Kawża C-482/08

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Deċiżjoni 2008/633/ĠAI — Aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) mill-awtoritajiet maħtura ta’ Stati Membri u mill-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u tal-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra — Żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-Acquis ta’ Schengen — Esklużjoni tar-Renju Unit mill-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni — Validità”

Sommarju tas-sentenza

1.        Viżi, ażil, immigrazzjoni — Qsim tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri — Regoli komuni dwar standards u proċeduri għall-kontrolli

(Protokoll li jintegra l-Acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1); Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633, premessi 2, 4, 6, 13 u 15 u Artikoli 1 u 5(1))

2.        Unjoni Ewropea — Atti tal-Unjoni Ewropea — Għażla tal-bażi legali — Kriterji

(Artikoli 30(1)(b), u 34(2)(ċ) UE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633)

1.        Waqt il-klassifika ta’ att bħala li jaqa’ taħt qasam tal-Acquis ta’ Schengen jew bħala li jikkostitwixxi żvilupp tiegħu, hemm lok, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-koerenza neċessarja ta’ dan l-acquis u n-neċessità li tinżamm din il-koerenza fl-iżvilupp possibbli tiegħu. Għaldaqstant il‑koerenza tal-Acquis ta’ Schengen u tal-iżviluppi futuri tiegħu timplika li l-Istati li jipparteċipaw f’dan l-acquis ma humiex obbligati, meta jiżviluppawh u japprofondixxu l-kooperazzjoni mill-qrib li huma jkunu ġew awtorizzati jimplementaw permezz tal-Artikolu 1 tal-Protokoll ta’ Schengen, jippredevu miżuri speċjali ta’ adattament għall-Istati Membri l‑oħra li ma pparteċipawx fl-adozzjoni tal-miżuri relatati ma’ stadji preċedenti ta’ dan l-iżvilupp.

Id-Deċiżjoni 2008/633, li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta’ Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u tal‑ investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra, għandha tiġi kklassifikata bħala miżura li taqa’ taħt il-qasam tal-Acquis ta’ Schengen dwar il-politika komuni fil-qasam tal-viżi. Fil-fatt, id‑dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni fihom kundizzjonijiet restrittivi ta’ aċċess għall-VIS, li juru li huma jorganizzaw essenzjalment l-użu anċillari ta’ bażi ta’ data relatata mal-viżi, li l-iskop prinċipali tagħha huwa marbut mal‑kontroll mal-fruntieri u mad-dħul fit-terrritorju u li għaldaqstant hija disponibbli, għall‑konsultazzjoni biss, għall-kooperazzjoni tal-pulizija fuq bażi sekondarja biss, sakemm dan l-użu għal dawn l-iskopijiet ma jippreġudikax l-użu prinċipali tagħha.

Barra minn hekk, l-aċċess dirett għall-VIS li tawtorizza d‑Deċiżjoni 2008/633 għall-awtoritajiet kompetenti fil-qasam ta’ sigurtà interna huwa fiżikament possibbli biss għal dawk tal-Istati Membri li għandhom punti ċentrali ta’ aċċess għall-VIS imsemmija fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 767/2008, dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il‑Viża (VIS) u l‑iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perijodu qasir (Regolament VIS), jiġifieri dawk tal-Istati Membri biss li jipparteċipaw fid-dispożizzjonijiet tal-Acquis ta’ Schengen dwar il-politika komuni fil‑qasam tal-viżi. Issa, fil-każ ta’ Stat Membru li ma jipparteċipax fid‑dispożizzjonijiet tal-Acquis ta’ Schengen relatati mat-tneħħija tal‑kontrolli mal-fruntieri u mal-moviment liberu tal-persuni, inkluża l‑politika komuni fil-qasam tal-viżi, il-parteċipazzjoni tiegħu permezz ta’ aċċess dirett għall-mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni permess mir-Regolament VIS u organizzat mid-Deċiżjoni 2004/512, li tistabbilixxi s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, kienet teħtieġ, hekk kif jirriżulta wkoll mill‑premessa 15 tad-Deċiżjoni 2008/633, miżuri speċifiċi għal dan l-Istat Membru peress li dan ma pparteċipax għall-VIS u ma għandux l-interface nazzjonali li tippermetti lil kull Stat Membru li jipparteċipa għall-VIS il‑komunikazzjoni ma’ din is-sistema. Anki jekk ma jistax jiġi kkontestat li d‑Deċiżjoni 2008/633 issegwi għanijiet ta’ kooperazzjoni mill-pulizija, dan il-fatt ma jipprekludix, fid-dawl tal-elementi oġġettivi kollha meħuda flimkien li jikkaratterizzawha, li jiġi kkunsidrat li hija tikkostitwixxi miżura li tiżviluppa d‑dispożizzjonijiet tal-Acquis ta’ Schengen relatati mal‑politika komuni tal-viżi. Il-parteċipazzjoni ta’ Stat Membru fl‑adozzjoni ta’ miżura adottata skont l-Artikolu 5(1) tal-Protokoll ta’ Schengen hija prevista biss, fir-rigward tas-sistema ta’ kooperazzjoni mill-qrib taħt l‑Acquis ta’ Schengen, jekk dan l-Istat ikun aċċetta qasam tal-Acquis ta’ Schengen li fih taqa’ l-miżura li għandha tiġi adottata jew li hija tikkostitwixxi żvilupp tiegħu.

(ara l-punti 48, 49, 52, 55-57, 59-61)

2.        Il-kwistjoni dwar jekk miżura tikkostitwixxix żvilupp tal-Acquis ta’ Schengen hija distinta minn dik dwar il-bażi ġuridika li fuqha dan l‑iżvilupp għandu jiġi bbażat legalment. L-għażla tal-bażi legali ta’ att tal‑Unjoni għandha tiġi bbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, fosthom, b’mod partikolari, l-għan u l‑kontenut tal-att.

Fir-rigward tad-Deċiżjoni 2008/633, li tikkonċerna aċċess għall‑konsultazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta’ Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal‑prevenzjoni, tal-kxif u tal-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra, li l-għan tagħha huwa li tippermetti l-aċċess għall-VIS mill‑awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif ukoll mill-Europol, u li l‑kontenut tagħha jirrigwarda kemm il-modalitajiet ta’ ħatra, mill-Istati Membri, tal‑awtoritajiet kompetenti fil-qasam ta’ sigurtà interna awtorizzati li jikkonsultaw il-VIS kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ aċċess, ta’ komunikazzjoni u taż-żamma ta’ data użata għall-finijiet imsemmija iktar ’il fuq, din issegwi għanijiet li jaqgħu taħt il-kooperazzjoni mill-pulizija u tista’ titqies bħala li tistabbilixxi forma ta’ kooperazzjoni mill-pulizija. Minn dan isegwi li, peress li l-leġiżlatur Komunitarju ried jiżviluppa l‑Acquis ta’ Schengen billi jippermetti, f’kundizzjonijiet preċiżi sew, l-użu tal-VIS għall-finijiet ta’ kooperazzjoni mill-pulizija, huwa kellu jibbaża ruħu biex jagħmel dan fuq id‑dispożizzjonijiet tat-Trattat li jintitolawh jilleġiżla f’dan il-qasam tal-kooperazzjoni mill-pulizija.

