KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-3 ta’ Settembru 2009 ( 1 )

Kawża C-229/08

Colin Wolf

vs

Stadt Frankfurt am Main

“Direttiva 2000/78/KE — Artikolu 4(1) — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Dispożizzjoni nazzjonali li tiffissa għal 30 sena l-età massima għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali fil-korp tal-pompieri — Għan li għandu jintlaħaq — Kunċett ta’ ‘ħtieġa essenzjali u determinanti tax-xogħol’”

1. 

F’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main (il-Ġermanja) tixtieq, prinċipalment, tkun taf jekk dispożizzjoni nazzjonali, li tistabbilixxi l-età ta’ 30 sena bħala l-età massima għar-reklutaġġ fis-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri, hijiex miżura ġustifikata fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ( 2 ).

2. 

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn C. Wolf u l-iStadt Frankfurt am Main (il-belt ta’ Frankfurt am Main) fir-rigward tar-rifjut, minn din tal-aħħar, li tikkunsidra l-applikazzjoni ta’ C. Wolf għar-reklutaġġ fis-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri minħabba l-fatt li huwa kien qabeż il-limitu ta’ età ta’ 30 sena.

3. 

F’dawn il-konklużjonijiet, jiena ser nispjega għalfejn, fil-fehma tiegħi, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża li tistabbilixxi tali limitu ta’ età hija ġustifikata fir-rigward tal-Artikoli 4(1) u 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

I — Il-kuntest ġuridiku

A — Id-Direttiva 2000/78

4.

Skont l-Artikolu 1, l-għan tad-Direttiva 2000/78 huwa li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjieg u x-xogħol, bl-iskop li tistabbilixxi l-prinċipju ta’ trattament ugwali fl-Istati Membri.

5.

Skont il-premessa 18 ta’ din id-direttiva, din “ma teħtieġx, b’mod partikolari, illi l-forzi armati u l-pulizija, is-servizz tal-ħabsijiet jew ta’ l-emerġenza jirreklutaw jew iżommu fl-impjieg persuni li ma jkollhomx il-kapaċità rikjesta biex jaqdu l-funzjonijiet kollha li huma jistgħu jkunu mitluba illi jwettqu fir-rigward ta’ l-għan leġittimu li tinżamm il-kapaċità operattiva ta’ dawn is-servizzi”.

6.

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

[…]”

7.

L-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78 jistipula li:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

(a)

il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni.”

8.

L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat b’dan il-mod:

“Minkejja l-Artikolu 2(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat.”

9.

L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:

“Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament [oġġettivament] u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanijiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

(a)

l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

(b)

[l]-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

(ċ)

l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar.”

10.

L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78 huwa fformulat b’dan il-mod:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li jiġu applikati. Is-sanzjonijiet, li jistgħu jinvolvu l-pagament ta’ kumpens lill-vittma, għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. […]”

B — Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

1. Il-leġiżlazzjoni tal-Land ta’ Hesse

11.

Ir-Regolament dwar il-Karrieri tal-Uffiċjali tas-Servizzi ta’ Intervent tal-Pompieri Professjonali tal-Land ta’ Hesse (Hessische Feuerwehrlaufbahnverordnung), tal-21 ta’ Diċembru 1994 ( 3 ), jipprovdi, fil-punt 1 tal-Artikolu 3(1) tiegħu, li għall-karriera fis-servizz intermedjarju jistgħu jiġi rreklutati biss dawk il-persuni li ma għandhomx iktar minn 30 sena.

12.

L-Artikoli 194 u 197 tal-Liġi dwar is-Servizz Pubbliku tal-Land ta’ Hesse (Hessisches Beamtengesetz), tal-21 ta’ Marzu 1962 ( 4 ), huma fformulati b’dan il-mod:

“Artikolu 194 — Irtirar

(1)   L-uffiċjali tal-pulizija li jkollhom pożizzjoni permanenti joħorġu bil-pensjoni fit-tmiem ix-xahar li matulu jagħlqu sittin sena (limitu ta’ età).

(2)   Fl-interess tas-servizz u fuq talba tal-uffiċjal tal-pulizija, l-irtirar jista’ jiġi pospost għal wara l-għeluq tal-età ta’ sittin sena, għal terminu definit ta’ mhux iktar minn sena kull darba, u dan sal-età massima ta’ tnejn u sittin sena magħluqa.

