SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

4 ta’ Ġunju 2009 ( *1 )

“Direttiva 93/13 KEE — Klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur — Effetti legali ta’ klawżola inġusta — Setgħa u obbligu tal-qorti nazzjonali li teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ ġurisdizzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża C-243/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Budaörsi Városi Bíróság (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-, fil-proċedura

Pannon GSM Zrt.

vs

Erzsébet Sustikné Győrfi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President ta’ Awla, T. von Danwitz, R. Silva de Lapuerta (Relatur), E. Juhász u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ April 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Pannon GSM Zrt., minn J. Vitári, C. Petia u B. Bíró, ügyvédek,

għall-Gvern Ungeriż, minn J. Fazekas, R. Somssich, K. Borvölgyi u M. Fehér, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

għall-Gvern Spanjol, minn J. López-Medel Bascones, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn B. Cabouat u R. Loosli-Surrans, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u A. Hable, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Ossowski, bħala aġent, assistit minn T. de la Mare, barrister,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Wils u B. Simon, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l-impriża Pannon GSM Zrt. (iktar ’il quddiem “Pannon”) u E. Sustikné Győrfi, dwar l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ abbonament telefoniku konkluż bejn l-imsemmija partijiet.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, l-għan ta’ din id-direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

4

L-Artikolu 3 tad-Direttiva jipprovdi:

“1.   Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

2.   Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.

[…]

3.   L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.”

5

Il-punt 1(q) ta’ dan l-Anness isemmi l-klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li:

“jeskludu jew ifixklu d-dritt tal-konsumatur li jieħu azzjon legali jew jeżerċita kull rimedju legali ieħor […]”

6

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.”

7

Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

8

L-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.

2.   Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9

Fil-mument li seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, kienu applikabbli l-Kodiċi Ċivili, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-Liġi Nru CXLIX tal-1997 (Magyar Közlöny 1997/115, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”) u d-Digriet tal-Gvern Nru 18/1999 dwar il-klawżoli li għandhom jiġu kkunsidrati bħala inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumatur (Magyar Közlöny 1998/8), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ waqt il-kawża prinċipali.

10

Skont l-Artikolu 209(1) tal-Kodiċi Ċivili, parti tista’ tikkontesta kull kundizzjoni ġenerali kuntrattwali kkundsidrata bħala inġusta. Skont l-Artikolu 209B(4) tal-imsemmi kodiċi, dispożizzjonijiet partikolari jiddeterminaw il-klawżoli kkunsidrati bħala inġusti fil-kuntratti ta’ konsum. Taħt l-Artikolu 235(1) tal-Kodiċi Ċivili, wara kontestazzjoni valida, il-kuntratt inkwistjoni jitlef l-effett legali tiegħu mid-data tal-konklużjoni tiegħu. Skont l-Artikolu 236(1) tal-Kodiċi Ċivili, il-kontestazzjoni għandha tiġi kkomunikata bil-miktub lill-parti l-oħra f’terminu ta’ sena.

11

Id-Digriet tal-Gvern Nru 18/1999, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ waqt il-kawża prinċipali, jikklassifika l-klawżoli kuntrattwali f’żewġ kategoriji. Taħt l-ewwel kategorija jaqgħu l-klawżoli kuntrattwali li l-użu tagħhom fil-kuntratti ta’ konsum huwa pprojbit, u li huma, minħabba f’hekk, nulli u bla effett. It-tieni kategorija tgħaqqad flimkien il-klawżoli meqjusa inġusti sakem titressaq prova kuntrarja, fejn l-awtur ta’ tali klawżola jista’ jirribatti din il-preżunzjoni.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Fit-12 ta’ Diċembru 2004, E. Sustikné Győrfi kienet ikkonkludiet ma’ Pannon kuntratt ta’ abbonament dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ telefonija mobbli. Il-kuntratt ġie konkluż fuq il-bażi ta’ formularju pprovdut minn Pannon li kien jistipula li, mal-iffirmar tal-kuntratt, E. Sustikné Győrfi tirrikonoxxi li għandha għarfien tat-termini u l-kundizzjonijiet applikabbli, inklużi l-kundizzjonijiet ġenerali kuntrattwali li jikkostitwixxu parti integrali mill-kuntratt u taċċetta l-kontenut tagħhom.