(ara l-punti 50, 51, 64, 65, 67)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

26 ta’ Ottubru 2010 (*)

“Rikors għal annullament – Deċiżjoni 2008/633/ĠAI – Aċċess għall‑konsultazzjoni tas-sistema ta’ informazzjoni dwar il-viża (VIS) mill‑awtoritajiet maħtura ta’ Stati Membri u mill-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u tal-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra – Żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-Acquis ta’ Schengen – Esklużjoni tar-Renju Unit mill-proċedura ta’ adozzjoni tad‑deċiżjoni – Validità ”

Fil-Kawża C‑482/08,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skond l-Artikolu 35(6) UE, ippreżentat fis-6 ta’ Novembru 2008,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn V. Jackson u I. Rao, bħala aġenti, assistiti minn T. Ward, barrister,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J. Schutte u R. Szostak, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn J. M. Rodríguez Cárcamo, bħala aġent,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Wilderspin u B. D. Simon, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot (Relatur) u A. Arabadjiev, Presidenti ta’ Awla, G. Arestis, A. Borg Barthet, M. Ilešič, J. Malenovský, L. Bay Larsen, P. Lindh u. von Danwitz Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ April 2010,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑24 ta’ Ġunju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, li tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta’ Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u tal‑investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra (ĠU L 218, p.129) u, min-naħa l-oħra, li żżomm l-effetti ta’ din id-deċiżjoni, ħlief sa fejn din teskludi l-parteċipazzjoni tal-imsemmi Stat Membru mill-applikazzjoni tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Protokoll li jintegra l-Acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea

2        Skont l-Artikolu 1 tal-Protokoll li jintegra l-Acquis ta’ Schengen fil-qafas tal‑Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat KE permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam (iktar ’il quddiem il-“Protokoll ta’ Schengen”), tlettax-il Stat Membru tal-Unjoni Ewropea huma awtorizzati li jistabbilixxu kooperazzjoni aktar mill-qrib bejniethom fl-ambitu tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Acquis ta’ Schengen, kif iddefinit fl-Anness tal-imsemmi Protokoll.

3        L-Acquis ta’ Schengen, hekk iddefinit, huwa magħmul, b’mod partikolari, mill‑Ftehim bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir‑Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija ftit ftit tal-kontrolli fuq il-fruntieri komuni, iffirmat f’Schengen (il-Lussemburgu) fl‑14 ta’ Ġunju 1985 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Schengen”), kif ukoll mill-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen, iffirmata fid-19 ta’ Ġunju 1990 f’Schengen (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9). Dawn iż-żewġ atti flimkien jikkostitwixxu l-“Ftehim ta’ Schengen”.

4        Skont l-Artikolu 4 ta’ dan il-Protokoll ta’Schengen:

“L-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, li ma humiex marbuta bl-Acquis ta’ Schengen, jistgħu fi kwalunkwe żmien jitolbu li jieħdu sehem f’parti jew fid-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan l-Acquis .

Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar it-talba bl-unanimità tal-membri tiegħu msemmija fl-Artikolu 1 u tar-rappreżentant tal-Gvern ta’ l-Istat konċernat.”

5        L-Artikolu 5(1) tal-Protokoll ta’ Schengen jipprovdi:

“1. Il-proposti u l-inizjattivi għall-iżvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen għandhom ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet pertinenti tat-Trattati.

F’dan il-kuntest, jekk la l-Irlanda u lanqas ir-Renju Unit jew it-tnejn ma jkunu għarrfu bil-kitba lill-president tal-Kunsill fi żmien perjodu raġonevoli li huma jkunu jixtiequ jieħdu sehem, l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 11 [KE] jew l-Artikolu 40 [UE] għandhom jitqiesu li jkunu ġew mogħtija lill-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1 u lill-Irlanda jew lir-Renju Unit meta xi wieħed minnhom ikun jixtieq jieħu sehem fl-oqsma ta’ kooperazzjoni in kwistjoni.”

 Id-Deċiżjoni 1999/437/KE

6        Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KEE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal‑Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l‑assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implementazzjoni, l-applikazzjoni u l‑iżvilupp tal-Acquis ta’ Schengen (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 165):

“Il-proċeduri mniżżla fil-Ftehim tat-18 ta’ Mejju 1999 konkluż mill-Kunsill ta’ l‑Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja li jikkonċerna l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen [...], għandhom jiġu applikati għal proposti u inizjattivi għal aktar żvilupp ta’ dawk id-dispożizzjonijiet li dwarhom koperazzjoni eqreb ġiet awtorizzata taħt il-Protokoll Schengen li jaqgħu f’waħda mill-aeri li ġejjin:

[…]

B. Viżi għal żmien qasir, b’mod partikolari r-regoli dwar viża uniformi, il-lista tal-pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikunu fil-pussess ta’ viżi għall-Istati konċernati u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma ezenti minn dik il-ħtieġa, il-proċeduri u l-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ viżi uniformi, u l-koperazzjoni u l-konsultazzjoni bejn is-servizzi li joħorġuhom.[…]”

 Id-Deċiżjonijiet 2000/365/KE u 2004/926/KE

7        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE, tad-29 Mejju 2000, dwar it‑talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet tal‑Acquis ta’ Schengen (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 178), jelenka l-artikoli tal-Konvenzjoni li timplementa l‑Ftehim ta’ Schengen li jirrigwardaw id-dispożizzjonijiet tal-Acquis ta’ Schengen li għalihom jipparteċipa r-Renju Unit. Fosthom dawn li jinkludu, b’mod partikolari, parti minn dawk li jikkonċernaw il-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija, li jinsabu fit-Titolu III ta’ din il-konvenzjoni, iżda mhux dawk intiżi għat-tneħħija tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni, inkluża l-politika komuni fil-qasam tal-viża, li jinsabu fit-Titolu II tal-imsemmija konvenzjoni.

8        Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/926/KE tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar id-dħul b’effett ta’ partijiet tal-Acquis ta’ Schengen mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU L 153M, p. 469), id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2000/365 ġew implementati għar-Renju Unit mill-1 ta’ Jannar 2005.

 Id-Deċiżjoni 2004/512/KE

9        Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE tat-8 ta’ Ġunju 2004 li tistabbilixxi s‑Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) (ĠU L 142M, p. 60), stabbilixxiet il-VIS bħala sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri.

 Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008

10      Skont id-29 premessa tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perijodu qasir (Regolament VIS), (ĠU L 218, p.60, iktar ’il quddiem ir-“Regolament VIS”):

“Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen fejn ir-Renju Unit ma jiħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365[...], u d-Deċiżjoni sussegwenti tal-Kunsill 2004/926 [...]. Għalhekk ir‑Renju Unit mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhux marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.”

11      Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament VIS, intitolat: “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”:

“Dan ir-Regolament jiddefinixxi l-għan, il-funzjonalitajiet ta’ u r‑responsabbiltajiet għas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS), kif stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2004/512/KE. Huwa jistabbilixxi l‑kondizzjonijiet u l-proċeduri għall-iskambju tad-data bejn l-Istati Membri dwar applikazzjonijiet għal viżi ta’ perjodu qasir u dwar deċiżjonijiet li jittieħdu dwar dan, inkluż id-deċiżjoni dwar jekk tkunx annullata, revokata jew estiża l-viża, sabiex tiġi ffaċilitata l-eżaminazzjoni ta’ tali applikazzjonijiet u d-deċiżjonijiet relatati.”

12      Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament VIS:

“Il-VIS għandu jkollha l-iskop li ttejjeb l-implimentazzjoni tal-politika komuni tal-viża, l-kooperazzjoni konsulari u l-konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali tal-viża billi tiffaċilita l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar applikazzjonijiet u d-deċiżjonijiet relatati, sabiex:

a)      tiffaċilita l-proċedura ta’ l-applikazzjoni għal viża;

b)      jiġi evitat in-nuqqas ta’ osservazzjoni tal-kriterji għad-determinazzjoni ta’ l‑Istat Membru responsabbli għall-eżaminazzjoni ta’ l-applikazzjoni;

ċ)      tiġi faċilitata l-ġlieda kontra l-frodi;

d)      jiġu faċilitati l-kontrolli mal-postijiet tal-qsim tal-fruntieri esterni u fi ħdan it-territorju ta’ l-Istati Membri;

e)      tgħin fl-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe persuna li jista’ jkun ma tissodisfax, jew ma’ tibqax tissodisfa aktar, il-kundizzjonijiet biex tidħol, toqgħod jew tgħix fit-territorju ta’ l-Istati Membri;

f)      tiffaċilita l-applikazzjoni tar-Regolament [tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109)];

g)      tikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà interna ta’ kull Stat Membru.”

13      L-Artikolu 3 tar-Regolament VIS, intitolat “Disponibilità tad-data għall‑prevenzjoni, il-qbid u l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u reati oħra serji”, jipprovdi:

“1.      L-awtoritajiet maħtura ta’ l-Istati Membri jistgħu, f’każijiet speċifiċi u wara talba bil-miktub jew elettronika motivata, ikollhom aċċess għad-data miġbura fil‑VIS imsemmija fl-Artikoli 9 sa 14 jekk ikun hemm raġunijiet raġjonevoli li jwasslu biex il-konsultazzjoni tad-data tal-VIS tkun meqjusa li tikkontribwixxi sostanzjalment għall-prevenzjoni, il-qbid u l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u reati serji oħra. Il-Europol jista’ jaċċessa l-VIS fil-limiti tal-mandat tiegħu u meta meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tiegħu.

2.      Il-konsultazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha titwettaq permezz ta’ kuntatt(i) ta’ aċċess ċentrali li għandhom ikunu responsabbli biex jiżguraw konformità stretta mal-kundizzjonijiet għall-aċċess u l-proċeduri stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633[…]”

 Id-Deċiżjoni 2008/633

14      Il-premessi 1 sa 5 tad-Deċiżjoni 2008/633, li hija l-att ikkontestat f’dan ir-rikors, huma fformulati kif ġej:

“(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512 [...] waqqfet il-VIS bħala sistema għall‑iskambju tad-data dwar il-viżi bejn l-Istati Membri. It-twaqqif tal-VIS jirrappreżenta waħda mill-inizjattivi ewlenin fi ħdan il-politika ta’ l-Unjoni Ewropea fil-qasam ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja. Il-VIS għandha jkollha l‑għan li ttejjeb l-implimentazzjoni tal-politika komuni dwar il-viża u għandha tikkontribwixxi wkoll lejn is-sigurtà interna u biex tiġġieled it‑terroriżmu taħt ċirkostanzi definiti u monitorati sewwa.

(2)       Matul il-laqgħa tiegħu tas-7 ta’ Marzu 2005 il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jtennu li “sabiex jintlaħaq bis-sħiħ l-għan li titjieb is-sigurtà interna u l‑ġlieda kontra t-terroriżmu”, l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri responsabbli għas-sigurtà interna għandhom jiġu garantiti aċċess għall-VIS, “fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom fir-rigward tal-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali, inklużi atti terroristiċi u theddid”, ‘soġġett għal konformità stretta mar-regoli li jirregolaw il-protezzjoni tad-data personali.

(3)       Fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati kriminali serji oħrajn huwa essenzjali għas-servizzi rilevanti li jkollhom l-iktar informazzjoni sħiħa u l-aktar aġġornata possibbli fl-oqsma rispettivi tagħhom. Is-servizzi nazzjonali kompetenti ta’ l-Istati Membri jeħtieġu informazzjoni jekk huma ser iwettqu l-kompiti tagħhom. L-informazzjoni li tinsab fil-VIS tista’ tkun meħtieġa għall-finijiet tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati serji u għandha għalhekk tkun disponibbli, soġġetta għall-kondizzjonijiet imniżżlin f’din id-Deċiżjoni, għal konsultazzjoni mill-awtoritajiet maħturin.

(4)       Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-Europol għandu rwol ewlieni b’rispett għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri fil-qasam ta’ l-investigazzjoni tal-kriminalità trans-konfini fl-appoġġ ta’ prevenzjoni, analiżi u investigazzjoni ta’ kriminalità fl-Unjoni kollha. Konsegwentement, l-Europol għandu jkollu aċċess ukoll għad-data tal-VIS fi ħdan il-qafas tal-kompiti tiegħu u skond il-Konvenzjoni tas-26 ta’ Lulju 1995 dwar l-Istabbiliment ta’ Uffiċċju tal-Pulizija Ewropew [ Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 8, p. 12].

(5)       Din id-Deċiżjoni tikkomplementa r-Regolament [...] [VIS] safejn tipprovdi għal bażi legali taħt it-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jawtorizza l-aċċess għall-VIS għal awtoritajiet maħturin u mill-Europol.”

