Kawża C-46/08

Carmen Media Group Ltd

vs

Land Schleswig-Holstein

u

Innenminister des Landes Schleswig-Holstein

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa

mis-Schleswig-Holsteinisches Verwaltungsgericht)

“Artikolu 49 KE — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Detentur ta’ liċenzja maħruġa f’Ġibiltà li tawtorizza l-ġbir ta’ mħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi esklużivament barra l-pajjiż — Organizzazzjoni ta’ mħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi li fil-livell ta’ Land huma suġġetti għal monopolju tal-Istat — Għan ta’ prevenzjoni mill-inkoraġġiment għal infiq eċċessiv relatat mal-logħob u ta’ ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob — Proporzjonalità — Miżura restrittiva li għandha realment tkun intiża li tnaqqas l-okkażjonijiet ta’ logħob u li tillimita l-attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard b’mod koerenti u sistematiku — Logħob tal-ażżard ieħor li jista’ jiġi propost minn operaturi privati — Proċedura ta’ awtorizzazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-awtorità kompetenti — Projbizzjoni ta’ offerta ta’ logħob tal-ażżard bl-internet — Miżuri tranżitorji li jawtorizzaw provviżorjament tali offerta minn ċerti operaturi”

Sommarju tas-sentenza

1.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Dispożizzjonijiet tat-Trattat — Kamp ta’ applikazzjoni — Logħob tal-ażżard

(Artikolu 49 KE)

2.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Logħob tal-ażżard

(Artikolu 49 KE)

3.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Logħob tal-ażżard

(Artikolu 49 KE)

4.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Logħob tal-ażżard

(Artikolu 49 KE)

1.        L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li operatur li jixtieq jipproponi bl-internet imħatri fuq kompetizzjonijiet sportivi fi Stat Membru li ma huwiex dak li huwa stabbilit fih ma jieqafx li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni għar-raġuni biss li l-imsemmi operatur ma għandux awtorizzazzjoni li tippermettilu jipproponi tali mħatri lil persuni li jinsabu fuq it-territorju tal-Istat Membru li fih huwa stabbilit, iżda għandu biss għad-dispożizzjoni tiegħu awtorizzazzjoni li jipproponi dawn is-servizzi lil persuni li jinsabu barra mill-imsemmi territorju.

Fil-fatt, id-dritt, għal operatur ekonomiku stabbilit fi Stat Membru, li jipprovdi servizzi fi Stat Membru ieħor, stabbilit fl-Artikolu 49 KE, ma huwiex suġġett għall-kundizzjoni li l-imsemmi operatur jipprovdi wkoll tali servizzi fl-Istat Membru li fih huwa stabbilit. F’dan ir-rigward, din id‑dispożizzjoni teżiġi biss li l-fornitur ikun stabbilit fi Stat Membru ieħor li ma huwiex dak tad-destinatarju.

(ara l-punti 43, 52 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta ġie stabbilit monopolju pubbliku reġjonali fir-rigward ta’ mħatri fuq il‑kompetizzjonijiet sportivi u ta’ lotteriji li għandu l-għan ta’ prevenzjoni mill-inkoraġġiment għal infiq eċċessiv relatat mal-logħob u tal-ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob, u li qorti nazzjonali tikkonstata, fl-istess ħin:

– li tipi oħra ta’ logħob tal-ażżard jistgħu jiġu sfruttati minn operaturi privati li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni, u

– li, fid-dawl ta’ tipi oħra ta’ logħob li ma jaqax taħt l-imsemmi monopolju u li jippreżenta barra minn dan potenzjal ta’ riskju ta’ vizzju ogħla mil‑logħob suġġett għal dan il-monopolju, l-awtoritajiet kompetenti jħaddnu politika ta’ espansjoni tal-offerta ta’ natura li tiżviluppa u tistimola l-attivitajiet ta’ logħob, b’mod partikolari bl-għan li jiġi mmassimizzat id‑dħul li ġej minn dawn tal-aħħar;

din il-qorti nazzjonali tista’ leġittimament tikkunsidra li tali monopolju ma huwiex adattat sabiex jiggarantixxi t-twettiq tal-għan li għalih huwa ġie stabbilit billi jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-okkażjonijiet tal-logħob u għal-limitazzjoni tal-attivitajiet f’dan il-qasam b’mod koerenti u sistematiku.

Il-fatt li l-logħob tal-ażżard li huwa s-suġġett tal-imsemmi monopolju jaqa’ taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet reġjonali, filwaqt li dawk it-tipi ta’ logħob ieħor jaqgħu taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet federali, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, dawn l-awtoritajiet differenti jibqgħu mistennija jaqdu d-dmir tal-Istat Membru li ma tiksirx l-Artikolu 49 KE.

(ara l-punti 70, 71 u d-dispożittiv 2)

3.        L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta fi Stat Membru hemm stabbilita sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva preliminari fir‑rigward tal-offerta ta’ ċerti tipi ta’ logħob tal-ażżard, tali sistema, li teżenta mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi garantita mill-imsemmija dispożizzjoni, tista’ tissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw minn din tal-aħħar biss meta tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u magħrufa minn qabel, b’mod li jiġi limitat l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex din ma tintużax arbitrarjament. Barra minn hekk, kull persuna milquta minn miżura restrittiva bbażata fuq tali deroga għandha jkollha rimedji effettivi ta’ natura ġudizzjarja.

Fil-fatt, kull Stat Membru għandu jevalwa jekk, fil-kuntest tal-għanijiet leġittimi li huwa għandu, huwiex neċessarju li jiġu pprojbiti totalment jew parzjalment l-attivitajiet li jirriżultaw mill-qasam tal-logħob tal-ażżard, jew biss li jiġu ristretti u li jiġu previsti għal dan il-għan modalitajiet ta’ kontroll ftit jew wisq stretti. Jirriżulta, li jekk Stat Membru għandu għan li jnaqqas l-okkażjonijiet ta’ logħob, huwa permess, bħala regola, li jistabbilixxi sistema ta’ awtorizzazzjoni u li jipprevedi għal dan il-għan restrizzjonijiet fir-rigward tan-numru ta’ operaturi awtorizzati. Madankollu, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri bl-għan li jirrestrinġu l-offerta ta’ logħob tal-ażżard ma teżentahomx milli jiżguraw li r-restrizzjonijiet li huma jistabbilixxu jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fir‑rigward tal-proporzjonalità tagħhom. Madankollu, meta tiġi stabbilita, fi Stat Membru, sistema ta’ awtorizzazzjoni li għandha għanijiet leġittimi rikonoxxuti mill-ġurisprudenza, sistema simili ta’ awtorizzazzjoni ma tistax tiġġustifika aġir diskrezzjonali min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, ta’ natura li jċaħħad id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet relatati ma’ libertà fundamentali bħal dik iggarantita mill-Artikolu 49 KE.

(ara l-punti 83-86, 90 u d-dispożittiv 3)

4.        L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li regoli nazzjonali li jipprojbixxu l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni ta’ logħob tal-ażżard pubbliku fuq l-internet għall-finijiet ta’ prevenzjoni minn infiq eċċessiv relatat mal-logħob, ta’ ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob u ta’ protezzjoni taż-żgħażagħ jistgħu, bħala regola, jitqiesu bħala adegwati sabiex jintlaħqu tali għanijiet leġittimi, anki jekk l-offerta ta’ tali logħob tibqa’ awtorizzata minn kanali iktar tradizzjonali. Fil-fatt, il-karatteristiċi speċifiċi għall‑offerta ta’ logħob tal-ażżard fuq l-internet jistgħu, bl-istess mod, ikunu sors ta’ riskji ta’ natura differenti u ta’ portata ikbar rigward il‑protezzjoni tal-konsumaturi, u b’mod partikolari ta’ żgħażagħ u ta’ persuni li għandhom tendenza partikolari għal-logħob jew jistgħu jiżviluppaw tali tendenza, f’relazzjoni mas-swieq tradizzjonali ta’ tali logħob. Barra min‑nuqqas ta’ kuntatt dirett bejn il-konsumatur u l-operatur, il-faċilità għal kollox partikolari u l-permanenza tal-aċċess għal-logħob propost fuq l-internet kif ukoll il-volum u l-frekwenza potenzjalment għoljin ta’ tali offerta ta’ natura internazzjonali, f’ambjent li huwa barra minn dan ikkaratterizzat minn iżolament tal-lagħab, anonimat u assenza ta’ kontroll soċjali, jikkostitwixxu daqstant fatturi ta’ natura li jiffavorixxu żvilupp tal-vizzju għal-logħob u tal-infiq eċċessiv relatat ma’ dan tal-aħħar kif ukoll, għaldaqstant, iżidu l-konsegwenzi soċjali u morali negattivi relatati.

Il-fatt li tali projbizzjoni hija akkumpanjata minn miżura tranżitorja li hija strettament limitata għal sena u li biss tippermetti lil ċerti operaturi ekonomiċi, li legalment ipproponew sa issa lotteriji fuq l-internet li jwettqu konverżjoni tal-attività tagħhom wara d-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni li tolqot l-attività inizjali tagħhom, ma hijiex ta’ natura li ċċaħħad l‑imsemmija projbizzjoni minn din l-adegwatezza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx fil-fatt li tali miżura hija ta’ natura li taffettwa l-koerenza tal‑miżura ta’ projbizzjoni ta’ offerta ta’ logħob tal-ażżard fuq l-internet u l‑adegwatezza tagħha li tilħaq l-għanijiet leġittimi li hija għandha.

(ara l-punti 103, 108, 110, 111 u d-dispożittiv 4)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

8 ta’ Settembru 2010 (*)

“Artikolu 49 KE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Detentur ta’ liċenzja maħruġa f’Ġibiltà li tawtorizza l-ġbir ta’ mħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi esklużivament barra l-pajjiż – Organizzazzjoni ta’ mħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi li fil-livell ta’ Land huma suġġetti għal monopolju tal-Istat – Għan ta’ prevenzjoni mill-inkoraġġiment għal infiq eċċessiv relatat mal-logħob u ta’ ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob – Proporzjonalità – Miżura restrittiva li għandha realment tkun intiża li tnaqqas l-okkażjonijiet ta’ logħob u li tillimita l-attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard b’mod koerenti u sistematiku – Logħob tal-ażżard ieħor li jista’ jiġi propost minn operaturi privati – Proċedura ta’ awtorizzazzjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-awtorità kompetenti – Projbizzjoni ta’ offerta ta’ logħob tal-ażżard bl-internet – Miżuri tranżitorji li jawtorizzaw provviżorjament tali offerta minn ċerti operaturi”

Fil-Kawża C‑46/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa minn Schleswig‑Holsteinisches Verwaltungsgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Frar 2008, fil-proċedura

Carmen Media Group Ltd

vs

Land Schleswig-Holstein,

Innenminister des Landes Schleswig-Holstein,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot u P. Lindh, Presidenti tal-Awla, K. Schiemann (Relatur), A. Borg Barthet, M. Ilešič, J. Malenovský, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh, u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Diċembru 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Carmen Media Group Ltd, minn W. Hambach, M. Hettich u S. Münstermann, Rechtsanwälte, kif ukoll minn C. Koenig, professur,

–        għal Land Schleswig‑Holstein u l-Innenminister des Landes Schleswig‑Holstein, minn L.‑E. Liedke u D. Kock, bħala aġenti, assistiti minn M. Hecker u M. Ruttig, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, J. Möller u B. Klein, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, bħala aġent, assistita minn P. Vlaemminck u A. Hubert, advocaten,

–        għall-Gvern Grieg, minn A. Samoni‑Rantou, M. Tassopoulou u O. Patsopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn F. Díez Moreno, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. de Grave, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Norveġiż, minn K. Moen, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Traversa, P. Dejmek u H. Krämer, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Marzu 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 KE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Carmen Media Group Ltd (iktar ’il quddiem “Carmen Media”) u l-Land Schleswig-Holstein u l-Innenminister des Landes Schleswig-Holstein dwar ir-rifjut minn dawn tal-aħħar għal talba ta’ Carmen Media sabiex tikseb id-dritt li toffri mħatri fuq kompetizzjonijiet sportivi bl-internet fl-imsemmi Land.