13

Skont dawn it-termini u kundizzjonijiet, iż-żewġ partijiet fil-kawża prinċipali jirrikonoxxu l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-post fejn Pannon hija stabbilita għal kull tilwima li tirriżulta mill-kuntratt ta’ abbonament jew fir-rigward tiegħu. Din il-klawżola ta’ ġurisdizzjoni ma kinitx is-suġġett ta’ negozjati bejn dawn iż-żewġ partijiet.

14

Peress li E. Sustikné Győrfi ma kkonformatx mal-obbligi kuntrattwali tagħha, Pannon ippreżentat, bl-applikazzjoni tal-imsemmija klawżola, talba għal ordni ta’ ħlas quddiem il-Budaörsi Városi Bíróság, qorti fil-ġurisdizzjoni territorjali fejn jinsab l-uffiċċju rreġistrat tagħha.

15

Il-qorti ħarġet l-ordni mitlub minn Pannon. Għaldaqstant, E. Sustikné Győrfi ppreżentat, fit-terminu previst, oppożizzjoni kontra dan l-ordni, u b’hekk il-proċedura saret kontradittorja.

16

L-imsemmija qorti rrilevat li r-residenza ta’ E. Sustikné Győrfi ma kinitx tinsab fil-ġurisdizzjoni territorjali tagħha. Hija kkonstatat li r-residenza permanenti ta’ din tal-aħħar, li tibbenifika minn pensjoni ta’ invalidità, tinsab f’Dombegyház, fil-komun ta’ Békés, jiġifieri 275 kilometru minn Budaörs, u ppreċiżat li l-possibbiltajiet ta’ trasport bejn Budaörs u Dombegyház huma limitati ħafna minħabba n-nuqqas ta’ linja diretta ta’ ferrovija jew xarabank.

17

Il-Budaörsi Városi Bíróság osservat li r-regoli ta’ proċedura applikabbli jipprovdu li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni territorjali hija dik ta’ fejn tinsab ir-residenza ta’ E. Sustikné Győrfi, jiġifieri l-Battonyai Városi Bíróság (Qorti muniċipali ta’ Battonya).

18

Il-qorti tar-rinviju spjegat li l-kodiċi tal-proċedura ċivili jipprovdi li l-qorti, fis-settur ikkunsidrat, għandha tqajjem ex officio l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni territorjali tagħha. Madankollu, peress li din ma hijiex ġurisdizzjoni esklużiva, ma huwiex iktar possibbli li titqajjem din il-kwistjoni wara l-ewwel preżentata, mill-konvenuta, ta’ risposta dwar il-mertu tal-kawża. Il-qorti adita ma tistax teżamina l-eżattezza tal-fatti invokati sabiex tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni territorjali tagħha ħlief meta dawn ikunu kuntrarji għall-fatti magħrufa jew għall-fatti li tagħhom il-qorti għandha għarfien ex officio, jew ukoll meta dawn ikunu improbabbli jew ikkontestati mill-parti l-oħra fil-kawża.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Budaörsi Városi Bíróság, peress li kellha dubji dwar in-natura possibbilment inġusta tal-klawżola ta’ ġurisdizzjoni li tidher fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt inkwistjoni, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [93/13] li jgħid li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-konsumatur ma huwiex marbut minn klawżola inġusta inkluża minn bejjiegħ jew fornitur ma jirriżultax espliċitament mil-liġi, iżda huwa impliċitu li l-konsumatur għandu jikkontesta b’suċċess l-imsemmija klawżola inġusta billi jippreżenta talba f’dan ir-rigward?

2)

Il-protezzjoni li d-Direttiva [93/13] tagħti lill-konsumaturi tirrikjedi li l-qorti nazzjonali tagħti deċiżjoni ex officio, anki fin-nuqqas ta’ deċiżjoni f’dan ir-rigward, jiġifieri mingħajr ma n-natura inġusta tal-klawżola ma tkun ġiet invokata - u tkun liema tkun in-natura, kontenzjuża jew bonarja, tal-proċedura -, fil-konfront tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li titressaq quddiemha, u li hija teżamina ex officio, fil-kuntest tal-verifika tal-ġurisdizzjoni territorjali tagħha stess, il-klawżola inkluża mill-bejjiegħ jew fornitur?