[…]

Artikolu 197 — Status legali

(1)   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 187 u 192 sa 194 japplikaw b’mod analogu għall-uffiċjali tas-servizzi ta’ intervent tal-pompieri professjonali.

[…]”

2. Il-leġiżlazzjoni federali

13.

Il-Liġi dwar il-Pensjoni tal-Uffiċjali u tal-Imħallfin Federali u Reġjonali (Gesetz über die Versorgung der Beamten und Richter in Bund und Ländern), tal-24 ta’ Awwissu 1976 ( 5 ), tipprovdi, fl-Artikoli 4 sa 14 tagħha, skont il-verżjoni tagħhom applikabbli fil-jum meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, li:

“Artikolu 4 — Ftuħ u kalkolu tad-dritt għall-pensjoni

(1)   Pensjoni tingħata biss jekk l-uffiċjal

1.

ikun għamel perijodu ta’ servizz ta’ mhux inqas minn ħames snin

[…]

Artikolu 14 — Ammont tal-pensjoni

(1)   Għal kull sena tas-servizz li tagħti dritt għall-pensjoni, il-pensjoni tammonta għal 1.79375% tal-ħlasijiet li jagħtu dritt għall-pensjoni (Artikolu 5), iżda mingħajr ma taqbeż it-total ta’ 71.75%.

[…]

(4)   Il-pensjoni tammonta tal-inqas għal 35% tal-ħlasijiet li jagħtu dritt għall-pensjoni (Artikolu 5).

[…]”

14.

Il-Liġi Ġenerali dwar it-Trattament Ugwali (Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz), tal-14 ta’ Awwissu 2006 ( 6 ), ittrasponiet id-Direttiva 2000/78.

15.

L-Artikolu 15 tal-AGG huwa fformulat b’dan il-mod:

“Artikolu 15 — Kumpens u danni

(1)   F’każ ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, min iħaddem huwa obbligat li jħallas kumpens għad-dannu kkawżat. Dan ma jkunx il-każ jekk min iħaddem ma jkunx responsabbli għall-ksur.

(2)   Il-ħaddiem jista’ jitlob kumpens finanzjarju xieraq għal dannu mhux patrimonjali. F’każ ta’ nuqqas ta’ reklutaġġ, il-kumpens ma jistax ikun iktar minn tliet xhur salarju jekk il-ħaddiem ma kienx jiġi rreklutat f’każ ta’ għażla mhux diskriminatorja.

(3)   F’każ ta’ applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv, min iħaddem ikun obbligat iħallas kumpens fil-każ biss li jkun aġixxa intenzjonalment jew b’negliġenza gravi.

[…]”

II — Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16.

B’ittra li waslet fl-4 ta’ Ottubru 2006 għand id-Direttorat tas-Servizzi tat-Tifi tan-Nar tal-iStadt Frankfurt am Main, C. Wolf, li twieled fid-9 ta’ Diċembru 1976, ippreżenta ruħu bħala kandidat għal pożizzjoni fis-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri.

17.

Fit-13 ta’ Novembru 2006, l-iStadt Frankfurt am Main informat lil C. Wolf li r-reklutaġġ li jmiss kien ser isir fl-1 ta’ Awwissu 2007. Madankollu, din id-data ġiet posposta għall-1 ta’ Frar 2008, bi proċedura tal-għażla fix-xahar ta’ Awwissu 2007.

18.

B’ittra tat-28 ta’ Frar 2007, l-iStadt Frankfurt am Main informat lil C. Wolf li ma setgħetx tikkunsidra l-applikazzjoni tiegħu minħabba li huwa kien qabeż il-limitu ta’ età ta’ 30 sena.

19.

Fit-12 ta’ April 2007, C. Wolf talab lill-iStadt Frankfurt am Main kumpens abbażi tal-Artikolu 21 tal-AGG. L-ammont ta’ danni mitlub kien jikkorrispondi għat-triplu tas-salarju fix-xahar li kieku huwa kien jitħallas fil-każ ta’ reklutaġġ.

20.

Peress li din it-talba ġiet miċħuda b’deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2007, ikkonfermata fl-10 ta’ Ottubru 2007, C. Wolf ippreżenta rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-4 ta’ Mejju u tal-10 ta’ Ottubru 2007, kif ukoll għall-ħlas ta’ danni mill-iStadt Frankfurt am Main.

21.

Quddiem dik il-qorti, huwa sostna li l-FeuerwLVO tmur kontra l-AGG.

22.

