SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

2 ta’ Lulju 2009 ( *1 )

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi — Kamp ta’ applikazzjoni — Fallimenti”

Fil-Kawża C-111/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Högsta domstolen (l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Marzu 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Marzu 2008, fil-proċedura

SCT Industri AB i likvidation

vs

Alpenblume AB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann (Relatur), President tal-Awla, A. Tizzano, A. Borg Barthet, E. Levits u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Frar 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal SCT Industri AB i likvidation, minn F. Lüning, jur. kand.,

għal Alpenblume AB, minn L.-O. Svensson, advokat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn J. López-Medel Bascones, bħala aġent,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u D. Pires, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Seeboruth, bħala aġent, assistit minn A. Henshaw, barrister,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.-M. Rouchaud-Joët u P. Dejmek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn SCT Industri AB (iktar ’il quddiem “SCT Industri”) u Alpenblume AB (iktar ’il quddiem “Alpenblume”), żewġ kumpanniji Svediżi, dwar azzjoni rivendikatorja ta’ proprjetà ta’ ishma li kienu miżmuma minn kumpannija reġistrata fl-Awstrija minn SCT Industri u li nbigħu lil Alpenblume, wara sentenza mogħtija minn qorti Awstrijaka li ddikjarat in-nullità tal-akkwist tal-imsemmija ishma minn Alpenblume.

Il-kuntest ġuridiku

3

It-tieni premessa tar-Regolament Nru 44/2001 tipprevedi:

“Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Disposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament huma essenz[j]ali.”

4

Skont is-seba’ premessa tal-imsemmi regolament, “[l]-iskop ta’ dan r-Regolament għandu jkopri il-materji prinċipali ċivili u kummerċjali apparti minn ċerti materji li jkunu ġew definiti”.

5

Il-ħmistax-il premessa tal-istess regolament tistabbilixxi:

“Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. Għandu jkun hemm mekkaniżmu ċar u effettiv sabiex jiġu riżolti każijiet ta’ lis pendens u azzjonijiet relatati u għal problemi ovvji li jirriżultaw minn differenzi nazzjonali dwar id-determinazzjoni taż-żmien meta jiġi rreġistrat każ bħala pendenti. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament dak iż-żmien għandu jiġi definit b’mod awtonomu.”

6

Id-dsatax-il premessa tar-Regolament Nru 44/2001 tistabbilixxi:

“Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussel [Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU 2009, L 147, p. 5, iktar ’il quddiem il-‘Konvenzjoni ta’ Brussell’] u dan ir-regolament, u għandhom jintalbu [jiġu stabbiliti] għal dan il-għan disposizzjonijiet transitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussel mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u tal-Protokolli tal-1971 [dwar interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, kif irrevedut u emendat (ĠU 1998, C 27, p. 28)] għandhom jibqgħu japplikaw ukoll f’każijiet diġa pendenti meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ.”

7

L-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001, huwa jestendi għall-materji ċivili u kummerċjali kollha u ma jkoprix introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.

8

L-Artikolu 1(2)(b) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

[…]

(b)

falliment, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanija falluti jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġuridiki, komposizzjoni jew proċedimenti analogi”

9

L-Artikolu 25(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191) intitolat “Għarfien [Rikonoxximent] u eżekuzzjoni ta’ sentenzi oħrajn”, jiddisponi:

“1.   Sentenzi mgħotija minn qorti li l-ġudizzju tiegħu dwar il-ftuħ ta’ proċedimenti huwa rikonoxxut skond l-Artikolu 16 u li jikkonċernaw il-kors [l-iżvolġiment] u l-egħluq ta’ proċedimenti ta’ falliment, u komposizzjonijiet approvati minn dik il-qorti għandhom ukoll ikunu rikonoxxuti mingħajr formalitajiet oħra. Sentenzi bħal dawk għandom jiġu eżegwiti skond l-Artikoli 31 sa 52 [51], bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 34(2), tal-Konvenzjoni ta’ Brussel dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f ’Materji Ċivili u Kummerċjali, kif emendata bil-Konvenzjoni tal-Adeżjoni ta’ din il-Konvenzjoni.

