SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

22 ta’ Ottubru 2009 ( *1 )

“Direttiva 96/43/KE — Ftehim qafas fuq il-leave parentali konkluż mill-UNICE, iċ-CEEP u l-ETUC — Interpretazzjoni tal-klawżola 2(6) u (7) — Leave parentali part-time — Tkeċċija tal-ħaddiem qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ leave parentali mingħajr osservanza tat-terminu legali ta’ avviż minn qabel — Kalkolu tal-kumpens”

Fil-Kawża C-116/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hof van Cassatie (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-25 ta’ Frar 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Marzu 2008, fil-proċedura

Christel Meerts

vs

Proost NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tat-Tieni Awla, li qed jaġixxi bħala l-President tat-Tielet Awla, P. Lindh, A. Rosas, U. Lõhmus (Relatur) u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Marzu 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal C. Meerts, minn W. van Eeckhoutte, advocaat bij het Hof van Cassatie,

għal Proost NV, minn H. Geinger, advocaat bij het Hof van Cassatie,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn E.-M. Mamouna u O. Patsopoulou kif ukoll minn I. Bakopoulos u M. Apessos, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u B. Messmer, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. van Beek, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Mejju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżola 2(4) sa 2(7) tal-ftehim qafas dwar il-leave tal-ġenituri [parentali], konkluż fl-14 ta’ Diċembru 1995, li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri [parentali] konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 285, kif emendat bid-Direttiva tal-Kunsill 97/75/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 263, iktar ’il quddiem il-“ftehim qafas dwar il-leave parentali”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn C. Meerts u min kien jimpjegaha fil-passat, Proost NV, rispettivament ir-rikorrenti u l-konvenuta fil-kawża prinċipali, rigward it-tkeċċija ta’ C. Meerts li seħħet meta hija kienet tibbenefika minn leave parentali part-time.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Id-Direttiva 96/34 hija intiża sabiex tqiegħed fis-seħħ il-ftehim qafas dwar il-leave parentali konkluż mill-organizzazzjonijiet ta’ natura ġenerali tal-industrija [l-Unjoni tal-Konfederazzjonijiet tal-Industrija u ta’ min iħaddem fl-Ewropa (UNICE), iċ-Ċentru Ewropew tal-Intrapriżi Pubbliċi (CEEP) u l-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (CES)].

4

Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-direttiva sa mhux iktar tard mit-3 ta’ Ġunju 1998 jew il-15 ta’ Diċembru 1999.

5

L-ewwel paragrafu tal-preambolu tal-ftehim qafas dwar il-leave parentali jipprovdi:

“Il-ftehim qafas [dwar il-leave parentali] jirrappreżenta l-impenn ta’ l-UNICE, CEEP u ta’ ETUC biex jistabbilixxu l-ħtiġiet minimi dwar il-leave tal-ġenituri [parentali] […], bħala mezz importanti biex jistgħu jkunu rikonċiljati l-ħajja tax-xogħol u tal-familja u biex jippromwovu l-opportunitajiet u trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa.”

6

Il-punt 5 tal-Konsiderazzjonijiet Ġenerali ta’ dan il-ftehim qafas huwa miktub kif ġej:

“Billi r-Rizoluzzjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Diċembru 1994 irrikonoxxiet li politika effettiva ta’ opportunitajiet ugwali tippresupponi strateġija integrata ġenerali li tippermetti l-organizzazzjoni aħjar tal-ħinijiet tax-xogħol u flessibilità akbar, u għal ritorn iktar faċli għall-ħajja tax-xogħol, u nnotat ir-rwol importanti ta' l-imsieħba soċjali f’dan il-qasam u fl-offerta kemm lill-irġiel u lin-nisa ta’ l-opportunità li jaqdu flimkien ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u l-obbligi familjari”.

7

Skont il-punt 6 ta’ dawn il-Konsiderazzjonijiet Ġenerali:

“Billi miżuri biex jiġu rrikonċiljati ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u l-ħajja familjari għandhom jinkoraġġixxu l-introduzzjoni ta’ modi ġodda flessibbli fl-organizzazzjoni tax-xogħol u tal-ħin li jkunu iktar adatti għall-bżonnijiet qed jinbidlu tas-soċjetà u li tieħu inkonsiderazzjoni l-bżonnijiet kemm ta’ l-impriża kif ukoll tal-ħaddiema.”