Il-qorti tar-rinviju, peress li kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża mal-Artikoli 6 u 17 tad-Direttiva 2000/78, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-għaxar domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

Il-leġiżlatur nazzjonali għandu marġni ġenerali wiesa’ ta’ diskrezzjoni u ta’ organizzazzjoni sabiex juża l-possibbiltà għal manuvra fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE jew din id-diskrezzjoni hija, f’kull każ, limitata għal dak li huwa neċessarju f’dak li jikkonċerna l-iffissar ta’ età massima ta’ reklutaġġ fid-dawl tal-ħtieġa ta’ perijodu ta’ impieg minimu qabel l-irtirar, skont il-punt (ċ) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE?

(2)

Ir-rekwiżit ta’ ħtieġa fil-punt (ċ) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE jispeċifika n-natura xierqa tal-mezzi msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 f’termini iktar konkreti, u b’hekk jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ġenerali?

(3)

(a)

Il-fatt li, permezz ta’ età massima ta’ reklutaġġ, min iħaddem isegwi l-interess tiegħu billi jimpjega uffiċjali li jkunu ser jibqgħu f’servizz attiv l-iktar żmien possibbli jikkostitwixxi għan leġittimu għal min iħaddem fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE?

(b)

It-twettiq ta’ tali għan mhuwiex approprjat diġà meta dan għandu l-konsegwenza li l-uffiċjali jibqgħu fis-servizz għal iktar miż-żmien neċessarju sabiex ikollhom dritt għall-pensjoni minima ggarantita mil-liġi fil-każ ta’ tluq għall-irtirar kmieni wara ħames snin ta’ servizz?

(ċ)

It-twettiq ta’ tali għan jsir mhux approprjat fil-każ biss li jkollu l-konsegwenza li l-uffiċjali jibqgħu fis-servizz għal iktar miż-żmien neċessarju, mill-aspett matematiku, għall-ksib tal-pensjoni minima ggarantita mill-liġi fil-każ ta’ rtirar kmieni — attwalment 19.51 snin?

(4)

(a)

Il-fatt li, permezz ta’ età massima ta’ reklutaġġ l-inqas għolja possibbli, jiġi limitat mill-iktar possibbli n-numru totali ta’ uffiċjali li għandhom jiġu reklutati sabiex jitnaqqas, mill-iktar possibbli, in-numru ta’ provvisti individwali bħall-assigurazzjoni għall-inċidenti jew l-assigurazzjoni kontra l-mard (allokazzjonijiet, għall-membri tal-familja wkoll) jikkostitwixxi għan leġittimu fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE?

(b)

F’dan ir-rigward, x’importanza għandu jingħata l-fatt li, maż-żieda fl-età, il-provvista ta’ assistenza soċjali fil-każ ta’ inċident jew tal-allokazzjonijiet fil-każ ta’ mard (ukoll għall-membri tal-familja) togħla meta mqabbla ma’ dik tal-uffiċjali li huma iżgħar, b’tali mod li, fil-każ ta’ reklutaġġ ta’ uffiċjali ikbar fl-età, l-ispejjeż totali relatati ma’ din il-provvista jistgħu jogħlew?

(ċ)

F’dan ir-rigward, għandhom ikunu disponibbli pronjożi jew statistiċi ċerti jew huma biżżejjed preżunzjonijiet ġenerali bbażati fuq probabbiltà?

(5)

(a)

Il-fatt li min iħaddem jixtieq japplika ċerta età massima ta’ reklutaġġ sabiex jiggarantixxi ‘struttura ta’ età bbilanċjata fil-karrieri differenti’ jikkostitwixxi għan leġittimu fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE?

(b)

Jekk dan ikun il-każ, liema huma r-rekwiżiti li l-kunsiderazzjonijiet rigward il-ħolqien ta’ tali struttura ta’ età għandhom jissodisfaw sabiex ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet għal element ta’ ġustifikazzjoni (natura approprjata u neċessarja)?

(6)

Fir-rigward tal-età massima ta’ reklutaġġ, il-fatt li min iħaddem jindika li huwa ġeneralment possibbli li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet oġġettivi ta’ reklutaġġ għal taħriġ fis-servizzi intermedjarji tal-pompieri, jiġifieri taħriġ skolastiku korrispondenti u taħriġ professjonali, sa meta din l-età tintlaħaq, jikkostitwixxi kunsiderazzjoni leġittima fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE?

