Kawża T-29/08

Liga para Protecção da Natureza (LPN)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Rifjut ta’ aċċess — Dokumenti relatati ma’ proċedura pendenti ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li tikkonċerna proġett ta’ diga fix-xmara Sabor — Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika — Informazzjoni ambjentali — Regolament (KE) Nru 1367/2006 — Obbligu li jitwettaq eżami konkret u individwali — Interess pubbliku superjuri”

Sommarju tas-sentenza

1.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2))

2.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Talba ta’ aċċess li tirrigwarda informazzjoni ambjentali — Applikazzjoni tar-Regolament Nru 1367/2006 bħala lex specialis fir-rigward tar-Regolament Nru 1049/2001 — Inċidenza

(Artikolu 255 KE; Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4, u Nru 1367/2006, premessi 8 u 15, Artikoli 3 u 6(1))

3.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Talba ta’ aċċess li tirrigwarda informazzjoni ambjentali — Preżunzjoni legali dwar l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li tiddetermina l-iżvelar ta’ informazzjoni marbuta ma’ emissjonijiet fl-ambjent — Portata

(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2), u Nru 1367/2006, Artikolu 6(1))

4.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Obbligu tal-istituzzjoni li twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti — Esklużjoni tal-obbligu — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4)

5.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2))

1.      Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat skont l-Artikolu 230 KE, il-legalità ta’ att ikkontestat għandha tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ dritt li jkunu jeżistu fid-data li fiha daħal fis-seħħ l-att.

Issa, meta fil-mument tal-adozzjoni tal-att ikkontestat ikun hemm proċedura pendenti ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni għandha, fil-prinċipju, dritt tinvoka l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

Meta tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti kkonċernati abbażi ta’ din l-eċċezzjoni, il-Kummissjoni għandha madankollu, minn naħa, tissodisfa l-obbligu tagħha li teżamina jekk dawn id-dokumenti kinux effettivament kollha koperti minn din l-eċċezzjoni u, min-naħa l-oħra, tibbilanċja b’mod korrett l-interessi pubbliċi superjuri eventwali fl-iżvelar u l-interess tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tagħhom.

Ir-riskju ta’ preġudizzju għall-interess protett għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-kliem tagħha, din l-eċċezzjoni ma hijiex intiża li tipproteġi l-attivitajiet ta’ investigazzjoni bħala tali, iżda l-għan ta’ dawn l-attivitajiet, li huma intiżi, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li jwasslu l-Istat Membru kkonċernat sabiex jikkonforma ruħu mad-dritt tal-Unjoni.

(ara l-punti 100-102, 110)

2.      Mill-premessi 8 u 15 tar-Regolament Nru 1367/2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, u, b’mod partikolari, mill-frażi “bla ħsara għal kwalunkwe disposizzjoni aktar speċifika f’dan ir-Regolament dwar talbiet għal informazzjoni dwar l-ambjent [ambjentali]”, moqrija b’mod konġunt mal-Artikoli 3 u 6 tal-imsemmi regolament, jirriżulta li dan ir-regolament jikkostitwixxi lex specialis fir-rigward tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, billi jissostitwixxi, ibiddel jew jippreċiża ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan l-aħħar regolament meta t-talba għal aċċess tkun tirrigwarda “informazzjoni dwar l-ambjent” jew informazzjoni li tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent.

Fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti li jinkludu tali informazzjoni, it-tieni sentenza tal-premessa 15 u t-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, jikkonfermaw il-prinċipju li kull eċċezzjoni għal dritt suġġettiv jew għal prinċipju ġenerali li jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, inkluż għad-dritt ta’ aċċess previst fl-Artikolu 255 KE, moqri b’mod konġunt mar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jiġi applikat u interpretat b’mod strett. Dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet previsti fir-Regolament Nru 1049/2001 huwa msaħħaħ, minn naħa, min-neċessità għall-istituzzjoni kkonċernata li tieħu inkunsiderazzjoni l-interess pubbliku fl-iżvelar ta’ tali informazzjoni kif ukoll mir-riferiment għall-fatt dwar jekk din l-informazzjoni hijiex marbuta ma’ emissjonijiet fl-ambjent u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li r-Regolament Nru 1049/2001 ma jinkludix preċiżjonijiet simili dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija eċċezzjonijiet f’dan il-qasam.

(ara l-punti 105, 107)

3.      L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, ma jikkontestax il-prinċipju stabbilit mill-Artikolu 4(2), in fine, tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, iżda jillimita ruħu li jbiddel u jippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom din l-istituzzjoni teżamina jekk jeżistix interess pubbliku superjuri fl-iżvelar fil-kuntest ta’ talba għal aċċess għal dokumenti li jinkludu informazzjoni ambjentali. Għalhekk, l-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi preżunzjoni legali li l-iżvelar jippreżenta interess pubbliku superjuri meta l-informazzjoni mitluba tkun marbuta ma’ emissjonijiet fl-ambjent, ħlief meta din l-informazzjoni tkun tikkonċerna investigazzjoni, b’mod partikolari dik relatata ma’ ksur possibbli tad-dritt tal-Unjoni.

Minn dan jirriżulta li, anki jekk din il-preżunzjoni legali ma tapplikax għal dokumenti marbuta ma’ investigazzjonijiet mibdija fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, madankollu ma teżonorax lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni, f’kull każ, l-eventwali interessi pubbliċi superjuri fl-iżvelar, fuq kollox dawk marbuta ma’ informazzjoni ambjentali f’sens iktar wiesa’ minn dak ta’ emissjonijiet fl-ambjent, kif ukoll li tibbilanċja l-interessi pubbliċi superjuri fl-iżvelar tagħhom mal-interess tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tagħhom.

Madankollu, għalkemm huwa veru li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 jista’ jirriżulta f’aċċess iktar wiesa’ għal informazzjoni ambjentali, din il-konstatazzjoni ma tinċidix fuq il-kwistjoni dwar jekk l-istituzzjoni kkonċernata għandhiex twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti jew tal-informazzjoni mitluba. Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet li jawtorizzaw lil din l-istituzzjoni tirrinunzja, eċċezzjonalment, għal tali eżami konkret u individwali, japplikaw mutatis mutandis meta d-dokumenti kkonċernati jaqgħu b’mod ċar fl-istess kategorija li tista’ tkun koperta minn waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, anki jekk jirriżulta mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, li l-preżunzjoni dwar l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri fl-iżvelar ta’ informazzjoni dwar emissjonijiet fl-ambjent hija inapplikabbli fil-kuntest ta’ proċedura pendenti ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, id-dokumenti kollha li jirriżultaw minn tali proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jistgħu jiġu protetti bħala kategorija.

(ara l-punti 108, 117)

4.      Jeżistu diversi eċċezzjonijiet għall-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina b’mod konkret u individwali d-dokumenti li jintalab aċċess għalihom.

Fil-fatt, peress li l-għan tal-eżami konkret u individwali li, fil-prinċipju, l-istituzzjoni għandha twettaq b’risposta għal talba għal aċċess imressqa abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, huwa li jippermetti lill-istituzzjoni kkonċernata sabiex, minn naħa, tevalwa sa fejn hija applikabbli eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess u, min-naħa l-oħra, tevalwa l-possibbiltà ta’ aċċess parzjali, l-imsemmi eżami jista’ ma jkunx neċessarju meta, minħabba ċirkustanzi partikolari tal-każ, ikun jidher b’mod ċar li l-aċċess għandu jiġi miċħud jew, għall-kuntrarju, għandu jingħata. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, l-ewwel nett, jekk ċerti dokumenti jew ikunu koperti b’mod ċar fl-intier tagħhom minn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess jew, għall-kuntrarju, ikunu manifestament aċċessibbli fl-intier tagħhom, jew, finalment, jekk diġà kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni konkreta u individwali mill-Kummissjoni f’ċirkustanzi simili. Barra minn hekk, huwa possibbli għall-istituzzjoni kkonċernata li tibbaża ruħha, inkluż fil-kuntest tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ rifjut, fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali simili li jistgħu japplikaw għal talbiet ta’ żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura, bil-kundizzjoni li hija tivverifika f’kull każ jekk il-kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali normalment applikabbli għal tip ta’ dokumenti partikolari humiex effettivament applikabbli għal dokument partikolari li tkun intalbet tiżvela.

(ara l-punti 113-115)

5.      Fir-rigward tal-istħarriġ li l-Kummissjoni hija msejħa teżerċita fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija skont l-Artikolu 226 KE, għandu jiġi kkonstatat li dan l-istħarriġ għandu funzjoni amministrattiva, li fil-kuntest tagħha hija għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa u tidħol fi djalogu bilaterali mal-Istat Membru kkonċernat.

Il-pożizzjoni proċedurali tal-partijiet li jkunu ressqu lment quddiem il-Kummissjoni hija fundamentalment differenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija skont l-Artikolu 226 KE mill-pożizzjoni tagħhom, pereżempju, fil-kuntest ta’ proċedura skont ir-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, bħal dik prevista mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 KE, u mir-Regolament Nru 773/2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE, li fil-mori tagħhom il-lanjanti għandhom garanziji proċedurali speċifiċi li l-osservanza tagħhom hija suġġetta għal stħarriġ ġurizzjarju effettiv fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment. Għall-kuntrarju, il-lanjanti fis-sens tal-Komunikazzjoni 2002/C 244/03 ma għandhomx il-possibbiltà li jressqu quddiem il-qorti tal-Unjoni rikors kontra deċiżjoni eventwali li ma għandha tittieħed l-ebda azzjoni fuq l-ilment tagħhom u ma jibbenefikawx minn drittijiet proċedurali, paragunabbli ma’ dawk li huma jistgħu jkollhom fil-kuntest ta’ proċedura mibdija skont ir-regolamenti ċċitati iktar ’il fuq, li jippermettulhom jeżiġu li l-Kummissjoni tinfurmahom u tismagħhom.

Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ dritt tar-rikorrenti, fil-kuntest ta’ tali proċedura, li tikkonsulta d-dokumenti tal-fajl amminstrattiv tal-Kummissjoni, jeħtieġ li tiġi rrikonoxxuta, b’analoġija għas-sitwazzjoni tal-interessati fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, l-eżistenza ta’ preżunzjoni legali ġenerali li l-iżvelar tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv, fil-prinċipju, jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni. Għaldaqstant, huwa suffiċjenti li l-Kummissjoni tivverifika jekk din il-preżunzjoni legali ġenerali għandhiex tapplika għad-dokumenti kollha kkonċernati, mingħajr ma jkollha neċessarjament twettaq eżami preliminari konkret u individwali tal-kontenut ta’ kull wieħed minn dawn id-dokumenti. Issa, peress li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-aċċess għad-dokumenti, il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni kienet pendenti, il-Kummissjoni kellha neċessarjament titlaq mill-prinċipju li din il-preżunzjoni ġenerali tapplika għad-dokumenti kollha kkonċernati.

Din il-preżunzjoni ma teskludix id-dritt tal-interessati li juru li dokument partikolari li ntalab l-iżvelar tiegħu ma huwiex kopert mill-imsemmija preżunzjoni jew li jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

(ara l-punti 126-128)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

9 ta’ Settembru 2011 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Rifjut ta’ aċċess – Dokumenti relatati ma’ proċedura pendenti ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li tikkonċerna proġett ta’ diga fix-xmara Sabor – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika – Informazzjoni ambjentali – Regolament (KE) Nru 1367/2006 – Obbligu li jitwettaq eżami konkret u individwali – Interess pubbliku superjuri”

Fil-Kawża T‑29/08,

Liga para Protecção da Natureza (LPN), stabbilita f’Lisbona (il-Portugall), irrappreżentata minn P. Vinagre e Silva, avukat,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Renju tad-Danimarka, inizjalment irrappreżentata minn B. Weis Fogh, sussegwentement minn C. Vang, bħala aġenti,

minn

Ir-Repubblika tal-Finlandja, inizjalment irrappreżentat minn J. Heliskoski, A. Guimaraes-Purokoski, M. Pere u H. Leppo, sussegwentement minn J. Heliskoski u A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġenti,

u minn

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk, S. Johannesson u K. Petkovska, bħala aġenti,

partijiet intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Costa de Oliveira u D. Recchia, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Novembru 2007 li tikkonferma r-rifjut li jingħata aċċess għal dokumenti inklużi fil-proċess ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija kontra r-Repubblika Portugiża li tikkonċerna l-proġett ta’ bini ta’ diga fix-xmara Sabor (il-Portugall), li seta’ jikser id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98), u d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi (Relatur), President, E. Cremona u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Ottubru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001

1        Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p.331) jiddefinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet previst fl-Artikolu 255 KE.