L-ewwel sub-paragrafu għandu wkoll japplika għal sentenzi li jirriżultaw direttament mill-proċedimenti ta’ falliment u li jkunu marbuta mill-qrib magħhom, anki jekk dawk kienu mgħotija minn qorti ieħor.

L-ewwel sub-paragrafu għandu wkoll ikun japplika għal sentenzi dwar miżuri ta’ preservazzjoni meħuda fuq talba għal ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment.

2.   L-għarfien [rikonoxximent] u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi apparti minn dawk li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1 għandhom jiġu regolati mill-Konvenzjoni msemmija fil-paragrafu 1, basta illi dik il-Konvenzjoni tkun applikabbli.”

10

Skont l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 1346/2000, “Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw biss għal proċedimenti ta’ falliment miftuħa wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. Atti magħmula minn debitur qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandhom jibqgħu jiġu rregolati bil-liġi li tapplika għalihom fiż-żmien ta’ meta saru”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11

Fl-1993, bdew proċedimenti kollettivi kontra SCT Industri mill-Malmö tingsrätt. Inħatret persuna bħala kuratur. Matul dawn il-proċedimenti, il-kuratur ċeda l-ishma, jiġifieri 47%, miżmuma minn SCT Industri fil-kapital ta’ SCT Hotelbetrieb GmbH, kumpannija rregolata mid-dritt Awstrijak, li ssuċċediet fid-drittijiet tagħha Scaniahof Ferienwohnungen GmbH (iktar ’il quddiem “Scaniahof”), lil Alpenblume għas-somma ta’ SEK 2. Din l-aħħar kumpannija ġiet irreġistrata fl-Awstrija bħal proprjetarja tal-imsemmija ishma.

12

Il-proċedimenti ta’ falliment ingħalqu fl-1997 mingħajr ma rriżulta li kien hemm bilanċ. Fid-19 ta’ Marzu 2002, il-Malmö ordnat l-istralċ ta’ SCT Industri.

13

Wara li saru proċedimenti minn SCT Industri, qorti Awstrijaka ddeċidiet li l-kuratur, maħtur fl-Isvezja, ma kellu ebda setgħa li jiddisponi mill-assi li kienu jinsabu fl-Awstrija u, għalhekk, iddeċidiet li tannulla l-akkwist tal-ishma minn Alpenblume. Għalhekk, dik il-qorti ordnat lil Scaniahof tirreġistra lil SCT Industri bħala proprjetarja tal-ishma ċeduti mill-assi tal-falliment. Alpenblume dehret fil-proċedimenti Awstrijaċi bħala intervenjenti (Nebenintervenientin). L-Oberster Gerichtshof (Awstrija) ċaħdet l-appell (“außerordentliche Revision”) tal-intervenjenti fis-17 ta’ Mejju 2004.

14

Fl-24 ta’ Awwissu 2004, Alpenblume ressqet f’qorti Svediża kawża ta’ rivendikazzjoni kontra SCT Industri, dwar l-istess ishma, fejn talbet li SCT Industri tiġi ordnata tieħu l-miżuri neċessarji kollha, taħt penali ta’ multa, sabiex Alpenblume tiġi rreġistrata bħala l-proprjetarja leġittima tal-imsemija ishma. Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Marzu 2005, il-Malmö tingsrätt, wara oppożizzjoni mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, iddeċidiet li ma kien hemm xejn li jostakola l-eżami ta’ din it-talba.

15

SCT Industri appellat minn din id-deċiżjoni, u talbet li t-talba tiġi miċħuda. Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2005, il-Hovrätten för Skåne och Blekinge ċaħdet l-appell.

16

Fl-appell ippreżentat minn SCT Industri, il-Högsta domstolen ddeċidiet, permezz ta’ digriet, li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-esklużjoni tal-fallimenti, tal-proċedimenti relatati mal-istralċ u proċedimenti simili oħra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament [Nru 44/2001], stabbilita fl-Artikolu 1(2)(b) tiegħu, għandha tiġi interpretata fis-sens li din tapplika għal deċiżjoni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru A fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà ta’ ishma f’kumpannija maħruġa minn kumpannija li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fl-Istat Membru A, liema ishma ġew ċeduti mill-kuratur tal-falliment ta’ kumpannija li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru B, f’sitwazzjoni fejn il-qorti bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq il-fatt li, fin-nuqqas ta’ konvenzjoni internazzjonali fuq ir-rikonoxximent reċiproku tal-proċedimenti ta’ falliment, l-Istat Membru A ma jirrikonoxxix is-setgħa tal-kuratur li jiddisponi minn proprjetà li tinsab fit-territorju tiegħu?”