(7)

Liema huma l-kriterji li jippermettu li jiġi evalwat jekk perijodu minimu ta’ impjieg qabel l-irtirar huwiex approprjat jew neċessarju?

(a)

Il-ħtieġa ta’ perijodu minimu ta’ impjieg tista’ tiġi ġġustifikata esklużivament inkwantu kumpens għall-ksib ta’ kwalifika mingħand min iħaddem, iffinanzjata esklużivament min dan tal-aħħar (kwalifika għall-karriera fis-servizzi intermedjarji tal-pompieri) sabiex tiggarantixxi perijodu sussegwenti approprjat ma’ min iħaddem, fid-dawl ta’ din il-kwalifika, b’tali mod li l-ispejjeż ta’ taħriġ jkunu b’hekk imroddha lura gradwalment mill-uffiċjal?

(b)

Kemm huwa t-tul taż-żmien massimu tal-perijodu ta’ impjieg wara l-perijodu ta’ taħriġ? Jista’ jaqbeż il-ħames snin u, jekk iva, f’liema ċirkustanzi?

(ċ)

Indipendentement mir-risposta għad-domanda 7(a), in-natura approprjata jew neċessarja ta’ perijodu massimu ta’ impjieg tista’ tiġi ġġustifikata mill-kunsiderazzjoni li, għall-uffiċjali li l-irtirar tagħhom huwa ffinanzjat esklużivament minn min iħaddem, il-perijodu previdibbli ta’ impjieg attiv bejn id-data tar-reklutaġġ u d-data probabbli ta’ rtirar għandu jkun biżżejjed biex jiggarantixxi l-kisba tal-pensjoni minima ggarantita mil-liġi li hija bħalissa matematikament miksuba wara perijodu ta’ impjieg ta’ 19.51 snin?

(d)

Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE, ir-rifjut ta’ reklutaġġ huwa ġustifikat biss meta l-persuna kkonċernata hija rreklutata f’età li twassal, fid-dawl tad-data probabbli ta’ rtirar, għall-ħlas tal-pensjoni minima għalkemm din ma tkunx inkisbet mill-aspett matematiku?

(8)

(a)

Għall-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ rtirar fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-punt (ċ) tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE, għandu wieħed japplika l-limitu ta’ età stabbilit mil-liġi għall-irtirar mal-ġbir sussegwenti ta’ pensjoni jew għandu wieħed jibbaża ruħu fuq l-età medja ta’ rtirar ta’ kategorija professjonali jew ta’ uffiċjali speċifika?

(b)

Jekk ikun il-każ, safejn għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, għal ċerti uffiċjali, l-irtirar normali jista’ jiġi pospost għal tul ta’ żmien li jista’ jilħaq sentejn? Dan il-fatt iwassal għal żieda korrispondenti fl-età massima ta’ reklutaġġ?

(9)

Għall-kalkolu tal-perijodu ta’ impjieg minimu fil-kuntest tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE, it-taħrig li għandu, qabel kollox, jitlesta fil-kuntest tax-xogħol ta’ uffiċjal, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni? F’dan ir-rigward, il-kwistjoni dwar jekk it-tul taż-żmien tat-taħriġ għandux jittieħed kollu kemm hu inkunsiderazzjoni bħala perijodu ta’ impjieg li jagħti d-dritt għall-pensjoni jew jekk dan il-perijodu ta’ taħriġ għandux jitnaqqas mill-perijodu ta’ impjieg minimu li min iħaddem jista’ jeżiġi fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-punt (ċ) tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE hija importanti?

(10)

Id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15(1) u tal-Artikolu 15(3) tal-[AGG] huma kompatibbli mal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78/KE?”

III — Analiżi

23.

Jiena nipproponi li neżamina l-ewwel disa’ domandi f’daqqa. Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju qegħda, essenzjalment, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jippermettix li tkun iġġustifikata leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi limitu ta’ età ta’ 30 sena għar-reklutaġġ fis-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri.

24.

Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tipprevedi diversi għanijiet li jistgħu jiġu attribwiti għad-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età li tinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 3(1) tal-FeuerwLVO, li hija, bħala prinċipju, ipprojbita mill-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78. Ma naħsibx li huwa neċessarju li, sabiex tingħata risposta utli lil din il-qorti, għandhom jiġu eżaminati dawn l-għanijiet kollha.

25.

