SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

3 ta’ Settembru 2009 ( *1 )

“VAT — Supremazija tad-dritt Komunitarju — Dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tistabbilixxi l-prinċipju ta’ res judicata”

Fil-Kawża C-2/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Ottubru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Jannar 2008, fil-proċeduri

Amministrazione dell’Economia e delle Finanze,

Agenzia delle Entrate

vs

Fallimento Olimpiclub Srl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, K. Schiemann (Relatur), P. Kūris, L. Bay Larsen u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Jannar 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Fallimento Olimpiclub Srl, minn G. Tinelli, avukat,

għall-Gvern Taljan, minn I. Bruni, bħala aġent, assistita minn P. Gentili u W. Ferrante, avvocati dello Stato,

għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Traversa u M. Afonso, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Marzu 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ res judicata f’kawża dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Fallimento Olimpiclub Srl (Olimpiclub Srl fi stralċ, iktar ’il quddiem “Olimpiclub”) u l-Amministrazione dell’Economia e delle Finanze (administration de l’Économie et des Finances, iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni finanzjarja” dwar erba’ avviżi ta’ aġġustament tal-VAT mibgħuta lill-Olimpiclub għas-snin ta’ tassazzjoni mill-1988 sal-1991.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

3

L-Artikolu 2909 tal-Kodiċi Ċivili Taljan (codice civile), intitolat “Awtorità ta’ res judicata ”, jipprovdi kif ġej:

“Konklużjonijiet magħmula f’sentenzi li kisbu l-forza ta’ res judicata għandhom jorbtu lill-partijiet, lis-suċċessuri legali u l-aventi kawża tagħhom.”

4

Dan l-Artikolu ġie interpretat mill-Corte suprema di cassazione (Qorti tal-Kassazzjoni) fis-sentenza tagħha Nru 13916/06 kif ġej:

“[…] meta żewġ proċeduri bejn l-istess partijiet jirrigwardaw l-istess relazzjoni ġuridika u meta waħda minnhom ġiet konkluża permezz ta’ sentenza li akkwistat il-forza ta’ res judicata, il-konstatazzjonijiet hekk magħmula dwar din is-sitwazzjoni ġuridika jew dwar is-soluzzjoni tal-punti ta’ fatt jew ta’ dritt li jirrigwardaw punt fundamentali komuni għaż-żewġ kawżi, u li b’hekk jifformaw il-premessa loġika indispensabbli għad-deċiżjoni li tinsab fid-dispożittiv tas-sentenza, jipprekludu illi dan l-istess punt ta’ dritt, issa deċiż, jiġi eżaminat mill-ġdid, anki jekk il-proċeduri sussegwenti għandhom għanijiet differenti minn dawk li kienu s-suġġett u t-talbiet fl-ewwel proċeduri.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

5

Olimpiclub, kumpannija b’responsabbiltà limitata li l-għanijiet tagħha huma l-kostruzzjoni u l-immaniġġjar ta’ faċilitajiet sportivi, hija s-sid ta’ kumpless sportiv li jinsab fuq art proprjetà tal-Istat Taljan. Fis-27 ta’ Diċembru 1985, flimkien mal-Associazione Polisportiva Olimpiclub (iktar ’il quddiem l-“Assoċjazzjoni”), assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li kważi l-membri fundaturi kollha tagħha kellhom ukoll ishma f’Olimpiclub, hija kkonkludiet kuntratt li kien jippermetti lill-Assoċjazzjoni tuża l-kumpless sportiv kollu (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ kommodat”). Inkambju ta’ dan, l-Assoċjazzjoni kellha, l-ewwel nett, tħallas it-tariffa lill-Istat Taljan (ammont pagabbli għall-għoti tal-użu tal-art), it-tieni nett, tħallas kull sena ITL 5 miljuni għar-rimborż tal-ispejjeż standard annwali u, it-tielet nett, tittrasferixxi lil Olimpiclub id-dħul gross kollu tal-Assoċjazzjoni, li jikkonsisti fl-ammont totali tal-miżati annwali mħallsa mill-membri tagħha.

