Kawża C-542/08

Friedrich G. Barth

vs

Bundesministerium für Wissenschaft und Forschung

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija))

“Moviment liberu tal-persuni — Ħaddiema — Trattament ugwali — Allowance speċjali ta’ anzjanità ta’ professuri universitarji prevista f’leġiżlazzjoni nazzjonali li l-inkompatibbiltà tagħha mad-dritt Komunitarju ġiet ikkonstatata b’sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja — Terminu ta’ preskrizzjoni — Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività”

Sommarju tas-sentenza

Dritt tal-Unjoni — Effett dirett — Drittijiet individwali — Salvagwardja mill-qrati nazzjonali — Regoli proċedurali nazzjonali — Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni — Osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività

Id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix leġiżlazzjoni, li tissuġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin, it-talbiet għall-ħlas ta’ allowances speċjali ta’ anzjanità li ġie mċaħħad minnhom ħaddiem li jkun eżerċita d-drittijiet tiegħu għall-moviment liberu, qabel ma ġiet deċiża s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01), minħabba l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli mad-dritt Komunitarju.

Fil-fatt, hija s-sistema legali nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li għandha tirregola tali regola proċedurali, sa kemm, minn naħa, tali regola ma hijiex inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura domestika (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, ma tagħmilx, fil-prattika, impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività).

F’dan ir-rigward, regola ta’ preskrizzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata li tmur kontra l-prinċipju ta’ ekwivalenza fil-każ li, minbarra regola ta’ preskrizzjoni, applikabbli għar-rikorsi intiżi li jiżguraw, fid-dritt nazzjonali, is-salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi jinvokaw mid-dritt tal-Unjoni, teżisti regola ta’ preskrizzjoni applikabbli għar-rikorsi ta’ natura domestika u jekk, fir-rigward tas-suġġett u tal-elementi essenzjali tagħhom, iż-żewġ regoli ta’ preskrizzjoni jistgħu jiġu kkunsidrati li huma simili.

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni l-iffissar ta’ termini raġonevoli għall-preżentata ta’ rikors taħt piena ta’ dekadenza fl-interess taċ-ċertezza legali li tipproteġi kemm lill-persuni kkonċernati kif ukoll lill-amministrazzjoni kkonċernata. Fil-fatt, tali termini ma humiex ta’ natura li jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali tal-Unjoin. F’dan ir-rigward, terminu nazzjonali ta’ dekadenza ta’ tliet snin jidher raġonevoli.

Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l-effetti tas-sentenza Köbler kienu seħħew mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-regola interpretata, peress li l-imsemmija effetti ma kinux limitati ratione temporis mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ regola proċedurali, bħat-terminu ta’ preskrizzjoni, ma tistax tiġi konfuża ma’ limitazzjoni tal-effetti ta’ sentenza ta’ Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

Barra minn hekk, id-dritt tal-Unjoni ma jipprojbixxix lil Stat Membru li jipprekludi terminu ta’ dekadenza għal talba intiża li tinkiseb allowance speċjali ta’ anzjanità li, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, ma ngħatatx, anki jekk dan l-Istat Membru ma emendax ir-regoli nazzjonali sabiex jagħmilhom kompatibbli ma’ dawn id-dispożizzjonijiet. Is-sitwazzjoni tkun differenti biss jekk l-aġir tal-awtoritajiet nazzjonali flimkien mal-eżistenza ta’ terminu ta’ dekadenza kellu l-effett li jċaħħad kompletament persuna mill-possibbiltà li tinvoka d-drittijiet tagħha quddiem il-qrati nazzjonali.

