Kawżi magħquda C-447/08 u C-448/08

Proċeduri kriminali

kontra

Otto Sjöberg u Anders Gerdin

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-iSvea hovrätt)

“Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Logħob tal-ażżard — Operat tal-logħob tal-ażżard permezz tal-internet — Promozzjoni tal-logħob organizzat fi Stati Membri oħra — Attivitajiet riżervati lill-korpi pubbliċi jew mingħajr skop ta’ lukru – Sanzjonijiet kriminali”

Sommarju tas-sentenza

1.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Logħob tal-ażżard

(Artikolu 49 KE)

2.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Logħob tal-ażżard

(Artikolu 49 KE)

1.        L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi r-reklamar lir-residenti ta’ dan l-Istat ta’ logħob tal-ażżard organizzat fi Stati Membri oħra għal skopijiet ta’ lukru minn operaturi privati.

Kunsiderazzjonijiet ta’ natura kulturali, morali jew reliġjuża jistgħu fil-fatt jiġġustifikaw restrizzjonijiet fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn operaturi tal-logħob tal-ażżard, b’mod partikolari inkwantu jista’ jitqies inaċċettabbli li jsir qligħ mill-isfruttament ta’ problema soċjali jew mid-dgħufija tan-nies li jilagħbu u mill-isfortuna tagħhom. Skont l-iskala ta’ valuri li għandhom l-Istati Membri u b’kunsiderazzjoni għas-setgħa diskrezzjonali li għandhom, Stat Membru jista’ jillimita l-operat tal-logħob tal-ażżard billi jħalli dan l-inkarigu f’idejn korpi pubbliċi jew filantropiċi. Il-projbizzjoni tal-promozzjoni ta’ servizzi ta’ operaturi li huma impriżi privati bi skop ta’ lukru lill-konsumaturi residenti fl-Istat Membru inkwistjoni għalhekk tirrifletti l-għan tal-esklużjoni tal-interessi privati bi skop ta’ lukru tas-settur tal-logħob tal-ażżard u barra minn hekk tista’ titqies li hija neċessarja sabiex jintlaħaq tali għan.

(ara l-punti 43-46, u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-logħob tal-ażżard għal sistema ta’ drittijiet esklużivi u li tipprovdi li l-promozzjoni ta’ dan il-logħob organizzat fi Stat Membru ieħor hija punibbli b’sanzjonijiet iktar severi mill-promozzjoni ta’ tali logħob operat fit-territorju nazzjonali mingħajr awtorizzazzjoni.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha teżamina jekk dan huwiex il-każ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni. Tali qorti għandha teżamina jekk iż-żewġ ksur, minkejja li jaqgħu taħt sistemi differenti, għandhomx madankollu jkunu suġġetti għal trattament ekwiparabbli skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Hija għandha tevalwa, b’mod partikolari, jekk skont il-fatti, il-proċeduri kontra tali ksur jitressqux mill-awtoritajiet kompetenti bl-istess diliġenza u jekk jirriżultawx fl-impożizzjoni ta’ pieni ekwiparabbli mill-qrati kompetenti.

(ara l-punti 55, 57, u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

8 ta’ Lulju 2010 (*)

“Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Logħob tal-ażżard – Operat tal-logħob tal-ażżard permezz tal-internet – Promozzjoni tal-logħob organizzat fi Stati Membri oħra – Attivitajiet riżervati lill-korpi pubbliċi jew mingħajr skop ta’ lukru – Sanzjonijiet kriminali”

Fil-Kawżi magħquda C‑447/08 u C‑448/08,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-iSvea hovrätt (l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-8 ta’ Ottubru 2008, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Ottubru 2008, fil-proċeduri kriminali kontra

Otto Sjöberg (C‑447/08),

Anders Gerdin (C‑448/08),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader, K. Schiemann (Relatur), P. Kūris u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Jannar 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal O. Sjöberg, minn U. Isaksson, avukat,

–        għal A. Gerdin, minn S. Widmark u J. Gyllenberg, avukati,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, bħala aġent,

–        għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, bħala aġent, assistita minn P. Vlaemminck u A. Hubert, avukati,

–        għall-Gvern Elleniku, minn M. Tassopoulou u O. Patsopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn F. Díez Moreno, bħala aġent,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u P. Mateus Calado kif ukoll minn A. Barros, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Norveġiż, minn K. Moen u K. Moe Winther, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Traversa u K. Simonsson kif ukoll minn P. Dejmek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Frar 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal domandi preliminari jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 KE.

2        Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kontra O. Sjöberg u A. Gerdin li huma akkużati bil-ksur tal-Artikolu 54(2) tal-Liġi dwar il-lotteriji u l-logħob tal-ażżard (lotterilagen, SFS 1994, Nru 1000), fil-verżjoni applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“lotterilag”).