15      Il-premessi 13 sa 15 ta’ din id-deċiżjoni huma hekk ifformulati:

“(13) Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp ta’ dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen fejn ir-Renju Unit ma jiħux parti skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365 [...]. Ir-Renju Unit għalhekk mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

[…]

(15) Madankollu, skond id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/960/ĠAI dwar is‑simplifikazzjoni ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni u intelligence bejn l‑awtoritajiet ta’ l-infurzar tal-liġi ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea [ĠU L 200M, p. 637], l-informazzjoni li tinsab fil-VIS tista’ tingħata lir‑Renju Unit u lill-Irlanda mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri li l-awtoritajiet maħturin tagħhom għandhom aċċess għall-VIS skond din id‑Deċiżjoni u l-informazzjoni miżmuma mir-reġistri nazzjonali tal-viżi tar‑Renju Unit u ta’ l-Irlanda tista’ tingħata lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l‑infurzar tal-liġi ta’ l-Istati Membri l-oħrajn. Kwalunkwe forma ta’ aċċess dirett għall-awtoritajiet ċentrali tar-Renju Unit u ta’ l-Irlanda lill-VIS tkun teħtieġ, skond l-istat preżenti tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-acquis ta’ Schengen, ftehim bejn il-Komunità u dawk l-Istati Membri, possibbilment li jkun supplimentat minn regoli oħrajn li jispeċifikaw il-kondizzjonijiet u l‑proċeduri għal tali aċċess.”

16      Skont il-premessa 16 tad-Deċiżjoni 2008/633, din tikkostitwixxi żvilupp tad‑dispożizzjonijiet tal-Acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan‑Norveġja fuq l-assoċjazzjoni ta’ dawn l-Istati għall-implementazzjoni, l‑applikazzjoni u l-iżvilupp tal-Acquis ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B tad-Deċizjoni tal-Kunsill 1999/437.

17      Skont il-premessa 17 tad-Deċiżjoni 2008/633, din tikkostitwixxi żvilupp tad‑dispożizzjonijiet ta’ dan l-Acquis fis-sens tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l‑assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera ma’ l-implementazzjoni, l‑applikazzjoni u l-iżvilupp tal-Acquis ta’ Schengen, li l-iffirmar tiegħu ġie approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/849/KE tal-25 ta’ Ottubru 2004 (ĠU L 352M, p. 58), u li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437 flimkien mal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/849.

18      Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2008/633:

“Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet maħturin ta’ l-Istati Membri u l-Uffiċċju tal-Pulizija Ewropew (Europol) jistgħu jiksbu aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) għall-finijiet tal-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra.”

19      L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi fl‑Artikolu 2(1)(e), li l-awtoritajiet maħturin fis-sens tal-imsemmija deċiżjoni huma dawk li huma responsabbli għall-prevenzjoni, il-kxif jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra u li huma maħtura mill-Istati Membri skont l-Artikolu 3 tal-istess ddeċiżjoni.

20      L-Artikolu 3(3) u (5) tad-Deċiżjoni 2008/633 jipprovdi:

“[…] 3. Kull Stat Membru għandu jaħtar il-punt(i) ċentrali ta’ aċċess li permezz tiegħu/tagħhom isir l-aċċess […]

5. Fil-livell nazzjonali, kull Stat Membru għandu jżomm lista ta’ l-unitajiet operattivi fi ħdan l-awtoritajiet maħturin li huma awtorizzati li jaċċessaw il-VIS permezz tal-punt(i) ċentrali ta’ aċċess.”

21      Skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2008/633:

“1. Fejn il-kondizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5 huma sodisfatti l-unitajiet operattivi msemmijin fl-Artikolu 3(5) għandhom jippreżentaw talba bil-miktub jew elettronika rraġunata lill-punti ċentrali ta’ aċċess imsemmijin fl-Artikolu 3(3) biex jaċċessaw il-VIS. Wara li tkun riċevuta talba għal aċċess l-punt(i) ċentrali ta’ aċċess għandhom jivverifikaw jekk il-kondizzjonijiet għall-aċċess imsemmijin fl‑Artikoli 5 humiex sodisfatti. Jekk il-kondizzjonijiet kolha għall-aċċess huma sodisfatti, il-persunal debitament awtorizzat tal-punt(i) ċentrali ta’ aċċess għandhom jipproċessaw it-talbiet. Id-data tal-VIS aċċessata għandha tkun trasmessa lill-unitajiet operattivi msemmijin fl-Artikolu 3(5) b’tali mod biex ma tkunx kompromessa s-sigurtà tad-data.

2. F’każ eċċezzjonali ta’ urġenza, il-punt(i) ċentrali ta’ aċċess jistgħu jirċievu talbiet bil-miktub, elettroniċi jew orali. F’tali każ, il-punt(i) ċentral ta’ aċċess għandhom jipproċessaw it-talba immedjatament u jivverifikaw biss ex-post jekk il-kondizzjonijiet kollha ta’ l-Artikolu 5 jintlaħqux, inkluż jekk jeżistix każ eċċezzjonali ta’ urġenza. Il-verifika ex-post għandha ssir mingħajr dewmien żejjed wara l-ipproċessar tat-talba.”

22      Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-deċiżjoni:

“Aċċess għall-VIS għal konsultazzjoni minn awtoritajiet maħturin għandu jseħħ fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħat tagħhom u jekk jiġu sodisfatti l‑kondizzjonijiet li ġejjin:

a)      aċċess għal konsultazzjoni għandu jkun meħtieġ għall-fini tal-prevenzjoni, il-kxif jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra;

b)      aċċess għal konsultazzjoni għandu jkun meħtieġ f’każ speċifiku;

ċ)      ikun hemm raġunijiet raġonevoli biex jiġi kkunsidrat li l-konsultazzjoni tad‑data tal-VIS ser tikkontribwixxi sostanzjalment għall-prevenzjoni, il-kxif jew l-investigazzjoni ta’ kwalunkwe mir-reati kriminali in kwistjoni.”

23      L-Artikolu 7 tal-imsemmija deċiżjoni jiddetermina l-kundizzjonijiet għal aċċess għad-data tal-VIS mill-Europol.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

24      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippreżentat lill-Kunsill, fit-30 ta’ Novembru 2005, proposta ta’ deċiżjoni [KUMM (2005) 600 finali] li tippermetti l-aċċess għad-data tal-VIS għall-finijiet tal-prevenzjoni u l-kxif u l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra.

25      Matul id-diskussjonijiet quddiem il-Kunsill, l-Irlanda u r-Renju Unit iddikjaraw li huma jikkunsidraw li kellhom id-dritt li jipparteċipaw għall-adozzjoni u l‑applikazzjoni tad-deċiżjoni dwar l-aċċess għad-data tal-VIS u b’mod iktar preċiż li huma qisu li din il-miżura ma tistax tiġi kkwalifikata bħala miżura bbażata fuq l‑Acquis ta’ Schengen. Huma ddikjaraw ukoll li, anki kieku din il-miżura kellha titqies hekk, huma jqisu li l-bażi ġuridika ma taqax fl-ambitu tal-Acquis ta’ Schengen li jkopri l-viżi għal perijodu qasir jew li dan jiġġustifikax li huma jkunu esklużi mill-imsemmija miżura. Huma ddikjaraw li, konsegwentement, huma għandhom jingħataw viżi għal perijodu qasir aċċess dirett u integrali għall‑VIS.

26      Fit-23 ta’ Ġunju 2008, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2008/633 mingħajr ma r‑Renju Unit ġie ammess li jipparteċipa għal din l-adozzjoni.

27      Billi qies li din l-esklużjoni kienet tikkostitwixxi ksur tar-rekwiżiti proċedurali essenzjali u/jew ksur tat-Trattat UE, fis-sens tal-Artikolu 35(6)UE, ir-Renju Unit ippreżenta dan ir-rikors.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

28      Ir-Renju Unit jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–        tannulla d-Deċiżjoni 2008/633;

–        iżżomm l-effetti ta’ din id-deċiżjoni, ħlief sa fejn din teskludi l‑parteċipazzjoni tal-imsemmi Stat Membru mill-applikazzjoni tagħha, u

–        tikkundanna l-Kunsill għall-ispejjeż.

29      Il-Kunsill jitlob li r-rikors jiġi miċħud u li r-Renju Unit jiġi kkundannat ibati l‑ispejjeż tal-kawża.

30      Permezz ta’ Digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ April u l-14 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja tħallew jintervjenu insostenn tat‑talbiet tal-Kunsill.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

31      Sabiex jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni 2008/633, ir-Renju Unit isostni li hija ma tikkostitwixxix żvilupp ta’ dispożizzjonijiet tal-Acquis ta’ Schengen li għalihom hu ma jipparteċipax, jiġifieri żvilupp tal-politika komuni fil-qasam tal‑viżi, iżda pjuttost miżura ta’ kooperazzjoni tal-pulizija, kif jidher ukoll mill‑għażla magħmula mill-Kunsill, tal-bażi ġuridika, jiġifieri l‑Artikoli 30(1)(b) UE u 34(2)(c) UE. Huwa josserva ukoll li fil-proposta inizjali tagħha, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li d-deċiżjoni proposta ma kinitx koperta mill-politika komuni fuq il-viżi iżda kellha skopijiet oħra, u li hi għalhekk kienet ipprevediet il-parteċipazzjoni tal-Irlanda u r-Renju Unit għat-tfassil ta’ din id-deċiżjoni.

32      Ir-Renju Unit isostni li, fid-Deċiżjoni 2008/633, id-dispożizzjonijiet tal-Acquis ta’ Schengen li hija għandha tiżvuluppa mhumiex identifikati. La l-għan u lanqas il‑kontenut ta’ din id-deċiżjoni, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni skont il‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex att jitqies bħala proposta jew inizjattiva bbażata fuq l-Acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Artikolu 5(1) tal‑Protokoll ta’ Schengen, ma juru li l-imsemmija deċiżjoni tista’ titqies bħala tali. Fil-fatt jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha li l-għan tagħha huwa li jiġu ffissati l‑kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet maħtura tal-Istati Membri u l-Europol jistgħu jiksbu aċċess għall-konsultazzjoni tal-VIS għall-finijiet tal-prevenzjoni, il‑kxif u l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra li ma għandux x’jaqsam mal-politika komuni fil-qasam tal-viżi. Jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessi 2 u 3, kif ukoll mill-Artikoli 5(1)(A) u 7 tagħha, li d‑deċiżjoni 2008/633 hija intiża sabiex tikkontribwixxi għas-sigurtà interna u għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, permezz tal-iskambju, mal-awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi u l-Europal, informazzjoni introdotta fil-VIS mill-awtoritajiet responsabbli mill-viżi. Barra minn hekk, fir-rigward tal-kontenut tagħha, l‑imsemmija deċiżjoni tikkonċerna l-proċedura ta’ aċċess għall-VIS u bl-ebda mod ma tirrigwarda l-politika komuni fil-qasam tal-viżi.

33      Skont ir-Renju Unit, għalkemm ir-Regolament VIS u d-deċiżjoni 2008/633 jistgħu jkunu komplementari, huma ġuridikament distinti u kull wieħed għandu jiġi evalwat separatament fid-dawl tal-kriterji żviluppati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex wieħed ikun jaf jekk dan huwiex att bbażat fuq l-Acquis ta’ Schengen. L-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji sservi fiha nfisha sabiex tiġi żgurata l-koerenza tal-Acquis ta’ Schengen. Filwaqt li d-Deċiżjoni 2008/633 hija intiża sabiex tikkompleta r-Regolament VIS, ma jistax jiġi preżunt minħabba f’hekk li din id-deċiżjoni hija att ibbażat fuq l-Acquis ta’ Schengen.

34      Barra minn hekk, il-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni 2008/633 hija kkostitwita minn dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt it-Titolu VI tat-Trattat UE, li jikkonċerna l‑kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja fil-oqsma kriminali. Għalhekk, din id‑deċiżjoni ma tistax tikkostitwixxi fl-istess ħin żvilupp tal-politika komuni fil‑qasam tal-viżi li taqa’ taħt it-Titolu IV tat-Trattat KE. Jekk dan huwa l-każ, allura l-imsemmija deċiżjoni għandha tiġi annullata minħabba n-natura żbaljata tal-bażi ġuridiċi tagħha.

35      Fl-aħħar nett, ir-Renju Unit jinsisti li ma hemm ebda differenza prattika jew ġuridika għal parteċipazzjoni parzjali tiegħu għall-VIS, li l-aċċess tiegħu għad‑data tal-VIS għall-finijiet previsti mid-Deċiżjoni 2008/633 mhuwiex iktar ta’ theddiha għall-koerenza tas-sistema mill-aċċess li minnu jibbenefika Europol u li, bir-rikors tiegħu, huwa mhux qed jikkontesta l-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal‑Islanda, tar-Renju tan-Norveġja u tal-Konfederazzjoni Svizzera fid-deċiżjoni li tikkonċerna l-aċċess għall-VIS mill-awtoritajiet tal-pulizija.

36      Il-Kunsill isostni li huwa kklassifika d-Deċiżjoni 2008/633 bħala żvilupp ta’ qasam tal-Acquis ta’ Schengen, li huwa deskrit f’termini relattivament wiesgħa fl‑Artikolu 1(B) tad-Deċiżjoni 1999/437, li fih innifsu ma jippreġudikax il‑kwistjoni dwar jekk il-bażi ġuridika xierqa għall-adozzjoni tagħha tinsab fit‑Titolu IV tat-Trattat KE jew fit-Titolu VI tat-Trattat UE.

37      Fil-fatt, jirriżulta kemm il-premessi 1, 2, 3 u 5 kif ukoll mill-Artikolu 1 tad‑Deċiżjoni 2008/633 li din għandha bħala għan li tikkompleta r-Regolament VIS billi tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet maħtura u l-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra jistgħu jiksbu aċċess għad-data meħuda u miġbura minn qabel fil-VIS mill-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-viżi. Fir-rigward tal‑kontenut tal-imsemmija deċiżjoni, id-dispożizzjonijiet tagħha jeħtieġu mill‑Istati Membri li dawn jaħtru l-awtoritajiet li jkollhom aċċess għall-VIS. Huma jiddefinixxu l-proċeduri applikabbli kif ukoll il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex din il-konsultazzjoni tiġi awtorizzata.