2        Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001:

“1. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament.

[…]

3. Dan ir-Regolament għandhu jgħodd lil kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…]”

3        L-Artikolu 4(2), (3) u (6) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi, b’mod partikolari:

“2. L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

–        […]

–        proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

–        l-iskop ta’ ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki,

jekk ma jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

3. Aċċess għad-dokument, miktub minn instituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn instituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

Aċċess għad-dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkoncernat għandu jiġi rifjutat anke wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

[…]

6. Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.”

 Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006

4        Skont il-premessa 8 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13):

“Id-definizzjoni ta’ informazzjoni dwar l-ambjent [ambjentali] f’dan ir-Regolament tiġbor fiha informazzjoni fi kwalunkwe forma dwar l-istat ta’ l-ambjent. Din id-definizzjoni, li ġiet allinjata mad-definizzjoni adottata fid-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375), għandha l-istess kontenut għal dik stabbilita fil-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Id-definizzjoni ta’ ‘dokument’ fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tiġbor fiha informazzjoni dwar l-ambjent kif definit f’dan ir-Regolament.”

5        Skont il-premessa 15 tar-Regolament Nru 1367/2006:

“Fejn ir-Regolament […] Nru 1049/2001 jipprevedi eċċezzjonijiet, dawn għandhom japplikaw, bla ħsara għal kwalunkwe disposizzjoni aktar speċifika f’dan ir-Regolament dwar talbiet għal informazzjoni dwar l-ambjent. Ir-raġunijiet għal rifjut fir-rigward ta’ l-aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, b’kont meħud ta’ l-interess pubbliku fl-iżvelar u jekk l-informazzjoni mitluba tirrigwardax emissjonijiet fl-ambjent […]”

6        L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1367/2006 jipprovdi:

“Ir-Regolament […] Nru 1049/2001 għandu japplika għal kwalunkwe talba minn applikant għal aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent fil-pussess ta’ istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità mingħajr diskriminazzjoni abbażi ta’ ċittadinanza, nazzjonalità jew domiċilju u, fil-każ ta’ persuna ġuridika, mingħajr diskriminazzjoni dwar fejn hija reġistrata jew fejn ikun iċ-ċentru effettiv ta’ l-attivitajiet tagħha.

[…]”

7        Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, intitolat “Applikazzjoni ta’ eċċezzjonijiet fir-rigward ta’ talbiet għall-aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent”:

“Fir-rigward ta’ l-ewwel u t-tielet inċiżi ta’ l-Arikolu 4(2) tar-Regolament […] Nru 1049/2001, b’eċċezzjoni għal investigazzjonijiet, b’mod partikolari dawk dwar ksur possibli tal-liġi Komunitarja, għandu jitqies li jeżisti interess pubbliku prevalenti fl-iżvelar fejn l-informazzjoni mitluba tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent. Fir-rigward ta’ l-eċċezzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament […] Nru 1049/2001, ir-raġunijiet għal rifjut għandu jiġi interpretat b’ mod restrittiv, b’kont meħud ta’ l-interess pubbliku moqdi bil-kxif u jekk l-informazzjoni mitluba tkunx konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent.”

 Il-fatti

8        Ir-rikorrenti, il-Liga para Protecção da Natureza (LPN), assoċjazzjoni stabbilita taħt id-dritt Portugiż stabbilita f’Lisbona (il-Portugall), hija membru tal-Plataforma Sabor Livre, li tinkludi diversi organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGO) li għandhom bħala għan il-protezzjoni tal-ambjent. F’din il-kwalità, hija ssegwi l-proġett ta’ bini ta’ diga fix-xmara Sabor fil-Portugall (iktar ’il quddiem il-“proġett ta’ diga”) sabiex tiżgura, b’mod partikolari, li l-ispeċi u l-habitat ikkonċernati jibbenefikaw minn protezzjoni xierqa fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“direttiva dwar il-habitat”).

9        Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ April 2003, il-LPN ressqet ilment quddiem id-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Ambjent” tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irreġistrat taħt in-numru 2003/4523, li fih hija sostniet li l-proġett ta’ diga kien jippreġudika s-siti ta’ importanza komunitarja (SIK) ta’ “Morais” u ta’ “Rivière Sabor u Maçãs” bi ksur tad-direttiva dwar il-habitat.

10      Wara dan l-ilment, il-Kummissjoni bdiet proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Portugiża u kkuntattjat l-awtoritajiet Portugiżi sabiex tivverifika sa fejn il-proġett ta’ diga seta’ jikser id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98), kif ukoll id-direttiva dwar il-habitat.

11      Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Marzu 2007, il-LPN talbet lid-DĠ “Ambjent” aċċess għal informazzjoni dwar l-ipproċessar tal-ilment u għal konsultazzjoni ta’ dokumenti mfassla mill-“grupp ta’ ħidma tal-Kummissjoni” kif ukoll dawk skambjati bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Portugiżi.

12      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Mejju 2007, id-DĠ “Ambjent” ċaħad it-talba għall-aċċess għad-dokumenti magħmula mil-LPN, abbażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni kien jaffettwa l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija skont l-Artikolu 226 KE, li fil-kuntest tagħha l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkoperaw fi sfond ta’ fiduċja reċiproka sabiex ikunu jistgħu jinbdew negozjati u tintlaħaq soluzzjoni amikevoli għad-diżgwid. F’din l-ittra, hija indikat, b’mod partikolari, li, fit-18 ta’ Ottubru 2005, il-Kummissjoni kienet bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-awtoritajiet Portugiżi, li għaliha dawn tal-aħħar kienu wieġbu fis-16 ta’ Diċembru 2005, u li, minn dakinhar, il-kuntatti bilaterali ssoktaw bil-għan li jiġi riżolt id-diżgwid.

13      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Ġunju 2007, indirizzata lill-Kummissjoni u rreġistrata minn din tal-aħħar fit-22 ta’ Ġunju 2007, il-LPN tenniet it-talba tagħha għall-aċċess u talbet li l-Kummissjoni tikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni ta’ rifjut tagħha.

14      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni informat lil-LPN bil-fatt li, skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, it-terminu għat-tweġiba kien ġie estiż bi 15-il ġurnata ta’ xogħol u għaldaqstant kien jiskadi fit-3 ta’ Awwissu 2007.

15      Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Awwissu 2007, il-Kummissjoni informat lil-LPN li sfortunatament, minħabba l-volum tad-dokumenti mitluba, ma kienx possibbli li hija tingħata tweġiba fit-termini stabbiliti u li l-Kummissjoni kienet qiegħda tagħmel dak kollu li setgħet tagħmel sabiex tagħtiha tweġiba finali kemm jista’ jkun malajr.

16      Wara dikjarazzjoni pubblika mill-Ministru tal-ekonomija Portugiż li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li jew kienet ser tiddeċiedi li ma tiħux azzjoni fuq l-ilment li ta bidu għall-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu dwar il-proġett ta’ diga, il-LPN bagħtet, fis-27 ta’ Settembru u fl-1 ta’ Ottubru 2007, żewġ ittri oħra lill-Kummissjoni.

17      Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Novembru 2007, id-DĠ “Ambjent” essenzjalment wieġeb li l-Kummissjoni ma kinitx ikkonkludiet il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, iżda kienet tatha “prijorità għolja” bil-għan li tiffinalizza l-evalwazzjoni tagħha malajr. Barra minn hekk, hija sostniet li, skont ir-“regoli interni” tagħha, il-lanjanti kellha tiġi informata bl-iżvilupp tat-trattament tal-proċess u li kellha l-opportunità tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha qabel ma l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni.

18      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Novembru 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”), il-Kummissjoni wieġbet għall-ittra tal-LPN tal-14 ta’ Ġunju 2007 u kkonfermat ir-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba.

19      Insostenn tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni essenzjalment ikkunsidrat li d-dokumenti li kienu s-suġġett tal-korrispondenza bejnha u bejn l-awtoritajiet Portugiżi kienu kollha koperti bl-eċċezzjoni prevista mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif interpretat mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2001, Petrie et vs Il-Kummissjoni (T‑191/99, Ġabra p. II‑3677, punt 68), li tirrigwarda l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika.

20      B’mod partikolari, il-Kummissjoni indikat li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, għandu jkun hemm sfond ta’ fiduċja reċiproka bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat sabiex hija tkun tista’ tibda proċess ta’ negozjati u ta’ kompromess bil-għan li tintlaħaq soluzzjoni amikevoli għad-diżgwid mingħajr ma tinbeda kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Hija osservat ukoll li, minn naħa, il-proċess ta’ negozjati bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Portugiżi kien dejjem pendenti u, min-naħa l-oħra, li kienu saru jew li kellhom isiru diversi skambji ta’ opinjonijiet u laqgħat għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-impatt tal-proġett ta’ diga. Minn dan hija ddeduċiet li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba kien jippreġudika l-kapaċità tal-Kummissjoni li tittratta l-ksur allegat, peress li din setgħet tikkontesta soluzzjoni amikevoli tad-diżgwid mal-awtoritajiet Portugiżi qabel ma l-kawża tiġi ppreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li “aċċess parzjali” fis-sens tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma kienx possibbli għall-imsemmija dokumenti, peress li l-eċċezzjoni invokata kienet tapplika għad-dokumenti kollha.

21      Barra minn hekk, fir-rigward tal-possibbiltà ta’ “interess pubbliku akbar [superjuri]” fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni kkunsidrat li dan ma kienx il-każ. Fl-opinjoni tagħha, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, li jistabbilixxi li l-iżvelar għandu jitqies li jippreżenta interess pubbliku superjuri meta l-informazzjoni mitluba tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent, ma japplikax għal investigazzjonijiet relatati ma’ ksur possibbli tad-dritt Komunitarju, bħal f’dan il-każ. Hija ppreċiżat li r-riskju tal-eżistenza ta’ ksur gravi tad-direttiva dwar il-habitat lanqas ma jikkostitwixxi tali interess, peress li hija l-Qorti tal-Ġustizzja biss li hija kompetenti tistabbilixxi li l-Istat Membru kkonċernat naqas li jwettaq l-obbligi tiegħu skont it-Trattat KE. Fl-opinjoni tagħha, l-iżvelar tad-dokumenti mitluba ma jirriżultax fi kjarifika f’dan ir-rigward sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx iddeċidiet b’mod definittiv dwar din il-kwistjoni.

22      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Jannar 2008, il-LPN talbet lill-Kummissjoni, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, tikkomunikalha r-“regoli interni” imsemmija f’ittra tad-DĠ “Ambjent” “tat-22 ta’ Novembru 2007”, sabiex hija tkun tista “teżamina u ssegwi aħjar” il-proċedura tal-ipproċessar tal-ilment.

23      Fit-18 ta’ Jannar 2008, jiġifieri l-ġurnata li fih ġie ppreżentat dan ir-rikors kontra d-deċiżjoni inkwistjoni, id-DĠ “Ambjent” ikkomunika lil-LPN l-intenzjoni tiegħu li jipproponi lill-Kummissjoni ma tiħux azzjoni fuq l-ilment tagħha fil-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu dwar il-proġett ta’ diga u stednitha tippreżenta, f’terminu ta’ xahar dekorribbli minn meta tirċievi l-imsemmija ittra, l-osservazzjonijiet li hija tqis li huma rilevanti.

24      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Frar 2008 mibgħuta lid-DĠ “Ambjent”, il-LPN tenniet it-talba tagħha għal aċċess għad-dokumenti inklużi fil-proċess tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kif ukoll għar-“regoli interni” tal-Kummissjoni, kif imsemmija fl-ittra ta’ dan id-DĠ tad-9 ta’ Novembru 2007, li fl-opinjoni tagħha, il-konoxxenza tagħhom kienet neċessarja sabiex teżerċita d-dritt ta’ smigħ tagħha b’mod effettiv u sabiex tippreżenta “osservazzjonijiet rilevanti”. Hija talbet ukoll li t-terminu ta’ xahar għat-tweġiba jibda jiddekorri biss wara li hija tkun irċeviet il-preċiżjonijiet rikjesti u d-dokumenti mitluba.

25      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Frar 2008 indirizzata lill-Kummissjoni, il-LPN tenniet it-talba tagħha għal aċċess għar-“regoli interni” speċifiċi tal-Kummissjoni.

26      Fis-27 ta’ Frar 2008, il-LPN bagħtet lill-Kummissjoni nota li fiha hija esponiet l-oġġezzjonijiet tekniċi, formali u legali fir-rigward tad-deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward tal-ilment tagħha.

27      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Marzu 2008, il-LPN ippreżentat preċiżjonijiet għall-osservazzjonijiet tagħha esposti fin-nota tas-27 ta’ Frar 2008.

