Kawża C-160/08

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Artikoli 43 KE u 49 KE — Direttivi 92/50/KEE u 2004/18/KE — Servizzi pubbliċi ta’ emerġenza — Trasport mediku ta’ emerġenza u trasport ikkwalifikat ta’ pazjenti — Obbligu ta’ trasparenza — Artikolu 45 KE — Attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika — Artikolu 86(2) KE — Servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali”

Sommarju tas-sentenza

1.        Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Derogi — Portata

(Artikoli 45 KE u 55 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18; Direttiva tal-Kunsill 92/50)

2.        Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Derogi — Attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika

(Artikoli 45 KE u 55 KE)

3.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi — Direttivi 92/50 u 2004/18 — Kuntratti mħallta għal servizzi tat-trasport u servizzi tas-saħħa

(Artikolu 86(2) KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikoli 22 u 35(4), u Annessi II A u II B; Direttiva tal-Kunsill 92/50, Artikoli 10 u 16, u Annessi I A u I B)

1.        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45 KE, moqri flimkien mal‑Artikolu 55 KE, id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma jkoprux l-attivitajiet li jseħħu fi Stat Membru, anki okkażjonalment, għall-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

Attivitajiet bħal dawn ma jaqgħux ukoll fil-portata tad-direttivi li, bħad‑Direttivi 92/50 u 2004/18, għandhom l-għan li jimplementaw id‑dispożizzjonijiet tat-trattat fuq il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

(ara l-punti 73, 74)

2.        Id-deroga prevista fl-Artikoli 45 KE u 55 KE għandha tkun limitata għall‑attivitajiet li, ikkunsidrati fihom infushom, jammontaw għal parteċipazzjoni diretta u speċifika għall-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Dan ma huwiex il-każ tal-attivitajiet tat-trasport tal-emerġenza ta’ pazjenti jew tat-trasport kwalifikat ta’ pazjenti.

Fil-fatt, il-kontribuzzjoni għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika, li għaliha kull individwu jista’ jiġi msejjaħ għaliha, b’mod partikolari billi jagħti l‑għajnuna tiegħu lil persuna li tkun qeda f’periklu ta’ ħajja u mewt jew tas‑saħħa, mhux suffiċjenti sabiex tammonta għal parteċipazzjoni għall‑eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Bl-istess mod ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jammontaw għal eżerċizzju suffiċjentement kwalifikat ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika jew ta’ setgħat eżorbitanti tad-dritt komuni, għall-fornituri tas-servizzi tat-trasport tal-pazjenti, li jużaw strumenti bħad-dawl blu jew is-sirena, kif ukoll għad-dritt ta’ passaġġ prijoritarju li huwa mogħti lilhom mill-kodiċi tat-traffiku, u lanqas elementi li jirrigwardaw kompetenzi organizattivi partikolari fil-qasam tas-servizzi mogħtija, bis-setgħa li tintalab informazzjoni minn terzi jew l-intervent ta’ servizzi oħra speċjalizzati, jew inkella l-parteċipazzjoni għall-ħatra ta’ uffiċjali amministrattivi fir-rigward tas-servizzi inkwistjoni u kollaborazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll ma’ membri ta’ korpi professjonali li għandhom prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

(ara l-punti 78, 80-84)

3.        Naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 10 tad-Direttiva tal‑Kunsill 92/50/KEE, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall‑għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi], moqri flimkien mal-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva jew, wara l-1 ta’ Frar 2006, taħt l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2004/18/KE, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], moqri flimkien mal-Artikolu 35(4) ta’ din id-direttiva, Stat Membru li, fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi tat-trasport mediku ta’ emerġenza u tat-trasport ikkwalifikat ta’ pazjenti skont il-mudell magħruf bħala “tal-appalt”, li permezz tiegħu, ir-remunerazzjoni ta’ dawn is-servizz isir direttament mill‑awtoritajiet kontraenti, billi ma ppublikax avviżi dwar ir-riżultati tal‑proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti.

Fil-fatt, is-servizzi tat-trasport mediku ta’ emerġenza jew tat-trasport ikkwalifikat ta’ pazjenti, inkwistjoni fil-kawża preżenti, jaqgħu kemm fil‑kategorija 2 jew 3 tal-Anness I A tad-Direttiva 92/50 jew tal‑Anness II A tad-Direttiva 2004/18, u tal-kategorija 25 tal-Anness I B tad-Direttiva 92/50 jew tal-Anness II B tad-Direttiva 2004/18, b’mod li l‑kuntratti li għandhom bħala suġġett servizzi bħal dawn jaqgħu fl‑applikazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/50 jew tal-Artikolu 22 tad‑Direttiva 2004/18. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li fis‑sitwazzjoni ta’ għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi tat-trasport tal‑pazjenti kkaratterizzati minn predominanza tal-valur tas-servizzi tat‑trasport ikkomparat ma’ dik tas-servizzi tas-saħħa, huma partikolarment l-awtoritajiet lokali li għandhom jipproċedu bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt fil-livell tal-Unjoni għall-finijiet tal-għoti ta’ kuntratt inkwistjoni u li tiżgura l-pubbliċità tar-riżultati tal-għoti ta’ dan il-kuntratt. Min-naħa l‑oħra, fis-sitwazzjoni ta’ għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi tat-trasport tal-pazjenti kkaratterizzati minn predominanza tal-valur tas-servizzi tat‑trasport ikkomparat ma’ dik tas-servizzi tas-saħħa, l-awtorità kontraenti għandha tiżgura l-pubbliċità tar-riżultati tal-għoti ta’ dan il-kuntratt.

F’kuntest fejn ma jkunx eskluż li l-ebda wieħed mill-kuntratti jkun ikkaratterizzat minn predominanza tal-valur tas-servizzi tat-trasport fuq dawk tas-servizzi tas-saħħa, hemm lok li tiġi llimitata l-konstatazzjoni tan‑nuqqas għad-Direttivi 92/50 u 2004/18, għall-ksur tal-Artikolu 10 tad‑Direttiva 92/50 moqri flimkien mal-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva jew, mill-1 ta’ Frar 2006, tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2004/18 moqri flimkien mal-Artikolu 35(4) ta’ din id-direttiva, peress li l-imsemmija artikoli, fi kwalunkwe każ, huma applikabbli għall-kuntratti li, jirrigwardaw kemm is‑servizzi tat-trasport u s-servizzi tas-saħħa, indipendentement mir-rabta bejn il-valur rispettiv ta’ dawn is-servizzi fil-kuntest tal-kuntratt inkwistjoni.

In-nuqqas milli tippubblika r-riżultati tal-għoti ta’ kuntratt ma jistax jiġi ġġustifikat mill-fatt li s-servizzi tat-trasport mediku ta’ emerġenza huma “servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali”, fis-sens tal-Artikolu 86(2) KE. Fil-fatt, il‑kunsiderazzjonijiet, bħan-neċessità li jiġi żgurat, fil-qasam tas-servizzi tat-trasport tal-pazjenti, sussidju trażversali bejn iż-żoni ġeografiċi vijabbli u inqas vijabbli skont id-densità tal-popolazzjoni jew fuq l-importanza ta’ servizz ta’ prossimità, ma jispjegawx b’liema mod l-obbligu li jiżguraw il‑pubbliċità tar-riżultati tal-għoti tal-kuntratt ikkonċernat ikun b’mod li jkun ta’ ostaklu għat-twettiq ta’ din il-missjoni ta’ interess ekonomiku ġenerali.

(ara l-punti 92, 113, 114, 122, 125, 127-129, 131 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

29 ta’ April 2010 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Artikoli 43 KE u 49 KE – Direttivi 92/50/KEE u 2004/18/KE – Servizzi pubbliċi ta’ emerġenza – Trasport mediku ta’ emerġenza u trasport ikkwalifikat ta’ pazjenti – Obbligu ta’ trasparenza – Artikolu 45 KE – Attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika – Artikolu 86(2) KE – Servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali”

Fil-Kawża C‑160/08,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, imressaq fis-16 ta’ April 2008,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Kellerbauer u D. Kukovec, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma u J. Möller, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. M. Wissels u Y. de Vries, bħala aġenti,

intervenjent,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts (Relatur), President tal-Awla, E. Juhász, G. Arestis, J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Frar 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi tat kuntratti fil-qasam tas-servizzi pubbliċi tat-trasport mediku ta’ emerġenza u tat-trasport ikkwalifikat ta’ pazjenti (iktar ’il quddiem is-“servizzi pubbliċi tat-trasport tal-pazjenti”) mingħajr ma kienet trasparenti u mingħajr ma għamlet sejħa pubblika għal offerti u billi ma ppublikatx avviż fuq il-kuntratt li ngħata, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha taħt id-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322) u d-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol, 7, p. 132), kif ukoll tal-prinċipji tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif stabbiliti mill-Artikoli 43 KE u 49 KE.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 92/50

2        Skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50, il-“kuntratti ta’ servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi]” huma kuntratti għal interess pekunjarju konklużi bil-miktub bejn min jipprovdi s-servizz u awtorità kontraenti.

3        L-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-awtoritajiet kontraenti għandhom jassiguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn persuni li jipprovdu servizz differenti.”

4        L-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li dan japplika għall-kuntratti pubbliċi għal servizzi meta l-valur stmat tagħhom, mingħajr it-taxxa fuq il-valur miżjud, ma huwiex inqas minn EUR 200 000.

5        L-Artikolu 10 tal-istess direttiva jipprovdi:

“Kuntratti li għandhom bħala l-objettiv tagħhom servizzi elenkati kemm fl-Anness I A kif ukoll fl-Anness I B għandhom jingħataw għotjiet skond id-dispożizzjonijiet tat-Titoli III sa VI meta l-valur tas-servizzi elenkati fl-Anness I A huwa ikbar mill-valur tas-servizzi elenkati fl-Anness I B. Meta dan mhuwiex il-każ, għandhom jingħataw skond l-Artikoli 14 u 16.”

