Kawżi magħquda C-585/08 u C-144/09

Peter Pammer

vs

Reederei Karl Schlüter GmbH & Co. KG

u

Hotel Alpenhof GesmbH

vs

Oliver Heller

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof)

“Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 15(1)(ċ) u (3) — Ġurisdizzjoni fil-qasam tal‑kuntratti konklużi mill-konsumaturi — Kuntratt ta’ vjaġġ fuq bastiment tat-tagħbija —Kunċett ta’ ‘vjaġġ għal prezz inklussiv’ — Kuntratt ta’ akkomodazzjoni f’lukanda — Preżentazzjoni tal-vjaġġ u tal-lukanda fuq sit internet — Kunċett ta’ attività ‘mmexxija [immirata] għal’ l-Istat Membru fejn il-konsumatur għandu d‑domiċilju tiegħu — Kriterji — Aċċessibbiltà tas-sit internet”

Sommarju tas-sentenza

1.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi

(Regolament tal-Kunsill 44/2001, Artikolu 15(3); Direttiva tal-Kunsill 90/314, Artikolu 2(1))

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi — Kunċett ta’ attivitajiet immirati għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament

(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikolu 15(1)(ċ))

1.        Kuntratt li għandu bħala suġġett vjaġġ fuq bastiment tat-tagħbija, jista’ jkkostitwixxi kuntratt ta’ trasport, li għal prezz inklussiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġ u akkomodazzjoni fis-sens tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali.

Dan huwa l-każ meta, barra t-trasport, l-imsemmi vjaġġ ta’ tagħbija jinkludi, għal prezz inklussiv, ukoll l-akkomodazzjoni u dan il-vjaġġ ikun jeċċedi 24 siegħa. Għaldaqstant, tali servizz jissodisfa l-kundizzjonijiet rikjesti sabiex jikkostitwixxi pakkett fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 90/314 dwar il-vjaġġi kollox kompriż, il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż u jaqa’ taħt id-definizzjoni tal-kuntratt ta’ trasport għal prezz inklussiv imsemmi fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 44/2001, moqri fid-dawl ta’ dan l‑Artikolu 2(1).

(ara l-punti 45, 46 u d-dispożittiv 1)

2.        Sabiex jiġi ddeterminat jekk negozjant, li l-attività tiegħu hija ppreżentata fuq sit internet, jistax jiġi kkunsidrat bħala li “imexxi [jimmira]” l-attività tiegħu lejn l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l‑konsumatur għandu d-domiċilju tiegħu fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi vverifikat jekk, qabel il‑konklużjoni eventwali ta’ kuntratt mal-konsumatur, minn dawn is-siti internet u mill-attività globali tan-negozjant jirriżulta li din tal-aħħar kienet tikkunsidra kummerċ mal-konsumaturi domiċiljati f’wieħed jew iktar Stati Membri, fosthom dak li fih il-konsumatur għandu d-domiċilju tiegħu, fis-sens li huwa kien lest li jikkonkludi kuntratt magħhom.

L-elementi li ġejjin, li l-lista tagħhom ma hijiex eżawrjenti, jistgħu jikkostitwixxu indikazzjonijiet li bihom jista’ jiġi kkunsidrat li l-attività ta’ negozjant hija mmirata lejn l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur, jiġifieri n-natura internazzjonali tal-attività, l-indikazzjoni ta’ rotot minn Stati Membri oħra sabiex jintlaħaq il-post fejn in-negozjant huwa stabbilit, l-użu ta’ lingwa jew ta’ munita oħra minbarra l-lingwa jew il-munita normalment użati fl-Istat Membru li fih in‑negozjant huwa stabbilit bil-possibbilità ta’ riżervazzjoni u ta’ konferma tar-riżervazzjoni f’din il-lingwa l-oħra, l-indikazzjoni ta’ numri tat-telefon flimkien mal-indikazzjoni ta’ prefiss internazzjonali, l-infiq ta’ spiża għal servizz ta’ riferiment fuq l-internet sabiex jiffaċilita għall-konsumaturi domiċiljati fi Stati Membri oħra l-aċċess għas-sit tan-negozjant jew dak tal-intermedjarju tiegħu, l-użu ta’ isem ta’ dominju tal-ogħla livell minbarra dak tal-Istat Membru fejn in-negozjant huwa stabbilit u l-indikaazzjoni ta’ klijentela internazzjonali li tikkonsisti minn klijenti domiċiljati fi Stati Membri differenti. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika l-eżistenza ta’ tali indikjazzjonijiet.

Għall-kuntrarju, is-sempliċi aċċessibbiltà tas-sit tal-internet tan-negozjant jew tal-intermedjarju fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konsumatur ikun domiċiljat huwa insuffiċjenti. Dan japplika wkoll għall-indikazzjoni ta’ indirizz elettroniku kif ukoll ta’ dettalji oħra jew l-użu ta’ lingwa jew ta’ munita li huma l-lingwa u/jew il-munita normalment użati fl-Istat Membru li fih in-negozjant huwa stabbilit.

(ara l-punti 92-94 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

7 ta’ Diċembru 2010 (*)

“Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001– Artikolu 15(1)(ċ) u (3) – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal‑kuntratti konklużi mill-konsumaturi – Kuntratt ta’ vjaġġ fuq bastiment tat-tagħbija – Kunċett ta’ ‘vjaġġ għal prezz inklussiv’ – Kuntratt ta’ akkomodazzjoni f’lukanda – Preżentazzjoni tal-vjaġġ u tal-lukanda fuq sit internet – Kunċett ta’ attività ‘immexxija [immirata] għal’ l-Istat Membru fejn il-konsumatur għandu d‑domiċilju tiegħu – Kriterji – Aċċessibbiltà tas-sit internet”

Fil-Kawżi magħquda C‑585/08 u C‑144/09,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikoli 68 u 234 KE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjonijiet tas-6 ta’ Novembru 2008 u tas-26 ta’ Marzu 2009, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fl-24 ta’ Diċembru 2008 u fl-24 ta’ April 2009, fil-proċeduri

Peter Pammer

vs

Reederei Karl Schlüter GmbH & Co KG (C‑585/08),

u

Hotel Alpenhof GesmbH

vs

Oliver Heller (C‑144/09),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, K. Schiemann u J.‑J. Kasel, Presidenti ta’ Awla kif ukoll A. Rosas, R. Silva de Lapuerta, P. Lindh (Relatur) u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Marzu 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal P. Pammer, minn C. Neuhuber, Rechtsanwalt,

–        għal Hotel Alpenhof GesmbH, minn M. Buchmüller, Rechtsanwalt,

–        għal O. Heller, minn H. Hegen, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl u G. Kunnert, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan (C‑585/08), minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Ventrella, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Lussemburgiż, minn C. Schiltz, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż (C‑144/09), minn C. Wissels u Y. de Vries, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk (C‑585/08), minn M. Dowgielewicz, bħala aġent, 

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn H. Walker, bħala aġent, assistita minn J. Stratford, barrister,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.‑M. Rouchaud-Joët u S. Grünheid kif ukoll minn M. Wilderspin, bħala aġenti, 

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Mejju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, P. Pammer u Reederei Karl Schlüter GmbH & Co KG (iktar ’il quddiem “Reederei Karl Schlüter”) dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tirrimborsah b’mod sħiħ il-prezz ta’ vjaġġ fuq bastiment tat-tagħbija li ma pparteċipax fih u li hemm id-deskrizzjoni tiegħu fuq l-internet (Kawża C‑585/08) u, min-naħa l-oħra, bejn Hotel Alpenhof GesmbH (iktar ’il quddiem “Hotel Alpenhof”) u O. Heller dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tħallaslu l-kont tiegħu tal-lukanda għal żjara rriżervata permezz tal-internet (Kawża C‑144/09).

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 44/2001

3        Il-premessa 13 tar-Regolament Nru 44/2001 tistabbilixxi li, rigward kuntratti tal-konsumatur, il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi protetta b’regoli ta’ ġurisdizzjoni iktar favorevoli għall-interessi tagħha milli hemm provduti fir-regoli ġenerali.

