Kawża C-171/08

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Portugiża

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikoli 56 KE u 43 KE — Moviment liberu tal-kapital — Azzjonijiet preferenzjali (‘golden shares’) tal-Istat Portugiż f’Portugal Telecom SGPS SA — Restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ holdings u fuq il-ġestjoni ta’ kumpannija privatizzata — Miżura tal-Istat”

Sommarju tas-sentenza

1.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Prova tan-nuqqas — Oneru tal-prova tal-Kummissjoni

(Artikolu 226 KE)

2.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Suġġett tal-kawża — Determinazzjoni matul il-proċedura prekontenzjuża

(Artikolu 226 KE)

3.        Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi privileġġi fil-ġestjoni ta’ impriżi privatizzati favur l-Istat

(Artikoli 56(1) KE u 58 KE)

1.        Peress li l-Kummissjoni ma annettietx mar-rikors tagħha t-test komplet ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija minn rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu imma li, kemm fir-rikors kif ukoll fl-opinjoni motivata annessa miegħu, hija rriproduċiet u spjegat diversi drabi l-kontenut tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija leġiżlazzjoni li fuqhom hija bbażat ir-rikors tagħha għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u li, wara talba espressa tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, setgħet tikkonstata l-verità tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija leġiżlazzjoni, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq sempliċi preżunzjonijiet mingħajr ma pprovdiet provi neċessarji li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa n-nuqqas li huwa akkużat bih l-Istat Membru kkonċernat. Għalhekk, tali rikors huwa ammissibbli.

(ara l-punti 20, 22-24)

2.        Is-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, skont l-Artikolu 226 KE, huwa stabbilit mill-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, b’mod li r-rikors għandu jkun ibbażat fuq l-istess raġunijiet u motivi bħal din l-opinjoni. Madankollu, din l-eżiġenza ma tistax tkun tali li timponi, fi kwalunkwe ipoteżi, qbil perfett bejn l-ilmenti esposti fid-dispożittiv tal-opinjoni motivata u t-talbiet tar-rikors, sakemm is-suġġett tal-kawża, hekk kif stabbilit fl-opinjoni motivata, ma jkunx ġie estiż jew mibdul. Il-fatt li l-Kummissjoni, fir-rikors tagħha, spjegat f’iktar dettall l-ilmenti li kienet diġà invokat b’mod ġenerali fl-ittra ta’ intimazzjoni u fl-opinjoni motivata, billi rreferiet għal drittijiet speċjali oħra li kellu Stat Membru f’kumpannija privatizzata, ma biddilx is-suġġett tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat u għalhekk ma għandu l-ebda effett fuq il-portata tal-kawża.

(ara l-punti 25, 26, 29)

3.        Jonqos mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 56 KE Stat Membru li jżomm f’kumpannija holding ġestjoni ta’ holdings, li nħolqot wara li ngħaqdu diversi impriżi b’kapital kompletament pubbliku, drittijiet speċjali favur dan l-Istat u entitajiet pubbliċi oħra, mogħtija flimkien ma’ azzjonijiet preferenzjali (“golden shares”) tal-Istat f’din il-kumpannija, drittijiet speċjali għall-elezzjoni ta’ terz tan-numru totali ta’ amministraturi, għall-elezzjoni ta’ numru determinat ta’ membri tal-kumitat eżekuttiv magħżula fi ħdan il-bord tad-diretturi, għan-nomina ta’ mill-inqas wieħed mill-amministraturi eletti sabiex jieħu ħsieb b’mod speċjali ċerti kwistjonijiet ta’ amministrazzjoni, għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali dwar:

– l-allokazzjoni tal-bilanċ tas-sena finanzjarja,

– l-emendi tal-istatuti u ż-żieda fil-kapital,

– il-limitazzjoni jew it-tneħħija tad-dritt preferenzjali,

– l-iffissar ta’ kundizzjonijiet għaż-żieda fil-kapital,

– il-ħruġ ta’ obbligazzjonijiet jew titoli oħra u l-iffissar tal-valur ta’ dawk li jista’ jawtorizza l-bord tad-diretturi, kif ukoll il-limitazzjoni jew it-tneħħija tad-dritt preferenzjali meta jinħarġu obbligazzjonijiet li jistgħu jiġu kkonvertiti f’azzjonijiet u l-iffissar tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ obbligazzjonijiet ta’ dan it-tip mill-bord tad-diretturi,

– it-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat f’post ieħor fit-territorju nazzjonali,

– l-approvazzjoni tal-akkwist ta’ numru ta’ azzjonijiet ordinarji li jaqbeż 10 % tal-kapital azzjonarju minn azzjonisti li jeżerċitaw attività li tikkompeti mal-attivitajiet eżerċitati minn kumpanniji kkontrollati minn din il-kumpannija,

kif ukoll l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-approvazzjoni tal-għanijiet ġenerali u tal-prinċipji fundamentali tal-politiki f’din il-kumpannija kif ukoll id-definizzjoni tal-prinċipji ġenerali tal-politika fil-qasam tal-holdings f’kumpanniji jew fi gruppi, ta’ akkwisti u ta’ trasferimenti, fil-każ li tkun meħtieġa l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-laqgħa ġenerali.

Fil-fatt, id-detenzjoni mill-Istat ta’ dawn l-azzjonijiet preferenzjali, sa fejn tagħti lil dan l-Istat influwenza fuq il-ġestjoni tal-kumpannija li ma hijiex iġġustifikata mid-daqs tal-holding li għandu f’din il-kumpannija, tista’ tiskoraġġixxi l-operaturi ta’ Stati Membri oħra milli jagħmlu investimenti diretti f’din il-kumpannija inkwantu ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fil-ġestjoni u fil-kontroll ta’ din il-kumpannija skont il-proporzjon tal-holding tagħhom.

Bl-istess mod, id-dispożizzjoni tal-azzjonijiet speċifiċi jista’ jkollha effett dissważiv fuq il-portafolli ta’ investiment f’din il-kumpannija sa fejn eventwali rifjut tal-Istat kkonċernat li japprova deċiżjoni importanti, ippreżentata mill-organi tal-kumpannija kkonċernata bħala li tirrispondi għall-interess tagħha, huwa suxxettibbli li jkollu effett fuq il-valur tal-azzjonijiet tal-imsemmija kumpannija u, għaldaqstant, fuq kemm ikun attraenti investiment f’tali azzjonijiet.

