26.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 22/50


Rikors ippreżentat fil-5 ta' Diċembru 2007 — Huta Buczek vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-440/07)

(2008/C 22/95)

Lingwa tal-kawża: Il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Huta Buczek sp. z o.o. (Sosnowiec, il-Polonja) (rappreżentant: D. Szlachetko-Reiter, radca prawny)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikoli 1, 3(1) u 3(3) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2007, dwar l-għajnuna mill-Istat, Nru C23/2006 (ex NN 35/2006) mogħti mill-Polonja lill-produttur ta' l-azzar Grupy Technologie Buczek;

sussudjarjament, tannulla l-Artikoli 1, 3(1) u 3(3) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2007, dwar l-għajnuna mill-Istat, Nru C23/2006 (ex NN 35/2006) mogħti mill-Polonja lill-produttur ta' l-azzar Grupy Technologie Buczek, sa fejn il-Kummissjoni tgħid li sejra tipproċedi għall-irkupru mingħand il-kumpannija Huta Buczek sp. z o.o.;

tannulla l-Artikoli 4 u 5 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2007, dwar l-għajnuna mill-Istat, Nru C23/2006 (ex NN 35/2006) mogħti mill-Polonja lill-produttur ta' l-azzar Grupy Technologie Buczek, sa fejn tirrigwarda l-irkupru mingħand il-kumpannija Huta Buczek sp. z o.o.;

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

In sostenn tat-talbiet li huma s-suġġett tar-rikors, ir-rikorrenti ssostni dan li ġej:

ksur ta' l-Artikolu 88(2) KE u ta' l-Artikolu 87(1) KE, minhabba preżunzjoni, fil-fehma tar-rikorrenti, żbaljata li l-għajnuna toħloq sitwazzjoni inkompatibbli ma l-eżistenza fi ħdan il-kumpannija Technologie Buczek S.A. ta' dewmien fil-ħlas lejn is-servizz Pubbliku. Ir-rikorrenti ssostni li din il-preżunzjoni żbaljata tirriżulta mis-suppożizzjoni żbaljata li l-korpi ta' dritt pubbliku naqsu milli jeżegwixxu l-infurzar kontra l-kumpannija Technologie Buczek S.A. Il-ksur ta' l-Artikolu 88(2) KE u ta' l-Artikolu 87(1) KE jirriżulta wkoll mill-impożizzjoni fuq l-Istat Pollakk ta' l-irkupru ta' għajnuna meqjusa imkompatibbli mas-suq komuni, minkejja li l-Polonja ma tat l-ebda għajnuna tas-somma indikata fid-deċiżjoni la lill-kumpannija Technologie Buczek S.A., u lanqas lill-grupp Technologie Buczek, kif ukoll mill-iffissar ta' somma ta' rkupru ta' l-għajnuna, ta' entità arbitrarja, mingħajr bażi legali u ġustifikazzjoni ekonomika. Ir-rikorrenti tressaq ukoll l-argument li tikkostitwixxi ksur ta' Artikolu 88(2) KE u ta' l-Artikolu 87(1) KE l-impożizzjoni fuq l-Istat Pollakk ta' l-irkupru ta' l-għajnuna mill-kumpannija Huta Buczek sp. z o.o., minkejja li m'hemmx bażi li biha wieħed jissuponi li din il-kumpannija fil-fatt tista' tkun waħda mill-benefiċjarji ta' l-għajnuna mogħtija lil Technologie Buczek S.A, u minkejja l-fatt li din l-għajnuna ma ngħatatx lilha, kif ukoll il-konstatazzjoni li benefiċjarji fil-fatt ta' din l-għajnuna preżunta huma esklużivament il-kumpannija Huta Buczek sp. z o.o. u Buczek Automotive z o.o., minkejja li dawn gawdew biss parzjalment mill-assi tal-kumpannija Technologie Buczek S.A.;

ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba msemmija fl-Artikolu 253 KE u fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali minħabba: nuqqas ta' motivazzjoni debita tad-deċiżjoni li tippermetti lir-rikorrenti tistabbilixxi r-raġunijiet ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni u, konsegwentement, ħruġ ta' deċiżjoni bil-kontenut inkomprensibbli għar-rikorrenti, kif ukoll determinazzjoni żbaljata u insuffiċjenti taċ-ċirkustanzi ta' fatt rilevanti għall-finijiet tal-kawża;

ksur tat-tielet inċiż ta' l-Artikolu 5 KE, kif ukoll tal-prinċipju ta' proporzjonalità minħabba l-impożizzjoni fuq il-kumpannija Huta buczek sp. z o.o. ta' obbligu ta' rimborż ta' l-għajnuna minkejja li dan mhuwiex xieraq u lanqas neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-trattat; b'mod partikolari, mhuwiex ġustifikat bin-neċessità li titneħħa għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni;

ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali minħabba: impożizzjoni fuq il-kontroparti ta' parti, li għandha arretrati ta' ħlas lejn korpi pubbliċi, ta' obbligu ta' rimborż ta' għajnuna li ma rċieva qatt u li minnha ma gawda qatt; iffissar b'mod arbitrarju, skond ir-rikorrenti, tar-rapport li bih il-partijiet tal-grupp Technologie Buczek S.A. setgħu gawdew mill-għajnuna allegatament mogħtija; ksur tad-dritt ta' proprjetà minħabba l-impożizzjoni ta' rkupru ta' parti minn għajnuna mill-Istat minn parti li ma rċeviet qatt xi tip ta' għajnuna u li lanqas kienet fil-fatt benefiċjarja tagħha; abbuż ta' poter minħabba l-ħruġ ta' deċiżjoni għal skop differenti minn dik tat-tneħħija ta' għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni.