur privat għall-prezz tal-bejgħ negattiv ta’ EUR 158 miljun. L-ewwel nett, il-Kummissjoni għamlet konnessjoni żbaljata bejn il-ferment soċjali tal-2005 u l-probabbiltà għolja ta’ likwidazzjoni tal-SNCM. It-tieni nett, it-test tal-komparabbiltà mal-pjanijiet soċjali reċenti ma huwiex suffiċjentement ġustifikat. It-tielet nett, l-indennizzi supplimentari għat-tkeċċija ma jistgħux jiġu inklużi fl-ispiża minima tal-likwidazzjoni. Ir-raba’ nett, l-impatt ekonomiku tal-klawżola riżoluttiva tat-trasferiment kelu jiġi analizzat. Il-ħames nett, in-nuqqas ta’ teħid kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tar-responsabbiltà tal-Istat Franċiż fis-sitwazzjoni attwali tal-SNCM ma hijiex konformi mal-prattika deċiżjonali tagħha. Is-sitt nett, l-ugwaljanza fit-trattament bejn iċ-CGMF u x-xerrejja ma hijiex irrispettata.

73

Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li hemm lok li tibda l-eżami tat-tielet motiv mit-tielet ilment.

74

Fil-kuntest tat-tielet ilment, ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tal-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma setgħetx tinkludi fil-kalkolu tal-ispiża ipotetika tal-likwidazzjoni tal-SNCM, l-indennizzi supplimentari għat-tkeċċija li jmorru lil hinn mill-obbligi legali u kuntrattwali stretti, sa fejn approċċ bħal dan ma jistax jikkaratterizza l-aġir ta’ investitur privat iggwidat minn perspettivi ta’ profittabbiltà fuq żmien twil. Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ppreċiżat il-portata tal-ilment tagħha billi sostniet li, minn naħa, kuntrarjament għal dak li tiddikjara l-Kummissjoni fil-punt 270 tad-deċiżjoni kkontestata, il-protezzjoni tal-immaġni taċ-CGMF, li tagħha l-SNCM kienet l-unika azzjonista, ma tistax tikkostitwixxi raġuni suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-għoti ta’ indennizzi supplimentari għat-tkeċċija. Min-naħa l-oħra, fir-realtà l-għoti ta’ supplimentari għat-tkeċċija huwa intiżi sabiex jillimita d-dehra ta’ ferment soċjali f’każ ta’ likwidazzjoni tal-SNCM, u dan jirriżulta mill-obbjettivi tal-Istat bħala awtorità pubblika u mhux mill-atteġġjament ta’ investitur privat.

75

Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex tevalwa jekk l-SNCM kinitx ibbenefikat minn vantaġġ ekonomiku selettiv fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, il-Kummissjoni qabblet, fil-premessi 259 sa 352, il-prezz tal-bejgħ negattiv ta’ EUR 158 miljun mal-ispiża ipotetika tal-likwidazzjoni tal-kumpannija. Skont il-Kummissjoni f’dan il-każ l-ispiża tal-likwidazzjoni, ikkalkulata fil-minimu, hija limitata għall-ispiża tal-indennizzi supplimentari għat-tkeċċija (premessa 306 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont il-Kummissjoni, dawn l-indennizzi saru obbligu de facto għall-impriżi l-kbar ta’ llum f’każ ta’ likwidazzjoni ta’ sussidjarja jew ta’ għeluq ta’ impjant. Fil-każ inkwistjoni, l-għoti tal-indennizzi supplimentari għat-tkeċċija huwa partikolarment neċessarju, fid-dawl tal-ferment soċjali rikorrenti fi ħdan l-SNCM, sabiex tiġi mħarsa l-immaġni taċ-CGMF u tal-Istat Franċiż (premessi 270 u 271 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li, peress li s-somma tal-indennizzi supplimentari għat-tkeċċija hija ikbar mill-ispiża ta’ rikapitalizzazzjoni, il-prezz tal-bejgħ negattiv ta’ EUR 158 miljun ma kienx jinvolvi element ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

76

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi fil-kapital ta’ impriża, taħt kwalunkwe forma, jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-11 ta’ Lulju 2002, HAMSA vs Il-Kummissjoni, T-152/99, Ġabra p. II-3049, punt 125 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77

Madankollu, għandu jitfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 295, it-Trattat KE ma jaffettwax is-sistema ta’ proprjetà fl-Istati Membri. Għalhekk, l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jeżerċitaw, direttament jew indirettament, attivitajiet ekonomiċi bl-istess mod bħal impriżi privati. Dan il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn is-settur pubbliku u dak privat jimplika li l-Istati Membri jistgħu jinvestu f’attivitajiet ekonomiċi u li l-kapital imqiegħed mill-Istat għad-dispożizzjoni ta’ impriża, direttament jew indirettament, f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-142/87, Ġabra p. I-959, punt 29, u tal-21 ta’ Marzu 1991, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-303/88, Ġabra p. I-1433, punt 20; sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Diċembru 1996, Air France vs Il-Kummissjoni, T-358/94, Ġabra p. II-2109, punt 70).

78

Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-privatizzazzjoni tal-SNCM għal prezz ta’ bejgħ negattiv ta’ EUR 158 miljun kinitx tinkludi elementi ta’ għajnuna mill-Istat, għandu għaldaqstant jiġi evalwat jekk, f’ċirkustanzi simili, investitur privat setax ikun imħajjar jagħmel kontribuzzjonijiet f’kapital ta’ din l-importanza fil-kuntest tal-bejgħ tal-imsemmija impriża jew jekk kienx jagħżel li jmur għal-likwidazzjoni ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, Ġabra p. I-4397, punt 70, u tat-28 ta’ Jannar 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-334/99, Ġabra p. I-1139, punt 133).

79

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-test tal-investitur privat, għandha neċessarjament tiġi stabbilita distinzjoni bejn l-obbligi li l-Istat għandu jassumi inkwantu impriża li teżerċita attività ekonomika u l-obbligi li huwa jista’ jkollu inkwantu awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-278/92 sa C-280/92, Ġabra p. I-4103, punt 22, u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 79 iktar ’il fuq, punt 134). Fil-fatt, meta investiment min-naħa ta’ Stat iseħħ fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, l-aġir tal-Istat qatt ma jista’ jiġi mqabbel ma’ dak ta’ operatur jew ta’ investitur privat fl-ekonomija tas-suq (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-17 ta’ Diċembru 2008, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T-196/04, Ġabra p. II-3643, punt 85).

80

Madankollu, meta ssir din id-distinzjoni bejn l-attivitajiet ekonomiċi minn naħa, u l-interventi tal-awtorità pubblika, min-naħa l-oħra, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-aġir tal-investitur privat, li miegħu għandu jiġu mqabbel l-aġir tal-investitur pubbliku, ma huwiex neċessarjament dak tal-investitur ordinarju li jinvesti kapital bl-iskop li jirrendilu qliegħ fuq perijodu ftit jew wisq qasir. Dan l-aġir għandu, minn tal-inqas, ikun dak ta’ holding privata jew ta’ grupp privat ta’ impriżi li jsegwi politika strutturali, globali jew settorjali, u ggwidata minn perspettivi ta’ qliegħ fuq perijodu itwal (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-21 ta’ Marzu 1991, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-305/89, Ġabra p. I-1603, punt 20).

81

Barra minn hekk, kemm il-kontenut tal-leġiżlazzjoni soċjali nazzjonali kif ukoll il-prattika tar-relazzjonijiet soċjali fi ħdan gruppi kbar ta’ impriżi jinbidlu maż-żmien u huma differenti fi ħdan l-Unjoni. Huwa għalhekk neċessarju li l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat jirrifletti l-iżvilupp ta’ dawn l-użanzi, kemm f’dak li jirrigwarda l-investimenti magħmula mill-impriżi privati kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-investimenti magħmula mill-Istat, skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u mingħajr ma tinbidel l-effettività tiegħu.