6

Fl-1992, l-amministrazzjoni finanzjarja għamlet investigazzjonijiet dwar dan il-kuntratt ta’ kommodat u waslet għall-konklużjoni li l-partijiet f’dan il-kuntratt, permezz ta’ att formalment legali, fir-realtà, riedu esklużivament li tiġi evitata l-liġi sabiex jiksbu vantaġġ fiskali. B’hekk, Olimpiclub kienet ittrasferiet lill-assoċjazzjoni bla skop ta’ lukru l-ħlasijiet amministrattivi u maniġerjali kollha tal-kumpless sportiv ikkonċernat, filwaqt li bbenefikat mid-dħul li għamlet din l-assoċjazzjoni fil-forma ta’ miżati mħallsa mill-membri tagħha u, b’hekk ma ġietx suġġetta għall-VAT. Peress li l-amministrazzjoni finanzjarja għalhekk ikkunsidrat li l-kuntratt ta’ kommodat ma setax jiġi invokat kontra tagħha, hija attribwiet lil Olimpiclub id-dħul gross kollu tal-Assoċjazzjoni matul is-snin taħt investigazzjoni u konsegwentement, permezz ta’ erba’ avviżi ta’ aġġustament, ikkorreġiet id-dikjarazzjonijiet tal-VAT ippreżentati minn Olimpiclub għas-snin ta’ tassazzjoni mill-1988 sal-1991.

7

Olimpiclub ippreżentat rikors kontra dawn l-avviżi quddiem il-Commissione tributaria provinciale di primo grado di Roma (Qorti Provinċjali tat-Taxxa tal-Prim’Istanza ta’ Ruma), li laqgħet dan ir-rikors, billi ddeċidiet li l-amministrazzjoni finanzjarja ma setgħetx teskludi l-effetti legali tal-kuntratt ta’ kommodat peress li ma kinitx ippruvat li l-eżistenza ta’ ftehim frodulenti.

8

L-amministrazzjoni finanzjarja appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Commissione tributaria regionale del Lazio (Qorti Reġjonali tat-Taxxa tal-Lazio), li kkonfermat l-imsemmija deċiżjoni. Skont din il-qorti, l-amministrazzjoni finanzjarja ma ppruvatx l-eżistenza ta’ intenzjoni frodulenti taż-żewġ partijiet li kkonkludew il-kuntratt ta’ kommodat, peress li r-raġunijiet li għalihom kien ġie konkluż dan il-kuntratt setgħu leġittimament ikunu minħabba l-fatt li ma kienx ekonomiku għal kumpannija kummerċjali li timmaniġġja dawk li huma essenzjalment attivitajiet sportivi.

9

L-amministrazzjoni finanzjarja ppreżentat appell fil-Kassazzjoni minn din l-aħħar sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Peress li sadattant Olimpiclub ġiet iddikjarata falluta, kien il-kuratur fil-proċeduri tal-istralċ li deher bħala konvenut fil-proċeduri fil-Kassazzjoni.

10

Fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, il-kuratur ibbaża ruħu fuq l-eżistenza ta’ żewġ sentenzi tal-Commissione tributaria regionale del Lazio li akkwistaw il-forza ta’ res judicata u li kienu jikkonċernaw avviżi ta’ aġġustament tal-VAT li saru wara l-istess investigazzjoni fiskali li tikkonċerna lil Olimpiclub, iżda relatati ma’ snin ta’ tassazzjoni oħra, jiġifieri s-sentenzi Nri 138/43/00 u 67/01/03, relatati, rispettivament, mas-snin ta’ tassazzjoni 1992 u 1987.

11

Minkejja li dawn is-sentenza kienu jirrigwardaw snin ta’ tassazzjoni differenti, il-konstatazzjonijiet fihom u s-soluzzjonijiet mogħtija huma, skont l-Artikolu 2909 tal-Kodiċi Ċivili Taljan li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ res judicata, ta’ natura vinkolanti fil-kawża prinċipali.

12

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fi kwistjonijiet ta’ taxxa, il-qrati Taljani, meta jinterpretaw l-Artikolu 2909 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, minn dejjem baqgħu jaderixxu mal-prinċipju ta’ separazzjoni ta’ sentenzi finali, skont liema kull sena ta’ tassazzjoni tibqa’ awtonoma meta mqabbla ma’ oħrajn u tkun is-suġġett, bejn il-persuna taxxabbli u l-awtorità tat-taxxa, ta’ relazzjoni legali distinta meta mqabbla mas-snin ta’ tassazzjoni preċedenti u sussegwenti, b’tali mod li, meta kawżi relatati ma’ snin ta’ tassazzjoni differenti dwar l-istess taxxa (anki jekk jirrigwardaw kwistjonijiet simili) huma s-suġġett ta’ sentenzi separati, kull kawża tibqa’ awtonoma u d-deċiżjoni finali ma jkollha l-ebda forza ta’ res judicata fil-konfront tal-kawżi relatati mas-snin ta’ tassazzjoni oħrajn.