Fir-rigward tad-derogi permessi mill-Artikolu 58 KE, l-eżiġenzi ta’ sigurtà pubblika għandhom, b’mod partikolari bħala deroga mill-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-kapital, jiġu interpretati b’mod strett, b’mod li l-portata tagħhom ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata unilateralment minn kull wieħed mill-Istati Membri mingħajr kontroll tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. B’hekk, is-sigurtà pubblika tista’ tiġi invokata biss f’każ ta’ theddida reali u suffiċjentement gravi, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-proporzjonalità tar-restrizzjoni inkwistjoni, l-inċertezza, maħluqa mill-fatt li la liġi nazzjonali u lanqas l-istatuti tal-kumpannija kkonċernata ma jistabbilixxu kriterji fir-rigward taċ-ċirkustanzi fejn l-imsemmija setgħat speċjali jistgħu jiġu eżerċitati, tikkostitwixxi attakk gravi għal-libertà ta’ moviment tal-kapital peress li tikkonferixxi lill-awtoritajiet nazzjonali, f’dak li jikkonċerna r-rikors għal tali setgħat, marġni ta’ diskrezzjoni daqstant diskrezzjonali, li din il-marġni ma tistax tiġi kkunsidrata li hija proporzjonata meta mqabbla mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu.

(ara l-punti 6, 7, 60, 61, 72-78 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

8 ta’ Lulju 2010 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikoli 56 KE u 43 KE – Moviment liberu tal-kapital – Azzjonijiet preferenzjali (‘golden shares’) tal-Istat Portugiż f’Portugal Telecom SGPS SA – Restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ holdings u fuq il-ġestjoni ta’ kumpannija privatizzata – Miżura tal-Istat”

Fil-Kawża C‑171/08,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fil-21 ta’ April 2008,

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Montaguti u M. Teles Romão kif ukoll minn P. Guerra e Andrade, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Inez Fernandes, bħala aġent, assistit minn M. Gorjão Henriques, avukat,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, E. Levits, M. Ilešič, M. Safjan u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Ottubru 2009,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Diċembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika Portugiża, billi żammet f’Portugal Telecom SGPS SA (iktar ’il quddiem “PT”) drittijiet speċjali favur l-Istat u entitajiet pubbliċi oħra, mogħtija flimkien ma’ azzjonijiet preferenzjali (“golden shares”) tal-Istat f’PT, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 56 KE u 43 KE.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

2        L-Artikolu 15(3) tal-liġi qafas dwar il-privatizzazzjonijiet (Lei Quadro das Privatizaçoes), tal-5 ta’ April 1990 (Diário da República, serje I, Nru 80, tal-5 ta’ April 1990, iktar ’il quddiem il-“LQP”) jipprovdi għall-possibbiltà li jinħolqu azzjonijiet preferenzjali bil-kliem li ġej:

“L-istrument leġiżlattiv imsemmi fl-Artikolu 4(1) (li japprova l-istatuti tal-impriża li ser tiġi pprivatizzata jew li ser tiġi ttrasformata f’kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata) jista’ jipprovdi wkoll, b’mod eċċezzjonali, meta raġunijiet ta’ interess nazzjonali jeżiġu dan, għall-eżistenza ta’ azzjonijiet preferenzjali intiżi biex jibqgħu proprjetà tal-Istat u li, indipendentement min-numru tagħhom, jagħtuh dritt ta’ veto fuq l-emendi fl-istatuti u deċiżjonijiet oħra li jirrigwardaw qasam speċifiku, debitament iddefinit fl-istatuti.”

3        L-Artikolu 20(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 44/95, tat-22 ta’ Frar 1995, dwar l-ewwel fażi tal-privatizzazzjoni, jipprovdi:

“F’każ li l-istatuti ta’ [PT] jipprovdu għall-eżistenza ta’ azzjonijiet mogħnija bi drittijiet speċjali, minbarra azzjonijiet b’dividend prijoritarju, il-maġġoranza ta’ dawn l-azzjonijiet għandhom ta’ bilfors jinżammu mill-Istat jew minn azzjonisti pubbliċi oħra.”

 L-istatuti ta’ PT

4        Mill-proċess jirriżulta li, skont l-Artikolu 4(2) tal-istatuti ta’ PT, il-kapital azzjonarju ta’ din il-kumpannija huwa kompost minn 1 025 800 000 azzjonijiet ordinarji u minn 500 azzjoni tal-kategorija A.

5        Skont l-Artikolu 5(1) tal-istatuti ta’ PT, il-maġġoranza tal-azzjonijiet tal-kategorija A għandhom jinżammu mill-Istat jew minn azzjonarji pubbliċi oħra u jġibu magħhom ċerti privileġġi, fil-forma ta’ drittijiet speċjali, imsemmija fl-Artikoli 14(2) u 19(2) tal-imsemmija statuti.

6        Dawn l-aħħar dispożizzjonijiet jelenkaw l-imsemmija drittijiet speċjali kif ġej:

–        mill-inqas terz tan-numru totali ta’ amministraturi, inkluż il-president tal-bord tad-diretturi, għandhom jiġu eletti b’maġġoranza tal-voti mogħtija lill-azzjonisti li jaqgħu taħt il-kategorija A, jiġifieri bil-voti tal-Istat u tal-azzjonisti pubbliċi l-oħra;

–        fost il-ħames jew is-seba’ membri tal-kumitat eżekuttiv magħżul minn fost il-bord tad-diretturi, wieħed jew tnejn minn dawn il-membri rispettivament għandhom jiġu eletti bil-maġġoranza tal-voti mogħtija lill-azzjonijiet li jaqgħu taħt il-kategorija A;

–        il-ħatra ta’ mill-inqas wieħed mill-amministraturi eletti sabiex jieħu ħsieb speċifikament ċerti kwistjonijiet amministrattivi għandha, sabiex tiġi approvata, tikseb il-maġġoranza tal-voti mogħtija lill-azzjonijiet li jaqgħu taħt il-kategorija A;

–        l-ebda deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali dwar is-suġġetti elenkati iktar ’il quddiem ma tista’ tiġi approvata kontra l-maġġoranza tal-voti li jikkorrispondu għall-azzjonijiet tal-kategorija A:

–        l-allokazzjoni tal-bilanċ tas-sena finanzjarja,

–        l-emendi tal-istatuti u ż-żieda fil-kapital,

–        il-limitazzjoni jew it-tneħħija tad-dritt preferenzjali,

–        l-iffissar ta’ kundizzjonijiet għaż-żieda fil-kapital,

–        il-ħruġ ta’ obbligazzjonijiet jew titoli oħra u l-iffissar tal-valur ta’ dawk li jista’ jawtorizza l-bord tad-diretturi, kif ukoll il-limitazzjoni jew it-tneħħija tad-dritt preferenzjali meta jinħarġu obbligazzjonijiet li jistgħu jiġu kkonvertiti f’azzjonijiet u l-iffissar tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ obbligazzjonijiet ta’ dan it-tip mill-bord tad-diretturi,

–        it-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat f’post ieħor fit-territorju nazzjonali,

–        l-approvazzjoni tal-akkwist ta’ numru ta’ azzjonijiet ordinarji li jaqbeż 10 % tal-kapital azzjonarju minn azzjonisti li jeżerċitaw attività li tikkompeti mal-attivitajiet eżerċitati minn kumpanniji kkontrollati minn PT,

–        il-maġġoranza tal-voti li jikkorrispondu għall-azzjonijiet tal-kategorija A hija wkoll neċessarja fir-rigward tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-approvazzjoni tal-għanijiet ġenerali u tal-prinċipji fundamentali tal-politiki ta’ PT kif ukoll tad-definizzjoni tal-prinċipji ġenerali tal-politika fil-qasam tal-holdings f’kumpanniji jew fi gruppi, ta’ akkwisti u ta’ trasferimenti, fil-każ li tkun meħtieġa l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-laqgħa ġenerali.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

7        Sa mill-1992, is-settur tat-telekomunikazzjonijiet Portugiż għadda minn proċess vast ta’ ristrutturar li wassal, fl-1994, għall-ħolqien ta’ PT, kumpannija holding ta’ ġestjoni ta’ holdings li nħolqot wara li ngħaqdu diversi impriżi b’kapital kompletament pubbliku.

8        Il-proċess ta’ privatizzazzjoni ta’ PT beda fl-1995. Dan sar f’ħames fażijiet suċċessivi, fil-kuntest ta’ skema stabbilita mil-LQP.

9        Fl-4 ta’ Awwissu 1995, meta l-Istat Portugiż kellu 54.2 % tal-kapital azzjonarju ta’ PT, ġew adottati l-istatuti ta’ din il-kumpannija.

10      Fit-tmiem tal-ħames fażi ta’ privatizzazzjoni, inbiegħu l-holdings pubbliċi f’PT kollha, minbarra 500 azzjoni tal-kategorija A li skont l-Artikolu 5(1) tal-istatuti ta’ PT jġibu magħhom drittijiet speċjali u li, skont l-Artikolu 20(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 44/95 il-maġġoranza tagħhom hija tal-Istat jew ta’ kumpanniji azzjonarji pubbliċi oħra.

11      Fid-19 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Portugiża li permezz tagħha akkużatha li kisret l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 56 KE u 43 KE minħabba li l-Istat u azzjonarji pubbliċi oħra kellhom azzjonijiet preferenzjali mogħnija bi drittijiet speċjali fil-kapital azzjonarju ta’ PT.

12      Peress li r-risposta mogħtija mir-Repubblika Portugiża fl-ittra tagħha tal-21 ta’ Frar 2006 ma kinitx sodisfaċenti, fl-10 ta’ April 2006, il-Kummissjoni bagħtet lil dan l-Istat Membru opinjoni motivata fejn talbitu jikkonforma magħha f’terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri min-notifika tal-imsemmija opinjoni. Ir-Repubblika Portugiża rrispondiet b’ittra tal-24 ta’ Lulju 2006, fejn ikkontestat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu akkużata bih.

13      Peress li l-Kummissjoni qieset li r-Repubblika Portugiża ma kinitx adottat il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma mal-opinjoni motivata, hija ddeċidiet, għalhekk, li tippreżenta dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

14      Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika Portugiża tikkontesta, preliminarjament, l-ammissibbiltà tar-rikors abbażi ta’ żewġ motivi. L-ewwel nett, hija tqis li l-Kummissjoni, billi ma inkludietx fil-proċess la t-testi leġiżlattivi u lanqas l-istatuti ta’ PT li jinkludu d-dispożizzjonijiet li jikkonkretizzaw in-nuqqas akkużata bih, din ma osservatx ir-regoli dwar l-oneru tal-prova u għalhekk ibbażat ir-rikors tagħha fuq sempliċi preżunzjonijiet.

15      It-tieni nett, hija ssostni li r-rikors huwa parzjalment inammissibbli inkwantu l-Kummissjoni inkludiet fir-rikors tagħha allegazzjonijiet ġodda li ma kinux jinsabu fl-opinjoni motivata u, għalhekk, estendiet is-suġġett tal-kawża kif iddefinit fil-fażi prekontenzjuża tal-proċedura. Ir-Repubblika Portugiża tirreferi, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, għar-regoli tal-istatut li bis-saħħa tagħhom l-Istat għandu influwenza ikbar fir-rigward tal-għażla tal-membri tal-kumitat eżekuttiv jew għandu setgħat speċjali bħad-dritt ta’ veto fuq id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-bejgħ ta’ assi importanti, l-għaqda ma’ kumpanniji oħrajn u t-tibdil fil-proprjetà tal-impriża.

16      Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-allegazzjonijiet kollha.

17      Fir-rigward, minn naħa, tal-oneru tal-prova, hija ssostni, essenzjalment, li, sa fejn hija r-Repubblika Portugiża li hija akkużata bil-ksur, u mhux PT, il-prova tal-ksur hija marbuta pjuttost mal-aġir tal-imsemmi Stat Membru milli mal-istatuti ta’ PT. Għalhekk, ma huwiex neċessarju li l-Kummissjoni tipproduċi l-imsemmija statuti sabiex tipprova n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat. Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika Portugiża ammettiet hi stess, sa mir-risposta għall-ittra ta’ intimazzjoni, l-eżistenza tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija statuti, kif ukoll tad-drittijiet speċjali tal-Istat previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet, u kkontestat preċiżament abbażi tagħhom il-ksur li hija akkużata bih.