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

 Il-liġi federali

3        L-Artikolu 284 tal-Kodiċi Penali (Strafgesetzbuch) jipprovdi:

“(1)      Kull persuna li, mingħajr awtorizzazzjoni amministrattiva, torganizza xi logħob tal-ażżard għall-pubbliku jew tipprovdi l-istruttura meħtieġa għal dan il-għan għandha teħel piena ta’ ħabs ta’ mhux iktar minn sentejn jew multa.

[...]

(3)      Kull persuna li taġixxi fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1

1.      b’mod professjonali [...]

[...]

tista’ teħel piena ta’ ħabs ta’ bejn tliet xhur u ħames snin.

[...]”

4        Ħlief fir-rigward tal-imħatri relatati ma’ kompetizzjonijiet taż-żwiemel uffiċjali, li jaqgħu taħt b’mod partikolari l-liġi dwar l-imħatri fuq it-tiġrijiet u dwar il-lotteriji (Rennwett- und Lotteriegesetz, iktar ’il quddiem ir-“RWLG”), u l-istallazzjoni kif ukoll l-operat ta’ tagħmir ta’ logħob bil-possibbiltà ta’ rebħ fi stabbilimenti oħra barra mill-każinòs (postijiet ta’ divertiment, cafés, ristoranti, postijiet għal akkomodazzjoni), li jaqgħu taħt b’mod partikolari l-kodiċi dwar l-eżerċizzju ta’ professjonijiet artiġġjanali, kummerċjali u industrijali (Gewerbeordnung) u r-regolament dwar il-magni tal-logħob u logħob ieħor bil-possibbiltà ta’ rebħ (Verordnung über Spielgeräte und andere Spiele mit Gewinnmöglichkeit), l-iffissar tal-kundizzjonijiet li fihom l-awtorizzazzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 284(1) tal-Kodiċi Penali jistgħu jingħataw fir-rigward ta’ logħob tal-ażżard sar abbażi tad-diversi Länder.

5        L-Artikolu 1(1) tar-RWLG jipprovdi:

“L-assoċjazzjoni li trid topera impriża tal-imħatri reċiproċi inkonnessjoni ma’ tiġrijiet pubbliċi taż-żwiemel jew ma’ tiġrijiet pubbliċi oħrajn relatati maż-żwiemel għandha tkun kisbet l-awtorizzazzjoni għalihom mingħand l-awtoritajiet kompetenti skont id-dritt tal-Land.”

6        L-Artikolu 2(1) tar-RWLG jipprovdi:

“Min, għal finijiet kummerċjali, irid jikkonkludi mħatri fuq tiġrijiet pubbliċi taż-żwiemel jew irid jisserva b’intermedjarju għal tali imħatri (bookmakers) għandu jkun kiseb l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti skont id-dritt tal-Land biex jagħmel dan”.

 Il-GlüStV

7        Bit-Trattat tal-Istat dwar il-lotteriji fil-Ġermanja (Staatsvertrag zum Lotteriewesen in Deutschland, iktar ’il quddiem il-“LottStV”), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2004, il-Länder ħolqu qafas uniformi għall-organizzazzjoni, l-operat u t-tqegħid għall-kummerċ ta’ logħob tal-ażżard bl-eċċezzjoni tal-każinòs.

8        F’sentenza tat-28 ta’ Marzu 2006, il-Bundesverfassungsgericht iddeċidiet, dwar il-leġiżlazzjoni li tiżgura t-traspożizzjoni tal-LottStV fil-Land Bayern, li l-monopolju pubbliku rigward imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi li jeżistu fl-imsemmija Land kiser l-Artikolu 12(1) tal-Liġi Fundamentali li jiżgura l-libertà professjonali. L-imsemmija qorti qieset b’mod partikolari li, sa fejn dan eskluda l-attività ta’ organizzazzjoni ta’ mħatri privati mingħajr madankollu ma kien akkumpanjat minn qafas regolamentari li huwa adattat sabiex jiżgura strutturalment u sostanzjalment, kemm fid-dritt u kif ukoll fil-fatt, li l-għanijiet ta’ tnaqqis tal-passjoni għal-logħob u ta’ ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob ikunu effettivament imħaddna, l-imsemmi monopolju ħoloq preġudizzju sproporzjonat għal-libertà professjonali sa issa ggarantita.

9        Kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, it-Trattat tal-Istat dwar il-logħob tal-ażżard (Glücksspielstaatsvertrag, iktar ’il quddiem il-“GlüStV”), konkluż bejn il-Länder u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008, jistabbilixxi qafas uniformi ġdid għall-organizzazzjoni, l-operat u l-intermedjazzjoni tal-logħob tal-ażżard intiż sabiex jissodisfa l-kundizzjonijiet imposti mill-Bundesverfassungsgericht fl-imsemmija sentenza tat-28 ta’ Marzu 2006.

10      Barra minn dan, il-qorti tar-rinviju tispjega li jirriżulta b’mod partikolari mir-rapport ta’ spjegazzjoni dwar il-proġett ta’ GlüStV (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ spjegazzjoni”) li dan tal-aħħar għandu bħala għan primordjali l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vizzju għal-logħob tal-ażżard. Skont ir-rapport ta’ spjegazzjoni, studju tax-xahar ta’ April 2006, imwettaq, fuq it-talba tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, mill-istitut Svizzeru tad-dritt komparattiv u li jirrigwarda s-suq tal-logħob tal-ażżard fl-Unjoni Ewropea, juri ċarament l-effikaċità li tista’, minn din il-perspettiva, tirriżulta minn leġiżlazzjoni u kanalizzazzjoni stretti tal-attivitajiet ikkonċernati.

11      Rigward is-settur speċifiku tal-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi, ir-rapport ta’ spjegazzjoni jindika li, anki jekk, għall-parti l-kbira tal-lagħaba, tali mħatri jistgħu jkollhom biss natura ta’ rilassament u ta’ divertiment, jibqa’ l-fatt li, f’każ ta’ estenzjoni sinjifikattiva tal-offerta ta’ dawn l-imħatri, huwa wisq probabbli li l-potenzjal ta’ dipendenza li jista’ jiġi ġġenerat minn dawn tal-aħħar isir sinjifikattiv, kif huwa permess jinħaseb mill-elementi kkontenuti fl-istudji xjentifiċi u fir-rapporti ta’ esperti disponibbbli. B’hekk ikun hemm lok li jiġu adottati miżuri ta’ prevenzjoni minn tali dipendenza bl-impożizzjoni ta’ limiti għall-organizzazzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-operat ta’ tali logħob tal-ażżard. Il-kanalizzazzjoni u l-limitazzjoni tas-suq tal-imsemmija logħob mill-GlüStV għandhom, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari jinkisbu permezz ta’ żamma tal-monopolju eżistenti fir-rigward ta’ organizzazzjoni ta’ mħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi u ta’ lotteriji li jippreżentaw potenzjal ta’ riskji partikolari.

12      Skont l-Artikolu 1 tal-GlüStV, l-għanijiet ta’ dan tal-aħħar huma s-segwenti:

“1.       tkun ipprevenuta d-dipendenza mil-logħob tal-ażżard u mill-imħatri u jinħolqu l-kundizzjonijiet biex ikun hemm ġlieda effettiva kontra d-dipendenza,

2.      tkun limitata l-offerta tal-logħob tal-ażżard u l-istint tal-logħob tal-popolazzjoni jkun dirett b’mod organizzat u kkontrollat, biex ma jitħalliex li n-nies jersqu lejn logħob tal-ażżard mhux awtorizzat,

3.      tkun iggarantita l-protezzjoni tal-minuri u tal-lagħaba,

4.      ikunu żgurati l-iżvolġiment tajjeb tal-logħob tal-ażżard, il-protezzjoni tal-lagħaba mill-manuvri frawdolenti u tkun ipprevenuta l-kriminalità marbuta ma’ u li tirriżulta mil-logħob tal-ażżard.”

13      L-Artikolu 2 tal-GlüStV jippreċiża li, fir-rigward tal- każinòs, biss l-Artikoli 1, 3 sa 8, 20 u 23 huma applikabbli.

14      L-Artikolu 4 tal-GlüStV jipprovdi:

“1.      L-organizzazzjoni jew l-intermedjazzjoni tal-logħob tal-ażżard pubbliku tista’ ssir biss bl-awtorizzazzjoni tal-awtorità kompetenti tal-Land rispettiv. Kull organizzazzjoni u kull intermedjazzjoni ta’ tali logħob huma pprojbiti mingħajr din l-awtorizzazzjoni (logħob tal-ażżard illegali).

2.      Din l-awtorizzazzjoni għandha tiġi miċħuda jekk l-organizzazzjoni jew l-intermedjazzjoni tal-logħob tal-ażżard hija kuntrarja għall-għanijiet tal-Artikolu (1). L-awtorizzazzjoni ma għandhix tingħata għall-intermedjazzjoni ta’ logħob tal-ażżard illegali skont dan it-Trattat tal-Istat. Ma jeżisti ebda dritt awtomatiku għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni.

[...]

4.      L-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni ta’ logħob tal-ażżard pubbliku fuq l-internet huma pprojbiti.”

15      L-Artikolu 10 tal-GlüStV jipprovdi:

“1.      Sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1, il-Länder għandhom l-obbligu leġiżlattiv li jiggarantixxu offerta ta’ logħob tal-ażżard suffiċjenti. Dawn huma assisti minn kumitat tekniku kompost minn esperti speċjalizzati fil-ġlieda kontra d-dipendenza għal-logħob tal-ażżard.

2.      Bis-saħħa tal-liġi, il-Länder jistgħu jassumu dan il-kompitu kemm huma stess, kif ukoll permezz ta’ persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku jew ta’ kumpanniji rregolati mid-dritt privat fejn persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku għandhom sehem dirett jew indirett determinanti.

[...]

5.      Persuni oħra barra minn dawk iċċitati fil-paragrafu 2 huma awtorizzati sabiex jorganizzaw biss lotteriji u logħob konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Tielet Taqsima.”