(ara l-punti 17, 20, 27-30, 33, 41 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

15 ta’ April 2010 (*)

“Moviment liberu tal-persuni – Ħaddiema – Trattament ugwali – Allowance speċjali ta’ anzjanità ta’ professuri universitarji prevista f’leġiżlazzjoni nazzjonali li l-inkompatibbiltà tagħha mad-dritt Komunitarju ġiet ikkonstatata b’sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – Terminu ta’ preskrizzjoni − Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività”

Fil-Kawża C‑542/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Novembru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Diċembru 2008, fil-proċedura

Friedrich G. Barth

vs

Bundesministerium für Wissenschaft und Forschung,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader, C. W. A. Timmermans (Relatur), P. Kūris u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M.‑A. Gaudissart, kap ta’ diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Frar 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Barth, minn Laurer u Arlamovsky, avukati,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u B. Cabouat, kif ukoll minn A. Czubinski, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. Bruni, bħala aġent, assistita minn F. Arena, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz u G. Rozet, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 39 KE u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15), kif ukoll tal-prinċipju ta’ effettività.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn F. Barth u l- Bundesministerium für Wissenschaft und Forschung (Ministeru Federali tax-Xjenza u tar-Riċerka) dwar deċiżjoni li permezz tagħha t-talba tiegħu għall-għoti ta’ allowance speċjali tal-anzjanità kienet parzjalment preskritta.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1612/68:

“Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema ċittadini ta’ dak l-Istat Membru minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni ta’ l-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ rimunerazzjoni, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

4        Il-Liġi dwar is-salarji tal-1956 (Gehaltsgesetz 1956, iktar ’il quddiem il-“GehG”), kif emendata bil-liġi ppubblikata fil-BGBl. I, 109/1997, tipprovdi fl-Artikolu 50a(1):

“Professur universitarju (jew professur fi stabbiliment ta’ edukazzjoni superjuri) ordinarju, li jkun ilu jokkupa din il-kariga għal 15-il sena f’universitajiet Awstrijaċi (jew fi stabbilimenti ta’ edukazzjoni superjuri) u li, matul erba’ snin, ikun ibbenefika minn allowance ta’ anzjanità, prevista fl-Artikolu 50(4), ikollu d-dritt, minn meta dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, għal allowance speċjali tal-anzjanità li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-pensjoni ta’ rtirar, u li l-ammont tagħha għandu jkun jikkorrispondi għal dak tal-allowance ta’ anzjanità prevista fl-Artikolu 50(4).”

5        Il-liġi ppubblikata fil-BGBl. I, 130/2003, inkludiet is-segwenti paragrafu 4 fl-Artikolu 50a tal-GehG:

“Għall-finijiet tal-kalkolu ta’ ħmistax-il sena ta’ anzjanità meħtieġa fil-paragrafu 1, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi li twettqu:

1)      wara s-7 ta’ Novembru 1968, f’kariga simili, f’università ta’ Stat li llum huwa membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, jew fejn l-Istat suċċessur huwa llum membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, jew

[…]”

6        Il-GehG, fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data tal-ħatra tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali (BGBl. 318/1973), tipprovdi fl-Artikolu 13b(1):

“Id-dritt għal benefiċċji jiġi preskritt jekk ma ssirx talba fi żmien tliet snin mid-data li fiha twettqu s-servizzi jew l-attivitajiet li jiġġustifikawh.”

7        Skont l-Artikolu 169a tal-GehG, li ġie inkluż bil-liġi ppubblikata fil-BGBl. I, 130/2003:

“1.      Jekk professur universitarju fil-kariga, irtirat, jew professur emeritus universitarju jkun wettaq perijodi ta’ attività kif imsemmi fl-Artikolu 50b(4), kif emendat bil-Liġi Federali ppubblikata fil-BGBl. I, 130/2003, li għandhom għalhekk jittieħdu inkunsiderazzjoni skont din il-liġi, għandha konsegwentement, fuq talba tiegħu, tiġi aġġustata l-allowance speċjali ta’ anzjanità prevista fl-Artikolu 50b. Tali talba tista’ wkoll tiġi mressqa minn ex professuri universitarji meta dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet [...]

2.      L-aġġustament tal-allowance speċjali ta’ anzjanità skont il-paragrafu 1 tipproduċi għandu effett retroattiv, madankollu mhux qabel l-1 ta’ Jannar 2004.

3.      It-talbiet ippreżentati skont il-paragrafu 1 huma validi jekk ikunu ġew ippreżentati qabel it-30 ta’ Ġunju 2004 f’nofsillejl.