82

Għandu wkoll jiġi ppreċiżat li, f’ekonomija soċjali tas-suq, investitur privat avżat ma jistax jinjora, minn naħa, ir-responsabbiltà tiegħu fil-konfront tal-partijiet interessati kollha tal-impriża u, min-naħa l-oħra, l-bdil tal-kuntest soċjali, ekonomiku u ambjentali li jkompli jiżviluppa fihom. Fil-fatt, l-interessi bbażati fuq ir-responsabbiltà soċjali u fuq il-kuntest imprenditorjali jista’ jkollhom influwenza kbira fuq id-deċiżjonijiet konkreti u d-direzzjonijiet strateġiċi ta’ imprenditur privat avżat. Għalhekk, ir-razzjonalità ekonomika fuq perijodu twil tal-aġir ta’ imprenditur privat avżat ma tistax tiġi evalwata mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-preokkupazzjonijiet.

83

Għal dan il-għan, l-għoti ta’ indennizzi supplimentari għat-tkeċċija min-naħa ta’ investitur privat, jista’, bħala prinċipju, jikkostitwixxi prattika leġittima u xierqa, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, bil-għan li jiġi promoss djalogu soċjali paċifiku u tinżamm l-immaġni ta’ kumpannija jew ta’ grupp ta’ kumpanniji. Fil-fatt, l-ispiża ta’ indennizzi supplimentari għat-tkeċċija ma għandhiex titħallat mal-ispiża tal-kopertura għas-sigurtà soċjali li neċessarjament taqa’ fuq l-Istat f’każ ta’ likwidazzjoni ta’ kumpanija. Skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara punt 75 iktar ’il fuq), il-fakoltà li jingħataw indennizzi supplimentari għat-tkeċċija hija wkoll miftuħa għall-Istati Membri f’każ ta’ likwidazzjoni ta’ impriża pubblika, anki jekk l-obbligi tagħhom ma jaqbżux a priori l-minimu legali u kuntrattwali.

84

Madankollu, l-għan tat-teħid ta’ responsabbiltà għal dawn l-ispejjeż addizzjonali, minħabba preokkupazzjonijiet leġittimi, ma jistax ikun wieħed esklużivament soċjali jew politiku għax inkella ma jibqax fil-kuntest tat-test tal-investitur privat kif stabbilit fil-punti 76 sa 82 iktar ’il fuq. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe razzjonalità ekonomika, anki fuq perijodu twil, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż lil hinn mill-obbligi legali u kuntrattwali stretti għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

85

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-protezzjoni tal-immaġni ta’ Stat Membru bħala investitur globali fl-ekonomija tas-suq ma tistax tikkostitwixxi, għajr f’ċirkustanzi partikolari u mingħajr motivazzjoni partikolarment konvinċenti, ġustifikazzjoni suffiċjenti sabiex tintwera r-razzjonalità ekonomika fuq perijodu twil tat-teħid tar-responsabbiltà għal spejjeż addizzjonali bħall-indennizzi supplimentari għat-tkeċċija. Il-fatt li jiġi aċċettat li l-Kummissjoni tirreferi b’mod sommarju għall-immaġni ta’ Stat Membru, bħala attur globali, insostenn ta’ deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE effettivament jirriżulta, minn naħa, f’distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq komuni favur impriżi li joperaw fi Stati Membri fejn is-settur ekonomiku pubbliku huwa komparattivament iktar żviluppat, jew fejn id-djalogu soċjali huwa partikolarment fqir, u, min-naħa l-oħra, fi tnaqqis indebitu tal-effettività tar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

86

Għandu wkoll jitfakkar li, fil-kuntest tat-test tal-investitur privat hija l-Kummissjoni li għandha, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa tagħha, tiddefinixxi l-attivitajiet ekonomiċi tal-Istat, b’mod partikolari fil-livell ġeografiku u settorjali, li fir-rigward tagħhom għandha tiġi evalwata r-razzjonalità ekonomika għall-perijodu twil tal-aġir ta’ dan l-Istat.

87

Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ definizzjoni suffiċjentement preċiża tal-attivitajiet ekonomiċi kkonċernati, il-Kummissjoni ma tistax tkun f’pożizzjoni, minn naħa, li tiddefinixxi l-investituri privati ta’ referenza u, b’hekk, li tiddetermina l-eżistenza, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli, ta’ prattika suffiċjentement stabbilita fost dawn l-investituri. Min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta’ tali punt ta’ paragun, id-definizzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi kkonċernati hija wkoll neċessarja sabiex tkun tista’ tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ probabbiltà raġonevoli u suffiċjentement sostanzjata li l-Istat Membru jikseb, mill-aġir inkwistjoni, profitt materjali indirett anki fuq perijodu twil.

88

Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-portata u n-natura tal-istħarriġ ġudizzjarju, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, kif iddefinit fit-Trattat, huwa ta’ natura legali u għandu jiġi interpretat fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti tal-Unjoni għandha, bħala prinċipju u fid-dawl kemm tal-elementi konkreti tal-kawża mressqa quddiemha kif ukoll tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, twettaq stħarriġ sħiħ f’dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk miżura taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u Il-Kummissjoni, C-83/98 P, Ġabra p. I-3271, punt 25, u tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C-487/06 P, Ġabra p. I-10515, punt 111). Il-qorti tal-Unjoni għandha b’mod partikolari tivverifika mhux biss l-eżattezza fattwali, l-affidabbli u l-koerenti tal-provi invokati, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn l-elementi humiex tali li jissostanzjaw il-konklużjonijiet li jirriżultaw minnhom (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Scott, C-290/07 P, Ġabra p. I-7763, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat it-tielet ilment tat-tielet motiv.

90

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, preliminarjament, li l-Kummissjoni ma ddefinietx, b’mod ċar, l-attivitajiet ekonomiċi tal-Istat Franċiż li fir-rigward tagħhom jista’ eventwalment ikun hemm il-bżonn ta’ protezzjoni tal-immaġni.

91

Fil-fatt, mill-premessi 270 u 271 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-immaġni li trid tiġi protetta hija dik tal-“holding li lilha tappartjeni u tal-azzjonist finali tagħha”, jiġifieri dik taċ-CGMF u tal-Istat Franċiż. Fuq dan il-punt, għandu jiġi rrilevat, kif enfasizzat ġustament mir-rikorrenti, li ċ-CGMF ma għandha l-ebda assi oħra fis-settur tat-trasport marittimu. Għalhekk, fi kwalunkwe każ, l-argument ibbażat fuq il-protezzjoni tal-immaġni ma setax jikkonċernaha.

92

Iktar minn hekk, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni sostniet li l-immaġni li kellha tiġi protetta kienet, fir-realtà, dik tal-Istat Franċiż bħala investitur globali fl-ekonomija tas-suq. Fl-aħħar nett, matul is-seduta, il-Kummissjoni reġgħet biddlet il-pożizzjoni tagħha, billi ppreċiżat diversi drabi, li l-argument ibbażat fuq il-protezzjoni tal-immaġni kien fil-fatt japplika għall-Istat Franċiż bħala investitur fis-settur tat-trasport. Ir-Repubblika Franċiża, min-naħa l-oħra, għamlet riferiment għall-Istat Franċiż bħala investitur globali fl-ekonomija tas-suq.

