Kawżi magħquda C-379/08 u C-380/08

Raffinerie Mediterranee (ERG) SpA et

vs

Ministero dello Sviluppo economico et

u

ENI SpA

vs

Ministero Ambiente e Tutela del Territorio e del Mare et

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale della Sicilia)

“Prinċipju ta’ min iniġġes iħallas — Direttiva 2004/35/KE — Responsabbiltà ambjentali — Applikabbiltà ratione temporis — Tniġġis li seħħ qabel id-data stabbilita għat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva u li tkompla wara din id-data — Miżuri ta’ rimedju — Obbligu ta’ konsultazzjoni tal-impriżi kkonċernati — Anness II”

Sommarju tas-sentenza

1.        Ambjent — Prevenzjoni u rimedju għal danni ambjentali — Responsabbiltà ambjentali — Direttiva 2004/35 — Miżuri ta’ rimedju

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/35,Artikoli 7 u 11(4) u Anness II, punt 1.3.1)

2.        Ambjent — Prevenzjoni u rimedju għal danni ambjentali — Responsabbiltà ambjentali — Direttiva 2004/35 — Miżuri ta’ rimedju

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/35)

1.        L-Artikoli 7 u 11(4) tad-Direttiva 2004/35, dwar ir‑responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal‑prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali, moqrija flimkien mal-Anness II ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità kompetenti għandha s‑setgħa li tbiddel b’mod sostanzjali miżuri ta’ rimedju għad-danni ambjentali li jkunu ġew deċiżi wara proċedura kontradittorja li saret b’kooperazzjoni mal-operaturi kkonċernati u li diġà twettqu jew bdew jitwettqu. Madankollu, sabiex tadotta deċiżjoni bħal din:

- din l-awtorità hija obbligata li tisma’ lill-operaturi li fuqhom ġew imposti tali miżuri, ħlief meta l-urġenza tas-sitwazzjoni ambjentali titlob azzjoni immedjata tal-awtorità kompetenti;

- l-imsemmija awtorità hija wkoll obbligata li ssejjaħ, b’mod partikolari, il-persuni li tagħhom hija l-art li fuqha għandhom jitwettqu dawn il-miżuri sabiex jippreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom, u li teħodhom inkunsiderazzjoni, u

- din l-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji elenkati fil‑punt 1.3.1 tal-Anness II tad-Direttiva 2004/35 u tindika fid-deċiżjoni tagħha r-raġunijiet li jimmotivaw l-għażla tagħha kif ukoll, jekk ikun il-każ, ir-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw il-fatt li ma kellux għalfejn isir jew ma setax isir eżami ddettaljat fid-dawl tal-imsemmija kriterji minħabba, pereżempju, l-urġenza tas-sitwazzjoni ambjentali.

(ara l-punt 67 u d-dispożittiv 1)

2.        Id-Direttiva 2004/35, dwar ir‑responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal‑prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali, ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtorità kompetenti li tissuġġetta l-eżerċizzju tad-dritt li l-operaturi kkonċernati minn miżuri ta’ rimedju ambjentali għandhom li jużaw l-artijiet tagħhom għall-kundizzjoni li huma jwettqu x-xogħlijiet rikjesti minnha, u dan anki fil-każ fejn l‑imsemmija artijiet ma jkunux affettwati minn dawn il-miżuri minħabba l‑fatt li huma diġà kienu s-suġġett ta’ miżuri preċedenti ta’ “risanament” jew li qatt ma kienu mniġġsa. Madankollu, tali miżura għandha tkun iġġustifikata mill-għan li jiġi evitat li s-sitwazzjoni ambjentali tal-post fejn l-imsemmija miżuri jiġu implementati tmur għall-agħar, jew, skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni, mill-għan tal-prevenzjoni tal-okkorrenza jew ir-rikorrenza ta’ danni ambjentali oħra fl-imsemmija artijiet tal-operaturi, li jmissu mal‑kosta kollha tal-baħar li hija s-suġġett ta’ dawn il miżuri ta’ rimedju.

(ara l-punt 92 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

9 ta’ Marzu 2010 (*)

“Prinċipju ta’ min iniġġes iħallas – Direttiva 2004/35/KE – Responsabbiltà ambjentali – Applikabbiltà ratione temporis – Tniġġis li seħħ qabel id-data stabbilita għat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva u li tkompla wara din id-data – Miżuri ta’ rimedju – Obbligu ta’ konsultazzjoni tal-impriżi kkonċernati – Anness II”

Fil-Kawżi magħquda C-379/08 u C-380/08,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale della Sicilia (l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-5 u tad-19 ta’ Ġunju 2008 ripettivament, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Awwissu 2008, fil-proċedura,

Raffinerie Mediterranee (ERG) SpA (C‑379/08),

Polimeri Europa SpA,

Syndial SpA

vs

Ministero dello Sviluppo economico,

Ministero della Salute,

Ministero Ambiente e Tutela del Territorio e del Mare,

Ministero delle Infrastrutture,

Ministero dei Trasporti,

Presidenza del Consiglio dei Ministri,

Ministero dell’Interno,

Regione siciliana,

Assessorato regionale Territorio ed Ambiente (Sicilia),

Assessorato regionale Industria (Sicilia),

Prefettura di Siracusa,

Istituto superiore di Sanità,

Commissario Delegato per Emergenza Rifiuti e Tutela Acque (Sicilia),

Vice Commissario Delegato per Emergenza Rifiuti e Tutela Acque (Sicilia),

Agenzia Protezione Ambiente e Servizi tecnici (APAT),

Agenzia regionale Protezione Ambiente (ARPA Sicilia),

Istituto centrale Ricerca scientifica e tecnologica applicata al Mare,

Subcommissario per la Bonifica dei Siti contaminati,

Provincia regionale di Siracusa,

Consorzio ASI Sicilia orientale Zona Sud,

Comune di Siracusa,

Comune di Augusta,

Comune di Melilli,

Comune di Priolo Gargallo,

Azienda Unità sanitaria locale N. 8,

Sviluppo Italia Aree Produttive SpA,

Invitalia (Agenzia nazionale per l’attrazione degli investimenti e lo sviluppo d’impresa) SpA, li kienet Sviluppo Italia SpA,

fil-preżenza ta’:

ENI Divisione Exploration and Production SpA,

ENI SpA,

Edison SPA,

                                                      u

ENI SpA (C‑380/08)

vs

Ministero Ambiente e Tutela del Territorio e del Mare,

Ministero dello Sviluppo economico,

Ministero della Salute,

Regione siciliana,

Istituto superiore di Sanità,

Agenzia per la Protezione dell’Ambiente e per i Servizi tecnici,

Commissario delegato per l’Emergenza rifiuti e la Tutela delle Acque,

fil-preżenza ta’:

Invitalia (Agenzia nazionale per l’attrazione degli investimenti e lo sviluppo d’impresa) SpA, li kienet Sviluppo Italia SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President tal-Awla, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.‑C. Bonichot, R. Silva de Lapuerta, P. Lindh u C. Toader (Relatur), Presidenti ta’ Awla, C. W. A. Timmermans, K. Schiemann, P. Kūris, E. Juhász, A. Arabadjiev u J.‑J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Settembru 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Raffinerie Mediterranee (ERG) SpA, minn D. De Luca, M. Caldarera, L. Acquarone u G. Acquarone, avukati,

–        għal Polimeri Europa SpA u Syndial SpA, minn G. M. Roberti, I. Perego, S. Grassi u P. Amara, avukati,

–        għal ENI SpA, minn G. M. Roberti, I. Perego, S. Grassi u C. Giuliano, avukati,

–        għal Sviluppo Italia Aree Produttive SpA u Invitalia (Agenzia nazionale per l’attrazione degli investimenti e lo sviluppo d’impresa) SpA, li kienet Sviluppo Italia SpA, minn F. Sciaudone, avukat,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn D. Del Gaizo, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn C. Zadra u D. Recchia, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tat-22 ta’ Ottubru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal‑prinċipju ta’ min iniġġes iħallas u tad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar ir‑responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 357).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn il‑kumpanniji Raffinerie Mediterranee (ERG) SpA, Polimeri Europa SpA, Syndial SpA, u ENI SpA u diversi awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u komunali Taljani dwar il-miżuri ta’ rimedju għal danni ambjentali adottati minn dawn l-awtoritajiet fir-rigward tar-Rada di Augusta (l-Italja) li madwaru jinsabu l-installazzjonijiet u/jew l-artijiet tal‑imsemmija kumpanniji.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi tad-Direttiva 2004/35 li huma rilevanti għall-kawża preżenti jipprovdu dan li ġej:

“(1)      […]Kondizzjonijiet lokali għandhom jitqiesu meta tittieħed deċiżjoni dwar kif għandu jseħħ ir-rimedju għad-danni.

(2)      Il-prevenzjoni u r-rimedju għad-danni ambjentali għandhu jkun implimentat bis-saħħa tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, kif indikat fit-Trattat u fid-dawl tal-prinċipju ta’ l-iżvillup sostenibbli. Il-prinċipju fondamentali ta’ din id-Direttiva għandu għalhekk ikun li l-operatur li minħabba l-attivitaÏ tiegħu jikkawża danni ambjentali jew jikkawża periklu iminenti ta’ danni għandu jitqies finanzjarjament responsabbli, dan sabiex l-operatur jadotta miżuri u jiżviluppa drawwiet biex jiminimizza r-riskju ta’ danni ambjentali sabiex l-esposizzjoni tiegħu għar-responabiltaÏ finanazjarja tonqos.