28      Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ April 2008, il-Kummissjoni informat lil-LPN, essenzjalment, li, fl-ewwel lok, hija kienet iddeċidiet li ma tiħux azzjoni fuq l-ilment li jikkonċerna l-proġett ta’ diga waqt il-laqgħa tagħha tat-28 ta’ Frar 2008, fit-tieni lok, fil-proċeduri ta’ ksur tad-dritt Komunitarju, il-lanjanti ma għandhomx jibbenefikaw minn aċċess ipprivileġġat għad-dokumenti u, għaldaqstant, huma kellhom jinvokaw id-dritt ġenerali ta’ aċċess previst mir-Regolament Nru 1049/2001, u, fit-tielet lok, peress li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li ma tiħux azzjoni fuq l-ilment, l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi Regolament ma kinitx għadha applikabbli, b’tali mod li d-dokumenti mitluba setgħu issa jintbagħtulha, sakemm dawn ma jkunux koperti minn eċċezzjoni oħra fis-sens ta’ dan ir-Regolament. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni hemżet lista ta’ dokumenti msejħa “Lista ta’ dokumenti tal-proċess”. Fl-aħħar lok, il-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet li abbażi tagħhom hija tqis li huwa xieraq, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli fil-qasam tal-ambjent, li ma tkomplix l-investigazzjoni tal-ilment.

29      Sussegwentement, il-LPN talbet li tingħata aċċess għal ċerti dokumenti inklużi fil-“Lista ta’ dokumenti tal-proċess” ikkomunikata mill-Kummissjoni.

30      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Mejju 2008 u rreġistrat taħt ir-referenza T‑186/08, il-LPN ippreżenatat rikors kontra, b’mod partikolari, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Frar 2008 li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward tal-ilment.

31      Fl-20 ta’ Ġunju 2008, il-LPN setgħet tikkonsulta l-fajls tad-DĠ “Ambjent” u seta’ jkollha aċċess għall-kontenut ta’ wħud mid-dokumenti mitluba.

32      Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Lulju 2008, il-LPN tenniet it-talba tagħha għal aċċess għad-dokumenti li l-kontenut tagħhom ma ġiex żvelat lilha jew ġie żvelat biss b’mod parzjali.

33      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Ottubru 2008 bir-referenza SG.E.3/MIB/psi D(2008) 8639 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2008”), il-Kummissjoni, qabel kollox, tat lil LPN aċċess għall-kontenut kollu tal-21 dokument inklużi f’lista annessa ma’ din l-ittra. Sussegwentement, hija tatha aċċess parzjali għall-kontenut ta’ 16-il dokument ieħor inklużi fl-imsemmija lista. Fl-aħħar nett, hija rrifjutat li tagħti aċċess lil LPN għal 10 dokumenti oħra inklużi f’din il-lista (ara l-punti 2.1 sa 2.3 tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2008). Insostenn tar-rifjut tagħha li tagħti aċċess għal ċerti dokumenti jew għal ċerti partijiet ta’ dokumenti, hija invokat l-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 li tikkonċerna l-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali, ħlief fir-rigward ta’ ċerti partijiet ta’ dokument li għalihom hija invokat ukoll l-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-istess Regolament li tikkonċerna l-protezzjoni tal-proċeduri ġurisdizzjonali (ara l-punti 2.4.1 u 2.4.2 tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2008).

34      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni bagħtet żewġ dokumenti addizzjonali lil-LPN.

35      Permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Settembru 2009, LPN vs Il-Kummissjoni (T‑186/08, mhux ippubblikat fil-Ġabra), il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tal-LPN, imsemmi fil-punt 30 iktar ’il fuq, sa fejn dan huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Frar 2008 li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward tal-ilment.

 Il-proċeduri u t-talbiet tal-partijiet

36      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Jannar 2008, il-LPN ippreżentat dan ir-rikors.

37      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8, fid-19 u fl-20 ta’ Mejju 2008 rispettivament, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja talbu li jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-LPN. Permezz ta’ digriet tat-8 ta’ Lulju 2008, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dawn l-interventi. Ir-Repubblika tal-Finlandja ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fis-27 ta’ Awwissu 2008 u r-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja ppreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom fit-22 ta’ Settembru 2008. Il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq dawn in-noti ta’ intervent fil-5 ta’ Frar 2009.

38      Il-LPN, sostnuta mill-intervenjenti, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

39      Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lil-LPN għall-ispejjeż.

40      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tikkonstata li “dan ir-rikors ma għadx għandu skop fir-rigward tad-dokumenti żvelati minħabba t-telf tal-interess ġuridiku tal-[LPN]”, li “s-suġġett ta’ dan ir-rikors ġie mibdul fir-rigward tad-dokumenti rrifjutati” u li, “f’dawn il-kundizzjonijiet u skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura, ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq dan ir-rikors”.

41      Il-LPN u l-intervenjenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din it-talba fit-termini stabbiliti.

42      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talba tal-Kummissjoni sabiex jiġi ddikjarat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, il-LPN titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha titlob lill-Kummissjoni, skont miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fis-sens tal-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, tipproduċi d-dokumenti li għadhom ma ġewx żvelati jew li ġew żvelati biss b’mod parzjali lil-LPN.

43      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

44      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Lulju 2010, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali talbet li l-partijiet prinċipali jippreżentaw ċerti dokumenti u li jwieġbu bil-miktub għal ċerti domandi bil-miktub. Dawn il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma’ din it-talba billi pproduċew listi li jidentifikaw id-dokumenti kollha mitluba, li għalihom kien ingħata aċċess sħiħ jew parzjali lil-LPN matul is-seduta, u wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet fit-termini stabbiliti. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali talbet li l-partijiet kollha jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom waqt is-seduta fuq il-konsegwenzi possibbli tas-soluzzjoni tal-kawża li kellhom jirriżultaw mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau u Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager (C‑139/07 P u C‑28/08 P rispettivament, Ġabra p. I‑5885 u Ġabra p. I‑6055 rispettivament).

45      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-5 ta’ Ottubru 2010.

46      Fis-seduta, b’risposta għal domandi tal-Qorti Ġenerali, il-LPN irrinunzjat għat-talba tagħha għal stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2008 kif ukoll għat-tielet motiv tagħha, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu previst fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, b’riżerva li l-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tardiva tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kuntest tad-deċiżjoni tagħha fuq l-ispejjeż. Barra minn hekk, il-LPN aċċettat li s-suġġett tal-kawża jiġi limitat għad-dokumenti u għall-partijiet tad-dokumenti li għalihom hija kienet għadha ma ngħatatx aċċess, bil-kundizzjoni li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż marbuta mal-parti tal-kawża li dwarha l-Qorti Ġenerali ma hijiex ser tagħti deċiżjoni. Dawn id-dikjarazzjonijiet tniżżlu fil-verbal tas-seduta.

47      Wara talbiet għal korrezzjoni tal-verbal tas-seduta min-naħa tar-Repubblika tal-Finlandja u tal-LPN, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 u fl-20 ta’ Ottubru 2010 rispettivament, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura orali permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Novembru 2010. Wara li semgħet il-partijiet l-oħra dwar l-imsemmija talbiet, il-Qorti Ġenerali ssoktat bil-korrezzjonijiet mitluba tal-verbal tas-seduta, u għalqet il-proċedura orali.

 Id-dritt

 Fuq it-talba sabiex jiġi ddikjarat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

 L-argumenti tal-partijiet

48      Il-Kummissjoni tfakkar li, permezz ta’ ittra tat-3 ta’ April 2008, hija informat lil LPN bil-fatt li r-raġuni għal rifjut fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma kinitx għadha applikabbli u li hija bagħtitilha lista ta’ dokumenti inklużi fil-proċess tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bil-għan li hija tkun tista’ teżerċita d-dritt tagħha ta’ aċċess għad-dokumenti. Hija ssostni wkoll li, il-LPN kellha aċċess għal ċerti dokumenti mitluba u ppreżentat talba konfermatorja dwar id-dokumenti li għalihom l-aċċess ġie totalment jew parzjalment miċħud. Hija tikkonferma li, bi tweġiba għal din it-talba, hija addottat id-deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2008. Finalment, hija tindika li, permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Novembru 2008, hija bagħtet żewġ dokumenti addizzjonali lil-LPN.

49      Minn dan, il-Kummissjoni tikkonkludi, minn naħa, li s-suġġett ta’ dan ir-rikors ġie mibdul minħabba li ngħata aċċess għal parti kbira tad-dokumenti mitluba, u, minn naħa l-oħra, li, fir-rigward tad-dokumenti li kienu s-suġġett ta’ rifjut ta’ aċċess totali jew parzjali, ir-raġunijiet għal rifjut ma kinux għadhom l-istess bħal dawk invokati fid-deċiżjoni inkwistjoni. Konsegwentement, fir-rigward tad-dokumenti jew tal-partijiet tad-dokumenti żvelati, il-LPN kienet tilfet l-interess tagħha li tannulla din id-deċiżjoni peress li tali annullament ma jipprovdilha l-ebda benefiċċju addizzjonali.

50      Il-LPN, sostnuta mill-intervenjenti, titlob iċ-ċaħda tat-talba sabiex jiġi ddikjarat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.

51      Preliminarjament, il-LPN essenzjalment issostni li d-dokumenti żvelati ġew ikkomunikati lilha b’mod tardiv u abbażi ta’ raġuni insuffiċjenti, jiġifieri l-fatt li l-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kienet ġiet itterminata, anki jekk l-aċċess għall-imsemmija dokumenti kien neċessarju matul din il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu sabiex hija tkun tista’ ssostni l-opinjoni tagħha b’mod utli u sabiex jiġi evitat dan ir-rikors. Madankollu, peress li hija saret taf bil-kontenut ta’ dawn id-dokumenti, hija ma tikkontestax il-fatt li s-suġġett ta’ din il-kawża jiġi limitat għad-dokumenti li għadhom ma ġewx żvelati jew li ġew żvelati biss b’mod parzjali, bil-kundizzjoni li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż marbuta mal-parti tal-kawża li tilfet l-iskop tagħha. Waqt is-seduta, hija kkonfermat il-qbil tagħha ma’ din l-istess limitazzjoni tas-suġġett tal-kawża, li tniżżel fil-verbal tas-seduta (ara l-punt 46 iktar ’il fuq).

52      Barra minn hekk, fir-rigward tad-dokumenti li għalihom l-aċċess ġie miċħud b’mod totali jew parzjali, il-LPN tkompli bit-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni. F’dan ir-rigward, hija tikkontesta l-fatt li s-suġġett tal-kawża u r-raġunijiet għal rifjut ġew mibdula. Fl-opinjoni tagħha, il-Kummissjoni ma tistax tbiddel, fil-mori tal-kawża, ir-raġunijet għal rifjut invokati bl-għan ewlieni li jiġi evitat l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, hija ssostni li għad għandha interess li tikseb id-dokumenti li għandhom ma ġewx żvelati jew li ġew żvelati biss b’mod parzjali kif ukoll tweġiba debitament motivata rigward ir-raġunijiet li abbażi tagħhom it-talba tagħha għal aċċess għall-imsemmija dokumenti matul il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġiet miċħuda. Hija tqis li, f’dan il-każ, ir-raġuni għal rifjut relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni invokata fid-deċiżjoni inkwistjoni kienet infondata.

53      Fi kwalunkwe każ, il-LPN issostni li l-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż, minn naħa, peress li din tal-aħħar ma pprovdietx motivazzjoni suffiċjenti għar-rifjut li tiżvela d-dokumenti mitluba matul il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u, min-naħa l-oħra, peress li din tal-aħħar hija responsabbli b’mod sħiħ għas-sitwazzjoni li wasslet għal din il-kwistjoni proċedurali.