8

Il-klawżola 2 tal-ftehim qafas dwar il-leave parentali tistabbilixxi dan li ġej:

“[…]

3.

Il-kondizzjonijiet ta’ l-aċċess u r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-leave tal-ġenituri [parentali] għandhom ikunu definiti mill-liġi u /jew bi ftehim kollettiv fl-Istati Membri, sakemm il-ħtiġiet minimi ta’ dan il-ftehim ikunu mħarsa. L-Istati Membri u /jew l-imsieħba soċjali jistgħu, in partikulari:

a)

jiddeċiedu jekk il-leave tal-ġenituri jingħatax fuq bażi ta’ full-time jew part-time, b’mod frammentat jew b’sistema ta’ kreditu ta’ ħin;

[…]

4.

Biex jiżguraw li l-ħaddiema jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tal-leave tal-ġenituri, l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom jieħdu il-miżuri neċċessarji biex jipproteġu lill-ħaddiem kontra t-tkeċċija abbażi ta’ applikazzjoni għal, jew minħabba li jittieħed, leave tal-ġenituri skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettivu l-prattiċi nazzjonali.

5.

Fl-aħħar tal-leave tal-ġenituri, il-ħaddiema għandu jkollhom id-dritt jirritornaw għall-istess impjieg jew, jekk dan mhuwiex possibbli, għal impjieg ekwivalenti jew simili konsistenti mal-kuntratt ta’ l-impjieg jew mar-relazzjoni tax-xogħol tagħhom.

6.

Id-drittijiet akkwiżiti jew fil-proċess li jkunu akkwiżiti mill-ħaddiem fid-data li fiha l-leave tal-ġenituri jibda’ għandhom jibqgħu kif inhuma sa meta jintemm il-leave tal-ġenituri. Fit-tmiem tal-leave tal-ġenituri, dawn id-drittijiet, inkluż kull tibdil ikkawżat mill-liġi, mill-ftehim kollettiv u mill-prattiċi nazzjonali, għandhom japplikaw.

7.

L-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom jiddefinixxu l-istatus tal-kuntratt ta’ l-impjieg jew ir-relazzjoni tax-xogħol għall-perijodu tal-leave tal-ġenituri.

[…]”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9

Id-Digriet Irjali tad-29 ta’ Ottubru 1997 dwar l-introduzzjoni ta’ dritt għal leave parentali fil-kuntest ta’ interruzzjoni tal-karriera professjonali (Moniteur belge, tas-7 ta’ Novembru 1997, p. 29930) ttraspona d-Direttiva 96/34 f’dak li jikkonċerna l-impjegati li jaħdmu fis-settur privat.

10

Skont l-Artikolu 2(1) ta’ dan id-Digriet Irjali, il-ħaddiem għandu d-dritt li jibbenefika minn leave parentali, sabiex jieħu ħsieb it-tfal tiegħu. Huwa għandu dawn il-possibbiltajiet li ġejjin:

tiġi sospiża l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu matul perijodu ta’ tliet xhur; jew

iwettaq l-attività ta’ xoħgol tiegħu part-time taħt il-forma ta’ nofs il-ħin normali ta’ xogħol matul perijodu ta’ sitt xhur, meta huwa impjegat full-time; jew

wettaq l-attività ta’ xogħol tiegħu part-time permezz ta’ tnaqqis fil-ħin ta’ xogħol tiegħu b’waħda minn kull ħames partijiet matul perijodu ta’ ħmistax-il xaħar, meta jkun impjegat full-time.

11

Il-kuntest legali ġenerali tal-istatus ta’ interruzzjoni ta’ karriera huwa stabbilit fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu IV tal-liġi ta’ konsolidazzjoni li fiha dispożizzjonijiet soċjali tat-22 ta’ Jannar 1985 (Moniteur belge tal-24 ta’ Jannar 1985, p. 699), kif emendata (iktar ’il quddiem il-“liġi ta’ konsolidazzjoni”).