18      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-allegata estensjoni tas-suġġett tal-kawża, il-Kummissjoni ssostni li l-fażi istruttorja tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija intiża sabiex tirriċerka punti ta’ fatt u ta’ liġi eventwali li huma biżżejjed sabiex issostni s-suspetti ta’ ksur u mhux sabiex tittratta b’mod eżawrjenti u ddettaljat, il-punti kollha li jikkostitwixxu n-nuqqas. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li hija setgħet, fil-fażi prekontenzjuża, tillimita ruħha sabiex tinvoka, b’mod ġenerali, is-setgħat speċjali tal-Istat f’PT u sussegwentement tippreċiża, fir-rikors, il-kontenut ta’ dawn il-kontestazzjonijiet.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

19      F’dak li jikkonċerna l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, għandu jiġi rrilevat immedjatament li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas allegat, tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja il-provi neċessarji sabiex din tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tal-imsemmi nuqqas, mingħajr ma tibbaża ruħha fuq ebda preżunzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑434/01, Ġabra p. I-13239, punt 21, u tal-14 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C‑342/05, Ġabra p. I‑4713, punt 23).

20      Issa, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni ma annettietx mar-rikors tagħha t-test komplet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti kif ukoll tal-istatuti ta’ PT, xorta jibqa’ l-fatt li, kemm fir-rikors kif ukoll fl-opinjoni motivata annessa miegħu, il-Kummissjoni rriproduċiet u spjegat diversi drabi l-kontenut tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija leġiżlazzjoni u tal-imsemmija statuti, li fuqhom hija bbażat ir-rikors tagħha għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

21      Barra minn hekk, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 27 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Gvern Portugiż qatt ma kkontesta l-eżistenza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll il-kontenut tagħhom, hekk kif deskritt mill-Kummissjoni kemm waqt il-fażi prekontenzjuża kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Kuntrarjament, dan il-Gvern ikkonferma li, preċiżament abbażi ta’ dawn it-testi, l-Istat Portugiż kellu azzjonijiet preferenzjali f’PT mogħnija bi drittijiet speċjali invokati mill-Kummissjoni.

22      Barra minn hekk, il-qari tat-testi integrali tal-istatuti ta’ PT, ippreżentati mill-partijiet wara talba espressa tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippermetta li tiġi kkonstatata l-verità tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija statuti u tad-drittijiet speċjali miżmuma mill-Istat.

23      F’dawn il-kundizzjonijiet, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq sempliċi preżunzjonijiet mingħajr ma pprovdiet provi neċessarji li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa n-nuqqas li hija akkużata bih ir-Repubblika Portugiża.

24      Minn dan isegwi li l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

25      Fir-rigward tat-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, is-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, skont l-Artikolu 226 KE, huwa stabbilit mill-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, b’mod li r-rikors għandu jkun ibbażat fuq l-istess raġunijiet u motivi bħal din l-opinjoni (ara s-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑33/04, Ġabra p. I-10629, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Madankollu, din l-eżiġenza ma tistax tkun tali li timponi, fi kwalunkwe ipoteżi, qbil perfett bejn l-ilmenti esposti fid-dispożittiv tal-opinjoni motivata u t-talbiet tar-rikors, sakemm is-suġġett tal-kawża, hekk kif stabbilit fl-opinjoni motivata, ma jkunx ġie estiż jew mibdul (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑433/03, Ġabra p. I‑6985, punt 28, u tas-7 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑484/04, Ġabra p. I-7471, punt 25).

27      Issa, għandu jiġi osservat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni la estendiet u lanqas bidlet is-suġġett tal-kawża hekk kif stabbilit fl-opinjoni motivata.

28      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li fid-dispożittiv tal-opinjoni motivata kif ukoll fit-talbiet tar-rikors, il-Kummissjoni indikat b’mod ċar li kienet qegħda takkuża lir-Repubblika Portugiża bin-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 43 KE u 56 KE minħabba li l-Istat u azzjonisti pubbliċi oħra kellhom azzjonijiet preferenzjali mogħnija bi drittijiet speċjali f’PT.

29      Għalhekk, il-fatt li l-Kummissjoni, fir-rikors tagħha, spjegat f’iktar dettall l-ilmenti li kienet diġà invokat b’mod ġenerali fl-ittra ta’ intimazzjoni u fl-opinjoni motivata, billi rreferiet għal drittijiet speċjali oħra li kellu l-Istat Portugiż f’PT, ma biddilx is-suġġett tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat u għalhekk ma għandu l-ebda effett fuq il-portata tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C‑185/00, Ġabra p. I‑14189, punti 84 sa 87).

30      Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, it-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Repubblika Portugiża għandha tiġi miċħuda wkoll, u, għalhekk, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

 Fuq in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 56 KE u 43 KE

 L-argumenti tal-partijiet

31      Qabelxejn, skont il-Kummissjoni, il-ħolqien ta’ azzjonijiet preferenzjali f’PT ma jirriżultax minn applikazzjoni normali tad-dritt tal-kumpanniji u, fi kwalunkwe każ, jikkostitwixxi miżura tal-Istat li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56(1) KE.

32      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-azzjonijiet preferenzjali inkwistjoni, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-awtoritajiet Portugiżi, ma jistgħux jiġu kkunsidrati li għandhom natura purament privata. Fil-fatt, minkejja li d-drittijiet speċjali li jiġu magħhom huma previsti biss fl-istatuti ta’ PT, mhux biss dawn l-istatuti ġew adottati fi żmien meta l-Istat Portugiż kellu l-kontroll tal-kumpannija, imma għandhom jiġu kkunsidrati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-LQP kif ukoll tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 44/95. Issa, minn dawn it-testi leġiżlattivi jirriżulta li l-maġġoranza tal-imsemmija azzjonijiet preferenzjali għandhom jingħataw lill-Istat u jibqgħu proprjetà tal-Istat, peress li dawn ma humiex trasferibbli, kuntrarjament għall-azzjonijiet preferenzjali tad-dritt privat.

33      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-għoti tal-azzjonijiet preferenzjali lill-Istat ma jistax jaħrab mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 56 KE u 43 KE, skont l-Artikolu 295 KE, li jipprovdi li t-Trattat KE għandu jkun bla ebda preġudizzju għas-sistema ta’ proprjetà fl-Istati Membri. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑367/98, Ġabra p. I‑4731, punt 48, u tal-1 ta’ Ġunju 1999, Konle, C‑302/97, Ġabra p. I‑3099, punt 38), l-Istati Membri ma jistgħux, sabiex jiġġustifikaw limiti għal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat li jirriżultaw mis-sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva dwar impriżi pprivatizzati, jeċċepixxu s-sistemi ta’ proprjetà tagħhom. Issa, sa fejn id-drittijiet speċjali inkwistjoni jagħtu lill-proprjetarji tagħhom drittijiet ta’ veto għal diversi deċiżjonijiet li PT għandha tadotta, huma jistabbilixxu tali sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva.