54      Ir-Repubblika tal-Finlandja tikkontesta l-fatt li s-suġġett tal-kawża ġie mibdul wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2008. Is-sempliċi fatt li r-raġuni għal rifjut invokata f’din id-deċiżjoni hija differenti mir-raġunijiet għal rifjut li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni inkwistjoni la jimplika tali tibdil u lanqas il-fatt li r-rikors ikun tilef l-iskop tiegħu fis-sens tal-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura. Skont ir-Renju tal-Isvezja, il-fatt li d-deċiżjoni inkwistjoni saret “bla effett” fil-mori tal-kawża ma toħloq l-ebda obbligu għall-Qorti Ġenerali li tikkonstata li r-rikors tilef l-iskop tiegħu sakemm din id-deċiżjoni ma tkunx ġiet irtirata formalment. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-LPN minn dejjem kellha interess leġittimu għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni u għall-annullament tagħha. L-intervenjenti jippreċiżaw li l-Kummissjoni ma tistax tbiddel is-suġġett tal-kawża billi taddotta t-tieni deċiżjoni li tinkludi raġuni ġdida jew emendata peress li tali approċċ ma jaffettwax il-validità tad-deċiżjoni inizjali u jmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fl-opinjoni tagħhom, kieku tali approċċ kien aċċettat, istituzzjoni tkun tista’ tevita li jiġu misħarrġa mill-Qorti Ġenerali r-raġunijiet ta’ att ikkontestat billi suċċessivament tadotta atti oħra bl-istess suġġett, iżda li jkunu bbażati fuq raġunijiet differenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

55      Jeħtieġ li jitfakkar li, insostenn tat-talba tagħha sabiex jiġi ddikjarat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, il-Kummissjoni essenzjalment tinvoka żewġ argumenti. Minn naħa, dan ir-rikors tilef l-iskop tiegħu u l-LPN tilfet l-interess ġuridiku tagħha peress li dan ir-rikors jirrigwarda dokumenti li ġew żvelati lil din tal-aħħar fil-mori tal-kawża. Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, minħabba d-deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2008, is-suġġett ta’ dan ir-rikors ġie mibdul peress li din id-deċiżjoni hija bbażata fuq żewġ raġunijiet għal rifjut ġodda li huma differenti minn dawk invokati insostenn tad-deċiżjoni inkwistjoni.

56      Kif ġie rikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita, is-suġġett tal-kawża, kif ikun ġie ddeterminat mir-rikors promotur, irid jissussisti, bl-istess mod bħall-interess ġuridiku, sad-deċiżjoni finali, u fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, li tissupponi li r-rikors jista’, jekk dan jirnexxi, ikun ta’ vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentat tali rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, Ġabra p. I‑4333, punt 42; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Settembru 2008, Reliance Industries vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑45/06, Ġabra p. II‑2399, punt 35).

57      Sa fejn il-LPN ingħatat fil-mori tal-kawża aċċess għal dokumenti u għal partijiet ta’ dokumenti, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-kawża tilfet l-iskop tagħha u li, għaldaqstant, ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Novembru 2004, Turco vs Il-Kunsill, T‑84/03, Ġabra p. II‑4061, punti 28 sa 30).

58      Fir-rigward tad-dokumenti li għadhom ma ġewx żvelati jew li ġew żvelati biss b’mod parzjali lil LPN, hemm lok li jiġi żvelat li s-sempliċi fatt li l-Kummissjoni adottat deċiżjoni ġdida dwar l-aċċess għal parti mid-dokumenti li kienu previsti mid-deċiżjoni inkwistjoni, ma jippermettix, fih innifsu, li jiġi konkluż li l-kawża tilfet l-iskop tagħha.

59      Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2008 ċaħdet lid-deċiżjoni inkwistjoni minn ċerti effetti legali tagħha, il-kawża żammet l-iskop tagħha peress li din id-deċiżjoni tal-aħħar ma ġietx irtirata formalment mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punti 47 sa 49), kif irrikonoxxiet din tal-aħħar fir-risposta tagħha għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, b’tali mod li d-deċiżjoni inkwistjoni tkompli, fil-prinċipju, tipproduċi effetti legali vinkolanti.

60      Barra minn hekk, fir-rigward tat-telf tal-interess ġuridiku, jeħtieġ li jitfakkar li, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li rikorrent jista’ jżomm interess li jitlob l-annullament ta’ att sabiex jiġi evitat li l-illegalità allegata tiegħu ma sseħħx fil-futur. Tali interess ġuridiku jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 266 TFUE, li jipprovdi li l-istituzzjonijiet li l-atti tagħhom ġew iddikjarati nulli għandhom ikunu marbuta jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mas-sentenza. Madankollu, tali interess ġuridiku jista’ jissussisti biss jekk l-illegalità allegata tkun tista’ tirripproduċi ruħha fil-futur indipendentement miċ-ċirkustanzi tal-kawża li taw lok għar-rikors ippreżentat mir-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wunenburger vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punti 50 sa 53, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha; sentenza Reliance Industries vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punt 43).

61      Issa, f’dan il-każ, hemm lok li jitfakkar, minn naħa, li, fid-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni ħadet pożizzjoni ta’ prinċipju fir-rigward tar-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti kollha inklużi fil-proċess ta’ proċedura pendenti ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-qasam tad-dritt tal-ambjent, u, min-naħa l-oħra, li l-LPN hija assoċjazzjoni li għandha bħala l-għan prinċipali tagħha l-protezzjoni tal-ambjent u l-parteċipazzjoni attiva fil-proċess deċiżjonali f’dan il-qasam. Konsegwentement, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni waqt is-seduta, jeżisti riskju suffiċjentement konkret u indipendenti miċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni li, fil-futur, f’sitwazzjonijiet simili, jiġifieri meta l-LPN titlob lill-Kummissjoni jkollha aċċess għal dokumenti li jirrigwardaw informazzjoni ambjentali marbuta ma’ proċedura pendenti ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-LPN tiġi esposta għall-istess illegalità allegata.

62      Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi konkluż li l-LPN għandha interess ġuridiku kontra d-deċiżjoni inkwistjoni sa fejn l-imsemmija deċiżjoni rriżultat f’rifjut għal aċċess għad-dokumenti kkonċernati abbażi tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 li tirrigwarda b’mod partikolari l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, kif moqrija fid-dawl tar-regoli rilevanti tar-Regolament Nru 1367/2006.

63      Fid-dawl ta’ dan ir-riskju ta’ repetizzjoni tal-illegalità allegata, huwa irrilevanti li, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni ma tkunx neċessarjament obbligata, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, tagħti lil-LPN aċċess għad-dokumenti li għadhom ma ġewx żvelati jew li ġew żvelati biss b’mod parzjali peress li hija tista’ tkompli tinvoka l-eċċezzjoni li tikkonċerna l-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali minħabba n-natura definittiva u mhux kontestabbli tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2008. Fil-fatt, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni stess waqt is-seduta, f’każ simili, hija tkun obbligata tissokta b’evalwazzjoni ġdida tat-talba għal aċċess għad-dokumenti kkonċernati b’kunsiderazzjoni tal-possibbiltà ta’ punti ta’ fatt u ta’ liġi ġodda.

64      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok għaldaqstant li tinċaħad it-talba tal-Kummissjoni sabiex jiġi ddikjarat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni sa fejn din tikkonċerna d-dokumenti kkonċernati li għadhom ma ġewx ikkomunikati jew li ġew ikkomunikati b’mod parzjali biss lil-LPN.

 Sinteżi tal-motivi għal annullament

65      Wara l-limitazzjoni tas-suġġett ta’ din il-kawża waqt is-seduta, jeħtieġ li jiġu eżaminati żewġ motivi għal annullament li essenzjalment tqajmu mil-LPN.

66      Minn naħa, il-LPN issostni li d-deċiżjoni inkwistjoni tikser diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1367/2006 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 6 tal-imsemmi Regolament.

67      Min-naħa l-oħra, il-LPN tinvoka interpretazzjoni żbaljata tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 li tikkonċerna b’mod partikolari l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni.

68      Dan l-aħħar motiv huwa maqsum fi tliet partijiet. Fl-ewwel lok, il-LPN tallega li l-Kummissjoni illegalment naqset milli twettaq eżami u milli tipprovdi motivazzjoni, b’mod konkret u individwali, jekk u sa liema punt din l-eċċezzjoni tapplika għal kull wieħed mid-dokumenti li għalih kien intalab aċċess u li kien għadu ma ġiex żvelat. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni naqset li tevalwa jekk, minn tal-inqas, kellux jingħata aċċess parzjali għall-imsemmija dokumenti. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat l-interessi pubbliċi, kif invokati fit-talba għal aċċess, li jeżiġu l-iżvelar tal-imsemmija dokumenti.

69      Fid-dawl tal-koinċidenza bejn l-ewwel u t-tieni motivi, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li tevalwahom konġuntament.

 Fuq l-ewwel u t-tieni motivi, ibbażati fuq ksur tar-Regolament Nru 1367/2006 u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

 L-argumenti tal-partijiet

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tar-Regolament Nru 1367/2006

70      Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1367/2006, il-LPN tqis li d-dokumenti li għalihom intalab aċċess kienu jinkludu informazzjoni li kellha tiġi żvelata lilha, fid-dawl tal-interessi fil-qasam tal-ambjent li hija beħsiebha tiddefendi u tipproteġi fil-kuntest tal-proġett ta’ diga. Fl-opinjoni tagħha, anki jekk, skont l-Artikolu 6 tal-imsemmi Regolament, f’dan il-każ ma tistax tiġi preżunta l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jippermetti li jiġu evitati l-eċċezzjonijiet invokati, il-Kummissjoni ma tkunx għal daqshekk eżonorata mill-obbligu tagħha li tevalwa konkretement jekk jeżistix, minn tal-inqas, interess pubbliku fl-iżvelar. Madankollu, b’mod kuntrarju għar-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tal-istess regolament, il-Kummissjoni wettqet applikazzjoni “awtomatika” tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 u ma osservatx il-kompitu tagħha li tinterpreta b’mod restrittiv kull raġuni għal rifjut ibbażata fuq l-Artikolu 4(2) ta’ dan l-aħħar regolament, b’kunsiderazzjoni tal-interess pubbliku fl-iżvelar.

71      Konsegwentement, id-deċiżjoni inkwistjoni għandha tiġi annullata minħabba ksur tal-obbligu li d-dispożizzjonijiet tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandhom jiġu interpretati b’mod strett, liema obbligu huwa impost skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

72      Fir-replika, il-LPN tikkontesta t-teorija tal-Kummissjoni li r-Regolament Nru 1367/2006 ma huwiex applikabbli għall-każ inkwistjoni. Il-Kummissjoni irrikonoxxiet hija stess b’mod impliċitu li ma kinitx eżaminat jekk id-dokumenti kkonċernati jinkludux informazzjoni dwar emissjonijiet fl-ambjent. Għaldaqstant, hija wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-imsemmi regolament.

73      Ir-regoli ġenerali ta’ aċċess stabbiliti mir-Regolament Nru 1049/2001 ma għandhomx l-effett li jiġu evitati r-regoli iktar speċjali stabbiliti mir-Regolament Nru 1367/2006 rigward l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali. Skont il-LPN, b’mod kuntrarju għal dak li ssostni l-Kummissjoni, jeħtieġ li jinftiehem f’sens wiesa’ l-kunċett ta’ “informazzjoni dwar l-ambjent”, fis-sens tal-premessa 8 tar-Regolament Nru 1367/2006, li għandha tinqara’ fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, 16.06.2006, p. 17).

74      Il-LPN fil-fatt tqis li, b’mod konformi mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1367/2006, huma biss il-forma tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għal aċċess u l-mod kif l-informazzjoni tiġi żvelata mill-Kummissjoni li huma rregolati permezz tar-Regolament Nru 1049/2001. Fl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari tal-eċċezzjonijiet li jistgħu jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ talba għal aċċess għal informazzjoni ambjentali, il-Kummissjoni għandha għaldaqstant tieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet speċifiċi previsti mir-Regolament Nru 1367/2006. Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-premessa 15 tal-imsemmi regolament li espressament jagħmel riferiment għall-eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1049/2001, li għandhom jiġu applikati b’riżerva għal dispożizzjonijiet iktar speċifiċi tar-Regolament Nru 1367/2006 dwar talbiet għal aċċess għal informazzjoni ambjentali.

75      Barra minn hekk, anki jekk, fir-rigward tal-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-“investigazzjonijiet b’mod partikolari dawk dwar ksur possibli tal-liġi Komunitarja”, it-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni tipprovdi b’mod ċar li r-raġunijiet għal rifjut ibbażati fuq eċċezzjonijiet oħra previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 għandhom jiġu interpretati b’mod strett, b’kunsiderazzjoni għall-interess pubbliku implikat bl-iżvelar u tal-kwistjoni dwar jekk l-informazzjoni mitluba hijiex marbuta ma’ emissjonijiet fl-ambjent. Għalhekk, minn naħa, anki jekk tiġi evitata l-preżunzjoni dwar l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri, il-Kummissjoni tkun obbligata tevalwa b’mod konkret l-eżistenza ta’ interess pubbliku u; min-naħa l-oħra, jekk l-informazzjoni mitluba tkun marbuta ma’ emissjonijiet fl-ambjent, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni tkun obbligata tinterpreta r-raġunijiet għal rifjut b’mod strett.