4.      Fir-rigward tad-drittijiet fil-qasam tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjoni ta’ rtirar li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-paragrafu 1 għal perijodi qabel l-1 ta’ Lulju 2004, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin previst fl-Artikolu 13b tal-liġi preżenti […] ma japplikax għall-perijodu bejn it-30 ta’ Settembru 2003 u t-30 ta’ Ġunju 2004.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali, ċittadin Ġermaniż, kien jokkupa, mill-1 ta’ Jannar 1975 sat-28 ta’ Frar 1987, il-kariga ta’ professur universitarju fl-università Johann Wolfgang Goethe fi Frankfurt-am-Main (il-Ġermanja). B’effett mill-1 ta’ Marzu 1987, huwa ġie maħtur professur universitarju ordinarju fl-Università ta’ Vjenna (l-Awstrija). Bis-saħħa ta’ din il-ħatra,ir-rikorrent kiseb ukoll iċ-ċittadinanza Awstrijaka.

9        Peress li l-perijodi ta’ attività mwettqa mir-rikorrent fil-kawża prinċipali fl-università ta’ Frankfurt-am-Main ma ttiħdux inkunsiderazzjoni għall-għoti ta’ allowance speċjali ta’ anzjanità prevista fl-Artikolu 50a(1) tal-GehG, il-persuna kkonċernata ma rċevietx din l-allowance.

10      Wara li, fid-dawl tas-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, Ġabra. p. I-10239), il-leġiżlatur Awstrijak emenda l-GehG permezz ta’ liġi ppubblikata fil-BGBl. I, 130/2003, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali talab, permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Marzu 2004 indirizzata lill-università ta’ Vjenna, li jsir aġġustament tal-allowance speċjali ta’ anzjanità tiegħu sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu li matul tiegħu huwa eżerċità l-attività tiegħu fl-università ta’ Frankfurt-am-Main. Id-deċiżjoni mogħtija wara li ġie ppreżentat dan ir-rikors amministrattiv kienet tipprovdi, fl-Artikolu 1 tagħha, li r-rikorrent fil-kawża prinċipali seta’ jitlob l-allowance speċjali ta’ anzjanità b’effett mill-1 ta’ Jannar 1994 minħabba t-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmi perijodu. Madankollu, l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni kien jipprovdi li l-aġġustament ta’ din l-allowance skont l-Artikolu 1 kellu effett, għall-finijiet ta’ remunerazzjoni, mill-1 ta’ Ottubru 2000.

11      Fir-rikors li huwa ppreżenta quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li jikkontesta biss l-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni, ma jikkontestax id-data minn meta ġie kkunsidrat, fl-Artikolu 1 tagħha, li huwa seta’ jitlob l-aġġustament tal-allowance speċjali ta’ anzjanità. Huwa essenzjalment isostni li l-applikazzjoni, magħmula fl-Artikolu 2 tal-istess deċiżjoni, tar-regola ta’ preskrizzjoni mhijiex kompatibbli mad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari, mal-Artikolu 39 KE.

12      Peress li qieset li d-deċiżjoni li għandha tingħata fi-rigward tal-kawża li tressqet quddiemha teħtieġ l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-applikazzjoni ta’ regola ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin għal allowances speċjali ta’ anzjanità li, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, ħaddiem emigrant, qabel is-sentenza [Köbler, iċċitata iktar ’il fuq], ġie miċħud minnha [minnhom] minħabba sitwazzjoni legali nazzjonali li hija inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta kontra l-ħaddiema migranti fis-sens tal-Artikolu 39 KE u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament [...] Nru 1612/68, jew restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema ggarantit f’dawn id-dispożizzjonijiet?

2)      Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda: l-Artikolu 39 KE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament [...] Nru 1612/68 jipprekludu, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni ta’ regola ta’ preskrizzjoni għall-allowances speċjali ta’ anzjanità li ħaddiem migrant, qabel is-sentenza [Köbler, iċċitata iktar ’il fuq], ġie miċħud minnha [minnhom] minħabba sitwazzjoni legali nazzjonali li hija inkompatibbli mad-dritt Komunitarju?

