7.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 267/17


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-10 ta’ Settembru 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju tal-Belġju

(Kawża C-100/08) (1)

(Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Artikoli 28 KE u 30 KE - Protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi - Leġiżlazzjoni dwar iż-żamma u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ għasafar imwielda u mrobbija fil-magħluq imqiegħda legalment fis-suq fi Stati Membri oħra)

2009/C 267/29

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: S. Pardo Quintillán u R. Troosters, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju tal-Belġju (rappreżentanti: T. Materne, aġent, G. Van Calster, avocat)

Suġġett

Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ksur tal-Artikolu 28 KE — Protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi — Projbizzjoni taż-żamma ta’ ċerti għasafar imqiegħda legalment fis-suq fi Stati Membri oħra

Dispożittiv

1)

Ir-Renju tal-Belġju,

billi jissuġġetta l-importazzjoni, iż-żamma u l-bejgħ ta’ għasafar imwielda u mrobbija fil-magħluq, li tqiegħdu legalment fis-suq fi Stati Membri oħra, għal kundizzjonijiet restrittivi li jobbligaw lill-operaturi tas-suq ikkonċernati li jibdlu l-immarkar tal-kampjuni b’tali mod li jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa speċifikament mil-leġiżlazzjoni Belġjana u billi ma jaċċettax l-immarkar ta’ kampjuni aċċettat fi Stati Membri oħra u lanqas iċ-ċertifikati maħruġa skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97, tad-9 ta’ Diċembru 1996, dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom, u

billi jċaħħad lill-kummerċjanti mill-possibbiltà li jiksbu derogi mill-projbizzjoni li jżommu għasafar indiġeni Ewropej imqiegħda legalment fis-suq fi Stati Membri oħra,

naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 28 KE.

2)

Ir-Renju tal-Belġju huwa kkundannat għall-ispejjeż.


(1)  ĠU C 128, 24.05.2008