93

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni naqset milli tiddefinixxi, għall-finijiet tal-liġi, l-attivitajiet ekonomiċi tal-Istat Franċiż li fir-rigward tagħhom għandha tiġi evalwata r-razzjonalità ekonomika tal-miżuri inkwistjoni f’dan il-każ (ara punti 86 sa 87 iktar ’il fuq).

94

Fin-nuqqas ta’ tali definizzjoni, bħala prinċipju, huwa impossibbli għall-Qorti Ġenerali li tistħarreġ ir-razzjonalità ekonomika fuq perijodu twil tal-prezz tat-trasferiment negattiv tal-SNCM li l-Istat Franċiż ikkonċeda sabiex jevita l-indennizzi supplimentari għat-tkeċċija f’każ ta’ likwidazzjoni (ara l-punti 86 u 87 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi.

95

Barra minn hekk, indipendentiment mid-definizzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi kkonċernati, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni ma ressqitx elementi oġġettivi u verifikabbli suffiċjenti li jistgħu juru li l-ħlas ta’ indennizzi supplimentari għat-tkeċċija, f’ċirkustanzi simili, huwa prattika stabbilita fost l-imprendituri privati.

96

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni ndirizzat din il-kwistjoni biss fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 135 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-premessi 267 u 268 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tiddikjara li l-ħlas ta’ indennizzi supplimentari għat-tkeċċija, kif ukoll miżuri oħra bħall-għajnuna għat-tfittxija tal-impjiegi, saru prattiċi komuni fost gruppi kbar ta’ impriżi, mingħajr madankollu ma pprovdiet l-iċken prova. Għalkemm, kif issostni l-Kummissjoni fil-premessa 267 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa effettivament paċifiku li l-gruppi kbar ta’ impriżi ma jistgħux ikunu indifferenti għall-konsegwenzi soċjali tal-għeluq ta’ sit ta’ produzzjoni, dan madankollu ma jimplikax, mingħajr provi oħra, li l-ħlas ta’ indennizzi supplimentari għat-tkeċċija jikkostitwixxi prattika stabbilita fost il-gruppi l-kbar ta’ impriżi f’każ tal-likwidazzjoni ta’ sussidjarja.

97

Fil-premessa 272 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 135 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tenniet li l-fatt li ma tinkludix indennizzi supplimentari għat-tkeċċija fl-ispiża ipotetika tal-likwidazzjoni, ikun ifisser li tiġi injorata r-realtà soċjali li huma affaċċjati biha l-gruppi kbar ta’ impriżi u limitat ruħha li tirreferi, sabiex tipprova din id-dikjarazzjoni, għad-Deċiżjoni tagħha 92/266/KEE, tas-27 ta’ Novembru 1991, dwar l-attivitajiet ta’ konverżjoni ta’ gruppi industrijali pubbliċi Franċiżi minbarra dawk tal-azzar, tal-faħam u tal-Compagnie Générale Maritime fid-dawl tal-Artikoli 92 sa 94 tat-Trattat KEE. [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU 1992, L 138, p. 24) u għall-pjanijiet soċjali ċċitati iktar tard. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, minn naħa, li d-deċiżjoni tal-1991 ma hijiex ta’ natura li tipprova l-eżistenza ta’ prattika soċjali suffiċjentement stabbilita fil-mument tal-privatizzazzjoni fl-2006 u, min-naħa l-oħra, li s-sempliċi referenza għal numru limitat ta’ pjanijiet soċjali lanqas ma tista’ turi l-eżistenza ta’ prattika suffiċjentement stabbilita f’każijiet paragunabbli għal dawk f’dan il-każ. Dan jgħodd iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li l-pjanijiet soċjali jirrigwardaw operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni, u mhux ta’ likwidazzjoni, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni matul is-seduta, f’setturi li a priori ma għandhom xejn komuni mal-infrastrutturi tat-trasport, bħal ma huma l-kosmetiċi (Yves Saint Laurent Haute couture) jew l-agro alimentari (Danone).

98

It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li l-uniċi elementi fattwali mressqa mill-Kummissjoni fil-punti 274 sa 277 tad-deċiżjoni kkontestata, kienu essenzjalment, intiżi li jipproduċu stima tal-ispiża ta’ dawn l-indennizzi għal kull impjegat, u mhux intiżi sabiex isostnu l-eżistenza ta’ prattika suffiċjentement stabbilita, kif ikkonfermat ukoll il-Kummissjoni fil-punt 41 tal-kontroreplika. F’dan ir-rigward, wieħed jista’, barra minn hekk, jenfasizza li l-istimi mressqa kienu jvarjaw kunsiderevolment skont l-impriżi u s-setturi kkonċernati.

99

It-tielet nett, la l-Kummissjoni u lanqas l-intervenjenti ma pproduċew provi dwar l-eżistenza ta’ prattika ta’ ħlas ta’ indennizzi supplimentari, kemm jekk fit-tweġiba bil-miktub tagħhom għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali jew matul is-seduta. Fil-fatt, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma indirizzat din il-kwistjoni, filwaqt li r-Repubblika Franċiża ssemmiet biss impriża privata waħda fil-qasam tal-azzar, li kien jidher li tikkunsidra l-implementazzjoni ta’ indennizzi supplimentari għat-tkeċċija.

100

Fid-dawl tal-punti 96 sa 99 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li turi li l-ħlas ta’ indennizzi supplimentari għat-tkeċċija kien prattika suffiċjentement stabbilita fost l-imprendituri privati.

101

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni lanqas ma pproduċiet biżżejjed elementi oġġettivi u verifikabbli li jistgħu juru li, fin-nuqqas ta’ prattika stabbilita minn naħa tal-investituri privati, l-aġir tal-Istat Franċiż kien immotivat, f’dan il-każ, minn probabbiltà raġonevoli li tirrendi profitt materjal indirett anki fuq perijodu twil (ara l-punti 86 u 87 iktar ’il fuq).

102

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat, għal darba oħra, li essenzjalment din il-kwistjoni ma hijiex indirizzata fid-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni limitat ruħha, fil-premessi 270 u 271 tad-deċiżjoni kkontestata, li tiddikjara li t-tensjonijiet soċjali fi ħdan l-impriża, murija fil-fehma tagħha mill-kunflitt soċjali li seħħ matul is-sena 2004, iwasslu, fil-każ tal-likwidazzjoni tal-SNCM, għal ferment soċjali ta’ natura tali li jibdel l-immaġni tal-kumpannija parent tagħha u tal-azzjonist finali tagħha. Il-Kummissjoni, għalhekk, ma pproduċietx elementi, fid-deċiżjoni kkontestata, li jistgħu jispjegaw in-natura konkreta tad-dannu subit u b’mod partikolari li jistgħu jippreċiżaw fil-konfront ta’ liema parti interessata (utenti, klijenti, fornituri jew persunal) kellha tiġi affettwata l-immaġni taċ-CGMF u tal-Istat Franċiż. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda element li juri li l-Kummissjoni ppruvat tikkwantifika d-dannu subit, dannu li neċessarjament għandu jitqabbel mal-ispiża stmata tal-indennizzi supplimentari għat-tkeċċija li tagħhom huwa jikkostitwixxi l-ġustifikazzjoni.

