SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Seba’ Awla)

23 ta’ Ottubru 2008 ( *1 )

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu — Iffriżar ta’ fondi — Rikors għal annullament — Drittijiet tad-difiża — Motivazzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju”

Fil-Kawża T-256/07,

People’s Mojahedin Organization of Iran, stabbilita f’Auvers-sur-Oise (Franza), irrappreżentata minn J.-P. Spitzer, avocat, u D. Vaughan, QC,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u E. Finnegan, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, inizjalment irrappreżentat minn V. Jackson u T. Harris, imbagħad minn V. Jackson, bħala aġenti, assistiti minn S. Lee u M. Gray, barristers,

minn

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn S. Boelaert u J. Aquilina, imbagħad minn S. Boelaert, P. Aalto u P. van Nuffel, bħala aġenti,

u minn

Ir-Renju tal-Olanda, irrappreżentat minn M. de Grave u Y. de Vries, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett inizjali talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/445/KE, tat-28 ta’ Ġunju 2007, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d-Deċiżjonijiet 2006/379/KE u 2006/1008/KE (ĠU L 169, p. 58), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Is-Seba’ Awla),

komposta minn N. J. Forwood (Relatur), President, D. Šváby u L. Truchot, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Marzu 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Għal espożizzjoni tal-ewwel fatti li wasslu għal din il-kawża, qed isir riferiment għall-punti 1 sa 26 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill (T-228/02, Ġabra p. II-4665, iktar ’il quddiem is-“sentenza OMPI”).

2

Wara s-seduta tas-sottomissjonijiet orali fil-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza OMPI, li saret fis-7 ta’ Frar 2006, iżda qabel ma ngħatat l-imsemmija sentenza, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2006/379/KE, tad-29 ta’ Mejju 2006, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni 2005/930/KE (ĠU L 144, p. 21). Huwa paċifiku li, b’dik id-deċiżjoni, il-Kunsill żamm l-isem tar-rikorrenti fil-lista li hemm fl-Anness tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu [ĠU L 344, p. 70, rettifika ĠU 2007, L 164, p. 36] (iktar ’il quddiem il-“lista kkontestata”).

3

Permezz tas-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/930/KE, tal-21 ta’ Diċembru 2005, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 u li tħassar id-Deċiżjoni 2005/848/KE (ĠU L 340, p. 64), sa fejn din kienet tikkonċerna r-rikorrenti, minħabba li din id-deċiżjoni ma kinitx motivata, minħabba li din ġiet adottata fil-kuntest ta’ proċedura li matulha ma ġewx irrispettati d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u minħabba li l-Qorti tal-Prim’Istanza nfisha ma kinitx f’pożizzjoni li tipproċedi bl-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni (sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, punt 173).

4

Fil-21 ta’ Diċembru 2006, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2006/1008/KE, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 (ĠU L 379, p. 123). B’din id-deċiżjoni, il-Kunsill żied l-isem ta’ ċerti persuni, gruppi u entitajiet fil-lista kkontestata.

5

Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Jannar 2007, il-Kunsill indika lir-rikorrenti li, fil-fehma tiegħu, ir-raġunijiet invokati sabiex tkun inkluża fil-lista kkontestata kienu għadhom validi u li, għalhekk, hija kellha tinżamm f’din il-lista. Ma’ din l-ittra ġiet annessa nota ta’ spjegazzjoni tar-raġunijiet invokati mill-Kunsill. Ġie indikat ukoll lir-rikorrenti li hija setgħet tissottometti lill-Kunsill osservazzjonijiet dwar l-intenzjoni tal-Kunsill li jżommha fil-lista u dwar ir-raġunijiet li huwa invoka f’dan ir-rigward, flimkien ma’ kull dokument insostenn, fi żmien terminu ta’ xahar.

6

Fin-nota ta’ spjegazzjoni annessa mal-imsemmija ittra, il-Kunsill irrileva b’mod partikolari li kienet ittieħdet deċiżjoni fir-rigward tar-rikorrenti minn awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PBSK], tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU L 344, p. 93), jiġifieri, l-ordni tas-Secretary of State for the Home Department (Ministru tal-Affarijiet Interni, iktar ’il quddiem il-“Home Secretary”) tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq tat-28 ta’ Marzu 2001 li jipprojbixxi lir-rikorrenti inkwantu hija organizzazzjoni involuta fit-terroriżmu, fuq il-bażi tat-Terrorism Act 2000 (Liġi dwar it-terroriżmu tal-2000) (iktar ’il quddiem l-“ordni tal-Home Secretary”). Wara li nnota li din id-deċiżjoni, li skont l-imsemmija liġi setgħet tiġi appellata (review), kienet għadha fis-seħħ, il-Kunsill ikkonstata li r-raġunijiet tal-inklużjoni tar-rikorrenti fil-lista kkontestata kienu għadhom applikabbli.

7

Permezz ta’ ittri tas-27 ta’ Frar, tad-19, tal-20 u tas-26 ta’ Marzu 2007, ir-rikorrenti ssottomettiet lill-Kunsill l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward. B’mod partikolari, hija kkontestat li kwalunkwe deċiżjoni li hija “tinżamm” fil-lista kkontestata setgħet validament tiġi adottata wara s-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq. Hija kkritikat ukoll kemm ir-raġunijiet invokati mill-Kunsill sabiex jiġġustifika tali deċiżjoni kif ukoll il-proċedura minnu segwita. Fl-aħħar nett, hija talbet aċċess għall-fajl tal-Kunsill.

8

Flimkien ma’ ittra tat-30 ta’ Marzu 2007, il-Kunsill bagħat lir-rikorrenti sittax-il dokument. Fir-rigward tal-komunikazzjoni tad-dokumenti l-oħra tal-fajl, huwa indika li l-ewwel kellu jiġi kkonsultat l-Istat jew l-Istati ta’ oriġni.

9

Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ April 2007, ir-rikorrenti enfasizzat li kien essenzjali li jkollha aċċess għad-dokumenti kollha tal-fajl u li jkollha l-possibbiltà li tagħmel kummenti dwarhom qabel ma tittieħed deċiżjoni. Fl-istess ġurnata, l-avukati tar-rikorrenti bagħtu lill-Kunsill nota konġunta li fiha rrepetew l-argumenti mressqa qabel u barra minn hekk kkontestaw ukoll li l-ordni tal-Home Secretary seta’ jservi ta’ bażi għad-deċiżjoni inkwistjoni.

10

Permezz ta’ avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali (C 90, p. 1) fil-25 ta’ April 2007, il-Kunsill informa lill-persuni, il-gruppi u l-entitajiet imsemmija fid-Deċiżjonijiet 2006/379 u 2006/1008 li kellu l-intenzjoni li jżommhom fil-lista kkontestata. Il-Kunsill informa wkoll lill-partijiet interessati li huma setgħu jitolbuh nota ta’ spjegazzjoni tar-raġunijiet li minħabba fihom huma ġew inklużi fil-lista inkwistjoni (sakemm din ma kinitx diġà ntbagħtitilhom).

11

Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Mejju 2007, il-Kunsill bagħat lir-rikorrenti dokument addizzjonali tal-fajl. Fir-rigward ta’ dokumenti oħra li kienu għadhom ma ntbagħtux, il-Kunsill indika li l-Istat minn fejn dawn kienu ġejjin kien qed jopponi li dawn jintbagħtu. Barra minn hekk il-Kunsill bagħat ma’ din l-ittra nota tas-Segretarju Ġenerali tiegħu għall-Kumitat tar-Rappreżentati Permanenti (COREPER) tad-19 ta’ Jannar 2007 (Dokument 5418/1/07 REV 1), bit-titolu “Segwitu għas-sentenza [OMPI]”, li magħha kien hemm anness abbozz ta’ ittra u tar-raġunijiet bil-kontenut identiku għal dak tal-ittra tal-Kunsill lir-rikorrenti tat-30 ta’ Jannar 2007, imsemmija fil-punt 5 hawn fuq.

12

Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Mejju 2007, ir-rikorrenti ssottomettiet osservazzjonijiet addizzjonali ġodda, li fihom hija evalwat id-dokumenti mibgħuta mill-Kunsill. Barra minn hekk, hija insistiet li d-dokumenti ta’ difiża mressqa minnha jiddaħħlu fil-fajl.

13

Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Ġunju 2007, il-Kunsill wieġeb lir-rikorrenti li kopja tal-ittri tagħha kif ukoll tad-dokumenti ta’ difiża mressqa minnha ngħatat lid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri.

14

Fit-28 ta’ Ġunju 2007, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2007/445/KE li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tirrevoka d-Deċiżjonijiet 2006/379 u 2006/1008 (ĠU L 169, p. 58). Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, il-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 hija ssostitwita bil-lista li tidher fl-anness. Huwa paċifiku li l-isem tar-rikorrenti jinsab indikat f’dan l-imsemmi anness.

15

Id-Deċiżjoni 2007/445 ġiet innotifikata lir-rikorrenti flimkien ma’ ittra tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2007 (iktar ’il quddiem l-“ewwel ittra ta’ notifika”). In-nota ta’ spjegazzjoni annessa mal-imsemmija ittra hija identika, fis-sustanza, għal dik annessa mal-ittra tat-30 ta’ Jannar 2007 (ara l-punt 6 iktar ’il fuq).

Il-proċedura u żviluppi ġodda fil-mori tal-kawża

16

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta’ Lulju 2007, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

17

B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti ressqet talba sabiex il-kawża tiġi deċiża permezz tal-proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Il-Kunsill ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar din it-talba fit-30 ta’ Lulju 2007.

18

Qabel ma ddeċidiet dwar din l-imsemmija talba, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla) iddeċidiet, fit-13 ta’ Settembru 2007, li tlaqqa’ lill-aġenti tal-partijiet f’seduta informali fil-preżenza tal-Imħallef Relatur, skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura. Din il-laqgħa nżammet fl-10 ta’ Ottubru 2007.