4        L-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament, li jagħmel parti mill-Kapitolu II tiegħu, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali”, jistabbilixxi:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

5        L-Artikolu 5 tal-istess regolament jistabbilixxi r-regola ta’ ġurisdizzjoni li ġejja fil-punt 1:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1      (a)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ”.

6        L-Artikoli 15(1) u (3) u 16(1) u (2) tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsabu fis-Sezzjoni 4 tal-istess Kapitolu II tiegħu, intitolat “Ġurisdizzjoni fuq kuntratti tal-konsumatur”, huma fformulati kif ġej:

“Artikolu 15

1.      F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il‑konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus ‘l hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni, mingħajr preġudizju għall-Artikolu 4 u punt 5 tal-Artikolu 5, jekk:

(a)      ikun kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti bin-nifs b’termini ta’ kreditu; jew

(b)      ikun kuntratt għal self li jitħallas bin-nifs, jew għal xi għamla oħra ta’ kreditu, magħmula sabiex tiffinanzja l-bejgħ ta’ oġġetti; jew

(ċ)      fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, b’xi meżżi, imexxi tali attivitajiet għal dak l-Istat Membru jew għal diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u li l-kuntratt jidħol fl-iskop ta’ attivitajiet bħal dawk.

[…]

3. Din is-Sezzjoni m’għandiex tapplika għal kuntratt ta’ trasport apparti minn kuntratt li, għal prezz inklussiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni.

Artikolu 16

1.      Konsumatur jista’ jressaq proċedimenti kontra l-parti l-oħra ta’ kuntratt jew fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih jkun domiċiljat dak il-parti jew fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur.

2.      Jistgħu jitressqu proċeduri kontra konsumatur mill-parti l-oħra tal-kuntratt biss fil-qrati ta' l-Istat Membru li fih ikun domiċiljat il-konsumatur.”

7        Kif jirriżulta mill-premessi tiegħu, ir-Regolament Nru 44/2001 isegwi l‑Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l‑eżekuzzjoni tas‑sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299 p. 32), kif emendata bil-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978, dwar l-adeżjoni tar-Renju tad‑Danimarka, tal-Irlanda, u tar-Renju Unit tal‑Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU L 304, p. 1 u – test emendat – p. 77), mill-Konvenzjoni tal-25 ta’ Ottubru 1982, dwar l‑adeżjoni tar-Repubblika Ellenika (ĠU L 388, p. 1) mill-Konvenzjoni tas-26 ta’ Mejju 1989, dwar l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar‑Repubblika Portugiża (ĠU L 285, p. 1) u mill-Konvenzjoni tad-29 ta’ Novembru 1996, dwar l‑adeżjoni tar-Repubblika tal‑Awstrija, tar‑Repubblika tal‑Finlandja u tar‑Renju tal‑Iżvezja (ĠU 1997, C 15, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”. Mid-dħul fis-seħħ tiegħu, fl-1 ta’ Marzu 2002, dan ir-regolament issostitwixxa l‑Konvenzjoni ta’ Brussell fir-relazzjonijiet bejn l‑Istati Membri bl‑esklużjoni tar‑Renju tad-Danimarka.

8        Fil-premessa 19 tar-Regolament Nru 44/2001, il-Kunsill tal‑Unjoni Ewropea enfasizza li għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussel u dan ir‑regolament, inkluża l‑interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà għamlet ta’ dispożizzjonijiet ekwivalenti ta’ din il-konvenzjoni.

 Il-Konvenzjoni ta’ Brussell

9        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell huwa fformulat kif ġej:

“Fir-rigward ta’ kuntratt konkluż minn persuna għal raġuni li tista’ titqies bħala barra mill-attività professjonali tiegħu, iktar ’il quddiem imsejjaħ ‘il-konsumatur’; il-ġurisdizzjoni hija stabbilita minn din is-Sezzjoni, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 5(5):

1)      ikun kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti bin-nifs b’termini ta’ kreditu; jew;

2)      ikun kuntratt għal self li jitħallas bin-nifs, jew għal xi għamla oħra ta’ kreditu, magħmula sabiex tiffinanzja l-bejgħ ta’ oġġetti; jew ;

3)      għal kull kuntratt ieħor li għandu bħala għan il-provvista ta’ servizzi jew oġġetti jekk:

a)      il-konklużjoni ta’ kuntratt kienet ippreċeduta fl-Istat tad‑domiċilju tal-konsumatur minn proposta speċifika jew minn reklamar

u li

b)      l-konsumatur wettaq f’dan l-Istat l-atti neċessarji għall‑konklużjoni ta’ dan il-kuntratt [traduzzjoni mhux uffiċjali].”

 Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008

10      Il-premessa 7 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6), tistabbilixxi li l-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv u d-dsipożizzjonijiet ta’ dan ir-egolament għandhom ikunu koerenti mqabbla ma’ dawk tar-Regolament Nru 44/2001.

11      Il-premessa 24 tar-Regolament Nru 593/2008 hija fformulata kif ġej:

“Fir-rigward, aktar partikolarment, ta’ kuntratti konsumistiċi, […] [i]l-konsistenza mar-Regolament (KE) Nru 44/2001 teħtieġ, minn naħa waħda, li ssir referenza għall-kunċett ta’ “attività indirizzata” bħala kondizzjoni għall-applikazzjoni tar-regola li tipproteġi lill-konsumatur u, min-naħa l-oħra, li dan il-kunċett jiġi interpretat b’armonija fir-Regolament (KE) Nru 44/2001 u f’dan ir-Regolament, fid-dawl ta’ dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 li tispeċifika li “sabiex l-Artikolu 15(1)(c) ikun applikabbli, mhuwiex suffiċjenti għal intrapriża li timmira l-attivitajiet tagħha lejn l-Istat Membru tar-residenza tal-konsumatur, jew lejn numru ta’ Stati Membri inkluż dak l-Istat Membru; għandu jun hemm ukoll kuntratt konkluż fil-kuntest ta’ l-attivitajiet tagħha”. Id-dikjarazzjoni tgħid ukoll li “s-sempliċi fatt li sit ta’ l-Internet ikun aċċessibbli mhuwiex suffiċjenti sabiex l-Artikolu 15 ikun applikabbli, għalkemm ikun fattur li dan is-sit ta’ l-Internet iħajjar il-konklużjoni ta' kuntratti minn distanza u li kuntratt ġie effettivament konkluż minn distanza, bi kwalunkwe mezz. F’dan ir-rigward, il-lingwa jew il-munita użata f’dan is-sit ta’ l‑Internet ma tikkostitwixxix fattur rilevanti.”

12      L-Artikolu 6(4)(b) tar-Regolament Nru 593/2008 jipprovdi li r-regoli fuq il-liġi applikabbli għall-kuntratti ta’ konsum li jinsabu fil-paragrafi 1 u 2 tal-istess artikolu ma japplikawx għall-kuntratt li ġej:

“Kuntratt ta’ trasport divers minn kuntratt relatat ma’ vjaġġ b’kollox kompriż fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż, il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż”.

 Id-Direttiva 90/314/KEE

13      Id-Direttiva tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 1990, dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU L 158, p. 59), tiddefinixxi l-kunċett ta’ kollox kompriż fl-Artikolu 2(1) kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(1)      ‘pakkett’ [kollox kompriż] tfisser it-tagħqid irranġat minn qabel ta’ mhux anqas minn tnejn minn dawn li ġejjin meta jinbiegħu jew jiġu offruti għall-bejgħ bi prezz inklużiv u meta s-servizz ikopri perjodu ta’ aktar minn erbgħa u għoxrin siegħa jew jinkludi akkomodazzjoni ta’ bil-lejl:

(a)      it-trasport;

(b)      l-akkommodazzjoni;

(ċ)      servizzi turistiċi oħra mhux anċillari għat-trasport jew l-akkomodazzjoni u li jammontaw għal parti sinifikanti tal-pakkett.