6        It-titoli previsti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/50, applikabbli fl-intier tagħhom għall-każijiet previsti fl-ewwel sentenza tal-imsemmi artikolu, li jirrigwardaw, rispettivament, l-għażla ta’ proċeduri ta’ għoti u regoli li jirregolaw kuntesti tad-disinn (Titolu III; Artikoli 11 sa 13), ir-regoli komuni fil-qasam tekniku (Titolu IV; Artikolu 14), ir-regoli komuni ta’ reklamar (Titolu V; Artikoli 15 sa 22) u r-regoli komuni dwar il-parteċipazzjoni, il-kriterji għal selezzjoni kwalitattiva u l-kriterji għall-għoti ta’ kuntratti (Titolu VI; Artikoli 23 sa 37).

7        L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jirrigwarda l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li għandhom ikunu inklużi fid-dokumenti li jirrigwardaw kuntratt.

8        L-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      L-awtoritajiet kontraenti li jkunu taw kuntratt pubbliku jew li inkella żammew kuntest tad-disinn għandhom jibagħtu notifika tar-riżultati tal-proċedura ta’ l-għoti lill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjoni ċjiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

2.      In-notifiki għandhom jiġu ppubblikati:

–        fil-każ ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi elenkati fl-Anness I A, skond l-Artikoli 17 sa 20,

–        fil-każ ta’ kuntesti tad-disinn, skond l-Artikolu 17.

3.      Fil-każ ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi elenkati fl-Anness I B, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jindikaw fin-notifika jekk jaqblux mal-pubblikazzjoni tagħha.

[…]”

9        Fost is-servizzi msemmija fl-Anness I A tad-Direttiva 92/50, jidhru, taħt il-kategorija 2, is-“[s]ervizzi ta’ trasport ta’ l-art […], inklużi servizzi ta’ karrozzi armati, u servizzi tal-courier, ħlief it-trasport tal-posta”, u, taħt il-kategorija 3, “[s]ervizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri u merkanzija, ħlief it-trasport tal-posta”. Fost is-servizzi msemmija fl-Anness I B tad-Direttiva 92/50, jidhru, taħt il-kategorija 25, is-“[s]ervizzi tas-saħħa u soċjali”.

 Id-Direttiva 2004/18

10      L-Artikolu 1(2)(a) u (d) tad-Direttiva 2004/18 jinkludi d-definizzjonijiet segwenti:

“a)      ‛Kuntratti pubbliċi’ huma kuntratti għall-interess tal-flus konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi u li għandhom bħala objettiv tagħhom l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-disposizzjoni tas-servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Direttiva.

[…]

d)      ‘Kuntratti għal servizzi pubbliċi’ [kuntratti pubbliċi għal servizzi] huma kuntratti pubbliċi barra kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi jew kuntratti għall-provvisti li għandhom bħala għan il-disposizzjoni tas-servizzi riferuti għalihom fl-Anness II.

[…]”

11      L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-awtoritajiet kuntrattwali se jistmaw l-operaturi ekonomiċi ugwali u bla diskriminazzjoni u se jaġixxu b’mod trasparenti.”

12      Skont l-Artikolu 7(b) tal-imsemmija direttiva, din id-direttiva tapplika għall-kuntratti pubbliċi għal servizzi li l-valur stmat tagħhom mingħajr it-taxxa fuq il-valur miżjud ma huwiex inqas minn EUR 249 000. Dan l-ammont suċċessivament tnaqqas għal EUR 236 000 bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1874/2004 tat-28 ta’ Ottubru 2004 li jbiddel id-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-limiti ta’ applikazzjoni tagħhom fil-qasam tal-proċeduri tal-għoti tal-kuntratti (ĠU L 183M, p. 278), imbagħad għal EUR 211 000 bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2083/2005 tad-19 ta’ Diċembru 2005 li jemenda d-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ammonti minimi ta’ applikazzjoni għall-proċeduri għal għoti ta’ kuntratti (ĠU L 321M, p. 381).

13      Id-Direttiva 2004/18 tinkludi, taħt it-Titolu II, intitolat “Regoli fuq kuntratti pubbliċi”, Artikolu 22, li jipprovdi:

“Kuntratti li għandhom bħala l-oġġettiv tagħhom servizzi elenkati kemm fl-Anness II A u fl-Anness II B għandhom ikunu mogħtija skond l-Artikoli 23 sa 55 fejn il-valur tas-servizzi elenkati fl-Anness II A huwa akbar mill-valur tas-servizzi elenkati fl-Anness II B. F’każi oħra, kuntratti għandhom jingħataw skond l-Artikolu 23 u l-Artikolu 35(4).”

14      L-Artikoli 23 sa 55 tad-Direttiva 2004/18, applikabli fl-intier tagħhom għall-każijiet previsti fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva, jistabbilixxu, suċċessivament, ir-regoli speċifiċi li jikkontrollaw speċifikazzjonijiet u d-dokumenti ta’ kuntratt (Artikoli 23 sa 27), ir-regoli ta’ proċedura (Artikoli 28 sa 34), ir-regoli dwar reklamar u trasparenza (Artikoli 35 sa 43) u r-regoli li jirrigwardaw it-tmexxija tal-proċedura (Artikoli 44 sa 55).

15      L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2004/18 jirrigwarda l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li għandhom jidhru fid-dokumenti ta’ kuntratt.

16      L-Artikolu 35(4) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Awtoritajiet kontrattwanti li jkunu taw kuntratt pubbliku jew ikkonkludew kwadru ta’ ftehim għandhom jibagħtu avviż tarriżultati tal-proċedura ta’ għotja mhux aktar tard minn 48 ġurnata wara l-għotja tal-kuntratt jew il-konklużjoni tal-kwadru ta’ ftehim.

[…]

Fil-każ ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi elenkati fl-Anness II B, l-awtoritajiet kontrattwanti għandhom jindikaw fl-avviż jekk huma jaqblux mal-pubblikazzjoni tiegħu. […]

[…]”

17      Is-servizzi previsti rispettivament taħt il-kategoriji 2 u 3 tal-Anness II A kif ukoll taħt il-kategorija 25 tal-Anness II B tad-Direttiva 2004/18 huma identiċi għal dawk li huma previsti rispettivament taħt il-kategoriji korrispondenti tal-Annessi I A u I B tad-Direttiva 92/50.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

18      Il-Kummissjoni rċeviet varji lmenti mingħand, b’mod partikolari, impriżi stabbiliti fi Stati Membri għajr ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi tat-trasport tal-pazjenti f’dan l-Istat Membru.

 Il-kuntest ġenerali

19      Fil-Ġermanja, l-organizzazzjoni tas-servizzi ta’ emerġenza taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Länder.

20      Fil-parti l-kbira tal-Länder, il-provvista tas-servizzi ta’ emerġenza taqa’ taħt sistema msejħa “dual” (“duales System”), imsejħa wkoll “mudell ta’ separazzjoni” (“Trennungsmodell”). Din hija bbażata fuq distinzjoni bejn is-servizzi pubbliċi ta’ emerġenza, li tirrapreżenta madwar 70 % tas-servizzi ta’ emerġenza, u l-provvista ta’ servizzi ta’ emerġenza bbażati fuq awtorizzazzjonijiet mogħtija skont il-liġijiet tal-Länder fil-qasam, li jikkorrispondu għal madwar 30 % tat-totalità tal-imsemmija servizzi.

21      Is-servizzi pubbliċi ta’ emerġenza normalment jinkludu kemm servizzi ta’ trasport mediku ta’ emerġenza kif ukoll servizzi kkwalifikati ta’ trasport ta’ pazjenti. It-trasport mediku ta’ emerġenzi ta’ pazjenti jirreferi għat-trasport f’vettura tal-emerġenzi jew f’ambulanza, taħt kontroll mediku speċjalizzat, ta’ persuni mweġġgħin jew morda fil-periklu li jitilfu ħajjithom. It-trasport ikkwalifikat ta’ pazjenti jikkorrispondi għat-trasport f’ambulanza, taħt kontroll mediku speċjalizzat, ta’ persuni morda, imweġġgħin jew li għandhom bżonn għajnuna kwalunkwe, iżda liema sitwazzjoni ma tammontax għal emerġenza. Dawn iż-żewġ tipi ta’ servizzi huma ġeneralment aċċessibbli għall-pubbliku 24 siegħa kuljum, fit-territorju kollu kkonċernat, u jinvolvu l-iktar l-organizzazzjoni ta’ servizz ta’ persunal u ta’ vetturi dejjem lesti li jintervjenu.

22      Xi servizzi mediċi huma disponibbli f’każ ta’ trasport mediku ta’ emerġenza kif ukoll, sa ċertu punt, f’każ ta’ trasport ikkwalifikat ta’ pazjenti. Madankollu, il-parti l-kbira tal-interventi waqt trasport mediku ta’ emerġenza kif ukoll l-interventi kollha f’każ ta’ trasport ikkwalifikat ta’ pazjenti jseħħ mingħajr l-assistenza ta’ tabib. F’każ ta’ trasport mediku ta’ emerġenza, is-servizzi mediċi huma prinċipalment pprovduti mill-persunal tal-ambulanza. Is-servizzi tat-tobba tal-emerġenza huma ġeneralment irregolati minn ftehim separati konklużi mal-isptarijiet.