3)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda, liema huma l-elementi li l-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni u tevalwa fil-kuntest ta’ dan l-eżami?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

20

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, li jipprovdi li l-klawżoli inġusti f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur ma’ konsumatur ma jkunux jorbtu lil dan tal-aħħar, għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa biss fil-każ fejn il-konsumatur ikun ikkontesta b’suċċess l-imsemmija klawżola inġusta li ma jkunx marbut biha.

21

Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu jiġi mfakkar qabel kollox li, l-obbligu impost fuq l-Istati Membri skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva huwa intiż sabiex jagħti dritt liċ-ċittadin, fir-rwol tiegħu bħala konsumatur, u jiddefinixxi r-riżultat li d-Direttiva trid tilħaq (ara s-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-144/99, Ġabra p. I-3541, punt 18, u tas-, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, C-478/99, Ġabra p. I-4147, punti 16 u 18).

22

B’hekk is-sistema ta’ protezzjoni implementata mill-imsemmija direttiva hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ dgħufija meta mqabbel mal-bejjiegħ jew mal-fornitur, għal dak li jikkonċerna kemm is-setgħa ta’ negozjar kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li ġġiegħlu jaderixxi għall-kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel mill-bejjiegħ jew mill-fornitur, mingħajr ma jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, C-240/98 sa C-244/98, Ġabra p. I-4941, punt 25).

23

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fil-punt 26 tal-imsemmija sentenza, li l-għan segwit mill-Artikolu 6 tad-Direttiva ma jkunx jista’ jintlaħaq fil-każ li l-konsumaturi jkunu obbligati li jqajmu huma stess in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u li l-protezzjoni effettiva tal-konsumatur tkun żgurata biss jekk tiġi rikonoxxuta l-fakultà tal-qorti nazzjonali li tevalwa ex officio tali klawżola.

24

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, sabiex din il-fakultà tal-qorti nazzjonali tiġi żgurata, l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva ma jistax jiġi interpretat fis-sens li huwa biss fil-każ fejn il-konsumatur ippreżenta talba espliċita f’dan ir-rigward li klawżola kuntrattwali inġusta ma torbotx lill-konsumatur. Fil-fatt, tali interpretazzjoni teskludi l-possibbiltà li l-qorti nazzjonali tevalwa ex officio, fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà ta’ talba ppreżentata quddiemha u mingħajr talba espliċita mill-konsumatur f’dan is-sens, in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali.

25

Fir-rigward tal-effetti legali, li magħhom klawżola inġusta għandha tkun marbuta, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fis-sentenza tagħha tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro (C-168/05, Ġabra p. I-10421, punt 36), li l-importanza tal-protezzjoni tal-konsumatur wasslet lil-leġiżlatur Komunitarju jipprovdi, fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, li l-klawżoli inġusti li jinsabu f’kuntratt konkluż minn bejjiegħ jew fornitur ma’ konsumatur “[m’għandhomx] jorbtu lill-konsumatur”. Hija enfasizzat li din hija dispożizzjoni mandatorja li, meta tiġi kkunsidrata d-dgħufija ta’ waħda mill-partijiet fil-kuntratt, hija intiża sabiex tissostitwixxi l-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt b’bilanċ reali li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar.

26

Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet, fil-punt 37 tal-imsemmija sentenza, li d-Direttiva, li hija intiża sabiex issaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumaturi, tikkostitwixxi, skont l-Artikolu (1)(t) KE, miżura indispensabbli għat-twettiq tal-kompiti mogħtija lill-Komunità Ewropea u, b’mod partikolari, sabiex jogħlew il-livell tal-għajxien u l-kwalità tal-ħajja fil-Komunità kollha.

27

Għaldaqstant, l-espressjoni “kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom”, imsemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, ma tistax tinftiehem bħala li tippermetti lill-Istati Membri jissuġġettaw in-natura mhux vinkolanti ta’ klawżola inġusta għal kundizzjoni bħal dik imsemmija fl-ewwel domanda preliminari.

28

Għaldaqstant hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali inġusta ma torbotx lill-konsumatur, u li ma huwiex neċessarju, f’dan ir-rigward, li dan ikun minn qabel ikkontesta b’suċċess tali klawżola.

