30.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 223/36


Rikors ippreżentat fid-9 ta' Lulju 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju ta' Spanja

(Kawża C-306/08)

(2008/C 223/58)

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: IL-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: A. Alcover San Pedro u D. Kukovec, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju ta' Spanja

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara li, billi aġġudika l-Programmi Integrati ta' Azzjoni skond il-Liġi 6/1994, tal-15 ta' Novembru li tirregola l-attivitajiet ta' żvilupp fil-komunità ta' Valencia, ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE (1) ta' l-14 ta' Ġunju 1993 li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi, b'mod partikolari, l-Artikoli 1, 6(6), 11, 12 u t-Titolu II tal-Kapitolu IV tagħha (Artikoli 24 sa 29),

u li, billi aġġudika l-Programmi Integrati ta' Azzjoni skond il-Liġi 16/2005, liġi ta' Valencia dwar l-iżvilupp, implementata permezz tad-Digriet 67/2006 tar-Reġjun ta' Valencia tat-12 ta' Mejju, li jistabbilixxi r-Regolament dwar l-ippjanar u l-ġestjoni urbana, ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 2, 6 24, 30, 31(4)(a), 48(2) u 53 tad-Direttiva 2004/18/KE (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi;

tikkundanna lir-Renju ta' Spanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni ssostni li l-aġġudikar tal-Programmi Integrati ta' Azzjoni (PIA), miżura ta' żvilupp urban stabbilita permezz tal-Liġi 6/1994 tal-15 ta' Novembru, il-liġi ta' Valencia dwar attivajiet ta' żvilupp (“LRAU”)u dik li ġiet warajha, il-liġi 16/205, il-liġi ta' Valencia dwar l-iżvilupp (“LUV”) tirrigwarda kuntratti ta' xogħlijiet pubbliċi li għandhom jiġu aġġudikati skond id-Direttiva 93/37/KE u d-Direttiva 2004/18/KE. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni tafferma li l-PIA huma kuntratti ta' xogħlijiet pubbliċi minn korpi lokali li jinkludu t-twettiq ta' xogħlijiet ta' infrastruttura pubblika minn żviluppaturi urbani magħżula mill-awtoritajiet lokali.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-LUV tikser id-direttivi Komunitarji dwar il-kuntratti pubbliċi taħt diversi aspetti, fir-rigward, fost l-oħrajn, il-pożizzjoni privileġġjata ta' l-ewwel offerent, l-esperjenza ta' l-offerenti f'kuntratti simili, il-preżentazzjoni ta' alternattivi għall-proposta ta' l-ewwel offerent f'“envelop miftuħ”, ir-regolament tal-varjabbli, il-kriterji għall-għoti tal-kuntratti PIA, il-possibbiltà li jiġi mmodifikat il-kuntratt wara li jiġi aġġudikat (per eżempju, il-possibbiltà li jiżdiedu l-ispejjeż ta' żvilupp) u r-regolament ta' każijiet ta' eżekuzzjoni mhux kompleta tal-kuntratt mill-offerent li ngħata l-kuntratt. Uħud minn dawn il-każijiet ta' ksur jikkonċernaw kemm il-LRAU u l-LUV, oħrajn il-LUV biss.


(1)  ĠU 1993 L 199, p. 54.

(2)  ĠU 2004 L 134, p. 114.