16      It-Tielet Taqsima tal-GlüStV tirrigwarda l-lotteriji li jippreżentaw potenzjal żgħir ta’ perikolu, li jistgħu jiġu awtorizzati f’kundizzjonijiet restrittivi ħafna u esklużivament lil organizzaturi li għandhom għanijiet ta’ interess ġenerali jew ta’ karità.

17      L-Artikolu 25(6) tal-GlüStV jipprovdi:

“Il-Länder jistgħu, f’terminu massimu ta’ sena wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat tal-Istat, b’deroga mill-Artikolu 4(4) jippermettu l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni ta’ lotteriji fuq l-internet meta ma hemmx għalfejn jiġu rrifjutati skont l-Artikolu 4(2) u meta l-kundizzjonijiet segwenti huma sodisfatti:

–        jkunu esklużi l-minuri jew l-lagħaba projbiti billi jiġu ggarantiti miżuri ta’ identifikazzjoni u ta’ awtentikazzjoni, filwaqt li jiġu osservati l-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni għall-protezzjoni tal-minuri bħala grupp magħluq ta’ utenti tal-mezzi tax-xandir;

–        jiġu limitati l-imħatri, kif stabbilit fl-awtorizzazzjoni, għal EUR 1000 kull xahar u tiġi garantita l-projbizzjoni ta’ kreditu;

–        jiġu pprojbiti inkoraġġimenti partikolari għad-dipendenza għal tlugħ mgħaġġel u l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni interattiva b’pubblikazzjoni tar-riżultati li jirriflettu dak li jkun għaddej f’dak il-mument; fir-rigward tal-lotteriji, tiġi stabbilita limitazzjoni ta’ żewġ tlugħ rebbieħa kull ġimgħa;

–        lokalizzazzjoni permezz tal-metodi l-iktar moderni, biex jiġi ggarantit li biss il-persuni li jinsabu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni jistgħu jipparteċipaw;

–        jiġi stabbilit u implementat programm ta’ miżuri soċjali adattat għall-kundizzjonijiet speċifiċi tal-internet, li l-effikaċità tiegħu tkun evalwata xjentifikament.”

18      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, skont ir-rapport ta’ spjegazzjoni, id-dispożizzjoni tranżitorja kkontenuta fl-Artikolu 25(6) tal-GlüStV għandha l-għan li toffri kumpens bħala ekwita għal żewġ operaturi tal-logħob kummerċjali li joperaw kważi biss fuq l-internet u jimpjegaw rispettivament 140 u 151 persuni, filwaqt li ttihom żmien biżżejjed biex jikkonformaw l-attività tagħhom mal-kanali ta’ distribuzzjoni awtorizzati mill-GlüStV.

 Il-leġiżlazzjoni tal-Land Schleswig‑Holstein

19      Il-GlüStV ġiet trasposta mil-Land Schleswig Holstein bil-liġi ta’ applikazzjoni tat-Trattat tal-Istat fuq il-logħob tal-ażżard fil-Ġermanja (Gesetz zur Ausführung des Staatsvertrages zum Glücksspielwesen in Deutschland), tat-13 ta’ Settembru 2007 (GVOBl. 2007, p. 524, iktar ’il quddiem il-“GlüStV AG”).

20      L-Artikolu 4 tal-GlüStV AG jipprovdi:

“1.      Sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-GlüStV, il-Land Schleswig‑Holstein tieħu ħsieb il-kontroll [tal-logħob] tal-ażżard kif ukoll il-garanzija ta’ offerta ta’ logħob tal-ażżard suffiċjenti u tar-riċerka xjentifika, sabiex tevita’ u tipprevjeni l-perikoli ta’ dipendenza marbuta mal-logħob tal-ażżard.

2.      B’mod konformi mal-Artikolu 10(1) tal-GlüStV, il-Land Schleswig‑Holstein tissodisfa din il-funzjoni permezz ta’ NordwestLotto Schleswig-Holstein GmbH & Co. KG. (NordwestLotto Schleswig-Holstein), li l-azzjonijiet tagħha huma, direttament jew indirettament, interament jew prinċipalment, ikkontrollati mil-Land. [...]

3.      NordwestLotto Schleswig‑Holstein tista’ torganizza lotteriji bi tlugħ, scratch cards u mħatri sportivi kif ukoll lotteriji u logħob addizzjonali f’dan ir-rigward.

[...]”

21      L-Artikolu 5(1) tal-GlüStV AG jipprovdi:

“L-awtorizzazzjoni abbażi tal-Artikolu 4(1) tal-GlüStV għal-logħob tal-ażżard li ma humiex lotteriji li għandhom potenzjal żgħir ta’ perikolosità (Artikolu 6) tippreżumi

(1)      l-assenza ta’ motivi ta’ rifjut previsti fl-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 4(2) tal-GlüStV,

(2)      l-osservanza

(a)      tar-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni tal-minuri skont l-Artikolu 4(3) tal- GlüStV,

(b)      tal-projbizzjoni tal-internet imniżżla fl-Artikolu 4(4) tal-GlüStV,

(c)      tar-restrizzjonijiet fir-rigward ta’ reklamar imniżżlin fl-Artikolu 5 tal-GlüStV,

(d)      tar-rekwiżiti fir-rigward ta’ programm ta’ miżuri soċjali mniżżla fl-Artikolu 6 tal-GlüStV, u

(e)      tar-rekwiżiti fir-rigward ta’ spjegazzjonijiet dwar ir-riskji ta’ dipendenza skont l-Artikolu 7 tal-GlüStV,

(3)      l-affidabbiltà tal-organizzattriċi jew tal-organizzatur, jew tal-intermedjarju, li għandhom, b’mod partikolari, jiggarantixxu li l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni jitwettqu b’mod regolari u li faċilment jistgħu jiġu vverifikati mill-parteċipanti fil-logħob u l-awtoritajiet kompetenti,

(4)      il-parteċipazzjoni, konformi mal-Artikolu 9(5) tal-GlüStV, tal-kumitat tekniku fl-introduzzjoni ta’ offerti ġodda ta’ logħob tal-ażżard, mezzi ġodda ta’ diffużjoni jew fl-estenżjoni kunsiderabbli ta’ mezzi ta’ diffużjoni eżistenti u l-garanzija ta’ tħejjija ta’ rapport dwar ir-riperkussjonijiet soċjali tal-offerta l-ġdida jew tal-offerta estiża,

(5)      il-garanzija tal-parteċipazzjoni tal-organizzaturi fis-sens tal-Artikolu 10(2) tal-GlüStV fis-sistema miftiehma ta’ interdizzjoni ta’ wħud mil-lagħaba konformi mal-Artikoli 8 u 23 tal-GlüStV,

(6)      il-garanzija tal-esklużjoni ta’ lagħaba projbiti mil-logħob konformi mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(3) u mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 22(2) tal-GlüStV, u

(7)      l-osservanza tar-rekwiżiti tal-Artikolu  19 tal-GlüStV mill-intermedjarji ta’ logħob kummerċjali.

Jekk il-kundizzjonijiet tal-ewwel sentenza huma sodisfatti, għandha tingħata l-awtorizzazzjoni.”

22      L-Artikolu 9 tal-GlüStV AG jipprovdi:

“B’deroga mill-Artikolu 4(4) tal-GlüStV, fil-każ ta’ lotteriji, l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni fuq l-internet jistgħu jiġu awtorizzati sal-31 ta’ Diċembru 2008 jekk l-osservanza tal-kundizzjonijiet msemmija fl-Artikolu 25(6) tal-GlüStV hija ggarantita. [...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

23      Carmen Media hija stabbilita fil-Ġibiltà, fejn kisbet liċenzja li tawtorizzaha tikkummerċjalizza mħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi. Għal raġunijiet fiskali, l-imsemmija liċenzja hija madankollu limitata għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ tali mħatri barra mill-Ġibiltà (“offshore bookmaking”).

24      Billi xtaqet toffri tali mħatri fuq l-internet fil-Ġermanja, Carmen Media, matul ix-xahar ta’ Frar 2006, talbet mingħand il-Land Schleswig Holstein il-konstatazzjoni tan-natura legali ta’ din l-attività fid-dawl tal-liċenzja li hija detentriċi tagħha fil-Ġibiltà. Sussidjarjament, hija talbet l-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ attività jew, fin-nuqqas ta’ dan, li din l-attività tiġi permessa sakemm tinbeda proċedura ta’ awtorizzazzjoni għall-fornituri privati li tkun konformi mad-dritt Komunitarju.

25      Billi dawn it-talbiet ġew miċħuda fid-29 ta’ Mejju 2006, Carmen Media ppreżentat rikors quddiem il-Schleswig-Holsteinisches Verwaltungsgericht (qorti amministrattiva ta’ Schleswig Holstein) fit-30 ta’ Ġunju 2006. Insostenn tal-imsemmi rikors, hija ssostni b’mod partikolari li l-monopolju pubbliku fir-rigward ta’ mħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi fis-seħħ fil-Land Schleswig-Holstein jikser l-Artikolu 49 KE. Fil-fatt, kuntrarjament għar-rekwiżiti imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et (C‑243/01, Ġabra p. I‑13031), il-konfigurazzjoni ġuridika u prattika tal-monopolju pubbliku fir-rigward ta’ mħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi u lotteriji kif din tirriżulta mil-LottStV ma tippermettix li tiġi żgurata ġlieda koerenti u sistematika kontra l-vizzju tal-logħob. Skont Carmen Media, forom oħra ta’ logħob u ta’ mħatri, bħas-slot machines, l-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel jew il-logħob propost mill-istabbilimenti tal-logħob, ma humiex is-suġġett ta’ tali monopolju pubbliku u barra minn hekk, ġew żviluppati b’mod iktar estensiv, anki jekk tali logħob u mħatri ġġeneraw riskju ta’ vizzju iktar għoli minn dak li jippreżentaw l-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi u l-lotteriji. Matul l-istanza, Carmen Media ssostni li tali inkoerenzi jippersistu wara d-dħul fis-seħħ tal-GlüStV u tal-GlüStV AG.

26      Il-Land Schleswig-Holstein issostni min-naħa tagħha li l-fatt li l-liċenzja miżmuma minn Carmen Media hija limitata għall-“offshore bookmaking” tipprekludi lil din tal-aħħar milli tipprevali ruħha mid-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fin-nuqqas tal-imsemmi operatur li jipprovdi legalment tali servizzi fl-Istat Membru li fih huwa stabbilit. Din il-Land issostni wkoll li d-dritt Komunitarju ma jinkludix ir-rekwiżit ta’ koerenza globali bejn il-leġiżlazzjonijiet kollha fir-rigward ta’ logħob tal-ażżard. Id-diversi setturi ta’ logħob ma humiex fil-fatt komparabbli u eventwali nuqqasijiet f’wieħed minn dawn is-setturi ma għandhomx effett fuq il-legalità tas-sistema applikabbli għall-oħrajn. Il-konformità ta’ monopolju pubbliku mad-dritt Komunitarju għandha b’hekk tiġi evalwata abbażi biss tas-settur tal-logħob ikkonċernat. F’dan il-każ, din il-konformità hija ċerta, b’mod partikolari mid-dħul fis-seħħ tal-GlüStV u tal-GlüStV AG.