19

Peress li l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza nbidlet b’effett mis-sena ġudizzjarja l-ġdida, l-Imħallef Relatur ġie assenjat għas-Seba’ Awla, fejn din il-kawża ġiet, minħabba f’hekk, assenjata.

20

Fil-11 ta’ Ottubru 2007, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Seba’ Awla) iddeċidiet li taqta’ l-kawża bi proċedura mħaffa, bil-kundizzjoni li r-rikorrenti tippreżenta, fi żmien sebat ijiem, verżjoni mqassra tar-rikors tagħha kif ukoll lista tal-annessi li għandhom jitqiesu unikament, skont il-pjan redatt minnha għas-seduta informali. Ir-rikorrenti ssodisfat din il-kundizzjoni.

21

Permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Novembru 2007, wara li sema’ lill-partijiet, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqa’ t-talba tar-Renju Unit, tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u tar-Renju tal-Olanda sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

22

Permezz tad-Deċiżjoni (Open Determination) PC/02/2006, tat-30 ta’ Novembru 2007, il-Proscribed Organisations Appeal Commission (il-Kummissjoni tal-Appell dwar l-Organizzazzjonijiet Ipprojbiti, ir-Renju Unit, iktar ’il quddiem il-“POAC”) laqgħet appell kontra d-deċiżjoni tal-Home Secretary tal-1 ta’ Settembru 2006 li rrifjutat it-tneħħija tal-projbizzjoni tar-rikorrenti inkwantu hija organizzazzjoni involuta fit-terroriżmu u ordnat lill-imsemmi Home Secretary jissottometti lill-Parlament tar-Renju Unit abbozz ta’ ordni (Order) li jneħħi lir-rikorrenti mil-lista ta’ organizzazzjonijiet ipprojbiti skont it-Terrorism Act 2000 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-POAC”).

23

Flimkien ma’ ittra tal-5 ta’ Diċembru 2007, ir-rikorrenti ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, minn naħa, kopja tad-deċiżjoni tal-POAC u, min-naħa l-oħra, kopja tal-ittra mibgħuta minnha lill-Kunsill fl-istess ġurnata, bil-ħsieb li titneħħa mil-lista kkontestata fid-dawl tad-deċiżjoni tal-POAC.

24

Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Diċembru 2007, il-Qorti tal-Prim’Istanza (is-Seba’ Awla) għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet fir-rigward tal-effett li d-deċiżjoni tal-POAC jista’ jkollha fuq din il-kawża, kif ukoll fuq il-possibbiltà li tiġi segwita l-proċedura mħaffa.

25

Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Diċembru 2007, il-POAC ċaħdet it-talba tal-Home Secretary sabiex jiġi awtorizzat jippreżenta appell quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) [Qorti tal-Appell (l-Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit] kontra d-deċiżjoni tal-POAC tat-30 ta’ Novembru 2007. Il-POAC immotivat ir-rifjut tagħha, f’addendum għal din id-deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2007, minħabba li ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-Home Secretary ma kellu possibbiltajiet raġjonevoli ta’ suċċess.

26

Fl-20 ta’ Diċembru 2007, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2007/868/KE, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2007/445 (ĠU L 340, p. 100). Fi kliem l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, il-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 hija sostitwita bil-lista li tidher fl-anness. Huwa paċifiku li l-isem tar-rikorrenti ġie riprodott fil-punt 2.19 tal-imsemmi anness, taħt it-titolu “Gruppi u entitajiet”.

27

Fit-28 ta’ Diċembru 2007, il-Home Secretary ressaq quddiem il-Court of Appeal talba ġdida sabiex jiġi awtorizzat jappella mid-deċiżjoni tal-POAC.

28

Id-Deċiżjoni 2007/868 ġiet innotifikata lir-rikorrenti flimkien ma’ ittra tal-Kunsill tat-3 ta’ Jannar 2008 (iktar ’il quddiem it-“tieni ittra ta’ notifika”). Skont din l-ittra, il-Kunsill ikkunsidra li r-raġunijiet taż-żamma tar-rikorrenti f’din il-lista, li ġew kkomunikati lilha minn qabel permezz tal-ewwel ittra ta’ notifika, kienu għadhom validi. Fir-rigward tad-deċiżjoni tal-POAC, il-Kunsill irrileva li l-Home Secretary kien ipprova jippreżenta appell minnha.

29

In-nota ta’ spjegazzjoni annessa mat-tieni ittra ta’ notifika hija identika għal dik li ġiet annessa mal-ewwel ittra ta’ notifika (ara l-punt 15 iktar ’il fuq).

30

Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-11 ta’ Jannar 2008, ir-rikorrenti informat lill-Qorti tal-Prim’Istanza bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2007/868. Hija talbet li t-talbiet tagħha fil-kawża ineżami jiġu aġġustati b’tali mod li r-rikors tagħha jipprevedi wkoll l-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, hija talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza tkompli tipproċedi skont il-proċedura mħaffa u sostniet li l-kawża ineżami kienet iktar u iktar urġenti minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni.

31

Il-Kunsill, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni ppreżentaw fir-Reġistru l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2007, fil-15 u fis-16 ta’ Jannar 2008.

32

Fid-dawl tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (is-Seba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fl-ambitu tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura u, b’ittra tar-Reġistratur tal-5 ta’ Frar 2008, hija:

stiednet lill-Kunsill u lill-intervenjenti jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti għall-aġġustament tat-talbiet imsemmija fil-punt 30 iktar ’il fuq;

talbet lill-Kunsill u lir-Renju Unit jippreżentaw id-dokumenti kollha marbuta mal-proċedura ta’ adozzjoni tad-Deċiżjoni 2007/868, sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti;

awtorizzat lir-Renju Unit jippreżenta nota ta’ intervent.

33

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom bi tweġiba għall-imsemmija miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-19 u fil-21 ta’ Frar 2008, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Olanda ddikjaraw li ma kellhomx oġġezzjoni għat-talba ta’ aġġustament tat-talbiet tar-rikorrenti msemmija fil-punt 30 iktar ’il fuq.

34

Għall-kuntrarju, fin-nota ta’ intervent tiegħu, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-21 ta’ Frar 2008, ir-Renju Unit sostna, b’riferiment għall-punt 34 tas-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Prim’Istanza għandu f’din il-kawża jiġi limitat għad-Deċiżjoni 2007/868. Skont dan l-intervenjent, id-Deċiżjoni 2007/445 ma għadhiex tista’ tiġi mistħarrġa peress li din ġiet irrevokata mill-imsemmija Deċiżjoni 2007/868.

35

Barra minn hekk, il-Kunsill u r-Renju Unit ipproduċew id-dokumenti marbuta mal-proċedura ta’ adozzjoni tad-Deċiżjoni 2007/868, sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti, skont it-talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Madankollu, f’dan ir-rigward, ir-Renju Unit talab li ma jkunx hemm pubblikazzjoni tal-informazzjoni li tinsab f’dawn id-dokumenti mressqa minnu.

36

Il-Qorti tal-Prim’Istanza semgħet is-sottomissjonijiet u t-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet tagħha fis-seduta tas-6 ta’ Marzu 2008.

37

Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Mejju 2008, ir-rikorrenti ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza kopja tas-sentenza tal-Qorti tal-Appell tas-7 ta’ Mejju 2008, li tiċħad it-talba tal-Home Secretary sabiex jiġi awtorizzat jippreżenta appell quddiem dik il-qorti mid-deċiżjoni tal-POAC (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Court of Appeal”). F’din l-istess ittra, ir-rikorrenti sostniet ċerti osservazzjonijiet dwar din is-sentenza.

38

Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Ġunju 2008, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Seba’ Awla) iddeċidiet li tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 62 tar-Regoli tal-Proċedura, bil-għan li l-partijiet l-oħra jkunu jistgħu jieħdu pożizzjoni dwar dawn il-provi ġodda.

39

Permezz ta’ ittra mir-Reġistru tat-12 ta’ Ġunju 2008, il-partijiet l-oħra ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-ittra tar-rikorrenti tat-13 ta’ Mejju 2008 u dwar is-sentenza tal-Court of Appeal.

40

Peress li l-Kunsill aċċetta din it-talba b’ittra ppreżentata fir-Reġistru fis-7 ta’ Lulju 2008 u peress li r-rikorrenti ma ġietx awtorizzata tagħmel replika, il-Qorti tal-Prim’Istanza għalqet mill-ġdid il-proċedura orali b’deċiżjoni tal-15 ta’ Lulju 2008.

It-talbiet tal-partijiet

41

Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni 2007/445, sa fejn din tikkonċernaha;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

42

Fl-ittra tagħha lill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Jannar 2008, ir-rikorrenti talbet ukoll lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha tannulla d-Deċiżjoni 2007/868, sa fejn din tikkonċernaha.

43

Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

44

Ir-Renju Unit, il-Kummissjoni u l-Olanda jsostnu l-ewwel kap tat-talbiet tal-Kunsill.

Fuq il-konsegwenzi proċedurali tar-revoka u tat-tibdil tad-Deċiżjoni 2007/445

45

Kif joħroġ mill-punt 26 iktar ’il fuq, id-Deċiżjoni 2007/445 ġiet revokata u mibdula, wara l-preżentata tar-rikors, bid-Deċiżjoni 2007/868. Ir-rikorrenti talbet l-aġġustament tat-talbiet inizjali tagħha b’mod li r-rikors tagħha jipprevedi l-annullament ta’ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet.