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

3        Il-lotterilag tirregola l-kategoriji kollha tal-logħob tal-ażżard offrut lill-pubbliku fl-Isvezja.

4        L-għanijiet tal-politika Svediża fil-qasam tal-logħob ġew deskritti fil-qosor fix-xogħlijiet preparatorji tal-lotterilag kif ġej:

“Il-politika li tirrigwarda l-logħob għandha […] tkompli timmira lejn suq ta’ logħob nadif u sigur, li jissodisfa, taħt forom ikkontrollati, l-interess tal-protezzjoni soċjali u d-domanda tal-persuni li jilagħbu. Il-qligħ mil-logħob għandu jiġi protett u jkun dejjem intiż għall-finijiet ta’ interess ġenerali jew ta’ utilità politika, jiġifieri għall-attivitajiet ta’ assoċjazzjonijiet, għall-attivitajiet ekwestri u għall-Istat. Bħalma kien il-każ sa issa, l-għan għandu jkun li tingħata prijorità lill-kunsiderazzjonijiet ta’ protezzjoni soċjali kif ukoll lill-interess ta’ offerta varjata ta’ logħob filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni r-riskju ta’ frodi u ta’ logħob illegali.”

5        Skont il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni Svediża dwar il-logħob tal-ażżard hija intiża li:

–        tiġġieled kontra l-kriminalità;

–        tiġġieled kontra d-danni fil-qasam soċjali u ekonomiku,

–        tipproteġi l-interessi tal-konsumaturi, u

–        tapplika d-dħul mil-lotteriji għall-finijiet ta’ interessi ġenerali jew ta’ utilità pubblika.

 Ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni sabiex jiġi organizzat il-logħob tal-ażżard

6        L-Artikolu 9 tal-lotterilag jipprovdi li, bħala prinċipju, hija meħtieġa awtorizzazzjoni sabiex jiġi organizzat il-logħob tal-ażżard fl-Isvezja.

7        Skont l-Artikolu 15 tal-lotterilag, l-awtorizzazzjoni tista’ tingħata lil persuni ġuridiċi tad-dritt Svediż mingħajr skop ta’ lukru li, skont l-istatuti tagħhom, il-finalità prinċipali tagħhom hija li jippromovu l-għan ta’ utilità pubblika fit-territorju Svediż u li jeżerċitaw attivitajiet li jissodisfaw prinċipalment dan il-għan. Skont l-Artikolu 45 tal-lotterilag, il-Gvern Svediż jista’ jagħti awtorizzazzjonijiet speċjali sabiex jiġi organizzat logħob tal-ażżard f’każijiet oħra minbarra dawk ipprovduti fl-imsemmija liġi.

8        Skont prinċipju fundamentali tal-leġiżlazzjoni Svediża fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, li jipprovdi li l-operat tal-logħob tal-flus għandu jkun riżervat għall-għanijiet ta’ utilità pubblika jew ta’ interess ġenerali, is-suq tal-logħob tal-ażżard Svediż huwa maqsum bejn, minn naħa, l-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru li joperaw fit-territorju nazzjonali għall-finijiet ta’ utilità pubblika li ngħataw awtorizzazzjonijiet skont l-Artikolu 15 tal-lotterilag u, min-naħa l-oħra, żewġ operaturi tal-Istat jew fil-parti l-kbira kkontrollati minn dan tal-aħħar, jiġifieri l-kumpannija pubblika tal-logħob tal-ażżard Svenska Spel AB u l-kumpannija pubblika b’sehem privat Trav och Galopp AB, ikkontrollata mill-Istat u mill-organizzazzjonijiet ta’ attivitajiet ekwestri, li għandhom awtorizzazzjonijiet speċjali mogħtija skont l-Artikolu 45 tal-imsemmija liġi.

9        Skont l-Artikolu 48 tal-lotterilag, awtorità pubblika, jiġifieri l-Lotteriinspektionen, hija responsabbli li tiżgura, b’mod ċentralizzat, l-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi. Fuq il-bażi tal-lotterilag, il-Lotteriinspektion hija awtorizzata tabbozza l-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll u r-regoli interni neċessarji għal-logħob differenti. Hija teżerċita sorveljanza fuq l-attività ta’ Svenska Spel AB u twettaq spezzjonijiet u kontrolli regolari.

10      Skont l-Artikolu 52 tal-lotterilag, il-Lotteriinspektion tista’ tagħti ordnijiet u projbizzjonijiet li huma neċessarji għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi kif ukoll regoli u kundizzjonijiet adottati abbażi tagħha. Flimkien ma’ tali ordni jew projbizzjoni tista’ wkoll tiġi imposta multa amministrattiva.