76      F’dan ir-rigward, il-LPN issostni li l-Kummissjoni ma tistax tinvoka b’mod validu s-sentenza Petrie et vs Il-Kummissjoni, punt 19 iktar ’il fuq, li ngħatat qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti Nru 1049/2001 u Nru 1367/2006. Hija tippreċiża li l-kodiċi ta’ kondotta dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tas-6 ta’ Diċembru 1993 (ĠU L 340, p. 41, iktar ’il quddiem il-“kodiċi ta’ kondotta”), implementat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/731/KE, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Kunsill (ĠU L 340, p. 43), u [permezz] tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/90/KEFA, KE, Euratom, tat-8 ta’ Frar 1994, dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Kummissjoni (ĠU L 46, p. 58), li kien jeżisti qabel dawn ir-regolamenti, ma kienx jeżiġi evalwazzjoni daqshekk konkreta u mmotivata tas-sitwazzjonijiet li fihom aċċess għal dokumenti jista’ jkun ta’ ħsara għall-iżvolġiment tajjeb ta’ investigazzjoni u lanqas ma kien jipprevedi li interess pubbliku superjuri jista’ jipprevali fuq l-interess li jiġu protetti l-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni. Fl-aħħar nett, hija tindika li, b’differenza mis-sitwazzjoni li tat lok għas-sentenza Petrie et vs Il-Kummissjoni, punt 19 iktar ’il fuq, f’każ ta’ applikazzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta, kienu biss tnejn mid-dokumenti debitament identifikati li evitaw ir-“regola tal-awtur”, u li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni lanqas ma kkonsultat l-awtoritajiet Portugiżi sabiex issir taf jekk kienx possibbli li jiġu żvelati dokumenti li oriġinaw minnhom.

77      F’dan ir-rigward, il-LPN issostni li, f’dan il-każ, minħabba l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1367/2006, anki l-informazzjoni marbuta ma’ investigazzjoni setgħet tiġi żvelata, b’kunsiderazzjoni għar-riżultat tal-evalwazzjoni tal-interess pubbliku li għandu jitwettaq skont l-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament.

78      Essenzjalment, l-intervenjenti jsostnu li, billi adottat id-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

79      Skont ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja, il-leġiżlatur Komunitarju enfasizza, fir-Regolament Nru 1367/2006, l-importanza tal-aċċess tal-pubbliku għal informazzjoni ambjentali inkonnessjoni mar-regoli ġenerali ta’ aċċess stabbilti mir-Regolament Nru 1049/2001. Għaldaqstant, anki jekk l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1367/2006 ma kienx direttament applikabbli għal proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, bħal dik fil-każ inkwistjoni, huwa jinkludi regoli speċjali dwar il-mod kif jeħtieġ li jiġi evalwat, fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, l-interess ġenerali partikolarment importanti fl-iżvelar ta’ informazzjoni ambjentali, b’mod partikolari fil-qasam tal-emissjonijiet fl-ambjent.

80      Għalhekk, skont ir-Renju tad-Danimarka u r-Repubblika tal-Finlandja, meta istituzzjoni teżamina talba għal aċċess għal dokument li jinkludi informazzjoni ambjentali, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tar-Regolament Nru 1367/2006, kif interpretati fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li jsemmi l-importanza partikolari u n-neċessità li jitjieb l-aċċess tal-individwu għall-imsemmija informazzjoni inkonnessjoni ma’ dawk previsti mir-regoli ġenerali tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li tali aċċess jikkontribwixxi sostanzjalment għall-protezzjoni tal-ambjent. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-prinċipji waqt l-eżami u l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, inkluż fil-kuntest tal-evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ interess pubbliku (superjuri) fl-iżvelar, bil-għan li tiżgura l-ikbar trasparenza possibbli għaċ-ċittadini tal-Unjoni.

81      Ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja jikkontestaw it-teorija tal-Kummissjoni li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 hija limitata sabiex tfakkar il-prinċipju li l-eċċezzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett. Barra minn hekk, din is-sentenza tfisser li, waqt l-eżami tal-informazzjoni rilevanti, l-istituzzjoni għandha b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni dan ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta kif ukoll tal-interess pubbliku li tiġi rċevuta informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent. Għaldaqstant, għalkemm l-ibbilanċjar tal-interessi differenti għandu jsir formalment fil-kuntest tar-Regolament Nru 1049/2001 biss, fid-dawl tar-Regolament Nru 1367/2006, jeħtieġ li jingħata piż ikbar lill-interess ġenerali għal trasparenza ikbar fir-rigward tal-informazzjoni ambjentali.

82      Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel motiv jiġi miċħud.

–       Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

83      Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ eżami konkret tad-dokumenti kkonċernati, il-LPN tikkontesta l-fondatezza tal-motivazzjoni, li hija tqis ukoll vaga u ġenerali wisq, ipprovduta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni sabiex tiġġustifika r-rifjut tat-talba tagħha għal aċċess. Fl-opinjoni tagħha, skont l-obbligu ta’ interpretazzjoni stretta impost fuqha mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, il-Kummissjoni għandha teżamina b’mod konkret kull wieħed mid-dokumenti kkonċernati bil-għan li tevalwa jekk jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li naqset li tagħmel f’dan il-każ, b’mod kuntrarju għar-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza. Barra minn hekk, li jiġi aċċettat li d-dokumenti kollha li huma relatati ma’ attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni jew ta’ verifika huma koperti minn din l-eċċezzjoni sakemm il-proċeduri li jsegwu ma jkunux ġew deċiżi, iwassal sabiex jissuġġetta l-aċċess għall-imsemmija dokumenti għal avveniment inċert, futur u possibbilment imbiegħed, dipendenti fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni kif ukoll fuq il-ħeffa u d-diliġenza tal-awtoritajiet differenti.

84      Barra minn hekk, it-teorija li l-iżvelar tad-dokumenti kollha kkonċernati jikkomprometti l-kapaċità tal-Kummissjoni li tittratta l-ksur u li twassal, skont il-każ, għal soluzzjoni amikevoli, hija żbaljata. Skont il-LPN, it-talba tagħha għal aċċess hija intiża, għall-kuntrarju, sabiex “tgħin lill-Kummissjoni tilħaq ftehim li jiżgura u jħares l-osservanza tar-regoli Komunitarji stretti dwar l-ambjent, li jorbtu kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-Kummissjoni”. Issa, din tal-aħħar ma spjegatx ir-raġunijiet li abbażi tagħhom id-dokumenti kkonċernati setgħu jippreġudikaw tali soluzzjoni amikevoli mal-awtoritajiet Portugiżi. Hija tqis li l-Kummissjoni ma tistax tiġġustifika r-rifjut tat-talba għal aċċess permezz ta’ riskji purament ipotetiċi u infondati. Barra minn hekk, il-minuti taż-żjara tar-rappreżentanti tad-DĠ “Ambjent” fir-reġjun li fih għandha tinbena d-diga, f’Lulju tal-2007, li hija pparteċipat fiha, juru li tali riskju ma jeżistix f’dan il-każ. Fl-opinjoni tagħha, il-Kummissjoni rreferiet b’mod żbaljat għas-sentenza Petrie et vs Il-Kummissjoni, punt 19 iktar ’il fuq, peress li din ingħatat fi żmien meta r-Regolament Nru 1367/2006 ma kienx għadu daħal fis-seħħ u peress li din hija bbażata, fil-parti l-kbira tagħha, fuq ir-“regola tal-awtur”, li ma ddaħlitx fir-Regolament Nru 1049/2001, li teżonera lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li twettaq eżami tad-dokumenti stabbiliti minn terzi. Hija ssostni li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet obbligata twettaq dan l-eżami, dokument b’dokument, u dan hija naqset li tagħmlu. Kwalunkwe interpretazzjoni oħra tmur kontra r-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza li tirrigwarda l-Artikolu 4(5) tal-imsemmi regolament.

85      Fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv, il-LPN issostni li r-rifjut tal-Kummissjoni li tagħtiha, minn tal-inqas, aċċess parzjali għad-dokumenti kkonċernati jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

86      Mid-deċiżjoni inkwistjoni jirriżulta li l-Kummissjoni naqset milli twettaq evalwazzjoni konkreta tal-informazzjoni inkluża f’dawn id-dokumenti billi llimitat ruħha li tiċċita l-ittra ta’ intimazzjoni u r-risposta tal-awtoritajiet Portugiżi mingħajr ma eżaminat il-kontenut speċifiku tagħhom fid-dawl tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, il-LPN tqis li l-Kummissjoni għamlet referenza żbaljata għal kategoriji ġenerali ħafna ta’ dokumenti tal-proċess mingħajr biss ma ppreċiżat in-numru tagħhom kif ukoll għall-eżistenza ta’ allegati “opinjonijiet motivati mitluba” (“reasoned opinions requested”) li hija injorat. Madankollu, eżami konkret u individwali tal-imsemmija dokumenti kien indispensabbli sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx possibbli żvelar parzjali.

87      Fir-replika, il-LPN tqis, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ kooperazzjoni, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità.

88      Fil-kuntest tat-tielet parti tat-tieni motiv, il-LPN tiċħad il-konstatazzjoni li ma kien jeżisti l-ebda interess pubbliku li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati peress li l-ħsara lill-ambjent ikkonċernata setgħet tiġi stabbilita biss mill-Qorti tal-Ġustizzja f’każ li l-Kummissjoni tippreżenta proċeduri quddiem din tal-aħħar. Din il-konstatazzjoni hija qabel xejn, inkompatibbli mad-dritt fundamentali ta’ kull individwu li jipparteċipa fi proċeduri ambjentali, kif rikonoxxut mir-Regolament Nru 1367/2006. Skont il-LPN, l-interess pubbliku intiż, b’mod partikolari, li jiġi protett l-ambjent ma għandux għalfejn jiġi kkonfermat preliminarjament mill-qorti tal-Unjoni Ewropea. Sussegwentement, din il-konstatazzjoni tinjora l-fatt li l-Kummissjoni kienet żguratilha d-dritt li tressaq l-osservazzjonijiet tagħha qabel ma tittieħed deċiżjoni definittiva fuq il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija wara l-ilment tagħha. F’dan ir-rigward, hija ssostni li d-dokumenti li għalihom intalab aċċess kienu jippermettulha teżerċita b’mod iktar utli d-dritt ta’ smigħ tagħha f’dan il-kuntest bil-għan li jiġu protetti l-interessi pubbliċi ambjentali affettwati mill-proġett ta’ diga.

89      Barra minn hekk, konstatazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-eżistenza ta’ ksur imwettaq mir-Repubblika Portugiża tad-dritt Komunitarju tkun irrilevanti u ma tistax taffettwa d-dritt ta’ kull individwu li jipparteċipa, b’mod konkret u preventiv, fil-protezzjoni tal-ambjent, iktar u iktar meta l-konsegwenzi negattivi għall-ambjent ta’ tali ksur tad-dritt Komunitarju ma jkunux jistgħu jiġu rrimedjati mill-Istat Membru a posteriori.

90      Skont l-intervenjenti, il-Kummissjoni interpretat u applikat b’mod żbaljat l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ ispezzjoni, ta’ investigazzjoni jew ta’ verifika prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2), u l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001.

91      L-intervenjenti jfakkru li istituzzjoni għandha tevalwa b’mod konkret, f’kull każ, jekk dokument jaqax taħt l-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Dan l-eżami konkret u individwali għandu fil-prinċipju jitwettaq għal kull informazzjoni inkluża f’kull wieħed mid-dokumenti msemmija fit-talba għal aċċess u għandu jirriżulta mir-raġunijiet tad-deċiżjoni. Issa, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni ma turix li l-Kummissjoni wettqet tali eżami konkret u individwali tal-kontenut tad-dokumenti kkonċernati. F’din id-deċiżjoni, lanqas ma ġew identifikati d-dokumenti li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess għalihom peress li l-lista tal-imsemmija dokumenti ġiet trażmessa lil-LPN biss fil-mori tal-kawża. Ir-Renju tal-Isvezja jżid li t-tfassil ta’ din il-lista fi kwalunkwe każ ma huwiex ekwivalenti għal eżami tal-kwistjoni dwar jekk l-iżvelar, ta’ kull wieħed minn dawn id-dokumenti, tat-totalità jew ta’ parti minn kull wieħed minn dawn id-dokumenti kienx jista’ jippreġudika b’mod konkret u reali interess protett.