23      Fil-qasam tas-servizzi pubbliċi ta’ emerġenza, l-awtoritajiet lokali jikkonkludu, fil-kapaċità tagħhom ta’ awtoritajiet responsabbli mill-organizzazzjoni ta’ dawn is-servizzi, kuntratti mal-fornituri għall-provvista ta’ dawn is-servizzi lill-pubbliku kollu tat-territorju tagħhom. Ir-remunerazzjoni tas-servizzi inkwistjoni ssir kemm direttament permezz tal-awtoritajiet lokali, skont il-mudell magħruf bħala tal-“appalt”, l-uniku previst mir-rikors preżenti, kif ukoll bil-ħlas li jsir billi l-kuntrattur jiġbor il-flus direttament mingħand il-pazjenti jew mill-fondi tas-saħħa, skont il-mudell magħruf bħala tal-“konċessjoni”.

24      L-awturi tal-ilmenti indirizzati lill-Kummissjoni allegaw li, fil-Ġermanja, il-kuntratti għal servizzi pubbliċi tat-trasport tal-pazjenti, bħala regola, ma humiex is-suġġett ta’ avviż ta’ kuntratt ippubblikat fil-livell tal-Unjoni u ma humiex mogħtija b’mod trasparenti. X’uħud fosthom sostnew li l-każijiet li ġġustifikaw il-preżentata tal-ilment tagħhom huma r-riflessjoni ta’ prassi ġenerali f’dan l-Istat Membru.

25      Ir-riċerki li saru mill-Kummissjoni wrew li, bejn is-sena 2001 u s-sena 2006, tlettax biss mill-avviżi ta’ kuntratt, provenjenti minn ħdax-il awtorità lokali differenti, ġew ippubblikati fil-Ġurnal uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew fil-Ġurnal uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għal dak li jirrigwarda l-provvista ta’ servizzi tat-trasport mediku ta’ emerġenza jew tat-trasport ikkwalifikat ta’ pazjenti. F’dan l-istess perijodu, in-numru ta’ avviżi dwar ir-riżultati tal-għoti ta’ kuntratt kien limitat ħafna, peress li dawn kienu s-suġġett ta’ żewġ pubblikazzjonijiet biss.

 Il-każ li wassal għar-rikors

26      Il-każijiet irrapurtati lill-Kummissjoni u ppreżentati minnha bħala eżempji tal-prassi imsemmija fir-rikors preżenti jirrigwardaw il-Länder tas-Sachsen-Anhalt, in-Nordrhein-Westfalen, in-Niedersachsen u s-Sachsen.

 Land tas-Sachsen-Anhalt

27      Skont l-informazzjoni tal-Kummissjoni, il-belt ta’ Magdebourg użat, sa mix-xahar ta’ Ottubru 2005, proċedura ta’ awtorizzazzjoni (“Genehmigungsverfahren”) li tirrigwarda l-għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi tat-trasport tal-pazjenti b’titolu oneruż. Is-servizzi jikkonsistu f’li jkunu disponibbli persunal u vetturi għat-trasport mediku ta’ emerġenza jew it-trasport ikkwalifikat ta’ pazjenti għall-perijodu bejn is-sena 2007 u s-sena 2011. Il-kuntratt huwa għal valur globali annwali ta’ EUR 7.84 miljun. Ma kienx hemm avviż ta’ kuntratt ippubblikat fil-livell tal-Unjoni.

 Land ta’ Nordrhein-Westfalen

28      Skont l-informazzjoni tal-Kummissjoni, il-belt ta’ Bonn tat, fl-2004, kuntratt għal servizzi pubbliċi tat-trasport tal-pazjenti għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2008. Is-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni kien, b’mod partikolari, l-operat ta’ erba’ ċentri ta’ emerġenza. L-ammont totali ta’ dan il-kuntratt kien ta’ għall-inqas EUR 5.28 miljun. L-imsemmi kuntratt kien is-suġġett ta’ avviż ta’ kuntratt ippubblikat mhux fil-livell tal-Unjoni, iżda fil-livell nazzjonali. Għall-inqas offerent wieħed ġie eskluż wara li mmanifesta l-interess tiegħu, u l-proċedura għall-għoti ġiet finalment sospiża, minħabba nuqqas ta’ riżultat ekonomiku. Il-kuntratt inkwistjoni, b’mod definittiv, ġie mogħti lill-fornitur li kien diġà jipprovdi l-istess servizz.

29      Madankollu, skont l-informazzjoni tal-Kummissjoni, fl-1998, impriża ddikjarat ruħha interessata fil-belt ta’ Witten għall-operat ta’ ċentru ta’ emerġenza ta’ Witten-Herbede. L-operat ta’ dan iċ-ċentru ta’ emerġenza, li jirrapreżenta kuntratt ta’ valur annwali ta’ EUR 945 753, madankollu ngħata lid-Deutsche Rote Kreuz (Is-Salib l-aħmar tal-Ġermanja, iktar ’il quddiem id-“DRK”). Ma kienx hemm avviż ta’ kuntratt ippubblikat fil-livell tal-Unjoni.

 Land tan-Niedersachsen

30      Skont l-informazzjoni tal-Kummissjoni, ir-reġjun ta’ Hannover, fl-2004, organizza għall-ewwel darba proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport tal-pazjenti fit-territorju tiegħu. L-operaturi biss li kienu diġà responsabbli minn dawn is-servizzi f’dak iż-żmien, jiġifieri l-Arbeiter-Samariter-Bund (iktar ’il quddiem l-“ASB”), id-DRK, il-Johanniter-Unfall-Hilfe (iktar ’il quddiem il-“JUH”) u l-RKT GmbH, ġew awtorizzati jipparteċipaw f’dawn il-proċeduri. Il-valur tal-kuntratt, li jirrigwarda l-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2005 u l-31 ta’ Diċembru 2009, kien joqrob EUR 65 miljun.

31      Madankollu, skont l-informazzjoni tal-Kummissjoni, id-distrett ta’ Hameln-Pyrmont għadda fl-1993 ir-responsabbiltà lit-taqsima tad-distrett tad-DRK li tforni s-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-pazjenti fit-territorju tagħha. Il-kuntratt, ta’ terminu inizjali ta’ għaxar snin, ma ġiex itterminat. Huwa ġie pprorogat, fl-2003, b’għaxar snin, mingħajr pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt. Barra minn hekk, infetaħ ċentru ġdid ta’ emerġenza fl-1999 fil-komun ta’ Emmerthal u d-DRK kienet ukoll responsabbli li toperah mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt. L-ammont totali ta’ dawn il-kuntratti kien jitla’ għal EUR 7.2 miljun fis-sena.

32      Il-Kummissjoni ġabret ukoll informazzjoni li skont din it-taqsima tad-distrett tad-DRK kienet tforni, sa mill-1992, servizzi pubbliċi tat-trasport tal-pazjenti fit-territorju tad-distrett ta’ Uelzen. Il-kuntratt li sar bejn dan id-distrett u t-taqsima tad-distrett tad-DRK ġie estiż, fl-2002, għall-operat taċ-ċentru ta’ emerġenza ta’ Bad Bevensen, mingħajr pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt. Huwa jirrigwarda ammont globali ta’ EUR 4.45 miljun fis-sena.

 Land tas-Sachsen

33      Skont l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni, il-kuntratti eżistenti bejn ir-Rettungszweckverband Westsachsen u l-ASB, id-DRK, il-JUH kif ukoll il-Berufsfeuerwehr Zwickau, ta’ terminu inizjali ta’ erba’ snin, japplika għad-distretti tal-Chemnitzer Land, tal-Aue-Schwarzenberg, taż-Zwickauer Land u tal-belt ta’ Zwickau. Fl-2003, dawn il-kuntratti, li jirrapreżentaw valur globali ta’ EUR 7.9 miljun fis-sena, ġew ipprorogati b’erba’ snin, mingħajr pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt. Fl-għeluq tagħhom, ġew ipprorogati sal-31 ta’ Diċembru 2008.

34      Il-kuntratti eżistenti bejn ir-Rettungszweckverband Chemnitz/Stollberg u l-ASB, id-DRK, u l-JUH kif ukoll mal-Berufsfeuerwehr Chemnitz, b’terminu inizjali ta’ erba’ snin, japplikaw għad-distrett ta’ Stollberg kif ukoll għall-belt ta’ Chemnitz. Fl-1 ta’ Settembru 2002, dawn il-kuntratti, ta’ valur globali annwali ta’ EUR 3.3 miljun, ġew ipprorogati b’erba’ snin addizzjonali, mingħajr pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt. Fit-tmiem tagħhom, huma ġew ipprorogati sal-31 ta’ Diċembru 2008.

35      Il-kuntratti eżistenti bejn ir-Rettungszweckverband Vogtland u l-ASB, id-DRK, il-JUH, il-kumpannija privata tas-servizzi ta’ emerġenza ta’ Plauen kif ukoll il-Berufsfeuerwehr Plauen, b’terminu ta’ erba’ snin, japplikaw għad-distrett ta’ Vogtland kif ukoll għall-belt ta’ Plauen. Dawn il-kuntratti, ta’ valur globali annwali ta’ EUR 3.9 miljun, ġew konklużi mingħajr pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt u daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002 jew fl-1 ta’ Jannar 2004. Fl-għeluq tagħhom, huma ġew ipprorogati sal-31 ta’ Diċembru 2008.

 Il-proċedura prekontenzjuża

36      F’ittra ta’ intimazzjoni datata l-10 ta’ April 2006, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li din setgħet:

–        fil-qasam tal-għoti, b’titolu oneruż, ta’ kuntratti għas-servizzi ta’ emerġenza jew tas-servizzi tat-trasport, fis-sens tal-kategorija 2 jew 3 tal-Anness I A tad-Direttiva 92/50 jew tal-Anness II A tad-Direttiva 2004/18, fuq kollox, kisret, sal-31 ta’ Jannar 2006, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/50 flimkien mat-Titoli III sa VI tal-imsemmija direttiva u, sa mill-1 ta’ Frar 2006, l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2004/18 flimkien mal-Artikoli 23 sa 55 tal-imsemmija direttiva, u

–        fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti, b’titolu oneruż, kuntratti li jirrigwardaw servizzi ta’ emerġenza jew servizzi mediċi, fis-sens tal-kategorija 25 tal-Anness I B tad-Direttiva 92/50 jew tal-Anness II B tad-Direttiva 2004/18, fuq kollox, kisret, sal-31 ta’ Jannar 2006, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/50 flimkien mal-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva u, sa mill-1 ta’ Frar 2006, l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2004/18 flimkien mal-Artikolu 35(4) tal-imsemmija direttiva, u li fi kwalunkwe każ kisret il-prinċipji tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kontenuti fl-Artikoli 43 KE u 49 KE, b’mod partikolari l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni inerenti għal dawn il-prinċipji.