103

Fit-tweġiba bil-miktub tagħha għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni argumentat li x’aktarx kellu jkun hemm ferment soċjali fl-impriżi kkontrollati mill-Istat u li joperaw mill-qrib mal-SNCM, bħal ma huwa l-port ta’ Marseille, u li jista’ jkun hemm ukoll ferment soċjali fl-impriżi pubbliċi kollha, irrispettivament mis-settur, b’mod partikolari fit-trasport. Għalhekk tkun l-immaġni tal-Istat bħala persuna li tħaddem li tiġi affettwata. Konsegwentement, likwidazzjoni tal-SNCM mingħajr ħlas ta’ indennizzi għat-tkeċċija, skont il-Kummissjoni, probabbilment tagħti lok għal strajks ta’ solidarjetà fis-servizz pubbliku, bħal dawk li seħħew f’xi impriżi privati. Matul is-seduta, ir-Repubblika Franċiża ppreċiżat li fil-fehma tagħha, id-degradazzjoni tal-immaġni għandha tinftiehem bħala degradazzjoni tal-immaġni f’għajnejn l-imsieħba kummerċjali tagħha u l-klijenti mhux professjonali tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni invokat ukoll riskji partikolari ta’ vjolenza u ħsara lill-proprjetà.

104

Minbarra t-tardività tal-motivazzjoni mressqa, il-Qorti Ġenerali tqis, fi kwalunkwe każ, li l-elementi prodotti fit-tweġiba bil-miktub u matul is-seduta ma jistgħux jikkostitwixxu motivazzjoni suffiċjentement konvinċenti sabiex tiġi ġġustifikata l-inklużjoni ta’ indennizzi supplimentari għat-tkeċċija fl-ispiża ipotetika tal-likwidazzjoni tal-SNCM.

105

Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni ma pproduċietx elementi li jistgħu jistabbilixxu l-eżistenza, fil-każ inkwistjoni, ta’ probabbiltà raġonevoli tar-realizzazzjoni ta’ spejjeż soċjali li tiġġustifika l-ħlas ta’ indennizzi supplimentari għat-tkeċċija. Dan ir-riskju bl-ebda mod ma ġie studjat mill-Kummissjoni, kif din tal-aħħar irrikonoxxiet matul is-seduta. Essenzjalment, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tiddikjara li riskju ta’ strajks ta’ solidarjetà kien jeżisti, mingħajr ma pproduċiet l-iċken element dwar id-daqs tagħhom, għajr għall-preċiżazzjoni li dawn setgħu jaffettwaw l-impriżi pubbliċi kollha, b’mod partikolari fis-settur tat-trasport. Bħala eżempju konkret, il-Kummissjoni llimitat ruħha li ssemmi l-konsegwenzi potenzjali fuq l-attivitajiet kummerċjali tal-Istat fil-każ ta’ imblukkar tal-port ta’ Marseille, kif kien il-każ matul il-ferment soċjali f’Marzu 2011. Hija tat ukoll tliet eżempji ta’ imblukkar ta’ siti ta’ produzzjoni li tfaċċaw fi Franza u fil-Belġju matul l-aħħar ħmistax-il sena. B’konsegwenza, għalkemm jista’ jiġi kkunsidrat li l-eżistenza ta’ tensjonijiet soċjali qawwija fi ħdan l-SNCM hija suffiċjentement stabbilita, kif jirriżulta pereżempju mill-premessa 271 tad-deċiżjoni kkontestata, f’dan il-każ l-elementi prodotti ma jistgħux jistabbilixxu l-eżistenza, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni, ta’ riskju reali ta’ strajks ta’ solidarjetà f’impriżi oħra kkontrollati, direttament jew indirettament, mill-Istat Franċiż.

106

It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li n-nuqqas ta’ sforz mill-Kummissjoni li jiġu kkwantifikati l-ispejjeż soċjali indiretti, huwa iktar u iktar ta’ ħsara peress li l-imsemmija spejjeż għandhom ikunu sostanzjali sabiex jiġġustifikaw ir-raġunament tagħha. Fil-fatt, l-ispiża ta’ indennizzi supplimentari għat-tkeċċija titla, mid-definizzjoni tagħha stess, għal iktar minn EUR 158 miljun, li huwa l-prezz tat-trasferiment negattiv tal-SNCM. Sabiex l-indennizzi supplimentari għat-tkeċċija jistgħu jkunu ġġustifikati, l-ispiża tagħhom għandha tkun inqas mill-ispejjeż soċjali indiretti, bħal dawk ta’ strajks ta’ solidarjetà. Minn dan jirriżulta li l-ammont tal-ispejjeż soċjali indiretti, fil-każ fejn dawn effettivament ikollhom lok, għandu jkun partikolarment għoli sabiex ikun jista jiġġustifika r-raġunament tal-Kummissjoni.

107

It-tielet nett, fid-dawl tal-elementi pprovduti mill-Kummissjoni, għandu jiġi enfasizzat li ebda att tal-proċess ma jippermetti li jiġi konkluż li l-għoti ta’ indennizzi supplimentari għat-tkeċċija lill-impjegati tal-SNCM kien ikun tali li jipprevjeni l-fermenti soċjali f’każ ta’ likwidazzjoni tal-kumpannija, kif ġie rrikonoxxut mill-Kummissjoni matul is-seduta. Fil-fatt, il-Kummissjoni mhux biss talli naqset milli tanalizza l-probabbiltà ta’ okkorrenza tal-ispejjeż soċjali indiretti msemmija iktar ’il fuq, iżda talli lanqas ma analizzat ir-riskju li dawn iseħħu anki minkejja li jitħallsu indennizzi supplimentari għat-tkeċċija. F’din l-aħħar ipoteżi, l-ispejjeż soċjali indiretti invokati, li jikkostitwixxu l-ġustifikazzjoni tal-imsemmija indennizzi, kien ikollhom għalhekk jiġu sostnuti mill-Istat Franċiż minkejja l-għoti ta’ indennizzi supplimentari.

108

Għalhekk, il-Kummissjoni ma ppreżentat ebda element li jista’ juri, għall-finijiet tal-liġi, b’liema mod l-inklużjoni tal-ispiża kunsiderevoli tal-indennizzi supplimentari għat-tkeċċija, li barra minn hekk jistgħu jilħqu ammont sa għaxar darbiet l-ammont li jirriżulta mill-obbligi legali u kuntrattwali, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 277 tad-deċiżjoni kkontestata, kienet motivata, fil-każ inkwistjoni, minn probabbiltà raġonevoli għall-Istat Franċiż li jikseb profitt materjal indirett anki fuq perijodu twil. Huwa impossibbli li jitneħħew ir-riskji ta’ ċerti konsegwenzi soċjali f’impriżi pubbliċi oħra fil-każ ta’ likwidazzjoni tal-SNCM mingħajr ħlas ta’ indennizzi supplimentari għat-tkeċċija, id-daqs tal-ispejjeż soċjali indiretti kkonċernati, kif ukoll il-probabbiltà ta’ espożizzjoni tagħhom, bl-ebda mod ma ġew analizzati mill-Kummissjoni, lanqas fit-tweġibiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li r-razzjonalità ekonomika fit-tul tal-komportament tal-Istat Franċiż ma ġietx murija għall-finijiet tal-liġi.

109

Fid-dawl tal-punti 72 sa 108 iktar ’il fuq, it-tielet ilment tar-rikorrenti għandu jiġi milqugħ. Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi milqugħ, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu analizzati l-ewwel, it-tieni, ir-raba’, il-ħames u s-sitt ilmenti. Il-konsegwenzi fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata se jiġu eżaminati fil-punti 155 et seq iktar ’il quddiem.

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni li jirriżulta mill-approvazzjoni tal-kontribuzzjoni f’kapital miċ-CGMF ta’ EUR 8.75 miljun bħala miżuura li ma tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE

110

Ir-rikorrenti tressaq żewġ ilmenti insostenn ta’ dan il-motiv, ibbażati, minn naħa, fuq applikazzjoni żbaljata tal-kriterju tal-konkomitanza tal-kontribuzzjonijiet f’kapital tax-xerrejja privati u taċ-CGMF u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

111

Mill-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-sottoskrizzjoni konġunta u konkomitanti mix-xerrejja u ċ-CGMF ta’ azzjonijiet ġodda għal ammont ta’ EUR 35 miljun, fosthom 25 % miċ-CGMF, kienet prevista taħt is-Sezzjoni III tal-Memorandum ta’ Ftehim. Din is-sottoskrizzjoni kellha sseħħ wara r-rikapitalizzazzjoni fl-ammont ta’ EUR 142.5 miljun u t-trasferiment ta’ 75 % tal-ishma lil xerrejja privati għal ammont simboliku.