12

Il-ħaddiem li jieħu l-leave parentali fuq il-bażi tad-Digriet Irjali tad-29 ta’ Ottubru 1997 jibbenefika, skont l-Artikoli 100 u 102 tal-liġi kkonsolidata, minn benefiċċju ta’ interruzzjoni mħallas mill-Uffiċċju nazzjonali tal-Impjieg, fil-kuntest tad-Digriet Irjali tat-2 ta’ Jannar 1991 dwar l-għoti ta’ benefiċċji ta’ interruzzjoni (Moniteur belge tat-12 ta’ Jannar 1991, p. 691).

13

L-Artikolu 101 tal-liġi ta’ konsolidazzjoni jipprovdi:

“Meta l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol huwa sospiż […] jew meta l-attività ta’ xogħol titnaqqas […] min iħaddem ma jistax itemm unilateralment ir-relazzjoni ta’ xogħol, ħlief f’każ ta’ raġuni serja skont l-Artikolu 35 tal-liġi tat-3 ta’ Lulju 1978 dwar il-kuntratti ta’ xogħol [(Moniteur belge, tat-22 ta’ Awwissu 1978, p. 9277, iktar ’il quddiem il-‘liġi dwar il-kuntratti ta’ xogħol’)], jew minħabba raġuni suffiċjenti.

[…]

Din il-projbizzjoni ttemm tliet xhur wara t-tmiem tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol jew tat-tnaqqis tal-attività ta’ xogħol.

Il-persuna li tħaddem li, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu, ittemm il-kuntratt ta’ xogħol mingħajr raġuni serja jew raġuni suffiċjenti, għandha tħallas lill-ħaddiem somma fissa ugwali għar-remunerazzjoni ta’ sitt xhur, bla ħsara għal kumpens dovut lill-ħaddiem fil-każ ta’ ksur tal-kuntratt ta’ xogħol.

[…]”

14

L-Artikolu 102 tal-liġi ta’ konsolidazzjoni jistabbilixxi:

“Kumpens jingħata lill-ħaddiem li jiftiehem ma’ min iħaddmu li jnaqqas l-attività ta’ xogħol tiegħu għal 1/5, 1/4, 1/3 jew 1/2 tan-numru ta’ sigħat ta’ xogħol ta’ impjieg full-time jew li jitlob l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ta’ xogħol li jipprovdi status li jixbah jew li jirreferi għad-dispżozzjonijiet tal-Artikolu 102a.

[…]”

15

Skont l-Artikolu 103 ta’ din il-liġi:

“F’każ ta’ xojiment unilaterali tal-kuntratt ta’ xogħol minn min iħaddem, it-terminu ta’ avviż innotifikat lill-ħaddiem li jkun naqqas l-attività ta’ xogħol tiegħu […] ser jiġi kkalkolat bħallikieku ma naqqasx l-attività ta’ xogħol tiegħu. Għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-istess terminu ta’ avviż sabiex jiġi ddeterminat il-kumpens [ta’ tkeċċija] previst fl-Artikolu 39 tal-liġi [dwar il-kuntratti ta’ xogħol].”

16

Il-kwistjonijiet ta’ liġi tax-xogħol dwar il-leave parentali li mhumiex irregolati bil-liġi ta’ konsolidazzjoni, id-Digriet Irjali tad-29 ta’ Ottubru 1997 jew id-Digriet Irjali tat-2 ta’ Jannar 1991 jibqgħu irregolati bid-dritt komuni tal-kuntratti ta’ xogħol, b’mod partikolari bil-liġi dwar il-kuntratti ta’ xogħol.

17

L-Artikolu 39(1) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Jekk il-kuntratt ġie konkluż għal perijodu indeterminat, il-parti li ttemm il-kuntratt mingħajr raġuni serja jew mingħajr ma tosserva t-terminu ta’ avviż stabbilit bl-Artikoli 59, 82, 83, 84 u 115, għandha l-obbligu li tħallas lill-parti l-oħra kumpens li huwa ugwali għar-remunerazzjoni fis-seħħ li tikkorrispondi kemm għall-perijodu tat-terminu ta’ avviż, jew il-parti minn dan it-terminu li jkun għad fadal. Il-kumpens huwa madankollu dejjem ugwali għall-ammont tar-remunerazzjoni fis-seħħ li jikkorrispondi għall-perijodu tat-terminu ta’ avviż, meta l-leave jingħata minn min iħaddem u bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 38(3) ta’ din il-liġi jew tal-Artikolu 40 tal-liġi dwar l-impjieg tas-16 ta’ Marzu 1971.