3)      Il-prinċipju ta’ effettività jipprojbixxi, f’ċirkustanzi simili għal dawk fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni ta’ regola ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin sabiex jiġu invokati d-drittijiet għall-allowance[s] speċjali ta’ anzjanità li jirrigwardaw il-passat u li l-benefiċjarji potenzjali ġew miċħuda minnha [minnhom] bi ksur tad-dritt Komunitarju, minħabba dispożizzjonijiet ġuridiċi ta’ dritt nazzjonali fformulati b’mod ċar?”

 Fuq id-domandi preliminari

13      Permezz tad-domandi preliminari, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin it-talbiet għal ħlas tal-allowances speċjali ta’ anzjanità, fejn ħaddiem li jkun eżerċita d-drittijiet tiegħu għal moviment liberu, qabel is-sentenza Köbler, iċċitata iktar ’il fuq, ikun ġie miċħud minnhom minħabba leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli mad-dritt Komunitarju.

14      Għandu jitfakkar li, fis-sentenza Köbler, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment iddeċidiet li l-Artikoli 39 KE u 7(1) tar-Regolament Nru 1612/68 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-għoti ta’ allowance speċjali ta’ anzjanità li, skont dispożizzjoni bħall-Artikolu 50a tal-GehG, fil-verżjoni tagħha qabel l-emenda li daħlet fis-seħħ bil-liġi ppubblikata fil-BGBl. I, 130/2003, kienu jibbenefikaw minnu biss il-professuri universitarji li kienu kisbu anzjanità ta’ ħmistax-il sena fl-universitajiet Awstrijaċi.

15      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-Repubblika tal-Awstrija kkonformat ruħha ma’ din is-sentenza billi inkludiet fl-Artikolu 50a tal-GehG, permezz tal-liġi ppubblikata fil-BGBl. I, 130/2003, il-paragrafu 4 iċċitat fil-punt 5 ta’ din is-sentenza. Fid-dawl ta’ din l-emenda leġiżlattiva, it-talba għal allowance speċjali ta’ anzjanità hija suġġetta, skont l-Artikolu 13b(1) tal-GehG, għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin, estiż, skont il-każ, għal perijodu ta’ disa’ xhur imsemmi fl-Artikolu 169a(4) tal-GehG.

16      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, tali terminu ta’ preskrizzjoni jikkostitwixxi regola proċedurali ta’ rikors intiża li tiżgura s-salvagwardja ta’ dritt li individwu, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, jista’ jinvoka mid-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, id-dritt tal-Unjoni ma jirregolax il-kwistjoni dwar jekk l-Istati Membri jistgħux, f’tali ċirkustanzi, jipprovdu terminu ta’ preskrizzjoni.

17      Minn dan isegwi li hija s-sistema legali nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li għandha tirregola tali regola proċedurali, sa kemm, minn naħa, tali regola mhijiex inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura domestika (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, ma tagħmilx, fil-prattika, impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 1998, Aprile, C‑228/96, Ġabra p. I‑7141, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18      Huwa għalhekk fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ prinċipji li għandhom jiġu eżaminati d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

19      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, dan jeħtieġ li r-regoli kollha applikabbli għar-rikorsi japplikaw mingħajr distinzjoni għar-rikorsi bbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk, simili, ibbażati fuq il-ksur tad-dritt nazzjonali (sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales, C‑118/08, Ġabra p. I‑635, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Sabiex jiġi vverifikat jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza huwiex osservat fil-kawża prinċipali, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk teżistix, minbarra regola ta’ preskrizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, applikabbli għar-rikorsi intiżi li jiżguraw, fid-dritt nazzjonali, is-salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi jinvokaw mid-dritt tal-Unjoni, regola ta’ preskrizzjoni applikabbli għar-rikorsi ta’ natura domestika u jekk, fir-rigward tas-suġġett u tal-elementi essenzjali tagħhom, iż-żewġ regoli ta’ preskrizzjoni jistgħux jiġu kkunsidrati li huma simili (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2000, Preston et, C‑78/98, Ġabra p. I‑3201, punt 49, kif ukoll Transportes Urbanos y Servicios Generales, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