(3)      […] [L-]għan ta’ din id-Direttiva, liema għan huwa li jiġi stabbilit qafas komuni għall-prevenzjoni u r-rimedju għad-danni ambjentali bi prezz li jkun raġonevoli għas-soċjetaÏ, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti minn l-Istati Membri u għalhekk jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Kommunità […].

[…]

(7)      Sabiex tkun tista’ ssir stima ta’ danni lil l-art kif definiti f’din id-Direttiva l-użu ta’ proċeduri ta’ stima tar-riskju biex jiġi stabbilit sa liema punt jistgħu jeffetwaw b’mod negattiv is-saħħa tal‑bniedem huma bżonjużi.

[…]

(24)      Huwa neċessarju li mezzi effettivi ta’ l-implimentazzjoni u infurzar jkunu disponibbli, filwaqt li jkun assigurat li l-interessi leġittimi ta’ l-operaturi relevanti u partijiet oħra li għandhom interess ikunu adekwatament protetti. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu inkarigati minn kompiti speċifiċi li jirrikjedu diskrezzjoni amministrattiva xierqa, jiġifieri l-inkarigu biex issir stima ta' l-importanza tad-danni u d-deċiżjoni liema miżuri ta’ rimedju għandhom jittieħdu.

[…]

(30)      Danni kkawżati qabel ma jispiċċa t-terminu perentorju għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva mhux kopert mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

[…]”

4        Skont l-Artikolu 2(11) tad-Direttiva 2004/35 “miżuri ta’ rimedju” jfissru “kull azzjoni, jew tagħqid ta’ azzjonijiet, li tinkludi miżuri ta’ mitigazzjoni jew temporanji bl-iskop ta’ restorazzjoni, reabilitazzjoni jew tibdil tar-riżorsi naturali milquta u/jew is-servizzi mfixxkla, jew l-provvediment ta’ alternativa ekwivalenti għal dawk ir-riżorsi jew servizzi kif stabbilit fl-Anness I [Anness 11]”.

5        L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Azzjoni ta’ Rimedju”, jipprovdi:

“1.      Meta d-danni ambjentali filfatt seħħew l-operatur għandu, mingħajr dewmien, jinforma l-awtorità kompetenti dwar kull aspett relevanti tas-sitwazzjoni u jieħu:

a)      kull pass prattikabbli biex jikkontrolla malajr, jillimta, jneħħI jew f’kull mod ieħor jikkontrolla l-kontaminanti relevanti u/jew kull fattur ta’ dannu ieħor sabiex id-danni ambjentali jkunu limitati jew aktar danni u l-effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem jew aktar tfixkil tas-servizzi jiġu evitati u

b)      il-miżuri ta’ rimedju neċessarji, skond l-Artikolu 7.

2.      L-awtorità kompetenti tista’, f’kull ħin:

a)      titlob lil l-operatur biex jipprovdi informazzjoni supplimentari dwar kull danni li seħħew;

b)      tieħu, titlob lil l-operatur jieħu jew tagħti istruzzjonijiet lil l-operatur dwar, kull pass prattikabbli biex jikkontrolla malajr, jillimta, jneħħi jew f’kull mod ieħor jikkontrolla l-kontaminanti relevanti u/jew kull fattur ta’ dannu ieħor sabiex id-danni ambjentali jkunu limitati jew aktar danni u l-effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem jew aktar tfixkil tas-servizzi jiġu evitati;

ċ)      titlob lil l-operatur jieħu l-miżuri ta’ rimedju neċessarji;

d)      tagħti istruzzjonijiet lil l-operatur li huwa għandu jsegwi dwar il‑miżuri ta’ rimedju neċessarji; jew

e)      hi innifisha tieħu il-miżuri ta’ rimedju neċessarji.

3.      L-awtorità kompetenti għandha titlob li l-miżuri ta’ rimedju jittieħdu mil l-operatur. Jekk l-operatur jonqos li jħares l-obliggi stabbiliti fil-paragrafu 1 jew 2(b), (c) jew (d), ma jistax jiġi identifikat jew mhux meħtieġ jbati l-ispejjeż skond din id-Direttiva, l-awtorità kompetenti tista’ tieħu l-miżuri hi stess, meta jkun falla kull tentattiv ieħor.”

6        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/35, intitolat “Id-determinazzjoni tal‑miżuri ta’ rimedju”, jipprovdi:

“1.      L-operaturi għandhom jidentifikaw, skond l-Anness II, miżuri ta’ rimedju potenzali u jagħtuhom lil l-awtorità kompetenti għal l-approvazzjoni tagħha, kemm-il darba l-awtorità kompetenti ma ħaditx passi skond l-Artikolu 6(2)(e) u (3).

2.      L-awtorità kompetenti għandha tiddeċiedi liema miżuri ta’ rimedju għandhom jiġu implimentati skond l-Anness II, u bil‑koperazzjoni ta’ l-operatur relevanti, kif rikjest [jekk ikun il-każ].

3.      Meta jkun hemm iktar minn każ wieħed ta’ danni ambjentali b’tali mod li l-awtorità kompetenti ma tistax tassigura li l-miżuri ta’ rimedju neċessarji qed jittieħdu fl-istess waqt, l-awtorità kompetenti tkun intitolata tiddeċiedi liema każ ta’ danni ambjentali għandhu jiġI rimedjat l-ewwel.

Hi u tieħu dik id-deċiżjoni, l-awtorità kompetenti għandha tikkunsidra, inter alia, in-natura, l-firxa u l-gravità tal-każijiet varji ta’ danni ambjentali kkonċernati, u lill-possibilità ta’ rkupru naturali. Ir-riskji lis‑saħħa tal-bniedem għandhom ukoll jiġu kkunsidrati.

4.      L-awtorità lokali kompetenti għandha ssejjah lill-persuni msemmija fl‑Artikolu 12(1) u f’kull każ il-persuni li tagħhom hija l-art li fuqha jitwettqu l-miżuri ta’ rimedju biex jagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom u għandha tikkunsidrhom.”

7        It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“Bla ħsara lill-paragrafi 3 u 4, l-awtorità kompetenti għandha tirkupra, inter alia, permezz ta’ l-garanzija fuq il-proprjetà jew garanziji oħra xierqa mill-operatur li ikkawża d-danni jew il-periklu iminenti ta’ danni, l-ispejjeż li ntefqu f’dak li għandu x’jaqsam mal-miżuri ta’ prevenzjoni jew rimedju li ittieħdu skond din id-Direttiva.”

8        L-Artikolu 11 tal-istess direttiva, intitolat “L-Awtorità kompetenti”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtorità/awtoritajiet kompetenti responsabbli biex taderixxi/jaderixxu mad-doveri previsti f’din id-Direttiva.

2.      L-obbligu li jkun stabbilit liema operator ikkawża d-danni jew periklu iminenti ta’ danni, li ssir stima tas-sinjifikanza tad-danni u li jkun stabbilit liema miżuri ta’ rimedju għandhom jittieħdu b’referenza għal l-Anness II huwa ta’ l-awtorità kompetenti. Għal dan l-iskop, l-awtorità kompetenti tkun tista’ titlob lil l-operatur relevanti, li jwettaq l-istima tiegħu u li jipprovdi kull informazzjoni u data neċessarja.

3.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtorità kompetenti tista’ tagħti l-poter jew titlob lill-parti terzi jwettqu l-miżuri neċessarji ta’ prevenzjoni u rimedju.

4.      Kull deċiżjoni meħuda skond din id-Direttiva li timponi miżuri ta’ prevenzjoni jew rimedju għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom ġiet ibbażata l-imsemmija deċiżjoni. L-imsemmija deċiżjoni għandha tkun notifikata malajr kemm jist’ jkun lil l-operatur ikkonċernat, li għandu fl-istess waqt ikun informat dwar ir-rimedji legali lilu disponibbli skond il-liġijiet fis-seħħ fl-Istati Membri kkonċernati u dwar il-limitazzjonijiet fuq il-ħin li dawn ir-rimedji għandhom.”

9        L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/35, intitolat “Talba għal l-azzjoni” jipprovdi:

“Persuna fiżika jew ġuridika:

a)      li huma milquta jew x’aktarx ikunu milquta mid-danni ambjentali jew

b)      li għandhom interess biżżejjed fid-deċiżjonijiet dwar l-ambjent li għandhom x’jaqsmu ma danni jew, inkella,

(ċ)      li jallegaw it-tfixkil ta’ dritt, meta l-liġI tal-proċedura amministrattiva ta' l-Istati Membri titlob dan bħala prekondizzjoni,

għandhom ikunu intitolati li jagħtu lil l-awtorità kompetenti kull osservazzjoni li għandha x’taqsam ma każijiet ta’ danni ambjentali jew il-periklu iminenti ta’ danni li huma jafu bihom u ukoll ikunu intitolati li jitolbu lil l-awtorità kompetenti tieħu passi skond din id-Direttiva.”

10      Taħt it-titolu “Ir-relazzjoni mal-liġI nazzjoni”, l-Artikolu 16(1) tad‑Direttiva 2004/35 jipprovdi, li din id-direttiva “m’għandhiex iżżomm lil L-Istati Membri milli jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet aktar stretti f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju tad-danni ambjentali, li jinkludi l-identifikazzjoni ta’ attivitajiet oħra li jistgħu jkunu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ prevenzjoni u rimedju ta’ din id-Direttiva u l-identifikazzjoni ta’ partijiet responsabbli oħra.”