13

Madankollu, dan l-approċċ ġie modifikat reċentement, b’mod partikolari minħabba l-abbandun tal-prinċipju ta’ separazzjoni ta’ sentenzi finali. Issa, id-deċiżjoni li tirriżulta f’sentenza mogħtija f’kawża, li fiha l-konstatazzjonijiet huma relatati ma’ kwistjonijiet simili, tista’ tiġi invokata f’kawża oħra, minkejja li l-imsemmija sentenza tkun relatata ma’ perijodu ta’ tassazzjoni differenti minn dak inkwistjoni fil-proċeduri li fihom ġiet invokata.

14

Peress li ż-żewġ sentenzi msemmija fil-punt 10 ta’ din is-sentenza kkonstataw l-eżistenza ta’ raġunijiet ekonomiċi validi li jiġġustifikaw il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kommodat bejn l-Assoċjazzjoni u Olimpiclub, u peress li dawn kienu favur Olimpiclub, il-konvenut fil-kawża prinċipali sostna li l-appell fil-Kassazzjoni għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli inkwantu huwa intiż sabiex jerġgħu jiġu deċiżi mill-ġdid l-istess kwistjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt.

15

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-fatturi li l-qorti tar-rinviju tqis li hija marbuta bl-imsemmija sentenzi, li juru b’mod definittiv li l-kuntratt ta’ kommodat huwa verament legali u mhux frodulenti. Madankollu, hija tirrileva li dan jista’ jipprekludiha milli teżamina l-kawża prinċipali fid-dawl tar-regoli Komunitarji u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-VAT, b’mod partikolari tal-kawża tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C-255/02, Ġabra p. I-1609), u eventwalment milli tikkonstata l-eżistenza ta’ abbuż ta’ dritt.

16

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra b’mod partikolari s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini (C-119/05, Ġabra p. I-6199), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt Komunitarju jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali bħall-Artikolu 2909 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ res judicata, inkwantu l-applikazzjoni tagħha tostakola l-irkupru ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat bi ksur tad-dritt Komunitarju. Hija ssostni li din is-sentenza donnha turi ċerta tendenza fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex l-awtorità tal-prinċipju ta’ res judicata tibda tiġi kkunsidrata b’mod relattiv u sabiex tali prinċipju ma jiġix ikkunsidrat sabiex tiġi rrispettata s-supremazija tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju u sabiex jiġi evitat kunflitt bejniethom. F’dan ir-rigward il-qorti tar-rinviju tirreferi għas-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss (C-126/97, Ġabra p. I-3055); tat-28 ta’ Ġunju 2001, Larsy (C-118/00, Ġabra p. I-5063); tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C-201/02, Ġabra p. I-723), u tat-13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz (C-453/00, Ġabra p. I-837).

17

Peress li l-ġbir tal-VAT għandu rwol importanti fil-kompożizzjoni tar-riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tesiġiex li ma tiġix irrikonoxxuta l-awtorità vinkolanti ta’ sentenza nazzjonali li tkun saret, bis-saħħa tal-liġi nazzjonali, res judicata. Fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni tal-Artikolu 2909 tal-Kodiċi Ċivili Taljan jista’ ma jippermettix l-implementazzjoni sħiħa ta’ regola li tipprojbixxi l-użu abbużiv tad-dritt kif żviluppat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-VAT bħala strument li jiggarantixxi l-applikazzjoni sħiħa tas-sistema Komunitarja tal-VAT. F’dan ir-rigward, din il-qorti qed tirreferri għas-sentenza Halifax et, iċċitata iktar ’il fuq.