21      Issa, għandu jiġi rrilevat qabelxejn li, kif jirriżulta mill-fajl li ġie ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, regola ta’ preskrizzjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 13b tal-GehG tapplika kemm għar-rikorsi intiżi li jiżguraw, fid-dritt nazzjonali, is-salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi jinvokaw mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll għar-rikorsi ta’ natura domestika. Għalhekk, jidher li r-regoli ta’ preskrizzjoni applikabbli għal kull waħda minn dawn ir-rikorsi huma identiċi.

22      Fi kwalunkwe każ, kif jirrilevaw ukoll il-gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-eċċezzjoni li tirriżulta minn dispożizzjoni bħall-Artikolu 169b(4) tal-GehG, li tippermetti l-estensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni b’perijodu ta’ disa’ xhur, tapplika biss favur rikorsi intiżi li jiżguraw, fid-dritt nazzjonali, is-salvagwardja tad-drittijiet li individwi jinvokaw mid-dritt tal-Unjoni.

23      Madankollu, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni essenzjalment isostnu li, skont l-Artikolu 169a(1) tal-GehG, il-professuri universitarji li jkunu kisbu l-anzjanità tagħhom minn tal-inqas parzjalment f’universitajiet ta’ Stati Membri minbarra r-Repubblika tal-Awstrija għandhom, kuntrarjament għall-professuri li għamlu l-karriera kollha tagħhom f’dan l-Istat Membru tal-aħħar, jippreżentaw talba sabiex jiksbu allowance speċjali ta’ anzjanità. Tali sitwazzjoni timplika li regola ta’ preskrizzjoni bħal dik fil-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha kamp ta’ applikazzjoni li, fil-każ ta’ rikorsi intiżi li jiżguraw, fid-dritt nazzjonali, is-salvagwardja ta’ drittijiet li l-individwi jinvokaw mid-dritt tal-Unjoni, huwa iktar wiesa’ minn dak fil-każ ta’ rikorsi ta’ natura domestika.

24      Fil-fatt, skont ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni, l-imsemmija regola ta’ preskrizzjoni tipproduċi effetti biss f’każijiet rari u partikolari, fir-rigward ta’ professuri li għamlu l-karriera kollha tagħhom fl-Awstrija, meta, pereżempju, b’konsegwenza ta’ żball, ma ngħatatx parti mis-salarju tal-individwi u li dawn tal-aħħar ma ppreżentawx talba għall-eżami tas-sitwazzjoni tagħhom fit-terminu previst. Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ professuri li kisbu l-anzjanità tagħhom minn tal-inqas parzjalment f’universitajiet ta’ Stati Membri minbarra r-Repubblika tal-Awstrija, l-applikazzjoni tar-regola ta’ preskrizzjoni għandha natura sistematika.

25      Madankollu, tali ċirkustanza ma tippermettix li jiġi konkluż li fil-fatt jeżistu żewġ regoli ta’ preskrizzjoni li ma għandhomx jiġu kkunsidrati li huma simili.

26      Fil-fatt, kif essenzjalment josservaw il-Gvernijiet tal-Awstrija, tal-Italja u tal-Polonja, in-neċessità li tiġi ppreżentata talba tikkonċerna mhux biss il-professuri li kisbu l-anzjanità tagħhom minn tal-inqas parzjalment f’universitajiet ta’ Stati Membri minbarra r-Repubblika tal-Awstrija, iżda wkoll professuri li għamlu l-karriera kollha tagħhom f’dan l-Istat Membru u li fir-rigward tagħhom ma ġietx ikkalkolata b’mod korrett l-allowance speċjali ta’ anzjanità. Minn dan isegwi li tali neċessità li tiġi ppreżentata talba fir-realtà torbot lil kull professur li fir-rigward tiegħu ġew applikati b’mod żbaljat id-dispożizzjonijiet legali li jirregolaw l-għoti tal-imsemmija allowance u li jixtiequ li jiġi rettifikat l-iżball imwettaq, kemm jekk l-iżball jikkonċerna regoli nazzjonali kif ukoll jekk jikkonċerna regoli tad-dritt tal-Unjoni, li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jmisshom applikaw direttament.