27      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li jekk l-applikazzjoni ta’ Carmen Media tirnexxiex jew le sabiex issir fornitur privat ta’ mħatri online fuq il-kompetizzjonijiet sportivi fil-Land Schleswig‑Holstein jiddependi b’mod partikolari mir-risposta li għandha tingħata liż-żewġ argumenti miġjuba mil-Land Schleswig-Holstein.

28      Rigward l-ewwel argument, l-imsemmija qorti hija tal-fehma li, sabiex ikunu jistgħu japplikaw ir-regoli dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi għal fornitur li jixtieq joffri servizzi bl-internet, huwa biżżejjed li l-attività kkonċernata ma tkunx illegali fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit l-imsemmi fornitur. Il-kwistjoni dwar jekk tali servizz huwiex effettivament pprovdut jew le mill-imsemmi fornitur hija min-naħa l-oħra irrilevanti. L-offerta ta’ mħatri ma hijiex ipprojbita fil-Ġibiltà, u huwa biss, f’dan il-każ, għal raġunijiet fiskali li l-awtorizzazzjoni mogħtija lil Carmen Media tkopri biss l-imħatri barra mill-Ġibiltà.

29      Rigward it-tieni argument, il-qorti tar-rinviju, li tippreċiża li l-leġiżlazzjoni ġuridika interna li għandha minn issa ’l quddiem tiġi kkunsidrata hija dik li tirriżulta mill-GlüStV u mill-GlüStV AG, tistaqsi dwar jekk il-monopolju pubbliku, u l-esklużjoni korrelativa ta’ operaturi privati, fir-rigward tal-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi u l-lotteriji li ma għandhomx potenzjal żgħir ta’ periklu, li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 10(1), (2) u (5) tal-GlüStV u tal-Artikolu 4(2) tal-GlüStV AG, jinterpretax ħażin l-Artikolu 49 KE.

30      L-imsemmija qorti tinnota li, kif jirriżulta b’mod partikolari mir-rapport ta’ spjegazzjoni, il-GlüStV għandha bħala għan primordjali l-prevenzjoni tad-dipendenza għal-logħob u l-ġlieda kontra din id-dipendenza. Hija tqis li, f’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, jekk is-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri dwar l-iffissar tal-għanijiet tal-politika tagħhom dwar il-logħob tal-ażżard, b’mod partikolari dwar it-tfittxija ta’ politika ta’ prevenzjoni mill-inkoraġġiment taċ-ċittadini għal infiq eċċessiv f’dan il-qasam, billi jiġi ddefinit bi preċiżjoni l-livell ta’ protezzjoni mfittex, jawtorizzawhom bħala regola sabiex joħolqu monopolju, huwa madankollu bil-kundizzjoni li l-leġiżlazzjonijiet adottati f’dan ir-rigward josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità; min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tirreferi b’mod partikolari għas-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1999, Läärä et. (C‑124/97, Ġabra p. I‑6067, punt 39). Madankollu, din il-qorti għandha dubji dwar jekk il-monopolju pubbliku dwar imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali josservax ir-rekwiżit ta’ koerenza u ta’ sistematiżmu fil-ġlieda kontra d-dipendenza għal-logħob li tirriżulta mill-punt 67 tas-sentenza Gambelli et., iċċitata iktar ’il fuq.

31      L-imsemmija qorti tinnota f’dan ir-rigward, l-ewwel nett, li, fir-rigward tal-magni tal-logħob, li dwarhom huwa madankollu stabbilit, fl-istat attwali tat-tagħrif xjentifiku u kif jirriżulta b’mod partikolari mir-rapport ta’ spjegazzjoni, li dawn jippreżentaw l-ikbar potenzjal ta’ dipendenza fost il-logħob tal-ażżard, il-Ministru Federali tal-Ekonomija pproċeda għal flessibbiltà tal-kundizzjonijiet ta’ użu kummerċjali ta’ dawn tal-aħħar billi emenda r-regolament dwar il-magni tal-logħob u logħob ieħor b’possibbiltà ta’ rebħ (BGBl. 2006 I, p. 280). Fost l-emendi kif daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2006 jinsabu ż-żieda tan-numru ta’ magni tal-logħob awtorizzati fil-cafés, minn 2 għal 3, it-tnaqqis tal-wiċċ minimu għal kull magna fis-sali tal-logħob, minn 15 m2 għal 12 m2, u ż-żieda tan-numru massimu ta’ magni f’dawn is-sali, minn 10 għal 12. Bl-istess mod, it-tul minimu ta’ logħob għal kull magna ġie mnaqqas minn 12 għal 5 sekondi u l-limitu ta’ telf ġie stabbilit għal EUR 80 minflok EUR 60.

32      It-tieni nett, teżisti kuntradizzjoni bejn, min-naħa, l-għanijiet li jiġġustifikaw il-monopolju pubbliku dwar l-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi u, min-naħa l-oħra, il-politika ta’espansjoni mmexxija mill-awtoritajiet Ġermaniżi dwar logħob ta’ każinò, li l-potenzjal ta’ riskju ta’ dipendenza għal-logħob huwa madankollu, huwa wkoll, iktar għoli minn dak li jikkaratterizza l-imħatri sportivi. Fil-fatt, in-numru ta’ każinòs awtorizzati żdied minn 66 għal 81 bejn l-2000 u l-2006.

33      It-tielet nett, l-imħatri fuq it-tiġrijiet sportivi pubbliċi jew provi oħra ta’ tiġrijiet taż-żwiemel huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-GlüStV u huma b’mod partikolari rregoli mill-RWLG, li jawtorizza l-imħatri kummerċjali mill-impriżi privati.

34      Skont il-qorti tar-rinviju, il-koerenza tal-leġiżlazzjoni dwar il-logħob tal-ażżard għandha tiġi evalwata fil-kuntest ta’ viżjoni globali tal-offerti ta’ logħob tal-ażżard permessi, li hija biss tippermetti lil-leġiżlatur li jirrimedja b’mod effettiv għall-perikoli ta’ vizzju tal-logħob.

35      Skont l-imsemmija qorti, il-fatt li dawn id-diversi forom ta’ logħob u ta’ mħatri jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Länder, iktar milli dik tal-Istat federali, ma għandux, f’dan ir-rigward, jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ evalwazzjoni tal-konformità tal-monopolju inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-dritt Komunitarju.

36      Kieku kellu jirriżulta mir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel żewġ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju li l-Artikolu 49 KE japplika għal sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u li l-imsemmi monopolju jikser dan l-artikolu, tqum allura l-kwistjoni kif id-dritt nazzjonali għandu jissodisfa l-obbligu li jiżgura s-salvagwardja tad-drittijiet li l-operaturi għandhom abbażi tal-imsemmi artikolu, u, b’mod iktar preċiż, il-kwistjoni tal-konformità ma’ dan tal-aħħar tal-Artikolu 4(2) tal-GlüStV, li jissuġġetta l-possibbiltà ta’ kisba ta’ awtorizzazzjoni għall-kundizzjonijiet stipulati permezz ta’ din id-dispożizzjoni.

37      Tqum ukoll il-kwistjoni tal-kompatibbiltà mal-Artikolu 49 KE tal-projbizzjoni ta’ organizzazzjoni u ta’ intermedjazzjoni ta’ logħob tal-ażżard pubbliku fuq l-internet stipulata fl-Artikolu 4(4) tal-GlüStV. Il-qorti tar-rinviju tiddubita f’dan ir-rigward li tali miżura tista’ titqies bħala adattata sabiex tilħaq l-għanijiet, hawn imfittxija, ta’ protezzjoni tal-minuri u ta’ ġlieda kontra r-riskju ta’ vizzju tal-logħob.

38      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Schleswig‑Holsteinisches Verwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)       L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-invokazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tirrikjedi li fornitur ta’ servizzi jkun jista’, skont id-dispożizzjonijiet tal-Istat Membru li fih huwa stabbilit, jipprovdi s-servizz hemmhekk ukoll — (fil-każ preżenti, restrizzjoni tal-liċenzja ta’ logħob tal-ażżard ta’ Ġibiltà għal ‘offshore bookmaking’)?

2)      L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li monopolju nazzjonali tal-Istat fuq l-organizzazzjoni ta’ imħatri sportivi u l-lotteriji (b’potenzjal mhux baxx li jsir vizzju), immotivat prinċipalment mill-ġlieda kontra r-riskju tal-vizzju tal-logħob tal-ażżard, filwaqt li logħob ieħor tal-ażżard, b’riskju potenzjali kunsiderevoli ta’ vizzju, jista’ jiġi pprovdut [fl-] Istat Membru minn fornituri ta’ servizz privat, u d-diversi regoli legali għall-imħatri sportivi u l-lotteriji, minn naħa, u l-logħob tal-ażżard min-naħa l-oħra, huma bbażati fuq is-setgħat leġiżlattivi differenti tal-Länder u tal-Istat federali?

Jekk ir-risposta għad-domanda (2) hija fl-affermattiv:

3)      L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli nazzjonali li jissuġġettaw l-għoti ta’ liċenzja għall-organizzazzjoni u għall-intermedjazzjoni tal-logħob tal-ażżard għad-diskrezzjoni tal-awtorità ta’ liċenzjar kompetenti, anki meta l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ liċenzja kif stabbiliti fil-leġiżlazzjoni ġew sodisfatti?

4)      L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli nazzjonali li jipprojbixxu l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni ta’ logħob tal-ażżard pubbliku fuq l-internet, b’mod partikolari meta, fl-istess żmien, għalkemm għal perijodu ta’ tranżizzjoni ta’ sena, l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni fuq l-internet huma permessi, suġġett għal-leġiżlazzjoni li tħares il-minuri u dawk li jilagħbu, għall-għanijiet tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u sabiex żewġ intermedjarji kummerċjali tal-logħob tal-ażżard li qabel kienu joperaw esklużivament fuq l-internet ikunu jistgħu jaqilbu għal dawk il-mezzi ta’ distribuzzjoni permessi mill-[GlüStV]?”

Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

39      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk operatur li jixtieq jipproponi mħatri fuq kompetizzjonijiet sportivi fi Stat Membru ieħor li ma huwiex dak li huwa stabbilit fih jistax jipprevali ruħu mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 49 KE fil-każ fejn huwa ma għandux awtorizzazzjoni li tippermettilu jipproponi tali mħatri lil persuni li jinsabu fit-territorju tal-Istat Membru li fih huwa stabbilit, iżda għandu biss awtorizzazzjoni li jipproponi dawn is-servizzi lil persuni li jinsabu barra mill-imsemmi territorju.

40      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-attivitajiet li jikkonsistu sabiex jippermettu lill-utenti li jipparteċipaw, bi ħlas, f’logħob ta’ flus jikkostitwixxu servizzi fis-sens tal-Artikolu 49 KE (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1994, Schindler, C‑275/92, Ġabra p. I‑1039, punt 25, u tal-21 ta’ Ottubru 1999, Zenatti, C‑67/98, Ġabra p. I‑7289, punt 24).