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, meta deċiżjoni jew regolament li jikkonċernaw direttament u individwalment individwu jiġu, fil-mori tal-proċedura, mibdula minn att li jkollu l-istess suġġett, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala element ġdid li jippermetti lir-rikorrent jaġġusta t-talbiet u l-motivi tiegħu. Fil-fatt, ikun kuntrarju għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u għall-prinċipju tal-ekonomija tal-ġudizzju li r-rikorrent jiġi obbligat jippreżenta rikors ġdid. Barra minn hekk, ikun inġust li l-istituzzjoni inkwistjoni tkun tista’, sabiex tikkonfronta l-kritika magħmula f’rikors ippreżentat kontra att quddiem qorti Komunitarja, timmodifika l-att ikkontestat jew tibdlu b’att ieħor u tinqeda, fil-mori tal-proċedura, minn din il-modifika jew minn dan il-bdil sabiex iċċaħħad lill-parti l-oħra mill-possibbiltà li testendi t-talbiet u l-motivi inizjali tagħha għall-att li jsir wara jew mill-possibbiltà li tippreżenta talbiet u motivi addizzjonali kontra dan (ara s-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, punti 28 u 29, u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Għalhekk, u skont din il-ġurisprudenza, it-talba tar-rikorrenti f’din il-kawża għandha tintlaqa’ u għandu jiġi kkunsidrat li r-rikors tagħha jipprevedi wkoll, fid-data tal-għeluq tal-proċedura orali, l-annullament tad-Deċiżjoni 2007/868, sa fejn din id-deċiżjoni tikkonċernaha, u l-partijiet għandhom jitħallew jifformulaw mill-ġdid it-talbiet, il-motivi u l-argumenti tagħhom fid-dawl ta’ dan l-element ġdid, li jimplika, għalihom, id-dritt li jippreżentaw talbiet, motivi u argumenti addizzjonali (sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, punt 30).

48

Barra minn hekk, ir-rikorrenti għad għandha interess li tikseb l-annullament tad-Deċiżjoni 2007/445 sa fejn din tikkonċernaha, u sa fejn ir-revoka ta’ att ta’ istituzzjoni ma hijiex rikonoxximent tal-illegalità tagħha u tipproduċi effett ex nunc, u dan b’mod differenti minn sentenza ta’ annullament li permezz tagħha l-att annullat jiġi eliminat retroattivament mill-ordinament ġuridiku u jitqies bħala li qatt ma eżista (ara s-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, punti 34 u 35, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 1960, Geitling et vs L-Awtorità Għolja, 16/59 sa 18/59, Ġabra p. 45, 65). Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li l-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza jinkludi wkoll din id-deċiżjoni, b’mod kuntrarju għal dak li jsostni r-Renju Unit fuq il-bażi ta’ qari manifestament żbaljat tal-punti 34 u 35 tas-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq.

49

Fil-kumplament ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza se tiddeċiedi suċċessivament it-talba għall-annullament tad-Deċiżjoni 2007/445 u t-talba għall-annullament tad-Deċiżjoni 2007/868.

Fuq it-talba għall-annullament tad-Deċiżjoni 2007/445

50

Insostenn tat-talbiet tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni 2007/445, ir-rikorrenti tinvoka, fis-sustanza, ħames motivi. L-ewwel motiv, li jinqasam fi tliet partijiet, huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 233 KE u tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu ta’ motivazzjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-oneru tal-prova u ta’ żball manifest tal-evalwazzjoni tal-provi. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq abbuż jew użu ħażin tal-poter.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 233 KE u tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza OMPI

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv

51

Fl-ewwel parti tal-motiv, ir-rikorrenti tosserva li, skont il-premessi tad-Deċiżjoni 2007/445 u skont il-motivazzjoni inkluża fl-ewwel ittra ta’ notifika, il-Kunsill iddeċieda li “jżomm” lir-rikorrenti fil-lista kkontestata, billi bbaża ruħu fuq il-fatt li d-Deċiżjoni 2006/379, li ma ġietx annullata mill-Qorti tal-Prim’Istanza, kienet għadha fis-seħħ. B’dan il-mod id-Deċiżjoni 2007/445 hija bbażata fuq il-“validità kontinwa” tad-Deċiżjoni 2006/379.

52

Imbagħad ir-rikorrenti ssostni, fis-sustanza, li l-Kunsill ma kellux dritt iżommha fil-lista kkontestata b’dan il-mod, peress li d-Deċiżjoni 2005/930 ġiet annullata mis-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, u d-deċiżjonijiet l-oħra kollha tal-Kunsill, b’mod partikolari d-Deċiżjoni 2006/379, kellhom jiġi meqjusa ipso jure nulli u bla effett fil-konfront tagħha, fuq il-bażi tal-istess sentenza, sa fejn dawn kienu affettwati mill-istess difetti proċedurali (ksur tad-drittijiet tad-difiża) u formali (nuqqas ta’ motivazzjoni) bħad-difetti li ġġustifikaw l-annullament tal-imsemmija Deċiżjoni 2005/930.

53

B’mod partikolari, hija tistrieħ fuq il-punt 35 tas-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, li fih il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat, minn naħa, li, fuq il-bażi ta’ sentenza ta’ annullament, “l-att annullat huwa eliminat retroattivament mill-ordinament ġuridiku u kkunsidrat bħala li qatt ma eżista” u, min-naħa l-oħra, li, fil-każ ta’ annullament ta’ atti kkontestati, il-Kunsill “ikun obbligat […] jieħu l-miżuri tal-eżekuzzjoni tas-sentenza, skont l-Artikolu 233 KE, li jista’ jimplika li [huwa] jimmodifika jew jirtira, skont il-każ, l-atti eventwali li jkunu rrevokaw u ħadu post l-atti kkontestati wara l-għeluq tal-proċedura orali”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill ma setax validament, bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2007/445, jinvoka l-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx annullat id-Deċiżjoni 2006/379.

54

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, permezz tas-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat id-Deċiżjoni 2005/930, sa fejn din kienet tikkonċerna lir-rikorrenti. Għall-kuntarju, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma annullatx id-Deċiżjoni 2006/379, li barra minn hekk ma setgħetx tkun suġġetta għall-istħarriġ ġudizzjarju tagħha peress li din ġiet adottata wara l-għeluq tal-proċedura orali u r-rikorrenti ma talbitx il-ftuħ mill-ġdid ta’ din il-proċedura sabiex it-talbiet tagħha jiġu aġġustati fid-dawl tal-element ġdid li l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni kienet tikkostitwixxi (ara, ukoll, is-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, punt 33).

55

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza kostanti, l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji, anki jekk irregolari, igawdu fil-prinċipju minn preżunzjoni ta’ validità u jipproduċu, għalhekk, effetti ġuridiċi sakemm ma jiġux irtirati, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi wara rinviju għal deċiżjoni preliminari jew minħabba eċċezzjoni ta’ illegalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ April 1982, Dürbeck vs Il-Kummissjoni, 11/81, Ġabra p. 1251, punt 17; tas-26 ta’ Frar 1987, Consorzio Cooperative d’Abruzzo vs Il-Kummissjoni, 15/85, Ġabra p. 1005, punt 10; tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C-137/92 P, Ġabra p. I-2555, punt 48; tat-8 ta’ Lulju 1999, Chemie Linz vs Il-Kummissjoni, C-245/92 P, Ġabra p. I-4643, punt 93, u tal-5 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-475/01, Ġabra p. I-8923, punt 18).

56

Bħala eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, l-atti affettwati minn irregolarità li l-gravità tagħha tkun tant evidenti li ma tkunx tista’ tiġi ttollerata mill-ordinament ġuridiku Komunitarju għandhom jiġu kkunsidrati bħala li ma kellhom ebda effett ġuridiku, anki provviżorju, jiġifieri jiġu kkunsidrati bħala ġuridikament ineżistenti. Din l-eċċezzjoni hija intiża sabiex tilħaq bilanċ bejn żewġ rekwiżiti fundamentali, iżda kultant konfliġġenti, li ordinament ġuridiku għandu jissodisfa, jiġifieri l-istabbiltà tar-relazzjonijiet legali u r-rispett tal-legalità (sentenzi Il-Kummissjoni vs BASF et, iċċitata fil-punt 55 iktar ’il fuq, punt 49; Chemie Linz vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 55 iktar ’il fuq, punt 94, u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata fil-punt 55 iktar ’il fuq, punt 19).

57

Il-gravità tal-konsegwenzi marbuta mal-konstatazzjoni tal-ineżistenza ta’ att tal-istituzzjonijiet tal-Komunità titlob li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, din il-konstatazzjoni tkun limitata għal ipoteżijiet għal kollox estremi (sentenzi Il-Kummissjoni vs BASF et, iċċitata fil-punt 55 iktar ’il fuq, punt 50, Chemie Linz vb Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 55 iktar ’il fuq, punt 95, u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata fil-punt 55 iktar ’il fuq, punt 20).

58

Issa, id-Deċiżjoni 2006/379 ma tistax tiġi kkunsidrata bħala att ineżistenti, u dan anki jekk hija affettwata mill-istess difetti formali u proċedurali bħal dawk li affettwaw id-Deċiżjoni 2005/930, kif ir-rikorrenti tallega mingħajr ma ġiet kontradetta mill-Kunsill.

59

Minn dan isegwi li l-imsemmija deċiżjoni ma għandhiex tiġi kkunsidrata mill-Kunsill bħala “ipso jure nulla […] u bla effett […]” fil-konfront tar-rikorrenti, u dan b’mod kuntrarju għal dak li r-rikorrenti qed issostni.

60

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi mfakkar li, sabiex ikun hemm konformità ma’ sentenza ta’ annullament u sabiex din tingħata eżekuzzjoni sħiħa, l-istituzzjoni li tkun l-awtur tal-att annullat għandha tosserva mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza, iżda wkoll il-kunsiderazzjonijiet li jikkostitwixxu l-bażi meħtieġa tad-dispożittiv, fis-sens li l-kunsiderazzjonijiet huma indispensabbli sabiex tiġi ddeterminata t-tifsira eżatta ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv. Fil-fatt, huma dawn il-kunsiderazzjonijiet li, minn naħa, jidentifikaw id-dispożizzjoni eżatta kkunsidrata illegali u, min-naħa l-oħra, juru r-raġunijiet eżatti tal-illegalità kkonstatata fid-dispożittiv u li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tikkunsidra fit-tibdil tal-att annullat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ April 1988, Asteris et vs Il-Kummissjoni, 97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, Ġabra p. 2181, punt 27).