27      F’dawn il-kundizzjonijiet, regola ta’ preskrizzjoni, bħal dik ikkontestata lir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi kkunsidrata li tmur kontra l-prinċipju ta’ ekwivalenza.

28      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-iffissar ta’ termini taħt piena ta’ dekadenza għall-preżentata ta’ rikorsi fl-interess taċ-ċertezza legali li tipproteġi kemm lill-persuni kkonċernati kif ukoll lill-amministrazzjoni kkonċernata. Fil-fatt, tali termini mhumiex ta’ natura li jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja. F’dan ir-rigward, terminu nazzjonali ta’ dekadenza ta’ tliet snin jidher raġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Aprile, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19, kif ukoll tal-24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier, C‑445/06, Ġabra p. I‑2119, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Għalhekk, peress li ma kienx hemm ċirkustanzi partikolari li miġjuba għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, regola ta’ preskrizzjoni bħal dik li hija kkontestata mir-rikorrent, li tipprovdi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin, li tista’ tiġi estiża għal perijodu ta’ disa’ xhur, ma tistax tiġi kkunsidrata li tmur kontra l-prinċipju ta’ effettività.

30      Din l-interpretazzjoni mhijiex ikkontestata mill-fatt li l-effetti tas-sentenza Köbler, iċċitata iktar ’il fuq, kienu seħħew mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-regola interpretata, peress li l-imsemmija effetti ma kinux limitati ratione temporis mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ regola proċedurali, bħat-terminu ta’ preskrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi konfuża ma’ limitazzjoni tal-effetti ta’ sentenza ta’ Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1998, Edis, C‑231/96, Ġabra p. I‑4951, punti 17 u 18).

31      Madankollu, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni jirrilevaw li l-leġiżlatur Awstrijak kien eskluda, permezz ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva ċara, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ impjieg li twettqu f’universitajiet ta’ Stati Membri minbarra r-Repubblika tal-Awstrija.

32      Fil-fehma tagħhom, il-professuri universitarji li wettqu perijodi ta’ anzjanità f’tali universitajiet kellhom, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jistennew li t-talbiet tagħhom intiżi għar-rikonoxximent ta’ perijodi għall-għoti ta’ allowance speċjali ta’ anzjanità ma kinux ser jiġu milqugħa. Għaldaqstant, l-aġir tal-leġiżlatur Awstrijak kien tali li jiskoraġġixxi lil professuri universitarji li, bħala prinċipju, kellhom dritt għal din l-allowance, milli jintroduċu fil-ħin it-talba meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ dan id-dritt.

33      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li d-dritt tal-Unjoni ma jipprojbixxix lil Stat Membru milli jistabbilixxi terminu ta’ dekadenza għal talba intiża sabiex tinkiseb allowance speċjali ta’ anzjanità, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, ma ngħatatx, anki jekk dan l-Istat Membru ma emendax ir-regoli nazzjonali sabiex jagħmilhom kompatibbli ma’ dawn id-dispożizzjonijiet. Is-sitwazzjoni tkun differenti jekk l-aġir tal-awtoritajiet nazzjonali flimkien mal-eżistenza ta’ terminu ta’ dekadenza kellu l-effett li jċaħħad kompletament persuna mill-possibbiltà li tinvoka d-drittjiet tagħha quddiem il-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aprile, iċċitata iktar ’il fuq, punti 43 sa 45).

34      Issa, l-eżistenza ta’ tali ċirkustanza ma tistax tiġi rrilevata fil-kawża prinċipali.

35      B’mod partikolari, l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ma jċaħħadx għalkollox lil persuna, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, milli tikseb allowance li, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, ma kinitx ingħatatilha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-2 ta’ Frar 1988, Barra et, 309/85, Ġabra p. 355, punt 19, kif ukoll tad-9 ta’ Frar 1999, Dilexport, C‑343/96, Ġabra p. I‑579, punt 37).