11      L-Artikolu 17 tal-istess direttiva, intitolat “Applikazzjoni temporali [ratione temporis]”, jistabbilixxi li din ma tapplikax għal:

“[…]

–      danni kkawżati minn emissjoni, każ jew inċident li seħħ qabel id-data msemmija fl-Artikolu 19(1),

–        danni kkawżati minn emissjoni, każ jew inċident, seħħ wara d-data msemmija fl-Artikolu 19(1) meta tkun ir-riżultat ta’ attività speċifika li seħħet u spiċċat qabel l-imsemmija data,

–        danni, jekk iktar minn 30 sena għaddew mill-emissjoni, każ jew inċident, li jirriżultaw fid-danni, li ġraw.”

12      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tal-imsemmija direttiva jispeċifika li l-Istati Membri għandhom jimplementaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom magħha sal-iktar tard it-30 ta’ April 2007.

13      L-Anness II tad-Direttiva 2004/35, intitolata “Ir-rimedju tad-danni ambjentali”, li l-punt 1.3 tiegħu li jitratta l-għażliet varji ta’ rimedju, jipprovdi kif ġej:

“1.3.1. Ir-rimedji raġonevoli varji għandhom ikunu evalwati, bis-saħħa ta’ l-aħjar teknoloġija disponibbli, fuq bażi

tal-kriterji li ġejjin:

–        L-effett ta’ l-għażla fuq is-saħħa u salvagward tal-pubbliku,

–        L-ispejjeż biex tiġI fis-seħħ dik l-għażla,

–        Il-probabilità ta’ suċċess ta’ kull għażla,

–        Kemm kull għażla jirnexxielha tevita danni fil-futur, u tevita Danni kollaterali bħala riżultat ta’ l-implementazzjoni ta’ l-għażla,

–        Kemm, kull għażla, hija ta’ benefiċċju għal kull komponent tar-riżorsi naturali u/jew tas-servizzi,

–        Kemm, kull għażla, tikkunsidra problemi soċjali, ekonomiċi u kulturali u fatturi oħra relevanti li huma speċifiċi għal post,

–        It-tul taż-żmien li jkun hemm bżonn biex ir-restorazzjoni tkun effettiva,

–        Kemm, kull għażla, tirnexxi fir-restorazzjoni tal-post fejn hemm id- danni ambjentali,

–        Il-konessjonijiet ġeografiċi mal-post li soffra d-danni.

–        […]”

 Id-dritt nazzjonali

14      Il-qorti tar-rinviju tirreferi għad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22, tal-5 ta’ Frar 1997, dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva [tal-Kunsill] 91/156/KEE [tat-18 ta’ Marzu 1991, li temenda d-Direttiva 75/442/KEE dwar l-iskart] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 3), tad‑Direttiva [tal-Kunsill] 91/689/KEE [tat-12 ta’ Diċembru 1991,] fuq skart perikoluż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 78) u tad-Direttiva 94/62/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 1994] dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 13, Vol. 13, p. 349) (suppliment ordinarju tal‑GURI Nru 38, tal-15 ta’ Frar 1997, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 22/1997”). Dan id-digriet tħassar u ġie ssostitwit bid‑Digriet Leġiżlattiv Nru 152, tat-3 ta’ April 2006, dwar l-istandards ambjentali (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 88, tal-14 ta’ April 2006), li, permezz tal-Artikolu 299 sa 318 tiegħu, jittrasponi fis-sistema legali Taljana d-Direttiva 2004/35.

15      L-Artikolu 17 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22/1997 jistabbilixxi li “kull persuna li taqbeż, anki b’mod aċċidentali, il-limiti stabbiliti fil‑paragrafu 1(a), jew li toħloq riskju konkret u reali li l-imsemmija limiti ser jinqabżu, għandha, minn butha, tiżgura, tirrisana u tirriabilizza l-ambjent taż-żoni mniġġsa u tal-installazzjonijiet li jippreżentaw riskju ta’ tniġġis […]”.

16      L-Artikolu 9 tad-Digriet Ministerjali Nru 471, tal-25 ta’ Ottubru 1999, li jistabbilixxi l-kriterji, il-proċeduri u l-metodi ta’ sigurtà, tar-“risanament” u ta’ riabilitazzjoni tas-siti mniġġsa, skont l-Artikolu 17 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22, tal-5 ta’ Frar 1997, kif emendat u ssupplimentat (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 293, tal-15 ta’ Diċembru 1999), jipprovdi:

“Il-proprjetarju ta’ sit jew persuna oħra li […] minn jeddu jixtieq jibda l-proċeduri li jirrigwardaw il-miżuri ta’ sigurtà urġenti, ta’ risanament u ta’ riabilitazzjoni ambjentali, skont l-Artikolu 17(13a) tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 22/1997], għandu jikkomunika lir-reġjun, lill-provinċja u lill-komun is-sitwazzjoni tat-tniġġis ikkonstatata kif ukoll l-eventwali miżuri ta’ sigurtà urġenti eventwali neċessarji sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent adottati u fil-fażi tat-twettiq. Il-komunikazzjoni għandha tkun akkumpanjata b’dokumenti tekniċi xierqa li juru l-karatteristiċi tal‑miżuri msemmija iktar ’il fuq. […] [I]l-komun jew, fil-każ fejn it-tniġġis jirrigwarda t-territorju ta’ diversi komuni, ir-reġjun, għandu jivverifika l-effikaċja tal-miżuri ta’ sigurtà urġenti adottati u jista’ jimponi struzzjonijiet u miżuri komplementarji, b’mod partikolari miżuri ta’ sorveljanza li għandhom jiġu implementati sabiex jiġu vverifikati ċ-ċirkustanzi tat-tniġġis u l-kontrolli li għandhom jitwettqu sabiex tiġi vverifikata l-effikaċja tal-miżuri implementati għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-ambjent tal-viċinanza […]”

17      L-Artikolu 311(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152, tat-3 ta’ April 2006, jipprovdi:

“Kull persuna li, billi twettaq fatt illeċitu jew billi tonqos milli teżerċita attivitajiet jew milli tadotta l-aġir meħtieġ, u bi ksur ta’ dispożizzjoni, liġijiet jew miżuri amministrattivi, b’negliġenza, inkompetenza, imprudenza jew bi ksur tar-regoli tekniċi, tikkawża danni lill-ambjent billi tbiddlu, tgħarrqu jew teqirdu, totalment jew parzjalment, għandha tirriabilitah għall-istatus quo ante u, fin-nuqqas ta’ dan, għandha tikkumpensa lill-Istat f’ammont ekwivalenti.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      Il-kawżi prinċipali huma parti minn serje ta’ rikorsi mressqa minn kumpanniji ta’ madwar il-kosta tar-Rada ta’ Augusta (Sicilia) kontra d-deċiżjonijiet ta’ diversi awtoritajiet amministrattivi Taljani li imponew fuq dawn il‑kumpanniji obbligi ta’ rimedju tat-tniġġis ikkonstatat fis-sit ta’ interess nazzjonali ta’ Priolo.

19      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali essenzjalment jikkritikaw lill‑imsemmija awtoritajiet amministrattivi talli aġixxew unilateralment fid-determinazzjoni tal-miżuri ta’ rimedju għad-danni ambjentali kkawżati lill-imsemmi sit. B’mod partikolari, huma jilmentaw li dawn l-awtoritajiet bidlu, radikalment u mingħajr konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, il-proġetti ta’ intervent li diġà kienu ġew approvati minn dawn l‑awtoritajiet. Dawn il-proġetti, li jinvolvu b’mod partikolari l-bini ta’ diga ta’ natura idrawlika tas-sfuf ta’ taħt l-art saturati bl-ilma, kienu diġà bdew jiġu eżegwiti. Issa, il-proġett attwali, b’mod partikolari l-kostruzzjoni ta’ barriera fiżika madwar il-kosta kollha tal-baħar li tmiss mas-siti industrijali tar‑rikorrenti fil-kawża prinċipali, huwa radikalment differenti mill‑proġett il-qadim u ma kien suġġett għal ebda evalwazzjoni ambjentali. Fl-aħħar nett, l-istess awtoritajiet huma kkritikati talli inġustament issuġġettaw il-possibbilità li dawn ir-rikorrenti jużaw l-artijiet industrijali tagħhom għall-kundizzjoni li huma jkunu diġà wettqu l-imsemmija xogħlijiet li, fil-verità, jirrigwardaw artijiet jew żoni ta’ art oħra li ma humiex dawk li huma proprjetarji tagħhom.