It-tqegħid tad-diversi komponenti ta’ l-istess pakkett f’kontijiet differenti ma jeħlisx lill-organizzatur jew lill-bejjiegħ mill-obbligazzjonijiet skond din id‑Direttiva.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Kawża C‑585/08

14      Il-kawża hija bejn P. Pammer, iddomiċiljat fl-Awstrija, u Reederei Karl Schlüter, kumpannija stabbilita fil-Ġermanja, dwar vjaġġ fuq bastiment tat-tagħbija minn Trieste (l-Italja) lejn il-Lvant Imbiegħed, organizzat minn din il-kumpannija u li ta lok għal kuntratt konkluż bejn din tal-aħħar u P. Pammer (iktar ’il quddiem il‑“kuntratt”).

15      P. Pammer irriżerva vjaġġ, permezz tal-intermedjazzjoni ta’ Internationale Frachtschiffreisen Pfeiffer GmbH, kumpannija internazzjonali li għandha s-sede tagħha fil-Ġermanja (iktar ’il quddiem il-“kumpannija intermedjarja”).

16      Din il-kumpannija intermedjarja, li topera l-attivitajiet tagħha b’mod partikolari permezz tal-internet, iddeskriviet il-vjaġġ fuq is-sit tagħha billi indikat li fuq il‑bastiment hemm ġinnasju, pixxina esterna, salun, l-aċċess għall-vidjo u għat-televiżjoni. Kien ukoll riklamat li hemm tliet kabini doppji li kellhom doċċa u tojlit, salott separat mgħammar b’pultruni, skrivanija, twapet u friġġ kif ukoll waqfiet fil-vjaġġ fejn setgħu jsiru eskursjonijiet fil-belt.

17      P. Pammer irrifjuta li jitla’ fuq il-bastiment u talab ir-rimbors tal-prezz li kien ħallas għal dan il-vjaġġ, għar-raġuni li din id-deskrizzjoni ma kinitx tikkorrispondi, skont hu, għall-kundizzjonijiet offerti fuq il-bastiment. Peress li Reederei Karl Schlüter irrimborsat biss parti minn dan il-prezz, jiġifieri madwar EUR 3 500, P. Pammer talab il-ħlas tal-bilanċ, jiġifieri madwar EUR 5 000, kif ukoll l-interessi marbuta ma’ din is-somma, quddiem qorti Awstrijaka tal-ewwel istanza, il-Bezirksgericht Krems an der Donau.

18      Reederei Karl Schlüter sostniet li hija ma topera ebda attività professjonali jew kummerċjali fl-Awstrija u qajmet eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward tal-imsemmija qorti.

19      Din l-eċċezzjoni ġiet miċħuda fl-ewwel istanza permezz ta’ sentenza tal-Bezirksgericht Krems an der Donau tat-3 ta’ Jannar 2008, peress li din il-qorti ikkunsidrat li għandha ġurisdizzjoni peress li l-kuntratt kien kuntratt konkluż minn konsumatur, jiġifieri vjaġġ għal prezz inklussiv, u li l-kumpannija intermedjarja kienet għamlet attività ta’ reklamar fl-Awstrija, permezz tal-internet, f’isem Reederei Karl Schlüter.

20      Il-Qorti tal-Appell, il-Landesgericht Krems an der Donau, għall-kuntrarju iddikjarat li l-qrati Awstrijaċi ma kellhomx ġurisdizzjoni permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2008, peress li kkunsidrat li l-kuntratt kien jammonta għal kuntratt ta’ trasport li ma huwiex kopert mis-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001. Il-fatt li l-vjaġġ propost, jiġifieri vjaġġ twil mill-Ewropa lejn il‑Lvant Imbiegħed, kellu ċerta kumdità ma jittrasformax il-kuntratt f’kuntratt konkluż minn konsumatur.

21      P. Pammer ippreżentat appell għal “Reviżjoni” kontra l-imsemmija sentenza.

22      L-Oberster Gerichtshof għandha dubji dwar il-kriterji applikabbli għall-kunċett ta “vjaġġ għal prezz inklussiv” u tenfasizza li, f’din il-kawża, tqum id-domanda jekk is-servizzi offruti jitqabblux ma’ kruċiera li b’hekk jista’ jiġi konkluż li hemm “prezz inklussiv” u, għaldaqstant, kuntratt ta’ trasport kopert bl-imsemmija Sezzjoni 4.

23      Fil-każ li jirrigwarda tali kuntratt, l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 jista’ jkun applikabbli u jkun għalhekk utli li jkunu magħrufa l-kriterji li sit internet għandu jissodisfa sabiex l-attivitajiet li jsiru min-negozjant jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “immexxija [immirati] għal” l-Istat Membru tal-konsumatur fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. Il-qorti tar-rinviju enfasizzat, madankollu li, f’din il-kawża, il-qrati tal-ewwel istanza u tal-appell ma għamlu ebda konstatazzjonijiet speċifiċi la dwar il-mod kif il-kuntratt ġie konkluż, la dwar ir‑rwol tas-sit internet, u lanqas, fl-aħħarnett, dwar ir-rabtiet bejn Reederei Karl Schlüter u l-kumpannija intermedjarja.

24      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberster Gerichtsof iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 15(3) [tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001] jista’ jiġi interpretat fis-sens li vjaġġ ‘għal prezz inklussiv’ jinkludi wkoll ‘vjaġġ fuq bastiment tat-tagħbija’?

2)      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, sabiex attività titqies bħala li tkun ‘immexxija’ [destinata] lejn Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) [tar-Regolament Nru 44/2001], huwa biżżejjed li s-sit virtwali tal-aġenzija tal-ivvjaġġar ikun jista’ jiġi kkonsultat fuq l-Internet?”

 Kawża C‑144/09

25      Il-kawża hija bejn Hotel Alpenhof, lukanda li tinsab fl-Awstrija, u konsumatur, O. Heller, residenti fil-Ġermanja.

26      Wara li sar jaf bl-imsemmija lukanda billi kkonsulta s-sit internet tagħha, O. Heller irriżerva diversi kmamar, għal perijodu ta’ ġimgħa, madwar l-1 ta’ Jannar 2008. Din ir-riżerva u l-konferma tagħha saru permezz tal-posta elettronika, peress li s-sit internet tal-lukanda jsemmi indirizz għal dan il-għan.

27      O. Heller kien sab nuqqasijiet fis-servizzi tal-lukanda u telaq mingħajr ma ħallas il-kont minkejja offerta ta’ roħs magħmula mill-Hotel Alpenhof. Din tal-aħħar għaldaqstant ressqet kawża quddiem qorti Awstrijaka, il-Bezirksgericht Sankt Johann im Pongau, sabiex tikseb il-ħlas ta’ somma ta’ madwar EUR 5 000.

28      O. Heller qajjem l-eċċezzjoni tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti fejn saret il‑kawża. Huwa kkunsidra li, bħala konsumatur, huwa jista’ jiġi mħarrek biss fil-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa ddomiċiljat, jiġifieri quddiem il‑qrati Ġermaniżi, skont l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001.

29      Il-Bezirksgericht Sankt Johann im Pongau, permezz ta’ sentenza tal-14 ta’ Lulju 2008, u l-Landesgericht Salzburg, li ddeċidiet l-appell permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, it-tnejn li huma ċaħdu l-kawża li kellhom quddiemhom, peress li kkunsidraw li l-qrati Awstrijaċi ma kellhomx ġurisdizzjoni li jisimgħuha. Huma kkunsidraw li l-kunċett ta’ attività “immexxija [immirata] għal” l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur ikopri kemm l-operazzjoni tas-sit internet interattiv li bih jista’ jiġi konkluż ma’ dan il-konsumatur permezz tal-internet, jiġifieri b’mod elettroniku fuq is-sit stess tal-professjonista, kif ukoll sit internet li ma joffrix din il-possibbiltà u għandu biss reklamar. Fil-fatt, skont dawn il-qrati, anki f’dan l-aħħar każ, l-attività hija mmirata għall-konsumatur fi Stati Membri oħra, meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-reklamar fuq l‑internet jaqsam il-fruntieri. Din il-“mira għall-barrani” tista’ tiġi eskluża biss permezz ta’ dikjarazzjoni espressa dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tan-negozjant ma’ konsumaturi ddomiċiljati f’wieħed jew iktar mill-Istati Membri l‑oħra speċifikati. L-attività se tkun ukoll immirata għall-Istat Membru tal-konsumatur meta dan isir jaf bis-servizzi tan-negozjant grazzi għal sit internet u li r-riżervazzjoni sussegwenti ssir permezz tal-indirizz elettroniku, tal-indirizz ġeografiku jew numru tat-telefon indikat fuq dan is-sit.