 Il-projbizzjoni tal-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard mingħajr awtorizzazzjoni

11      Skont l-Artikolu 14 tal-Kapitolu 16 tal-Kodiċi Kriminali (brottsbalken, iktar ’il quddiem il-“brottsbalk”), l-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard mingħajr awtorizzazzjoni fl-Isvezja tikkostitwixxi reat ta’ logħob tal-ażżard illegali. Tali reat huwa punibbli b’multa jew b’mhux iktar minn sentejn priġunerija. Jekk il-ksur jitqies bħala serju, dan ikun punibbli, bħala reat ta’ logħob tal-ażżard illegali serju u skont il-paragrafu 14a tal-istess Kapitolu 16, b’mhux inqas minn sitt xhur u b’mhux iktar minn erba’ snin priġunerija.

12      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 54(1) tal-lotterilag, min, intenzjonalment jew b’imprudenza serja, jorganizza logħob tal-ażżard illegali tal-flus jew iżomm illegalment ċerti tipi ta’ magni tal-flus jeħel multa jew piena ta’ mhux iktar minn sitt xhur priġunerija.

13      Id-dispożizzjonijiet tal-brottsbalk dwar ir-reat ta’ logħob tal-ażżard illegali jkopru reati kriminali li huma deskritti b’mod speċifiku. Ir-reati inqas serji u li, minħabba din ir-raġuni, ma jaqgħux taħt l-imsemmi Artikolu 14, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 54(1) tal-lotterilag. Skont l-Artikolu 57(1) tagħha, din l-aħħar dispożizzjoni ma tapplikax jekk ir-reat huwa suġġett għal piena pprovduta fil-brottsbalk.

14      Peress li l-lotterilag tapplika biss fit-territorju Svediż, il-projbizzjoni tal-organizzazzjoni ta’ lotterija mingħajr awtorizzazzjoni ma tapplikax għal-logħob tal-ażżard organizzat barra mill-pajjiż. Din il-projbizzjoni lanqas ma tapplika għal-logħob tal-ażżard offrut fuq l-internet lill-konsumaturi Svediżi minn Stat Membru ieħor u l-istess liġi ma tipprekludix lil dawn tal-aħħar milli jipparteċipaw fil-logħob tal-ażżard organizzat barra mill-pajjiż. Bl-istess mod, awtorizzazzjoni maħruġa skont l-imsemmija liġi, tagħti lid-detentur tagħha, id-dritt li joffri servizzi ta’ logħob tal-ażżard biss fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ din il-liġi, jiġifieri fit-territorju Svediż.

 Il-projbizzjoni tal-promozzjoni tal-logħob tal-ażżard mhux awtorizzat

15      L-Artikolu 38(1)(1), tal-lotterilag jipprojbixxi l-promozzjoni, mingħajr awtorizzazzjoni speċjali u għal skopijiet ta’ lukru, f’attività professjonali jew b’kull mod ieħor, ta’ parteċipazzjoni fil-logħob tal-ażżard mhux awtorizzat, li huwa organizzat fit-territorju Svediż jew barra mill-Isvezja.

16      Skont l-Artikolu 38(2), tista’ tingħata deroga mill-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu fir-rigward ta’ logħob tal-ażżard li huwa organizzat fil-kuntest ta’ kooperazzjoni internazzjonali b’parteċipazzjoni Svediża minn operatur barrani awtorizzat, skont ir-regoli applikabbli fl-Istat fejn huwa stabbilit, li jorganizza logħob tal-ażżard u li jikkoopera fuq livell internazzjonali.

17      L-Artikolu 54(2) tal-lotterilag jipprovdi li kull min jippromovi illegalment għal skopijiet ta’ lukru, fil-kuntest ta’ attività professjonali jew b’kull mod ieħor, il-parteċipazzjoni fil-logħob tal-flus organizzat barra mill-pajjiż, jeħel multa jew piena ta’ mhux iktar minn sitt xhur priġunerija jekk il-promozzjoni tkun speċifikament intiża għall-parteċipanti residenti fl-Isvezja.