20      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu għamlu kawżi quddiem il-qorti tar-rinviju li kienet annullat il‑miżuri adottati mill‑imsemmija awtoritajiet amministrattivi, b’mod partikolari fis‑sentenza Nru 1254/2007, tal-21 ta’ Lulju 2007. Hija kienet fil-fatt irrilevat li, peress li l-pjanijiet inizjali kienu diġà ġew approvati b’digriet interministerjali, li tahom natura definittiva, u peress li kienu fi stadju avvanzat ta’ eżekuzzjoni, eventwali bidliet ta’ dawn il-proġetti setgħu jiġu deċiżi biss permezz ta’ digriet interministerjali ġdid. Din il-qorti kkonstatat ukoll li kien illoġiku li wieħed jipprova jikseb tlestija iktar mgħaġġla tax-xogħlijiet bl-użu ta’ teknoloġija kompletament differenti minn dik diġà approvata. Fl-aħħar nett, hija kkunsidrat li d-deċiżjoni tal‑imsemmija awtoritajiet ma kinitx motivata u ma kienet tinkludi l-ebda eżami tekniku u li ma kien sar ebda studju dwar l-impatt fuq l-ambjent tal-miżuri l-ġodda ta’ rimedju li ġew imposti fuq ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

21      Minkejja din is-sentenza, l-awtoritajiet amministrattivi Taljani sussegwentement tennew it-talbiet tagħhom għat-twettiq b’mod partikolari ta’ barriera fiżika. Għalhekk ġie adottat id-Digriet Nru 4486, tas-16 ta’ April 2008, li għandu bħala suġġett “miżura finali ta’ adozzjoni [...] tal-konferenza dipartimentali deċiżjorja tas-6 ta’ Marzu 2008, rigward is-sit ta’ interess nazzjonali ta’ Priolo.” Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għalhekk reġgħu marru quddiem il-qorti tar-rinviju, u din min-naħa tagħha staqsiet jekk prattika amministrattiva bħal din hijiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni. Skont din il-qorti, is-sitwazzjoni speċifika ta’ tniġġis ambjentali tas-sit ta’ interess nazzjonali ta’ Priolo, għalkemm eventwalment tirrendi l-analiżi tar-riskji u tar-responsabbiltajiet fir-rigward ta’ dan is-sit inutli jew mhux konkludenti, madankollu tista’ tiġġustifika li l-imsemmija awtoritajiet, minn naħa, jaġixxu ex officio, mingħajr ma josservaw la l-prinċipji ta’ kontradittorju u lanqas ir-regola tal-motivazzjoni tal-atti amministrattivi, u li għalhekk, min-naħa l-oħra, jimponu s-soluzzjonijiet li jqisu l-iktar adegwati sabiex jirrestrinġu l-effetti ambjentali tal-produzzjoni industrijali.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale della Sicilia ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-Direttiva [2004/35/KE] [(…) u, f’din il-kawża, l-Artikolu 7 u l-Anness II tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li] tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-amministrazzjoni pubblika s-setgħa li timponi, bħala “metodi raġjonevoli ta’ rimedju ta’ dannu ambjentali”, interventi fuq xogħlijiet għall-ambjent (f’dan il-każ, “barriera fiżika” għall-ilma ta’ taħt l-art tul xatt-il baħar kollu) li huma differenti u addizzjonali għal dawk magħżula qabel l-eżitu ta’ diskussjonijiet [investigazzjoni] preliminari speċjali mal partijiet, li diġà ġew approvati, implementati u li qegħdin jitwettqu?

2)      Id-Direttiva [2004/35/KE] [(…) u, fil-kawża preżenti, l-Artikolu 7 u l-Anness II tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li] tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti s-setgħa lill amministrazzjoni pubblika li timponi, ex officio, dawn ir-rekwiżiti [rimedji], jiġifieri mingħajr ma tkun evalwat il-kundizzjonijiet speċifiċi tas-sit, l-ispejjeż ta’ implementazzjoni mqabbla mal-benefiċċji prevedibbli b’mod raġonevoli, id-danni kollaterali eventwali jew probabbli u l-effetti negattivi fuq is-saħħa u s-sigurtà pubblika, kif ukoll iż-żmien meħtieġ sabiex jitwettaq ix-xogħol?

3)      Fid-dawl tas-sitwazzjoni speċifika li teżisti fis-sit ta’ interess nazzjonali ta’ Priolo, [id-Direttiva 2004/35/KE] [(…) u, fil-kawża preżenti, l-Artikolu 7 u l-Anness II tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li] tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti s-setgħa lill-amministrazzjoni pubblika li timponi tali rimedji ex officio dawn ir rekwiżiti [rimedji], bħala kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-użu leġittimu ta’ żoni li mhumiex direttament relatati mal-bonifika [risanament], peress li diġà ġew bonifikati [risanati] jew għall-inqas mhux imniġġsa, inklużi fil-limiti tas-sit ta’ interess nazzjonali ta’ Priolo?”

23      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-21 ta’ Ottubru 2008, il-Kawżi C‑379/08 u C‑380/08 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

24      Il-Gvern Taljan isostni li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa inammissibbli b’mod partikolari, minħabba l-fatt li, minn naħa, id-domandi magħmula jwasslu sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-leġiżlazzjoni nazzjonali, u, min-naħa l-oħra, li l-għan tal-qorti tar-rinviju ma huwiex li taqta’ l-kawża li għandha quddiemha iżda, pjuttost, li tikkonfuta l‑ġurisprudenza tal-qorti tal-appell tagħha.

25      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, hija madankollu għandha l-ġurisdizzjoni li tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt dan id-dritt li jistgħu jippermettulha tevalwa din il-kompatibbiltà bil-għan li taqta’ l-kawża li tressqet quddiemha (sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, citiworks, C-439/06, Ġabra p. I‑3913, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Barra minn hekk, qorti li ma tiddeċidix fl-aħħar istanza għandha, b’mod partikolari jekk tqis li l-evalwazzjoni legali tal-istanza superjuri tista’ twassalha sabiex tagħti sentenza li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, tkun libera li tressaq id-domandi li qed iħabbtuha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 1974, Rheinmühlen-Düsseldorf, 166/73, Ġabra p. 33, punt 4).

27      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, id-domandi magħmula mit-Tribunale amministrativo regionale della Sicilia, intiżi sabiex tingħata interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/35, għandhom jingħataw risposta.

 Fuq l-ewwel żewġ domandi

28      Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 7 u 11(4) tad‑Direttiva 2004/35, moqrija flimkien mal-Anness II tagħha, jawtorizzawx lill-awtorità kompetenti tordna, ex officio, bidla sostanzjali fil-miżuri ta’ rimedju għal danni ambjentali li kienu ġew deċiżi fi tmiem proċedura kontradittorja li saret b’kooperazzjoni mal-operaturi kkonċernati u li diġà ġew eżegwiti jew bdew jiġu eżegwiti, u dan mingħajr ma l-impożizzjoni ta’ dawn il-miżuri ġodda ma kienet preċeduta minn evalwazzjoni, min-naħa tal-imsemmija awtorità, tal-ispejjeż u tal-benefiċċji tal-bidliet proposti f’termini ekonomiċi, ambjentali u tas-saħħa.

29      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, kif spjegati mill-qorti tar‑rinviju u kif indirizzati kemm mill-Gvern Taljan kif ukoll mill-Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej, u qabel ma tingħata risposta għad-domandi magħmula, għandhom jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet tal‑applikabbiltà ratione temporis tad-direttiva fit-tali ċirkustanzi.

 Fuq l-applikabbiltà ratione temporis tad-Direttiva 2004/35

30      Il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni għandhom dubju dwar kemm id‑Direttiva 2004/35 tista’ tapplika ratione temporis għall-fatti tal‑kawżi prinċipali, sa fejn id-dannu ambjentali seħħ qabel it-30 ta’ April 2007 u/jew jirriżulta, fi kwalunkwe każ, minn attivitajiet preċedenti li ntemmu qabel l-imsemmija data. Madankollu, il-Kummissjoni tagħti x’tifhem li din id-direttiva tista’ tapplika fir-rigward tad-danni li seħħew wara t-30 ta’ April 2007 u li jirriżultaw mill-attività attwali tal-operaturi kkonċernati. Madankollu, hija ma tistax tiġi applikata għat-tniġġis li seħħ qabel din id-data u li ġie kkawżat minn operaturi differenti minn dawk li bħalissa joperaw fir-Rada ta’ Augusta u li l-awtoritajiet kompetenti qed jipprovaw jimputaw fuqhom.

31      F’dan ir-rigward, mill-premessa 30 tad-Direttiva 2004/35 jirriżulta li l‑leġiżlatur tal-Unjoni qies li d-dispożizzjonijiet marbuta mal-mekkaniżmu tar-responsabbiltà ambjentali stabbilit minn din id-direttiva “mhux kopert mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva [qabel ma jispiċċa t-terminu perentorju għall-implimentazzjoni]” tagħha, jiġifieri t-30 ta’ April 2007.

32      L-imsemmi leġiżlatur indika espressament, fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2004/35, is-sitwazzjonijiet fejn din ma kelliex tapplika. Peress li s-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ din id-direttiva ġew iddefiniti fil-forma negattiva, għandu jiġi dedott li, bħala prinċipju, kull sitwazzjoni oħra hija koperta, mill-perspettiva ratione temporis, mill-mekkaniżmu tar-responsabbiltà ambjentali stabbilit mill-imsemmija direttiva.

33      Mill-ewwel u mit-tieni inċiż tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2004/35 jirriżulta li din tal-aħħar la tapplika għal danni kkawżati, kemm jekk minn emissjoni, każ jew inċident, qabel it-30 ta’ April 2007 u lanqas għal dawk ikkawżati wara din id-data meta jirriżultaw minn attività speċifika li ntemmet qabel din id-data.

34      Għandu jiġi dedott li din id-direttiva tapplika għal danni kkawżati minn emissjoni, każ jew inċident li seħħew wara t-30 ta’ April 2007 meta dawn id-danni jirriżultaw kemm minn attivitajiet li seħħew wara din id-data, kif ukoll minn attivitajiet li seħħew qabel din id-data iżda li ma ntemmux qabel it-tmiem tal-imsemmija data.