34      Sussegwentement, il-Kummissjoni essenzjalment issostni li d-detenzjoni mill-Istat Portugiż, ta’ drittijiet speċjali f’PT tostakola l-investimenti diretti kif ukoll il-portafolli ta’ investiment f’din il-kumpannija u, għalhekk, tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital kif ukoll għal-libertà ta’ stabbiliment.

35      B’mod partikolari, dawn id-drittijiet speċjali jillimitaw il-possibbiltà għall-azzjonarji, li jipparteċipaw b’mod effettiv fil-ġestjoni u fil-kontroll tal-imsemmija kumpannija skont il-proporzjon tal-valur tal-azzjonijiet li jkollhom u jċaħħduhom mill-poter li jieħdu deċiżjonijiet strateġiċi, bħal dawk li jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-bejgħ ta’ assi importanti, il-bdil sinjifikattiv tal-istatuti, l-għaqda ma’ kumpanniji oħrajn u l-bdil ta’ proprjetà tal-impriża. Barra minn hekk, tali drittijiet speċjali jistgħu jostakolaw ix-xiri ta’ holdings ta’ kontroll f’PT, li huwa wkoll inkompatibbli mal-Artikolu 43 KE.

36      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirreleva wkoll li r-restrizzjonijiet li jirriżultaw mid-drittijiet speċjali miżmuma mir-Repubblika Portugiża f’PT ma jistgħu jiġu ġġustifikati bl-ebda għanijiet invokati mill-awtoritajiet nazzjonali.

37      Fl-ewwel lok, fir-rigward tan-neċessità invokata mill-awtoritajiet Portugiżi li tiġi żgurata d-disponibbiltà tan-netwerk ta’ telekomunikazzjonijiet f’każ ta’ kriżi, ta’ gwerra jew ta’ terroriżmu, il-Kummissjoni tqis li, kuntrarjament għal dak li teħtieġ il-ġurisprudenza u, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑463/00, Ġabra p. I‑4581, punti 71 u 72), dawn l-awtoritajiet ma wrewx l-eżistenza ta’ “theddida reali u suffiċjentement gravi, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà”, li tista’ tiġġustifika l-azzjonijiet inkwistjoni għal raġunijiet ta’ sigurtà u ta’ ordni pubbliku.

38      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-Repubblika Portugiża li jgħid li, peress li PT żammet il-ġesjoni tan-netwerks tal-kejbil u tan-netwerks tar-ram kif ukoll l-attivitajiet kollha bl-ingrossa u bl-imnut, iż-żamma ta’ drittijiet speċjali tal-Istat f’PT hija meħtieġa sabiex jiġi ggarantit ċertu livell ta’ kompetizzjoni fuq is-suq tat-telekomunikazzjonijiet. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, tali argument iwassal għas-sitwazzjoni paradossali fejn ksur tad-dritt Komunitarju jiġi ġġustifikat bi ksur ieħor ta’ dan l-istess dritt, jiġifieri dak li, f’dan il-każ, jikkonsisti fl-invokazzjoni tar-restrizzjonijiet ikkontestati għal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat.

39      Fit-tielet lok, ir-Repubblika Portugiża filwaqt li tagħmel referenza għall-ħtieġa li tevita tfixkil fis-suq tal-kapital, il-Kummissjoni tfakkar il-ġurisprudenza, u b’mod partikolari s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 52), li tgħid li motivi ta’ natura ekonomika ma jistgħux jiġġustifikaw ostakoli pprojbiti mit-Trattat.

40      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li, fi kwalunkwe każ, ir-restrizzjonijiet inkwistjoni jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, l-eżerċizzju tad-drittijiet speċjali marbuta mal-azzjonijiet ta’ kategorija A ma huwiex suġġett għall-ebda kundizzjoni, ħlief għal dik intiża sabiex tali drittijiet jintużaw biss meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ interess ġenerali. Issa, anki fl-ipoteżi li l-għanijiet invokati minn dan l-Istat Membru huma leġittimi, il-fatt li tingħatalu setgħa daqshekk diskrezzjonali jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

41      Ir-Repubblika Portugiża tikkontesta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat billi ssostni, qabel xejn, li l-azzjonijiet inkwistjoni huma azzjonijiet preferenzjali tad-dritt privat li ma jistgħux jitqabblu ma’ “golden shares”. Fil-fatt, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 44/95 jillimita ruħu sabiex jipprovdi l-possibbiltà li jiġu previsti, fl-istatuti ta’ PT, azzjonijiet preferenzjali, mingħajr ma jimponi li jinħolqu. Konsegwentement, dawn l-azzjonijiet jeżistu fuq volontà tal-kumpannija stess u mhux tal-Istat.

42      Sussegwentement, l-awtoritajiet Portugiżi jsostnu li d-detenzjoni ta’ drittijiet speċjali minn azzjonisti tikkostitwixxi dritt fundamentali, karatteristika tad-dritt privat jew tad-dritt tal-kumpanniji kummerċjali, li barra minn hekk hija bbażata fuq l-Artikolu 295 KE. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tissalvagwardja l-imsemmija drittijiet, u dan anki meta l-proprjetarji tagħhom ikunu entitajiet pubbliċi. Insostenn ta’ dan l-argument, dawn l-awtoritajiet ifakkru li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tikkostitwixxi interess leġittimu ta’ natura li jiġġustifika, bħala regola, restrizzjoni għall-obbligi imposti mid-dritt Komunitarju (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri, C‑341/05, Ġabra I‑11767, punti 91 sa 93).

43      Barra minn hekk, ir-Repubblika Portugiża ssostni, sussidjarjament, li, anki fl-ipoteżi li l-eżistenza tal-azzjonijiet preferenzjali inkwistjoni hija imputabbli lill-Istat, madankollu hija ma tistax tikkostitwixxi restrizzjoni pprojbita fis-sens tal-Artikoli 56 KE u 43 KE, fid-dawl tal-fatt li l-imsemmija azzjonijiet ma jikkostitwixxux miżura tal-Istat li għandha l-għan li tirregola l-iskambji jew li tfixkel il-moviment liberu tas-servizzi jew tal-kapital. Għalhekk, dan l-Istat Membru jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra l-applikazzjoni għall-każ inkwistjoni tal-loġika abbażi tas-sentenza tal-24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (C‑267/91 u C‑268/91, Ġabra, p. I‑6097). Fil-fatt, fid-dawl tal-fatt li dan huwa każ ta’ sistemi nondiskriminatorji ta’ ġestjoni tal-holdings fil-kumpannija, u mhux ta’ metodi ta’ akkwist ta’ dawn il-holdings, l-ebda ksur tal-moviment liberu tal-kapital jew tal-libertà ta’ stabbiliment ma huwa possibbli.