112

Fil-premessa 354 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, l-ewwel nett qieset li kontribuzzjoni f’kapital pubbliku ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna jekk l-investimenti privati ta’ daqs sinjifikattiv jseħħu b’mod konkomitanti. Hija mbagħad qieset li tista’ tillimita ruħha għall-analiżi tal-konkomitanza tal-kontribuzzjonijiet f’kapital, sa fejn dawn il-kontribuzzjonijiet kienu sinjifikattivi, mingħajr ma twettaq l-analiżi tar-redditu, sabiex tkun tista’ tikkonkludi li ma kienx hemm għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Sa fejn il-kriterju tal-konkomitanza kien sodisfatt, hija kkonkludiet, fil-premessa 360 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kontribuzzjoni f’kapital taċ-CGMF fl-ammont ta’ EUR 8.75 miljun ma kinitx tagħti vantaġġ ekonomiku lill-SNCM u għalhekk ma kinitx għajnuna.

113

Imbagħad, kien biss wara li kkonstatat nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE li fil-premessi 361 sa 363 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni studjat il-kwistjoni ta’ jekk redditu fiss tal-holding taċ-CGMF kienx ikun aċċettabbli għal investitur privat ipotetiku. Għalhekk hija kkunsidrat li, sa fejn ir-redditu fiss kien jeżenta liċ-CGMF mir-riskju fil-livell ta’ eżekuzzjoni tal-pjan tan-negozju, dan kien jikkostitwixxi profittabbiltà adegwata fuq perijodu twil tal-kapital investit. Barra minn hekk, l-espert tal-Kummissjoni kkonkluda li, f’termini ta’ profil ta’ riskju, din il-kontribuzzjoni f’kapital kienet viċin obbligu tas-settur privat Franċiż.

114

Fl-aħħar nett, mill-premessa 364 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-klawżola riżoluttiva ta’ trasferiment (ara l-punt 23 iktar ’il fuq) ma ġietx indirizzata b’rabta mal-kwistjoni ta’ redditi, peress li l-Kummissjoni llimitat ruħha li tiddikjara li din ma kinitx ta’ natura tali li tikkontesta l-ugwaljanza fit-trattament bejn iċ-CGMF u x-xerrejja privati.

115

F’dan ir-rigward, fil-punti 76 u 77 iktar ’il fuq diġà ġie mfakkar, li, sabiex jiġi ddeterminat jekk kontribuzzjoni ta’ oriġini pubblika tinkludix elementi ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens l-Artikolu 87(1) KE, għandu jiġi evalwat jekk investitur privat, f’ċirkustanzi paragunabbli, kienx jagħmel l-imsemmija kontribuzzjoni. Fil-każ li t-tqegħid għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, ta’ kapital min-naħa tal-Istat lil impriża sar f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq, dan ma jistax jiġu kklassifikat bħala għajnuna, skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn is-setturi pubbliċi u privati. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li kontribuzzjoni f’kapital minn fondi pubbliċi tissodisfax it-test tal-investitur privat u ma timplikax l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat, fost l-oħrajn, jekk din il-kontribuzzjoni sseħħ b’konkomitanza ma’ kontribuzzjoni kapital sinjifikattiva minn investitur privat f’kundizzjonijiet paragonabbli (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Diċembru 2000, Alitalia vs Il-Kummissjoni, T-296/97, Ġabra p. II-3871, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Dwar il-konkomitanza

116

F’dak li jirrigwarda l-konkomitanza tal-kontribuzzjonijiet ta’ investituri privati u pubbliċi, ir-rikorrenti tqis li peress li l-ammont sħiħ ta’ EUR 35 miljun ma ġiex rilaxxat fl-istess mument, il-kriterju ta’ konkomitanza għall-kontribuzzjonijiet kollha ma ġietx irrispettata, filwaqt li l-Kummissjoni qieset bħala suffiċjenti li l-kundizzjonijiet kienu simili.

117

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-konkomitanza tal-kontribuzzjonijiet ta’ investituri privati u pubbliċi hija, l-iktar, indikazzjoni li tippermetti li wieħed ixaqleb lejn nuqqas ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Fil-fatt, mill-punt 81 tas-sentenza Alitalia vs Il-Kummissjoni, punt 115 iktar ’il fuq, iċċitata minn din tal-aħħar fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 168 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu saru f’ċirkustanzi paragunabbli. Peress li l-iskop tat-test tal-investitur privat huwa li jipparaguna l-aġir tal-Istat ma’ dak ta’ investitur privat ipotetiku, ma jistax jiġi miċħud li l-eżistenza ta’ investituri lesti li jinvestu b’mod sinjifikattiv u b’konkomitanza hija ta’ natura li tiffaċilita l-validazzjoni ta’ tali test. Madankollu, l-informazzjoni rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-kontribuzzjonijiet ikkonċernati fid-dawl tar-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat. Għalhekk, l-aspett taż-żmien huwa naturalment importanti, iżda l-konkomitanza ma tistax tiġi kkunsidrata, bħala prinċipju, bħala suffiċjenti fiha nnifisha.

118

Konsegwentement, sa fejn il-konkomitanza għandha tiġi evalwata biss bħala indizju li jippermetti li wieħed ixaqleb lejn nuqqas ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, din ma tistax raġonevolment tiġi evalwata b’mod strett. F’dan il-każ, minħabba l-fatt li l-ewwel kwart ta’ kull holding kien ġie rilaxxat strettament fl-istess mument u li l-istess dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali japplikaw għat-tliet kwarti l-oħra, il-Kummissjoni setgħet, ġustament, tqis li dan il-kriterju ta’ konkomitanza kien sodisfatt, jew minn tal-inqas li l-analiżi tal-aspett taż-żmien kienet tipprova l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet paragunabbli tal-investimenti privati u pubbliċi.

119

Għaldaqstant, l-ewwel ilment tar-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Dwar l-ugwaljanza fit-trattament

120

Skont ir-rikorrenti, in-nuqqas ta’ ugwaljanza fil-livell ta’ redditu bejn iċ-CGMF u x-xerrejja privati, b’mod partikolari minħabba l-eżistenza tal-klawżola riżoluttiva ta’ trasferiment, jikkonfuta n-natura paragunabbli tal-kundizzjonijiet ta’ investiment tax-xerrejja privati u taċ-CGMF, u dan jivvizzja l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-ugwaljanza fit-trattament b’illegalità.

121

Skont il-prinċipji msemmija fil-punt 115 iktar ’il fuq, għandu jiġi evalwat jekk id-differenzi eventwali bejn ir-redditi tal-kontribuzzjonijiet f’kapital rispettivi tax-xerrejja privati u taċ-CGMF humiex tali li jikkontestaw il-fondatezza tal-analiżi tal-Kummissjoni li tikkonkludi li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kien ġie osservat.