Il-kumpens jinkludi mhux biss ir-remunerazzjoni fis-seħħ, iżda wkoll il-vantaġġi miksuba skont il-kuntratt.”

18

Skont l-Artikolu 82(4) tal-liġi dwar il-kuntratti ta’ xogħol, it-termini ta’ avviż għandhom jiġu kkalkolati skont l-anzjanità miksuba fil-mument meta l-avviż jibda japplika.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

19

Mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li C. Meerts kienet impjegata full-time sa mix-xahar ta’ Settembru 1992 minn Proost NV fuq il-bażi ta’ kuntratt tal-impijeg għal perijodu indeterminat. Sa mix-xahar ta’ Novembru 1996, hija bbenefikat minn forom differenti ta’ interruzzjoni ta’ karriera u, sa mit-18 ta’ Novembru 2002, ħadmet part-time fuq bażi tal-leave parentali li kellu jintemm fis-17 ta’ Mejju 2003.

20

Fit-8 ta’ Mejju 2003, C. Meerts tkeċċiet b’effett immedjat permezz ta’ ħlas ta’ kumpens għal tkeċċija ugwali għal għaxar xhur salarju, ikkalkolat fuq il-bażi tar-remunerazzjoni li hija kienet tirċievi minn dak il-mument, li ġie mnaqqas bin-nofs minħabba t-tnaqqis ekwivalenti tal-attività ta’ xogħol tagħha.

21

Hija kkontestat l-ammont ta’ dan il-kumpens ta’ tkeċċija quddiem l- l’arbeidsrechtbank van Turnhout (tribunal industrijali ta’ Turnhout), fejn talbiet il-kundanna ta’ Proost BV għall-ħlas ta’ kumpens ta’ tkeċċija kkalkolat fuq il-bażi tar-remunerazzjoni full-time li hija kienet tirċievi kieku hija ma kinitx naqqset l-attività ta’ xogħol tagħha fil-kuntest tal-leave parentali tagħha.

22

It-talba tagħha ġiet miċħuda b’deċiżjoni tat-22 ta’ Novembru 2004. Fl-appell, l-Arbeidshof te Antwerpen (qorti industrijali ta’ Anvers) ikkonfermat din id-deċiżjoni. Fl-appell tagħha, C. Meerts issostni li, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, il-qrati interpretaw il-liġi nazzjonali mingħajr kunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/34.

23

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Hof van Cassatie (Qorti ta’ Kassazzjoni) iddeċidiet li tissosspendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet tal-klawżola 2(4) sa (7) tal-ftehim qafas dwar il-leave parentali […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ tmiem [xoljiment] unilaterali ta’ kuntratt tal-impjieg mingħajr raġuni serja jew mingħajr ma jkun ġie osservat il-perijodu statutorju ta’ avviż mingħand min iħaddem, matul l-istatus ta’ tnaqqis ta’ attività ta’ xogħol, il-kumpens għal tkeċċija dovut lill-ħaddiem għandu jiġi stabbilit abbażi tar-remunerazzjoni bażika kkalkolata bħallikieku l-ħaddiem ma kienx naqqas l-attività ta’ xogħol tiegħu sabiex jibbenefika mil-leave parentali taħt din il-forma skont il-klawżola [2](3)(a) ta’ [dan] il-ftehim qafas?”

Fuq l-ammissibbiltà

24

Il-Gvern Belġjan kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej isostnu li, fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Hof van Cassatie ma tispjegax ir-raġunijiet li minħabba fihom hija tikkunsidra li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja hija meħtieġa għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, sa fejn il-qorti tar-rinviju ma tindikax fil-qasir il-motivi u l-partijiet tal-appell tar-rikorrenti fil-kassazzjoni u tillimita ruhħa sabiex tirreferi għal xi estratti mis-sentenza mogħtija fl-appell, din id-deċiżjoni ma tkunx tissodisfa r-rekwiżiti dwar l-ammissibbiltà ta’ talba għal deċiżjoni preliminari ħlief dawk li huma ppreċiżati mill-ġurisprudenza.