35      Skont l-Artikolu 267 TFUE, li huwa bbażat fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, din tal‑aħħar għandha l-ġurisdizzjoni biss li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, billi tibbaża ruħha fuq il-fatti li jkunu indikati lilha mill-qorti nazzjonali. Isegwi li, fil-kuntest tal‑proċedura stabbilita mill-imsemmi artikolu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi li tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun interpretat għal miżuri jew għal sitwazzjoni nazzjonali, peress li dan jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali (ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, CEPSA, C‑279/06, Ġabra p. I‑6681, punt 28).

36      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju għandha l-ġurisdizzjoni li tistħarreġ, abbażi tal-fatti li hija biss tista’ tevalwa, jekk, fil-kawża prinċipali, id-danni li huma s-suġġett tal-miżuri ta’ rimedju ambjentali deċiżi mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti humiex koperti minn waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt 34 tas-sentenza preżenti.

37      Jekk din il-qorti tasal għall-konklużjoni li d-Direttiva 2004/35 ma hijiex applikabbli fil-kawża mressqa quddiemha, għaldaqstant, din is-sitwazzjoni taqa’ taħt id-dritt nazzjonali, fl-osservanza tar-regoli tat-Trattat u bla ħsara għal atti legali sekondarji oħra.

38      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 174 KE jindika li l-politika tal-Komunità Ewropea fil-qasam tal-ambjent tfittex livell għoli ta’ protezzjoni u hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tillimita ruħha li tiddefinixxi l-għanijiet ġenerali tal-Komunità fil-qasam tal-ambjent sa fejn l-Artikolu 175 KE jagħti lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea s-setgħa tat-teħid dwar x’azzjoni għandha tittieħed, jekk ikun il-każ, skont il-proċedura ta’ kodeċiżjoni mal-Parlament Ewropew (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1994, Peralta, C‑379/92, Ġabra p. I-3453, punti 57 u 58).

39      Peress li l-Artikolu 174 KE, li jinkludi l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, japplika għall-azzjoni tal-Komunità, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata bħala tali minn individwi bl-iskop li tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fil-qasam tal-politika ambjentali, meta l-ebda leġiżlazzjoni Komunitarja adottata abbażi tal-Artikolu 175 KE li tkopri speċifikament is-sitwazzjoni kkonċernata ma tkun applikabbli.

40      Sakemm il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li, minn naħa, id‑Direttiva 2004/35 hija applikabbli ratione temporis għall-kawżi prinċipali u li, min-naħa l-oħra, huma sodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari dawk speċifikati fil-punti 53 sa 59 tas-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑378/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), id-domandi preliminari għandhom jiġu indirizzati kif ġej.

 Fuq il-metodi ta’ adozzjoni ta’ miżuri ta’ rimedju fis-sens tad-Direttiva 2004/35

–       Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

41      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali essenzjalment isostnu li, fl-istruttura tad-Direttiva 2004/35, id-definizzjoni ta’ miżuri ta’ rimedju ambjentali għandha ssir fuq proposta tal-operaturi kkonċernati, jew għall-inqas, wara li jiġu kkonsultati. Minn dan isegwi li l-awtorità kompetenti ma tistax tbiddel, b’mod unilaterali u mingħajr konsultazzjoni mal-imsemmija operaturi, miżuri ta’ rimedju għad-danni ambjentali diġà aċċettati minn dik l-awtorità, u dan iktar u iktar meta l-miżuri ta’ rimedju inizjali kienu diġà bdew jiġu eżegwiti u kienu jippermettu li jintlaħaq l-għan li jiġi rmedjat id-dannu ambjentali u li jiġi eliminat kull riskju ta’ impatt negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem.

42      Barra minn hekk, fid-definizzjoni ta’ miżuri ta’ rimedju ambjentali, l-awtorità kompetenti hija obbligata twettaq analiżi tal-ispejjeż u tal-benefiċċji tal-miżuri proposti kif ukoll tal-fattibbiltà teknika tagħhom peress li “rimedji raġonevolment varji” biss, jiġifieri mhux sproporzjonati u bbażati fuq “l-aħjar teknoloġija disponibbli”, jistgħu jiġu validament ikkonfermati. Fl-aħħar nett, din l-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll d-danni potenzjali li l-miżuri ta’ rimedju jistgħu, fihom innifishom, joħolqu fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem.

43      Il-Gvern Taljan jikkunsidra li l-leġiżlazzjoni tiegħu hija konformi mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/35, peress li l-awtorità kompetenti tista’ tippreskrivi mhux biss miżuri ta’ rimedju konsistenti ma’ dawk elenkati fl-Anness II ta’ din id-direttiva, iżda wkoll miżuri itqal, eventwalment differenti minn dawk adottati fuq proposta tal-operaturi kkonċernati u wara dibattitu kontradittorju. Fil-kawżi prinċipali, il-fatt li ma kienx hemm tali dibattitu fil-kuntest tal-miżuri sussegwenti adottati mill-imsemmija awtorità bl-ebda mod ma huwa inkonsistenti mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva.

44      Il-Kummissjoni tikkunsidra li, anki jekk jiġi aċċettat li d-Direttiva 2004/35 hija applikabbli għall-kawżi prinċipali, xorta jibqa’ l-fatt li dan ma jipprekludix intervent unilaterali tal-awtorità kompetenti. Fil-fatt, l-Artikoli 6(2) u 7(2) ta’ din id-direttiva jagħtu lil tali awtorità setgħa diskrezzjonali wiesgħa fid-determinazzjoni tal-miżuri ta’ rimedju ambjentali adegwati, peress li huwa previst li d-determinazzjoni tagħhom issir biss “bil-koperazzjoni ta’ l-operatur relevanti, kif rikjest [jekk ikun il-każ]”. L-Anness II tal-imsemmija direttiva ma jipprovdix forom speċifiċi u mandatorji ta’ rimedju u lanqas metodi proċedurali speċifiċi f’dan ir-rigward. Dan l-anness jillimita ruħu biss li jiddetermina l-kriterji u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu fl-għażla tal-miżuri l-iktar xierqa.

45      Barra minn hekk, l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/35 jippermetti lill‑Istati Membri li jżommu jew jadottaw mekkaniżmi nazzjonali iktar stretti dwar ir-responsabbiltà ambjentali, u dan taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 176 KE. Għalkemm, skont l-Artikolu 7(4) tal-istess direttiva, l-awtorità kompetenti għandha ssejjaħ “lill-persuni […] li tagħhom hija l-art li fuqha jitwettqu l-miżuri ta’ rimedju biex jagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom u għandha tikkunsidrhom”, il-Kummissjoni tikkunsidra li madankollu din l-awtorità ma tistax tkun marbuta minn tali osservazzjonijiet, sakemm madankollu l-metodi magħżula, fis-sens tal-Anness II ta’ din id-Direttiva, jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet ambjentali stabbiliti mid-direttiva.

–       Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

46      Fis-sistema tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2004/35, bħala prinċipju, huwa l-operatur li jikkawża d-danni ambjentali li għandu jieħu l-inizjattiva li jipproponi miżuri ta’ rimedju li jidhrulu xierqa għas-sitwazzjoni. Minħabba l-għarfien li l-operatur huwa preżunt li għandu dwar in-natura tad‑dannu kkawżat lill-ambjent mill-attività tiegħu, tali sistema tista’ tippermetti d‑determinazzjoni u l-eżekuzzjoni malajr ta’ miżuri ta’ rimedju ambjentali xierqa.

47      Għalhekk, mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2004/35 jirriżulta li, meta dannu ambjentali fil-fatt seħħ, l-operatur għandu, mingħajr dewmien, jinforma l-awtorità kompetenti u jieħu, b’mod partikolari, il‑miżuri ta’ rimedju meħtieġa skont l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.

48      Madankollu, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) tal-istess direttiva, din l-awtorità tista’, b’mod partikolari u f’kull ħin, tobliga lill-operatur jieħu l‑miżuri ta’ rimedju neċessarji, tagħtih l-istruzzjonijiet li huwa għandu jsegwi sabiex jimplementhom, jew saħansitra, jekk ma jkunx hemm għażla oħra, tieħu hija stess dawn il‑miżuri.

49      Barra minn hekk, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/35, l-awtorità kompetenti għandha tiddefinixxi l-miżuri ta’ rimedju li għandhom jiġu implementati skont l-Anness II ta’ din id-direttiva, u dan, jekk ikun il-każ, bil-kooperazzjoni tal-operatur rilevanti .

50      Skont l-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, l-obbligu li jiġi stabbilit liema miżuri ta’ rimedju għandhom jittieħdu fid-dawl tal-Anness II ta’ din id-Direttiva huwa, fi kwalunkwe każ u jekk ma jkunx hemm għażla oħra, tal‑awtorità kompetenti.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat, kif irrilevat l‑Avukat Ġenerali fil-punti 141 u 142 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-awtorità kompetenti għandha wkoll is-setgħa li tbiddel, anki ex officio, jiġifieri anki fin-nuqqas ta’ proposta inizjali tal-operatur, miżuri ta’ rimedju ambjentali deċiżi preċedentement. Fil-fatt, din l-awtorità tista’, b’mod partikolari, tasal li fil-prattika tikkonstata l-ħtieġa għal azzjoni komplimentari għal dik li diġà ġiet deċiża, jew saħansitra tikkonkludi li l-miżuri deċiżi inizjalment huma ineffettivi u li miżuri oħra huma neċessarji biex jirrimedjaw għal tniġġis ambjentali speċifiku.