37      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja rrispondiet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Lulju 2006, li fiha hija sostniet b’mod partikolari, li r-responsabbiltajiet li jaqgħu fuq is-servizzi pubbliċi ta’ emerġenza huma organizzati skont ir-regoli tad-dritt pubbliku u li l-eżekuzzjoni tagħhom tirriżulta mis-sovranità tal-Istat. Skont dan l-Istat Membru, ftehim li jirrigwardaw servizzi tat-trasport tal-pazjenti ma jistgħux konsegwentement jiġu kklassifikati bħala “kuntratti pubbliċi għal servizzi”.

38      Mhux sodisfatta b’din ir-risposta, il-Kummissjoni indirizzat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-15 ta’ Diċembru 2006, opinjoni motivata li fiha hija sostniet, x’kienu, l-ilmenti inklużi fl-ittra ta’ intimazzjoni, u stiednet lil dan l-Istat Membru jadotta l-miżuri neċessarji sabiex iġib fi tmiem dan il-ksur f’terminu ta’ xahrejn minn meta tirċievi din l-opinjoni motivata.

39      Wara li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja sostniet il-pożizzjoni tagħha fl-ittra tagħha ta’ risposta għall-opinjoni motivata datata t-22 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni ddeċidiet tressaq ir-rikors preżenti.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ammissibbiltà

40      Peress li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors u l-ilmenti msemmija fih huma ta’ natura ta’ ordni pubbliku, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, skont l-Artikolu 92(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, teżaminhom ex officio. Barra minn hekk, hija għandha tivverifika ex officio r-rispett tal-garanziji proċedurali mogħtija mis-sistema legali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1991, Interhotel vs Il-Kummissjoni, C‑291/89, Ġabra p. I-2257, punti 14 u 15).

41      Għandu jiġi mfakkar li, f’rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-proċedura prekontenzjuża għandha l-għan li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà, minn naħa, li jikkonforma mal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jagħmel użu mid-dritt tiegħu għal difiża kontra l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni (sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑350/02, Ġabra p. I-6213, punt 18).

42      L-iżvolġiment xieraq ta’ din il-proċedura jikkostitwixxi garanzija essenzjali meħtieġa mit-Trattat KE mhux biss għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-Istat Membru inkwistjoni, iżda wkoll sabiex jiġi assigurat li s-suġġett ta’ kwalunkwe proċedura kontenzjuża eventwali tkun tirrigwarda kwistjoni definita b’mod ċar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).

43      Minn dan isegwi li s-suġġett ta’ rikors imressaq b’applikazzjoni tal-Artikolu 226 KE huwa ddefinit mill-proċedura prekontenzjuża prevista f’din id-dispożizzjoni u konsegwentement ma jistax jiġi estiż fil-proċedura ġudizzjarja. L-opinjoni motivata tal-Kummissjoni u r-rikors għandhom ikunu bbażati fuq l-istess motivi u argumenti, b’mod illi l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax teżamina ilment li ma kienx inkluż fl-opinjoni motivata, li għandu jkun fiha deskrizzjoni koerenti u dettaljata tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni għall-konklużjoni li l-Istat Membru kkonċernat naqas minn wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattat (ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20, kif ukoll tas-27 ta’ April 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑441/02, Ġabra p. I-3449, punti 59 u 60).

44      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tidentifika, diġà fil-fażi prekontenzjuża, id-dispożizzjoni jew dispożizzjonijiet preċiżi li jistabbilixxu l-obbligu li l-Istat Membru huwa allegat li naqas li osserva (ara s-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑437/04, Ġabra p. I-2513, punt 39).

45      Fil-każ preżenti, minn naħa, għandu jingħad li, kemm fl-ittra ta’ intimazzjoni kif ukoll fl-opinjoni motivata, il-Kummissjoni llimitat l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 43 KE u 49 KE għall-għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi tat-trasport tal-pazjenti kkaratterizzati minn predominanza tal-valur tas-servizzi tas-saħħa, fis-sens tal-Anness I B tad-Direttiva 92/50 jew tal-Anness II B tad-Direttiva 2004/18, fuq dik tas-servizzi tat-trasport, fis-sens tal-Anness I A tad-Direttiva 92/50 jew tal-Anness II A tad-Direttiva 2004/18.

46      Fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti għal servizzi bħal dawn ikkaratterizzati minn prevalenza bil-kontra, l-ilmenti tal-Kummission kienu jirrigwardaw, fil-proċedura prekontenzjuża, il-ksur tad-Direttivi 92/50 u 2004/18. Min-naħa l-oħra, l-ebda referenza ma saret fl-ittra ta’ intimazzjoni u fl-opinjoni motivata, ta’ ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 43 KE u 49 KE, fir-rigward tal-għoti tal-kuntratti msemmija.

47      Min-naħa l-oħra, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ressqet ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 43 KE u 49 KE wkoll fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti previsti fil-punt preċedenti, li jammonta għal estensjoni irregolari tas-suġġett tal-allegat nuqqas, hekk kif ġie definit fl-istadju tal-proċedura prekontenzjuża. B’hekk, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-imsemmija artikoli għandu jiġu kkunsidrat inammissibbli, sa fejn jirrigwarda l-għoti ta’ dawn il-kuntratti.

48      Min-naħa l-oħra, sa fejn fil-qari ta’ ċerti partijiet tar-rikors, ir-rikors preżenti għandu jiġi interpretat bħala li jinkludi lment ibbażat fuq ksur, fl-għoti varji ta’ kuntratti inkwistjoni, tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/50 jew tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, għandu jiġi nnutat li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet bl-ebda mod ma ssemmew bħala s-suġġett ta’ allegat ksur mill-Kummissjoni fl-istadju tal-proċedura prekontenzjuża. L-ilment ibbażat fuq ksur tal-imsemmija dispożizzjonijiet huwa, konsegwentement, ukoll inammissibli.

49      Fl-aħħar nett, għandu jingħad li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikoli 38(1) u 42(2) tar-Regoli tal-Proċedura li s-suġġett tat-talba għandu jiġi stabbilit fir-rikors u li talba mressqa għall-ewwel darba fir-replika tbiddel is-suġġett inizjali tar-rikors u għalhekk għandha tiġi kkunsidrata bħala talba ġdida u, konsegwentement tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

50      Fil-każ preżenti, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ppreċiżat speċifikament li, għalkemm il-prassi kontenzjuża ta’ għoti ta’ kuntratti sseħħ ukoll fil-Länder l-oħra, ir-rikors preżenti jillimita ruħu għall-għoti ta’ kuntratti fil-Länder tas-Sachsen-Anhalt, tan-Nordrhein-Westfalen, tan-Niedersachsen u tas-Sachsen.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba tal-Kummissjoni, kontenuta fir-replika tagħha, li għandha l-għan li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata l-eżistenza tal-prassi inkwistjoni fil-livell tat-territorju kollu tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tammonta għal estensjoni irregolari tas-suġġett inizjali tar-rikors. B’hekk, l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli sa fejn huma jirreferu għal Länder oħra barra minn dawk identifikati fil-punt preċedenti.

52      B’hekk jirriżulta li r-rikors għandu jkun iddikjarat inammissibbli peress li għandu l-għan li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata:

–        ksur tal-Artikoli 43 KE u 49 KE għal dak li jirrigwarda l-għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi tat-trasport tal-pazjenti kkaratterizzati minn predominanza tal-valur tas-servizzi tat-trasport, fis-sens tal-Anness I A tad-Direttiva 92/50 jew tal-Anness II A tad-Direttiva 2004/18, fuq dik tas-servizzi tas-saħħa, fis-sens tal-Anness I B tad-Direttiva 92/50 jew tal-Anness II B tad-Direttiva 2004/18;

–        ksur tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/50 jew tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, u

–        l-eżistenza ta’ prassi ta’ għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi ta’ emerġenza li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni fil-Länder l-oħra minbarra l-Länder tas-Sachsen-Anhalt, tan-Nordrhein-Westfalen, tan-Niedersachsen u tas-Sachsen.

 Fuq il-mertu

 L-argumenti tal-partijiet

53      Il-Kummissjoni tallega fl-ewwel lok, l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikoli 10 u 16 tad-Direttiva 92/50 kif ukoll tal-Artikoli 22 u 35(4) tad-Direttiva 2004/18. Hija ssostni li, indipendentement mill-importanza rispettiva, fil-kuntratti differenti identifikati fir-rikors tagħha, tal-valur tas-servizzi tat-trasport u dak tas-servizzi tas-saħħa, ir-riżultati tal-għoti ta’ dawn il-kuntratti ma ġew bl-ebda mod ippubblikati.

54      Il-Kummissjoni tallega wkoll l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ projbizzjoni tad-diskriminazzjoni kontenut fl-Artikoli 43 KE u 49 KE, li huwa impost fuq l-awtoritajiet kontraenti minbarra l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttivi 92/50 u 2004/18. F’dan ir-rigward, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ interess ċert transkonfinali, stabbilit mis-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑507/03, Ġabra p. I-9777, punti 29 u 30), tkun sodisfatta fil-każ preżenti, hekk kif jirriżulta mill-oriġini tal-ilmenti indirizzati lill-Kummissjoni u tal-importanza tal-valur ekonomiku tas-servizzi inkwistjoni.