25

Jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fir-rigward tad-dettalji tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 59, u tal-15 ta’ Ġunju 2006, Acerda Herrera, C-466/04, Ġabra p. I-5341, punt 47).

26

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi fuq domanda preliminari meta jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni ta’ regola Komunitarja, mitulba mill-qorti nazzjonali m’għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għal din id-domanda (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Bosman, punt 61, u Acereda Herrera, punt 48, kif ukoll tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C-94/04 u C-202/04, Ġabra p. I-11421, punt 25).

27

F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tar-rinviju għandha tindika r-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti nazzjonali sabiex titlob l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju u li tqis li huwa neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan il-kuntest, huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tagħti spjegazzjonijiet minimi fuq ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet Komunitarji li tagħhom hija titlob l-interpretazzjoni u dwar ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali (ara, b’mod partikolari, id-digriet tas-7 ta’ April 1995, Grau Gomis et, C-167/94, Ġabra p. I-1023, punt 9; sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et, C-453/03, C-11/04, C-12/04 u C-194/04, Ġabra p. I-10423, punt 46; kif ukoll tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7, C-380/05, Ġabra p. I-349, punt 54).

28

Madankollu, f’dan il-każ għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha biżżejjed informazzjoni sabiex tkun tista’ tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju.

29

Fil-fatt, minn naħa, id-deċiżjoni tar-rinviju tesponi, b’mod qasir iżda preċiż, il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u l-kuntest ġuridiku nazzjonali applikabbli. Jirriżulta li din il-kawża għandha l-oriġini tagħha fix-xojiment unilaterali minn Proost NV tal-kuntratt ta’ xogħol full-time konkluż ma’ C. Meerts mingħajr ma osservat it-terminu legali ta’ avviż li matulu din tal-aħħar kienet tibbenefika minn leave parentali part-time. Din il-kawża tirrigwarda l-kumpens li huwa dovut lilha, peress li dan il-kumpens kien ġie stabbilit minn min iħaddem fuq il-bażi tar-remunerazzjoni mnaqqsa li l-persuna interessata kienet tirċievi minħabba l-fatt tal-leave parentali, u mhux fuq il-bażi tar-remunerazzjoni korrispondenti għal impjieg full-time.

30

Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tar-rinviju tesponi d-dispożizzjonijiet Komunitarji li tagħhom il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni u li tispjega r-rabta bejnhom u l-liġi nazzjonali applikabbli fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eċċezzjoni mqajma mill-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni ma tistax tiġi aċċettata, u għalhekk it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id-domanda preliminari

32

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, permezz tad-domanda magħmula, il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tal-klawżola 2(4) sa (7) tal-ftehim qafas dwar il-leave parentali fil-kuntest ta’ kawża li tirrigwarda l-kalkolu tal-kumpens ta’ tkeċċija dovut minħabba nuqqas ta’ osservanza, minn min iħaddem, tat-terminu legali ta’ avviż.

33

Jirriżulta madankollu mill-kliem ta’ din il-klawżola li, fil-punt 4 tagħha, din hija intiża sabiex tipproteġi lill-ħaddiema kontra t-tkeċċija minħbba t-talba jew it-teħid ta’ leave parentali u, fil-punt 5 tagħha, hija tirrikonoxxi lill-ħaddiem id-dritt li jirritorna għall-istess impjieg jew wieħed simili jew ekwivalenti fit-tmiem tal-leave parentali tiegħu.

34

Isegwi li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob jekk il-klawżola 2(6) u (7) tal-ftehim qafas dwar il-leave parentali għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li, f’każ ta’ xoljiment unilaterali minn min iħaddem, mingħajr raġuni serja jew mingħajr ma jossserva t-terminu legali ta’ avviż, tal-kuntratt ta’ xogħol ta’ ħaddiem impjegat għal perijodu indeterminat jew full-time filwaqt li dan tal-aħħar jibbenefika minn leave parentali part-time, il-kumpens li għandu jitħallas lil dan il-ħaddiem għandux jiġi stabbilit fuq il-bażi tar-remunerazzjoni mnaqqsa li huwa jirċievi meta sseħħ it-tkeċċija.