52      F’dan ir-rigward, mill-premessa 25 tad-Direttiva 2004/35 madankollu jirriżulta li, fl-implementazzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ mezzi effettivi intiżi li japplikaw il-mekkaniżmu ta’ responsabbiltà ambjentali previst minn din id-direttiva, għandha tiġi ggarantita protezzjoni xierqa tal-interessi leġittimi tal-operaturi rilevanti u tal-partijiet l-oħra kkonċernati.

53      Filwaqt li l-Artikolu 7(4) tal-imsemmija direttiva jobbliga lill-awtorità kompetenti li, fiċ-ċirkustanzi kollha, ssejjaħ, b’mod partikolari, lil persuni li tagħhom hija l-art li fuqha għandhom jitwettqu miżuri ta’ rimedju biex jippreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom u li teħodhom inkunsiderazzjoni, madankollu l-Artikolu 7(2), ma għandux formula simili fir-rigward tal-operatur ikkonċernat mill-miżura ta’ rimedju li l-imsemmija awtorità għandha l-intenzjoni li timponilu.

54      Madankollu, il-prinċipju ta’ kontradittorju, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l‑osservanza tiegħu, jimponi l-obbligu fuq l-awtorità pubblika li tisma’ lill-partijiet ikkonċernati qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonċernahom (ara s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Land Oberösterreich u l-Awstrija vs Il‑Kummissjoni, C‑439/05 P u C‑454/05 P, Ġabra, p. I‑7141, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/35 ma jsemmix espressament id-dritt li l-operatur ikkonċernat jinstema’ f’kull każ, għandu jiġi rikonoxxut li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li, fid-determinazzjoni tal-miżuri ta’ rimedju, fostom dawk imsemmija fl-Artikolu 6(2)(ċ) u (d) ta’ din id-direttiva, l-awtorità kompetenti ma hijiex obbligata tisma’ lil dan l-operatur.

56      Minn dan isegwi li, għall-finijiet ta’ tibdil sostanzjali tal-miżuri ta’ rimedju ambjentali li l-awtorità kompetenti diġà approvat, tibdil li din tal-aħħar hija awtorizzata li tadotta skont id-Direttiva 2004/35, l-Artikolu 7(2) ta’ din tal-aħħar jimponi fuq l-imsemmija awtorità li tisma’ lill-operaturi li fuqhom jiġu imposti dawn il-miżuri, ħlief meta l-urġenza tas-sitwazzjoni ambjentali titlob azzjoni immedjata mill‑awtorità kompetenti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 7(4), din l‑awtorità għandha tkun obbligata li ssejjaħ, b’mod partikolari, lill-persuni li tagħhom hija l-art li fuqha għandhom jitwettqu l-miżuri biex jippreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom, u li teħodhom inkunsiderazzjoni.

57      Rigward id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-proċess ta’ implementazzjoni tal-miżuri ta’ rimedju neċessarji, mill-Artikoli 7(2) u 11(2) tad-Direttiva 2004/35 jirriżulta li hija l-awtorità kompetenti li għandha tevalwa d-daqs tad-danni u tistabbilixxi dawn il-miżuri, u dan skont l-Anness II ta’ din id-direttiva.

58      L-Anness II tad-Direttiva 2004/35 jistabbilixxi qafas komuni li għandu jiġi applikat mill-awtorità kompetenti sabiex jagħżlu l-miżuri l-iktar xierqa biex jiżguraw ir-rimedju għad-danni ambjentali. Il-punt 1.3.1 ta’ dan l-anness jindika li l-għażliet ta’ rimedju “għandhom ikunu evalwati, bis-saħħa ta’ l-aħjar teknoloġija disponibbli”, meta dawn ikunu definiti, fuq il-bażi ta’ serje ta’ kriterji speċifikati fl-imsemmi punt.

59      Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma ddefinixxiex b’mod preċiż u fid-dettall il‑metodoloġija preċiża li għandha tiġi segwita mill-awtorità kompetenti fid-definizzjoni tal-miżuri ta’ rimedju, speċjalment minħabba l-fatt li, kif jirriżulta mill-premessa 24 tad-Direttiva 2004/35, sabiex tiġi sodisfatta l-funzjoni mogħtija lilha mis-sistema ta’ din id-direttiva, l-imsemmija awtorità għandha jkollha setgħa diskrezzjonali xierqa sabiex tevalwa d-daqs tad-danni u tistabbilixxi miżuri ta’ rimedju li għandhom jittieħdu. Madankollu, l-Anness II tad-istess direttiva jelenka għal dan l-iskop ċerti elementi li l-imsemmi leġiżlatur ikkunsidra rilevanti u li għandhom, għalhekk, jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtorità kompetenti, iżda dan ma jindikax il-konsegwenzi li din l-awtorità għandha tikkonkludi f’każ konkret ta’ tniġġis.

60      F’dan ir-rigward, meta l-awtorità Komunitarja kompetenti tintalab, fil‑kuntest tal-funzjoni mogħtija lilha mill-imsemmija direttiva, tagħmel evalwazzjonijiet kumplessi, is‑setgħa diskrezzjonali li hija għandha tapplika wkoll, sa ċertu punt, għall-konstatazzjoni tal-fatti li fuqhom hija bbażata l-azzjoni tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 1980, Roquette Frères vs Il-Kunsill, 138/79, Ġabra p. 3333, punt 25; tal-21 ta’ Jannar 1999, Upjohn, C‑120/97, Ġabra P. I‑223, punt 34, u tal-15 ta’ Ottubru 2009, Enviro Tech (Europe), C‑425/08, Ġabra p. I‑10035, punt 62).

61      Barra minn hekk, fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, l-imsemmija awtorità tibqa’ obbligata, f’tali ċirkustanzi, li teżamina, b’attenzjoni u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14, u tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑405/07 P, Ġabra p. 1‑8301, punt 56).

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta jkun hemm il-kwistjoni ta’ għażla bejn rimedji varji, li huwa l-każ meta l-awtorità kompetenti għandha l‑ħsieb tbiddel miżuri ta’ rimedju li hija kienet ħadet preċedentement, hija l-awtorità kompetenti li għandha l-obbligu, skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/35, moqri flimkien mal-paragrafu 1.3.1 tal-Anness II tagħha, li tevalwa kull waħda minn dawn l-għażliet fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-kriterji elenkati fl-imsemmi punt.

63      Għalhekk, meta l-awtorità kompetenti għandha l-intenzjoni li tbiddel sostanzjalment il-miżuri ta’ rimedju għad-danni ambjentali li jkunu ġew deċiżi wara proċedura kontradittorja li saret b’kooperazzjoni mal‑operaturi kkonċernati u li diġà twettqu jew kienu ser jibdew jitwettqu, jiġifieri fil-każ ta’ tibdil tal-għażla ta’ rimedju, din l-awtorità bħala prinċipju hija obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji elenkati fil-punt 1.3.1 tal-Anness II tad‑Direttiva 2004/35 u, barra minn hekk, skont l-Artikolu 11(4) tagħha, fid-deċiżjoni li hija tadotta f’dan ir‑rigward, għandha tindika r-raġunijiet speċifiċi li jimmotivaw l-għażla tagħha kif ukoll, jekk ikun il-każ, dawk li huma tali li jiġġustifikaw il-fatt li ma kellux għalfejn isir eżami ddettaljat fid-dawl tal-imsemmija kriterji minħabba, pereżempju, l-urġenza tas-sitwazzjoni ambjentali.

64      B’mod partikolari, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-għażla eventwalment deċiża effettivament tippermetti li jinkisbu l-aħjar riżultati minn perspettiva ambjentali, mingħajr madankollu ma tesponi lill-operaturi kkonċernati għal spejjeż manifestament sproporzjonati meta mqabbla ma’ dawk li kellhom jew suppost kellhom iħallsu fil-kuntest tal-ewwel għażla deċiża minn din l-awtorità. Tali kunsiderazzjonijiet, madankollu, ma għandhomx isiru meta din tal-aħħar tista’ turi li l-għażla inizjalment magħżula effettivament irriżultat inadegwata għar-restorazzjoni, ir-riabilitazzjoni jew it-tibdil tar-riżorsi naturali milquta jew tas-servizzi mfixxkla, fis-sens tal-Artikolu 2(11) tad-Direttiva 2004/35.

65      Fl-aħħar nett, Stat Membru ma jistax jinvoka b’mod utli l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/35, jiġifieri li qed ifittex li jilħaq l-istess għan ta’ protezzjoni tal-ambjent bħal dak kopert minnn din id-direttiva (ara s-sentenza tal-14 ta’ April 2005, Deponiezweckverband Eiterköpfe, C‑6/03, Ġabra p. I‑2753, punt 41), f’sitwazzjoni fejn huwa jżomm fis-seħħ, jadotta regoli jew jawtorizzaw prattika li tippermetti lill-awtorità kompetenti li teħles, minn naħa, mill-osservanza tad-dritt għall-smigħ tal-operaturi u mill‑obbligu li ssejjaħ lill-persuni li tagħhom hija l-art li fuqha għandhom jitwettqu l-miżuri ta’ rimedju biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-obbligu li jsir eżami ddettaljat tal-għażliet possibbli għal rimedju ambjentali.