122

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif ġie espost fil-punti 117 u 118 iktar ’il fuq, li l-konkomitanza, f’dan il-każ, tal-investimenti pubbliċi u privati setgħet tikkostitwixxi, l-iktar, biss element rilevanti fl-evalwazzjoni tan-natura ta’ għajnuna mill-Istat ta’ kontribuzzjoni f’kapital pubbliku. Konsegwentement, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 354 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-qorti Komunitarja vvalidat il-kuntest analitiku tagħha, hija żbaljata. Barra minn hekk, it-tielet inċiż tal-punt 3.2, tal-Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 [KE] u 93 KE għall-ksib ta’ holdings mill-awtoritajiet pubbliċi (Bullettin KE 9-1984), li għaliha tagħmel riferiment il-Kummissjoni fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 167, jistabbilixxi biss preżunzjoni ta’ nuqqas ta’ għajnuna fil-każ ta’ investiment privat sinjifikattiv u konkomitanti. Konsegwentement, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni fit-tweġibiet bil-miktub tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, il-konkomitanza waħedha, anki fil-preżenza ta’ investimenti privati sinjifikattivi, ma tistax tkun suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li ma kienx hemm għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-punti rilevanti l-oħra ta’ fatt jew ta’ liġi.

123

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-kwistjoni ta’ reddittu fiss u dik dwar l-impatt tal-klawżola riżoluttiva ta’ trasferiment, tagħmel parti mill-elementi rilevanti kollha li kellhom jiġu analizzati mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi n-natura paragunabbli tal-kundizzjonijiet ta’ investiment tax-xerrejja privati u taċ-CGMF, u għalhekk għall-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

124

Fil-fatt, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li r-redditu tal-kontribuzzjoni f’kapital tax-xerrejja privati ma huwiex iffissat mill-Memorandum ta’ Ftehim. Min-naħa l-oħra, il-kontribuzzjoni f’kapital taċ-CGMF hija intiża sabiex tiffunzjona, skont id-deċiżjoni kkontestata, bħala bond peress li għandha rata ta’ remunerazzjoni fissa. Din ir-rata ta’ remunerazzjoni fissa ma hijiex madankollu ggarantita sa fejn, fil-każ li l-klawżola riżoluttiva ta’ trasferiment tintuża wara n-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt DSP jew wara deċiżjoni tal-Kummissjoni jew ta’ qorti Komunitarja li taffettwa sostanzjalment il-valur tal-kumpannija, ir-redditu fiss ma jibqax jitħallas. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni ma setgħetx teżenta ruħha milli tagħmel analiżi fil-fond tal-effett tad-differenzi bejn ir-redditu tal-holdings tas-CGMF u r-redditi tax-xerrejja privati fil-kuntest tal-eżami tal-ugwaljanza fit-trattament.

125

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-investiment ta’ EUR 8.75 miljun fil-kapital tal-SNCM jista’ jiġi kkunsidrat bħala investiment ta’ portafoll klassiku biss jekk jiġi injorat il-kuntest tal-privatizzazzjoni tal-impriża. Fil-fatt, din il-kontribuzzjoni f’kapital isseħħ fil-kuntest ta’ protokoll globali ta’ bejgħ, minn negozjar wieħed, fejn il-kontribuzzjonijiet tax-xerrejja huma l-korrispettiv ta’ impenji qawwija, taħt forom differenti, tal-Istat Franċiż.

126

It-tielet nett, fir-rigward tal-klawżola riżoluttiva ta’ trasferiment, il-Kummissjoni tqis li din ma tistax tikkonfuta l-ugwaljanza fit-trattament tal-investituri privati u pubbliċi sa fejn il-valur tagħha diġà ttieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tat-trasferiment tal-impriża bi prezz tal-bejgħ negattiv.

127

Għalkemm mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi deċiża l-kwistjoni dwar jekk il-valur tal-klawżola riżoluttiva ta’ trasferiment itteħidx inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-impatt ekonomiku tagħha, u għalhekk, l-effett tagħha fuq l-ugwaljanza fit-trattament tal-investituri konkomittanti, bl-ebda mod ma ġiet evalwata fid-deċiżjoni kkontestata. Il-premessa 364 ta’ din tal-aħħar tillimita ruħha li tikkonstata li din il-klawżola ma tistax tikkonfuta l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-investituri konkomitanti, iżda ma tinkludi l-ebda analiżi ta’ natura ekonomika. Issa, mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-klawżola riżoluttiva ta’ trasferiment probabbilment għandha valur ekonomiku sostanzjali, fatt li r-rikorrenti u l-kumpannija STIM d’Orbigny, terzi interessati li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, kienu enfasizzaw b’mod ċar matul il-proċedura amministrattiva, hekk kif jirriżulta mill-premessi 155, 158 u 163 tad-deċiżjoni kkontestata.

128

Fil-fatt, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-klawżola riżoluttiva ta’ trasferiment tista’ tintuża fin-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt DSP jew fil-preżenza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni jew ta’ qorti Komunitarja li taffettwa l-valur tal-kumpanija. Dawn iż-żewġ avvenimenti huma diġà minnhom infushom ta’ natura jqiegħdu lill-SNCM rikapitalizzata f’diffikultà sa fejn hija titlef, f’każ minnhom, parti importanti mid-dħul mill-bejgħ tagħha u tista’, fil-każ l-ieħor, tkun suġġett ta’ proċedura intiża għall-irkupru ta’ għajnuna illegali, fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet kollha taċ-CGMF jew għal parti minnhom. F’dan il-kuntest diffiċli għall-impriża, l-eżerċizzju tal-klawżola riżoluttiva ta’ trasferiment jinvolvi, minn naħa, obbligu ta’ rimbors tal-kontribuzzjonijiet kollha tax-xerrejja. Min-naħa l-oħra, iċ-CGMF issib ruħha mill-ġdid il-proprjetarja ta’ 100 % tal-kapital tal-SNCM u għalhekk responsabbli għal 100 % tal-ispejjeż tal-eventwali likwidazzjoni futura, filwaqt li r-riskju tal-likwidazzjoni jkun żdied b’mod sostanzjali.

129

It-tieni nett, matul il-proċedura bil-miktub u matul is-seduta, il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża ma kkontestawx il-fatt li l-klawżola riżoluttiva ta’ trasferiment kellha valur ekonomiku reali, peress li huma sostnew li l-valur tagħha kien inkluż, essenzjalment, fit-tranżazzjoni. Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża enfasizzat fin-nota ta’ intervent tagħha, li waħda mill-offerti konkorrenti l-oħra, li ma kinitx tinkludi klawżola riżoluttiva ta’ trasferiment, kienet titlob kapitalizzazzjoni mill-ġdid ferm akbar mill-Istat Franċiż bħala korrispettiv. B’hekk il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża ma kkontestawx il-fatt li l-klawżola riżoluttiva ta’ trasferiment kellha valur finanzjarju reali.

130

Fid-dawl tal-punti 126 sa 129 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-klawżola riżoluttiva ta’ trasferiment tista’, minn tal-inqas, ixxejjen kull periklu għax-xerrejja privati fil-każ li jseħħ wieħed mill-elementi li jattivawha u li l-imsemmija klawżola għandha, għalhekk, valur finanzjarju reali. Din il-klawżola għalhekk tista’ tbiddel il-profili ta’ riskju tal-kontribuzzjonijiet f’kapital tax-xerrejja privati u taċ-CGMF, u b’hekk tikkonfuta n-natura paragunabbli tal-kundizzjonijiet ta’ investiment. F’kull każ, il-Kummissjoni ma setgħetx għalhekk toqgħod lura, fid-deċiżjoni kkontestata, milli twettaq analiżi fil-fond tal-impatt ekonomiku tal-klawżola riżoluttiva ta’ trasferiment.

131

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha, b’mod partikolari r-redditi, fl-evalwazzjoni tagħha tan-natura paragunabbli tal-kundizzjonijiet ta’ investiment tal-kontribuzzjonijiet f’kapital konkomitanti. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni. It-tieni lment għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bħala fondat. Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi parzjalment milqugħ. Il-konsegwenzi ta’ dan l-iżball fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata se jiġu eżaminati fil-punti 155 et seq iktar ’il quddiem.