18      Skont l-Artikolu 23(4)(1) tal-Kapitolu 23 tal-brottsbalk, ma huwiex biss l-awtur li huwa ħati ta’ ċerti reati kriminali, iżda wkoll il-persuna li tiżgura l-promozzjoni tagħhom, permezz ta’ għajnuna jew assistenza. Barra minn hekk, skont il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, anki l-persuna li ma hijiex ikkunsidrata bħala kompliċi tar-reat hija ppenalizzata jekk tkun ħajret terz sabiex iwettaq ir-reat, jew tkun ipprovokatu jew tkun għenitu bi kwalunkwe mod ieħor.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

19      Meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, O. Sjöberg kien il-kap editur u l-pubblikatur tal-ġurnal Expressen. F’din il-kariga, huwa kellu responsabbiltà sħiħa għall-pubblikazzjoni, matul il-perijodu bejn Novembru 2003 u Awwissu 2004, ta’ reklami tal-logħob tal-ażżard organizzat barra mill-pajjiż mill-kumpanniji Expekt, Unibet, Ladbrokes u Centrebet.

20      Min-naħa tiegħu, meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, A. Gerdin kien il-kap editur u l-pubblikatur tal-ġurnal Aftonbladet. F’din il-kariga, huwa kellu responsabbiltà sħiħa għall-pubblikazzjoni, matul il-perijodu bejn Novembru 2003 u Ġunju 2004, ta’ reklami tal-logħob tal-ażżard organizzat barra mill-pajjiż mill-imsemmija kumpanniji.

21      Expekt, Unibet, Ladbrokes u Centrebet huma operaturi privati bi skop ta’ lukru stabbiliti fi Stati Membri minbarra r-Renju tal-Isvezja li joffru, b’mod partikolari lill-persuni residenti fl-Isvezja, logħob tal-ażżard fuq l-internet. Dan il-logħob tal-ażżard jinkludi, fost l-oħrajn, imħatri sportivi u poker.

22      L-Åklagaren (il-Ministeru Pubbliku) ħarrek lil O. Sjöberg u lil A. Gerdin abbażi ta’ ksur tal-Artikolu 54(2) tal-lotterilag, talli kienu ppromovew b’mod illegali u għal skop ta’ lukru l-parteċipazzjoni ta’ residenti Svediżi fil-logħob tal-ażżard organizzat barra mill-pajjiż.

23      Fil-21 ta’ Ġunju u fis-6 ta’ Settembru 2005, l-iStockholms tingsrätt (qorti tal-prim’istanza ta’ Stockholm) ikkundannat lil O. Sjöberg u A. Gerdin, kull wieħed, għall-ħlas ta’ multa penali ta’ SEK 50 000 minħabba ksur tal-lotterilag.

24      Kemm O. Sjöberg kif ukoll A. Gerdin appellaw mis-sentenza li tikkonċernahom quddiem l-iSvea hovrätt (qorti tal-appell ta’ Svea), fejn, madankollu din il-qorti ċaħdet l-ammissibbiltà tal-appell minn dawn iż-żewġ sentenzi.

25      Peress li l-persuni kkonċernati appellaw minn dawn id-deċiżjonijiet tal-iSvea hovrätt quddiem il-Högsta domstolen (qorti suprema), din tal-aħħar tat deċiżjoni, fil-5 ta’ Frar 2008, fejn iddikjarat li l-appelli ppreżentati quddiem l-iSvea hovrätt kienu ammissibbli u għaldaqstant bagħtet iż-żewġ kawżi quddiemha.

26      Fid-deċiżjoni tagħha, il-Högsta domstolen ikkunsidrat li ma kinitx ċara l-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet repressivi tal-lotterilag jikkostitwixxux sanzjoni diskriminatorja tal-promozzjoni tal-logħob tal-ażżard skont jekk tali logħob huwiex organizzat fl-Isvezja jew fi Stat Membru ieħor. Fi kwalunkwe każ, tqum il-kwistjoni dwar jekk ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, li jirriżultaw mill-Artikoli 38 u mill-Artikolu 54 tal-istess liġi, jistgħux jiġu aċċettati peress li jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet espliċitament stabbiliti fit-Trattat KE jew jekk jistgħux ikunu ġġustifikati permezz ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

27      F’dawn il-kundizzjonijiet, l-iSvea hovrätt iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, liema domandi huma identiċi għaż-żewġ kawżi prinċipali:

“1)      F’ċerti ċirkustanzi, diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità fi swieq nazzjonali ta’ logħob tal-ażżard u lotteriji tista’ tkun iġġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali?

2)      Jekk jeżistu numru ta’ għanijiet segwiti mill-politika restrittiva adottata f’suq nazzjonali ta’ logħob tal-ażżard u lotteriji u wieħed minnhom huwa l-iffinanzjar ta’ attivitajiet soċjali, dan jista’ jitqies bħala aspett pożittiv inċidentali, konsegwenza ta’ din il-politika restrittiva? Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, il-politika restrittiva li qed tiġi segwita tista’ tkun aċċettabbli jekk l-għan tal-iffinanzjar ta’ attivitajiet soċjali ma jistax jitqies bħala l-għan prinċipali tal-politika restrittiva?