61

Iżda, filwaqt li l-konstatazzjoni tal-illegalità kkonstatata fil-kunsiderazzjonijiet ta’ sentenza ta’ annullament teżiġi, fl-ewwel lok, li l-istituzzjoni li tkun l-awtur tal-att annullat tneħħi din l-illegalità fl-att intiż sabiex jieħu post l-att annullat, hija tista’ wkoll, inkwantu tikkonċerna dispożizzjoni b’kontenut determinat f’qasam partikolari, tinvolvi konsegwenzi oħra għal din l-istituzzjoni (sentenza Asteris et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 60 iktar ’il fuq, punt 28).

62

Fir-rigward tal-annullament, bħal fil-kawża ineżami, minħabba difetti formali u proċedurali, ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi li, fi kliem l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, għandha tkun suġġetta għal reviżjoni f’intervalli regolari, l-istituzzjoni li tkun l-awtur tagħha għandha, qabel kollox, l-obbligu li tiżgura li l-eventwali deċiżjonijiet sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi li jkollhom jiġu adottati wara s-sentenza ta’ annullament, sabiex jiġu rregolati l-perijodi wara din is-sentenza, ma jkunux affettwati mill-istess difetti (ara, bħala analoġija, is-sentenza Asteris et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 60 iktar ’il fuq, punt 29).

63

F’dan il-każ, il-Kunsill issodisfa dan l-obbligu billi stabbilixxa, u mbagħad implementa, immedjatament wara li ngħatat is-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, proċedura ġdida bil-għan li jiġu osservati r-regoli formali u proċedurali stipulati mill-Qorti tal-Prim’Istanza fl-imsemmija sentenza, partikolarment fil-punt 126 (id-drittijiet tad-difiża) u l-punt 151 (il-motivazzjoni), u bil-għan li r-rikorrenti tkun tista’ tibbenefika mill-garanziji mogħtija minn din il-proċedura ġdida, qabel ma adotta fil-konfront tagħha d-Deċiżjoni 2007/445 (ara l-punt 88 et seq iktar ’il quddiem).

64

Għandu jiġi ammess ukoll li, minħabba l-effett retroattiv marbut mas-sentenzi ta’ annullament, il-konstatazzjoni ta’ illegalità jkollha effett mid-data ta’ meta l-att annullat ikun ġie fis-seħħ (sentenza Asteris et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 60 iktar ’il fuq, punt 30). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat, fil-punt 35 tas-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, li l-miżuri li tinvolvi l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, skont l-Artikolu 233 KE, setgħu jimplikaw li l-Kunsill jimmodifika jew jirtira, skont il-każ, l-atti li jkunu rrevokaw u ħadu post id-Deċiżjoni 2005/930 annullata, wara l-għeluq tal-proċedura orali.

65

Madankollu, il-Kunsill u r-Renju Unit ġustament irrilevaw, fl-atti tagħhom, li ma kienx jirriżulta mill-imsemmi punt 35 tas-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, li l-Kunsill kien neċessarjament obbligat jimmodifika jew jirtira l-atti inkwistjoni. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta att jiġi annullat minħabba difetti formali jew proċedurali, bħalma huwa l-każ f’din il-kawża, l-istituzzjoni kkonċernata tista’ tadotta mill-ġdid att identiku, filwaqt li din id-darba tosserva r-regoli formali u proċedurali inkwistjoni, u tista’ anki tagħti lil dan l-att effett retroattiv, jekk dan ikun neċessarju għar-realizzazzjoni tal-għan ta’ interess ġenerali segwit u jekk l-aspettattivi leġittimi tal-partijiet interessati jiġu debitament irrispettati (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Settembru 1982, Amylum vs Il-Kunsill, 108/81, Ġabra p. 3107, punti 4 sa 17, u tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C-331/88, Ġabra p. I-4023, punti 45 sa 47; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Ottubru 1991, de Compte vs Il-Parlament, T-26/89, Ġabra p. II-781, punt 66).

66

Din il-ġurisprudenza hija applikabbli, b’analoġija, għall-ipoteżi prevista fil-punt 35 tas-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, sakemm, f’każ bħal dan, l-istituzzjoni kkonċernata jkollha d-dritt iżżomm fis-seħħ l-att li jkun irrevoka jew ħa post l-att annullat, wara l-għeluq tal-proċedura orali, matul il-perijodu ta’ żmien li tkun strettament teħtieġ sabiex tadotta att ġdid b’osservanza tar-regoli formali u proċedurali kkonċernati. Fil-fatt, f’dan il-każ partikolari ħafna, ikun manifestament kuntrarju għar-realizzazzjoni tal-għan ta’ interess ġenerali segwit li l-Kunsill, fl-ewwel lok, jiġi obbligat jirtira l-att li ma jkunx konformi ma’ dawn ir-regoli, u mbagħad, fit-tieni lok, jiġi awtorizzat jagħti effett retroattiv lill-att adottat mill-ġdid skont dawn ir-regoli.

67

Għalhekk, f’din il-kawża, u dejjem taħt il-premessa li d-Deċiżjoni 2006/379 kienet affettwata mill-istess difetti formali u proċedurali li affettwaw id-Deċiżjoni 2005/930, il-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat talli rrifjuta li jimmodifikaha jew jirtiraha, sa fejn din kienet tikkonċerna lir-rikorrenti, matul iż-żmien li kien strettament jeħtieġ sabiex jadotta att ġdid b’osservanza tar-regoli formali u proċedurali li l-ksur tagħhom kien ġie ssanzjonat mis-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, jekk din l-istituzzjoni kienet tqis li r-raġunijiet invokati minnha sabiex tinkludi lir-rikorrenti fil-lista kkontestata kienu għadhom validi. F’dan ir-rigward, il-Kunsill ġustament irrileva li, fis-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ddeċidietx fuq il-fondatezza ta’ dawn ir-raġunijiet. Barra minn hekk, l-aspettattivi leġittimi tal-parti kkonċernata ġew debitament irrispettati, peress li l-Kunsill informaha bl-intenzjonijiet tiegħu permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Jannar 2007 (ara l-punt 5 iktar ’il fuq).

68

F’dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas ma jista’ l-Kunsill jiġi kkritikat minħabba li ddeċieda li “jżomm” lir-rikorrenti fil-lista kkontestata, jew minħabba li bbaża ruħu, għal dan il-għan, fuq il-“validità kontinwa” tad-Deċiżjoni 2006/379.

69

Fi kwalunkwe każ, kif il-Kunsill u r-Renju Unit ġustament sostnew, id-Deċiżjoni 2007/445 ma hijiex ibbażata fuq il-validità tad-Deċiżjoni 2006/379 u lanqas ma hija subordinata għaliha. Għalkemm huwa minnu li fis-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-għan u tal-limitazzjonijiet tal-garanziji marbuta mal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża u mal-obbligu ta’ motivazzjoni, stabbiliet distinzjoni bejn id-“deċiżjoni inizjali” tal-iffriżar ta’ fondi, kif prevista fl-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u d-“deċiżjonjiet sussegwenti” taż-żamma tal-iffriżar ta’ fondi, wara reviżjoni, kif previsti fl-Artikolu 1(6) tal-imsemmija pożizzjoni komuni, xorta jibqa’ l-fatt li kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet sussegwenti tikkostitwixxi deċiżjoni ġdida meħuda skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tirriżulta minn reviżjoni, mill-Kunsill, tal-lista kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C-229/05 P, Ġabra p. I-445, punt 103, li tikkonferma espressament fuq dan il-punt id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Frar 2005, PKK u KNK vs Il-Kunsill, T-229/02, Ġabra p. II-539, punt 44).

70

F’dawn iċ-ċirkustanzi, la l-fatt li l-Kunsill għamel riferiment, fil-preambolu tad-Deċiżjoni 2007/445, għad-Deċiżjoni 2006/379, u lanqas il-fatt li ddeċieda li “jżomm” lir-rikorrenti fil-lista kkontestata, ma huma ta’ natura li jirradikaw illegalità fl-imsemmija Deċiżjoni 2007/445.

71

Għalhekk, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv

72

Fit-tieni parti tal-motiv, ir-rikorrenti tosserva li d-Deċiżjoni 2007/445 hija bbażata, għal dak li jikkonċernaha, fuq l-istess ordni tal-Home Secretary u fuq l-istess provi li kienu jifformaw il-bażi tad-deċiżjoni 2005/930.

73

Imbagħad ir-rikorrenti ssostni, fis-sustanza, li l-Kunsill ma kellux dritt “juża mill-ġdid” jew “jirriċikla” b’dan il-mod dawn il-provi sabiex jifforma l-bażi tad-Deċiżjoni 2007/445. Bl-użu ta’ dawn il-provi biss, il-Kunsill jipproċedi bil-mod ta’ “regolarizzazzjoni”, bi ksur mhux biss tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, iżda wkoll tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi.

74

B’mod iktar partikolari, ir-rikorrenti ssostni li, sa fejn id-Deċiżjoni 2005/930 ġiet parzjalment annullata minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, kien l-obbligu tal-Kunsill li jadotta fir-rigward tagħha deċiżjoni ġdida, ibbażata fuq deċiżjoni ġdida ta’ awtorità nazzjonali jew fuq provi ġodda, iżda ċertament mhux fuq l-ordni tal-Home Secretary jew fuq provi ta’ fatti li seħħew qabel l-2001. Id-Deċiżjoni 2007/445, ibbażata fuq dawn il-provi tal-aħħar biss, hija ipso jure nulla f’dak li jikkonċernaha.

75

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-annullament ta’ att minħabba difetti formali jew proċedurali ma jinvolvi ebda preġudizzju għad-dritt tal-istituzzjoni li tkun l-awtur ta’ dan l-att li tadotta att ġdid billi tibbaża ruħha fuq l-istess elementi ta’ fatt u ta’ liġi li kienu jifformaw il-bażi tal-att annullat, sakemm hija tirrispetta, din id-darba, ir-regoli formali u proċedurali li l-ksur tagħhom ġie ssanzjonat u sakemm l-aspettattivi leġittimi tal-partijiet interessati jkunu debitament irrispettati (ara wkoll il-punt 65 iktar ’il fuq).