38      Il-Kunsill għalhekk isostni li l-bażi ġuridika li tikkorrispondi għal dan l-għan u għal dan il-kontenut huwa l-Artikolu 30(1)(b) UE peress li d-Deċiżjoni 2008/633 tikkonċerna l-ipproċessar u l-analiżi, mill-awtoritajiet maħtura, ta’ informazzjoni li tinsab fil-VIS, mingħajr ma tirrigwarda, mandankollu, l-iskambju, il-ġbir u maħzna ta’ data. Hija la tirrigwarda l-proċeduri, la l-kundizzjonijiet dwar il-ħruġ ta’ viżi regolati mit-Titolu IV tat-Trattat KE u la l-kooperazzjoni bejn is-servizzi kompetenti msemmija f’dan it-titolu u lanqas ma tista’ għaldaqstant taqa’ fl‑ambitu tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 62(2)(i) u (ii) KE u tal-Artikolu 66 KE. Konsegwentement, ma hemmx ksur tal-Artikolu 47 UE. L-approċċ meħud f’dan il-każ huwa wkoll inkonformi mal-prattika abitwali.

39      Fir-rigward tal-klassifika tad-Deċiżjoni 2008/633 bħala żvilupp tal-Acquis ta’ Schengen fil-qasam tal-viżi, il-Kunsill jenfasizza l-importanza tar-rabta li teżisti bejn din id-deċiżjoni u r-Regolament VIS, li implementa sistema integrata waħda li fiha data ta’ tip wieħed, li l-iskop tagħha huwa l-implementazzjoni koerenti tal‑politika tal-Unjoni fil-qasam tal-viżi u li tinnomina bħala utenti prinċipali, jiġifieri l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-viżi u ta’ kontrolli mal-fruntieri tal‑Istati Membri li jipparteċipaw għal din il-politika. Jekk din is-sistema għandha għanijiet sekondarji bħal dak li tikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà interna ta’ kull Stat Membru, ir-Regolament VIS jiggarantixxi li l‑aċċess tal-awtoritajiet ta’ pulizija għall-informazzjoni jkun kompatibbli mal‑finalità ġenerali tas-sistema. Id-Deċiżjoni 2008/633 taqa’ għaldaqstant fil‑kuntest ġuridiku tal-imsemmi regolament, li miegħu hija tifforma totalità li tikkostitwixxi żvilupp, sabiex tiġi żgurata l-koerenza tal-Acquis ta’ Shengen fil‑qasam tal-viżi, hekk kif deskritt fl-Artikolu 1(B) tad-Deċiżjoni 1999/437.

40      Il-Kunsill isostni wkoll li, filwaqt li l-kriterju li l-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat fil‑ġurisprudenza tagħha sabiex att jiġi kklassifikat bħala żvilupp tal-Acquis ta’ Schengen huwa simili ta’ dak użat sabiex tiġi ddeterminata l-bażi legali ta’ att tal‑Unjoni, dan mhuwiex madankollu identiku peress li huwa għandu jieħu inkusiderazzjoni n-neċessità li l-koerenza ta’ dan l-Acquis tinżamm. Billi enfasizza l-kriterju użat bħala għażla tal-bażi legali tal-att, iffokat esklużivament fuq l-għan tiegħu u l-kontenut tiegħu, ir-Renju Unit ma ħa bl-ebda mod kont ta’ din in‑neċessità.

41      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni taqbel mal-analiżi tal-Kunsill dwar l-għażla tal‑bażi ġuridika u mas-sottomissjoni tiegħu li d-Deċiżjoni 2008/633 hija tant marbuta b’mod strett mar-Regolament VIS li hija għandha tiġi kklassifikata bħala żvilupp tal-Acquis ta’ Schengen fil-qasam tal-viżi, peress li hija testendi u tikkompleta dan ir-regolament billi tippermetti l-aċċess għall-VIS għall‑konsultazzjoni mill-awtoritajiet maħtura u l-Europol għall-finijiet tal‑prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra. Hija ssostni li l-Artikolu 3 tar-Regolament VIS, li jippermetti l‑konsultazzjoni ta’ data VIS għall-finijiet imsemmija hawn fuq u li jirreferi għad‑Deċiżjoni 2008/633, mhuwiex applikabbli għar-Renju Unit. Minn dan jirriżulta li l-imsemmija deċiżjoni għaldaqstant lanqas ma hija applikabbli għar‑Renju Unit.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 Fuq il-motiv prinċipali

42      Huwa kostanti li r-Renju Unit, skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Schengen, talab u, skont d-Deċiżjoni 2000/365, kiseb il-parteċipazzjoni tiegħu għal ċerti dispożizzjonijiet tal-Acquis ta’ Schengen. F’dan ir-rigward, huwa wkoll kostanti li filwaqt li r-Renju Unit ipparteċipa għal parti mid-dispożizzjonijiet tal-Acquis ta’ Schengen relatati mal-kooperazzjoni mill-pulizija, min-naħa l-oħra, huwa ma pparteċipax għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-acquis relatati mat-tneħħija tal‑kontrolli mal-fruntieri u mal-moviment liberu tal-persuni, inkluża l-politika komuni fil-qasam tal-viżi.

43      Mill-premessa 13 tad-Deċiżjoni 2008/633 jirriżulta li l-Kunsill qies li din tikkostitwixxi żvilupp ta’ dispożizzjonijiet tal-Acquis ta’ Schengen li għalihom ir‑Renju Unit ma jipparteċipax u li, konsegwentement, dan l-Istat Membru ma għandux jipparteċipa għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Sabiex jitlob l‑annullament tal-imsemmija deċiżjoni, ir-Renju Unit isostni, b’mod prinċipali, li, billi adotta tali klassifika, il-Kunsill wettaq żball ta’ liġi.

44      Għaldaqstant, huwa importanti li jiġi ddeterminat jekk id-Deċiżjoni 2008/633 hijiex waħda mill-“proposti u l-inizjattivi għall-iżvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen” hekk kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tal‑Protokoll ta’ Schengen, li ma pparteċipax fih ir-Renju Unit.

45      B’analoġija mal-prinċipji applikabbli fl-għażla tal-bażi ġuridika ta’ att tal-Unjoni, il-klassifika ta’ tali att bħala proposta jew inizjattiva għall-iżvilupp tal-Acquis ta’ Schengen skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tal-Protokoll ta’ Schengen għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, fosthom, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta’ l-att (ara s‑sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, C-77/05, Ġabra p. I‑11459, punt 77).