3)      L-Istat jista’ jinvoka raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali bħala ġustifikazzjoni għal politika restrittiva tal-logħob tal-ażżard jekk kumpanniji kkontrollati mill-Istat jikkummerċjalizzaw l-logħob tal-ażżard u l-lotteriji, li l-qliegħ tagħhom imur f’idejn l-Istat, u wieħed mill-għanijiet ta’ din il-kummerċjalizzazzjoni huwa l-iffinanzjar ta’ attivitajiet soċjali? Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, il-politika restrittiva li qed tiġi segwita tista’ tkun, madankollu, aċċettabbli jekk jiġi deċiż li l-iffinanzjar ta’ attivitajiet soċjali mhuwiex l-għan prinċipali tal-kummerċjalizzazzjoni?

4)      Projbizzjoni totali fuq il-kummerċjalizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard u lotteriji organizzati fi Stat Membru ieħor minn kumpannija tal-logħob tal-ażżard stabbilita hemmhekk u ssorveljata mill-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru tista’ tkun proporzjonali mal-għan ta’ sorveljanza u ta’ monitoraġġ tal-attività tal-logħob tal-ażżard, meta fl-istess ħin m’hemmx restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard u lotteriji organizzati minn kumpanniji tal-logħob tal-ażżard stabbiliti fi Stat Membru li jadotta l-politika restrittiva? X’inhi r-risposta għad-domanda jekk l-għan tat-tali arranġament huwa dak li jiġi limitat il-logħob tal-ażżard?

5)      Operatur tal-logħob tal-ażżard li ngħata liċenzja sabiex jopera ċertu attività ta’ logħob tal-ażżard fi Stat u li huwa sorveljat mill-awtorità kompetenti f’dak il-pajjiż huwa intitolat li jikkummerċjalizza l-prodotti tiegħu tal-logħob tal-ażżard fi Stati Membri oħra, per eżempju, permezz ta’ reklami f’gazzetti, mingħajr ma japplika minn qabel għal liċenzja mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk l-Istati? Jekk tingħata risposta affermattiva għal din id-domanda, ir-regoli ta’ Stat Membru li jkunu bbażati fuq l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali fuq il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni fil-lotteriji organizzati barra mill-pajjiż għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment u għall-libertà li jiġu pprovduti servizzi li ma jista’ qatt ikun iġġustifikat minn raġunijiet imperattiva ta’ interess ġenerali? Il-kwistjoni ta’ jekk l-Istat Membru li fih huwa stabbilit l-operatur jinvokax jew le l-istess raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali bħal dawk tal-pajjiż li fih l-operatur jixtieq jikkummerċjalizza l-attività tiegħu ta’ logħob tal-ażżard, hija rilevanti għar-risposta għall-ewwel domanda?”

28      Permezz tad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Novembru 2008, il-Kawżi C‑447/05 u C‑448/05 ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tieni sal-ħames domandi

29      Għandu jiġi osservat, preliminarjament, li l-Artikolu 38(1) tal-lotterilag, li abbażi tiegħu tressqu l-proċeduri fil-kawża prinċipali, jipprojbixxi l-promozzjoni, mingħajr awtorizzazzjoni speċjali u għal skopijiet ta’ lukru, f’attività professjonali jew b’kull mod ieħor, tal-parteċipazzjoni fil-logħob tal-ażżard mhux awtorizzat, li huwa organizzat fit-territorju Svediż jew barra mill-Isvezja.

30      Madankollu, huwa paċifiku li l-proċeduri fil-kawża prinċipali huma biss intiżi kontra persuni li ppromovew il-logħob tal-ażżard organizzat għal skopijiet ta’ lukru minn operaturi privati fi Stati Membri oħra minbarra r-Renju tal-Isvezja. F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni fuq id-domandi tal-qorti tar-rinviju fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni biss.

31      Konsegwentement, permezz tat-tieni sal-ħames domandi tagħha, li għandhom jitwieġbu flimkien qabel ma tiġi eżaminata l-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju għandha titqies li qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 49 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi r-reklamar tal-logħob tal-ażżard organizzat fi Stati Membri oħra għal skopijiet ta’ lukru minn operaturi privati.