76

Għalhekk, f’din il-kawża, il-fatt li d-Deċiżjoni 2007/445 hija bbażata, f’dak li jikkonċerna lir-rikorrenti, fuq l-istess ordni tal-Home Secretary u fuq l-istess provi li fformaw il-bażi tad-deċiżjoni 2005/930, huwa, jekk għas-saħħa tal-argument jitqies bħala stabbilit, mingħajr effett għal-legalità ta’ din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, diġà ġie kkonstatat, fil-punt 67 iktar ’il fuq, li f’din il-kawża l-aspettattivi leġittimi tal-parti interessata ġew debitament irrispettati.

77

Għalhekk, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv

78

Fit-tielet parti tal-motiv, żviluppata sussidjarjament, ir-rikorrenti tosserva li, fis-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza stabbiliet distinzjoni bejn id-deċiżjoni inizjali li tinkludi persuna fil-lista kkontestata u d-deċiżjonijiet sussegwenti li jżommu lil din il-persuna fiha. Skont ir-rikorrenti, mill-punti 143 u 145 ta’ din is-sentenza jirriżulta li d-deċiżjoni inizjali tista’ tiġi adottata biss fid-dawl ta’ deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali kompetenti. Għall-kuntrarju, id-deċiżjonjiet sussegwenti għandhom jindikaw ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li fuqhom il-Kunsill jibbaża ruħu. Barra minn hekk, mill-punti 144 u 145 tas-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, jirriżulta li d-deċiżjonijiet sussegwenti għandhom jiġu ppreċeduti minn reviżjoni tas-sitwazzjoni tal-parti interessata, sabiex jiġi vverifikat jekk din għadhiex involuta f’attivitajiet terroristiċi.

79

Minn dan isegwi, skont ir-rikorrenti, li sabiex hija tinżamm fil-lista kkontestata, permezz tad-Deċiżjoni 2007/445, il-Kunsill ma kellux dritt jinvoka biss l-ordni tal-Home Secretary u lanqas ma kellu dritt jirreferi għal avvenimenti li jmorru lura għall-2001.

80

F’dan ir-rigward, għandu fl-ewwel lok jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti joħroġ minn qari żbaljat tas-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq.

81

B’mod partikolari, mill-punti 143 sa 146 u 151 ta’ din is-sentenza jirriżulta li kemm il-motivazzjoni għal deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi u kif ukoll il-motivazzjoni għal deċiżjonijiet sussegwenti għandhom ikopru mhux biss il-kundizzjonijiet legali ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2580/2001, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ deċiżjoni nazzjonali ta’ awtorità kompetenti, iżda wkoll ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li fuq il-bażi tagħhom il-Kunsill jikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li l-parti interessata għandha tkun suġġetta għal miżura ta’ ffriżar ta’ fondi.

82

Barra minn hekk, kemm mill-punt 145 tal-istess sentenza u kif ukoll mill-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li għalih jirreferi wkoll l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, jirriżulta li, għalkemm id-deċiżjonijiet sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi għandhom ikunu ppreċeduti minn “reviżjoni” tas-sitwazzjoni tal-parti interessata, dan ma jsirx biss sabiex jiġi vverifikat jekk din tkunx għadha involuta f’attivitajiet terroristiċi, kif issostni b’mod żbaljat ir-rikorrenti, iżda sabiex jiġi żgurat li ż-żamma tagħha fil-lista kkontestata tibqa’ ġġustifikata, jekk ikun il-każ fuq il-bażi ta’ informazzjoni jew provi ġodda. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza ppreċiżat li, meta r-raġunijiet għal deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi jkunu essenzjalment l-istess bħal dawk diġà invokati fl-okkażjoni ta’ deċiżjoni preċedenti, tkun biżżejjed sempliċi dikjarazzjoni f’dan is-sens, b’mod partikolari meta l-parti interessata tkun grupp jew entità (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 2007, Al-Aqsa vs Il-Kunsill, T-327/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 54).

83

Mill-bqija, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti għandu żball ta’ fatt. Fil-fatt, fin-nota ta’ spjegazzjoni annessa mal-ittra tiegħu tat-30 ta’ Jannar 2007 indirizzata lir-rikorrenti, il-Kunsill ma invokax biss l-ordni tal-Home Secretary. Fl-ewwel paragrafu ta’ din in-nota ta’ spjegazzjoni, il-Kunsill irrefera għal sensiela ta’ atti, li allegatament saru mir-rikorrenti, li huwa kkunsidra li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(3)(a), (b), (d), (g) u (h) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li saru bil-għanijiet elenkati fl-Artikolu 1(3)(i) u (iii) tagħha. Minn dan il-Kunsill ikkonkluda, fit-tieni paragrafu tan-nota ta’ spjegazzjoni tiegħu, li r-rikorrenti kienet taqa’ taħt l-Artikolu 2(3)(ii) tar-Regolament Nru 2580/2001. Fil-paragrafi sussegwenti tan-nota ta’ spjegazzjoni tiegħu, il-Kunsill irrileva wkoll li l-ordni tal-Home Secretary, intiż sabiex jipprojbixxi lir-rikorrenti inkwantu organizzazzjoni involuta fit-terroriżmu u li, skont it-Terrorism Act 2000, seta’ jkun suġġett għal appell (review), kien għadu fis-seħħ. Għalhekk, wara li kkonstata li r-raġunijiet tal-inklużjoni tar-rikorrenti fil-lista kkontestata kienu għadhom validi, il-Kunsill informaha bid-deċiżjoni tiegħu li jkompli jżommha suġġetta għall-miżuri previsti fl-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 2580/2001.

84

Għalhekk il-Kunsill indika, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 81 u 82 iktar ’il fuq, ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li fuq il-bażi tagħhom huwa kkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li r-rikorrenti kellha tibqa’ suġġetta għal miżura ta’ ffriżar ta’ fondi.

85

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk ir-raġunijiet hekk invokati mill-Kunsill kinux ta’ natura li jiġġustifikaw legalment, fil-fatt u fid-dritt, l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2007/445, din taqa’ fl-ambitu tal-istħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni fil-mertu, li ser isir fl-eżami tat-tielet u r-raba’ motivi.

86

Għalhekk, it-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, flimkien magħha, dan il-motiv fl-intier tiegħu.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

87

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża, ir-rikorrenti ssostni li hija qatt ma ngħatat il-possibbiltà li ssostni b’mod utli l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-ispjegazzjonijiet rilevanti li ġew allegati sabiex tiġi ġġustifikata ż-żamma tagħha fil-lista kkontestata. B’mod iktar partikolari hija ssostni li l-unika informazzjoni li rċeviet mill-Kunsill kienet informazzjoni ta’ qabel l-2001, li l-Kunsill bl-ebda mod ma fittex li jirrispondi għall-kritika li hija għamlitlu, li huwa bl-ebda mod ma kkunsidra l-evidenza ta’ difiża mressqa minnha, u li huwa lanqas ma taha l-opportunità li tinstema’ f’seduta.

88

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-għan tal-garanzija marbuta mal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, kif ukoll il-limiti ta’ din il-garanzija li jistgħu b’mod leġittimu jiġu imposti fuq il-partijiet interessati, f’kuntest bħal dan, ġew iddefiniti mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 114 sa 137 tas-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq.

89

F’din il-kawża, mill-fatti u miċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti 5 sa 13 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kunsill debitament ikkonforma ruħu mal-prinċipji stipulati mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija punti 114 sa 137 tas-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2007/445.

90

Fl-ewwel lok, fil-fatt, il-Kunsill bagħat lir-rikorrenti, fl-anness tal-ittra tiegħu tat-30 ta’ Jannar 2007, nota ta’ spjegazzjoni li indikat b’mod ċar u inekwivoku r-raġunijiet li, fil-fehma tiegħu, kienu jiġġustifikaw iż-żamma tagħha fil-lista kkontestata (ara wkoll il-punt 83 iktar ’il fuq). Din in-nota semmiet eżempji speċifiċi ta’ atti ta’ terroriżmu, fis-sens tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li għalihom ir-rikorrenti hija allegatament responsabbli. Din in-nota indikat ukoll li, minħabba dawn l-atti, kienet ittieħdet deċiżjoni minn awtorità kompetenti tar-Renju Unit sabiex ir-rikorrenti tiġi pprojbita inkwantu kienet organizzazzjoni involuta f’atti terroristiċi, li din id-deċiżjoni kienet suġġetta għal reviżjoni skont il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit applikabbli u li kienet għadha fis-seħħ. Barra minn hekk, l-ittra tat-30 ta’ Jannar 2007 indikat li r-rikorrenti setgħet tissottometti lill-Kunsill osservazzjonijiet dwar l-intenzjoni tiegħu li jżommha fil-lista kkontestata u dwar ir-raġunijiet li huwa invoka f’dan ir-rigward, kif ukoll kull dokument insostenn, fi żmien terminu ta’ xahar.

91

Fit-tieni lok, il-Kunsill bagħat lir-rikorrenti, permezz ta’ ittri tat-30 ta’ Marzu u tal-14 ta’ Mejju 2007, ċertu numru ta’ dokumenti mill-fajl. Fir-rigward tad-dokumenti l-oħra, il-Kunsill espona, fl-ittra tiegħu tal-14 ta’ Mejju 2007, li huwa ma kienx f’pożizzjoni li jgħaddihomlha, ladarba l-Istat li ressaqhom ma aċċettax li dawn jingħataw. Fl-ambitu tar-rikors ineżami, ir-rikorrenti ma kkontestatx dan ir-rifjut fil-konfront tal-komunikazzjoni ta’ ċerti dokumenti kontra tagħha, u lanqas ma kkontestat ir-raġunijiet invokati għall-ġustifikazzjoni tiegħu.