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni li jirriżulta mill-approvazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna għall-persuna fl-ammont ta’ EUR 38.5 miljun bħala miżuri li ma jikkostitwixxux għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE

132

Insostenn tal-ħames motiv ir-rikorrenti essenzjalment tressaq tliet ilmenti. L-ewwel nett, l-analiżi tal-Kummissjoni ma hijiex konformi mal-paragrafu 3.2.7, dwar “għajnuna li tkopri l-ispejjeż soċjali tar-ristrutturazzjoni”, tal-linji gwida, sa fejn is-suġġett ta’ din l-għajnuna ma huwiex iddefiniti b’mod ċar. It-tieni nett, sa fejn l-SNCM tiddeċiedi waħedha, skont ftehim ta’ impriża, l-ammont mogħti lill-impjegati, din l-għajnuna għall-persuna għandha tiġi kkunsidrata bħala għajnuna fis-sens tal-punt 59 tal-linji gwida. Din il-miżura tpoġġi għalhekk lill-SNCM f’sitwazzjoni favorevoli meta mqabbla mal-kompetituri, u dan jikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku selettiv u għalhekk għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. It-tielet nett, il-kont issekwestrat li fih hemm il-fondi li jikkonċernaw l-għajnuna għall-persuna ma huwiex remunerat. Għaldaqstant dan ma josservax il-linji gwida peress li l-bżonn ta’ għajnuna ma huwiex limitat għal minimu.

133

Il-Kummissjoni essenzjalment tqis li dawn l-ilmenti huma ineffettivi sa fejn ir-rikorrenti tikkritika l-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni abbażi tal-linji gwida u mhux in-natura ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Fuq il-mertu, hija tikkunsidra li dawn il-miżuri ta’ għajnuna għall-persuna jaqgħu fi ħdan il-politika soċjali tal-Istati Membri.

134

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tfixkel l-eżistenza ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE u l-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(c) KE u l-linji gwida. Sa fejn ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna li ma tkunx ġiet ikkonstatata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel u t-tielet ilment tal-ħames motiv għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

135

Madankollu, it-tieni lment għandu jiġi interpretat bħala li jikkontesta direttament il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni ta’ nuqqas ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Għalhekk hemm lok li tiġi mistħarrġa n-natura ta’ vantaġġ ekonomiku ta’ din l-għajnuna lill-persuna.

136

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, is-sempliċi fatt li miżura ssegwi għan soċjali ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi awtomatikament eskluża mill-klassifikazzjoni ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87 KE. Fil-fatt, l-Artikolu 87(1) ma jiddistingwix skont il-kawżi jew l-obbjettivi tal-interventi tal-Istat, iżda jiddefinihom abbażi tal-effetti tagħhom. Il-kunċett ta’ għajnuna jinkludi interventi pubbliċi li, taħt forom differenti, itaffu l-piżijiet li normalment jgħabbu l-baġit ta’ impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C-387/92, Ġabra p. I-877, punt 13; tas-26 ta’ Settembru 1996, Franza vs Il-Kummissjoni, C-241/94, Ġabra p. I-4551, punt 21; tad-29 ta’ April 2004, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C-159/01, Ġabra p. I-4461, punt 51, u tat-3 ta’ Marzu 2005, Heiser, C-172/03, Ġabra p. I-1627, punt 46).

137

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kunċett ta’ għajnuna ma jimplikax neċessarjament li jiġi sostnut obbligu legali, iżda pjuttost li l-ispejjeż li normalment jgħabbu l-baġit ta’ impriża jitnaqqsu (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-26 ta’ Settembru 1996, Franza vs Il-Kummissjoni, punt 136 iktar ’il fuq, Ġabra p. I-4553, punt 42). Id-definizzjoni ta’ spiża li taqa taħt il-ġestjoni ta’ kuljum tal-kumpannija ma tistax, għalhekk, min-natura tagħha stess, tillimita ruħha għal obbligi legali jew kuntrattwali. Bl-istess mod, il-fatt li l-benefiċjarji diretti tal-għajnuna għall-persuna huma impjegati ma huwiex biżżejjed sabiex juri nuqqas ta’ għajnuna favur min jimpjegahom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-23 ta’ Frar 1961, De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs Haute Autorité, 30/59, Ġabra p. 1).

138

Sabiex jiġi eżaminat jekk din l-għajnuna għall-persuna tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, għandu għalhekk jiġi ddeterminat jekk l-SNCM tipperċepixxix vantaġġ ekonomiku indirett li jippermettilha li ma jkollhiex issostni spejjeż li kieku jkunu normalment sostnuti mir-riżorsi finanzjarji proprji tagħha u għalhekk tipprevjeni lil-kompetizzjoni fis-suq milli tipproduċix il-konsegwenzi normali tagħha.

139

Mill-premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ħlas minn qabel fil-kont kurrenti mogħti miċ-CGMF, fl-ammont ta’ EUR 38.5 miljun favur l-impjegati mkeċċija mill-SNCM huwa intiż li jiffinanzja l-ispiża ta’ indennizzi supplimentari futuri ta’ pjan eventwali għat-tnaqqis tal-impjegati implementat mix-xerrejja. Dan il-ħlas minn qabel fil-kont kurrenti huwa effettivament intiż li jiffinanzja “frazzjoni tal-ispiża tat-tluq volontariu eventwali jew ksur tal-kuntratt tax-xogħol […] li jiżdied mal-ammonti ta’ kull natura li għandhom jitħallsu minn min iħaddem fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali u kuntrattwali” (Artikolu II.2 tal-protokoll ta’ trasferiment tas-16 ta’ Mejju 2006, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 66 tad-deċiżjoni kkontestata).

140

Fil-premessi 366 sa 370 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat li kien jeżisti vantaġġ ekonomiku selettiv meta kontribuzzjoni ta’ kapital pubbliku ħelset lill-impriża minn spiża li taqa’ taħt il-ġestjoni ta’ kuljum tagħha. Hija qieset li, f’dan il-każ, l-ispejjeż li taqa’ taħt il-ġestjoni ta’ kuljum kienu l-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni soċjali u ftehim kollettivi li japplikaw għas-settur. Sa fejn din l-għajnuna għall-persuna ma hijiex intiża sabiex tiffinanzja obbligi legali u kuntrattwali, din ma hijiex intiża, għalhekk, li tiffinanzja l-ispejjeż li jaqgħu taħt il-ġestjoni ta’ kuljum tal-impriża.

141

Skont il-premessa 372 tad-deċiżjoni kkontestata, l-għajnuna għall-persuna ma jistax ikollha la bħala għan u lanqas bħala effett li tiffaċilità t-tluq tal-impjegati, sa fejn il-kont sekwestrat jista’ jiġi attivat biss għall-impjegati li jkunu diġà telqu mill-impriża fil-mument tal-pjan soċjali l-ġdid. Din l-għajnuna għall-persuna hija għalhekk miżura ta’ politika soċjali, fejn l-Istat Franċiż jaġixxi bħala awtorità pubblika u mhux bħala Stat azzjonist. Il-Kummissjoni ppreċiżat, fil-premessa 375 tad-deċiżjoni kkontestata, li din il-miżura ma hijiex maħsuba sabiex tiffinanzja tkeċċijiet oriġinarjament previsti matul il-pjan tal-2002.