32      Għandu jitfakkar mill-bidu li l-Artikolu 49 KE jeżiġi t-tneħħija tar-restrizzjonijiet kollha għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, anki jekk dawn ir-restrizzjonijiet japplikaw mingħajr distinzjoni għal fornituri nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, fil-każ fejn tali restrizzjonijiet jistgħu jipprojbixxu, jipprekludu jew jirrendu inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn huwa jipprovdi servizzi simili. Barra minn hekk, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tibbenefika kemm lil fornitur kif ukoll lid-destinatarju tas-servizzi (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, Ġabra p. I‑7633, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-effett tal-Artikolu 38(1)(1) tal-lotterilag, li jipprojbixxi l-promozzjoni fl-Isvezja kemm tal-logħob tal-ażżard organizzat legalment fi Stati Membri oħra kif ukoll tal-logħob organizzat mingħajr awtorizzazzjoni fl-Isvezja, huwa li jillimita l-parteċipazzjoni tal-konsumaturi Svediżi f’dan il-logħob. L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li dawn tal-aħħar jipparteċipaw fil-logħob tal-ażżard biss fil-kuntest ta’ sistema awtorizzata fuq livell nazzjonali, u għalhekk li tiġi żgurata l-esklużjoni ta’ interessi privati bi skop ta’ lukru f’dan is-settur.

34      Konsegwentement, l-imsemmija dispożizzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà tar-residenti Svediżi li jibbenefikaw, permezz tal-internet, minn servizzi pprovduti fi Stati Membri oħra. Barra minn hekk, hija timponi, fir-rigward tal-fornituri tal-logħob tal-ażżard stabbiliti fi Stati Membri oħra minbarra r-Renju tal-Isvezja, restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi tagħhom fl-Isvezja.

35      Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat sa fejn ir-restrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi aċċettata skont derogi espliċitament previsti mit-Trattat KE jew iġġustifikata, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

36      L-Artikolu 46(1) KE, li japplika f’dan il-qasam bis-saħħa tal-Artikolu 55 KE, jippermetti restrizzjonijiet iġġustifikati minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza identifikat ċertu numru ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħalma huma l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, ta’ prevenzjoni kemm tal-frodi kif ukoll tal-inkoraġġiment liċ-ċittadini li jberbqu l-flus fil-logħob kif ukoll ta’ prevenzjoni ta’ problemi ta’ natura soċjali inġenerali (ara s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, Ġabra p. I‑1891, punt 46, kif ukoll Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

37      F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-leġiżlazzjoni dwar il-logħob tal-ażżard tagħmel parti mill-oqsma fejn hemm diverġenzi kunsiderevoli ta’ natura morali, reliġjuża u kulturali bejn l-Istati Membri. Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni Komunitarja f’dan ir-rigward, huwa kull Stat Membru li għandu jevalwa, f’dawn l-oqsma, skont l-iskala ta’ valuri partikolari għalih, ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex jiġu protetti l-interessi inkwistjoni (sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).

38      Is-sempliċi fatt li Stat Membru jkun għażel sistema ta’ protezzjoni differenti minn dik adottata minn Stat Membru ieħor ma jistax jaffettwa l-evalwazzjoni tan-neċessità u tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet adottati għal dan il-għan. Tali dispożizzjonijiet għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl tal-għanijiet tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat u tal-livell ta’ protezzjoni li dawn ikunu jixtiequ jiżguraw (sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

39      Għaldaqstant, l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu l-għanijiet tal-politika tagħhom fil-qasam tal-logħob tal-ażżard u, skont il-każ, li jiddefinixxu fid-dettall il-livell ta’ protezzjoni mixtieq. Madankollu, ir-restrizzjonijiet li huma jimponu għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-proporzjonalità tagħhom (sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

40      Għandu jiġi eżaminat, b’mod partikolari, jekk fil-kawżi prinċipali, ir-restrizzjoni tar-reklamar, imposta mil-lotterilag, tal-logħob tal-ażżard organizzat fl-Istati Membri minbarra r-Renju tal-Isvezja, għal skopijiet ta’ lukru minn operaturi privati, hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ wieħed jew iktar mill-għanijiet leġittimi invokati minn dan l-Istat Membru u jekk tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq tali għan. Barra minn hekk, leġiżlazzjoni nazzjonali tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan invokat jekk tindirrizza b’mod ġenwin it-tħassib li jintlaħaq tali għan b’mod konsistenti u sistematiku. Fi kwalunkwe każ, dawn ir-restrizzjonijiet għandhom jiġu applikati mingħajr diskriminazzjoni (sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60 u 61).

41      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku, skont il-qorti tar-rinviju, li l-esklużjoni ta’ interessi bi skop ta’ lukru privati tas-settur tal-logħob tal-ażżard hija prinċipju fundamentali tal-leġiżlazzjoni Svediża f’dan il-qasam. Fl-Isvezja, dawn l-attivitajiet huma riżervati lill-korpi li għandhom għan ta’ utilità pubblika jew ta’ interess ġenerali u l-awtorizzazzjonijiet għall-operat tal-logħob tal-ażżard ikunu ngħataw esklużivament lill-korpi pubbliċi jew filantropiċi.