Effettivament, fid-dawl tar-risposti preċiżi u dettaljati li l-Gvern Ġermaniż ta għad-domandi li saru mill-Qorti tal-Ġustizzja matul il-proċeduri, l-analiżi ta’ dan ir-rinviju preliminari jistħoqqilha, fil-fehma tiegħi, li tkun iffokata fuq dak li jikkostitwixxi l-għan essenzjali tal-limitu ta’ età ta’ 30 sena, jiġifieri l-istabbiliment ta’ struttura ta’ età bbilanċjata li tippermetti li tiġi ggarantita l-kapaċità operattiva u l-ħidma tajba tal-korp tal-pompieri.

26.

Mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Ġermaniż jirriżulta li l-membri tas-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri huma meħtieġa li jintervjenu fuq il-post. Għall-kuntrarju tal-funzjonijiet ta’ direzzjoni u kontroll tas-servizz tekniku tal-pompieri, l-attivitajiet tas-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri huma fil-biċċa l-kbira kkaratterizzati min-natura fiżika tagħhom.

27.

L-oqsma differenti tal-attivitajiet tas-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri huma t-tifi tan-nar, is-salvataġġ ta’ persuni, xogħol relatat mal-protezzjoni tal-ambjent u l-ġestjoni ta’ ħsarat ikkawżati minn maltempati, is-salvataġġ ta’ annimali u l-qbid ta’ annimali perikolużi, kif ukoll xogħol ta’ appoġġ bħall-manutenzjoni u l-kontroll ta’ tagħmir ta’ protezzjoni u ta’ vetturi ta’ intervent.

28.

Kull wieħed minn dawn l-oqsma jeħtieġ kapaċitajiet fiżiċi differenti. B’hekk, fl-ewwel żewġ oqsma ta’ attivitajiet li jikkonsistu fit-tifi tan-nar u s-salvataġġ ta’ persuni, l-uffiċjali tas-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri għandhom jissodisfaw rekwiżiti fiżiċi ta’ livell eċċezzjonalment għoli. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li l-ilbies ta’ protezzjoni fih innifsu diġà jiżen madwar 30 kilogramm.

29.

Minħabba dawn ir-rekwiżiti ta’ kapaċità fiżika, dawn iż-żewġ oqsma ta’ attivitajiet huma kkaratterizzati minn struttura ta’ età li tinsab bejn 30 u 50 sena bħala massimu. Effettivament, minħabba t-telf tal-kapaċitajiet fiżiċi tal-bniedem biż-żmien, kważi ebda uffiċjal ma jibqa’ attiv wara l-età ta’ bejn 45 u 50 sena fil-qasam tat-tifi tan-nar u f’dak tas-salvataġġ ta’ persuni.

30.

L-uffiċjali li jaqbżu dik l-età b’hekk jingħataw xogħol ieħor li jkollu jsir mis-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri, u li jeħtieġ kwalitajiet fiżiċi inqas rigorużi.

31.

B’hekk, f’dan il-kuntest, ir-raġuni għal-limitu ta’ età ta’ 30 sena għar-reklutaġġ fis-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri tidher ċara. L-għan huwa li jiġi ggarantit li l-uffiċjali ta’ dak is-servizz ikunu jistgħu jwettqu sew il-funzjonijiet tagħhom li jeħtieġu kwalitajiet fiżiċi ta’ livell partikolarment għoli, u dan għal perijodu raġonevolment twil. Jekk jitqies il-fatt li mal-età ta’ limitu ta’ 30 sena jeħtieġ li jiġi miżjud perijodu ta’ taħriġ ta’ sentejn, dan jippermetti li uffiċjal tas-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri jkun attiv għal 18-il sena (jekk l-età ta’ 50 sena tittieħed bħala referenza) jew għal 13-il sena (jekk l-età ta’ 45 sena tittieħed bħala referenza) fl-oqsma ta’ attivitajiet li jeħtieġu kapaċitajiet fiżiċi partikolarment għolja.

32.

L-organizzazzjoni tajba tas-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri teħtieġ li, meta jiġu assenjati għal oqsma ta’ attivitajiet fiżikament inqas eżiġenti, l-uffiċjali ta’ età ikbar jiġu sostitwiti, fl-oqsma ta’ attivitajiet iktar eżiġenti mill-perspettiva fiżika, mill-uffiċjali iktar żgħar li jistgħu jkunu attivi f’dawk l-oqsma ta’ attivitajiet għal perijodu raġonevolment twil. Għaldaqstant, limitu ta’ età ta’ 30 sena għar-reklutaġġ fis-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri jinftiehem faċilment, għaliex dan jippermetti li l-bidla tal-persunal mill-karigi li huma fiżikament iktar eżiġenti għal dawk li huma inqas, tkun dejjem ikkumpensata bid-dħul ta’ uffiċjali żgħar li jkunu kapaċi jwettqu karigi, bħat-tifi tan-nar u s-salvataġġ ta’ persuni, għal perijodu suffiċjentement twil.