41      Għaldaqstant, tali servizzi jaqgħu taħt, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 KE peress li l-fornitur huwa stabbilit fi Stat Membru li ma huwiex dak li fih is-servizz huwa offert (ara, f’dan is-sens, sentenza Zenatti, iċċitata iktar ’il fuq, punti 24 u 25). Dan japplika b’mod partikolari fil-każ ta’ servizzi li fornitur jipproponi, fuq l-internet, lil destinatarji potenzjali stabbiliti fi Stati Membri oħra u li huwa jipprovdi mingħajr ma jiċċaqlaq barra mill-Istat Membru li fih huwa stabbilit (ara, f’dan is-sens, sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 53 u 54).

42      Il-fatt li l-awtorizzazzjoni mogħtija lil operatur stabbilit fi Stat Membru tkopri biss imħatri proposti fuq l-internet lil persuni li jinsabu barra mit-territorju tal-imsemmi Stat Membru ma jistax, per se, ikollu bħala konsegwenza li teskludi tali proposta ta’ mħatri mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 49 KE.

43      Fil-fatt, id-dritt stipulat mill-imsemmija dispożizzjoni, għal operatur ekonomiku stabbilit fi Stat Membru, li jipprovdi servizzi fi Stat Membru ieħor, ma huwiex suġġett għall-kundizzjoni li l-imsemmi operatur jipprovdi wkoll tali servizzi fl-Istat Membru li fih huwa stabbilit (ara s-sentenza tal-5 ta’Ġunju 1997, VT4, C‑56/96, Ġabra p. I‑3143, punt 22). F’dan ir-rigward, l-Artikolu 49 KE jeżiġi biss li l-fornitur ikun stabbilit fi Stat Membru ieħor li ma huwiex dak tad-destinatarju.

44      Tali konstatazzjoni hija, barra minn hekk, mingħajr preġudizzju għall-għażla li għandu kull Stat Membru li t-territorju tiegħu huwa kopert bi proposta ta’ mħatri li joriġinaw, permezz tal-internet, minn tali operatur, li jimponu fuq dan tal-aħħar l-osservanza tar-restrizzjonijiet stipulati mil-leġiżlazzjoni tiegħu f’dan il-qasam, sakemm dawn il-kundizzjonijiet jissodisfaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fir-rigward tan-natura nondiskriminatorja tagħhom u tal-proporzjonalità tagħhom (ara s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et., C-338/04, C-359/04 u C-360/04, Ġabra p. I-1891, punti 48 u 49).

45      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, rigward il-ġustifikazzjonijiet li jistgħu jiġu aċċettati fil-preżenza ta’ miżuri interni li jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kemm il-darba ddikjarat li l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali adottati fil-qasam tal-logħob u tal-imħatri huma marbuta, meqjusa fl-intier tagħhom, fil-parti l-kbira, mal-protezzjoni tad-destinatarji tas-servizzi kkonċernati, u b’mod iktar ġenerali l-konsumaturi, kif ukoll il-protezzjoni tal-ordni soċjali. Hija enfasizzat ukoll li tali għanijiet huma fost in-numru ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw ostakoli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Schindler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58; Läärä et., iċċitata iktar ’il fuq, punt 33; Zenatti, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31; tal-11 ta’ Settembru 2003, Anomar et, C-6/01, Ġabra p. I‑8621, punt 73, kif ukoll Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

46      Jirriżulta għalhekk mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li huwa responsabbiltà ta’ Stat Membru li jevalwa jekk, fil-kuntest tal-għanijiet leġittimi li huwa jfittex, huwiex neċessarju li jipprojbixxi totalment jew parzjalment l-attivitajiet ta’ dan it-tip, jew biss li jirrestrinġihom u li jipprevedi għal dan il-għan modalitajiet ta’ kontroll xi ftit jew wisq stretti, in-neċessità u l-proporzjonalità tal-miżuri b’hekk adottati għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl tal-għanijiet imfittxija u tal-livell ta’ protezzjoni li beħsiebhom jiżguraw l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Läärä et., iċċitata iktar ’il fuq, punti 35 u 36; Zenatti, iċċitata iktar ’il fuq, punti 33 u 34, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C-42/07, Ġabra p. I‑7633, punt 58).

47      B’referenza b’mod partikolari għas-sentenzi tat-3 ta’ Frar 1993, Veronica Omroep Organisatie (C-148/91, Ġabra p. I-487), u kif ukoll tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C‑196/04, Ġabra p. I‑7995), il-Gvern Belġjan u Awstrijak esprimew, min-naħa tagħhom, dubji dwar il-possibbiltà, għal Carmen Media, li tipprevali ruħha, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, minn regoli dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, minħabba li l-imsemmi operatur stabbilixxa ruħu fil-Ġibiltà, inkoraġġut f’dan ir-rigward minn inċentiv fiskali, biss sabiex jevita’ regoli iktar stretti li kienu jkunu applikabbli għalih li kieku kien stabbilit fuq it-territorju tal-Istat Membru li l-attività ekonomiku tiegħu hija diretta għalih.

48      F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi nnotat li tali kunsiderazzjonijiet joħorġu mill-kuntest ta’ din id-domanda preliminari.

49      Fil-fatt, din tal-aħħar tirrigwarda esklużivament il-punt dwar jekk in-nuqqas ta’ pussess ta’ awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet tal-Ġibiltà li tippermettilu jipproponi wkoll imħatri fuq it-territorju tal-Ġibiltà huwiex ta’ natura li jeskludi lil operatur bħal Carmen Media mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju ma pprovditx elementi preċiżi jew qajmet xi dubji partikolari rigward ir-raġunijiet li wasslu lil Carmen Media tistabbilixxi ruħha fil-Ġibiltà, jew għamlet xi domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn dan il-fatt.

50      Barra minn dan, jeħtieġ jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet preċedentement li l-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-Artikolu 49 KE hija distinta minn dik dwar jekk Stat Membru jistax jieħu miżuri biex jipprekludi fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor milli jevita’ l-leġiżlazzjoni interna tiegħu (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, TV10, C-23/93, Ġabra p. I-4795, punt 15, kif ukoll, b’analoġija, rigward il-libertà ta’ stabbiliment, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros, C-212/97, Ġabra p. I-1459, punt 18).

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, dwar id-dubji b’hekk espressi mill-Gvern Belġjan u l-Gvern Awstrijak.

52      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li l-ewwel domanda titwieġeb fis-sens li l-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li operatur li jixtieq jipproponi bl-internet imħatri fuq kompetizzjonijiet sportivi fi Stat Membru li ma huwiex dak li huwa stabbilit fih ma jieqafx li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni għar-raġuni biss li l-imsemmi operatur ma għandux awtorizzazzjoni li tippermettilu jipproponi tali mħatri lil persuni li jinsabu fuq it-territorju tal-Istat Membru li fih huwa stabbilit, iżda għandu biss għad-dispożizzjoni tiegħu awtorizzazzjoni li jipproponi dawn is-servizzi lil persuni li jinsabu barra mill-imsemmi territorju.

 Fuq it-tieni domanda

53      Fid-dawl tal-indikazzjonijiet inklużi fid-deċiżjoni tar-rinviju kif imsemmija fil-punti 29 sa 35 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sostanzjalment, jekk l-Artikolu 49 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-istabbiliment, minn entità reġjonali, ta’ monopolju pubbliku rigward l-organizzazzjoni ta’ mħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi u ta’ lotteriji, essenzjalment immotivata bil-prevenzjoni mill-inkoraġġiment għal infiq eċċessiv relatat mal-logħob u bil-ġlieda kontra l-vizzju għal logħob, sa fejn huwa dubjuż, f’dan il-każ, li dan l-għan qed jiġi segwit b’mod koerenti u sistematiku, fid-dawl:

–        l-ewwel nett, tal-fatt li l-operat ta’ logħob ieħor tal-ażżard, bħall-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet taż-żwiemel jew slot machines, huwa awtorizzat għal operaturi privati, u

–        it-tieni nett, tal-fatt li l-offerti relatati ma’ logħob ieħor tal-ażżard, bħal-logħob tal-każinò jew is-slot machines installati fil-kmamar tal-logħob, cafés, ristoranti u postijiet ta’ akkomodazzjoni huma s-suġġett ta’ politika ta’ espansjoni.

54      L-imsemmija qorti tistaqsi, barra minn hekk, jekk ir-risposta għal din id-domanda tistax tiġi affettwata mill-fatt li l-leġiżlazzjoni ta’ dan il-logħob tal-ażżard ieħor taqa’ taħt, tal-inqas parzjalment, il-kompetenza tal-Istat federali.

55      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-punt 67 tas-sentenza Gambelli et., iċċitata iktar ’il fuq, wara li enfasizzat li r-restrizzjonijiet għall-attivitajiet ta’ logħob jistgħu jiġu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħall-protezzjoni tal-konsumaturi u l-prevenzjoni mill-frodi u mill-inkoraġġiment taċ-ċittadini għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan applika biss sa fejn dawn ir-restrizzjonijiet, ibbażati fuq tali motivi u fuq in-neċessità li tinżamm l-ordni pubblika, ikunu adattati sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-imsemmija għanijiet, fis-sens li dawn ir-restrizzjonijiet għandhom jikkontribwixxu sabiex jillimitaw l-attivitajiet ta’ mħatri b’mod koerenti u sistematiku.

56      Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 53 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata ta’ dan l-aħħar rekwiżit.

57      Skont l-imsemmija qorti, huwa fil-fatt dubjuż jekk monopolju pubbliku bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, relatat mal-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi u stabbilit għal finijiet ta’ prevenzjoni mill-inkoraġġiment għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob u tal-ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob, huwiex tali li jikkontribwixxi sabiex jillimita l-attivitajiet ta’ mħatri b’mod koerenti u sistematiku, fid-dawl tal-mod kif tipi oħra ta’ logħob huma kummerċjalizzati.

58      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, kull Stat Membru għandu jevalwa jekk, fil-kuntest tal-għanijiet leġittimi li huwa għandu, huwiex neċessarju li jipprojbixxi totalment jew parzjalment attivitajiet ta’ dan it-tip, jew biss li jirrestrinġihom u li jipprevedi għal dan il-għan modalitajiet ta’ kontroll ftit jew wisq stretti, filwaqt li n-neċessità u l-proporzjonalità tal-miżuri adottati għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl tal-għanijiet imfittxija u tal-livell ta’ protezzjoni li beħsiebhom jiżguraw l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati.

59      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni kompatibbli mat-trattat, l-għażla tal-modalitajiet ta’ organizzazzjoni u ta’ kontroll tal-attivitajiet ta’ operat u ta’ prattika tal-logħob tal-ażżard jew tal-flus, bħall-konklużjoni mal-Istat ta’ kuntratt amministrattiv ta’ konċessjoni jew il-limitazzjoni tal-operat u tal-prattika ta’ ċertu logħob għall-postijiet debitament awtorizzati għal dan il-għan, taqa’ fuq l-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom (sentenza Anomar et., iċċitata iktar ’il fuq, punt 88).