36      Fi kwalunkwe każ, mill-fajl li ġie ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li t-terminu ta’ preskrizzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali joriġina minn informazzjoni żbaljata li ġiet deliberatament ipprovduta lilu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 1998, Levez, C‑326/96, Ġabra p. I‑7835, punt 34). Kif irrileva, b’mod korrett, il-Gvern Franċiż, il-fatt li qabel kienet teżisti leġiżlazzjoni ċara li kienet tmur kontra d-dritt Komunitarju ma jistax jiġi pparagunat mal-provvista ta’ informazzjoni mhux eżatta, peress li dan jista’ jagħmel impossibbli, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, kuntrarjament għal punt 33 ta’ din is-sentenza, kull applikazzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni.

37      Fl-aħħar nett, sakemm id-domandi preliminari jirrigwardaw ukoll l-interpretazzjoni tal-Artikolu 39 KE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1612/68, għandu jiġi rrilevat li, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 21 sa 26 tas-sentenza preżenti, l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi kkunsidrata li tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta fir-rigward ta’ ħaddiem fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

38      Fil-fatt, is-sitwazzjoni tal-professuri universitarji bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali għandha tiġi kkunsidrata bħala paragunabbli ma’ dik ta’ professuri universitarji li għamlu l-karriera kollha tagħhom fl-Awstrija u li l-allowance speċjali ta’ anzjanità ma ġietx ikkalkolata b’mod korrett fid-dawl tad-dispożizzjonijiet nazzjonali. Issa, jidher li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ professuri universitarji għandhom essenzjalment jiġu ttrattati b’mod identiku.

39      Bl-istess mod, ma jidhirx li l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi, fiha nfisha, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 39 KE. Fil-fatt, meta japplika dan it-terminu ta’ preskrizzjoni, huwa għandu impatt fuq il-possibbiltà li tinkiseb allowance speċjali ta’ anzjanità fir-rigward ta’ perijodu għal kollox preċedenti. Minn dan isegwi li tali applikazzjoni ma tistax tipprekludi jew tiskoraġġixxi ħaddiem bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali milli jeżerċita d-drittijiet tiegħu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, peress li l-possibbiltà li jinkseb tali allowance għal perijodu preċedenti ma jiddependix mill-għażla tal-ħaddiem li jeżerċita dawn id-drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2000, Graf, C‑190/98, Ġabra p. I‑493, punt 24).

40      Barra minn hekk, ma hemmx evidenza li tipprovdi li l-applikazzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali setgħet tipprekludi jew tiskoraġġixxi, f’mument partikolari fil-passat, ħaddiem bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali milli jeżerċita d-drittijiet tiegħu għall-moviment liberu tal-ħaddiema. Kif jirriżulta mis-sentenza Köbler, iċċitata iktar ’il fuq, kien ir-rifjut stess li tingħata l-allowance speċjali ta’ anzjanità lill-persuna kkonċernata, fil-każ fejn kienet teżerċita l-istess drittijiet, li kien jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 39 KE.

41      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin, it-talbiet għall-ħlas ta’ allowances speċjali ta’ anzjanità li ġie mċaħħad minnhom ħaddiem li jkun eżerċita d-drittjiet tiegħu għall-moviment liberu, qabel ma ġiet deċiża s-sentenza Köbler, iċċitata iktar ’il fuq, minħabba l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli mad-dritt Komunitarju.

 Fuq l-ispejjeż

42      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin, it-talbiet għall-ħlas ta’ allowances speċjali ta’ anzjanità li ġie mċaħħad minnhom ħaddiem li jkun eżerċita d-drittjiet tiegħu għall-moviment liberu, qabel ma ġiet deċiża s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01), iċċitata iktar ’il fuq, minħabba l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli mad-dritt Komunitarju.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.