Fuq it-tieni domanda

29

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-obbligi imposti fuq il-qorti nazzjonali, skont id-dispożizzjonijeit tad-Direttiva, sabiex issir taf jekk din tal-aħħar, fil-kuntest tal-eżami tal-ġurisdizzjoni tagħha u b’mod indipendenti min-natura tar-rikors, għandhiex tippronunzja ruħha, jekk ikun hemm bżonn ex officio, fuq in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali.

30

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, hemm lok li jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Novembru 2002, Cofidis (C-473/00, Ġabra p. I-10875, punt 34), irrilevat li l-protezzjoni li d-Direttiva tagħti lill-konsumaturi tkopri l-każijiet fejn il-konsumatur, li jkun ikkonkluda ma’ bejjiegħ jew fornitur kuntratt li fih klawżola inġusta, ma jinvokax in-natura inġusta ta’ din il-klawżola jew għaliex ma jkunx jaf id-drittijiet tiegħu, jew minħabba l-fatt li l-ispejjeż li jinvolvu l-proċeduri legali jiddiswaduh milli jiddefendi d-drittijiet tiegħu.

31

Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 38 tas-sentenza Mostaza Claro, iċċitata iktar ’il fuq, li n-natura u l-importanza tal-interess pubbliku li fuqu hija bbażata l-protezzjoni li d-Direttiva tiżgura lill-konsumaturi jiġġustifikaw il-fatt li l-qorti nazzjonali għandha tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u, b’hekk, li ssib rimedju għan-nuqqas ta’ bilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur.

32

Għaldaqstant, il-qorti li quddiemha titressaq il-kawża hija mitluba tiżgura l-effett utli tal-protezzjoni mixtieqa mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Konsegwentement, ir-rwol li huwa b’hekk attribwit mid-dritt Komunitarju lill-qorti nazzjonali fis-settur kkunsidrat ma huwiex limitat għas-sempliċi fakultà li tiddeċiedi dwar in-natura possibbilment abbużiva ta’ klawżola kuntrattwali, iżda jinkludi wkoll l-obbligu li teżamina ex officio din il-kwistjoni, meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan, inkluż meta teżamina l-ġurisdizzjoni territorjali tagħha.

33

Fl-eżerċizzju ta’ dan l-obbligu, il-qorti nazzjonali ma hijiex marbuta madankollu, skont id-Direttiva, li tevita l-applikazzjoni tal-klawżola inkwistjoni jekk il-konsumatur, wara li jiġi avżat mill-imsemmija qorti, ma jkollux l-intenzjoni jsostni n-natura inġusta u mhux vinkolanti tagħha.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-karatteristiċi speċifiċi tal-proċedura ġurisdizzjonali, li sseħħ fl-ambitu tad-dritt nazzjonali bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, ma jistgħux jikkostitwixxu element li jista’ jaffettwa l-protezzjoni ġuridika li minnha għandu jibbenifika l-konsumatur skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

35

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-qorti nazzjonali hija marbuta teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan. Meta tikkunsidra tali klawżola inġusta, hija ma għandhiex tapplikaha, ħlief meta l-konsumatur jopponi dan. Dan l-obbligu huwa impost ukoll fuq il-qorti nazzjonali meta din tkun qed tistħarreġ il-ġurisdizzjoni territorjali tagħha.

Fuq it-tielet domanda

36

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tfittex li tikseb xi indikazzjonijiet dwar l-elementi li l-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra sabiex tevalwa n-natura possibbilment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali.

37

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, hemm lok li jiġi osservat li, billi jirriferi għall-kunċetti ta’ bona fede u ta’ żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet, l-Artikolu 3 tad-Direttiva jiddefinixxi biss b’mod astratt l-elementi li jagħtu natura inġusta lil klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment (sentenza tal-1 ta’ April 2004, Freiburger Kommunalbauten, C-237/02, Ġabra p. I-3403, punt 19).

38

F’dan il-kuntest, l-anness li għalih jirriferi l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva fih biss lista indikattiva u mhux eżawrjenti ta’ klawżoli li jistgħu jiġu ddikjarati inġusti (sentenza Freiburger Kommunalbauten, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).

39

Barra minn hekk, l-Artikolu 4 tad-Direttiva jipprovdi li n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha tiġi evalwata billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun ġie konkluż il-kuntratt u ssir referenza, fil-mument li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkustanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt.