66      Fil-fatt, minn naħa, id-dritt għal smigħ tal-operaturi u ta’ dak tal-persuni li l-artijiet tagħhom huma kkonċernati minn miżuri ta’ rimedju li jippreżentaw osservazzjonijiet jidhru li jikkostitwixxu protezzjoni minima, iggarantita mid-Direttiva 2004/35, li ma tistax raġonevolment tiġi kkonfutata. Min-naħa l-oħra, deċiżjoni dwar l‑għażla ta’ rimedju ambjentali, adottata mill-awtorità kompetenti mingħajr ma sar eżami ddettaljat tas-sitwazzjoni fid-dawl tal-kriterji elenkati fil-punt 1.3.1 tal-Anness II tad-Direttiva 2004/35, tista’ twassal, kuntrarju għall-għanijiet ta’ din id-direttiva, għal evalwazzjoni inadegwata tad-daqs tad-dannu u/jew ta’ miżuri ta’ rimedju li għandhom jittieħdu.

67      Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, r-risposta għall-ewwel żewġ domandi għandha tkun li l-Artikoli 7 u 11(4) tad-Direttiva 2004/35, moqrija flimkien mal-Anness II ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità kompetenti għandha s-setgħa li tbiddel b’mod sostanzjali miżuri ta’ rimedju għad-danni ambjentali li jkunu ġew deċiżi wara proċedura kontradittorja li saret b’kooperazzjoni mal-operaturi kkonċernati u li diġà twettqu jew bdew jitwettqu. Madankollu, sabiex tadotta deċiżjoni bħal din:

–        din l-awtorità hija obbligata li tisma’ lill-operaturi li fuqhom ġew imposti tali miżuri, ħlief meta l-urġenza tas-sitwazzjoni ambjentali titlob azzjoni immedjata tal-awtorità kompetenti;

–        l-imsemmija awtorità hija wkoll obbligata li ssejjaħ, b’mod partikolari, il-persuni li tagħhom hija l-art li fuqha għandhom jitwettqu dawn il-miżuri sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u li teħodhom inkunsiderazzjoni, u

–        din l-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji elenkati fil-punt 1.3.1 tal-Anness II tad-Direttiva 2004/35 u tindika fid‑deċiżjoni tagħha r-raġunijiet li jimmotivaw l-għażla tagħha kif ukoll, jekk ikun il-każ, ir-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw il-fatt li ma kellux għalfejn isir jew ma setax isir eżami ddettaljat fid-dawl tal-imsemmija kriterji minħabba, pereżempju, l-urġenza tas-sitwazzjoni ambjentali.

 Fuq it-tielet domanda

68      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi jekk id‑Direttiva 2004/35 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtorità kompetenti li tissuġġetta l-eżerċizzju tad-dritt li l-operaturi kkonċernati minn miżuri ta’ rimedju ambjentali għandhom li jużaw l-artijiet tagħhom għall-kundizzjoni li huma jwettqu x-xogħlijiet rikjesti minnha, u dan anki fil-każ fejn l-imsemmija artijiet ma jkunux affettwati minn dawn il-miżuri minħabba l-fatt li huma diġà kienu s-suġġett ta’ miżuri preċedenti ta’ “risanament” jew li qatt ma kienu mniġġsa.

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

69      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li, meta art kienet suġġett ta’ “risanament” jew qatt ma kienet imniġġsa, l-awtorità kompetenti ma għandha l-ebda setgħa li tissuġġetta l-użu ta’ din l-art għat-twettiq ta’ miżuri ta’ rimedju ambjentali dwar sit ieħor, f’dan il-każ xatt-il baħar kollu u l-art ta’ taħtha. Tali prattika tirrestrinġi eċċessivament id-dritt tal-proprjetà tagħhom u għalhekk tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità. L-interess stess li operatur għandu li titwettaq miżura ta’ rimedju ambjentali hija preċiżament il-perspettiva li tkun tista’ titkompla l-attività produttiva fuq l-art tiegħu. Barra minn hekk, l-artijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu diġà ġew iddkjarati ħielsa minn tniġġis, jew li saħansitra qatt ma kienu mniġġsa. Fl-aħħar nett, dawn ir-restrizzjonijiet qed jiġu imposti fuqhom minkejja li huma kienu spontanjament wettqu xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni tal-artijiet tagħhom u li ma humiex responsabbli għat-tniġġis inkwistjoni.

70      Il-Gvern Taljan jikkunsidra li l-prattika tal-awtorità kompetenti li biha l-użu tal-artijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jiġi ssuġġettat għall-kundizzjoni li huma jwettqu l-miżuri ta’ rimedju ambjentali hija għal kollox leġittima u kompatibbli mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Tali prattika tissodisfa wkoll il-prinċipju ta’ prekawzjoni, peress li jekk l‑operaturi kkonċernati jistgħu jużaw iż-żoni risanati mingħajr restrizzjonijiet, huma jistgħu għalhekk iwettqu infrastruttura industrijali oħra, u dan ikun jikkostitwixxi ostakolu insormontabbli għat-twettiq ta’ miżuri ta’ rimedju meħuda minn din l-awtorità.

71      Skont il-Kummissjoni, id-Direttiva 2004/35 ma tipprekludix lill-awtorità kompetenti milli timponi fuq operatur miżuri ta’ “risanament” ambjentali u milli tissuġġetta l-awtorizzazzjoni, sabiex dan tal-aħħar juża l-artijiet tiegħu li ma humiex direttament ikkonċernati mir-riabilitazzjoni, għat-twettiq ta’ dawn il-miżuri. Hija ssostni li tali miżuri jistgħu saħansitra jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad‑dritt tal-Unjoni.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

72      Preliminarjament, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill‑indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, it-tniġġis inkwistjoni fil-kawżi prinċipali huwa għal kollox eċċezzjonali, kemm bħala daqs u kif ukoll bħala gravità tad-dannu lill-ambjent.

73      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, għalkemm, kif isostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-artijiet tagħhom ma humiex affettwati mill-miżuri ta’ rimedju inkwistjoni minħabba l-fatt li kienu s-suġġett ta’ miżuri preċedenti ta’ “[risanament]” jew li qatt ma kienu mniġġsa, il-fatt jibqa’ li dawn l-artijiet jmissu mal-kosta kollha tal-baħar kollu li huwa s-suġġett tal-imsemmija miżuri ta’ rimedju u li attivitajiet ġodda li jsiru fuq dawn l-artijiet jistgħu jagħmlu t-tneħħija tat-tniġġis miż-żona kollha iktar diffiċli.

74      Kif diġà ġie indikat fil-punti 37 u 40 ta’ din is-sentenza, jekk il-qorti tar‑rinviju tasal għall-konklużjoni li d-Direttiva 2004/35 ma hijiex applikabbli, ratione temporis u/jew ratione materiae, fil-kawżi mressqa quddiemha, tali sitwazzjoni għalhekk taqa’ taħt id-dritt nazzjonali, fl-osservanza tar‑regoli tat-Trattat u bla ħsara għal atti legali sekondarji oħra.

75      Jekk għall-kuntrarju, l-imsemmija direttiva kellha tkun applikabbli, għandu jiġi enfasizzat li, fl-istruttura ta’ din id-direttiva, l-operaturi huma suġġetti għal obbligi kemm ta’ prevenzjoni kif ukoll ta’ rimedju. Għalhekk, b’mod partikolari skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni u kif jirriżulta mill-premessa 2 tal-istess direttiva, dawn l-operaturi għandhom, minn naħa, jieħdu l-miżuri preventivi neċessarji biex jevitaw li jkun hemm dannu ambjentali.

76      Min-naħa l-oħra, meta d-danni ambjentali jkunu seħħew, bħal fil-kawżi prinċipali, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2004/35 jipprovdi li l-operaturi għandhom jieħdu, b’mod partikolari, il-miżuri ta’ rimedju neċessarji skont l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva. Jekk ikun il-każ, l‑awtorità kompetenti għandha l-prerogattiva li ġġiegħlhom jieħdu huma nfushom tali miżuri.

77      Fil-kawżi prinċipali, ir-rikorrenti jopponu l-miżuri li ġew deċiżi mill‑awtoritajiet Taljani billi jinvokaw il-fatt li dawn ma jikkonċernawx l-artijiet li huma jokkupaw, li barra minn hekk diġà kienu s-suġġett ta’ risanament. Madankollu, skont dawn l-istess awtoritajiet, it-tniġġis li jaffettwa r-Rada ta’ Augusta ġej minn dawn l-artijiet, minħabba li nxtered fil-baħar.

78      F’ċirkustanzi eċċezzjonali bħal dawk deskritti fil-punti 72 u 73 iktar ’il fuq, id-Direttiva 2004/35 għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-awtorità kompetenti li titlob lill-operaturi ta’ artijiet li jmissu mal-kosta kollha tal-baħar li tkun is-suġġetti ta’ miżuri ta’ rimedju li jwettqu huma stess dawn il-miżuri.

79      Id-Direttiva 2004/35 ma tispeċifikax il-metodi li bihom l-awtorità kompetenti tista’ tobbliga lill-operaturi kkonċernati jieħdu l-miżuri ta’ rimedju li hija ddeterminat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa kull Stat Membru li għandu jiddetermina tali metodi, li, minn naħa, għandhom ikunu intiżi għall-ksib tal-għan ta’ din id-direttiva kif iddefinit fl-Artikolu 1 tagħha, jiġifieri sabiex tipprevjeni u tirrimedja d-danni ambjentali, u, min‑naħa l-oħra, josservaw id-dritt tal-Unjoni, inklużi l-prinċipji ġenerali ta’ dan id‑dritt.