18

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Corte suprema di cassazione ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Id-dritt Komunitarju jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħall-Artikolu 2909 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, intiża sabiex tistabbilixxi l-prinċipju ta’ res judicata, meta din l-applikazzjoni twassal għal riżultat li jmur kontra d-dritt Komunitarju, b’mod illi jġib fix-xejn l-applikazzjoni tiegħu, anki f’setturi differenti minn dak tal-għajnuna mill-Istat (fir-rigward ta’ liema teżisti s-sentenza […] Lucchini [, iċċitata iktar ’il fuq] u, b’mod partikolari, fil-qasam tal-VAT u ta’ abbuż ta’ dritt imwettaq bil-għan li jiġi indebitament evitat il-ħlas ta’ taxxa, b’mod partikolari fid-dawl tal-kriterju ta’ dritt nazzjonali, hekk kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-[Corte suprema di cassazione], skont liema, fi kwistjonijiet ta’ taxxa, ir-res judicata f’kawża partikolari, meta din tirrigwarda punt fundamentali komuni ma’ kawżi oħra, għandha, fir-rigward ta’ dan il-punt, effett vinkolanti, anki jekk il-konstatazzjonijiet mwettqa f’dan il-każ jirreferu għal perijodu ta’ tassazzjoni differenti?”

Fuq id-domanda preliminari

19

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt Komunitarju jipprekludix l-applikazzjoni, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali bħall-Artikolu 2909 tal-Kodiċi Ċivili Taljan f’kawża dwar il-VAT li tirrigwarda sena ta’ tassazzjoni li għaliha l-ebda sentenza ġudizzjarja definittiva għadha ma ngħatat, fejn din id-dispożizzjoni timpedixxi lil din il-qorti milli tikkunsidra r-regoli tad-dritt Komunitarju dwar il-prattiki abbużivi marbuta mal-imsemmija taxxa.

20

L-ewwel nett għandu jiġi enfasizzat li, sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, mhuwiex rilevanti li l-qorti tar-rinviju ma tatx raġunijiet iddettaljati li minħabba fihom kien hemm inċertezzi dwar jekk il-kuntratt ta’ kommodat kienx verament legali u mhux frodulenti.

21

Olimpiclub ibbażat ruħha fuq il-prinċipju ta’ res judicata, kif interpretat fis-sistema legali Taljana u deskritt fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, sabiex issostni li l-konstatazzjoni li l-kuntratt tal-kommodat kien legali u mhux frodulenti, li saret fis-sentenzi preċedenti relatati ma’ perijodi ta’ tassazzjoni differenti, hija vinkolanti u definittiva.

22

F’dan ir-rigward, għandha tiġi mfakkra l-importanza li għandu l-prinċipju ta’ res judicata, kemm fis-sistema legali Komunitarja kif ukoll fis-sistemi legali nazzjonali. Fil-fatt, sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tal-liġi u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa essenzjali li ma jkunx possibli li jitqajmu dubji dwar deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jkunu ntużaw il-mezzi kollha disponibbli għal appell jew wara li jkun skada t-terminu previst għal appell sabiex dawn is-sentenzi ma jistgħux jiġu kkontestati iktar (sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C-224/01, Ġabra p. I-10239, punt 38 u tas-16 ta’ Marzu 2006, Kapferer, C-234/04, Ġabra p. I-2585, punt 20).

23

Għaldaqstant, id-dritt Komunitarju ma jimponix fuq qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli interni tal-proċedura li jikkonferixxu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni, anki jekk li kieku jsir hekk, dan jippermetti li jiġi rimedjat ksur tad-dritt Komunitarju mid-deċiżjoni inkwistjoni (ara s-sentenza Kapferer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).

24

Fin-nuqqas ta’ regoli Komunitarji dwar dan is-suġġett, ir-regoli dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ res judicata jaqgħu fi ħdan is-sistema legali interna tal-Istati Membri skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw azzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom jiġu applikati b’mod li fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja jsir impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kapferer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

25

Is-sentenza Lucchini, iċċitata iktar ’il fuq, mhijiex tali li tqajjem dubju dwar l-analiżi esposta hawn fuq. Fil-fatt, din is-sentenza kienet tikkonċerna sitwazzjoni verament partikolari li fiha kienu kkontestati prinċipji li jirregolaw it-tqassim ta’ kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Komunità dwar għajnuna mill-Istat, u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kellha kompetenza esklużiva sabiex teżamina l-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni nazzjonali ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lucchini, iċċitata iktar ’il fuq, punti 52 u 62). Din il-kawża ma tqajjimx kwistjonijiet simili ta’ tqassim ta’ kompetenzi.