33.

Il-Gvern Ġermaniż issostanzja l-ispjegazzjonijiet tiegħu b’fatti li jirriżultaw minn studji li saru fil-qasam mediku tax-xogħol u tal-isport. Skont dan il-Gvern, l-għan li jiġi ggarantit tul ta’ żmien raġonevoli ta’ impjieg għall-uffiċjali fl-oqsma ta’ attivitajiet li fihom eżiġenzi fiżiċi partikolarment għolja u li għalihom il-limitu mediku u bijoloġiku jkun ta’ madwar 45 jew 50 sena, jirrifletti fatti mediċi u bijoloġiċi li ġew ipprovati. Minn dawn l-istudji jirriżulta li ż-żieda fl-età timplika limitazzjonijiet fil-kapaċitajiet tas-sistema kardjovaskulari, tal-pulmun, tal-muskulatura u tar-reżistenza tal-ġisem tal-bniedem. Huma preċiżament dawn il-funzjonijiet fiżiċi li jippreżentaw importanza determinanti fis-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri.

34.

Barra minn hekk, l-imsemmija studji jiddeskrivu fenomenu ta’ xjuħija prematura meta l-ħaddiema jkunu sottoposti għal kundizzjonijiet ta’ xogħol diffiċli. Jirriżulta li l-uffiċjali tas-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri huma suġġetti għal diffikultajiet fiżiċi marbuta mal-ambjent (pereżempju, is-sħana, l-umdità u l-istorbju), għal eżiġenzi fiżiċi partikolari (pereżempju, l-irfigħ u l-ġarr ta’ piżijiet tqal, ħidma f’pożizzjoni sfurzata), kif ukoll xogħol bil-lejl u bix-xift, li jistgħu jwasslu sabiex ikun iktar mgħaġġel il-proċess ta’ xjuħija ta’ din il-kategorija ta’ ħaddiema. Dan il-fenomenu jsaħħaħ, fil-fehma tiegħi, il-ħtieġa li jiġi ggarantit li uffiċjali żgħar, li jkunu kapaċi jwettqu l-iktar xogħol diffiċli matul perijodu suffiċjentement twil, jissostitwixxu lill-uffiċjali li ma jkunux għadhom f’pożizzjoni li jwettqu tali xogħol.

35.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, fil-fehma tiegħi ma hemm ebda dubju li limitu ta’ età ta’ 30 sena għar-reklutaġġ fis-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri huwa ġustifikat, kemm fir-rigward tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 kif ukoll tal-Artikolu 6(1) ta’ din tal-aħħar.

36.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, għandu jiġi mfakkar li dan jistipula li, “[m]inkejja l-Artikolu 2(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 ma għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat”.

37.

Kif diġà rajna, in-natura ta’ diversi oqsma ta’ attivitajiet li fihom il-pompieri tas-servizz tekniku intermedjarju huma meħtieġa jintervjenu kif ukoll il-kundizzjonijiet sabiex jiġu eżerċitati l-missjonijiet prinċipali tagħhom, jeżiġu kapaċitajiet fiżiċi ta’ livell partikolarment għoli. Inkwantu dawn il-kapaċitajiet fiżiċi għandhom tendenza naturali li jonqsu bl-età, din tikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, karatteristika intrinsika għat-twettiq tajjeb tal-attivitajiet ta’ din il-professjoni li huma l-iktar eżiġenti fiżikament. B’hekk, limitu ta’ età ta’ 30 sena jista’, fil-fehma tiegħi, jitqies bħala ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol sabiex tiġi ggarantita l-kapaċità operattiva tas-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri.

38.