30      Hotel Alpenhof ressqet appell għal “Reviżjoni” quddiem il-qorti tar-rinviju.

31      Peress li ma kinitx ċerta li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti risposta għat-tieni domanda fil-Kawża C‑585/08, peress li din ir-risposta tiddependi fuq dik mogħtija għall-ewwel domanda fl-istess kawża, l-Oberster Gerichtshof ikkunsidrat li huwa neċessarju li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-fatt li sit internet ta’ parti li magħha konsumatur ikkonkluda kuntratt jista’ jiġi kkonsultat fuq l-internet huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika konstatazzjoni li attività qed tiġi “diretta [immirata]” skont l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 […]?”.

32      Minħabba x-xebh bejn it-tieni domanda fil-Kawża C‑585/08, u l-unika domanda magħmula fil-Kawża C‑144/09, hemm lok, skont l-Artikolu 43 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li ż-żewġ kawżi jingħaqdu għall-finijiet ta’ din is-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

33      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, fir-rigward tad-data tar-rinviji preliminari, peress li d-domandi saru mill-Oberster Gerichtshof, qorti nazzjonali li kontra d-deċiżjonijiet tagħha ma hemmx rimedju ġudizzjarju skont il-liġi nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l‑interpretazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 skont l-Artikolu 68 KE.

 Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑585/08

34      Permezz tal-ewwel domanda fil-Kawża C-585/08, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk kuntratt li għandu bħala suġġett vjaġġ fuq bastiment tat-tagħbija, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqax taħt il-kuntratti ta’ trasport imsemmija fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

35      Skont l-Artikolu 15(3), huma biss il-kuntratti ta’ trasport, li għal prezz inklussiv, jipprovdu għal taħlita ta’ vjaġġar u ta’ akkomodazzjoni li huma suġġetti għar-regoli tal-ġurisdizzjoni provduti fis-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II tal-imsemmi regolament.

36      Għandu jiġi osservat li l-kuntratti ta’ trasport hawn imsemmija huma qrib dawk korrispondenti għall-kunċett ta’ “vjaġġ kollox kompriż” fid-Direttiva 90/314 li l-qorti tirreferi wkoll espressament għalih fid-deċiżjoni tagħha tar-rinviju.

37      Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, għal servizz li għandu jissejjaħ “pakkett” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 90/314, huwa biżżejjed, minn naħa, li huwa jgħaqqad servizzi turistiċi mibjugħa għal prezz inklussiv li jinkludi tnejn mit-tliet servizzi msemmija f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri it-trasport, l‑akkomodazzjoni u s-servizzi turistiċi l-oħra mhux anċillari għat-trasport jew għall-akkomodazzjoni u li jirrappreżentaw parti sinjifikattiva tal-pakkett, u, min-naħa l-oħra, li dan is-servizz ikun iktar minn 24 siegħa jew jinkludi akkomodazzjoni ta’ bil-lejl (ara s-sentenza tat-30 ta’ April 2002, Club-Tour, C‑400/00, Ġabra p. I‑4051, punt 13).

38      Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għaldaqstant għandu jiġi stabbilit jekk il-kunċett ta “vjaġġ kollox kompriż” li tirreferi għalih il-qorti tar-rinviju u li jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 90/314 huwiex rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(3).

39      Dan il-kunċett ma jinsabx fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għalkemm huwa sussegwenti għad-Direttiva 90/314. Kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea uża, għall-finijiet tar-Regolament Nru 44/2001, termini kważi identiċi għal dawk li kienu jeżistu fil-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għal obbligazzjonijiet kuntrattwali, miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU L 266, p. 1). Fl-2008, din il-konvenzjoni ġiet sostitwita bir-Regolament Nru 593/2008, li, fl-Artikolu 6(4)(b) jirreferi espressament għall-kunċett ta’ “vjaġġ b’kollox kompriż” fis-sens tad-Direttiva 90/314.

40      L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 593/2008 jirrigwarda l-liġi applikabbli għall-kuntratti konklużi mal-konsumatur u l-Artikolu 4(b) huwa intiż li jeskludi minn dawn tal-aħħar il-kuntratti ta’ trasport, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jissodisfaw id‑definizzjoni ta’ “vjaġġi kollox kompriż” fis-sens tad-Direttiva 90/314.

41      Mill-viċinanza bejn kuntratti ta’ trasport imsemmija fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 44/2001 u dawk imsemmija fl-Artikolu 6(4)(b) tar-Regolament Nru 593/2008 jsegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu intenzjoni li jkopri l-istess tipi ta’ kuntratti, jiġifieri dawk li jistgħu jiġu rregolati minn regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur provduti rispettivament f’dawn iż-żewġ regolamenti.

42      Dan il-għan jirriżulta wkoll mill-premessa 7 tar-Regolament Nru 593/2008, li jgħid li l-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir‑regolament għandhom ikunu konsistenti ma’ dawk tar-Regolament Nru 44/2001.

43      Konsegwentement, l-imsemmi Artikolu 15(3) għandu jiġi interpretat billi tittieħed inkunsiderazzjoni d-dispożizzjoni korrispondenti li tinsab fir-Regolament Nru 593/2008 u għandu jsir riferiment għad-definizzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż li għalih jirreferi r-regolament. Fil-fatt, l-ewwel nett, din hija definizzjoni li tinsab f’direttiva speċifikament intiża sabiex tipproteġi lill-konsumatur b’mod partikolari fil-qasam tal-vjaġġi kollox kompriż. Sussegwentement, ir-regolament l-iktar reċenti, jiġifieri r-Regolament Nru 593/2008, jirreferi espressament għal din id‑definizzjoni. Fl-aħħar nett, fl-ispjegazzjoni tar-raġunijiet tal-proposta tar-Regolament tal-Kunsill (KE) dwar il-ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali [COM(1999) 348 finali], il‑Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej użat it-terminu “vjaġġ kollox kompriż” u rreferiet espressament għad-Direttiva 90/314 sabiex tispjega l-abbozz tagħha tal-Artikolu 15(3), li t-termini tagħha baqgħu mhux mibdula fil-verżjoni finali tar-Regolament Nru 44/2001.

44      Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk vjaġġ fuq bastiment tat-tagħbija bħal dak inkwistjoni fil-prinċipali jikkorrispondix għall-kunċett ta’ “vjaġġ kollox kompriż” kif definit fid-Direttiva 90/314.

45      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li, barra t-trasport, l-imsemmi vjaġġ ta’ tagħbija jinkludi, għal prezz inklussiv, ukoll l-akkomodazzjoni u dan il-vjaġġ ikun jeċċedi 24 siegħa. Għaldaqstant, tali servizz jissodisfa l-kundizzjonijiet rikjesti sabiex jikkostitwixxi “pakkett” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 90/314 u jaqa’ taħt id-definizzjoni tal-kuntratt ta’ trasport għal prezz inklussiv imsemmi fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 44/2001, moqri fid-dawl ta’ dan l‑Artikolu 2(1).