92      B’mod kuntrarju għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet li jippermettu lil din tal-aħħar teżonera ruħha, eċċezzjonalment, mill-obbligu tagħha li teżamina b’mod konkret u individwali d-dokumenti kkonċernati, jiġifieri l-każijiet li fihom l-aċċess għandu manifestament jiġi rrifjutat jew mogħti, ma humiex sodisfatti f’dan il-każ. L-eżami individwali u konkret tad-dokumenti li għalihom intalab aċċess huwa prinċipju fundamentali ta’ interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, li ma tistax issir deroga minnu ħlief għal raġunijiet imperattivi li ma ġewx invokati mill-Kummissjoni. Skont l-intervenjenti, il-fatt li d-dokumenti kkonċernati jirrigwardaw investigazzjoni pendenti ma huwiex suffiċjenti fih innifsu sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-Regolament.

93      L-intervenjenti jsostnu li, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 (ara l-punti 80 u 81 iktar ’il fuq), l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 għandhom jingħataw interpretazzjoni u applikazzjoni stretta. Skont ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja, il-prinċipju ta’ trasparenza huwa intiż li jiżgura, permezz tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti, li d-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet jittieħdu bl-ikbar rispett possibbli għal prinċipju li d-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod miftuħ kif ukoll leġittimità u responsabbiltà ikbar fil-konfront taċ-ċittadini (premessi 1 sa 4 tar-Regolament Nru 1049/2001) u jiddetermina wkoll l-interpretazzjoni li għandha tingħata kemm lill-prinċipji ġenerali kif ukoll lid-dispożizzjonijiet partikolari tar-Regolament Nru 1049/2001, u dan għal kull attività ta’ dawn l-istituzzjonijiet, inklużi l-proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mressqa mill-Kummissjoni.

94      Barra minn hekk, ir-riskju li jiġi affettwat l-interess protett għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku. B’mod iktar preċiż, l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati għandu jkun effettivament kapaċi li jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni li jirrigwardaw in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni. Mandankollu, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni tirreferi, b’mod ġenerali, għall-fażi prekontenzjuża ta’ proċedura pendenti għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u għall-interess tal-Istati Membri li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità, mingħajr madankollu ma jiġu ppreċiżati r-raġunijiet li abbażi tagħhom l-attivitajiet ta’ investigazzjoni inkwistjoni jiġu affettwati speċifikament minħabba l-iżvelar tal-kontenut ta’ kull wieħed mill-imsemmija dokumenti. Issa, dawn ir-raġunijiet iwasslu sabiex jiġi rikonoxxut li kull proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, tal-inqas sat-twettiq tal-fażi amministrattiva tagħha, għandha titmexxa f’segretezza assoluta u dan huwa inkompatibbli mal-għan tar-Regolament Nru 1049/2001 li jiġi żgurat l-iktar aċċess wiesa’ possibbli għad-dokumenti. Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata permezz tal-abolizzjoni tar-regola tal-awtur peress li l-għan tal-leġiżlatur Komunitarju kien li jillimita s-setgħa tal-awtur li jimpedixxi l-iżvelar ta’ dokument li joriġinaw minnu billi jinvoka, b’mod astratt, l-interess tiegħu li tiġi osservata l-kunfidenzjalità tal-kontenut tal-imsemmi dokument. Għalhekk, il-Kummissjoni ma osservatx l-obbligu tagħha li teżamina, b’mod konkret u individwali, kull wieħed mid-dokumenti kkonċernati sabiex tiddetermina n-natura kunfidenzjali tal-kontenut tagħhom u, għaldaqstant, li tinterpreta u li tapplika b’mod strett l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Ir-Renju tad-Danimarka jżid li, b’dan, il-Kummissjoni kisret ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha li jirriżulta mill-imsemmi regolament.

95      Bl-istess mod, skont l-intervenjenti, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jimponi fuqha l-obbligu li tevalwa jekk l-interess protett permezz tal-eċċezzjoni inkwistjoni jiġġustifikax li jinċaħad l-aċċess għat-totalità jew biss għal ċerti partijiet tad-dokument ikkonċernat, filwaqt li partijiet l-oħra tal-imsemmi dokument ikollhom jiġu żvelati. Issa, fin-nuqqas ta’ eżami konkret u individwali tad-dokumenti kkonċernati, il-Kummissjoni neċessarjament injorat il-possibbiltà ta’ żvelar parzjali tal-kontenut tagħhom. F’dan ir-rigward, ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja jikkontestaw it-teorija tal-kunfidenzjalità ġenerali u assoluta tal-kontenut tad-dokumenti kollha u tal-informazzjoni kollha li jikkonċernaw proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Anki jekk jitqies li dawn id-dokumenti kien fihom informazzjoni kunfidenzjali, il-Kummissjoni kellha teżamina b’mod konkret jekk parti mill-imsemmija dokumenti kinitx tikkonċerna informazzjoni separabbli mhux kunfidenzjali li tista’ tiġi żvelata.

96      L-intervenjenti jsostnu li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni injorat ukoll l-eżistenza ta’ interess pubbliku fl-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati. B’mod kuntrarju għar-rekwiżiti rikonoxxuti mill-ġurisprudenza, fid-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni ma bbilanċjatx, minn naħa, in-neċessità li jiġu protetti l-attivitajiet ta’ investigazzjoni u, min-naħa l-oħra, l-interess pubbliku marbut mal-iżvelar tal-informazzjoni ambjentali, li l-importanza tiegħu hija enfasizzata mir-Regolament Nru 1367/2006. Fl-opinjoni tagħhom, tali bbilanċjar kellu jwassal għall-konklużjoni li l-interess fl-iżvelar jipprevali fuq l-interess tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità. F’dan ir-rigward, il-possibbiltà tal-inapplikabbiltà tal-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-istess regolament, ma teżonerax lill-Kummissjoni mill-verifika dwar jekk jeżistix tali interess pubbliku superjuri fl-iżvelar. Dan huwa minnu iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li, minn naħa, fil-kuntest ta’ dan l-ibbilanċjar, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tar-Regolament Nru 1367/2006 u tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li jagħtu piż partikolari lill-aċċess pubbliku għall-informazzjoni ambjentali (ara l-punti 80 u 81 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, din tal-aħħar, fi kwalunkwe każ, ma eżaminatx jekk l-iżvelar tal-informazzjoni inkluża f’kull wieħed mid-dokumenti kkonċernati kinitx tista’ tippreġudika l-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni protetti mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

97      Fl-aħħar nett, skont ir-Repubblika tal-Finlandja, il-Kummissjoni kienet infondata meta llimitat ruħha li tevalwa interess pubbliku superjuri relatat mal-investigazzjoni ta’ ksur gravi tad-direttiva dwar il-habitat, iżda din tal-aħħar kellha teżamina ex officio ċ-ċirkustanzi kollha li setgħu jkunu rilevanti f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni għaldaqstant wettqet applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

98      Il-Kummissjoni titlob li t-tieni motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–       Osservazzjonijiet preliminari

99      L-ewwel u t-tieni motivi essenzjalment jikkonċernaw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni, dwar b’mod partikolari l-protezzjoni tal-“għanijiet tal-attivitajiet […] ta’ investigazzjoni”, prevista mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif moqrija fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

100    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar qabel kollox li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat skont l-Artikolu 230 KE, il-legalità ta’ att ikkontestat għandha tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ dritt li jkunu jeżistu fid-data li fiha daħal fis-seħħ l-att (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 2009, Borax Europe vs Il-Kummissjoni, T‑121/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 48).

101    Issa, f’dan il-każ, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, kien hemm pendenti proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija kontra r-Repubblika Portugiża skont l-Artikolu 226 KE. Konsegwentement, il-Kummissjoni, fil-prinċipju, kellha dritt tinvoka l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T-391/03 u T-70/04, Ġabra p. II‑2023, punt 113, u tat-12 ta’ Settembru 2007, API vs Il-Kummissjoni, T‑36/04, Ġabra p. II‑3201, punti 121, 133 u 134).

102    Meta tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti kkonċernati abbażi ta’ din l-eċċezzjoni, il-Kummissjoni għandha madankollu, minn naħa, tissodisfa l-obbligu tagħha li teżamina jekk dawn id-dokumenti kinux effettivament kollha koperti minn din l-eċċezzjoni u, min-naħa l-oħra, tibbilanċja b’mod korrett l-interessi pubbliċi superjuri eventwali fl-iżvelar u l-interess tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, Ġabra p. I‑4723, punti 33 et seq, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, T‑2/03, Ġabra p. II‑1121, punti 69 et seq).

103    Għalhekk, peress li l-LPN u l-intervenjenti jallegaw li l-Kummissjoni, prinċipalment, ma wettqitx eżami konkret u individwali tad-dokumenti kkonċernati u ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti, f’dan il-kuntest, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1367/2006, jeħtieġ li jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, sa liema punt dan ir-regolament jista’ jimmodifika l-portata tal-obbligu ta’ eżami impost fuq il-Kummissjoni skont ir-Regolament Nru 1049/2001.

104    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li d-deċiżjoni inkwistjoni ġiet adottata abbażi kemm tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll tar-Regolament Nru 1367/2006.

–       Fuq l-effetti tar-Regolament Nru 1367/2006 fuq il-portata tal-obbligu ta’ eżami tal-Kummissjoni

105    Mill-premessi 8 u 15 tar-Regolament Nru 1367/2006, u, b’mod partikolari, mill-frażi “bla ħsara għal kwalunkwe disposizzjoni aktar speċifika f’dan ir-Regolament dwar talbiet għal informazzjoni dwar l-ambjent”, moqrija b’mod konġunt mal-Artikoli 3 u 6 tal-imsemmi regolament, jirriżulta li dan ir-regolament jikkostitwixxi lex specialis fir-rigward tar-Regolament Nru 1049/2001 billi jissostitwixxi, ibiddel jew jippreċiża ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan l-aħħar regolament meta t-talba għal aċċess tkun tirrigwarda “informazzjoni dwar l-ambjent” jew informazzjoni li “tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”.

106    Fil-fatt, fl-ewwel lok, mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1367/2006 jirriżulta li r-Regolament Nru 1049/2001 jikkostitwixxi l-leġiżlazzjoni applikabbli għal kull talba għal aċċess għal informazzjoni ambjentali miżmuma mill-istituzzjoni kkonċernata.

107    Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti li jinkludu tali informazzjoni, it-tieni sentenza tal-premessa 15 u t-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, li l-kliem rispettiv tagħhom jikkoinċidi ampjament, jikkonċernaw il-prinċipju li kull eċċezzjoni għal dritt suġġettiv jew għal prinċipju ġenerali li jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, inkluż għad-dritt ta’ aċċess previst fl-Artikolu 255 KE, moqri b’mod konġunt mar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jiġi applikat u interpretat b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra p. 1651, punt 36, u L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 102 iktar ’il fuq, punt 36). Fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti li jinkludu informazzjoni ambjentali, dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet previsti fir-Regolament Nru 1049/2001 huwa msaħħaħ, minn naħa, min-neċessità għall-istituzzjoni kkonċernata li tieħu inkunsiderazzjoni l-interess pubbliku fl-iżvelar ta’ tali informazzjoni kif ukoll permezz tar-riferiment għall-fatt dwar jekk din l-informazzjoni hijiex marbuta ma’ emissjonijiet fl-ambjent u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li r-Regolament Nru 1049/2001 ma jinkludix preċiżjonijiet simili dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija eċċezzjonijiet f’dan il-qasam.

108    Fit-tielet lok, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 ma jikkontestax il-prinċipju stabbilit mill-Artikolu 4(2), in fine, tar-Regolament Nru 1049/2001, li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-possibbiltà ta’ interess pubbliku superjuri fl-iżvelar, iżda jillimita ruħu li jbiddel u jippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom din l-istituzzjoni teżamina jekk jeżistix interess pubbliku superjuri fl-iżvelar fil-kuntest ta’ talba għal aċċess għal dokumenti li jinkludu informazzjoni ambjentali. Għalhekk, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 tipprovdi preżunzjoni legali li l-iżvelar jippreżenta interess pubbliku superjuri meta l-informazzjoni mitluba tkun marbuta ma’ emissjonijiet fl-ambjent, ħlief meta din l-informazzjoni tkun tikkonċerna investigazzjoni, b’mod partikolari dik relatata ma’ ksur possibbli tad-dritt Komunitarju. Minn dan jirriżulta li, kif isostnu l-LPN u l-intervenjenti, anki jekk din il-preżunzjoni legali ma tapplikax għal dokumenti marbuta ma’ investigazzjonijiet mibdija fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, din id-dispożizzjoni ma teżonorax madankollu lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni, f’kull każ, l-eventwali interessi pubbliċi superjuri fl-iżvelar, fuq kollox ta’ dawk marbuta ma’ informazzjoni ambjentali f’sens iktar wiesa’ minn dak ta’ “emissjonijiet fl-ambjent”, kif ukoll li twettaq l-ibbilanċjar mitlub mill-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L‑Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 102 iktar ’il fuq, punti 44, 45 u 67).