In-natura leġittima ta’ tali għan tirriżulta b’mod ċar mill-premessa 18 tad-Direttiva 2000/78 li, għandu jiġi mfakkar, tippreċiża li din “ma teħtieġx […] illi l-forzi armati u l-pulizija, is-servizz tal-ħabsijiet jew ta’ l-emerġenza jirreklutaw jew iżommu fl-impjieg persuni li ma jkollhomx il-kapaċità rikjesta biex jaqdu l-funzjonijiet kollha li huma jistgħu jkunu mitluba illi jwettqu fir-rigward tal-għan leġittimu li tinżamm il-kapaċità operattiva ta’ dawn is-servizzi” ( 7 ). Barra minn hekk, tali rekwiżit huwa ta’ natura proporzjonata, għaliex kif juru l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Ġermaniż, dan ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex il-pompieri tas-servizz tekniku intermedjarju jkunu jistgħu jwettqu sew il-funzjonijiet li huma fiżikament l-iktar eżiġenti għal perijodu suffiċjentement twil.

39.

Fil-fehma tiegħi, minn dawn l-elementi jirriżulta li l-limitu ta’ età ta’ 30 sena għar-reklutaġġ fis-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri huwa ġustifikat fir-rigward ta’ dak li jipprovdi l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78.

40.

Sussegwentement, fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, għandu jiġi mfakkar li skont dan l-artikolu, “trattament differenti fuq bażi ta’ età ma għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament [oġġettivament] u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ għanijiet ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji”.

41.

L-għanijiet li jistgħu jitqiesu bħala “leġittimi” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 u li, konsegwentement, jistgħu jiġġustifikaw deroga mill-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età huma għanijiet relatati mal-politika soċjali, bħal dawk marbuta mal-politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol jew tat-taħriġ professjonali ( 8 ).

42.

Fil-fehma tiegħi, l-għan li tiġi stabbilita struttura ta’ età bbilanċjata li tiggarantixxi l-kapaċità operattiva u l-ħidma tajba tal-korp tal-pompieri jikkostitwixxi għan tal-politika tal-impjieg li huwa ta’ natura “leġittima” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. L-istabbiliment ta’ struttura ta’ età bbilanċjata fi ħdan il-korp tal-pompieri jista’, fil-fatt, jinftiehem bħala parti mid-definizzjoni ta’ politika tal-impjieg fi ħdan dan il-korp, li l-parametri tagħha jħaddnu missjonijiet li jridu jitwettqu, u li jikkostitwixxu rekwiżit ta’ interess ġenerali.

43.

Fir-rigward tal-punt dwar jekk il-mezzi implementati sabiex jitwettaq dan l-għan humiex “approprjati u neċessarji” fis-sens ta’ dan l-artikolu, għandu jiġi mfakkar li l-Istati Membri mingħajr ebda dubju għandhom marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni fl-għażla tal-miżuri li permezz tagħhom jistgħu jwettqu l-għanijiet tagħhom fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg ( 9 ).

44.

Il-premessa 18 tad-Direttiva 2000/78 effettivament issaħħaħ din il-marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni peress li tirrigwarda d-definizzjoni ta’ politika tal-impjieg fi ħdan is-servizzi tal-pulizija, tal-gwardjani tal-ħabs u s-servizzi ta’ salvataġġ.

45.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-elementi kuntestwali li jirriżultaw mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Ġermaniż esposti iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-punt 1 tal-Artikolu 3(1) tal-FeuerwLVO, billi jistabbilixxi limitu ta’ età ta’ 30 sena għar-reklutaġġ fis-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri, ma jmurx lil hinn minn dak li huwa approprjat u neċessarju sabiex tiġi stabbilita struttura ta’ età bbilanċjata li tiggarantixxi l-kapaċità operattiva u l-ħidma tajba tal-korp tal-pompieri.

46.

Finalment, inkwantu f’din il-kawża ma hemm ebda ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età skont id-Direttiva 2000/78, ma jidhirx li huwa neċessarju li tingħata risposta għall-għaxar domanda, li tirrigwarda l-konsegwenzi ta’ tali ksur.

IV — Konklużjoni

47.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi bil-mod li ġej:

“L-Artikoli 2(2)(a), 4(1) u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi limitu ta’ età ta’ 30 sena għar-reklutaġġ fis-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol. 4 p. 79.

( 3 ) Iktar ’il quddiem, il-“FeuerwLVO”.

( 4 ) GVBl. I, p. 26.

( 5 ) BGBl. I, p. 3839.

( 6 ) BGBl. 2006 I, p. 1897, iktar ’il quddiem l-“AGG”.

( 7 ) Korsiv miżjud minni.

( 8 ) Sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter (C-88/08, Ġabra p. I-5325, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 9 ) Ibidem (punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).