46      Konsegwentement, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑585/08 li kuntratt li għandu bħala suġġett vjaġġ fuq bastiment ta’ tagħbija, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxi kuntratt ta’ trasport, li għal prezz inklussiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġ u akkomodazzjoni fis-sens tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

 Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C‑585/08 u l-unika domanda fil-Kawża C‑144/09

47      Permezz tat-tieni domanda fil-Kawża C‑585/08 u l-unika domanda fil-Kawża C‑144/09, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essensjalment, minn naħa, skont liema kriterji negozjant, li l-attività tiegħu hija ppreżentata fuq is-sit internet tiegħu jew fuq dak tal-intermedjarju tiegħu, jista’ jiġi kkunsidrat bħal li “jmexxi [jimmira]” l‑attività tiegħu lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konsumatur għandu d‑domiċilju tiegħu fis-sens tal-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament Nru 44/2001, u, min-naħa l-oħra, huwa biżżejjed, sabiex din l-attività tiġi kkunsidrata bħala tali, li dawn is-siti jistgħu jiġu kkonsultati fuq l-internet.

48      Kif jirriżulta mid-deċiżjonijiet tal-qorti tar-rinviju, din id-domanda hija magħmula fil-kuntest taż-żewġ kawżi distinti.

49      Fil-Kawża C‑585/08, il-kawża tinvolvi negozjant, Reederei Karl Schlüter, li kkonkluda kuntratt ma’ konsumatur, P. Pammer, iddomiċiljat fi Stat Membru barra minn dak fejn din il-kumpannija hija stabbilita. Ma huwiex, apparentament, ikkontestat li dan il-kuntratt huwa parti mill-attivitajiet kummerċjali ta’ dan in‑negozjant.

50      Skont l-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja minn P. Pammer, huwa ġie mgħarraf bl-eżistenza tal-vjaġġ billi żar is-sit internet tal-kumpannija intermedjarja li fuqu jinsabu offerti varji ta’ vjaġġar. Inizjalment huwa kkuntattja lil dan tal-aħħar bil-posta elettronika sabiex jikseb informazzjoni ulterjuri u, min-naħa l-oħra, irriżerva l-vjaġġ permezz tal-posta normali.

51      Fil-Kawża C‑144/09, il-kawża tinvolvi nogozjant, Hotel Alpenhof, li kkonkludiet kuntratt fil-kuntest tal-attivitajiet kummerċjali tagħha ma’ konsumatur, O. Heller, domiċiljat fi Stat Membru ieħor għajr barra minn dak fejn tinsab il-lukanda. Huwa paċifiku li O. Heller kien mgħarraf bl-eżistenza ta’ din il-lukanda, li huwa għamel ir-riżervazzjoni tiegħu u kkonfermaha, mill-bogħod, permezz tal-internet.

52      Fiż-żewġ każijiet, l-Oberster Gerichtshof tfittex li tevalwa jekk in-negozjant immirax l-attivitajiet tiegħu lejn l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l‑konsumatur għandu d-domiċilju tiegħu fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) Regolament Nru 44/2001 sabiex tiġi ddeterminata l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex taqta’ l-kawżi prinċipali.

53      L-imsemmi Artikolu 15(1)(ċ) jikkostiwixxi deroga kemm għar-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-konvenut ikun iddomiċiljat, kif ukoll għar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam tal-kuntratti, stabbilita fl-Artikolu 5(1) ta’ dan l-istess regolament, li bih il-qorti li għandha ġurisdizzjoni hija dik tal-post fejn obbligazzjoni li hija l-bażi tat-talba kienet jew għandha tiġi eżegwita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, Gruber, C‑464/01, Ġabra p. I‑439, punt 34).

54      Jekk l-attività tan-negozjant kienet ikkunsidrata bħala “diretta [immirata] lil” l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konsumatur huwa ddomiċiljat, fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, minn dan jirriżulta, fil-Kawża C‑585/08 bejn P. Pammer u r-Reederei Karl Schlüter, li l-qrati Awstrijaċi għandhom ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament, peress li l‑konsumatur jagħżel li jressaq il-kawża quddiemhom u mhux quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-konvenut, Reederei Karl Schlüter, jiġifieri l‑qrati Ġermaniżi. Fil-Kawża C‑144/09, peress li l-konsumatur, O. Heller, huwa ddomiċiljat fil-Ġermanja, il-qrati ta’ dak l-Istat għandhom ġurisdizzjoni skont l‑Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament u mhux dawk tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab Hotel Alpenhof, f’din il-kawża l-Awstrija.

55      Ir-Regolament Nru 44/2001 ma għandu ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ attività “diretta [immirata] għal” l-Istat Membru li l-konsumatur ikun domiċiljat fit-territorju tiegħu, elenkat fl-Artikolu 15(1)(ċ). Dan il-kunċett, bħal dawk tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li dan l-Artikolu 15 jissostitwixxi, għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu, billi jsir riferiment prinċipalment għas-sistema u għall-għanijiet ta’ dan ir-regolament, sabiex jiġi żgurat li huwa kompletament effettiv (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Gabriel, C‑96/00, Ġabra p. I‑6367, punt 37).

56      F’dan ir-rigward għandha, skont il-premessa 19 tar-Regolament Nru 44/2001, tittieħed inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat lill-imsemmi Artikolu 13, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tibdiliet li saru minn dan ir-regolament.

57      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fis-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 44/2001, l-Artikolu 15(1)(ċ) għandu, kif ukoll jirriżulta mill-premessa 13 tiegħu, l-istess post u jissodisfa l-istess funzjoni ta’ protezzjoni tal-parti l-iktar dgħajfa bħall‑punt 3 tal-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (sentenza tal-14 ta’ Mejju 2009, Ilsinger, C‑180/06, Ġabra p. I‑3961, punt 41).

58      Rigward din l-aħħar dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li s-sistema partikolari stabbilita mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell dwar il-ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi għandha l‑għan li tiżgura protezzjoni adegwata lill-konsumatur bħala parti f’kuntratt meqjusa ekonomikament iktar dgħajfa u legalment b’inqas esperjenzja mill-parti kontraenti professjonali l-oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Gruber, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34, u tal-20 ta’ Jannar 2005, Engler, C‑27/02, Ġabra p. I‑481, punt 39).

59      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll, fil-punt 48 tas-sentenza Ilsinger, iċċitata iktar ’il fuq, li l-formulazzjoni tal-Artikolu 15(1) tar‑Regolament Nru 44/2001, ma hijiex identika għal kollox għal dik tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal‑Konvenzjoni ta’ Brussell. B’mod partikolari, hija kkunsidrat, fil-punt 50 tal-imsemmija sentenza, li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni li l-kuntratti konklużi mal-konsumatur għandhom jissodisfaw huma minn issa ’l quddiem ifformulati b’mod iktar ġenerali minn qabel, sabiex tiġi żgurata protezzjoni aħjar tal-konsumatur fid‑dawl tal-mezzi ġodda ta’ komunikazzjoni u tal-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku.

60      Il-leġiżlatur tal-Unjoni b’hekk issostitwixxa l-kundizzjonijiet imposti minn naħa, fuq in-negozjant, li b’mod speċjali jkun għamel proposta jew immira reklamar fl-Istat ta’ domiċilju tal-konsumatur u, min-naħa l-oħra, fuq il-konsumatur li jkun wettaq f’dan l-Istat l-atti neċessarji għall-konklużjoni tal-kuntratt permezz ta’ kundizzjonijiet applikabbli biss għan-negozjant. F’dan ir-rigward, dan tal-aħħar għandu jeżerċita l-attivitajiet kummerċjali tiegħu fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konsumatur għandu d-domiċilju tiegħu jew, b’xi mezzi oħra, jimmira dawn l-attivitajiet għal dan l-Istat Membru jew għal diversi Stati, inkluż dan l-Istat Membru, u l-kuntratt għandu jkun parti mill-kuntest ta’ tali attivitajiet.

61      Il-formulazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) għandha tiġi kkunsidrata bħala li tinkludi l‑kunċetti u tissostitwixxi l-kunċetti preċedenti ta’ “proposta speċifika” u ta’ “reklamar” billi jkopru, kif jindikaw it-termini b “xi meżżi”, firxa iktar wiesgħa ta’ attivitajiet.