Fuq id-domanda preliminari

17

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, dwar ir-rikonoxximent, bejn l-Istati Membri, ta’ sentenza mogħtija f’kawża ċivili li għandha rabta ma’ proċedimenti ta’ falliment li saru fi Stat Membru ieħor. B’mod iktar preċiż, din id-domanda tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk deċiżjoni li biha qorti ta’ Stat Membru ieħor tkun annullat ċessjoni ta’ ishma li saret fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ falliment, għar-raġuni li l-kuratur li kien ċeda dawn l-ishma ma kellux setgħa li jiddisponi minn ishma li jinsabu f’dak l-Istat Membru, taqax taħt l-eċċezzjoni tal-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 applikabbli għal falliment, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanija falluti jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġuridiki, komposizzjoni jew proċedimenti analogi.

18

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1346/2000 mhuwiex applikabbli għall-proċedimenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li dawn bdew qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament.

19

Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat esklużivament jekk deċiżjoni, bħal dik mogħtija fil-kawża prinċipali mill-qorti Awstrijaka, taqax taħt ir-Regolament Nru 44/2001, hekk li hija tkun vinkolanti fuq il-qorti tar-rinviju.

20

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar l-ewwel nett li, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-fallimenti u proċedimenti oħra analogi, dawn ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell kemm minħabba l-ispeċifiċità tas-suġġett ikkonċernat, li jirrikjedi regoli partikolari, kif ukoll minħabba d-differenzi kbar bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati kontraenti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Frar 1979, Gourdain, 133/78, Ġabra p. 733, punt 3, u r-rapport minn Jenard, dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell (ĠU 1979, C 59, p. 1)].

21

Fil-ġurisprudenza tagħha fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li azzjoni hija marbuta ma’ proċedimenti ta’ falliment fil-każ fejn din tirriżulta direttament mill-falliment u tkun marbuta mill-qrib mal-proċedimenti ta’ likwidazzjoni tal-assi jew ta’ amministrazzjoni mill-qorti (ara s-sentenza Gourdain, iċċitata iktar ’il fuq, punt 4). Għaldaqstant, azzjoni li jkollha karatteristiċi bħal dawn ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni.

22

Jirrużulta wkoll mill-ġurisprudenza li, sa fejn ir-Regolament Nru 44/2001 minn issa ’l quddiem, issostitwixxa, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, il-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda din il-konvenzjoni tgħodd ukoll għal dan l-imsemmi regolament, meta d-dispożizzjonijiet tiegħu u dawk tal-Konvenzjoni ta’ Brussell jistgħu jiġu kkwalifikati bħala ekwivalenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2009, Ilsinger, C-180/06, Ġabra p. I-3961, punt 41).

23

Issa, fis-sistema stabbilita mill-istess regolament, l-Artikolu 1(2)(b) ta’ dan tal-aħħar għandu l-istess pożizzjoni u jaqdi l-istess funzjoni bħall-punt 2 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma fformulati fi kliem identiċi.

24

Fid-dawl ta’ tali xebh ta’ formulazzjoni bejn dispożizzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u dispożizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, għandha tiġi żgurata, skont id-dsatax-il premessa ta’ dan tal-aħħar, il-kontinwità tal-interpretazzjoni ta’ dawn iż-żewġ atti leġiżlattivi, peress li din il-kontinwità hija wkoll il-mezz sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipju ta’ ċertezza legali li huwa wieħed mill-kunċetti fundamentali ta’ dawn l-atti (sentenza Ilsinger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

25

Fid-dawl tal-premessa, għalhekk hija l-intensità tar-rabta li hemm fis-sens tal-ġurisprudenza Gourdain, iċċitata iktar ’il fuq, bejn azzjoni ġudizzjarja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-proċedimenti ta’ falliment li hija determinati sabiex jiġi deċiż jekk l-esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 għandhiex tiġi applikata.

26

Għandu jiġi kkonstatat, issa, li fil-kawża prinċipali, din ir-rabta tidher li hija mill-qrib ħafna.