109    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ssodisfatx l-obbligu tagħha li teżamina jekk id-dokumenti kkonċernati kinux effettivament kollha koperti mill-eċċezzjoni prevista skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, moqri b’mod konġunt mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

–       Fuq ir-rekwiżiti li jirregolaw l-obbligu ta’ eżami tal-Kummissjoni

110    Kif ġie rrikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita, b’kunsiderazzjoni għan-neċessità li kull eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess tiġi interpretata u applikata b’mod strett, il-fatt li dokument jikkonċerna attività ta’ investigazzjoni, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma jistax fih innifsu jkun suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni, peress li din tal-aħħar hija applikabbli biss jekk l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati effettivament jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni li tirrigwarda n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Franchet u Byk, punt 101 iktar ’il fuq, punti 105 u 109, u API vs Il-Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 127). Fil-fatt, dan ir-riskju ta’ preġudizzju għall-interess protett għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 102 iktar ’il fuq, punti 43 u 63). Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-kliem tagħha, din l-eċċezzjoni ma hijiex intiża li tipproteġi l-attivitajiet ta’ investigazzjoni bħala tali, iżda l-għanijiet ta’ dawn l-attivitajiet, li huma intiżi, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li jwasslu l-Istat Membru kkonċernat sabiex jikkonforma ruħu mad-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza API vs Il‑Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punti 127 u 133, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 44 iktar ’il fuq, Ġabra p. I‑5885, punt 109 sa 115).

111    Għalhekk, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija skont l-Artikolu 226 KE, meta l-iżvelar ta’ dokument jista’ jkun ta’ ħsara għall-iżvolġiment tajjeb ta’ din il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u, b’mod partikolari, għan-negozjati bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru, din l-istituzzjoni tista’, fil-prinċipju, tirrifjuta li tagħti aċċess għal dan id-dokument, peress li dan l-iżvelar jippreġudika l-protezzjoni tal-għan tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, jiġifieri li l-Istat Membru jitwassal sabiex jikkonforma ruħu mad-dritt Komunitarju.

112    Barra minn hekk, kif ġie rrikonoxxut fil-ġurisprudenza, meta istituzzjoni tintalab tiżvela dokument, din għandha l-obbligu li tevalwa, f’kull każ ineżami, jekk dan id-dokument jaqax taħt l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku enumerati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 102 iktar ’il fuq, punt 35). F’dan ir-rigward, ġie ppreċiżat, minn naħa, li l-eżami ta’ talba għal aċċess għal dokumenti għandu jkun ta’ natura konkreta u individwali u jirrigwarda l-kontenut ta’ kull dokument imsemmi fl-imsemmija talba u, min-naħa l-oħra, li dan l-eżami għandu jkun indikat fil-motivi tad-deċiżjoni tal-istituzzjoni, fir-rigward tal-eċċezzjonijiet kollha msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 4 tal-istess regolament li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, punt 102 iktar ’il fuq, punti 69 sa 74; ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 44 iktar ’il fuq, punti 73 sa 80).

113    Madankollu, jeżistu diversi eċċezzjonijiet għall-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina b’mod konkret u individwali d-dokumenti li jintalab aċċess għalihom.

114    Fil-fatt, ġie deċiż diversi drabi li, peress li l-għan tal-eżami konkret u individwali li, fil-prinċipju, l-istituzzjoni għandha twettaq b’risposta għal talba għal aċċess imressqa abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa li jippermetti lill-istituzzjoni kkonċernata sabiex, minn naħa, tevalwa sa fejn hija applikabbli eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess u, min-naħa l-oħra, tevalwa l-possibbiltà ta’ aċċess parzjali, l-imsemmi eżami jista’ ma jkunx neċessarju meta, minħabba ċirkustanzi partikolari tal-każ, ikun jidher b’mod ċar li l-aċċess għandu jiġi miċħud jew, għall-kuntrarju, għandu jingħata. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, l-ewwel nett, jekk ċerti dokumenti jew ikunu koperti b’mod ċar fl-intier tagħhom minn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess jew, għall-kuntrarju, ikunu manifestament aċċessibbli fl-intier tagħhom, jew, finalment, jekk diġà kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni konkreta u individwali mill-Kummissjoni f’ċirkustanzi simili (sentenzi Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, punt 102 iktar ’il fuq, punt 75, u API vs Il-Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 58).

115    Barra minn hekk, ġie ddikjarat li, bħala prinċipju, huwa possibbli għall-istituzzjoni kkonċernata li tibbaża ruħha, inkluż fil-kuntest tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ rifjut, fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali simili li jistgħu japplikaw għal talbiet ta’ żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura, bil-kundizzjoni li hija tivverifika f’kull każ jekk il-kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali normalment applikabbli għal tip ta’ dokumenti partikolari humiex effettivament applikabbli għal dokument partikolari li tkun intalbet tiżvela (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 102 iktar ’il fuq, punt 50).

116    Barra minn hekk, b’mod kuntrarju għal dak li jsostnu l-LPN u l-intervenjenti, għalkemm il-kunsiderazzjonijiet u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1367/2006 jikkonfermaw il-prinċipju li l-eċċezzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 għad-dritt ta’ aċċess previst mill-Artikolu 255 KE għandhom jiġu interpretati b’mod strett meta t-talba għal aċċess tkun tirrigwarda informazzjoni ambjentali (ara l-punti 105 sa 108 iktar ’il fuq), huma ma jinkludu l-ebda indikazzjoni li tippermetti li jiġi konkluż li l-kunsiderazzjonijiet ġenerali inklużi fil-punti 114 u 115 iktar ’il fuq ma humiex applikabbli għal talba għal aċċess għal informazzjoni ambjentali.

117    Huwa minnu li, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, bħala regola speċjali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, jinkludi preċiżjonijiet dwar l-interpretazzjoni sretta tal-eċċezzjonijiet previsti fl-imsemmija dispożizzjonijiet kif ukoll dwar l-ibbilanċjar tal-interessi differenti (ara l-punti 105 sa 108 iktar ’il fuq), li jista’ jirriżulta f’aċċess iktar wiesa’ għal informazzjoni ambjentali meta mqabbel mal-aċċess għal informazzjoni oħra inkluża f’dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet. Madankollu, din il-konstatazzjoni ma tinċidix fuq il-kwistjoni dwar jekk l-istituzzjoni kkonċernata għandhiex twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti jew tal-informazzjoni mitluba. Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet rikonoxxuti mill-ġurisprudenza li jawtorizzaw lil din l-istituzzjoni tirrinunzja, eċċezzjonalment, għal tali eżami konkret u individwali, japplikaw mutatis mutandis meta d-dokumenti kkonċernati jaqgħu b’mod ċar fl-istess kategorija li tista’ tkun koperta minn waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, b’mod konformi ma’ dawn il-prinċipji legali, anki jekk jirriżulta mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, li l-preżunzjoni dwar l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri fl-iżvelar ta’ informazzjoni dwar emissjonijiet fl-ambjent hija inapplikabbli fil-kuntest ta’ proċedura pendenti ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, id-dokumenti kollha li jirriżultaw minn tali proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jistgħu jiġu protetti bħala kategorija.

–       Fuq l-osservanza mill-Kummissjoni tal-obbligu tagħha ta’ eżami tad-dokumenti kkonċernati

118    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ssodisfatx l-obbligu tagħha li teżamina d-dokumenti kkonċernati, jeħtieġ li jitfakkar li, skont id-deċiżjoni inkwistjoni, id-dokumenti li kienu s-suġġett tal-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Portugiżi waqt il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kienu kollha koperti mill-eċċezzjoni prevista mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika. Insostenn ta’ din il-konklużjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha, essenzjalment, fuq il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 112 u 115 iktar ’il fuq. Skont il-Kummissjoni, peress li l-eċċezzjoni invokata tapplika għad-dokumenti kollha kkonċernati, in-neċessità li tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-iskambji ta’ korrispondenzi bejnha u l-Istat Membru kkonċernat, fil-kuntest ta’ proċedura pendenti ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, tipprekludi wkoll aċċess parzjali għall-imsemmija dokumenti, fis-sens tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament 1049/2001.

119    Minn din il-motivazzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni essenzjalment ibbażat ruħha fuq il-prinċipju li jawtorizza lill-istituzzjoni kkonċernata tirrinunzja għal eżami konkret u individwali ta’ kull wieħed mid-dokumenti kkonċernati jew, minn tal-inqas, għal motivazzjoni ddettaljata fid-deċiżjoni inkwistjoni dwar dan l-eżami, minħabba li dawn id-dokumenti kollha huma manifestament parti mill-istess kategorija ta’ dokumenti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

120    Din il-motivazzjoni ma hija vvizzjata b’ebda żball ta’ liġi jew ta’ fatt.

121    Fil-fatt, b’mod kuntrarju għal dak li ssostni l-LPN u l-intervenjenti, minħabba ċirkustanzi partikolari f’dan il-każ, kien ċar, minn naħa, li għal dak li jirrigwarda l-kontenut kollu tagħhom, id-dokumenti kollha kkonċernati jaqgħu, fl-istess kategorija ta’ dokumenti u, min-naħa l-oħra, li l-aċċess għal dik il-kategorija ta’ dokumenti kellu jiġi rrifjutat abbażi tal-eċċezzjoni invokata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, punt 102 iktar ’il fuq, punt 75). Fil-fatt, il-Kummissjoni korrettament irreferiet, b’mod ġenerali, għall-fatt li d-dokumenti kkonċernati kollha jirriżultaw mill-korrispondenza li hija skambjat mal-awtoritajiet Portugiżi fil-kuntest tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija konta r-Repubblika Portugiża. Barra minn hekk, fid-dawl tal-lista tad-dokumenti inkluża fl-Anness B.6 tar-risposta, ma huwiex konċepibbli li l-Kummissjoni setgħet tagħti aċċess għal wieħed biss minn dawn id-dokumenti jew għal parti mill-kontenut tiegħu, mingħajr ma tikkontesta n-negozjati pendenti mal-awtoritajiet Portugiżi. Għalhekk, b’mod konformi ma’ dak li ġie kkunsidrat fil-punt 111 iktar ’il fuq, l-iżvelar, anki jekk parzjali, tad-dokumenti kkonċernati seta’ effettivament jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni li tikkonċerna l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tar-Repubblika Portugiża inkonnessjoni mal-proġett ta’ diga (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 44 iktar ’il fuq, punti 109 sa 112 u 118 sa 121).

122    F’dan il-kuntest, l-argument tal-intervenjenti li tali approċċ iwassal sabiex jiġi rrikonoxxut li proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tista’ tiżvolġi f’“segretezza assoluta” ma jistax jintlaqa’ peress li din is-sitwazzjoni hija l-konsegwenza inevitabbli tar-rikonoxximent tal-eċċezzjoni intiża għall-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, b’mod partikolari meta dawn ikunu pendenti, u minħabba li, fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 114 sa 117 iktar ’il fuq, l-istituzzjoni kkonċernata tista’ tinvoka din l-eċċezzjoni, b’mod ġenerali, bil-għan li tipproteġi l-kunfidenzjalità ta’ kull kategorija ta’ dokumenti. Għall-istess raġunijiet, il-LPN u l-intervenjenti ma jistgħux jippretendu li, peress li l-Kummissjoni kienet awtorizzata tirrinunzja għal eżami konkret u individwali tal-kontenut ta’ kull wieħed mid-dokumenti kkonċernati, hija ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-interess pubbliku fl-iżvelar fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, iktar u iktar meta din id-dispożizzjoni ma kinitx applikabbli għal dan il-każ (ara l-punt 136 iktar ’il quddiem).

123    Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-prinċipji rikonoxxuti fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 44 iktar ’il fuq (punti 54 sa 62), li fir-rigward tagħhom il-partijiet ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom waqt is-seduta.

124    Fil-fatt, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li huwa possibbli għall-istituzzjoni kkonċernata li tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali simili li jistgħu japplikaw għal talbiet ta’ żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward ta’ proċeduri amministrattivi ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, tali preżunzjonijiet ġenerali jistgħu jirriżultaw mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), kif ukoll mill-ġurisprudenza li tirrigwarda d-dritt ta’ konsultazzjoni tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat hija, b’kunsiderazzjoni għall-istruttura ġenerali tagħha, mibdija kontra Stat Membru li fil-kuntest tagħha huwa biss dan tal-aħħar li għandu drittijiet tad-difiża, inkluż id-dritt li jingħata ċerti dokumenti b’mod differenti mill-persuni interessati li ma għandhomx, f’dan il-kuntest, id-dritt ta’ konsultazzjoni tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li kien hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni din iċ-ċirkustanza għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, jekk dawn il-persuni interessati kienu fil-pożizzjoni li jiksbu l-aċċess fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001, għad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni, kienet tiġi ppreġudikata s-sistema ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 44 iktar ’il fuq, punti 54 sa 59).