62      Din il-bidla, li ssaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur, isseħħ minħabba l-iżvilupp tal-komunikazzjoni permezz tal-internet li jagħmilha iktar diffiċli li jiġi ddeterminat il-post fejn jitwettqu l-atti neċessarji għall-konklużjoni tal-kuntratt, filwaqt li tiżdied il-vulnerabbiltà tal-konsumatur fir-rigward tal-offerti tan-negozjant.

63      Madankollu mill-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament 44/2001 jirriżulta li t-termini “imexxi [jimmira] tali attivitajiet għal” jirreferu għar-rieda tan-negozjant li jimmira għal wieħed jew iktar Stati Membri oħra jew jekk huma jirrigwardaw sempliċiment attività de facto għal dawn l-Istati, indipendtement minn tali rieda.

64      Id-domanda hekk magħmula hija dik dwar jekk ir-rieda tan-negozjant li jimmira għal wieħed jew iktar Stati Membri hijiex rikjesta u, jekk ikun il-każ, taħt liema forma tali intenzjoni għandha tkun manifesta.

65      Din ir-rieda hija impliċita f’xi modi ta’ reklamar.

66      Rigward il-kunċetti ta “reklamar” u “proposta speċifika” fis-sens tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dawn kienu intiżi għall-forom kollha ta’ reklamar fl-Istat kontraenti fejn il-konsumatur huwa ddomiċiljat, kemm jekk huwa mxandar b’mod ġenerali permezz tal-istampa, tar-radju, tat-televiżjoni, taċ-ċinema jew ta’ kwalunkwe mezz ieħor jew indirizzat direttament, pereżempju permezz ta’ katalgi mmirati speċifikament għal dak l‑Istat, kif ukoll il-proposti ta’ negozju mressqa individwalment lill-konsumatur, b’mod partikolari permezz ta’ aġent jew ta’ lawżar (sentenza Gabriel, iċċitata iktar ’il fuq punt 44).

67      Il-modi ta’ reklamar tradizzjonali msemmija espliċitament fil-punt preċedenti jinvolvu l-infiq ta’ spejjeż kultant sinjfikattivi min-negozjant sabiex isir magħruf fi Stati Membri oħra u juri, minn dan l-istess fatt, rieda tan-negozjant li jimmira l‑attività tiegħu għal dawn tal-aħħar.

68      Din ir-rieda ma hijiex, għall-kuntrarju, dejjem preżenti fil-każ ta’ reklamar permezz tal-internet. Peress li dan il-mod ta’ komunikazzjoni huwa ta’ portata dinjija min-natura tiegħu, reklam fuq sit internet minn negozjant huwa fil-prinċipju aċċessibbli fl-Istati kollha u, konsegwentement, mill-Unjoni Ewropea kollha mingħajr ma jkun neċessarju li jintefqu spejjeż addizzjonali u indipendentement mir-rieda tan-negozjant li jimmira jew le għal konsumaturi lil hinn mit-territorju tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit.

69      Dan ma jirriżultax li t-termini “imexxi [jimmira] tali attivitajiet għal” bħala li jirreferu għall-aċċessibbiltà sempliċi ta’ sit internet fl-Istati Membri oħra minbarra dak fejn in-negozjant ikkonċernat huwa stabbilit.

70      Fil-fatt, minkejja li ma hemmx dubju li l-Artikoli 15(1)(ċ) u 16 tar-Regolament Nru 44/2001 huma intiżi sabiex jipproteġu lill-konsumaturi, dan ma jfissirx li din il-protezzjoni hija assoluta [ara, b’analoġija, rigward id-Direttiva tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 1985 biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mil-lok tan-negozju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 262), is-sentenza tal-15 ta’ April 2010, E. Friz, C‑215/08, Ġabra p. I-2947, punt 44].

71      Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, kieku din kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, kien jagħmel kundizzjoni ta’ applikazzjoni tar-regoli li jikkonċernaw kuntratti konklużi mill-konsumaturi mhux it-“tmexxija [immirar] ta’ attivitajiet għal Stat Membru”, iżda l-eżistenza sempliċi tas-sit internet .

72      Issa, filwaqt li jfittex l-iktar il-protezzjoni tal-konsumatur, l-imsemmi leġiżlatur ma marx sal-punt li jistabbilixxi li s-sempliċi użu ta’ sit internet, li sar mezz komuni sabiex isir kummerċ, irrispettivament mit-territorju kkonċernat, jikkostitwixxi attività “immexxija [immirata] għal” Stati Membri oħra li jagħti lok għall-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni ta’ protezzjoni li hemm fl-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001.

73      B’hekk mill-abozz tar-regolament imsemmi fil-punt 43 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni warrab suġġeriment mill-Kummissjoni intiż li jiddaħħal fir-Regolament Nru 44/2001, premessa li biha l-kummerċjalizzazzjoni ta’ oġġetti jew ta’ servizzi b’mezz elettroniku aċċessibbli fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxi attività “immexxija [immirata] għal” dan l-Istat.

74      Din l-interpretazzjoni hija kkorraborata wkoll mid-dikjarazzjoni adottata b’mod konġunt mill-Kunsill u mill-Kummissjoni waqt l-adozzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 u riprodotta fil-premessa 24 tar-Regolament Nru 593/2008, li biha s‑sempliċi fatt li sit internet huwa aċċessibbli ma huwiex biżżejjed biex l‑Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 ikun applikabbli.

75      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, għall-finijiet tal-applikabbiltà tal-imsemmi Artikolu 15(1)(ċ), in-negozjant għandu juri r-rieda tiegħu li jistabbilixxi relazzjonijiet kummerċjali mal-konsumaturi ta’ wieħed jew iktar Stati Membri, li fosthom hemm dak li fih il-konsumatur għandu d-domiċilju tiegħu.

76      Għaldaqstant għandu jkun magħruf, rigward kuntratt li sar bejn negozjant u konsumatur speċifiku, jekk, qabel il-konklużjoni eventwali tal-kuntratt ma’ dan il‑konsumatur, kienx hemm indikazzjonijiet li juru li n-negozjant kellu l-intenzjoni li jagħmel kummerċ ma’ konsumaturi domiċiljati fi Stati Membri oħra, fosthom dak li fit-territorju tiegħu dan il-konsumatur għandu d-domiċilju tiegħu, fis-sens li kien dispost li jikkonkludi kuntratt ma’ dawn il-konsumaturi.

77      Fost tali indikazzjonijiet ma hijiex inkluża indikazzjoni fuq sit internet tal-indirizz elettroniku jew ġeografiku tan-negozjant u lanqas l-indikazzjoni tan-numri tat-telefon tiegħu mingħajr prefiss internazzjonali. Fil-fatt, il-fatt tal-indikazzjoni ta’ tali informazzjoni ma jindikax li n-negozjant jimmira l-attività tiegħu lejn wieħed jew iktar Stati Membri oħra, peress li tali informazzjoni hija, fi kwalunkwe każ, neċessarja sabiex konsumatur domiċiljat fit-territorju tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit dan in-negozjant ikun jista jidħol f’relazzjoni ma’ dan tal-aħħar.

78      Barra min hekk, rigward servizzi offruti permezz tal-internet, parti minn din l‑informazzjoni saret obbligatorja. Kif diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 5(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399) il-fornitur ta’ servizzi huwa obbligat li jagħti lil dawk li jirċievu s‑servizz, qabel kwalunkwe konklużjoni ta’ kuntratt ma’ dawn tal-aħħar, minbarra l-indirizz tiegħu ta’ posta elettronika, informazzjoni oħra li tippermetti li jsir kuntatt rapidu kif ukoll komunikazzjoni diretta u effettiva (sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2008, Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände, C‑298/07, Ġabra p. I‑7841, punt 40). Dan l-obbligu japplika jkun liema jkun l-Istat Membru li lejh in-negozjant jimmira l-attività tiegħu u anki jekk dan huwa mmirat biss lejn it-territorju tal-Istat Membru li fih dan in-negozjant huwa stabbilit.