27

Fil-fatt, minn naħa, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-kwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda esklużivament il-proprjetà tal-ishma li ġew ċeduti fi proċedimenti ta’ falliment, minn kuratur abbażi ta’ dispożizzjonijiet, bħal dawk stabbiliti mil-liġi Svediża dwar proċedimenti kollettivi (Konkurslagen) Nru 672 tal-1987 (SFS 1987, Nru 672), li jidderogaw mill-prinċipji ġenerali tad-dritt ċivili u, b’mod partikolari mid-dritt tal-proprjetà. B’mod partikolari, dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu li, fil-każ ta’ falliment, id-debitur jitlef id-dritt li jiddisponi liberament mill-assi tiegħu u li l-kuratur għandu jamministra għan-nom tal-kredituri l-assi fil-falliment, fosthom l-operazzjonijiet ta’ ċessjoni neċessarji.

28

Fi kliem ieħor, iċ-ċessjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-azzjoni rivendikatorja ta’ proprjetà li kkawżat jikkostitwixxu l-konsegwenza diretta u inseparabbli tal-eżerċizzju mill-kuratur, jiġifieri individwu li fid-dritt jintervjeni biss wara l-bidu ta’ proċediment kollettiv, ta’ prerogattiva li huwa jislet speċifikatament mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jirregolaw dawn it-tip ta’ proċedimenti.

29

Dan huwa muri wkoll, b’mod partikolari, mill-fatt li, fil-kawża prinċipali, kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-assi tal-impriża suġġetti għall-proċedimenti ta’ falliment żdiedu wara l-bejgħ tal-ishma inkwistjoni mill-kuratur.

30

Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li l-motiv li fuqu l-qorti Awstrijaka, permezz tad-deċiżjoni li r-rikonoxximent tagħha intalbet quddiem il-qorti tar-rinviju, iddeċidiet in-nullità taċ-ċessjoni tal-ishma inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jirrelata preċiżament u unikament mal-estensjoni tas-setgħat tal-imsemmi kuratur fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ falliment u, b’mod partikolari, mal-possibbiltà tiegħu li jiddisponi minn assi li jinsabu fl-Awstrija. Għalhekk, il-kontenut u l-portata ta’ din id-deċiżjoni huma marbuta intimament mal-iżvolġiment tal-proċedimenti ta’ falliment. Din ir-rabta mhijiex imdgħajfa mill-fatt li f’din il-kawża, l-imsemmi proċedimenti kienu ngħalqu meta ġiet ippreżentata l-azzjoni rivendikatorja ta’ proprjetà quddiem il-qrati Awstrijaċi.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li azzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżulta direttament minn proċedimenti ta’ falliment, u hija marbuta strettament magħhom, hekk li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001.

32

Fid-dawl tas-sitwazzjoni ġuridika speċifika inkwistjoni fil-kawża prinċipali u kkunsidrata r-rabta mill-qrib li hemm bejn l-azzjoni pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju u l-proċedimenti ta’ falliment, il-prinċipji stabbiliti fit-tieni, fis-seba’ u fil-ħmistax-il premessa tar-Regolament Nru 44/2001 ma jaffettwawx din l-evalwazzjoni.

33

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tapplika għal deċiżjoni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru A dwar ir-reġistrazzjoni ta’ proprjetà ta’ ishma f’kumpannija li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fl-Istat Membru A, li biha ċ-ċessjoni tal-imsemmija ishma għandha tiġi kkunsidrata nulla peress li l-qorti tal-Istat Membru A ma tirrikonoxxix is-setgħat ta’ kuratur ta’ Stat Membru B fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ falliment applikati u magħluqa fl-Istat Membru B.

Fuq l-ispejjeż

34

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tapplika għal deċiżjoni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru A dwar ir-reġistrazzjoni ta’ proprjetà ta’ ishma f’kumpannija li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fl-Istat Membru A, li biha ċ-ċessjoni tal-imsemmija ishma għandha tiġi kkunsidrata nulla peress li l-qorti tal-Istat Membru A ma tirrikonoxxix is-setgħat ta’ kuratur ta’ Stat Membru B fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ falliment applikati u magħluqa fl-Istat Membru B.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.