5.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 171/14


Rikors ippreżentat fit-8 ta' April 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Finlandiża

(Kawża C-144/08)

(2008/C 171/24)

Lingwa tal-kawża: Il-Finlandiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: I. Koskinen, D. Triantafyllou)

Konvenuta: Ir-Repubblika Finlandiża

Talbiet tal-parti rikorrenti

tiddikjara li, billi applikat definizzjoni mhux kompluta tal-kunċett ta' residenza normali sabiex tistabbilixxi l-eżenzjonijiet mit-taxxa eventwali fuq l-importazzjoni temporanja ta' xi mezzi ta' trasport, ir-Repubblika tal-Finlandja naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill tat-28 ta' Marzu 1983, dwar eżenzjonijiet mit-taxxa ġewwa l-Komunità għal ċerti mezzi ta' trasport temporanjament importati fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor (1).

tikkundanna lir-Repubblika Finlandiża għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Sabiex jistabbilixxi eżenzjonijiet mit-taxxa eventwali, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 83/182/KEE jirregola l-kunċett ta' residenza normali billi imponi dan il-kunċett kemm fuq l-Istat membru li taħt il-liġi tiegħu fuq l-importazzjoni taqa' l-vettura in kwistjoni, kemm fuq l-Istat Membru li jkollu d-dritt jiġbor it-taxxa fuq it-tali vettura. L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 83/182/KEE jsemmi xi eċċezzjonijiet għar-regola fis-seħħ, li bihom ir-residenza normali hija l-post li fih persuna tgħix normalment għal mill-inqas 185 jum f'kull sena kalendarja. B'mod partikolari, fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 7(1), huwa ppreċiżat li r-residenza normali ta' xi persuna li l-irbit tax-xogħol tagħha jkun f'post differenti minn dak ta' l-irbit personali u li għaldaqtant ikollha tgħix f'postijiet differenti sitwati f'żewġ Stati Membri jew aktar għandha titqies li jkun il-post ta' l-irbit personali tagħha, sakemm dik il-persuna tirritorna hemmhekk regolarment. Madankollu, huwa indikat espressament li din il-kundizzjoni ma teħtieġx li tkun sodisfatta meta l-persuna tkun tgħix f'xi Stat Membru sabiex tagħmel xogħol ta' tul definit.

Il-leġiżlazzjoni Finlandiża tipprovdi pero għal kundizzjoni dwar ir-ritorn regolari anki meta l-persuna tgħix fil-Finlandja sabiex twettaq xogħol ta' tul definit. Il-Finlandja għaldaqstant ma ttrasponietx korrettament l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 83/182/KEE fil-leġiżlazzjoni tagħha.


(1)  GU L 105, 23.4.1983, p. 59.