35

Hekk kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-preambolu tal-ftehim qafas dwar il-leave parentali u mill-punt 5 tal-Konsiderazzjonijiet Ġenerali tiegħu, dan il-ftehim qafas jikkostitwixxi impenn tal-imsieħba soċjali irrappreżentati mill-organizzazzjonijiet ta’ natura ġenerali tal-industrija, jiġifieri l-UNICE, iċ-CEEP u l-ETUC, li jistabbilixxu, permezz ta’ ħtiġijiet minimi, miżuri intiżi sabiex jippromwovu l-opportunitajiet u trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa billi joffrulhom opportunità li jaqdu flimkien ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u l-obbligi familjari tagħhom.

36

Jirriżulta wkoll mill-punt 6 tal-Konsiderazzjonijiet Ġenerali ta’ dan il-ftehim qafas li l-miżuri intiżi biex jiġu rrikonċiljati ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u l-ħajja tal-familja għandhom jinkoraġġixxu l-introduzzjoni fl-Istati Membri ta’ modi ġodda flessibbli fl-organizzazzjoni tax-xogħol u tal-ħin li jkunu iktar adatti għall-bżonnijiet li qed jinbidlu tas-soċjetà, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet kemm tal-impriża kif ukoll tal-ħaddiema.

37

Il-ftehim qafas dwar il-leave parentali għandu għanijiet fundamentali li huma mniżżla fil-Punt 16 tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema dwar it-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa, li għaliha jirreferi dan il-ftehim qafas u li hija msemmija wkoll fl-Artikolu 136 KE u għanijiet li huma marbuta mat-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ ħajja u ta’ xogħol kif ukoll mal-eżistenza ta’ protezzjoni soċjali adegwata tal-ħaddiema, f’dan il-każ dawk li talbu jew ħadu leave parentali.

38

Minn din il-pespettiva, il-klawżola 2(6) tal-ftehim qafas dwar il-leave parentali jipprovdi li d-drittijiet akkwiżiti jew fil-proċess li jkunu akkwiżiti mill-ħaddiem fid-data li fiha l-leave parentali jibda għandhom jibqgħu kif inhuma sa meta jintemm il-leave parentali.

39

Kemm mill-kliem tal-klawżola 2(6) kif ukoll mill-kuntest tagħha jirriżulta li din id-dispożizzjoni għandha bħala għan li tevita t-telf jew it-tnaqqis tad-drittijiet li jirriżultaw mir-relazzjoni ta’ xogħol, akkwiżiti jew fil-proċess li jkunu akkwiżiti, li l-ħaddiem jista’ dejjem jirreferi għalihom meta jibda jieħu leave parentali, u li tiggarantixxi li, fit-tmiem tal-imsemmi leave, il-ħaddiem jerġa’ jsib ruħu, fir-rigward ta’ dawn id-drittijiet, fl-istess sitwazzjoni li kien jinsab fiha qabel dan il-leave (ara, d’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Gómez-Limón Sánchez-Camacho, C-537/07, Ġabra p. I-6525, punt 39).

40

Żgur li, il-kunċett ta’ “drittijiet akkwiżiti jew fil-proċess li jkunu akkwiżiti” li jinsab fil-klawżola 2(6) mhuwiex iddefinit fil-ftehim qafas dwar il-leave parentali, u dan il-ftehim lanqas ma jirreferi għad-dritt tal-Istati Membri għad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett.

41

Madankollu, jirriżulta mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt komunitarju kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza, li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt komunitarju li ma tinkludi ebda riferiment speċifiku għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi stabbilit s-sens u l-portata tagħha għandhom normalment isibu, fil-Komunità kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija fid-dawl tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u l-għan imħaddan mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, Ġabra p. 107, punt 11; tad-9 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-323/03, Ġabra p. I-2161, punt 32, u tal-11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas, C-13/05, Ġabra p. I-6467, punt 40).