80      Rigward il-ksur tad-dritt tal-proprjetà li fuqu qed jibbażaw ruħhom ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għal proprjetà jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, madankollu, dan id-dritt ma huwiex wieħed assolut iżda għandu jiġi kkunsidrat fir-rigward tar-rwol tiegħu fis‑soċjetà. Għaldaqstant, l-użu tad-dritt tal-proprjetà jista’ jiġi llimitat, dejjem sakemm dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxa mill-Unjoni u sakemm ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt hekk iggarantit (sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1979, Hauer, 44/79, Ġabra p. 3727, punt 23; tal-11 ta’ Lulju 1989, Schräder HS Kraftfutter, 265/87, Ġabra p. 2237, punt 15; tad-29 ta’ April 1999, Standley et, C‑293/97, Ġabra p. I‑2603, punt 54, kif ukoll tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punt 355).

81      Rigward l-għanijiet ta’ interess ġenerali msemmija preċedentement, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-protezzjoni tal‑ambjent hija waħda minn dawn l-għanijiet (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1985, ADBHU, 240/83, Ġabra p. 531, punt 13; tal-20 ta’ Settembru 1988, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, 302/86, Ġabra p. 4607, punt 8, u tat-2 ta’ April 1998, Outokumpu, C‑213/96, Ġabra p. I‑1777, punt 32).

82      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li d-dritt tal-operaturi rilevanti li jużaw l-artijiet tagħhom jiġi suġġett għall-kundizzjoni li jwettqu l-miżuri neċessarji ta’ rimedju ambjentali jista’ jidher iġġustifikat sabiex joblighom effettivament jitteħdu dawn il-miżuri.

83      F’dan ir-rigward, kif ġustament sostna l-Gvern Taljan, huwa leġittimu li l-awtorità kompetenti, meta tipprova twettaq miżuri ta’ rimedju ambjentali li hija ddeterminat, tieħu kull miżura xierqa biex tevita li s-sitwazzjoni ambjentali, fil-post fejn il-miżuri jiġu implementati, tmur għall-agħar, jew saħansitra, skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni, sabiex tipprevjeni l-okkorrenza jew ir-rikorrenza ta’ danni ambjentali oħra fis-siti li jmissu mal-postijiet li huma s-suġġett tal-imsemmija miżuri.

84      Fil-fatt, il-fatt li l-użu tal-artijiet tal-operaturi kkonċernati jkun suġġett għat-twettiq, minn dawn tal-aħħar, ta’ miżuri ta’ rimedji dwar siti li jmissu ma’ dawn l-artijiet jista’ jidher neċessarju sabiex jiġi evitat li jiġu effettwati attivitajiet industrijali oħra, li jistgħu jaggravaw id-danni inkwistjoni jew li jostakolaw ir-rimedju tagħhom, fis‑siti fejn hija neċessarja riabilitazzjoni.

85      Minn dan isegwi li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk f’dan ir-rigward, fil-kawżi prinċipali, is-sospensjoni ta’ ċerti prerogattivi relatati mad-drittijiet tal-proprjetà li l-operaturi għandhom fuq l-artijiet tagħhom hijiex iġġustifikata mill-għan li jiġi evitat li s-sitwazzjoni ambjentali, fil-post fejn il-miżuri ta’ rimedju ambjentali jiġu implementati, jiġifieri fir-Rada ta’ Augusta, tmur għall‑agħar, jew, skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni, mill-għan li tiġi evitata l-okkorrenza jew ir-rikorrenza ta’ danni ambjentali oħra fl-imsemmija artijiet, li jmissu mal-kosta kollha tal-baħar li hija s-suġġett ta’ dawn il-miżuri ta’ rimedju.

86      Madankollu għandu jiġi eżaminat jekk tali miżuri, permessi mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament mfittxa mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, filwaqt li huwa mifhum li, meta teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-anqas oneruża u l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet imfittxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2008, Industria Lavorazione Carni Ovine, C‑534/06, Ġabra p. I‑4129, punt 25, u tal-11 ta’ Ġunju 2009, Nijemeisland, C‑170/08, Ġabra p. I‑5127, punt 41).

87      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, skont id-Direttiva 2004/35, l-operaturi kkonċernati huma obbligati li jwettqu l-miżuri ta’ rimedju ddeterminati mill-awtorità kompetenti u din tal-aħħar għandha tkun tista’ tobblighom jagħmlu dan.

88      Għalkemm huwa ċertament minnu li, skont l-Artikolu 6(2)(e) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva, l-awtorità kompetenti għandha l-possibbilità li tieħu hija stess il-miżuri ta’ rimedju neċessarji u li tirkupra l-ispejjeż ta’ tali miżuri permezz ta’ garanzija kawtelatorja jew garanziji oħra xierqa.

89      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li din hija opportunità li hija disponibbli għall-awtorità kompetenti, li tista’ tippreferi li tobbliga lill-operaturi kkonċernati jwettqu l-miżuri ta’ rimedju neċessarji pjuttost milli twettaqhom hija stess.

90      Barra minn hekk, l-effett ħażin fuq id-dritt ta’ proprjetà tal-imsemmija operaturi huwa limitat għad-dritt tagħhom li jużaw l-artijiet tagħhom, u jibqa’ temporanju, fis-sens li, meta huma ser iwettqu l-miżuri ta’ rimedju li ġew imposti fuqhom mill-awtoritajiet kompetenti, huma ser ikunu jistgħu jirkupraw b’mod sħiħ l-użu tal-prerogattivi marbuta mad‑drittijiet tagħhom ta’ proprjetà.

91      F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali miżuri tal-awtorità kompetenti ma jidhrux li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan fundamentali tad-Direttiva 2004/35 ta’ prevenzjoni u ta’ rimedju għad‑danni ambjentali, li jimplika, f’dan il-każ, li l-operaturi kkonċernati jimplementaw il-miżuri ta’ rimedju speċifikati minn din l-awtorità.

92      Għaldaqstant ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, id-Direttiva 2004/35 ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtorità kompetenti li tissuġġetta l-eżerċizzju tad-dritt li l-operaturi kkonċernati minn miżuri ta’ rimedju ambjentali għandhom li jużaw l-artijiet tagħhom għall-kundizzjoni li huma jwettqu x-xogħlijiet rikjesti minnha, u dan anki fil-każ fejn l-imsemmija artijiet ma jkunux affettwati minn dawn il-miżuri minħabba l-fatt li huma diġà kienu s-suġġett ta’ miżuri preċedenti ta’ “risanament” jew li qatt ma kienu mniġġsa. Madankollu, tali miżura għandha tkun iġġustifikata mill-għan li jiġi evitat li s-sitwazzjoni ambjentali tal-post fejn l-imsemmija miżuri jiġu implementati tmur għall-agħar, jew, skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni, mill-għan tal-prevenzjoni tal-okkorrenza jew ir-rikorrenza ta’ danni ambjentali oħra fl-imsemmija artijiet tal‑operaturi, li jmissu mal-kosta kollha tal-baħar li hija s‑suġġett ta’ dawn il‑miżuri ta’ rimedju.

 Fuq l-ispejjeż

93      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 7 u 11(4) tad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar ir‑responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal‑prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali, moqrija flimkien mal-Anness II ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità kompetenti għandha s‑setgħa li tbiddel b’mod sostanzjali miżuri ta’ rimedju għad-danni ambjentali li jkunu ġew deċiżi wara proċedura kontradittorja li saret b’kooperazzjoni mal-operaturi kkonċernati u li diġà twettqu jew bdew jitwettqu. Madankollu, sabiex tadotta deċiżjoni bħal din:

–        din l-awtorità hija obbligata li tisma’ lill-operaturi li fuqhom ġew imposti tali miżuri, ħlief meta l-urġenza tas‑sitwazzjoni ambjentali titlob azzjoni immedjata tal-awtorità kompetenti;

–        l-imsemmija awtorità hija wkoll obbligata li ssejjaħ, b’mod partikolari, il-persuni li tagħhom hija l-art li fuqha għandhom jitwettqu dawn il-miżuri sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, u li teħodhom inkunsiderazzjoni, u

–        din l-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji elenkati fil-punt 1.3.1 tal-Anness II tad-Direttiva 2004/35 u tindika fid‑deċiżjoni tagħha r-raġunijiet li jimmotivaw l-għażla tagħha kif ukoll, jekk ikun il-każ, ir-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw il-fatt li ma kellux għalfejn isir jew ma setax isir eżami ddettaljat fid-dawl tal-imsemmija kriterji minħabba, pereżempju, l-urġenza tas-sitwazzjoni ambjentali.

2)      F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, id-Direttiva 2004/35 ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtorità kompetenti li tissuġġetta l-eżerċizzju tad-dritt li l-operaturi kkonċernati minn miżuri ta’ rimedju ambjentali għandhom li jużaw l-artijiet tagħhom għall-kundizzjoni li huma jwettqu x-xogħlijiet rikjesti minnha, u dan anki fil-każ fejn l-imsemmija artijiet ma jkunux affettwati minn dawn il-miżuri minħabba l-fatt li huma diġà kienu s-suġġett ta’ miżuri preċedenti ta’ “risanament” jew li qatt ma kienu mniġġsa. Madankollu, tali miżura għandha tkun iġġustifikata mill-għan li jiġi evitat li s-sitwazzjoni ambjentali tal-post fejn l-imsemmija miżuri jiġu implementati tmur għall-agħar, jew, skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni, mill-għan tal-prevenzjoni tal-okkorrenza jew ir-rikorrenza ta’ danni ambjentali oħra fl-imsemmija artijiet tal operaturi, li jmissu mal-kosta kollha tal-baħar li hija s-suġġett ta’ dawn il miżuri ta’ rimedju.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.