42      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, l-għan intiż li jistabbilixxi limitu strett dwar jekk il-logħob tal-ażżard jistax jiġi operat bi skop ta’ lukru, ġie rikonoxxut mill-ġurisprudenza, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali intiża li tevita li l-lotteriji ma jkunux operati esklużivament fuq bażi kummerċjali u mmexxija minn organizzaturi privati li jistgħu huma stess jagħmlu qligħ minn din l-attività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 1994, Schindler, C‑275/92, Ġabra p. I‑1039, punti 57 sa 59).

43      Kunsiderazzjonijiet ta’ natura kulturali, morali jew reliġjuża jistgħu fil-fatt jiġġustifikaw restrizzjonijiet fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn operaturi tal-logħob tal-ażżard, b’mod partikolari inkwantu jista’ jitqies inaċċettabbli li jsir qligħ mill-isfruttament ta’ problema soċjali jew mid-dgħufija tan-nies li jilagħbu jew mill-isfortuna tagħhom. Skont l-iskala ta’ valuri li għandu kull Stat Membru u b’kunsiderazzjoni għas-setgħa diskrezzjonali li għandhom, Stat Membru jista’ jillimita l-operat tal-logħob tal-ażżard billi jħalli dan l-inkarigu f’idejn korpi pubbliċi jew filantropiċi.

44      Fil-kawżi prinċipali, l-operaturi li ppubblikaw r-reklami li abbażi tagħhom inbdew proċeduri kriminali huma kumpanniji privati bi skop ta’ lukru li, kif ikkonferma l-Gvern Svediż waqt is-seduta, qatt ma setgħu jibbenefikaw, skont il-leġiżlazzjoni Svediża, minn awtorizzazzjoni għall-operat tal-logħob tal-ażżard.

45      Il-projbizzjoni tal-promozzjoni ta’ servizzi ta’ tali operaturi lill-konsumaturi residenti fl-Isvezja, għalhekk tirrifletti l-għan tal-esklużjoni tal-interessi privati bi skop ta’ lukru tas-settur tal-logħob tal-ażżard u barra minn hekk tista’ titqies li hija neċessarja sabiex jintlaħaq tali għan.

46      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni sal-ħames domandi għandha tkun li l-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik fil-kawża inkwistjoni, li tipprojobixxi r-reklamar lir-residenti ta’ dan l-Istat tal-logħob tal-ażżard organizzat fi Stati Membri oħra għal skopijiet ta’ lukru minn operaturi privati.

 Fuq l-ewwel domanda

47      L-ewwel domanda tikkonċerna l-fatt li l-Artikolu 54(2) tal-lotterilag jipprovdi sanzjonijiet kriminali biss fir-rigward tal-promozzjoni tal-logħob tal-ażżard organizzat fi Stat Membru ieħor u ma japplikax għall-promozzjoni ta’ tali logħob tal-ażżard organizzat fl-Isvezja mingħajr awtorizzazzjoni, fejn dan l-aħħar reat huwa punibbli b’multa amministrattiva skont l-Artikolu 52 ta’ din il-liġi. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali differenza fir-rigward tas-sanzjonijiet previsti mill-imsemmija liġi tikkostitwixxix diskriminazzjoni inkompatibbli mal-Artikolu 49 KE.

48      Konsegwentement, l-ewwel domanda għandha tinftiehem bħala li essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 49 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li jissuġġetta l-logħob tal-ażżard għal sistema ta’ drittijiet esklużivi, li skonthom il-promozzjoni ta’ dan il-logħob tal-ażżard organizzat fi Stat Membru ieħor hija suġġetta għal sanzjonijiet iktar severi mill-promozzjoni ta’ tali logħob organizzat fit-territorju nazzjonali mingħajr awtorizzazzjoni.

49      Għalkemm, bħala prinċipju, il-leġiżlazzjoni kriminali taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt tal-Unjoni jimponi limiti għal dik il-kompetenza, u fil-fatt, tali leġiżlazzjoni ma tistax tillimita l-libertajiet fundamentali ggarantiti minn dan id-dritt (sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68).

50      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-restrizzjonijiet imposti mill-Istati Membri minħabba t-twettiq tal-għanijiet ta’ interess ġenerali għandhom japplikaw mingħajr diskriminazzjoni (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Placanica et, punt 49, kif ukoll Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, punt 60).