55      Il-Kummissjoni ssostni li l-każijiet li ġew irraportati lilha huma sintomatiċi ta’ prassi ġenerali li tikkonsisti fl-għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi tat-trasport tal-pazjenti mingħajr l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni bil-għan li tiġi ggarantita t-trasparenza u l-kompetizzjoni ta’ dawn il-kuntratti. In-numru limitat ħafna tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti li saru fil-livell Ewropew mill-awtoritajiet lokali, jiġifieri tlettax-il avviż ta’ kuntratt fuq perijodu ta’ sitt snin, ippublikat minn ħdax minn iktar minn 400 distrett u bliet-distretti tal-Ġermanja, jikkonfermaw l-eżistenza ta’ din il-prassi.

56      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-injorar, mill-awtoritajiet territorjali Ġermaniżi, tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fuq il-kuntratti pubbliċi għal servizzi ma jkunx ġustifikat minn kunsiderazzjonijiet bbażati fuq l-eżerċizzju tas-sovranità tal-istat.

57      Hija ssostni li s-servizzi inkwistjoni fil-kawża preżenti ma jaqgħux fil-portata tal-Artikoli 45 KE u 55 KE, peress li huma ma jammontawx, fihom infushom, għal parteċipazzjoni diretta u speċifika għall-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Hija ssostni, b’mod partikolari, li l-imsemmija servizzi ma jimplikawx iż-żamma, mill-fornituri tagħhom ta’ servizzi, ta’ setgħa speċifika li wieħed jġiegħel u lanqas kompetenzi speċjali ta’ intervent.

58      La l-użu tad-dwal blu u lanqas tas-sireni, la r-rikonoxximent favur il-fornituri ta’ dawn is-servizzi, ta’ dritt ta’ passaġġ, skont il-kodiċi Ġermaniż tat-traffiku, u lanqas iċ-ċirkustanza li dawn il-miżuri ta’ emerġenza jistgħu jittieħdu mingħajr il-kunsens tal-ferut jew minn persuna li ssuq l-ambulanza li mgħandhiex taħriġ mediku komplut ma jammontaw għal espressjoni ta’ setgħa bħal din jew ta’ kompetenzi bħal dawn.

59      Anki jekk jiġi ammess, hekk kif issostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li s-servizzi pubbliċi ta’ emerġenza jammontaw, għall-entitajiet pubbliċi li assumew ir-responsabbiltà, missjoni li timplika l-eżerċizzju dirett u speċifiku tal-awtorità pubblika, l-integrazzjoni funzjonali, fl-ippjanar, l-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ dawn is-servizzi, ta’ ħaddiema awżiljarji responsabbli li jfornu servizzi tat-trasport tal-pazjenti madankollu ma jfissirx li dawn tal-aħħar igawdu minn drittijiet sovranji jew setgħa li jġiegħel lil ħaddiehor.

60      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tikkontesta li l-Artikolu 86(2) KE jista’ jiġi effetivament invokat fil-każ preżenti. Hija ssostni f’dan ir-rigward li s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner (C‑475/99, Ġabra p. I‑8089), hija rrilevanti sabiex tiġi evalwata l-konformità tal-prassi kontenzjuża fid-dritt tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi u li l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni kienet eżiġiet id-dimostrazzjoni li l-applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern tkun ta’ natura li tipprekludi l-provvista ta’ servizz ta’ emerġenza ta’ kwalità, effettiva u vijabbli, ħaġa li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja qatt ma allegat.

61      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta, fl-ewwel lok, ċerti fatti allegati mill-Kummissjoni.

62      Għal dak li jirrigwarda l-ewwel nett, il-proċeduri għall-għoti organizzati mill-belt ta’ Bonn, din issostni li l-offerent eskluż ġie eskluż peress li rrifjuta, minħabba nuqqas ta’ affidabbiltà professjonali, it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni meħtieġa mil-liġi tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen għall-provvista ta’ servizzi privata ta’ emerġenza, li tagħhom l-awtoritajiet ta’ din il-belt kellhom jikkunsidraw fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku.

63      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda ċ-ċentru ta’ emerġenza ta’ Bad Bevensen, hija ssostni li l-operazzjoni li seħħet permezz ta’ kuntratt konkluż fix-xahar ta’ April 2004 kellha biss bħala għan, li t-taqsima tad-distrett tad-DRK, tkun responsabbli mill-attivitajiet, mill-persunal u mill-materjal tal-unjoni tal-komuni ta’ Bevensen, kif ukoll permezz tal-kuntratt tax-xahar ta’ Lulju 1984 li jorbot l-imsemmija unjoni mad-distrett ta’ Uelzen. Dan il-kuntratt tax-xahar ta’ April 2004 jaqa’ fil-kontinwazzjoni ta’ kuntratt inizjali li, peress li kien ġie konkluż fix-xahar ta’ Lulju 1984, ma jaqax taħt l-applikazzjoni tad-Direttiva 92/50. Il-kuntratt ta’ April 2004 ma biddilx sostanzjalment il-kuntratt inizjali, f’dak li jirrigwarda s-suġġett, il-portata ġeografika tal-kuntratt, l-offerta tas-servizz jew inkella l-metodu ta’ finanzjament.

64      Għal dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, il-Land tas-Sachsen, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-allegat nuqqas ġie fi tmiem bl-iskadenza tal-kuntratti mġedda bejn is-sena 2002 u s-sena 2004, kif ukoll bid-dħul fis-seħħ, fix-xahar ta’ Jannar 2005, tal-leġiżlazzjoni ġdida ta’ dan il-Land li timponi minn issa ’l quddiem l-użu ta’ proċedura trasparenti ta’ għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi tat-trasport tal-pazjenti.

65      Fit-tieni lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ssostnuta fuq dan il-punt mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, issostni li, bħala elementi tal-politika pubblika ta’ prevenzjoni tar-riskji u tal-protezzjoni tas-saħħa, is-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-pazjenti jiddependu fuq l-eċċezzjoni msemmija fl-Artikoli 45 KE u 55 KE, li żżomhom milli jaqgħu taħt il-portata tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi.

66      F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-klassifikazzjoni tal-attività inkwistjoni fir-rigward tad-dritt nazzjonali hija deċiżiva sabiex tiġi evalwata r-rabta tagħha mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Fil-każ preżenti, l-organizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-pazjenti, inkluż fosthom il-kuntratti li saru ma’ fornituri ta’ dawn is-servizzi, jaqgħu taħt ir-regoli tad-dritt pubbliku. Barra minn hekk, u qabel kollox, l-attività mogħtija lil dawn il-fornituri tas-servizzi tipparteċipa fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, hekk kif jikkonfermaw id-dritt ta’ passaġġ u l-attribuzzjonijiet relatati magħhom, jiġifieri l-użu ta’ dawl blu u tas-sirena, li jistgħu jużaw is-sewwieqa tal-vetturi tal-emerġenza.

67      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja żżid li l-attivitajiet marbuta mas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-pazjenti jissupponu, tipikament, iż-żamma tas-setgħat speċjali, jiġifieri l-ippjanar, l-organizzazzjoni u l-ġestjoni tas-servizzi, l-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ informazzjoni u ta’ dikjarazzjoni lil terzi, kif ukoll ta’ deċiżjonijiet ta’ intervent lil servizzi speċjalizzati oħra, u l-parteċipazzjoni għall-ħatra tal-membri tal-persunal ta’ dawn is-servizzi bħala uffiċjali amministrattivi. Dawn l-attivitajiet huma bbażati fuq koordinazzjoni stretta bejn l-elementi differenti, umani u tekniċi, tal-“katina tal-emerġenza”, li awtorità pubblika biss tkun f’pożizzjoni li tassumi b’mod permanenti u fit-territorju kollu kkonċernat.

68      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostnu li ċ-ċirkustanza li s-servizzi pubbliċi ta’ emerġenza jammontaw, fihom innfushom, għal missjoni sovrana tal-entità pubblika li tathom din ir-responsabbilta tikkonferma r-rabta funzjonali tal-fornituri ta’ dawn is-servizzi għall-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. L-istess jiġri fil-kollaborazzjoni ta’ dawn il-fornituri ma’ atturi oħra, ukoll implikati fl-ippjanar, l-organizzazzjoni u t-tmexxija ta’ dawn is-servizzi, bħall-korpi tal-pulizija, tal-protezzjoni ċivili u l-korpi tat-tifi tan-nar, li jassumu kompiti ta’ prevenzjoni jew tal-protezzjoni u jistgħu jieħdu miżuri ta’ evakwazzjoni, ta’ sigurtà, ta’ għeluq, ta’ assistenza għall-eżekuzzjoni ta’ miżuri ta’ rikoveru, pereżempju, ta’ persuni li jsofru minn kundizzjonijiet mentali, dawn il-kompiti u dawn il-miżuri jkunu karatteristiċi ta’ missjoni sovrana bħal din.

69      Fit-tielet lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sostnuta wkoll fuq dan il-punt mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, issostni sussidjarjament, li s-servizzi tat-trasport tal-pazjenti jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali”, fis-sens tal-Artikolu 86(2) KE, li għalihom tapplika awtorizzazzjoni li ssir eċċezzjoni mhux biss għar-regoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza Ambulanz Glöckner, iċċitata iktar ’il fuq), iżda wkoll għal-libertajiet fundamentali u għar-regoli fuq il-kuntratti pubbliċi.

70      Hija ssostni li eċċezzjoni għall-imsemmija libertajiet u regoli hija neċessarja sabiex tippermetti sussidji trażversali bejn żoni ġeografiċi b’densità għolja ħafna ta’ popolazzjoni, fejn il-prestazzjoni tas-servizzi tat-trasport tal-pazjenti hija iktar vijabbli, u ż-żoni ġeografiċi ħafna inqas vijabbli f’dan ir-rigward, b’inqas densità ta’ popolazzjoni.