46      Madankollu, hekk kif espressament irrelevat il-Qorti tal-Ġustizzja, dan ir‑raġunament jgħodd biss bħala analoġija u huwa għaldaqstant limitat bin-natura speċifika tal-kooperazzjoni mill-qrib applikabbli għall-Acquis ta’ Schengen, li jfisser li s-sistema, fit-totalità tagħha, li jagħmel parti minnha l-Acquis , għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni.

47      Is-sistema ta’ kooperazzjoni mill-qrib applikabbli għall-Acquis ta’ Schengen tapplika biss għal parti mill-Istati Membri u timplika li kull proposta jew inizjattiva għall-iżvilupp ta’ dan l-acquis fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 5(1) tal-Protokoll ta’ Schengen għandha tkun konformi mad‑dispożizzjonijiet li hija timplementa jew li hija tikkostitwixxi żvilupp tagħhom, b’tali mod li tippresupponi li kemm dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll il-prinċipji li jikkostitwixxu l-bażi tagħhom ġew aċċettati (is-sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, iċċitat iktar ’il fuq, punt 61).

48      Minn dan jirriżulta li, waqt il-klassifika, bħala att li jaqa’ taħt qasam tal-Acquis ta’ Schengen jew bħala att li jikkostitwixxi żvilupp tiegħu hemm lok, li tittieħed inkusiderazzjoni l-koerenza neċessarja ta’ dan l-acquis u tan-neċessità li tinżamm din il-koerenza fl-iżvilupp possibbli tiegħu.

49      Hekk, għandu jiġi rrilevat li l-koerenza tal-Acquis ta’ Schengen u tal-iżviluppi futuri tiegħu timplika li l-Istati li jipparteċipaw f’dan l-acquis mhumiex obbligati, meta jiżviluppaw jew japprofondixxu l-kooperazzjoni mill-qrib li huma jkunu ġew awtorizzati sabiex jimplementaw permezz tal-Artikolu 1 tal-Protokoll ta’ Schengen, sabiex jippredevu miżuri speċjali ta’adattament għall-Istati Membri l‑oħra li ma pparteċipawx għall-adozzjoni tal-miżuri relatati mal-istadji preċedenti ta’ dan l-iżvilupp.

50      Għal dak li jikkonċerna l-finalità tad-Deċiżjoni 2008/633, jirriżulta mill-premessi 2, 3, 4 u 6 kif ukoll mill-Artikoli 1 u 5(1), li hija għandha bħala skop li tippermetti l-aċċess għall-VIS mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif ukoll l‑Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra. F’dan ir-rigward biss, l-imsemmija deċiżjoni ssegwi għanijiet li, bħala tali, jaqgħu taħt il-kooperazzjoni mill-pulizija.

51      Għal dak li jikkonċerna l-kontenut tad-Deċiżjoni 2008/633, dan jirrigwarda kemm il-modalitajiet ta’ ħatra, mill-Istati Membri, tal-awtoritajiet kompetenti fil-qasam ta’ sigurtà interna awtorizzati li jikkonsultaw il-VIS kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ aċċess, ta’ komunikazzjoni u taż-żamma ta’ data użata għall-finijiet imsemmija iktar ’il fuq. Peress li dan huwa hekk, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija deċiżjoni jistgħu, bħala prinċipju, jitqiesu bħala li jistabbilixxu forma ta’ kooperazzjoni mill-pulizija.

52      Madankoll, huwa kostanti li dawn id-dispożizzjonijiet xorta fihom kundizzjonijiet restrittivi ta’ aċċess għall-VIS, hekk kif enumerati fl-Artikolu 5(1) tad‑Deċiżjoni 2008/633 u fl-Artikolu 3 tar-Regolament VIS, li juru li huma jorganizzaw essenzjalment l-użu anċillari ta’ bażi ta’ data relatata mal-viżi, li l‑iskop prinċipali tagħha huwa marbut mal-kontroll mal-fruntieri u d-dħul fit‑terrritorju u li hija disponibbli, għall-konsultazzjoni biss, għall-kooperazzjoni mill-pulizija fuq bażi sekondarja biss, sakemm dan l-użu għal dawn l-iskopijiet ma jqiegħedx inkwistjoni l-użu prinċipali tagħha.

53      Barra minn hekk, għandu jiġi rrelevat li d-Deċiżjoni 2008/633 hija strettament marbuta mar-Regolament VIS, li hija implementata fuq dan il-punt, u għaldaqstant mal-politika komuni fil-qasam tal-viżi bbażta fuq it-Titolu Ivtat-Trattat KE.

54      Il-kooperazzjoni implementata mid-Deċiżjoni 2008/633 ma tistax, mill-aspett kemm funzjonali kif ukoll sostanzjali, teżisti indipendentement mill-VIS li taqa’, u dan mhuwiex ikkontestatat, bħad-Deċiżjoni 2004/512 u r-Regolament VIS li fuqhom hija bbażata, taħt l-Acquis ta’ Schengen relatat mal-politika komuni fil‑qasam tal-viżi.

55      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li l-aċċess dirett għall-VIS li tawtorizza d‑Deċiżjoni 2008/633 għall-awtoritajiet kompetenti fil-qasam ta’ sigurtà interna huwa sostanzjalment possibbli biss għal dawk l-Istati Membri li għandhom punti ċentrali ta’ aċċess għall-VIS imsemmija fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament VIS, jiġifieri dawk l-Istati Membri biss li jipparteċipaw għad-dispożizzjonijiet tal‑Acquis ta’ Schengen dwar il-politika komuni fil-qasam tal-viżi.

56      F’dan il-każ, il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit permezz ta’ aċċess dirett għall‑mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni permess mir-Regolament VIS u organizzat mid-Deċiżjoni 2004/512 kienet teħtieġ, hekk kif jirriżulta wkoll mill-premessa 15 tad-Deċiżjoni 2008/633, miżuri speċifiċi għal dan l-Istat Membru li dan ma pparteċipax għall-VIS u ma għandux interface nazzjonali li tippermetti kull Stat Membru li jipparteċipa għall-VIS il-komunikazzjoni ma’ din is-sistema.

57      Konsegwentement, id-Deċiżjoni 2008/633 għandha tiġi kklassifikata bħala miżura li taqa’ taħt il-qasam tal-Acquis ta’ Schengen dwar il-politika komuni fil-qasam tal-viżi.