42

Fid-dawl tal-għan ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa segwit mill-ftehim qafas dwar il-leave parentali, kif imfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, din il-klawżola 2(6) għandha tinftiehem bħala li tesprimi prinċipju tad-dritt soċjali Komunitarju li għandu importanza partikolari u għalhekk ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2001, BECTU, C-173/99, Ġabra p. I-4881, punt 43; tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C-307/05, Ġabra p. I-7109, punt 38; tal-15 ta’ April 2008, Impact, C-268/06, Ġabra p. I-2483, punt 114, u tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff, C-350/06 u C-520/06, Ġabra p. I-179), punt 22).

43

Mill-għanijiet tal-ftehim qafas dwar il-leave parentali, imfakkra fil-punti 35 sa 37 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-kunċett ta’ “drittijiet akkwiżiti jew fil-proċess li jkunu akkwiżiti” skont il-klawżola 2(6) tal-ftehim qafas jkopri d-drittijiet u vantaġġi kollha, fi flus jew f’oġġetti, li jirriżultaw direttament jew indirettament mir-relazzjoni ta’ xogħol, li l-ħaddiem jista’ jitlob mingħand min iħaddem fid-data tal-bidu tal-leave parentali.

44

Fost tali drittijiet u vantaġġi hemm dawk dwar il-kundizzjonijiet ta’ impjieg, bħad-dritt ta’ ħaddiem full-time li jibbenefika minn leave parentali part-time għal perijodu ta’ avviż f’każ ta’ xoljiment unilaterali minn min iħaddem ta’ kuntratt għal perijodu indeterminat, fejn il-perijodu huwa skont l-anzjanità tal-ħaddiem fl-impriża u li l-għan tiegħu huwa li jiffaċilita t-tfittxija ta’ impjieg ġdid.

45

Il-klawżola 2(7) tal-ftehim qafas dwar il-leave parentali tirreferi għall-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali sabiex jiġi stabbilit l-istatus tal-kuntratt ta’ xogħol jew ir-relazzjoni tax-xogħol matul il-perijodu tal-leave parentali, inkluża l-miżura li permezz tagħha l-ħaddiem, matul dan il-perijodu, jista’ jkompli jikseb drittijiet mingħand min iħaddem. Interpretazzjoni teleoloġika u sistematika twassal sabiex jiġi kkunsidrat li din ir-referenza tapplika bla ħsara għall-punt 6 tal-istess klawżola li jistabbilixxi li “d-drittijiet akkwiżiti jew fil-proċess li jkunu akkwiżiti mill-ħaddiem fid-data li fiha l-leave parentali jibda għandhom jibqgħu kif inhuma sa meta jintemm il-leave parentali”.

46

Dawn id-drittijiet u vantaġġi kollha jitilfu kull sens jekk, fl-ipoteżi ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-perijodu legali ta’ avviż f’każ ta’ tkeċċija li sseħħ matul leave parentali part-time, ħaddiem impjegat full-time jitlef id-dritt li l-kumpens ta’ tkeċċija tiegħu jiġi stabbilit abbażi tar-remunerazzjoni relatata mal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu.

47

Hekk kif tafferma l-Avukat Ġenerali fil-punti 54 u 55 tal-konklużjonijiet tagħha, leġiżlazzjoni nazzjonali li twassal għal tnaqqis tad-drittijiet li jirriżultaw mir-relazzjoni ta’ xogħol f’każ ta’ leave parentali tkun tista’ tiddiswadi lill-ħaddiem milli jieħu tali leave u li tħeġġeġ lil min iħaddem li jkeċċi, fost il-ħaddiema, pjuttost dawk li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ leave parentali. Dan imur direttament kontra l-għan tal-ftehim qafas dwar il-leave parentali fejn wieħed mill-għanijiet tiegħu huwa li jkunu rikonċiljati aħjar il-ħajja tal-familja u dik tax-xogħol.

48

Waqt is-seduta, il-Gvern Belġjan ippreċiża li, fil-fehma tiegħu, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, fl-ipoteżi fejn ħaddiem impjegat full-time u li jibbenefika minn leave parentali full-time, li l-perijodu massimu huwa ta’ tliet xhur, jitkeċċa mingħajr avviż, il-kumpens tiegħu jiġi stabbilit fuq il-bażi tar-remunerazzjoni relatata mal-kuntratt tiegħu, filwaqt li, jekk it-tkeċċija tikkonċerna ħaddiem ukoll impjegat full-time, iżda li jibbenefika minn leave parentali part-time, fejn dan jikkorrispondi għan-nofs jew għal parti minn ħamsa tal-perijodu normali ta’ xogħol, ir-remunerazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni hija dik li huwa jirċievi matul dan il-leave, minħabba l-fatt li, matulu, il-kuntratt full-time tiegħu inbidel f’kuntratt part-time.