44      L-awtoritajiet Portugiżi jenfasizzaw ukoll li, anki fl-ipoteżi li l-eżistenza ta’ drittijiet speċjali f’PT tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-trattat u invokati mill-Kummissjoni, tali restrizzjoni hija ġġustifikata.

45      Din il-ġustifikazzjoni hija bbażata, minn naħa, fuq il-fatt li PT hija proprjetarja tal-parti l-kbira tal-infrastruttura ta’ trasport u tad-diffużjoni tat-telekomunikazzjonijiet, peress li d-detenzjoni ta’ dawn id-drittijiet speċjali tirrispondi għal raġunijiet ta’ sigurtà u ta’ ordni pubbliku sabiex tiggarantixxi l-prestazzjoni tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni f’każ ta’ kriżi, ta’ gwerra, ta’ terroriżmu, ta’ riskji naturali kif ukoll ta’ tipi oħra ta’ theddid. F’dan ir-rigward, l-imsemmi Stat Membru jippreċiża li, kuntrarjament għall-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, il-ġustifikazzjoni marbuta ma’ tali raġunijiet ma hijiex ikkundizzjonata mill-eżistenza ta’ theddida attwali għal interess fundamentali tas-soċjetà.

46      Min-naħa l-oħra, ir-restrizzjoni inkwistjoni hija wkoll iġġustifikata min-neċessità li jiġi żgurat ċertu livell ta’ kompetizzjoni fuq is-suq tat-telekomunikazzjonijiet, kif ukoll minn dik li jiġi evitat eventwali tfixkil fuq is-suq tal-kapital, minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

47      Fl-aħħar nett, skont ir-Repubblika Portugiża, id-drittijiet speċjali mogħtija lill-Istat huma proporzjonati fid-dawl tal-għanijiet li jipprovaw jilħqu. Fil-fatt, dawn id-drittijiet huma limitati għal sitwazzjonijiet partikolari u definiti minn qabel u ma humiex differenti minn sistema ta’ oppożizzjoni a posteriori. Konsegwentement, inħolqot sistema li tista’ titqabbel ma’ dik li kienet is-suġġett tas-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Beljġu (C‑503/99, Ġabra p. I‑4809), sistema li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat kompatibbli mat-Trattat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 56 KE

48      Preliminarjament, għandu jitfakkar, li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 56(1) KE jipprojbixxi b’mod ġenerali r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑282/04 u C‑283/04, Ġabra p. I‑9141, punt 18 u ġurisprudenza ċċitata).

49      Fin-nuqqas, fit-Trattat, ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “moviment tal-kapital” fis-sens tal-Artikolu 56(1) KE, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet valur indikattiv lin-nomenklatura tal-movimenti ta’ kapital li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat [KE, artikolu li ġie abrogat bit-Trattat ta’ Amsterdam] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, li b’mod partikolari jikkostitwixxu moviment tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 56(1) KE, b’mod partikolari, l-investimenti msejħa “diretti”, jiġifieri, l-investimenti taħt forma ta’ holding f’impriża permezz ta’ detenzjoni ta’ azzjonijiet li jagħtu l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni effettiva fil-ġestjoni u l-kontroll tagħha, kif ukoll l-investimenti msejħa “portafolli”, jiġifieri l-investimenti taħt forma ta’ xiri ta’ titoli fis-suq tal-kapital li jsir bl-unika intenzjoni li jsir investiment finanzjarju mingħajr l-intenzjoni li ssir influwenza fuq il-ġestjoni u l-kontroll tal-impriża (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ forom ta’ investimenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li għandhom jiġu kkwalifikati bħala “restrizzjonijiet” fis-sens tal-Artikolu 56(1) KE miżuri nazzjonali li jistgħu jipprojbixxu jew jillimitaw ix-xiri ta’ azzjonijiet fl-impriżi kkonċernati jew li jistgħu jiddiswadu l-investituri minn Stati Membri oħra milli jinvestu fil-kapital tagħhom (ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punti 45 u 46; tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑483/99, Ġabra p. I‑4781, punt 40; tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 61 u 62; tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑98/01, Ġabra p. I‑4641, punti 47 u 49; tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑174/04, Ġabra p. I‑4933, punti 30 u 31, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).

51      F’dan il-każ, ir-Repubblika Portugiża tikkontesta n-natura ta’ miżura tal-Istat tal-miżura inkwistjoni fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti, billi ssostni n-natura privata tal-azzjonijiet preferenzjali inkwistjoni li l-introduzzjoni tagħhom fl-istatuti ta’ PT, tirriżulta biss mill-volontà ta’ din il-kumpannija u mhux tal-Istat.

52      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu li l-LQP u d-Digriet Leġiżlattiv Nru 44/95 jillimitaw ruħhom sabiex jaċċettaw il-possibbiltà li jkun hemm azzjonijiet preferenzjali fl-istatuti ta’ PT u li huwa preċiżament bis-saħħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-istatuti ta’ din il-kumpannija, skont din il-leġiżlazzjoni, li dawn l-azzjonijiet ġew introdotti u mogħtija lill-Istat.

53      Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, kif ġie kkonfermat mill-awtoritajiet Portugiżi stess waqt is-seduta, l-imsemmija dispożizzjonijiet ġew adottati fl-4 ta’ April 1995, jiġifieri mhux biss immedjatament wara l-adozzjoni tal-imsemmi Digriet-Liġi, imma aktar u aktar fi żmien meta r-Repubblika Portugiża kellha holding ta’ maġġoranza fil-kapital azzjonarju ta’ PT u kienet teżerċita kontroll fuq din il-kumpannija.

54      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li hija r-Repubblika Portugiża stess li, minn naħa, fil-kwalità tagħha ta’ leġiżlatur, li awtorizzat il-ħolqien ta’ azzjonijiet preferenzjali fi ħdan PT u, min-naħa l-oħra, fil-kwalità tagħha ta’ awtorità pubblika, iddeċidiet, skont l-Artikolu 15(3) tal-LQP u tal-Artikolu 20(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 44/95, li tintroduċi azzjonijiet preferenzjali f’PT, li tagħtihom lill-Istat u li tiddefinixxi d-drittijiet speċjali li jġibu magħhom.