71      Ir-rabta eżistenti bejn is-servizzi ta’ emerġenza u l-protezzjoni ċivili tiffavorixxi wkoll eċċezzjoni għar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fuq il-kuntratti pubbliċi. Fil-fatt, l-obbligu għall-Istat li jiżgura l-protezzjoni ċivili f’każ ta’ katastrofi jeħtieġ li l-organizzazzjonijiet nazzjonali tas-saħħa jiġu protetti, li jkunu marbuta li joffrulhom għajnuna f’każ bħal dan u effettivament jiggarantixxu d-disponibbiltà ta’ numru kbir ta’ volontarji li jgħixu viċin il-post tal-intervent.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

72      Fir-rigward tal-konsegwenzi marbuta mal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45 KE u l-Artikolu 55 KE, l-ewwel nett għandu jiġi vverifikat jekk dawn id-dispożizzjonijiet effettivament japplikawx għal dan il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑465/05, Ġabra p. I-11091, punt 31).

–       Fuq l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 55 KE

73      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 55 KE, id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma jkoprux l-attivitajiet li jseħħu fi Stat Membru, anki okkażjonalment, għall-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

74      Hekk kif sostniet l-Avukat Ġeneral fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tagħha, attivitajiet bħal dawn ma jaqgħux ukoll fil-portata tad-direttivi li, bħad-Direttivi 92/50 u 2004/18, għandhom l-għan li jimplementaw id-dispożizzjonijiet tat-trattat fuq il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

75      B’hekk għandu jiġi vverifikat jekk l-attivitajiet tas-servizzi tat-trasport tal-pazjenti inkwistjoni fil-każ preżenti jammontawx għal attivitajiet previsti mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45 KE.

76      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, bħala deroga mir-regoli fundamentali tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà ta’ provvista ta’ servizzi, l-Artikoli 45 KE u 55 KE għandhom jingħataw interpretazzjoni li tillimita l-portata tagħhom għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jiġu mħarsa l-interessi li l-Istati Membri jistgħu jipproteġu abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, 147/86, Ġabra p. 1637, punt 7; tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C‑451/03, Ġabra p. I-2941, punt 45, u tat-22 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑438/08, Ġabra p. I‑10219, punt 34).

77      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni eventwali tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikoli 45 KE u 55 KE għandha tikkunsidra li l-limiti imposti minn dawn l-Artikoli għall-imsemmija eċċezzjonijiet jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 1974, Reyners, 2/74, Ġabra p. 631, punt 50, u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

78      Skont ġurisprudenza stabbilita sew, id-deroga prevista fl-imsemmija artikoli għandha tkun limitata għall-attivitajiet li, ikkunsidrati fihom infushom, jammontaw għal parteċipazzjoni diretta u speċifika għall-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (ara s-sentenzi Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45; tat-13 ta’ Lulju 1993, Thijssen, C‑42/92, Ġabra p. I‑4047, punt 8, u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

79      Hekk kif sostniet l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tagħha, parteċipazzjoni bħal din timplika eżerċizzju suffiċjentement kwalifikat tad-drittijiet esklussivi, ta’ privileġġi bħala awtorità pubblika jew ta’ setgħat li jġiegħlu liċ-ċittadini.

80      Fil-każ preżenti, għandu l-ewwel nett jingħad li l-kontribuzzjoni għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika, li għaliha kull individwu jista’ jiġi msejjaħ għaliha, b’mod partikolari billi jagħti l-għajnuna tiegħu lil persuna li tkun qeda f’periklu ta’ ħajja u mewt jew tas-saħħa, mhux suffiċjenti sabiex tammonta għal parteċipazzjoni għall-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 1998, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑114/97, Ġabra p. I‑6717, punt 37, u Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċtata iktar ’il fuq, punt 38).

81      Fir-rigward tad-dritt, għall-fornituri tas-servizzi tat-trasport tal-pazjenti, li jużaw strumenti bħad-dawl blu jew is-sirena, kif ukoll għad-dritt ta’ passaġġ prijoritarju li huwa mogħti lilhom mill-kodiċi Ġermaniż tat-traffiku, ċertament juru l-importanza predominanti marbut mil-leġiżlatur nazzjonali mas-saħħa pubblika meta mqabbla mar-regoli ġenerali tat-traffiku.

82      Madankollu, drittijiet bħal dawn ma jkunux, fihom infushom, meqjusa bħala parteċipazzjoni diretta u speċifika għall-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, f’każ kuntrarju, għall-fornituri kkonċernati, li jkollhom prerogattivi jew setgħa tad-dritt komuni esorbitanti li jġiegħlu għall-finijiet li jiġi ggarantit ir-rispett, li jaqa’, hekk kif inhu kostanti bejn il-partijiet, ta’ kompetenza tal-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 39, u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 44).

83      Bl-istess mod ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jammontaw għal eżerċizzju suffiċjentement kwalifikat ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika jew ta’ setgħat eżorbitanti tad-dritt komuni, l-elementi, bħal dawk invokati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li jirrigwardaw kompetenzi organizattivi partikolari fil-qasam tas-servizzi mogħtija, bis-setgħa li tintalab informazzjoni minn terzi jew l-intervent ta’ servizzi oħra speċjalizzati, jew inkella l-parteċipazzjoni għall-ħatra ta’ uffiċjali amministrattivi fir-rigward tas-servizzi inkwistjoni.

84      Il-fatt, ukoll sostnut mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li l-provvista tas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-pazjenti timplika kollaborazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll ma’ membri ta’ korpi professjonali li għandhom prerogattivi ta’ awtorità pubblika, bħall-membri tal-korpi tal-pulizija, lanqas ma jammonta għal element ta’ rabta tal-attivitajiet ta’ dawn is-servizzi mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

85      L-istess japplika miċ-ċirkustanza, ukoll allegata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li l-kuntratti dwar il-kuntratti tas-servizzi inkwistjoni jaqgħu taħt id-dritt pubbliku u li l-attivitajiet kkonċernati jkunu eżerċitati għan-nom tal-entitajiet tad-dritt pubbliku li jassumu r-responsabbiltà tas-servizz pubbliku ta’ emerġenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Jundt, C‑281/06, Ġabra p. I‑12231, punti 36 sa 39).

86      B’hekk jirriżulta li l-applikazzjoni tal-Artikoli 45 KE u 55 KE għall-attivitajiet inkwistjoni fil-kawża preżenti għandha tiġi evitata.

87      Konsegwentement, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk in-nuqqas allegat mill-Kummissjoni huwiex stabbilit.

–       Fuq in-nuqqas allegat mill-Kummissjoni

88      Preliminarjament, għandu jingħad l-ewwel nett, li jirriżulta mill-figuri mogħtija mill-Kummissjoni fin-noti tagħha bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li r-rikors preżenti huwa limitat, fost il-modi differenti ta’ provvista ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport tal-pazjenti eżistenti fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għall-mudell magħruf bħala tal-“appalt”, li permezz tiegħu l-fornitur li ngħata l-kuntratt huwa direttament remunerat mill-awtoritajiet lokali li magħhom ikkonkluda l-kuntratt, jew minn organizzazzjoni finanzjarja marbuta ma’ din l-awtorità lokali.

89      Fit-tieni lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kkontestatx l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li skont din l-awtoritajiet territorjali li kienu attribwew il-kuntratti differenti identifikati fir-rikors huma awtoritajiet kontraenti, fis-sens tal-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/50 jew tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑126/03, Ġabra p. I‑11197, punt 18).

90      Fit-tielet lok, fir-rigward taċ-ċirkustanza, allegata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li skont din il-kuntratti li permezz tagħhom ġew attribwiti dawn il-kuntratti jaqgħu taħt id-dritt pubbliku, mhix ta’ natura li taħbi l-eżistenza tal-element kuntrattwali meħtieġ fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50 jew fl-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18. Hekk kif sostniet il-Kummissjoni, hija kuntrarjament tiffavorixxi l-eżistenza ta’ dan l-element (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Ordine degli Architetti et, C‑399/98, Ġabra p. I‑5409, punt 73).

91      Il-karatteristiċi tal-kitba u onerużi ta’ dawn il-kuntratti mhumiex, minn naħa tagħhom, bl-ebda mod ikkontestati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li bl-ebda mod ma tikkontesta l-figuri tal-Kummissjoni li skont dawn il-valur rispettiv tal-kuntratti differenti inkwistjoni jeċċedi nettament il-livelli ta’ applikazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/50 jew tad-Direttiva 2004/18.

92      Fir-raba’ lok, huwa wkoll stabbilit bejn il-partijiet li s-servizzi tat-trasport mediku ta’ emerġenza jew tat-trasport ikkwalifikat ta’ pazjenti, inkwistjoni fil-kawża preżenti, jaqgħu kemm fil-kategorija 2 jew 3 tal-Anness I A tad-Direttiva 92/50 jew tal-Anness II A tad-Direttiva 2004/18, u tal-kategorija 25 tal-Anness I B tad-Direttiva 92/50 jew tal-Anness II B tad-Direttiva 2004/18, b’mod li l-kuntratti li għandhom bħala suġġett servizzi bħal dawn jaqgħu fl-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/50 jew tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2004/18 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 1998, Tögel, C‑76/97, Ġabra p. I‑5357, punt 40).