79      Minn dan isegwi li d-distinzjoni magħmula minn xi wħud mill-gvernijiet u minn xi wħud mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bejn is-siti tal-internet li jippermettu li jiġu kkuntattjati s-siti tan-negozjanti permezz tal-posta elettronika, inkluż ukoll li jiġi konkluż kuntratt permezz ta’ sit imsejjaħ “interattiv”, u s-siti tal-internet li ma joffrux din il‑possibbiltà, distinzjoni li biha tal-ewwel biss jiġu inklużi fil-kategorija ta’ dawk li jeżerċitaw attività “immexxija [immirata] għal” Stati Membri oħra, ma hijiex determinanti. Ġaladarba indirizz ġeografiku jew informazzjoni oħra ta’ kuntatt tan-negozjant huma indikati, il-konsumatur għandu, fil-fatt, il-fakultà li jikkuntattjah sabiex jiġi konkluż kuntratt. Issa, din il-faċilità ta’ kuntatt teżisti, kemm meta n-negozjant kellu l-intenzjoni u kemm jekk ma kellux l-intenzjoni li jagħmel kummerċ ma’ konsumaturi domiċiljati fi Stat Membru barra minn dak li fit-territorju tiegħu huwa stabbilit.

80      Fost l-indikazzjonijiet li bihom jista’ jiġi ddeterminat jekk attività tkunx “immexxija [immirata] għal” l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konsumatur għandu d-domiċilju tiegħu, hemm l-espressjonijiet manifesti tar-rieda li jagħmel kummerċ mal-konsumaturi f’dan l-Istat Membru.

81      Fost espressjonijiet manifesti ta’ tali rieda tan-negozjant hemm li dan tal-aħħar jgħid li joffri s-servizzi tiegħu jew l-oġġetti f’wieħed jew iktar Stati Membri msemmija indikati. Dan japplika wkoll għall-impenn għal infiq f’servizz ta’ riferiment fuq l-internet mill-operatur ta’ mutur ta’ riċerka (search engine) sabiex jiffaċilita lill-konsumaturi domiċiljati fi Stati Membri l-aċċess għas-sit internet tan-negozjant, li juri wkoll l-eżistenza ta’ tali rieda.

82      Madankollu, il-karatterizzazzjoni ta’ attività “immexxija [immirata] għal” Stati Membri oħra ma tiddependix biss fuq l-eżistenza ta’ indikazzjonijiet tant evidenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Parlament Ewropew, permezz ta’ riżoluzzjoni leġiżlattiva dwar ir-regolament propost imsemmi fil-punt 43 ta’ din is-sentenza (ĠU 2001, C 146, p. 101), ċaħad formulazzjoni li biha n-negozjant kellu jkollu “l-intenzjoni li jimmira l-attività tiegħu, b’mod sostanzjali”, lejn Stati Membri oħra jew lejn diversi pajjiżi, fosthom l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konsumatur għandu d-domiċilju tiegħu. Fil-fatt, tali formulazzjoni għandha l‑konsegwenza li ddgħajjef il-protezzjoni tal-konsumatur billi tiġi rikjesta l-prova ta’ rieda min-naħa tan-negozjant sabiex tiġi żviluppata attività ta’ ċerta kobor ma’ dawn l-Istati Membri l-oħra.

83      Indikazzjonijiet oħra li eventwalment jistgħu jingħaqdu ma’ xulxin jistgħu juru l‑eżistenza ta’ attività “immexxija [immirata] għal” lejn l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur. F’każijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali, għandhom jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi li ġejjin, allegati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l‑lista tagħhom ma hijiex eżawrjenti, jikkostitwixxu, b’riżerva ta’ verifika tal-eżistenza tagħhom mill-qorti nazzjonali, sinjali ta’ attività “immexxija [immirati]” għal wieħed jew iktar mill-Istati Membri l-oħra fis-sens tal-Artikolu 15(1))(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001. Din hija n-natura internazzjonali tal-attività inkwistjoni, bħal xi attivitajiet turistiċi, l-indikazzjoni tan-numru tat-telefon bl-indikazzjoni tal-prefiss internazzjonali, l-użu ta’ isem ta’ dominju tal-ogħla livell barra dak tal-Istat Membru fejn in-negozjant huwa stabbilit, pereżempju “.de” jew anki l-użu ta’ ismijiet ta’ dominju fl-ogħla livell newtrali bħal “.com” jew “.eu”, id‑deskrizzjoni ta’ rotot minn wieħed jew iktar mill-Istati Membri l-oħra lejn il‑post tal-provvista tas-servizz kif ukoll l-indikazzjoni ta’ klijentela internazzjonali li tikkonsisti minn klijenti domiċiljati fi Stati Membri differenti, b’mod partikolari permezz tal-preżentazzjoni ta’ xhieda ta’ tali klijenti.

84      F’dak li jikkonċerna l-lingwa jew il-munita użata, id-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 11 ta’ din is-sentenza u riprodotta fil-premessa 24 tar-Regolament Nru 593/2008, tistabbilixxi li dawn ma jikkostitwixxux elementi rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ jekk attività hijiex immirata lejn wieħed jew iktar Stati Membri oħra. Dan japplika wkoll, fil-fatt, meta huwa jikkorrispondi għal-lingwi użati normalment fl-Istat Membru li minnu n-negozjant jeżerċita l-attività tiegħu u għal-munita ta’ dak l-Istat Membru. Jekk, għall-kuntrarju, is-sit internet jippermetti lill-konsumaturi li jużaw lingwa oħra jew munita oħra barra minn dawn, il-lingwa u/jew il-munita jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni u jikkostitwixxu indikazzjoni sabiex jiġi kkunsidrat li l-attività tan-negozjant hija mmirata għal Stati Membri oħra.

85      F’kawża bħal dik bejn Hotel Alpenhof u O. Heller, jidher li hemm diversi indikazzjonijiet fosthom dawk stabbiliti minn dawk li jinsabu fil-punti 83 u 84 ta’ din is-sentenza tali li juru li n-negozjant immira l-attivitajiet tiegħu għal wieħed jew iktar Stati Membri barra r-Repubblika tal-Awstrija. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li dan huwa l-każ.

86      Hotel Alpenhof madankollu ssostni li l-kuntratt mal-konsumatur huwa konkluż fuq il-post u mhux mill-bogħod, ir-ritorn taċ-ċwievet tal-kmamar u l-ħlas saru fuq il‑post, u li, għaldaqstant, l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jistax japplika.

87      F’dan ir-rigward, il-fatt li ċ-ċwievet ġew ritornati lill-konsumatur u li l-ħlas sar minn dan tal-aħħar fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu n-negozjant ikun stabbilit ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, jekk ir‑riżervazzjoni u l-konferma tagħhom saru mill-bogħod, hekk li l-konsumatur huwa impenjat kuntrattwalment mill-bogħod.

88      Fil-Kawża C‑585/08 bejn P. Pammer u Reederei Karl Schlüter, il-qorti tar-rinviju setgħet tipprovdi biss ftit informazzjoni dwar l-attività ta’ din il-kumpannija, is-sit tal-kumpannija intermedjarja u r-relazzjoni ta’ din tal-aħħar u Reederei Karl Schlüter.

89      Il-fatt li s-sit internet huwa dak tal-kumpannija intermedjarja u mhux tan-negozjant ma jipprekludix li dan tal-aħħar jiġi kkunsidrat bħala li jimmira l‑attività tiegħu għal Stati Membri oħra, fosthom dak tad-domiċilju tal-konsumatur, peress li din il-kumpannija kienet qed taġixxi f’isem u għan-nom tal-imsemmi negozjant. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistħarreġ jekk dan tal-aħħar kien jew messu kien jaf bid-dimensjoni internazzjonali tal-attività tal-kumpannija intermedjarja u liema rabta torbot din tal-aħħar ma’ dan in-negozjant.