92

Fit-tielet lok, il-Kunsill ta lir-rikorrenti l-possibbiltà li ssostni b’mod utli l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-provi meqjusa kontra tagħha, fakultà li hija effettivament użat permezz tal-ittri tagħha tas-27 ta’ Frar, tad-19, l-20 u s-26 ta’ Marzu, tas-16 ta’ April u tad-29 ta’ Mejju 2007.

93

Fir-rigward tal-argument li r-rikorrenti ssostni fuq il-bażi tar-rifjut mill-Kunsill tat-talba tagħha sabiex tinstema’ f’seduta formali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li la l-leġiżlazzjoni inkwistjoni, jiġfieri r-Regolament Nru 2580/2001, u lanqas il-prinċipju ġenerali tal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża ma jagħtu lill-partijiet interessati d-dritt għal seduta bħal din (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Settembru 2005, Common Market Fertilizers vs Il-Kummissjoni, T-134/03 u T-135/03, Ġabra p. II-3923, punt 108; ara wkoll is-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, punt 93).

94

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kunsill b’ebda mod ma fittex li jwieġeb għall-osservazzjonijiet tagħha, u lanqas ma kkunsidra l-provi ta’ difiża mressqa minnha, dan huwa riżultat ta’ evalwazzjoni żbaljata tal-obbligi li l-Kunsill għandu fil-kuntest tal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża. F’din il-kawża, kif jirriżulta mill-ittra tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2007 u mill-ewwel ittra ta’ notifika, din l-istituzzjoni debitament ikkunsidrat l-osservazzjonijiet u l-provi ta’ difiża mressqa mir-rikorrenti, partikolarment billi żgurat li dawn jiġu kkomunikati lid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri, qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2007/445.

95

Għall-kuntrarju, il-Kunsill ma kienx obbligat iwieġeb għal dawn l-osservazzjonijiet fid-dawl ta’ dawn id-dokumenti, jekk huwa kien iqis li dawn ma kinux jiġġustifikaw il-konklużjonijiet li r-rikorrenti ppretendiet li toħroġ minnhom. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li r-riproduzzjoni testwali tan-nota ta’ spjegazzjoni annessa mal-ittra tal-Kunsill tat-30 ta’ Jannar 2007 fin-nota ta’ spjegazzjoni annessa mal-ewwel ittra ta’ notifika, tfisser biss, fiha nfisha, li l-Kunsill żamm il-pożizzjoni tiegħu. Fin-nuqqas, bħal fil-kawża ineżami, ta’ provi oħra rilevanti, dan il-paralleliżmu ta’ testi ma jistabbilixxix li l-Kunsill naqas, fl-evalwazzjoni tiegħu tal-każ, li jikkunsidra kif xieraq l-argumenti mressqa mir-rikorrenti għad-difiża tagħha (ara, bħala analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, T-141/94, Ġabra p. II-347, punti 117 u 118).

96

Wara kollox, u fi kwalunkwe każ, il-Kunsill wieġeb b’mod speċifiku, fl-ewwel ittra ta’ notifika, għall-argument prinċipali, imressaq mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva, li hija biss attività ta’ terroriżmu preżenti u attwali li hija ta’ natura li tiġġustifika ż-żamma tar-rikorrenti fil-lista kkontestata (ara wkoll il-punt 142 iktar ’il quddiem).

97

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, f’din il-kawża, l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża ma ġiex stabbilit.

98

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni 2007/445 ma tindikax ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li fuq il-bażi tagħhom il-Kunsill ikkunsidra, minn naħa, li l-leġiżlazzjoni rilevanti kienet applikabbli għaliha (sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, punt 143) u, min-naħa l-oħra, wara r-reviżjoni, li l-iffriżar tal-fondi tagħha kien għadu ġustifikat (sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, punt 151). B’mod partikolari, il-Kunsill bl-ebda mod ma kkunsidra l-informazzjoni mressqa mir-rikorrenti, għall-perijodu wara l-2001, u d-Deċiżjoni 2007/445 hija nieqsa minn kull motivazzjoni fir-rigward ta’ dan il-perijodu.

99

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-għan tal-garanzija marbuta mal-obbligu ta’ motivazzjoni, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, kif ukoll il-limiti ta’ din il-garanzija li jistgħu b’mod leġittimu jiġu imposti fuq il-partijiet interessati, f’kuntest bħal dan, ġew iddefiniti mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 138 sa 151 tas-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq.

100

F’din il-kawża, mill-eżami tat-tielet parti tal-ewwel motiv (ara l-punti 83 u 84 iktar ’il fuq) jirriżulta li l-Kunsill debitament ikkonforma ruħu mal-prinċipji stipulati mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-imsemmija punti 138 sa 151 tas-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2007/445.

101

Fir-rigward tal-argument li l-Kunsill ma kkunsidrax l-informazzjoni mressqa mir-rikorrenti għall-perijodu wara l-2001, u lanqas ma mmotiva d-deċiżjoni tiegħu f’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li għalkemm, skont l-Artikolu 253 KE, il-Kunsill huwa obbligat isemmi l-fatti li fuqhom tiddependi l-ġustifikazzjoni tal-atti li jadotta u l-kunsiderazzjonijiet legali li jkunu wassluh għalihom, din id-dispożizzjoni ma teżiġix li l-Kunsill jiddiskuti kull punt ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu tqajmu mill-partijiet interessati matul il-proċedura amministrattiva (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1984, VBVB u VBBB vs Il-Kummissjoni, 43/82 u 63/82, Ġabra p. 19, punt 22, u tat-18 ta’ Settembru 2003, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, C-338/00 P, Ġabra p. I-9189, punt 127; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 2003, Cableuropa et vs Il-Kummissjoni, T-346/02 u T-347/02, Ġabra p. II-4251, punt 232).

102

Wara kollox, u fi kwalunkwe każ, diġà ġie kkonstatat, fil-punt 96 iktar ’il fuq, li l-Kunsill wieġeb b’mod speċifiku, fl-ewwel ittra ta’ notifika, għall-argument, imressaq mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva, li hija biss attività ta’ terroriżmu preżenti u attwali li hija ta’ natura li tiġġustifika ż-żamma tar-rikorrenti fil-lista kkontestata.

103

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, f’din il-kawża, l-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni ma ġiex stabbilit.

104

Għalhekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001

105

Ir-rikorrenti tirrileva li kemm l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 kif ukoll l-Artikolu 1(2), (3) u (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 huma redatti fil-preżent indikattiv. Skont ir-rikorrenti, minn dan isegwi li għandu jkun hemm rabta temporali mill-qrib u immedjata bejn id-deċiżjoni li persuna tiġi inkluża jew miżmuma fil-lista kkontestata u l-atti ta’ terroriżmu kkunsidrati għal dan il-għan. Persuna ma tistax b’dan il-mod tiġi inkluża fil-lista kkontestata jekk mhux fil-każ li tiġi akkużata b’attività ta’ terroriżmu attwali jew, tal-anqas, reċenti. Bl-istess mod, persuna ma tistax tinżamm f’din il-lista, wara reviżjoni, fuq il-bażi biss ta’ fatti li ġraw fil-passat.

106

Issa, f’din il-kawża, id-Deċiżjoni 2007/445 ma hija bbażata fuq ebda fatt li seħħ wara l-2001, f’dak li jikkonċerna lir-rikorrenti, u din ressqet diversi provi ta’ difiża, għall-perijodu wara l-2001.

107

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra, bħall-Kunsill u r-Renju Unit, li l-interpretazzjoni mogħtija mir-rikorrenti tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tar-Regolament Nru 2580/2001 u tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 hija restrittiva b’mod esaġerat u li xejn, f’dawn id-dispożizzjonijiet, ma jipprekludi l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni u entitajiet li fil-passat għamlu atti ta’ terroriżmu minkejja n-nuqqas ta’ provi li fil-preżent huma qed jikkommettu dawn l-atti jew qed jipparteċipaw fihom, jekk iċ-ċirkustanzi jiġġustifkaw dan.

108

Fl-ewwel lok, b’mod kuntrarju għal dak li ssostni r-rikorrenti, din il-pożizzjoni ma hijiex imdgħajfa mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni. Filwaqt li huwa veru l-Artikolu 1(2) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 juża l-preżent indikattiv (“persuni li jikkommettu”) sabiex jiddefinixxi dak li jista’ jinftiehem b’“persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi”, dan isir fis-sens tal-formulazzjoni partikolari għad-definizzjonijiet u inkriminazzjonijiet legali, u mhux b’riferiment għal perijodu ta’ żmien partikolari. L-istess għandu jingħad fir-rigward tal-partiċipju preżent użat fil-verżjoni Franċiża (“les personnes […] commettant”) u Ingliża (“persons committing”) tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, li jikkonferma l-użu tal-preżent indikattiv għall-formulazzjoni ekwivalenti użata f’verżjonijiet lingwistiċi oħra (ara, b’mod partikolari, il-verżjoni Ġermaniża “Personen, die eine terroristische Handlung begehen”, Taljana “persone che commettono”, Olandiża “personen die een terroristische daad plegen” u Slovakka “osôb, ktoré páchajú”). Barra minn hekk, l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront, partikolarment, ta’ persuni li jkunu ġew suġġetti għal kundanna minħabba atti ta’ terroriżmu, li normalment timplika attività terroristika li tkun ġrat fil-passat u mhux li tkun attivament segwita fiż-żmien meta ssir il-konstatazzjoni tagħha fid-deċiżjoni ta’ kundanna. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 1(6) tal-istess pożizzjoni komuni jipprevedi li l-ismijiet ta’ persuni u entitajiet inklużi fil-lista kkontestata għandhom ikunu suġġetti għal reviżjoni f’intervalli regolari, tal-anqas darba kull sitt xhur, sabiex jiġi żgurat li ż-żamma tagħhom fil-lista tibqa’ ġustifikata. Sabiex din id-dispożizzjoni ma tiġix imċaħħda mill-effett utli tagħha, hija għandha tiġi kkunsidrata li tippermetti li persuni u entitajiet li ma jkunu għamlu ebda att ġdid ta’ terroriżmu matul is-semestru jew semestri qabel ir-reviżjoni jinżammu fil-lista kkontestata, jekk dan ikun iġġustifikat fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.