142

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

143

Fl-ewwel lok, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 136 u 137 iktar ’il fuq jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li tafferma l-Kummissjoni fil-punt 371 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li l-miżura inkwistjoni ma tirriżultax minn obbligi legali u kuntrattwali stretti, bħala prinċipju, ma jistax jeskludi n-natura ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

144

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-eżistenza tal-kont issekwestrat hija tali li toħloq inċentiv għall-impjegati tal-SNCM li jħallu l-impriża jew, minn tal-inqas, li jitilqu mingħajr ma jinnegozjaw it-tluq tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-għoti eventwali ta’ indennizzi supplimentari għat-tkeċċija fis-sens tal-premessa 268 tad-deċiżjoni kkontestata, u dawn kollha huma aspetti li joħolqu vantaġġ ekonomiku indirett għall-SNCM.

145

Il-fatt li l-kont issekwestrat kien ġie nnegozjat mas-sindakati tal-impriża qabel il-privatizzazzjoni, waqt il-kunflitt soċjali tal-2005, kif jirriżulta mit-tweġibiet bil-miktub tal-Kummissjoni, ma huwiex fih innifsu ta’natura tali li jikkonfuta n-natura ta’ għajnuna mill-Istat tal-miżuri kkonċernati. Fil-fatt, indipendentement minn jekk il-vantaġġ kienx ingħata qabel jew wara l-privatizzazzjoni, dan xorta waħda jibqa ta’ benefiċċju għall-SNCM. Barra minn hekk, il-fatt li din l-għajnuna għall-persuna tifforma parti mill-protokoll tal-bejgħ innifsu jagħti indikazzjoni li dawn joħolqu vantaġġ. Għalhekk, għandu jiġi ammess li l-partijiet irrikorrew għaliha peress li dawn setgħu jieħdu xi benefiċċju minnha.

146

Minn dan isegwi li l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni, b’mod partikolari dawk li jidhru fil-premessa 372 tad-deċiżjoni kkontestata, la huma konvinċenti u lanqas ma jinftiehmu.

147

Fid-dawl tal-punti 142 sa 146 iktar ’il fuq, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni peress meta klassifikat dawn il-miżuri ta’ għajnuna għall-persuna, fl-ammont ta’ EUR 38.5 miljun, bħala miżuri li ma jikkostitwixxux għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi milqugħ. Il-konsegwenzi ta’ dan l-iżball fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata se jiġu diskussi fil-punti 155 et seq iktar ’il quddiem.

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni li jirriżulta mill-approvazzjoni tal-bilanċ għar-ristrutturazzjoni skont l-Artikolu 87(3)(c) KE u l-linji gwida

148

Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li dan is-sitt motiv jikkonċerna l-bilanċ għar-ristrutturazzjoni, fl-ammont finali ta’ EUR 15.8 miljun, iddikjarat kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(c) KE u l-linji gwida.

149

Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li l-analiżi mill-Kummissjoni ta’ dan il-bilanċ ta’ ristrutturazzjoni, li tinsab fil-premessi 366 sa 434 tad-deċiżjoni kkontestata, kienet ibbażata fuq il-premessa li tgħid li l-pjan tal-2006 kien nieqes minn elementi ta’ għajnuna mill-Istat.

150

F’dan ir-rigward, fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni tal-2006 hija espliċita dwar il-fatt li, fil-preżenza ta’ elementi ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni fil-pjan tal-2006, dawn tal-aħħar għandhom jiġu analizzati flimkien mal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni fil-pjan tal-2002, kif jidher mill-premessi 6, 7, 25 u 129. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 161 tad-deċiżjoni tal-2006, li hija ma setgħetx teskludi li parti jew l-intier tal-kontribuzzjoni f’kapital il-ġdida ta’ EUR 158 miljun kellha tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Għalhekk, hija ġustament enfasizzat li, jekk din il-miżura l-ġdida kienet tikkostitwixxi għajnuna, din għandha tiġi evalwata “flimkien mal-għajnuna għar-ristrutturar globali li għandha mbagħad teżamina l-kompatibbiltà”.

151

Madankollu, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li skont il-Kummissjoni, il-pjan tal-2006 ma kienx jinkludi elementi ġodda ta’ għajnuna, peress li hija kkunsidrat li l-prezz tal-bejgħ negattiv ta’ EUR 158 miljun, il-kontribuzzjoni f’kapital konġunta u konkomitanti miċ-CGMF fl-ammont ta’ EUR 8.75 miljun u l-għajnuna għall-persuna fl-ammont ta’ EUR 38.5 miljun, ma jikkostitwixxux għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

152

Issa, mill-eżami tat-tielet, tar-raba’ u tal-ħames motivi jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jistgħu jikkonfutaw il-premessa li tgħid li l-pjan tal-2006 huwa nieqes minn element ta’ għajnuna.

153

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-bilanċ ta’ ristrutturazzjoni ma huwiex issostanzjat b’mod adegwat. Għaldaqstant, is-sitt motiv għandu jiġi milqugħ, mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

154

Issa għandhom jiġu kkunsidrati l-konsegwenzi tal-iżbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

Dwar il-konsegwenzi ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata

155

Mill-punti 94, 109, 131 u 147 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna l-analiżi tagħha tal-prezz tal-bejgħ negattiv ta’ EUR 158 miljun, tal-kontribuzzjoni f’kapital konġunta u konkomitanti miċ-CGMF, fl-ammont ta’ EUR 8.75 miljun u tal-għajnuna għall-persuna fl-ammont ta’ EUR 38.5 miljun. B’konsegwenza, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat.

156

Mill-punti 148 sa 152 iktar ’il fuq jirriżulta li l-analiżi tal-Kummissjoni, dwar il-bilanċ ta’ ristrutturazzjoni, fl-ammont finali ta’ EUR 15.81 miljun, kienet ibbażata fuq premessa żbaljata. Għaldaqstant, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat.

Fuq l-ispejjeż

157

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

158

Ir-Repubblika Franċiża u l-SNCM għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom skont l-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

It-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/611/KE, tat-8 ta’ Lulju 2008, rigward il-miżuri C-58/02 (ex N 118/02) li Franza implementat favur is-Société nationale maritime Corse-Méditerranée (SNCM), huma annullati.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tar-rikorrenti kif ukoll l-ispejjeż tagħha stess.

 

3)

Ir-Repubblika Franċiża u l-SNCM għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Settembru 2012.

Firem

Werrej

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

Il-kumpanniji marittimi inkwistjoni

 

Il-proċedura amministrattiva

 

Il-miżuri inkwistjoni

 

Id-deċiżjoni kkontestata

 

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 

Id-dritt

 

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv

 

Fuq it-tieni motiv, essenzjalment ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni li jirriżulta mill-approvazzjoni tal-kontribuzzjoni f’kapital ta’ EUR 53.48 miljun abbażi tal-Artikolu 86(2) KE moqri flimkien mal-Artikolu 87(1) KE

 

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni fir-rigward tal-approvazzjoni tat-trasferiment tal-SNCM bi prezz negattiv ta’ EUR 158 miljun bħala miżura li ma tikkostitwix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE

 

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni li jirriżulta mill-approvazzjoni tal-kontribuzzjoni f’kapital miċ-CGMF ta’ EUR 8.75 miljun bħala miżuura li ma tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE

 

Dwar il-konkomitanza

 

Dwar l-ugwaljanza fit-trattament

 

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni li jirriżulta mill-approvazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna għall-persuna fl-ammont ta’ EUR 38.5 miljun bħala miżuri li ma jikkostitwixxux għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE

 

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni li jirriżulta mill-approvazzjoni tal-bilanċ għar-ristrutturazzjoni skont l-Artikolu 87(3)(c) KE u l-linji gwida

 

Dwar il-konsegwenzi ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fuq il-legalitŕ tad-deċiżjoni kkontestata

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.