49

Skont dan il-gvern, din il-miżura hija ġġustifikata sa fejn ikun hemm diskriminazzjoni jekk żewġ ħaddiema impjegati full-time, wieħed li jibbenefika minn leave parentali part-time u l-ieħor li jaħdem part-time kellhom dritt, f’każ ta’ tkeċċija, li jirċievu kumpens ekwivalenti, peress li żewġ sitwazzjonijiet jiġu kkunsidrati bl-istess mod.

50

Argument bħal dan ma jistax jiġi milqugħ.

51

Huwa veru li, meta jibbenefika minn leave parentali part-time, ħaddiem impjegat fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol full-time ma jwettaqx l-istess numru ta’ sigħat ta’ xogħol bħal ħaddiem li huwa f’attività full-time. Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma tfissirx li wieħed jew l-ieħor jinsabu f’sitwazzjoni differenti fir-rigward tal-kuntratt ta’ xogħol inizjali li jorbothom ma’ min iħaddimhom.

52

Fil-fatt, skont leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik applikabbli fil-kuntest tal-kawża prinċipali, filwaqt li jibbenefika minn leave parentali part-time, il-ħaddiem impjegat full-time ikompli jikseb l-anzjanità fl-impriża, li tittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-terminu legali ta’ avviż f’każ ta’ tkeċċija, bħallikieku huwa ma kienx naqqas l-attività tiegħu.

53

Minbarra dan, l-argument tal-Gvern Belġjan ma jieħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ħaddiem full-time jirċievi, matul il-leave parentali part-time, minbarra r-remunerazzjoni relatata mal-attivitajiet ta’ xogħol li huwa jkompli jwettaq, benefiċċju fiss, imħallas mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Impjieg li suppost għandu jikkumpensa t-tnaqqis ta’ remunerazzjoni.

54

Barra minn hekk, il-perijodu li matulu ħaddiem full-time li jibbenefika minn leave parentali part-time iwettaq ix-xogħol tiegħu huwa limitat ratione temporis.

55

Fl-aħħar nett, fil-każijiet paralleli mressqa minn dan il-gvern, ix-xoljiment unilaterali minn min iħaddem jirrigwarda kuntratt ta’ xogħol full-time.

56

Minn dak li ntqal jirriżulta li l-klawżola 2(6) u (7) tal-ftehim qafas dwar il-leave parentali għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi li, f’każ ta’ xoljiment unilaterali minn min iħaddem, mingħajr raġuni serja jew mingħajr osservanza tat-terminu legali ta’ avviż, tal-kuntratt ta’ xogħol ta’ ħaddiem impjegat għal perijodu indeterminat u full-time filwaqt li dan tal-aħħar jibbenefika minn leave parentali part-time, il-kumpens li għandu jitħallas lil dan il-ħaddiem jiġi ddeterminat fuq il-bażi tar-remunerazjoni mnaqqsa li huwa jirċievi meta sseħħ it-tkeċċija.

Fuq l-ispejjeż

57

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-klawżola 2(6) u (7) tal-ftehim qafas dwar il-leave tal-ġenituri [parentali] konkluż fl-14 ta’ Diċembru 1995, li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, tat-3 ta’ Ġunju 1996 dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri [parentali] konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/75/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi li, f’każ ta’ xoljiment unilaterali minn min iħaddem, mingħajr raġuni serja jew mingħajr osservanza tat-terminu legali ta’ avviż, tal-kuntratt ta’ xogħol ta’ ħaddiem impjegat għal perijodu indeterminat u full-time filwaqt li dan tal-aħħar jibbenefika minn leave parentali part-time, il-kumpens li għandu jitħallas lil dan il-ħaddiem jiġi ddeterminat fuq il-bażi tar-remunerazjoni mnaqqsa li huwa jirċievi meta sseħħ it-tkeċċija.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.