109

Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li r-Regolament Nru 2580/2001 u l-Pożizzjoni Komuni 2001/931, kif ukoll ir-Riżoluzzjoni Nru 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li dawn jimplementaw, għandhom l-għan li jiġġieldu t-theddid għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali kkawżat mill-atti ta’ terroriżmu. Ir-realizzazzjoni ta’ dan l-għan, li għandu importanza fundamentali għall-komunità internazzjonali, titqiegħed fir-riskju li tiġi ppreġudikata jekk il-miżuri tal-iffriżar ta’ fondi previsti minn dawn l-atti jkunu jistgħu jiġu applikati biss għal persuni, gruppi u entitajiet li jagħmlu atti ta’ terroriżmu fil-preżent jew li jkunu għamlu dan fil-passat reċenti ħafna.

110

Barra minn hekk, dawn il-miżuri, li essenzjalment għandhom l-għan li jipprekludu atti bħal dawn jew ir-repetizzjoni tagħhom, huma aktar ibbażati fuq l-evalwazzjoni ta’ theddida attwali jew futura milli fuq l-evalwazzjoni ta’ mġiba fil-passat.

111

F’dan ir-rigward, il-Kunsill u r-Renju Unit spjegaw li, kif turi l-esperjenza, l-interruzzjoni temporanja ta’ attivitajiet ta’ organizzazzjoni li jkollha passat ta’ terroriżmu ma tikkostitwixxix fiha nfisha garanzija li l-parti interessata ma tkunx ser terġa’ tagħmel dawn l-atti f’xi żmien, u li ma huwiex neċessarjament il-każ li wieħed għandu jafda rinunzja pretiża għall-vjolenza espressa f’dan il-kuntest. B’mod partikolari dan jista’ jkun il-każ jekk in-nuqqas ta’ attività bħal din jirriżulta mill-effikaċità tas-sanzjonijiet imposti, jew jekk dan in-nuqqas ikun maħsub fis-sens li l-organizzazzjoni inkwistjoni tipprova tikseb it-tneħħija tas-sanzjonijiet sabiex tkun tista’ tagħmel mill-ġdid l-attivitajiet terroristiċi li tkun għamlet fil-passat. Din l-interruzzjoni tista’ wkoll tiġi spjegata mid-diffikultajiet li l-parti interessata jkollha sabiex twettaq mill-ġdid atti ta’ terroriżmu, fid-dawl tal-effikaċità tal-miżuri preventivi adottati mill-awtoritajiet kompetenti, jew ukoll minħabba ż-żmien li jkun meħtieġ għall-preparazzjoni ta’ dawn l-atti.

112

Peress li ma jidhirx li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma irraġonevoli, hemm lok li jiġi aċċettat li s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-Kunsill, fir-rigward tal-fatturi li għandhom jitqiesu sabiex jadotta jew iżomm miżura ta’ ffriżar ta’ fondi (sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, punt 159), testendi għall-evalwazzjoni tat-theddida li organizzazzjoni li fil-passat tkun wettqet atti ta’ terroriżmu tista’ tkun għadha tirrappreżenta, minkejja s-sospensjoni tal-attivitajiet terroristiċi tagħha matul perijodu xi fit jew wisq twil, jekk mhux ukoll minkejja l-waqfien apparenti tagħhom.

113

F’din il-kawża, il-fatt li l-Kunsill irrefera esklużivament għal atti ta’ terroriżmu li saru fil-passat u għal fatti li seħħew qabel l-2001, fir-rigward tar-rikorrenti, ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex ikun hemm ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001.

114

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti l-oħra kollha, il-Kunsill, b’dan il-mod, eċċediex il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, din taqa’ taħt l-eżami tar-raba’ motiv.

115

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-oneru tal-prova u fuq żball manifest tal-evalwazzjoni tal-provi

L-argumenti tal-partijiet

116

Ir-rikorrenti tenfasizza li d-deċiżjonijiet meħuda skont ir-Regolament Nru 2580/2001 jikkostitwixxu indħil manifest u serju fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 10 u 11 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, kif ukoll mill-Artikolu 1 tal-ewwel Protokoll addizzjonali għall-KEDB. F’dan ir-rigward, hija tinsisti fuq il-konsegwenzi severi li jirriżultaw għaliha mid-Deċiżjoni 2007/445.

117

Għaldaqstant, ir-rikorrenti ssostni, minn naħa, li l-Kunsill għandu juri li l-implementazzjoni tal-miżuri adottati kontra tagħha hija skont il-liġi, sabiex jinkiseb għan leġittimu, u meħtieġa f’soċjetà demokratika.

118

Ir-rikorrenti ssostni, min-naħa l-oħra, li l-oneru tal-prova li l-iffriżar tal-fondi tagħha kien għadu legalment ġustifikat fid-data tat-28 ta’ Ġunju 2007 jaqa’ fuq il-Kunsill, u li l-livell ta’ prova meħtieġ għal dan il-għan għandu jkun dak applikabbli fil-qasam kriminali.

119

Fir-rigward tar-rwol tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti ssostni li, f’ċirkustanzi bħal dawn ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha teżamina mill-ġdid b’mod oġġettiv il-fatti kollha, kemm dawk invokati mill-Kunsill kif ukoll dawk invokati minnha, sabiex tiddetermina jekk il-Kunsill kellux motivi raġonevoli sabiex jadotta, fl-2007, id-Deċiżjoni 2007/445.

120

F’din il-kawża, id-Deċiżjoni 2007/445 ġiet allegatament adottata kontra r-rikorrenti fuq il-bażi ta’ dokumenti kontra tagħha li huma nieqsa minn preċiżjoni, serjetà u kredibbiltà, ilkoll ta’ qabel l-2001, u mingħajr eżami xieraq ta’ diversi dokumenti ta’ difiża marbuta mas-snin ta’ wara l-2001, imressqa mir-rikorrenti.

121

Fir-rigward tal-provi ta’ difiża, ir-rikorrenti tenfasizza b’mod aktar partikolari li, f’kungress straordinarju li nżamm f’Ashraf City (l-Iraq) f’Ġunju 2001, id-diriġenti tagħha ħadu d-deċiżjoni unilaterali li jtemmu l-attivitajiet militari tal-organizzazzjoni fl-Iran. Din id-deċiżjoni ġiet irratifikata minn żewġ kungressi ordinarji, f’Settembru 2001 u fl-2003. Bl-eċċezzjoni ta’ xi operazzjonijiet magħmula minn diviżjonijiet operazzjonali li ma rċevewx il-messaġġ fil-ħin, ir-rikorrenti ma involviet ruħha f’ebda operazzjoni militari mis-sajf tal-2001 sal-lum u d-diviżjonijiet operazzjonali tagħha ġew definittivament xolti. Barra minn hekk, hija żvelat il-koordinati tal-bażijiet tagħha kollha lin-Nazzjonijiet Uniti u kif ukoll lill-Gvernijiet tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti.

122

Ir-rikorrenti tirreferi wkoll għad-dokumenti fl-Annessi 2 u 6 tar-rikors tagħha, li allegatament jistabbilixxu li sa mill-2001 hija stess u l-membri kollha tagħha rrinunzjaw volontarjament għall-vjolenza u għat-terroriżmu, irritornaw l-armi tagħhom, ikkonkludew ftehim mal-forzi tal-koalizzjoni fl-Iraq u ġew debitament rikonoxxuti bħala “persuni protetti”.

123

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tenfasizza li qatt ma ġie ssuġġerit li hija għamlet l-iċken att ta’ terroriżmu fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

124

Il-Kunsill u r-Renju Unit jirrilevaw fl-ewwel lok li, fis-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 aktar ’il fuq (punt 135), il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat b’mod ċar li miżura ta’ ffriżar ta’ fondi ma tikkostitwixxix sanzjoni kriminali.

125

Il-Kunsill u r-Renju Unit jenfasizzaw fit-tieni lok li l-iffriżar ta’ fondi ma jikkostitwixxix theddida għad-drittijiet tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ assoċjazzjoni, meta dawn l-allegati restrizzjonijiet għal dawn il-libertajiet jkunu konsegwenza mhux intiża jew aċċidentali ta’ deċiżjoni tal-awtoritajiet. Barra minn hekk, l-iffriżar ta’ fondi ma jinvolvix theddida għas-sustanza stess tad-dritt għall-proprjetà (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Settembru 2005, Kadi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-315/01, Ġabra p. II-3649, punt 248). Fi kwalunkwe każ, il-Kunsill jikkunsidra li ma hemmx ksur tal-Artikoli 10 u 11 tal-KEDB u lanqas tal-Artikolu 1 tal-ewwel protokoll addizzjonali għall-KEDB peress li l-miżuri inkwistjoni f’din il-kawża huma skont il-liġi, jipprevedu l-għan leġittimu li huwa dak li jiġi miġġieled it-terroriżmu u huma meħtieġa f’soċjetà demokratika sabiex jintlaħaq dan il-għan.

126

Għalhekk, il-Kunsill u r-Renju Unit jikkunsidraw li, b’mod konformi mar-regola normalment applikabbli quddiem il-qorti Komunitarja (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Frar 1997, FFSA et vs Il-Kummissjoni, T-106/95, Ġabra p. II-229, punt 115, u tat-8 ta’ Lulju 2004, Corus UK vs Il-Kummissjoni, T-48/00, Ġabra p. II-2325, punt 125), hija r-rikorrenti li għandha l-oneru li tipprova l-allegazzjoni tagħha li d-Deċiżjoni 2007/445 hija affettwata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. Ir-Renju Unit jenfasizza, f’dan ir-rigward, li din id-deċiżjoni tibbenefika minn preżunzjoni ta’ legalità u li l-proċedura li tistħarreġ il-validità tagħha hija ta’ natura ċivili, b’tali mod li l-oneru tal-prova jkun fuq il-parti li tagħmel it-talba u b’tali mod li l-livell ta’ prova meħtieġ huwa dak applikabbli fil-qasam ċivili. Barra minn hekk, ebda dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedi inverżjoni jew tnaqqis tal-oneru tal-prova.