55      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat ukoll li, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-ħolqien tal-imsemmija azzjonijiet preferenzjali ma jirriżultax minn applikazzjoni normali tad-dritt tal-kumpanniji inkwantu l-azzjonijiet preferenzjali previsti f’PT, b’deroga għall-Kodiċi Portugiż tal-Kumpanniji Kummerċjali, huma intiżi sabiex jibqgħu l-proprjetà tal-Istat u għalhekk ma jistgħux jiġu trasferiti.

56      Għalhekk, il-ħolqien tal-imsemmija azzjonijiet preferenzjali għandu jiġi kkunsidrat li huwa imputabbli lill-Istat u, għalhekk, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56(1) KE.

57      Sussegwentement, fir-rigward tan-natura restrittiva tas-sistema ta’ detenzjoni ta’ azzjonijiet preferenzjali tal-Istat f’PT, prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali flimkien mal-istatuti tal-imsemmija kumpannija, għandu jiġi kkonstatat li tali sistema tista’ tiddiswadi l-operaturi ta’ Stati Membri oħra milli jinvestu fil-kapital ta’ din il-kumpannija.

58      Fil-fatt, skont din is-sistema, l-approvazzjoni ta’ numru kunsiderevoli ta’ deċiżjonijiet importanti li jikkonċernaw lil PT, elenkati fil-punt 6 ta’ din is-sentenza u li jikkonċernaw kemm ix-xiri ta’ holdings li jeċċedu l-10 % tal-kapital azzjonarju tal-kumpannija kif ukoll il-ġestjoni tagħha, tiddependi mill-ftehim tal-Istat Portugiż peress li, kif jeħtieġu l-istatuti ta’ PT, dawn id-deċiżjonijiet ma jistgħux jiġu approvati mingħajr il-maġġoranza tal-voti mogħtija lill-azzjonijiet tal-kategorija A.

59      F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi ppreċiżat ukoll li tali maġġoranza hija meħtieġa b’mod partikolari għal kull deċiżjoni ta’ emenda tal-istatuti ta’ PT, b’mod li l-influwenza tal-Istat Portugiż tista’ titnaqqas biss jekk dak l-Istat jagħti l-kunsens tiegħu.

60      Għalhekk, id-detenzjoni mill-Istat Portugiż ta’ dawn l-azzjonijiet preferenzjali, sa fejn tagħti lil dan l-Istat influwenza fuq il-ġestjoni ta’ PT li ma hijiex iġġustifikata mid-daqs tal-holding li għandu f’din il-kumpannija, tista’ tiskoraġġixxi l-operaturi ta’ Stati Membri oħra milli jagħmlu investimenti diretti f’PT inkwantu ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fil-ġestjoni u fil-kontroll ta’ din il-kumpannija skont il-proporzjon tal-holding tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑112/05, Ġabra p. I‑8995, punti 50 sa 52).

61      Bl-istess mod, id-dispożizzjoni tal-azzjonijiet speċifiċi inkwistjoni jista’ jkollha effett dissważiv fuq il-portafolli ta’ investiment f’PT sa fejn eventwali rifjut tal-Istat Portugiż li japprova deċiżjoni importanti, ippreżentata mill-organi tal-kumpannija kkonċernata bħala li tirrispondi għall-interess tagħha, huwa, fil-fatt, suxxettibbli li jkollu effett fuq il-valur tal-azzjonijiet tal-imsemmija kumpannija u, għaldaqstant, fuq kemm ikun attraenti investiment f’tali azzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

62      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li d-detenzjoni mill-Istat Portugiż tal-azzjonijiet preferenzjali inkwistjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 56(1) KE.

63      Tali konstatazzjoni ma tistax tiġi mminata bl-argumenti invokati mill-awtoritajiet Portugiżi bbażati fuq l-applikabbiltà għall-każ inkwistjoni tal-Artikolu 295 KE kif ukoll tal-allegata loġika abbażi tas-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq.

64      L-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 295 KE li jipprovdi li “[...] it-Trattat għandu jkun bla ebda preġudizzju għas-sistema ta’ proprjetà fl-Istati Membri”, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-imsemmi artikolu ma għandux l-effett li s-sistemi ta’ proprjetà eżistenti fl-Istati Membri jaħarbu mir-regoli fundamentali tat-Trattat u għalhekk, ma jistax jiġi invokat sabiex jiġġustifika ostakoli għal-libertajiet previsti mit-Trattat, li jirriżultaw mill-privileġġi li minnhom l-Istati Membri jiksbu l-pożizzjoni ta’ azzjonisti f’impriża privatizzata (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      It-tieni nett, fir-rigward tas-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li l-miżuri inkwistjoni ma humiex analogi għal-leġiżlazzjonijiet li jikkonċernaw il-metodi ta’ bejgħ li din is-sentenza kkunsidrat li jaħarbu mid-dominju tal-applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE.

66      Fil-fatt, skont l-imsemmija sentenza, l-applikazzjoni għal prodotti li joriġinaw fi Stati Membri oħra ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw jew jipprojbixxu, fuq it-territorju tal-Istat Membru ta’ importazzjoni, ċerti metodi ta’ bejgħ, ma hijiex suxxettibbli li tfixkel il-kummerċ bejn l-Istati Membri, sakemm, fl-ewwel lok, ikunu japplikaw għall-operaturi kollha kkonċernati li jeżerċitaw l-attività tagħhom fuq it-territorju nazzjonali u, fit-tieni lok, li jaffettwaw bl-istess mod, kemm fil-liġi kif ukoll fil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti nazzjonali u ta’ dawk li joriġinaw minn Stati Membri oħra. Ir-raġuni għal dan hija li ma hijiex ta’ natura li tipprojbixxi l-aċċess ta’ dawn tal-aħħar għas-suq tal-Istat Membru ta’ importazzjoni jew li tfixklu iktar milli tfixkel l-aċċess għall-prodotti nazzjonali (sentenza tal-10 ta’ Mejju 1995, Alpine Investments, C‑384/93, Ġabra p. I‑1141, punt 37).

67      Issa, f’dan il-każ, għalkemm huwa minnu li r-restrizzjonijiet inkwistjoni japplikaw mingħajr distinzjoni kemm għar-residenti kif ukoll għal dawk li ma humiex residenti, madankollu għandu jiġi kkonstatat li dawn jaffettwaw is-sitwazzjoni tax-xerrej ta’ holding bħala tali u għalhekk huma ta’ natura li jiddiswadu l-investituri ta’ Stati Membri oħra milli jagħmlu tali investimenti u, għaldaqstant, li jikkondizzjonaw l-aċċess għas-suq (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Wara din il-preċiżazzjoni, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk, u jekk ikun il-każ, f’liema kundizzjonijiet ir-restrizzjoni inkwistjoni tista’ tiġi aċċettata abbażi ta’ ġustifikazzjonijiet invokati mir-Repubblika Portugiża.