125    Minn dan il-Qorti ddeduċiet li, meta l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet jaqgħu taħt il-qafas ta’ funzjonijiet amministrattivi speċifikament attribwiti lilhom mill-Artikolu 88 KE, ikun hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuni interessati minbarra l-Istat Membru kkonċernat fil-proċeduri ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat ma għandhomx id-dritt ta’ konsultazzjoni tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni u, għalhekk, li tiġi rikonoxxuta l-eżistenza ta’ preżunzjoni li l-iżvelar tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv, fil-prinċipju, iwassal għal ħsara fil-konfront tal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni bil-konsegwenza li l-istituzzjoni kkonċernata tista’ anki ma twettaqx eżami preliminari konkret u individwali tad-dokumenti kkonċernati. Xorta jibqa’ l-fatt li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan ir-rigward, il-persuni interessati jżommu d-dritt li juru li dokument speċifiku ma huwiex kopert mill-imsemmija preżunzjoni ġenerali jew li jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 44 iktar ’il fuq, punti 60 sa 62).

126    Fir-rigward tal-istħarriġ li l-Kummissjoni hija msejħa teżerċita fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija skont l-Artikolu 226 KE, għandu jiġi kkonstatat li dan l-istħarriġ għandu funzjoni amministrattiva, li fil-kuntest tagħha hija għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa u hija tidħol fi djalogu bilaterali mal-Istat Membru kkonċernat (ara f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 2007, AEPI vs Il-Kummissjoni, C-461/06 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 24, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Settembru 2006, AEPI vs Il-Kummissjoni, T‑242/05, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punti 28 u 29). Barra minn hekk, ġie rikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita, li l-pożizzjoni proċedurali tal-partijiet li jkunu ressqu lment quddiem il-Kummissjoni, bħal dak tal-LPN f’dan il-każ, hija fundamentalment differenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija skont l-Artikolu 226 KE mill-pożizzjoni tagħhom, pereżempju, fil-kuntest ta’ proċedura skont ir-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, bħal dik prevista mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3. p. 81), li fil-mori tagħhom il-lanjanti għandhom garanziji proċedurali speċifiċi li l-osservanza tagħhom hija suġġetta għal stħarriġ ġurizzjarju effettiv fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment. Għall-kuntrarju, il-lanjanti fis-sens tal-Komunikazzjoni 2002/C 244/03 ma għandhomx il-possibbiltà li jressqu quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea rikors kontra deċiżjoni eventwali li ma għandha tittieħed l-ebda azzjoni fuq l-ilment tagħhom u ma jibbenefikawx minn drittijiet proċedurali, paragunabbli ma’ dawk li huma jistgħu jkollhom fil-kuntest ta’ proċedura mibdija skont ir-regolamenti ċċitati iktar ’il fuq, li jippermettulhom li jeżiġu li l-Kummissjoni tinfurmahom u tismagħhom (ara f’dan is-sens, id-digriet LPN vs il-Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).

127    Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ dritt tal-LPN, fil-kuntest ta’ tali proċedura, li tikkonsulta d-dokumenti tal-fajl amminstrattiv tal-Kummissjoni, jeħtieġ li tiġi rrikonoxxuta, b’analoġija għas-sitwazzjoni tal-interessati fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, l-eżistenza ta’ preżunzjoni legali ġenerali li l-iżvelar tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv, fil-prinċipju, jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni. Għaldaqstant kien suffiċjenti li l-Kummissjoni tivverifika jekk din il-preżunzjoni legali ġenerali kellhiex tapplika għad-dokumenti kollha kkonċernati, mingħajr ma kellha neċessarjament twettaq eżami preliminari konkret u individwali tal-kontenut ta’ kull wieħed minn dawn id-dokumenti. Issa, peress li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni kienet pendenti, il-Kummissjoni kellha neċessarjament titlaq mill-prinċipju li din il-preżunzjoni ġenerali tapplika għad-dokumenti kollha kkonċernati.

128    Il-preżunzjoni msemmija fil-punt 125 iktar ’il fuq madankollu ma teskludix id-dritt tal-interessati li juru li dokument partikolari li ntalab l-iżvelar tiegħu ma huwiex kopert mill-imsemmija preżunzjoni jew li jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument imsemmi skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza Il-Kummmissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 44 iktar ’il fuq, punt 62).

129    Fir-rigward tal-ewwel aspett, għandu jiġi kkonstatat li la l-LPN u lanqas l-intervenjenti ma pproduċew elementi li jistgħu jikkontestaw il-fondatezza tal-evalwazzjoni li d-dokumenti kollha kkonċernati kienu koperti mill-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

130    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilmenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ eżami konkret u individwali tad-dokumenti kkonċernati, fuq ir-rifjut illegali li jingħata aċċess parzjali għall-imsemmija dokumenti kif ukoll fuq il-ksur tar-Regolament Nru 1367/2006, għandhom jiġu miċħuda.

131    Fl-aħħar nett, b’kunsiderazzjoni għat-tielet parti tat-tieni motiv, hemm lok li jiġi eżaminat jekk, fid-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni kkonkludietx b’mod korrett li kien hemm nuqqas ta’ interess pubbliku jew ta’ interess pubbliku superjuri fl-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati.

–       Fuq l-interess pubbliku superjuri fl-iżvelar

132    Fir-rigward tal-interess pubbliku superjuri fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, hemm lok li jitfakkar li, skont id-deċiżjoni inkwistjoni, tali interess ma jeżistix f’dan il-każ. Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, li jistabbilixxi li l-iżvelar għandu jitqies li jippreżenta tali interess pubbliku superjuri meta l-informazzjoni mitluba tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent, ma japplikax għal investigazzjonijiet relatati ma’ ksur possibbli tad-dritt Komunitarju.

133    Din l-evalwazzjoni ta’ nuqqas ta’ interess pubbliku superjuri fis-sens tal-Artikolu 4(2), in fine, tar-Regolament Nru 1049/2001 ma hija vvizzjata b’ebda żball ta’ liġi jew ta’ fatt.

134    Fil-fatt, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija kontra r-Repubblika Portugiża kienet pendenti. Għaldaqstant, il-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri fl-iżvelar, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, ma kinitx tapplika f’dan il-każ, b’tali mod li lanqas ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar jekk id-dokumenti kkonċernati jinkludux informazzjoni effettivament marbuta ma’ “emissjonijiet” fl-ambjent.

135    Fit-tieni lok, sa fejn il-LPN u l-intervenjenti jsostnu li r-Regolament Nru 1367/2006 huwa intiż sabiex itejjeb it-trasparenza fil-qasam ambjentali fir-rigward ta’ dik żgurata mir-regoli tar-Regolament Nru 1049/2001, hemm lok li jiġi rrilevat li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, bħala lex specialis fir-rigward tar-Regolament Nru 1049/2001 billi tissostitwixxi, tibdel jew tippreċiża ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan l-aħħar Regolament meta t-talba għal aċċess tkun tirrigwarda “informazzjoni dwar l-ambjent” jew informazzjoni “konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent” (ara l-punt 105 iktar ’il fuq), teskludi preċiżament tali titjib għall-finijiet tal-ibbilanċjar tal-interessi differenti fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, meta d-dokumenti kkonċernati jkunu inklużi fi proċess ta’ proċedura pendenti ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Għalqastant huma ma jistgħux jallegaw li l-Kummissjoni ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni tali interess pubbliku superjuri fl-iżvelar u, għaldaqstant, li ma wettqitx b’mod korrett l-ibbilanċjar tal-interessi differenti.

136    Fit-tielet lok, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-LPN u l-intervenjenti lanqas ma jistgħu jinvokaw b’mod utli t-tielet sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006. Fil-fatt, minn naħa, din id-dispożizzjoni tal-aħħar tipprevedi biss l-obbligu ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet minbarra dawk imsemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, jiġifieri dawk previsti fl-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Min-naħa l-oħra, it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 tirreferi biss għal “interess pubbliku” fl-iżvelar u mhux għal interess pubbliku “ikbar [superjuri]” fis-sens tal-Artikolu 4(2), in fine, tar-Regolament Nru 1049/2001. Għaldaqstant, l-argument tal-LPN u tal-intervenjenti li, f’dan il-każ, il-prinċipji ta’ trasparenza msaħħa, ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti, ta’ parteċipazzjoni aħjar taċ-ċittadin fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u ta’ leġittimità ikbar jikkostitwixxu madankollu interess pubbliku u anki interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati, għandu jinċaħad.

137    Fir-raba’ lok, sa fejn il-LPN irreferiet għall-interess tagħha li tipparteċipa b’mod attiv fil-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni bil-għan li tippromwovi l-interess pubbliku fil-protezzjoni tal-ambjent, li hija għandha tipproteġi bħala NGO, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ma jiddependix min-natura tal-interess partikolari li l-persuna li titlob l-aċċess jista’ jkollha sabiex tikseb l-informazzjoni mitluba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, Ġabra p. I‑1233, punt 44).

138    Barra minn hekk, fis-seduta, b’risposta għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, il-LPN u l-intervenjenti la kienu kapaċi jidentifikaw il-possibbiltà ta’ interess pubbliku superjuri minn dak tal-allegata trasparenza msaħħa fil-qasam tal-ambjent, li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni għall-għanijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(2), infine, tar-Regolament Nru 1049/2001 fir-rigward ta’ dan il-każ, u lanqas ma kienu kapaċi jispjegaw jekk u sa liema punt l-informazzjoni mitluba kienet marbuta ma’ emissjonijiet fl-ambjent fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

139    F’dawn il-kundizzjonijiet, jeħtieġ li jinċaħad l-ilment tal-LPN u tal-intervenjenti bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni naqset li tieħu inkunsiderazzjoni interess pubbliku jew interess pubbliku superjuri fl-iżvelar tal-informazzjoni ambjentali inkwistjoni u li twettaq b’mod korrett l-ibbilanċjar tal-interessi differenti fis-sens tal-Artikolu 4(2), in fine, tar-Regolament Nru 1049/2001, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra mressqa mil-LPN u mill-intervenjenti f’dan il-kuntest.

140    Konsegwentement, peress li l-ewwel u t-tieni motivi għandhom jinċaħdu bħala infondati fl-intier tagħhom, hemm lok li jinċaħad ir-rikors.

 Fuq l-ispejjeż

141    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-LPN tilfet sa fejn ir-rikors tagħha jirrigwarda dokumenti u partijiet minn dokumenti li l-aċċess għalihom inċaħad, jeħtieġ li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

142    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

143    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 87(6) tar-Regoli tal-Proċedura, f’każ li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-LPN ma kisbitx, fil-mori tal-kawża, aċċess għal ċerti dokumenti jew partijiet ta’ dokumenti, hija tilfet fir-rigward tar-rikors kollu tagħha abbażi tar-raġunijiet esposti fil-punti 99 sa 140 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, jeħtieġ li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kollha tagħha kif ukoll għal dawn sostnuti mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud sa fejn jirrigwarda dokumenti u partijiet minn dokumenti li l-aċċess għalihom inċaħad lil-Liga para Protecção da Natureza (LPN) fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SG.E.3/MIB/psi D (2008) 8639, tal-24 ta’ Ottubru 2008.

2)      Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq il-kumplament.

3)      Il-Liga para Protecção da Natureza (LPN) għandha tbati l-ispejjeż kollha tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

4)      Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Azizi

Cremona

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Settembru 2011.

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001

Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006

Il-fatti

Il-proċeduri u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq it-talba sabiex jiġi ddikjarat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Sinteżi tal-motivi għal annullament

Fuq l-ewwel u t-tieni motivi, ibbażati fuq ksur tar-Regolament Nru 1367/2006 u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

L-argumenti tal-partijiet

1.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tar-Regolament Nru 1367/2006

– Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

– Osservazzjonijiet preliminari

– Fuq l-effetti tar-Regolament Nru 1367/2006 fuq il-portata tal-obbligu ta’ eżami tal-Kummissjoni

– Fuq ir-rekwiżiti li jirregolaw l-obbligu ta’ eżami tal-Kummissjoni

– Fuq l-osservanza mill-Kummissjoni tal-obbligu tagħha ta’ eżami tad-dokumenti kkonċernati

– Fuq l-interess pubbliku superjuri fl-iżvelar

Fuq l-ispejjeż


*Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.