DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-EWWEL AWLA TAT-TRIBUNAL GĦAS‑SERVIZZ PUBBLIKU

tat-18 ta’ Diċembru 2008

Kawża F-14/08

X

vs

Il-Parlament Ewropew

“Tħassir tal-kawża – Rinunzja għall-atti – Spejjeż – Ammissibbiltà”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu X titlob, minn naħa, li jiġu annullati l-opinjoni tal-Kumitat tal-Invalidità li tirrigwardaha, mogħtija fit-22 ta’ Ġunju 2007, u d‑deċiżjoni tad-Direttur tal-Persunal tal-Parlament Ewropew, tas-27 ta’ Ġunju 2007, li tikkunsidra li hija ma ġarrbitx invalidità permanenti totali, li ma tippermettilhiex teżerċita l-funżjonijiet tagħha, u min-naħa l-oħra, li l-fajl tagħha jintbagħat lura quddiem il-Kumitat tal-Invalidità sabiex dan jiddeċiedi mill-ġdid fuq il-każ tagħha.

Deċiżjoni:      Il-Kawża F‑14/05, X vs Il‑Parlament, hija mħassra mir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Il-Parlament isostni, minbarra l-ispejjeż tiegħu, tliet kwarti mill-ispejjeż tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti ssostni kwart mill-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Proċedura – Spejjeż – Rinunzja għall-atti ġġustifikata mill-atteġġament tal-parti l-oħra

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 89(5))

2.      Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Deċiżjoni li tikkonstata l-kapaċità għax-xogħol tal-uffiċjal u li tordnalu jerġa’ jibda jaħdem – Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 59(4), 90 u 91)

1.      Kif jipprovdi l-Artikolu 89(5) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-parti li tirrinunzja għall-atti tal-kawża għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba mill-kontroparti fl-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rinunzja għall-atti tal-kawża. Madankollu, fuq talba tal-parti li tirrinunzja għall-atti tal-kawża, il-kontroparti għandha tbati l-ispejjeż jekk dan jidher iġġustifikat mill-atteġġament tal-istess parti l-oħra. Fil-każ ta’ rikors ippreżentat minn uffiċjal kontra deċiżjoni li ma tirrikonoxxilux l-istat ta’ invalidità, l‑istituzzjoni, li ma rrispondietx għal talba preċedenti fit-terminu ta’ erba’ xhur sabiex tingħata deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda u adottat atteġġament ambigwu dwar is‑sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata wara l-preżentata tar-rikors, għandha titqies li kkontribwixxiet, permezz tal-imġiba tagħha, sabiex il-kawża tinbeda u tista’ tiġi kkundannata tħallas parti mill-ispejjeż tal-uffiċjal rikorrenti.

(ara l-punti 6 sa 10)

2.      Meta deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, li tirriżulta mill-opinjoni tal-Kumitat tal-Invalidità, tinkludi, minbarra evalwazzjoni fuq il-kapaċità għax-xogħol ta’ uffiċjal, li ma tbiddilx, minnha nfisha, is-sitwazzjoni legali preċedenti tal-persuna kkonċernata, ukoll ordni sabiex dan jerġa’ jibda jaħdem, din tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju li l-uffiċjal jista’ jikkontesta.

(ara l-punti 14, 17 u 19)