58      Jekk, barra minn hekk, id-Deċiżjoni 2008/633 kellha titqies mhux bħala element ta’ din il-politika komuni, iżda bħala miżura ta’ kooperazzjoni mill-pulizija biss, kieku hija tippermetti lil kull Stat Membru li jieħu b’hekk parti mid‑determinazzjoni tal-modalitajiet ta’ konsultazzjoni tal-VIS, anki jekk ċerti minnhom ma pparteċipawx għad-definizzjoni tal-prinċipji li ppreċedew l‑istabbiliment ta’ din il-bażi ta’ data fil-qasam tal-viżi, mhumiex obbligati li jintroduċu fis-sistema d-data ta’ kull applikazzjoni tal-viżi li huma jirċievu u ma jikkontribwixxux għall-ġestjoni u għall-finanzjament ta’ din is-sistema. Tali approċċ iwassal ukoll fl-esklużjoni tar-Repubblika tal-Islanda, ir-Renju tan‑Norveġja u l-Konfederazzjoni Svizzerva mill-mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni tal-VIS għall-iskopijiet imsemmija mid-Deċiżjoni 2008/633 filwaqt dawn l-Istati jipparteċipaw fl-istabbiliment tagħha, wara li aċċettaw l-prinċipji, u jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-bażi ta’ data. L-imsemmija deċiżjoni għandha f’dawn iċ-ċirkustanzi, titqies bħala intrinsikament marbuta mal-politika komuni fil-qasam tal-viżi u ma tistax tiġi kklassifikata mod ieħor mingħajr ma tqiegħed inkwistjoni l-koerenza stess tal-VIS.

59      Mill-preċedenti jirriżulta li, anki jekk ma jistax jiġi kkontestat li d‑Deċiżjoni 2008/633 issegwi għanijiet ta’ kooperazzjoni mill-pulizija, dan il-fatt ma jipprekludix, fid-dawl tal-elementi oġġettivi kollha meħuda flimkien li jikkaratterizzawha, li jiġi kkunsidrat li hija tikkostitwixxi miżura li tiżviluppa d‑dispożizzjonijiet tal-Acquis ta’ Schengen relatati mal-politika komuni tal-viżi.

60      Barra minn hekk, huwa kostanti li, kif intqal fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, ir‑Renju Unit ma pparteċipax fid-dispożizzjonijiet tal-Acquis ta’ Schengen relatati mat-tneħħija tal-kontrolli mal-fruntieri u mal-moviment liberu tal-persuni, inkluża l-politika komuni fil-qasam tal-viżi.

61      Il-parteċipazzjoni ta’ Stat Membru fl-adozzjoni ta’ miżura skont l-Artikolu 5(1) tal-Protokoll ta’ Schengen hija prevista biss fir-rigward tas-sistema ta’ kooperazzjoni mill-qrib taħt l-Acquis ta’ Schengen hekk kif deskritt fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, jekk dan l-Istat ikun aċċetta qasam tal-Acquis ta’ Schengen li fih taqa’ l-miżura li għandha tiġi adottata jew li hija tikkostitwixxi żvilupp tiegħu (sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

62      Konsegwentement, huwa mingħajr ma wettqat żball ta’ liġi li l-Kunsill ikkunsidra li d-Deċiżjoni 2008/633 tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-Acquis ta’ Schengen li għalihom ir-Renju Unit ma pparteċipax u rrifjuta li dan l-Istat Membru jipparteċipa għall-adozzjoni tagħha.

 Fuq il-motiv sussidjarju

63      Fir-rikors tiegħu, ir-Renju Unit isostni, sussidjarjament, li, fil-każ fejn id‑Deċiżjoni 2008/633 għandha tiġi kkunsidrata bħala żvilupp tal-politika komuni fil-qasam tal-viżi, hija għandha tiġi annullata peress li hija ġiet adottata b’mod żbaljat abbażi tal-Artikoli 30(1)(b) UE u 34(2)(c) UE li, fit-Titolu VI tat-Trattat UE, jirregolaw l-azzjoni komuni fil-qasam tal-kooperazzjoni mill-pulizija.

64      Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk miżura tikkostitwixxix żvilupp tal-Acquis ta’ Schengen hija distinta minn dik dwar il-bażi ġuridika li fuqha dan l-iżvilupp għandu jiġi bbażat legalment. Fil-fatt, kull azzjoni tal-Unjoni għandha tiġi bbażata fuq dispożizzjoni tat-trattati li tagħti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni s-setgħa li jadottawha.

65      Skont ġurisprudenza kostanti sew, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi bbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, fosthom, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-att (ara s-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-440/05, Ġabra p. I-9097, punt 61 kif ukoll tal-10 ta’ Frar 2009, L-Irlanda vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑301/06, Ġabra p. I-593, punt 60).

66      F’dan ir-rigward, l-argument li r-Renju Unit jinvoka insostenn tal-motiv tiegħu, imressaq b’mod sussidjarju, jista’ jintlaqa’ biss jekk teżisti koinċidenza eżatta bejn il-kriterji hekk użati sabiex tiġi ddeterminata l-bażi ġuridika ta’ att ta’ dritt tal‑Unjoni u dawk li jservu sabiex jikklassifikaw tali att ta’ proposta jew inizjattiva bbażata fuq l-Acquis ta’ Schengen. Madankollu, jirriżulta minn dak li ntqal fil-punti 47 u 49 ta’din is-sentenza li dan ma jistax ikun il-każ.

67      Minn dan isegwi li, peress li l-Kunsill ried jiżviluppa l-Acquis ta’ Schengen billi jippermetti, f’kundizzjonijiet preċiżi sew, l-użu tal-VIS għall-finijiet ta’ kooperazzjoni mill-pulizija, huwa kellu jibbaża ruħu biex jagħmel dan fuq id‑dispożizzjonijiet tat-Trattat UE li jintitolawh biex jilleġiżla f’dan il-qasam tal‑kooperazzjoni mill-pulizija.

68      Konsegwentement, hekk kif jirriżulta mill-punti 50 u 51 ta’ din is-sentenza, dan jidhirx, fid-dawl tal-finalità u tal-kontenut tad-Deċiżjoni 2008/633, li l-Kunsill żbalja meta kkunsidra, speċifikament għal dak li jikkonċerna l-għażla tal-bażi ġuridika tal-imsemmija deċiżjoni, li hija taqa’ taħt il-qafas tal-kooperazzjoni mill‑pulizija. Barra minn hekk, l-argument żviluppat mir-Renju Unit insostenn tal‑motiv ippreżentat b’mod prinċipali jsostni l-fondatezza ta’ din l-għażla.

69      Għaldaqstant, fid-dawl tal-argument wieħed invokat insostenn tal-motiv ippreżentat sussidjarjament mir-Renju Unit, l-imsemmi motiv għandu jiġi eskluż ukoll.

70      Għaldaqstant, it-talbiet tar-Renju Unit għall-annullament tad‑Deċiżjoni Nru 2008/633 ma jistgħux jintlaqgħu u, konsegwentement, ma hemmx lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni fuq it-talba ta’ dan l-Istat Membru għal dak li jirrigwarda ż-żamma tal-effetti tal-imsemmija deċiżjoni.

71      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors ippreżentat mir-Renju Unit għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

72      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju Unit tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kunsill. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 69(4) tal-istess Regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq huwa kkundannat għall-ispejjeż.

3)      Ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.