26

F’din il-kawża, id-domanda iktar speċifika hija jekk l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ res judicata li għalih il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment, skont liema, fil-kawżi ta’ natura fiskali, ir-res judicata f’kawża partikolari, sakemm tirrigwarda punt fundamentali komuni għal kawżi oħrajn, għandha, fuq dan il-punt, karattru vinkolanti, anki jekk il-konstatazzjonijiet li jkunu saru f’din il-kawża jirrigwardaw perijodu ta’ tassazzjoni differenti, hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività.

27

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kull każ fejn titqajjem il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibili jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju għandu jiġi analizzat billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, fl-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem id-diversi qrati nazzjonali. F’din il-perspettiva, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun neċessarju, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħalma huma l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck, C-312/93, Ġabra p. I-4599, punt 14).

28

Għaldaqstant għandha tiġi eżaminata b’mod iktar partikolari jekk l-interpretazzjoni hawn fuq imsemmija tal-Artikolu 2909 tal-Kodiċi Ċivili Taljan tistax tiġi ġġustifikata għall-ħarsien tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, fid-dawl tal-konsegwenzi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju.

29

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif tagħmel wara kollox il-qorti tar-rinviju stess, li l-imsemmija interpretazzjoni mhux biss tipprekludi lil deċiżjoni ġudizzjarja li tkun saret res judicata milli tiġi kkontestata, anki jekk din id-deċiżjoni tirriżulta fi ksur tad-dritt Komunitarju, iżda tipprekludi wkoll milli tiġi kkontestata, fil-każ ta’ stħarriġ ġudizzjarju dwar deċiżjoni oħra tal-awtorità fiskali kompetenti dwar l-istess persuna suġġetta għat-taxxa jew taxxabbli, iżda fir-rigward ta’ sena oħra fiskali, kull konstatazzjoni li tirrigwarda punt fundamentali komuni li jinsab f’sentenza ġudizzjarja li akkwistat il-forza ta’ res judicata.

30

Tali applikazzjoni tal-prinċipju ta’ res judicata għalhekk tfisser li, fil-każ fejn id-deċiżjoni ġudizzjarja li saret definittiva hija bbażata fuq interpretazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-prattiki abbużivi dwar il-VAT li tmur kontra d-dritt Komunitarju, l-applikazzjoni inkorretta ta’ dawn ir-regoli tirriżulta għal kull sena finanzjarja ġdida, mingħajr ma jkun possibbli li tiġi kkorreġuta tali interpretazzjoni żbaljata.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li tali ostakoli wiesa’ għall-applikazzjoni effettiva tar-regoli Komunitarji dwar il-VAT ma jistgħux jiġu ġġustifikati b’mod raġonevoli bil-prinċipju ta’ ċertezza legali u għalhekk għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jmorru kontra l-prinċipju ta’ effettività.

32

Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-dritt Komunitarju jipprekludi l-applikazzjoni, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, ta’ dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali bħall-Artikolu 2909 tal-Kodiċi Ċivili Taljan f’kawża dwar il-VAT li tirrigwarda sena ta’ tassazzjoni li għaliha tkun għadha ma ngħatat l-ebda sentenza ġudizzjarja definittiva inkwantu timpedixxi lill-qorti nazzjonali adita b’din il-kawża milli tikkunsidra regoli tad-dritt Komunitarju dwar il-prattiki abbużivi marbuta mal-imsemmija taxxa.

Fuq l-ispejjeż

33

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, it-Tieni Awla taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-dritt Komunitarju jipprekludi l-applikazzjoni, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, ta’ dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali bħall-Artikolu 2909 tal-Kodiċi Ċivili Taljan (codice civile) f’kawża dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud li tirrigwarda sena ta’ tassazzjoni li għaliha tkun għadha ma ngħatat l-ebda sentenza ġudizzjarja definittiva inkwantu timpedixxi lill-qorti nazzjonali adita b’din il-kawża milli tikkunsidra regoli tad-dritt Komunitarju dwar il-prattiki abbużivi marbuta mal-imsemmija taxxa.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.