93      Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirrifjuta ċerti fatti allegati mill-Kummissjoni. Hija tikkontesta wkoll l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li skont dawn l-imsemmija fatti jiżvelaw prassi ġenerali fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi tat-trasport tal-pazjenti.

i)     Fuq il-fatti allegati

94      Skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-Kummissjoni tinvoka lmenti ddettaljati li juru ksur ripetut tad-dritt tal-Unjoni, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jikkontesta konkretament il-fatti allegati f’dawn l-ilmenti (ara s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑489/06, Ġabra p. I‑1797, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Fil-każ preżenti, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tikkontestax il-verità tal-fatti rrapurtati mill-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda, rispettivament, il-kuntratt mogħti mill-belt ta’ Magdebourg, fil-Land tas-Sachsen-Anhalt, il-kuntratt marbut mal-operat taċ-ċentru ta’ emerġenza ta’ Witten-Herbede, fil-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, kif ukoll il-kuntratti mogħtija mir-reġjun ta’ Hannover u mid-distrett ta’ Hameln-Pyrmont, fil-Land tan-Niedersachsen, li huma msemmija fil-punti 27 u 29 sa 31 tas-sentenza preżenti.

96      Dan l-Istat Membru, min-naħa l-oħra, ressaq oġġezzjonijiet fir-rigward tal-allegazzjonijiet fattwali tal-Kummissjoni dwar il-kuntratti li ngħataw, rispettivament, mill-belt ta’ Bonn, mid-distrett ta’ Uelzen u minn awtoritajiet pubbliċi diversi tal-Land tas-Sachsen.

97      L-ewwel nett, fir-rigward tal-kuntratt mogħti mill-belt ta’ Bonn, imsemmi fil-punt 28 tas-sentenza preżenti, l-informazzjoni mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fuq ir-raġunijiet tal-esklużjoni ta’ offerent Ġermaniż madankollu mhumiex ta’ natura li jaħbu l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, mhux ikkontestati minn dan l-Istat Membru, dwar l-inosservanza, fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt, tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar it-trasparenza fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

98      Imbagħad, fir-rigward tal-kuntratt mogħti mid-distrett ta’ Uelzen, imsemmi fil-punt 32 tas-sentenza preżenti, l-ilment imressaq mill-Kummissjoni huwa bbażat, hekk kif jirriżulta mid-diskussjonijiet bejn il-partijiet li seħħew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq l-estensjoni, fl-2004, tas-suġġett tal-kuntratt konkluż fl-1984 bejn l-imsemmi distrett u t-taqsima tad-distrett tad-DRK għall-operat ta’ ċentru tal-emerġenza tal-Bad Bevensen, mingħajr osservanza tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi.

99      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li emenda għall-kuntratt inizjali tista’ tiġi kkunsidrata bħala sostanzjali u, b’hekk, li tammonta għal għoti ta’ kuntratt ġdid, fis-sens tad-Direttiva 92/50 jew tad-Direttiva 2004/18, b’mod partikolari meta hija testendi l-kuntratt, b’mod kunsiderevoli, għal servizzi mhux previsti inizjalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2008, pressetext Nachrichtenagentur, C‑454/06, Ġabra p. I‑4401, punt 36).

100    Fil-każ preżenti, jirriżulta mill-figuri li jidhru fil-fajl li l-ammont tal-kuntratt dwar l-operat taċ-ċentru tal-emerġenza ta’ Bad Bevensen jammonta għal EUR 673 719.2, jiġifieri ammont nettament ogħla mil-limiti ta’ applikazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 7 tad-Direttivi 92/50 u 2004/18.

101    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-estensjoni kuntrattwali msemmija fil-punt 98 tas-sentenza preżenti għandha, hekk kif issostni l-Kummissjoni, tkun ikkunsidrata bħala emenda sostanzjali tal-kuntratt inizjali, li kien jeħtieġ ir-rispett tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi.

102    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kuntratti li seħħew fil-Land tas-Sachsen, imsemmija fil-punti 33 sa 35 tas-sentenza preżenti, iċ-ċirkustanza, allegata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ibbażata fuq it-terminazzjoni tan-nuqqas allegat bl-iskadenza tal-kuntratti mġedda bejn is-sena 2002 u s-sena 2004 u d-dħul fis-seħħ, fix-xahar ta’ Jannar 2005, ta’ leġiżlazzjoni ġdida ta’ dan il-Land li tintroduċi proċedura trasparenti ta’ għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi ta’ emerġenza, mhumiex ta’ natura li jevitaw l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, mhux ikkontestati minn dan l-Istat Membru, li skont dawn l-imsemmija kuntratti ġew prorogati, taħt l-influwenza tal-leġiżlazzjoni, b’effett sal-31 ta’ Diċembru 2008, mingħajr ebda trasparenza fil-livell tal-Unjoni.

103    Is-sitwazzjoni rrapurtata mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ dawn il-kuntratti differenti tal-Land tas-Sachsen tkompli fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilita fl-opinjoni motivata, data rilevanti għall-evalwazzjoni tal-eżistenza tan-nuqqas allegat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑562/07, Ġabra p. I‑9553, punt 23), jiġifieri s-16 ta’ Frar 2007.

104    B’hekk jirriżulta li l-fatti kollha allegati mill-Kummissjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala stabbiliti.

ii)  Fuq il-prassi allegata

105    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja takkuża lill-Kummissjoni li rreferiet għal każijiet individwali sabiex turi l-eżistenza ta’ prassi ġenerali ta’ għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi tat-trasport tal-pazjenti li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

106    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, li l-Kummissjoni tista’ titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata nuqqasijiet fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni minħabba l-fatt li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jkunu allegatament adottaw prassi ġenerali kuntrarja għal dawn id-dispożizzjonijiet, u li din il-prassi tintwera permezz ta’ sitwazzjonijiet speċifiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑248/05, Ġabra p. I‑9261, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107    Il-konstatazzjoni ta’ allegat nuqqas fuq il-bażi tal-prassi amministrattiva segwita fi Stat Membru madankollu timplika l-produzzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ prova suffiċjentement dokumentata u dettaljata tal-prassi kkritikata. Jeħtieġ li din il-prassi amministrattiva tippreżenta ċertu livell ta’ konsistenza u ta’ ġeneralità. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq preżunzjoni kwalunkwe (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑156/04, Ġabra p. I‑4129, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-19 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

108    Meta l-Kummissjoni tkun ipprovdiet biżżejjed provi li juru li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru żviluppaw prassi repetuta u persistenti li tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva, huwa dan l-Istat Membru li għandu jikkontesta, b’mod sostanzjali u fid-dettall, l-informazzjoni hekk ippreżentata u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha (ara s-sentenzi tas-26 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑494/01, Ġabra p. I-3331, punt 47, kif ukoll tal-25 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs l-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69).

109    Fil-każ preżenti, ikkonfrontata bl-allegazzjonijiet fattwali tal-Kummissjoni dwar każijiet ripetuti ta’ nuqqas għad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi tat-trasport tal-pazjenti fil-Länder tas-Sachsen-Anhalt, tan-Nordrhein-Westfalen, tan-Niedersachsen u tas-Sachsen, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, hekk kif jirriżulta mill-punti 95 sa 104 tas-sentenza preżenti, ma setgħetx turi li l-fatti rrapurtati ma kienux veri. Hija bl-ebda mod ma ressqet elementi li juru li, f’dawn il-Länder, kuntratti oħra mogħtija skont il-mudell tal-appalt kienu konformi, fir-rigward tagħhom, mad-dritt tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi.

110    Għall-kuntrarju, hekk kif sostniet l-Avukat Ġenerali fil-punt 150 tal-konklużjonijiet tagħha, l-indikazzjonijiet tal-Kummissjoni, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kkontestatx, jirrigwardaw numru żgħir ħafna ta’ każijiet ta’ għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi tat-trasport tal-pazjenti b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, jikorroboraw l-eżistenza, fl-erba’ Länder inkwistjoni, ta’ prassi li tmur lil hinn mill-każijiet partikolari mressqa mill-Kummissjoni fir-rikors preżenti.

111    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-prassi allegata mill-Kummissjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala stabbilita għal dak li jirrigwarda l-Länder tas-Sachsen-Anhalt, tan-Nordrhein-Westfalen, tan-Niedersachsen u tas-Sachsen.

112    Konsegwentement, għandha tiġi evalwata l-eżistenza tal-ksur tad-Direttivi 92/50 u 2004/18 kif ukoll tal-Artikoli 43 KE u 49 KE, allegati mill-Kummissjoni.

 Fuq il-ksur ibbażati fuq l-inosservanza tad-Direttiva 92/50 jew tad-Direttiva 2004/18, kif ukoll tal-Artikoli 43 KE u 49 KE

113    Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, fis-sitwazzjoni ta’ għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi tat-trasport tal-pazjenti kkaratterizzati minn predominanza tal-valur tas-servizzi tat-trasport ikkomparat ma’ dik tas-servizzi tas-saħħa, il-prassi inkwistjoni tammonta għal ksur tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/50 moqri flimkien mat-Titoli III sa VI ta’ din id-direttiva jew, mill-1 ta’ Frar 2006, tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2004/18 moqri flimkien mal-Artikoli 23 sa 55 ta’ din id-direttiva. Skont it-titoli jew dispożizzjonijiet varji tagħha, huma partikolarment l-awtoritajiet lokali li għandhom jipproċedu bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt fil-livell tal-Unjoni għall-finijiet tal-għoti ta’ kuntratt inkwistjoni u li tiżgura l-pubbliċità tar-riżultati tal-għoti ta’ dan il-kuntratt.

114    Fis-sitwazzjonijiet tal-għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi tat-trasport tal-pazjenti kkaratterizzati minn predominanza tal-valur tas-servizzi tas-saħħa kkomparat ma’ dik tas-servizzi tat-trasport, il-Kummissjoni ssostni li l-prassi inkwistjoni tammonta għal ksur tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/50 moqri flimkien mal-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva jew, wara l-1 ta’ Frar 2006, tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2004/18 moqri flimkien mal-Artikolu 35(4) ta’ din id-direttiva. Dawn id-dispożizzjonijiet jimponu, essenzjalment, fuq l-awtoritajiet lokali li jiżguraw il-pubbliċità tar-riżultati tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni.