51      F’dan ir-rigward, hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-Gvern Svediż, fuq naħa, u O. Sjöberg u A. Gerdin, fuq naħa oħra, fir-rigward ta’ jekk il-leġiżlazzjoni Svediża, b’mod partikolari l-Artikolu 4 tal-Kapitolu 23 tal-brottsbalk, tipprovdix sanzjonijiet għall-promozzjoni tal-logħob tal-ażżard organizzat fl-Isvezja mingħajr awtorizzazzjoni li huma ekwiparabbli għal dawk applikabbli skont l-Artikolu 54(2) tal-lotterilag għall-promozzjoni ta’ tali logħob organizzat fi Stat Membru ieħor.

52      Skont il-Gvern Svediż, il-promozzjoni tal-logħob tal-ażżard organizzat fl-Isvezja mingħajr awtorizzazzjoni hija punibbli bis-saħħa tal-Artikolu 4 tal-Kapitolu 23 tal-brottsbalk, inkwantu tikkostitwixxi reat ta’ kompliċità tar-reat ta’ logħob illegali stabbilit fl-Artikolu 14 tal-Kapitolu 16 tal-istess kodiċi, jew inkella tar-reat previst fl-Artikolu 54(1) tal-lotterilag ta’ organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard mhux awtorizzat jew taż-żamma ta’ ċerti tipi ta’ magni tal-flus.

53      O. Sjöberg u A. Gerdin, min-naħa l-oħra, jikkontestaw il-fatt li l-Artikolu 4 tal-Kapitolu 23 tal-brottsbalk huwa applikabbli għall-promozzjoni tal-logħob tal-ażżard organizzat fl-Isvezja mingħajr awtorizzazzjoni. Fil-fehma tagħhom, ma hemm ebda miżura li tippenalizza tali promozzjoni, indipendentement minn jekk tali logħob tal-ażżard huwiex awtorizzat jew le. A. Gerdin jippreċiża li l-imsemmi artikolu huwa applikabbli biss għall-assistenza fl-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard illegali, iżda ma japplikax għall-promozzjoni tiegħu.

54      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-kuntest ta’ proċeduri mressqa skont dan l-artikolu, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għandha ssir mill-qrati tal-Istati Membri u mhux mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Placanica et, punt 36, kif ukoll Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, punt 37).

55      Konsegwentement, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk iż-żewġ ksur inkwistjoni, minkejja li jaqgħu taħt sistemi differenti, għandhomx madankollu jkunu suġġetti għal trattament ekwiparabbli skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Din il-qorti għandha tevalwa b’mod partikolari jekk, skont il-fatti, il-proċeduri kontra tali ksur jitressqux mill-awtoritajiet kompetenti bl-istess diliġenza u jekk jirriżultawx fl-impożizzjoni ta’ pieni ekwiparabbli mill-qrati kompetenti.

56      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 81 sa 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk iż-żewġ ksur inkwistjoni huma suġġetti għal trattament ekwiparabbli, is-sistema nazzjonali ma tistax titqies li hija diskriminatorja, minkejja li d-dispożizzjonijiet li abbażi tagħhom tressqu l-proċeduri u li jistabbilixxu s-sanzjonijiet applikabbli huma inklużi f’testi differenti. Min-naħa l-oħra, jekk il-persuni li jippromovu l-logħob tal-ażżard organizzat fl-Isvezja mingħajr awtorizzazzzjoni jkunu suġġetti għal sanzjonijiet inqas severi minn dawk li huma imposti fuq persuni li jirreklamaw tali logħob organizzat fi Stati Membri oħra, għandu għalhekk jiġi kkonstatat li l-imsemmija sistema hija diskriminatorja u li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 54(2) tal-lotterilag imorru kontra l-Artikolu 49 KE u, konsegwentement, ma humiex infurzabbli fir-rigward ta’ persuni li tressqu proċeduri kontrihom fil-kawża preżenti.

57      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-logħob tal-ażżard għal sistema ta’ drittijiet esklużivi u li tipprovdi li l-promozzjoni ta’ dan il-logħob organizzat fi Stat Membru ieħor hija punibbli b’sanzjonijiet iktar severi mill-promozzjoni ta’ tali logħob operat fit-territorju nazzjonali mingħajr awtorizzazzjoni. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq l-ispejjeż

58      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik fil-kawża inkwistjoni, li tipprojobixxi r-reklamar lir-residenti ta’ dan l-Istat tal-logħob tal-ażżard organizzat fi Stati Membri oħra għal skopijiet ta’ lukru minn operaturi privati.

2)      L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-logħob tal-ażżard għal sistema ta’ drittijiet esklużivi u li tipprovdi li l-promozzjoni ta’ dan il-logħob organizzat fi Stat Membru ieħor hija punibbli b’sanzjonijiet iktar severi mill-promozzjoni ta’ tali logħob operat fit-territorju nazzjonali mingħajr awtorizzazzjoni. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.