90      In-natura internazzjonali tal-attività inkwistjoni, jiġifieri l-organizzazzjoni ta’ vjaġġ fuq bastiment tat-tagħbija mill-Ewropa lejn il-Lvant Imbiegħed, huwa indikazzjoni rilevanti, imma ma tippermettix, waħedha, li jiġi kkunsidrat li n‑negozjant ikun immira l-attività tiegħu lejn Stati Membri oħra, fosthom dak tad-domiċilju tal-konsumatur. Fil-fatt, l-attività tan-negozjant għandha din il‑karatteristika anki jekk dan tal-aħħar, waħdu jew permezz tal-kumpannija intermedjarja, jeżerċita l-attività tiegħu fil-Ġermanja biss u ma jimmirax għal Stati Membri oħra. Konsegwentement, indikazzjonijiet oħra, b’mod partikolari fosthom dawk imsemmija fil-punti 83 u 84 ta’ din is-sentenza, għandhom neċessarjament jeżistu, bħall-indikazzjoni tan-numru tat-telefon flimkien mal-indikazzjoni tal-prefiss internazzjonali, l-użu ta’ lingwa barra mill-Ġermaniż jew l-indikazzjoni ta’ klijentela internazzjonali li tikkonsisti minn klijenti domiċiljati fi Stati Membri differenti sabiex jġi stabbilit li n-negozjant kellu l-intenzjoni li jagħmel kummerċ ma’ klijenti domiċiljati fl-Unjoni, ikun liema jkun l-Istat Membru.

91      Għall-kuntrarju, riferiment għall-indirizz elettroniku jew ġeografiku tal-kumpannija intermedjarja jew tan-negozjant ma tkunx indikazzjoni rilevanti, kif jirriżulta mill-punt 77 ta’ din is-sentenza. Dan jgħodd ukoll għall-użu tal-lingwa Ġermaniża u għall-fakultà li jiġi riżervat vjaġġ f’din il-lingwa, meta din hija l‑lingwa tan-negozjant.

92      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju li, sabiex jiġi ddeterminat jekk negozjant, li l-attività tiegħu hija ppreżentata fuq sit internet, jistax jiġi kkunsidrat bħala li “imexxi [jimmira]” l‑attività tiegħu lejn l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konsumatur għandu d‑domiċilju tiegħu fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jiġi vverifikat jekk, qabel il-konklużjoni eventwali ta’ kuntratt mal-konsumatur, minn dawn is-siti tal-internet u mill-attività globali tan-negozjant jirriżulta li din tal-aħħar kienet tikkunsidra kummerċ mal-konsumaturi domiċiljati f’wieħed jew iktar Stati Membri, fosthom dak li fih il-konsumatur għandu d‑domiċilju tiegħu, fis-sens li huwa kien lest li jikkonkludi kuntratt magħhom.

93      L-elementi li ġejjin, li l-lista tagħhom ma hijiex eżawrjenti, jistgħu jikkostitwixxu indikazzjonijiet li bihom jista’ jiġi kkunsidrat li l-attività ta’ negozjant hija mmirata lejn l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur, jiġifieri n-natura internazzjonali tal-attività, l-indikazzjoni ta’ rotot minn Stati Membri oħra sabiex jintlaħaq il-post fejn in-negozjant huwa stabbilit, l-użu ta’ lingwa jew ta’ munita oħra minbarra l-lingwa jew il-munita normalment użati fl-Istat Membru li fih in‑negozjant huwa stabbilit bil-possibbilità ta’ riżervazzjoni u ta’ konferma tar-riżervazzjoni f’din il-lingwa l-oħra, l-indikazzjoni ta’ numri tat-telefon flimkien mal-indikazzjoni ta’ prefiss internazzjonali, l-infiq ta’ spiża għal servizz ta’ riferiment fuq l-Internet sabiex jiffaċilita għall-konsumaturi domiċiljati fi Stati Membri oħra l-aċċess għas-sit tan-negozjant jew dak tal-intermedjarju tiegħu, l-użu ta’ isem ta’ dominju tal-ogħla livell minbarra dak tal-Istat Membru fejn in-negozjant huwa stabbilit u l-indikazzjoni ta’ klijentela internazzjonali li tikkonsisti minn klijenti domiċiljati fi Stati Membri differenti. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika l-eżistenza ta’ tali indikjazzjonijiet.

94      Għall-kuntrarju, is-sempliċi aċċessibbiltà tas-sit internet tan-negozjant jew tal-intermedjarju fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konsumatur ikun domiċiljat huwa insuffiċjenti. Dan japplika wkoll għall-indikazzjoni ta’ indirizz elettroniku kif ukoll ta’ dettalji oħra jew l-użu ta’ lingwa jew ta’ munita li huma l-lingwa u/jew il-munita normalment użati fl-Istat Membru li fih in-negozjant huwa stabbilit.

 Fuq l-ispejjeż

95      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Kuntratt li għandu bħala suġġett vjaġġ fuq bastiment ta’ tagħbija, bħal dak inkwistjoni fil-Kawża prinċipali C-585/08, jikkostitwixxi kuntratt ta’ trasport, li għal prezz inklussiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġ u akkomodazzjoni fis-sens tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali.

2)      Sabiex jiġi ddeterminat jekk negozjant, li l-attività tiegħu hija ppreżentata fuq sit internet, jistax jiġi kkunsidrat bħala li “imexxi [jimmira]” l-attività tiegħu lejn l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l‑konsumatur għandu d-domiċilju tiegħu fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jiġi vverifikat jekk, qabel il‑konklużjoni eventwali ta’ kuntratt mal-konsumatur, minn dawn is-siti tal-internet u mill-attività globali tan-negozjant jirriżulta li din tal-aħħar kienet tikkunsidra kummerċ mal-konsumaturi domiċiljati f’wieħed jew iktar Stati Membri, fosthom dak li fih il-konsumatur għandu d-domiċilju tiegħu, fis-sens li huwa kien lest li jikkonkludi kuntratt magħhom.

L-elementi li ġejjin, li l-lista tagħhom ma hijiex eżawrjenti, jistgħu jikkostitwixxu indikazzjonijiet li bihom jista’ jiġi kkunsidrat li l-attività ta’ negozjant hija mmirata lejn l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur, jiġifieri n-natura internazzjonali tal-attività, l-indikazzjoni ta’ rotot minn Stati Membri oħra sabiex jintlaħaq il-post fejn in‑negozjant huwa stabbilit, l-użu ta’ lingwa jew ta’ munita oħra minbarra l‑lingwa jew il-munita normalment użata fl-Istat Membru li fih in‑negozjant huwa stabbilit bil-possibbiltà ta’ riżervazzjoni u ta’ konferma tar-riżervazzjoni f’din il-lingwa, l-indikazzjoni ta’ numru tat-telefon flimkien mal-indikazzjoni ta’ prefiss internazzjonali, l-infiq ta’ spiża għal servizz ta’ riferiment fuq l-internet sabiex jiffaċilita għall-konsumaturi domiċiljati fi Stati Membri oħra l-aċċess għas-sit tan-negozjant jew dak tal-intermedjarju tiegħu, l-użu ta’ isem ta’ dominju tal-ogħla livell minbarra dak tal-Istat Membru fejn in-negozjant huwa stabbilit u l-indikazzjoni ta’ klijentela internazzjonali li tikkonsisti minn klijenti domiċiljati fi Stati Membri differenti. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika l-eżistenza ta’ tali indikjazzjonijiet.

Għall-kuntrarju, l-aċċessibbiltà tas-sit internet tan-negozjant jew tal-intermedjarju fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konsumatur ikun domiċiljat huwa insuffiċjenti. Dan japplika wkoll għall-indikazzjoni ta’ indirizz elettroniku kif ukoll ta’ dettalji oħra jew l-użu ta’ lingwa jew ta’ munita li huma l-lingwa u/jew il-munita normalment użati fl-Istat Membru li fih in-negozjant huwa stabbilit.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.