60      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, fir-rigward ta’ logħob tal-ażżard, jeħtieġ, bħala regola, jiġi eżaminat separament għal kull restrizzjoni imposta bil-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod partikolari jekk hijiex adattata biex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan jew tal-għanijiet invokati mill-Istat Membru kkonċernat u jekk tmurx oltrè dak li huwa neċessarju sabiex tintlaħaq (sentenza Placanica et., iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

61      Fil-punti 50 sa 52 tas-sentenza Schindler, iċċitata iktar ’il fuq, mogħtija dwar leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li jipprojbixxi l-lotteriji, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat b’mod partikolari li, anki jekk jistgħu jagħtu lok għal ammonti ta’ flus milgħuba komparabbli għal dawk ta’ lotteriji u jinvolvu elementi sinjifikattiv ta’ riskju, logħob ieħor ta’ flus bħal pronostiċi fuq il-logħob tal-football jew logħba magħrufa bħala “bingo”, li baqgħu awtorizzati f’dan l-Istat Membru, kienu differenti fl-għan tagħhom, fir-regoli tagħhom kif ukoll fil-modalitajiet tagħhom ta’ organizzazzjoni tal-lotteriji stabbiliti fi Stati Membri oħra u li ma kinux għalhekk f’sitwazzjoni komparabbli għal dik ta’ lotteriji pprojbiti bil-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru u ma setgħux jiġu assimilati magħhom.

62      Kif enfasizzaw il-gvernijiet kollha li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa paċifiku, fil-fatt, li d-diversi tipi ta’ logħob tal-ażżard jistgħu jippreżentaw differenzi sinjifikanti b’mod partikolari fir-rigward tal-modalitajiet konkreti organizattivi tagħhom, tal-volum tal-flus li jintlagħbu u tar-rebħ potenzjali, tal-volum ta’ lagħaba potenzjali, tal-preżentazzjoni tagħhom, tal-frekwenza tagħhom, tal-qosor tagħhom jew tan-natura repettitiva tagħhom u tar-reazzjonijiet li jqajmu fil-lagħaba, jew, saħansitra, fir-rigward tal-fatt dwar jekk, bħal fil-każijiet tal-logħob propost fil-każinòs u tas-slot machines imqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ dawn tal-aħħar jew fi stabbilimenti oħra, dawn jirrikjedux jew le preżenza fiżika tal-lagħab.

63      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li diversi tipi ta’ logħob tal-ażżard huma suġġetti, uħud minnhom għall-monopolju pubbliku, oħrajn għal sistema ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija lil operaturi privati, ma jistax, per se, iwassal sabiex jirrendihom mingħajr ġustifikazzjoni, meta jitqiesu l-għanijiet leġittimi li huma għandhom, miżuri li, bħall-monopolju pubbliku, jidhru prima facie bħala l-iktar restrittivi u l-iktar effettivi. Fil-fatt, tali diverġenza ta’ sistemi ġuridiċi ma hijiex, per se, ta’ natura li taffettwa l-adegwatezza ta’ tali monopolju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ prevenzjoni mill-inkoraġġiment taċ-ċittadini għal infiq eċċessiv relatat mal-logħob u mal-ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob, li għalih dan ġie stabbilit.

64      Madankollu, kif jitfakkar fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-ħolqien minn Stat Membru ta’ restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u għal-libertà ta’ stabbiliment immotivata minn tali għan jista’ jiġi ġġustifikat biss jekk l-imsemmija miżura restrittiva tkun adattata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-imsemmi għan billi tikkontribwixxi sabiex tillimita l-attivitajiet ta’ mħatri b’mod koerenti u sistematiku.

65      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiżguraw, b’mod partikolari, fid-dawl tal-modalitajiet konkreti ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni restrittiva kkonċernata, li din tal-aħħar tirrispondi ġenwinament għall-ħsieb li jitnaqqsu l-okkażjonijiet ta’ logħob u li jiġu llimitati l-attivitajiet f’dan il-qasam b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Zenatti, punti 36 u 37, kif ukoll Placanica et., punti 52 u 53).

66      Kif ġie deċiż diġà mill-Qorti tal-Ġustizzja, f’dawn id-diversi rigwardi, fis-sentenza Gambelli et., iċċitata iktar ’il fuq (punti 7, 8 u 69), sakemm l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jinkoraġixxu l-konsumaturi biex jipparteċipaw fil-lotteriji, fil-logħob tal-ażżard jew fil-logħob ta’ mħatri, sabiex il-Ministru tal-Finanzi jibbenefika finanzjarjament minn dan, l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat ma jistgħux jinvokaw l-ordni pubblika soċjali u n-neċessità li jitnaqqsu l-okkażjonijiet ta’ logħob sabiex jiġu ġġustifikati miżuri restrittivi, anki jekk, f’dan il-każ, dawn tal-aħħar huma biss attivitajiet ta’ mħatri.

67      F’dan il-każ, wara li enfasizzat li l-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet taż-żwiemel u l-logħob abbażi tas-slot machines jistgħu jintużaw minn operaturi privati detenturi ta’ awtorizzazzjoni, il-qorti tar-rinviju kkonstat ukoll li, fir-rigward tal-logħob tal-każinòs u tas-slot machines, anki jekk dawn tal-aħħar jippreżentaw potenzjal ta’ riskju ta’ vizzju ogħla mill-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi, l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti qed jiżviluppaw politika ta’ espansjoni tal-offerta. Fil-fatt, in-numru tal-każinòs żdied minn 66 għal 81 bejn l-2000 u l-2006, filwaqt li l-kundizzjonijiet li fihom il-logħob abbażi tas-slot machines jista’ jiġi sfruttat fi stabbilimenti oħra barra mill-każinòs, bħall-kmamar tal-logħob, ristoranti, cafés u l-postijiet ta’ akkomodazzjoni, kienu riċentement is-suġġett ta’ flessibbiltà sinjifikanti.

68      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rikonoxxut, abbażi ta’ tali konstatazzjonijiet, li l-qorti tar-rinviju tista’ leġittimament tikkunsidra li l-fatt li, fir-rigward ta’ tali logħob tal-ażżard, barra minn dak li jaqa’ taħt il-monopolju pubbliku fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet kompetenti jħaddnu politika li hija intiża sabiex tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni f’dan il-logħob l-ieħor iktar milli jitnaqqsu l-okkażjonijiet ta’ logħob u jiġi llimitati l-attivitajiet f’dan il-qasam b’mod koerenti u sistematiku, għandu bħala konsegwenza li l-għan ta’ prevenzjoni mill-inkoraġġiment għal infiq eċċessiv relatat mal-logħob u tal-ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob li kien fl-għeruq tal-istabbiliment tal-imsemmi monopolju, ma jistax iktar jiġi mwettaq b’mod effettiv permezz ta’ dan tal-aħħar, bir-riżultat li dan tal-aħħar ma jistax iktar jiġi ġġustifikat fid-dawl tal-Artikolu 49 KE.

69      Rigward il-fatt li d-diversi logħob tal-ażżard ikkonċernati jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Länder, iktar milli mill-kompetenza tal-Istat federali, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru ma jistax jibbaża ruħu fuq dispożizzjonijiet, prattiki jew sitwazzjonijiet tas-sistema ġuridika tiegħu biex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li għandu skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea. It-tqassim intern tal-kompetenzi fi ħdan Stat Membru, b’mod partikolari bejn l-awtoritajiet ċentrali, reġjonali jew lokali, ma tistax fost l-oħrajn, tillibera lill-imsemmi Stat Membru milli jissodisfa l-imsemmija obbligi (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2001, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑417/99, Ġabra p. I-6015, punt 37).

70      Jirriżulta minn dak li ntqal li, għalkemm id-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jipprekludix tqassim intern tal-kompetenzi li skontu ċertu logħob tal-ażżard jaqa’ taħt il-Länder u logħob ieħor taħt l-awtorità federali, jibqa’ madankollu l-fatt li, f’każ bħal dan, l-awtoritajiet tal-Land ikkonċernat u l-awtoritajiet federali huma mistennija jaqdu d-dmir tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li ma tiksirx l-Artikolu 49 KE. Minn dan isegwi li, sakemm l-osservanza ta’ din id-dispożizzjoni tirrikjedi dan, dawn id-diversi awtoritajiet huma mistennija, għal dan il-għan, li jikkordinaw l-eżerċizzju tal-kompetenzi rispettivi tagħhom.

71      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, it-tieni domanda għandha tingħata risposta fis-sens li l-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta ġie stabbilit monopolju pubbliku reġjonali fir-rigward ta’ mħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi u ta’ lotteriji li għandu l-għan ta’ prevenzjoni mill-inkoraġġiment għal infiq eċċessiv relatat mal-logħob u tal-ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob, u li qorti nazzjonali tikkonstata, fl-istess ħin:

–        li tipi oħra ta’ logħob tal-ażżard jistgħu jiġu sfruttati minn operaturi privati li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni, u

–        li, fid-dawl ta’ tipi oħra ta’ logħob li ma jaqax taħt l-imsemmi monopolju u li jippreżenta barra minn dan potenzjal ta’ riskju ta’ vizzju ogħla mil-logħob suġġett għal dan il-monopolju, l-awtoritajiet kompetenti jħaddnu politika ta’ espansjoni tal-offerta ta’ natura li tiżviluppa u tistimola l-attivitajiet ta’ logħob, b’mod partikolari bl-għan li jiġi massimizzat id-dħul li ġej minn dawn tal-aħħar;

il-qorti nazzjonali tista’ leġittimament tikkunsidra li tali monopolju ma huwiex adattat sabiex jiggarantixxi t-twettiq tal-għan li għalih huwa ġie stabbilit billi jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-okkażjonijiet tal-logħob u għal-limitazzjoni tal-attivitajiet f’dan il-qasam b’mod koerenti u sistematiku.

Il-fatt li l-logħob tal-ażżard li huwa s-suġġett tal-imsemmi monopolju jaqa’ taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet reġjonali, filwaqt li dawk it-tipi ta’ logħob ieħor jaqgħu taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet federali, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

 Fuq it-tielet domanda

72      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 49 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tħalli għad-diskrezzjoni tal-awtorità kompetenti l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni tal-logħob tal-ażżard, anki jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ għoti previsti mil-liġi.

73      Din il-kwistjoni tqajmet biss sussidjarjament, fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda tagħti l-impressjoni li l-monopolju inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikser l-Artikolu 49 KE. Peress li, madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha, abbażi tar-risposta fformulata mill-Qorti tal-Ġustizzja għal din it-tieni domanda, tiddetermina jekk l-imsemmi monopolju jistax jew le jiġi ġġustifikat bl-għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali li huma abbażi tal-istabbiliment tiegħu, hemm lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda.

74      Madankollu l-Land Schleswig Holstein qiegħdet fid-dubju l-ammissibbiltà ta’ din l-aħħar domanda minħabba n-nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti fid-deċiżjoni ta’ rinviju.