69      Skont ġurisprudenza stabbilita sew, miżuri nazzjonali li jillimitaw il-moviment liberu tal-kapital jistgħu jiġu ġġustifikati permezz tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 58 KE jew permezz ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sakemm ikunu jistgħu jiggarantixxu t-twettiq tal-għan intiż tagħhom u ma jkunux imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq (ara s-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 72 u 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

70      Qabel xejn, fir-rigward tal-ġustifikazzjonijiet ibbażati fuq raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, invokati mill-awtoritajiet Portugiżi, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-interess li jiġu salvagwardjati kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fuq suq partikolari ma jistax jikkostitwixxi ġustifikazzjoni valida għar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital (sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 36 u 37, kif ukoll tal-14 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑274/06, punt 44).

71      Bl-istess mod, f’dak li jikkonċerna n-neċessità li jiġi evitat eventwali tfixkil fis-suq tal-kapital, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, skont il-Kummissjoni, li dan l-għan jaqa’ taħt wieħed mill-motivi ta’ natura ekonomika li, skont ġurisprudenza stabbilita, ma jistgħux jiġġustifikaw restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

72      Sussegwentement, fir-rigward tad-derogi permessi mill-Artikolu 58 KE, ma jistax jiġi miċħud li l-għan invokat mill-awtoritajiet Portugiżi li tiġi ggarantita s-sigurtà tad-disponibbiltà tan-netwerk ta’ telekomunkazzjonijiet f’każ ta’ kriżi, ta’ gwerra jew ta’ terroriżmu tista’ tikkostitwixxi raġuni ta’ sigurtà pubblika (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-provvista ta’ enerġija, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38) u tiġġustifika, eventwalment, ostakolu għal-libertà ta’ moviment tal-kapital.

73      Madankollu, huwa paċifiku li l-eżiġenzi ta’ sigurtà pubblika għandhom, b’mod partikolari bħala deroga mill-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-kapital, jiġu interpretati b’mod strett, b’mod li l-portata tagħhom ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata unilateralment minn kull wieħed mill-Istati Membri mingħajr kontroll tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. B’hekk, is-sigurtà pubblika tista’ tiġi invokata biss f’każ ta’ theddida reali u suffiċjentement gravi, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2000, Église de scientologie, C‑54/99, Ġabra p. I‑1335, punt 17).

74      Issa, peress li r-Repubblika Portugiża llimitat ruħha sabiex tinvoka l-imsemmi motiv mingħajr ma tippreċiża r-raġunijiet għalfejn hija tqis li d-detenzjoni mill-Istat ta’ azzjonijiet preferenzjali tippermetti li jiġi evitat tali attakk għal interess fundamentali tas-soċjetà, f’dan il-każ ma jistax ikun hemm ġustifikazzjoni bbażata fuq is-sigurtà pubblika.

75      Għall-finijiet ta’ eżawriment, fir-rigward tal-proporzjonalità tar-restrizzjoni inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li l-eżerċizzju tad-drittijiet speċjali li tagħti d-detenzjoni ta’ azzjonijiet preferenzjali f’PT lill-Istat Portugiż ma huwiex suġġett għall-ebda kundizzjoni jew ċirkustanza speċifika u oġġettiva, u dan kuntrarjament għal dak li jaffermaw l-awtoritajiet nazzjonali.

76      Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 15(3) tal-LQP jipprovdi li l-ħolqien ta’ azzjonijiet preferenzjali f’PT jagħtu setgħat speċjali lill-Istati, dan huwa suġġett għall-kundizzjoni, li hija fformulata b’mod pjuttost ġenerali u impreċiż, li raġunijiet ta’ interess ġenerali jeħtieġu dan, madankollu xorta għandu jiġi kkonstatat li la din il-liġi u lanqas l-istatuti ta’ PT ma jistabbilixxu kriterji fir-rigward taċ-ċirkustanzi fejn l-imsemmija setgħat speċjali jistgħu jiġu eżerċitati.

77      Għalhekk, tali inċertezza tikkostitwixxi attakk gravi għal-libertà ta’ moviment tal-kapital peress li tikkonferixxi lill-awtoritajiet nazzjonali, f’dak li jikkonċerna r-rikors għal tali setgħat, marġni ta’ diskrezzjoni daqstant diskrezzjonali, li din il-marġni ma tistax tiġi kkunsidrata li hija proporzjonata meta mqabbla mal-għanijiet mixtieqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑326/07, Ġabra p. I‑2291, punti 51 u 52).

78      Konsegwentement għandu jiġi kkonstatat li, billi żammet f’PT drittijiet speċjali bħal dawk previsti fl-istatuti tal-imsemmija kumpannija favur l-Istat u entitajiet pubbliċi oħra, mogħtija flimkien ma’ azzjonijiet preferenzjali (“golden shares”) tal-Istat f’PT, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56 KE.

–       Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 43 KE

79      Il-Kummissjoni titlob ukoll li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li għandha r-Repubblika Portugiża taħt l-Artikolu 43 KE, minħabba li d-detenzjoni ta’ azzjonijiet preferenzjali tal-Istat f’PT tista’ tfixkel holdings ta’ kontroll f’din il-kumpannija.

80      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, sa fejn il-miżuri nazzjonali inkwistjoni jinkludu restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment, tali restrizzjonijiet huma l-konsegwenza diretta tal-ostakoli għall-moviment liberu tal-kapital eżaminati iktar ’il fuq, li ma tistax tkun separata minnhom. Għalhekk, peress li diġà ġie kkonstatat ksur tal-Artikolu 56(1) KE, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati b’mod separat il-miżuri inkwistjoni fid-dawl tar-regoli tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, p. 43).

 Fuq l-ispejjeż

81      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Portugiża tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi żammet f’Portugal Telecom SGPS SA drittijiet speċjali bħal dawk previsti fl-istatuti tal-imsemmija kumpannija favur l-Istat u entitajiet pubbliċi oħra, mogħtija flimkien ma’ azzjonijiet preferenzjali (“golden shares”) tal-Istat f’Portugal Telecom SGPS SA, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56 KE

2)      Ir-Repubblika Portugiża hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.