40

Madankollu, fir-rigward tal-klawżola li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, għandu jiġi mfakkar li, fil-punti 21 sa 24 tas-sentenza Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur fis-sens tad-Direttiva, klawżola miktuba minn qabel minn bejjiegħ jew fornitur u li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment li għandha bħala għan li tikkonferixxi ġurisdizzjoni, fir-rigward ta’ kull tilwima li tirriżulta mill-kuntratt, lill-qorti fil-ġurisdizzjoni territorjali fejn il-bejjiegħ jew il-fornitur ikun stabbilit, tiġbor fiha l-kriterji kollha sabiex tiġi kkwalifikata bħala inġusta għall-finijiet tad-Direttiva.

41

Fil-fatt u kif enfasizzat ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 22 tas-sentenza Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, iċċitata iktar ’il fuq, tali klawżola titfa’ fuq il-konsumatur il-piż tal-obbligu li jissuġġetta ruħu għall-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ qorti li tista’ tkun ’il bogħod mir-residenza tiegħu, u dan jista’ jirrendi iktar diffiċli l-preżenza tiegħu quddiemha. Fil-każ ta’ tilwimiet li jirrigwardaw somom limitati, l-ispejjeż marbuta mal-preżenza tal-konsumatur jistgħu jiddiswaduh u jwasslu lil dan tal-aħħar biex jirrinunzja għal kull rimedju ġudizzjarju jew difiża. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fl-imsemmi punt 22, li tali klawżola taqa’ taħt il-kategorija ta’ dawk li għandhom bħala għan jew effett li jnaqqsu jew jostakolaw l-eżerċizzju ta’ azzjonijiet ġudizzjarji mill-konsumatur, kategorija li hija prevista fil-punt 1(q) tal-Anness tad-Direttiva.

42

Jekk huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni lilha kkonferita mill-Artikolu 234 KE, interpretat fil-punt 22 tas-sentenza Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, iċċitata iktar ’il fuq, il-kriterji ġenerali użati mil-leġiżlatur Komunitarju sabiex tiddefinixxi l-kunċett ta’ klawżola inġusta, hija ma tistax madankollu tippronunzja ruħha fuq l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji ġenerali għal klawżola partikolari li għandha tiġi eżaminata skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni (ara s-sentenza Freiburger Kommunalbauten, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

43

Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju, fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, li tevalwa jekk klawżola kuntrattwali tistax tiġi kkwalifikata bħala inġusta fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva.

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tingħata fis-sens li huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tiddetermina jekk klawżola kuntrattwali bħal dik li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali tissodisfax il-kriterji neċessarji kollha sabiex tiġi kklassifikata bħala inġusta fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva. Meta tagħmel dan, il-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra l-fatt li klawżola f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur, li tiddaħħal mingħajr ma tkun ġiet innegozjata individwalment u li tikkonferixxi ġurisdizzjoni esklużiva lill-qorti fil-ġurisdizzjoni territorjali fejn ikun jinsab l-uffiċċju rreġistrat tal-bejjiegħ jew tal-fornitur, tista’ tiġi kkunsidrata bħala inġusta.

Fuq l-ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali inġusta ma torbotx lill-konsumatur, u li ma huwiex neċessarju, f’dan ir-rigward, li dan ikun minn qabel ikkontesta b’suċċess tali klawżola.

 

2)

Il-qorti nazzjonali hija marbuta teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan. Meta tikkunsidra tali klawżola bħala inġusta, hija ma għandhiex tapplikaha, ħlief meta l-konsumatur jopponi dan. Dan l-obbligu huwa impost ukoll fuq il-qorti nazzjonali meta din tkun qed tistħarreġ il-ġurisdizzjoni territorjali tagħha.

 

3)

Huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tiddetermina jekk klawżola kuntrattwali bħal dik li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali tissodisfax il-kriterji neċessarji sabiex tiġi kklassifikata bħala inġusta fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13. Meta tagħmel dan, il-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra l-fatt li klawżola f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur, li tiddaħħal mingħajr ma tkun ġiet innegozjata individwalment u li tikkonferixxi ġurisdizzjoni esklużiva lill-qorti fil-ġurisdizzjoni territorjali fejn ikun jinsab l-uffiċċju rreġistrat tal-bejjiegħ jew tal-fornitur, tista’ tiġi kkunsidrata bħala inġusta.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.