75      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, obbligata li tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, Ġabra p. I-2099, punt 38, u tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C‑169/07, Ġabra p. I‑1721, punt 24).

76      Ir-rifjut li tingħata deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mal-għan tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew anki meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha punti ta’ fatt u punti ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li huma mqiegħda lilha (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq PreussenElektra, punt 39, u Hartlauer, punt 25).

77      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi nnotat li, kif jirriżulta mill-punt 24 ta’ din is-sentenza, l-azzjoni miġjuba minn Carmen Media hija intiża, fil-każ, b’mod partikolari, fejn il-monopolju inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġi rikonoxxut kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni Ewropea, sabiex il-konvenuti fil-kawża prinċipali jiġu ordnati jagħtuha awtorizzazzjoni biex tikkummerċjalizza l-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi fil-Land Schleswig-Holstein jew, sussidjarjament, iħalluha taqdi l-imsemmija attività sal-istabbiliment ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

78      Barra minn hekk, il-kuntest ġuridiku nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali juri li l-Artikolu 4(1) u (2) tal-GlüStV AG u l-Artikolu 5(1) tal-GlüStV AG jistabbilixxu diversi kundizzjonijiet li l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni ta’ logħob tal-ażżard huwa suġġett għalihom, anki jekk l-Artikolu 4(2) tal-GlüStV jippreċiża madankollu, b’mod partikolari, li ma jeżisti ebda dritt stabbilit għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni.

79      Tali indikazzjonijiet jippermettu li jinftehmu r-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex tagħmel it-tielet domanda tagħha u sabiex tibbaża r-rilevanza li jista’ jkollha risposta għal din tal-aħħar fuq il-perspettiva tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Dawn huma biżżejjed saħansitra sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domanda magħmula.

80      Minn dan imiss li t-tielet domanda preliminari hija ammissibbli.

81      Dwar il-mertu, għandu jiġi osservat li, minkejja li jirriżulta minn indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju li l-Land Schleswig-Holstein, fir-rigward tal-lotteriji u l-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi, implementat monopolju pubbliku li NordwestLotto Schleswig-Holstein GmbH & Co. KG hija d-detentur tiegħu, il-possibbiltà li jingħataw awtorizzazzjonijiet f’dan il-qasam tidher, għallinqas teoretikament, li ġiet riżervata mill-Artikolu 4(1) u (2) tal-GlüStV u mill-Artikolu 5(1) tal-GlüStV AG.

82      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk sistema ta’ awtorizzazzjoni bħal dik implementata minn dawn id-dispożizzjonijiet tistax tissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 49 KE minkejja li tħalli l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni jew l-intermedjazzjoni ta’ logħob tal-ażżard għad-diskrezzjoni libera tal-awtorità kompetenti anki jekk il-kundizzjonijiet ta’ għoti previsti mill-imsemmija dispożizzjonijiet huma sodisfatti.

83      Kif jirriżulta mill-punt 46 ta’ din is-sentenza, kull Stat Membru għandu jevalwa jekk, fil-kuntest tal-għanijiet leġittimi li huwa għandu, huwiex neċessarju li jiġu pprojbiti totalment jew parzjalment l-attivitajiet li jirriżultaw mill-qasam tal-logħob tal-ażżard, jew biss li jiġu ristretti u li jiġu previsti għal dan il-għan modalitajiet ta’ kontroll ftit jew wisq stretti.

84      Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, jekk Stat Membru għandu għan li jnaqqas l-okkażjonijiet ta’ logħob, huwiex permess, bħala regola, li jistabbilixxi sistema ta’ awtorizzazzjoni u li jipprevedi għal dan il-għan restrizzjonijiet fir-rigward tan-numru ta’ operaturi awtorizzati (ara s-sentenza Placanica et., iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

85      Madankollu, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri bl-għan li jirrestrinġu l-offerta ta’ logħob tal-ażżard ma teżentahomx milli jiżguraw li r-restrizzjonijiet li huma jistabbilixxu jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fir-rigward tal-proporzjonalità tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Madankollu, hemm b’mod partikolari lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta tiġi stabbilita, fi Stat Membru, sistema ta’ awtorizzazzjoni li għandha għanijiet leġittimi rikonoxxuti mill-ġurisprudenza, sistema simili ta’ awtorizzazzjoni ma tistax tiġġustifika aġir diskrezzjonali min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, ta’ natura li jċaħħad id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mill-effett utli tagħhom, b’mod partikolari id-dispożizzjonijiet relatati ma’ libertà fundamentali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, Sporting Exchange, C‑203/08, Ġabra p. I‑0000, punt 49).

87      Saħansitra, sabiex sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva preliminari tkun iġġustifikata anke jekk tiddevja minn tali libertà fundamentali, għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u li jkunu magħrufa minn qabel, b’mod li jiġi limitat l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex din ma tintużax arbitrarjament. Barra minn hekk, kull persuna milquta minn miżura restrittiva bbażata fuq tali deroga għandha jkollha rimedji effettivi ta’ natura ġudizzjarja (ara s-sentenza Sporting Exchange, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Land Schleswig-Holstein sostniet b’mod partikolari, fir-rigward tal-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 tal-GlüStV, li s-setgħa diskrezzjonali li għandha l-awtorità kompetenti ma hijiex assoluta, iżda limitata permezz tal-għan leġiżlattiv imfittex, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u d-drittijiet fundamentali. Dan jeskludi b’mod partikolari kull trattament arbitrarju u jippermetti stħarriġ ġudizzjarju li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Istat. Skont il-Land Schleswig-Holstein, l-Artikolu 5(1) tal-GlüStV AG jikkonkretizza wkoll il-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-imsemmija awtorità billi jistabbilixxi diversi kundizzjonijiet u billi jippreċiża li, jekk dawn il-kundizzjonijiet jiġu sodisfatti, għandha tingħata l-imsemmija awtorizzazzjoni. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Ġermaniż isostni li s-sistema ġuridika Ġermaniża toffri rimedji adegwati kontra d-deċiżjonijiet diskrezzjonali li jkunu arbitrarji.

89      Għandha tkun il-qorti nazzjonali, li hija biss għandha ġurisdizzjoni biex tinterpreta d-dritt nazzjonali, li għandha, jekk jkun il-każ, tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari l-Artikolu 4(1) u (2) tal-GlüStV u l-Artikolu 5(1) tal-GlüStV AG, tissodisfax jew le r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni Ewropea kif ġew imfakkra fil-punti 85 sa 87 ta’ din is-sentenza.

90      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandha tingħata risposta għat-tielet domanda li l-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta fi Stat Membru hemm stabbilita sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva preliminari fir-rigward tal-offerta ta’ ċerti tipi ta’ logħob tal-ażżard, tali sistema, li teżenta mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi garantita mil-imsemmija dispożizzjoni, tista’ tissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw minn din tal-aħħar biss meta tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u magħrufa minn qabel, b’mod li jiġi limitat l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex din ma tintużax arbitrarjament. Barra minn hekk, kull persuna milquta minn miżura restrittiva bbażata fuq tali deroga għandha jkollha rimedji effettivi ta’ natura ġudizzjarja.

 Fuq ir-raba’ domanda

91      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 49 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli nazzjonali li jipprojbixxu l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni ta’ logħob tal-ażżard pubbliku fuq l-internet, b’mod partikolari meta jidher li dawn l-attivitajiet jibqgħu awtorizzati matul perijodu tranżitorju ta’ sena sabiex jiġi permess lil operaturi li sa issa operaw biss fuq l-internet li jwettqu konverżjoni tal-attività tagħhom għal mezzi awtorizzati oħra ta’ kummerċjalizzazzjoni, filwaqt li josservaw, matul l-imsemmi perijodu tranżitorju, diversi regoli dwar il-protezzjoni tal-minuri u tal-lagħaba.

92      Il-Land Schleswig-Holstein issostni li ma huwiex ċar, fid-dawl tad-diċitura ta’ din id-domanda, jekk din tal-aħħar tirrigwardax biss il-konformità mad-dritt tal-Unjoni Ewropea ta’ sena tranżitorja bħal dik stipulata mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jew jekk din tirrigwardax ukoll il-projbizzjoni ta’ prinċipju tal-offerti ta’ logħob tal-ażżard fuq l-internet.

93      Dawn id-dubji ma humiex madankollu fondati.

94      Fil-fatt, jirriżulta l-ewwel nett mill-formulazzjoni nfisha ta’ din id-domanda preliminari li l-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod ġenerali u prinċipali dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni Ewropea ta’ projbizzjoni ta’ organizzazzjoni u ta’ intermedjazzjoni ta’ logħob tal-ażżard fuq l-internet, filwaqt li riferenza għall-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji fuq imsemmija qed issir, kif indikat bl-użu tal-avverbju “b’mod partikolari”, biss bħala partikolarità li għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kawża prinċipali.

95      Sussegwentement, kif jirriżulta mill-punt 37 ta’ din is-sentenza, id-dubji espressi fid-deċiżjoni tar-rinviju jirrigwardaw, fi kliem ġenerali ħafna, il-kwistjoni dwar jekk projbizzjoni bħal dik inkluża fl-Artikolu 4 tal-GlüStV tistax titqies bħala adegwata sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-ġlieda kontra r-riskju tal-vizzju għal-logħob u tal-protezzjoni tal-minuri, meqjusa bħala li huma l-bażi tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

96      Fl-aħħar, huwa ċar li, biss jekk il-projbizzjoni ġenerali li, l-logħob tal-ażżard jiġi permess fuq l-internet, tista’ titqies bħala adattata sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija, li jkun hemm lok għad-domanda dwar jekk l-arranġament ta’ perijodu tranżitorju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex jew le tali li jaffettwa din l-adegwatezza.

97      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ organizzazzjoni u tal-projbizzjoni ta’ logħob tal-ażżard fuq l-internet, hemm lok li jiġi nnotat li l-qorti tar-rinviju llimitat ruħha li tqiegħed fid-dubju l-konformità ta’ din il-projbizzjoni mad-dritt tal-Unjoni Ewropea fi kliem ġenerali ħafna li għadhom kif ġew imfakkra fil-punt 95 ta’ din is-sentenza.

98      Billi l-imsemmija qorti ma kinitx iktar speċifika dwar in-natura tad-dubji li hija għandha f’dan ir-rigward, u llimitat ruħha sabiex tirreferi għal pożizzjonijiet adottati mill-Kummissjoni f’avviż ċirkonstanzjat indirizzat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wara n-notifika minn din tal-aħħar tal-proġett ta’ GlüStV, mingħajr madankollu b’ebda mod ma spjegathom, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tillimita l-istħarriġ tagħha għall-kwistjoni dwar jekk miżura ta’ projbizzjoni ta’ offerti ta’ logħob tal-ażżard fuq l-internet bħal dik prevista fl-Artikolu 4(4) tal-GlüStV tistax, bħala regola, titqies bħala adegwata sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ prevenzjoni tal-inkoraġġiment għal infiq eċċessiv relatat mal-logħob u ta’ ġlieda kontra l-vizzju għal-logħob kif ukoll il-protezzjoni taż-żgħażagħ.