115    Il-Kummissjoni tqajjem ukoll ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 43 KE u 49 KE, li, hekk kif jirriżulta mill-punti 45 sa 47 u 52 tas-sentenza preżenti, madankollu mhux ammissibbli peress li huwa jipprovdi għall-għoti ta’ kuntratti li jaqgħu fis-sitwazzjoni msemmija fil-punt preċedenti.

116    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas billi tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji kollha sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas, u dan mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq xi preżunzjoni (ara s-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C‑246/08, Ġabra p. I‑10605, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    Hekk kif l-Avukat Ġenerali sostniet fil-punt 113 tal-konklużjonijiet tagħha, l-obbligu għall-Kummissjoni li tistabbilixxi bi preċiżjoni s-suġġett konkret tan-nuqqas allegat huwa indispensabbli għall-komprensjoni korretta, mill-Istat Membru konvenut, tal-miżuri meħtieġa minn naħa tagħha, f’każ ta’ konstatazzjoni tal-imsemmi nuqqas, sabiex is-sitwazzjoni li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni tiġi konformi.

118    Fil-każ preżenti, jirriżulta mill-atti li l-Kummissjoni, wara li indikat, fl-opinjoni motivata, li hija ma kellhiex informazzjoni suffiċjenti sabiex tiddetermina liema servizzi, is-servizzi tat-trasport jew is-servizzi tas-saħħa, għandhom valur predominanti fil-kuntratti identifikati, hekk kif l-Avukat Ġenerali sostniet fil-punt 96 tal-konklużjonijiet tagħha, volontarjament naqset milli tittratta dan l-aspett fil-kuntest tar-rikors preżenti, mingħajr ma jirriżulta mill-atti li din l-għażla ġiet iddettata minn allegat nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Ġermaniżi fil-proċedura prekontenzjuża.

119    Fil-fatt, fir-rikors tagħha, hija sostniet, b’mod ġenerali, li, kemm fil-kuntratti li jirrigwardaw is-servizzi tat-trasport ikkwalifikat ta’ pazjenti kif ukoll f’dawk li jirrigwardaw is-servizzi tat-trasport mediku ta’ emerġenza, il-valur tas-servizzi tas-saħħa jistgħu jkunu kunsiderevoli u li, l-kuntratti kontenzjużi li jkopru ġeneralment iż-żewġ tipi ta’ servizzi f’daqqa, ir-rabta bejn il-valuri rispettivi ta’ dawn tvarja minn kuntratt għall-ieħor, b’mod li jkunu jistgħu jiġu immaġinati kemm kuntratti karatterizzati minn predominanza tal-valur tas-servizzi tat-trasport fuq dawk tas-servizzi tas-saħħa kif ukoll kuntratti kkaratterizzati minn predominanza opposta.

120    Peress li għażlet approċċ ibbażat fuq suppożizzjonijiet bħal dawn, il-Kummissjoni rrinunċat deliberament milli tistabbilixxi li l-kuntratti inkwistjoni jew, għall-inqas, ċerti uħud fosthom, ikunu kkaratterizzati minn predominanza tal-valur tas-servizzi tat-trasport fuq dak tas-servizzi tas-saħħa.

121    Għal kuntrarju, fir-rigward tad-Direttivi 92/50 u 2004/18, hija kkonċentrat l-ilmenti tagħha fuq il-fatt li, indipendentement mid-distinżjoni ġuridika li saret fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/50 jew fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2004/18, l-Artikolu 16 tad-Direttiva 92/50 jew fl-Artikolu 35(4), tad-Direttiva 2004/18 kienet, fl-għoti ta’ kull wieħed minn dawn il-kuntratti, ġiet injorata fir-rigward tan-nuqqas ta’ pubbliċità fuq ir-riżultati tal-għoti tal-imsemmija kuntratti, ħaġa li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kkontestatx għall-ebda wieħed mill-kuntratti previsti.

122    F’kuntest bħal dan, jew, f’nuqqas ta’ elementi suffiċjentement konkreti fornuti mill-Kummissjoni, ma jkunx eskluż li l-ebda wieħed mill-kuntratti identifikati fir-rikors ma jkun ikkaratterizzat minn predominanza tal-valur tas-servizzi tat-trasport fuq dawk tas-servizzi tas-saħħa, hemm lok li tiġi llimitata l-konstatazzjoni tan-nuqqas għad-Direttivi 92/50 u 2004/18, għall-ksur tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/50 moqri flimkien mal-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva jew, mill-1 ta’ Frar 2006, tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2004/18 moqri flimkien mal-Artikolu 35(4) ta’ din id-direttiva, peress li l-imsemmija artikoli, fi kwalunkwe każ, huma applikabbli għall-kuntratti li, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża preżenti, jirrigwardaw kemm is-servizzi tat-trasport u s-servizzi tas-saħħa, indipendentement mir-rabta bejn il-valur rispettiv ta’ dawn is-servizzi fil-kuntest tal-kuntratt inkwistjoni.

123    Hekk kif l-Avukat Ġenerali sostniet fil-punt 93 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma ppruvat titstabbilixxi li l-kuntratti identifikati fir-rikors tagħha jew, għall-inqas, ċerti uħud fosthom, ikunu kkaratterizzati minn predominanza tal-valur tas-servizzi tas-saħħa fuq dak tas-servizzi tat-trasport. F’dawn il-kundizzjonijiet jew, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet konkreti suffiċjenti, ma jkunx eskluż li l-ebda wieħed mill-kuntratti inkwistjoni ma jkun ikkaratterizzat minn predominanza bħal din, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tikkonstata l-allegat nuqqas fir-rigward tal-Artikoli 43 KE u 49 KE. Din il-konklużjoni tapplika wkoll għall-kwistjoni dwar jekk il-kuntratti identifikati mill-Kummissjoni għandhomx interess transkonfinali ċert.

124    Għandu jerġa jiġi vverifikat il-mertu tal-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar il-ġustifikazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 86(2) KE.

–       Fuq il-ġustifikazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 86(2) KE

125    Fil-punti 55 u 60 tas-sentenza Ambulanz Glöckner, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat is-servizzi tat-trasport ta’ emerġenza bħala “servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali”, fis-sens tal-Artikolu 86(2) KE.

126    Madankollu jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li huwa l-Istat Membru li jinvoka l-Artikolu 86(2) KE li huwa responsabbli li juri li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jseħħu flimkien (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑159/94, Ġabra p. I-5815, punt 101).

127    Fil-każ preżenti, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sostniet in-neċessità li jiġi żgurat, fil-qasam tas-servizzi tat-trasport tal-pazjenti, sussidju trażversali bejn iż-żoni ġeografiċi vijabbli u inqas vijabbli skont id-densità tal-popolazzjoni. Hija saħqet ukoll fuq l-importanza ta’ servizz ta’ prossimità u tal-kollaborazzjoni mas-servizzi l-oħra involuti fil-missjonijiet ta’ emerġenza, li jimplika li jkun disponibbli persunal residenti viċin il-postijiet fejn isiru l-interventi u li faċilment jaslu fuq il-post f’każ ta’ emerġenza jew katastrofi.

128    Madankollu, kunsiderazzjonijiet bħal dawn jistgħu, ċertament, jiġġustifikaw, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, ir-rikors, mill-awtorità kontraenti kompetenti, għal miżuri speċifiċi bl-għan li jassiguraw, b’mod partikolari permezz ta’ kundizzjonijiet tar-remunerazzjoni adattati għall-karatteristiċi tat-territorju li għandu jiġi kopert jew permezz ta’ obbligu ta’ preżenza suffiċjenti tal-mezzi umanitarji u tekniċi fis-seħħ, il-provvista mill-parti l-oħra, f’kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli, ta’ servizzi tat-trasport tal-pazjenti ta’ kwalità, effettiva u aċċessibbli fit-territorju kollu kkonċernat.

129    Min-naħa l-oħra, huma ma jispjegawx b’liema mod l-obbligu li jiżguraw il-pubbliċità tar-riżultati tal-għoti tal-kuntratt ikkonċernat ikun b’mod li jkun ta’ ostaklu għat-twettiq ta’ din il-missjoni ta’ interess ekonomiku ġenerali.

130    B’hekk jirriżulta li l-argument ibbażat fuq l-Artikolu 86(2) KE għandu jiġi miċħud.

131    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, billi ma ppublikatx avviżi dwar ir-riżultati tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti, naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/50 moqri flimkien mal-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva jew, wara l-1 ta’ Frar 2006, taħt l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2004/18 moqri flimkien mal-Artikolu 35(4) ta’ din id-direttiva, fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi tat-trasport mediku ta’ emerġenza u tat-trasport ikkwalifikat ta’ pazjenti skont il-mudell tal-appalt fil-Länder tas-Sachsen-Anhalt, tan-Nordrhein-Westfalen, tan-Niedersachsen u tas-Sachsen.

132    Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

133    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. B’mod konformi mal-Artikolu 69(3) ta’ dan ir-regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom. Fil-każ preżenti, peress li l-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfu xi uħud mit-talbiet tagħhom, huma għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

134    Skont l-ewwel subparagrafu ta’ Artikolu 69(4) ta’ dawn ir-Regoli, l-Istat Membru intervenjent fil-kawża għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu konsegwentement ibati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, billi ma ppublikatx avviżi dwar ir-riżultati tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti, naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi], moqri flimkien mal-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva jew, wara l-1 ta’ Frar 2006, taħt l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], moqri flimkien mal-Artikolu 35(4) ta’ din id-direttiva, fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi tat-trasport mediku ta’ emerġenza u tat-trasport ikkwalifikat ta’ pazjenti skont il-mudell tal-appalt fil-Länder tas-Sachsen-Anhalt, tan-Nordrhein-Westfalen, tan-Niedersachsen u tas-Sachsen.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.