99      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat, preliminarjament, li l-Qorti tal-Ġustizzja preċedentement irrikonoxxiet li sempliċi projbizzjoni mil-logħob tal-ażżard fuq it-territorju ta’ Stat Membru, f’dan il-każ il-lotteriji, tista’ tiġi ġġustifikata minn tali raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (ara s-sentenza Schindler, iċċitata iktar ’il fuq).

100    Fil-kawża prinċipali, il-projbizzjoni kkontestata ma tirrigwardax il-kummerċjalizzazzjoni ta’ tip partikolari ta’ logħob tal-ażżard, iżda kanal li permezz tiegħu jiġi offert logħob tal-ażżard, jiġifieri l-internet.

101    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tenfasizza l-partikolaritajiet relatati mal-offerta ta’ logħob tal-ażżard fuq l-internet (ara s-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72).

102    B’hekk hija b’mod partikolari osservat li, minħabba n-nuqqas ta’ kuntatt dirett bejn il-konsumatur u l-operatur, il-logħob tal-ażżard aċċessibbli bl-internet jimplika riskji ta’ natura differenti u ta’ portata ikbar meta mqabbla mas-swieq tradizzjonali ta’ tali logħob fir-rigward ta’ eventwali frodi mwettqa mill-operaturi fil-konfront tal-konsumaturi (sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70).

103    Għandu jiġi nnotat li l-karatteristiċi speċifiċi għall-offerta ta’ logħob tal-ażżard fuq l-internet jistgħu, bl-istess mod, ikunu sors ta’ riskji ta’ natura differenti u ta’ portata ikbar rigward il-protezzjoni tal-konsumaturi, u b’mod partikolari ta’ żgħażagħ u ta’ persuni li għandhom tendenza partikolari għal-logħob jew jistgħu jiżviluppaw tali tendenza, f’relazzjoni mas-swieq tradizzjonali ta’ tali logħob. Barra min-nuqqas ta’ kuntatt dirett bejn il-konsumatur u l-operatur, imsemmi qabel, il-faċilità għalkollox partikolari u l-permanenza tal-aċċess għal-logħob propost fuq l-internet kif ukoll il-volum u l-frekwenza potenzjalment għoljin ta’ tali offerta ta’ natura internazzjonali, f’ambjent li huwa barra minn dan ikkaratterizzat minn iżolament tal-lagħab, anonimat u assenza ta’ kontroll soċjali, jikkostitwixxu daqstant fatturi ta’ natura li jiffavorixxu żvilupp tal-vizzju għal-logħob u tal-infiq eċċessiv relatat ma’ dan tal-aħħar kif ukoll, għaldaqstant, iżidu l-konsegwenzi soċjali u morali negattivi relatati, kif ġew esposti minn ġurisprudenza stabbilita.

104    Barra minn dan, hemm lok li jiġi osservat li, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u tal-ordni soċjali fis-settur tal-logħob tal-ażżard, ma huwiex meħtieġ, fir-rigward tal-kriterju ta’ proporzjonalità, li miżura restrittiva stabbilita mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru tikkorrispondi għal kunċett komuni għall-Istati Membri għal dak li jikkonċerna l-modalitajiet ta’ protezzjoni tal-interess leġittimu inkwistjoni (ara, b’analoġija, s-sentenza tat-28 ta’ April 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑518/06, Ġabra p. I‑3491, punti 83 u 84).

105    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi rikonoxxut li miżura ta’ projbizzjoni li tirrigwarda kull offerta ta’ logħob tal-ażżard fuq l-internet tista’, bħala regola, titqies bħala adegwata sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi ta’ prevenzjoni tal-inkoraġġiment għal infiq eċċessiv relatat mal-logħob u ta’ ġlieda kontra l-vizzju għal-logħob kif ukoll il-protezzjoni taż-żgħażagħ, anki jekk l-offerta ta’ tali logħob tibqa’ awtorizzata minn kanali iktar tradizzjonali.

106    Fit-tieni lok, rigward l-iffissar ta’ perijodu tranżitorju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu b’mod partikolari jiġi vverifikat jekk dan tal-aħħar ma jippreġudikax il-koerenza tal-leġiżlazzjoni kkonċernata billi jwassal għal riżultat kuntrarju għall-għan imfittex.

107    F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li l-miżura tranżitorja inkwistjoni fil-kawża prinċipali tapplika biss għal-lotteriji, u mhux għal tipi oħra ta’ logħob tal-ażżard.

108    Sussegwentement, jirriżulta minn spjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju li din il-miżura tranżitorja għandha biss l-għan li tippermetti lil ċerti operaturi ekonomiċi, li legalment ipproponew sa issa lotteriji fuq l-internet fil-Land ikkonċernat, li jwettqu konverżjoni tal-attività tagħhom wara d-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni li tolqot l-attività inizjali tagħhom u li hija limitata għal terminu ta’ sena, li ma tistax titqies bħala mhux raġonevoli fl-imsemmija perspettiva.

109    Fl-aħħar, għandu jiġi enfasizzat ukoll, l-ewwel nett, li jirriżulta mill-Artikolu 25(6) tal-GlüStV u mill-Artikolu 9 tal-GlüStV AG li, matul l-imsemmi perijodu tranżitorju, l-operaturi kkonċernati huma obbligati li josservaw sensiela ta’ kundizzjonijiet dwar l-esklużjoni tal-minuri u tal-lagħaba pprojbiti, il-limitazzjoni tal-flus li jintlagħbu, il-modalitajiet u l-frekwenza tal-offerta ta’ logħob kif ukoll l-implementazzjoni ta’ miżuri soċjali u, it-tieni nett, li l-Land Schleswig-Holstein sostna quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-benefiċċju tal-imsemmija miżura tranżitorja kellu jkun aċċessibbli, mingħajr diskriminazzjoni, għall-operaturi kollha ta’ lotteriji eventwalment ikkonċernati.

110    Ma jidhirx għalhekk li tali perijodu tranżitorju, fl-apparenza iġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet ta’ ċertezza legali (ara, b’analoġija, s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, ASM Brescia, C‑347/06, Ġabra p. I‑5641, punti 68 sa 71), huwa tali li jaffettwa l-koerenza tal-miżura ta’ projbizzjoni ta’ offerta ta’ logħob tal-ażżard fuq l-internet u l-adegwatezza tagħha li tilħaq l-għanijiet leġittimi li hija għandha (ara, b’analoġija, rigward eċċezzjoni temporanja għal projbizzjoni ta’ użu tal-ispiżeriji minn dawk li ma humiex spiżjara, s-sentenza tad-19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et., C-171/07 u C-172/07, Ġabra p. I-4171, punti 45 sa 50).

111    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li r-raba’ domanda tintwieġeb fis-sens li l-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li regoli nazzjonali li jipprojbixxu l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni ta’ logħob tal-ażżard pubbliku fuq l-internet għall-finijiet ta’ prevenzjoni minn infiq eċċessiv relatat mal-logħob, ta’ ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob u ta’ protezzjoni taż-żgħażagħ jistgħu, bħala regola, jitqiesu bħala adegwati sabiex jintlaħqu tali għanijiet leġittimi, anki jekk l-offerta ta’ tali logħob tibqa’ awtorizzata minn kanali iktar tradizzjonali. Il-fatt li tali projbizzjoni hija akkumpanjata minn miżura tranżitorja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex ta’ natura li ċċaħħad l-imsemmija projbizzjoni minn din l-adegwatezza.

 Fuq l-ispejjeż

112    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li operatur li jixtieq jipproponi bl-internet imħatri fuq kompetizzjonijiet sportivi fi Stat Membru li ma huwiex dak li huwa stabbilit fih ma jieqafx li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni għar-raġuni biss li l-imsemmi operatur ma għandux awtorizzazzjoni li tippermettilu jipproponi tali mħatri lil persuni li jinsabu fuq it-territorju tal-Istat Membru li fih huwa stabbilit, iżda għandu biss għad-dispożizzjoni tiegħu awtorizzazzjoni li jipproponi dawn is-servizzi lil persuni li jinsabu barra mill-imsemmi territorju.

2)      L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta ġie stabbilit monopolju pubbliku reġjonali fir-rigward ta’ mħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi u ta’ lotteriji li għandu l-għan ta’ prevenzjoni mill-inkoraġġiment għal infiq eċċessiv relatat mal-logħob u tal-ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob, u li qorti nazzjonali tikkonstata, fl-istess ħin

–        li tipi oħra ta’ logħob tal-ażżard jistgħu jiġu sfruttati minn operaturi privati li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni, u

–        li, fid-dawl ta’ tipi oħra ta’ logħob li ma jaqax taħt l-imsemmi monopolju u li jippreżenta barra minn dan potenzjal ta’ riskju ta’ vizzju ogħla mil-logħob suġġett għal dan il-monopolju, l-awtoritajiet kompetenti jħaddnu politika ta’ espansjoni tal-offerta ta’ natura li tiżviluppa u tistimola l-attivitajiet ta’ logħob, b’mod partikolari bl-għan li jiġi massimizzat id-dħul li ġej minn dawn tal-aħħar,

il-qorti nazzjonali tista’ leġittimament tikkunsidra li tali monopolju m huwiex adattat sabiex jiggarantixxi t-twettiq tal-għan li għalih huwa ġie stabbilit billi jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-okkażjonijiet tal-logħob u għal-limitazzjoni tal-attivitajiet f’dan il-qasam b’mod koerenti u sistematiku.

Il-fatt li l-logħob tal-ażżard li huwa s-suġġett tal-imsemmi monopolju jaqa’ taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet reġjonali, filwaqt li dawk it-tipi ta’ logħob ieħor jaqgħu taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet federali, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

3)      L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta fi Stat Membru hemm stabbilita sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva preliminari fir-rigward tal-offerta ta’ ċerti tipi ta’ logħob tal-ażżard, tali sistema, li teżenta mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi garantita mil-imsemmija dispożizzjoni, tista’ tissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw minn din tal-aħħar biss meta tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u magħrufa minn qabel, b’mod li jiġi limitat l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex din ma tintużax arbitrarjament. Barra minn hekk, kull persuna milquta minn miżura restrittiva bbażata fuq tali deroga għandha jkollha rimedji effettivi ta’ natura ġudizzjarja.

4)      L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li regoli nazzjonali li jipprojbixxu l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni ta’ logħob tal-ażżard pubbliku fuq l-internet għall-finijiet ta’ prevenzjoni minn infiq eċċessiv relatat mal-logħob, ta’ ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob u ta’ protezzjoni taż-żgħażagħ jistgħu, bħala regola, jitqiesu bħala adegwati sabiex jintlaħqu tali għanijiet leġittimi, anki jekk l-offerta ta’ tali logħob tibqa’ awtorizzata minn kanali iktar tradizzjonali. Il-fatt li tali projbizzjoni hija akkumpanjata minn miżura tranżitorja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mhijiex ta’ natura li ċċaħħad l-imsemmija projbizzjoni minn din l-adegwatezza.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.