127

Dwar l-estent tal-kontroll ġudizzjarju tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kunsill u r-Renju Unit jirreferu għas-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, (punt 159), għas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-21 ta’ Frar 1986 fil-kawża James (Serje A, Nru 98) u għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Jacobs fil-kawża deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Lulju 1996, Bosphorus (C-84/95, Ġabra p. I-3953, I-3956, punt 65). Għalhekk, il-Kunsill u r-Renju Unit isostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma għandhiex il-kompetenza li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi dwar ir-rikorrenti tal-Kunsill bl-evalwazzjoni tagħha. Dan japplika, b’mod partikolari, għall-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi li fihom il-leġiżlatur jista’ jiddeċiedi jekk u meta għandhom jittieħdu miżuri restrittivi. F’dan ir-rigward, ir-Renju Unit isostni li, sa fejn min ikollu r-responsabbiltà li jieħu deċiżjoni jkollu għall-benefiċċju tiegħu firxa wiesgħa ta’ opinjonijiet fil-qasam tas-sigurtà u tat-terroriżmu, li, jekk ma jkunux evalwati sewwa, jistgħu jinvolvu konsegwenzi serji, huwa għandu d-dritt jadotta approċċ konservattiv fl-evalwazzjoni tar-riskju marbut ma’ dawn il-konsegwenzi. F’dan il-kuntest, għandu jingħata piż sinjifikattiv u rispett ċert lid-deċiżjonijiet tiegħu. B’mod partikolari, il-qrati, nazzjonali u Komunitarji, ma għandhomx “joħolqu l-opinjoni tagħhom” fir-rigward tal-bażi tad-deċiżjoni inkwistjoni.

128

Fl-aħħar nett, filwaqt li jirreferi għall-osservazzjonijiet tiegħu bi tweġiba għat-tielet motiv, il-Kunsill isostni li huwa evalwa korrettament il-provi rilevanti f’din il-kawża.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

129

Għandu l-ewwel jiġi rrilevat, bħala tweġiba għall-argument tar-rikorrenti, li l-miżuri tal-iffriżar ta’ fondi tat-tip bħal dawn inkwistjoni f’din il-kawża huma preskritti mil-liġi, jiġifieri r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u r-Regolament Nru 2580/2001 stess. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-preambolu ta’ dawn l-atti, dawn il-miżuri għandhom l-għan leġittimu tal-ġlieda kontra t-terroriżmu. Fl-aħħar nett, fil-preambolu tal-imsemmija Riżoluzzjoni 1373 (2001), il-Kunsill tas-Sigurtà afferma mill-ġdid il-ħtieġa tal-ġlieda bil-mezzi kollha, skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kontra t-theddid għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali kkawżat mill-atti ta’ terroriżmu, u kkunsidra li l-Istati kellhom jikkompletaw il-kooperazzjoni internazzjonali billi jieħdu miżuri addizzjonali, u b’mod partikolari l-iffriżar ta’ fondi, għall-prevenzjoni u l-eliminazzjoni fit-territorju tagħhom, b’kull mezz leċitu, tal-finanzjament u l-preparazzjoni ta’ kull ta’ terroriżmu. Sabiex din l-evalwazzjoni, li tinvolvi l-komunità internazzjonali kollha, ma tiġix mittiefsa, il-miżuri inkwistjoni għandhom għalhekk jiġu kkwalifikati bħala meħtieġa, f’soċjetà demokratika, sabiex jintlaħaq dan il-għan.

130

Dan stabbilit, kif il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà rrimarkat fil-punti 115 u 116 tas-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 aktar ’il fuq, l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi li jistgħu jikkundizzjonaw l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar ta’ fondi fil-konfront ta’ persuna, grupp jew entità huma ddeterminati mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001. Fi kliem din id-dispożizzjoni, il-Kunsill, b’deċiżjoni unanima, għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jimmodifika l-lista tal-persuni, gruppi u entitajiet li għalihom japplika dan ir-regolament, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(4) sa (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Il-lista inkwistjoni għandha għalhekk tiġi stabbilita, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew elementi fil-fajl li juru li tkun ittieħdet deċiżjoni minn awtorità kompetenti fir-rigward tal-persuni, gruppi u entitajiet previsti, li tinvolvi l-ftuħ ta’ inkjesti jew ta’ prosekuzzjonijiet fir-rigward ta’ att terroristiku, jew it-tentattiv ta’ att bħal dan, jew il-parteċipazzjoni fih, jew il-faċilitazzjoni tiegħu, ibbażata fuq provi jew indizji serji u kredibbli, jew li tinvolvi l-kundanna ta’ atti bħal dawn. B’“awtorità kompetenti” wieħed jifhem awtorità ġudizzjarja jew, jekk l-awtoritajiet ġudizzjarji ma jkollhom ebda kompetenza fil-qasam, awtorità kompetenti ekwivalenti f’dan il-qasam. Barra minn hekk, l-ismijiet tal-persuni u tal-entitajiet inklużi fil-lista għandhom ikunu suġġetti għal reviżjoni f’intervalli regolari, tal-anqas darba kull sitt xhur, sabiex jiġi żgurat li ż-żamma tagħhom fil-lista tibqa’ ġġustifikata, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

131

Fil-punt 117 tas-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet minn dawn id-dispożizzjonijiet li l-proċedura li tista’ twassal għal miżura ta’ ffriżar ta’ fondi skont il-leġiżlazzjoni rilevanti ssir f’żewġ livelli, wieħed nazzjonali, u l-ieħor Komunitarju. Fl-ewwel livell, awtorità nazzjonali kompetenti, bħala prinċipju awtorità ġudizzjarja, għandha tieħu fir-rigward tal-parti interessata deċiżjoni li taqa’ taħt id-definizzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Irrispettivament minn jekk din id-deċiżjoni tirrigwardax il-ftuħ ta’ inkjesti jew prosekuzzjonijiet, hija għandha tkun ibbażata fuq provi jew indizji serji u kredibbli. Fit-tieni livell, il-Kunsill, b’deċiżjoni unanima, għandu jiddeċiedi li jinkludi l-parti interessata fil-lista kkontestata, fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew elementi fil-fajl li juru li tkun ittieħdet deċiżjoni bħal din. Imbagħad il-Kunsill għandu jiżgura f’intervalli regolari, tal-anqas darba kull sitt xhur, li ż-żamma tal-parti interessata fil-lista kkontestata tibqa’ ġġustifikata. F’dan ir-rigward, jidher li l-verifika tal-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali li taqa’ taħt din id-definizzjoni hija kundizzjoni preliminari essenzjali għall-adozzjoni, mill-Kunsill, ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi, filwaqt li l-verifika tal-azzjonijiet sussegwenti għal din id-deċiżjoni fil-livell nazzjonali hija indispensabbli fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi.

132

Fil-punt 123 tas-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret ukoll li, skont l-Artikolu 10 KE, ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Komunitarji huma rregolati bi dmirijiet reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ottubru 2003, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, C-339/00, Ġabra p. I-11757, punti 71 u 72, u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-prinċipju għandu applikazzjoni ġenerali u japplika, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali [qasam magħruf bħala “Ġustizzja u Affarijiet Interni” (ĠAI)] irregolata mit-Titolu VI tat-Trattat UE li, barra minn hekk, huwa kompletament ibbażat fuq il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino, C-105/03, Ġabra p. I-5285, punt 42).

133

Fil-punt 124 tas-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li, fil-każ tal-applikazzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, dispożizzjonijiet li jistabbilixxu forma ta’ kooperazzjoni speċifika bejn il-Kunsill u l-Istati Membri, fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, dan il-prinċipju jinvolvi, għall-Kunsill, l-obbligu li joqgħod, sa fejn possibbli, fuq l-evalwazzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti, tal-anqas fil-każ li din tkun awtorità ġudizzjarja, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżistenza ta’ “xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet” li fuq il-bażi tagħhom id-deċiżjoni tagħha tkun ibbażata.

134

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, għalkemm l-oneru tal-prova li l-iffriżar ta’ fondi ta’ persuna, ta’ grupp jew ta’ entità huwa jew għadu legalment ġustifikat, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni rilevanti, huwa fuq il-Kunsill, kif issostni tajjeb ir-rikorrenti, dan l-oneru għandu suġġett relattivament limitat, fil-livell tal-proċedura Komunitarja ta’ ffriżar ta’ fondi (ara, bħala analoġija, is-sentenza OPMI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, punt 126, fir-rigward tas-suġġett tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest ta’ din l-istess proċedura). Fil-każ ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi, dan l-oneru jkopri essenzjalment l-eżistenza ta’ informazzjoni preċiża jew ta’ elementi fil-fajl li juru li deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali li taqa’ taħt id-definizzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 tkun ittieħdet fir-rigward tal-persuna interessata. Barra minn hekk, fil-każ ta’ deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi, wara reviżjoni, l-oneru tal-prova jkopri essenzjalment il-kwistjoni ta’ jekk l-iffriżar ta’ fondi għadux ġustifikat fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ u, b’mod partikolari, tal-azzjoni sussegwenti għal din id-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti.

135

Fl-aħħar nett, mill-punti 145, 146 u 151 tas-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, jirriżulta li, sa fejn il-Kunsill ma jaġixxix fuq il-bażi ta’ kompetenza marbuta, fil-kuntest tal-adozzjoni, mal-unanimità, ta’ miżura ta’ ffriżar ta’ fondi skont ir-Regolament Nru 2580/2001, huwa għandu setgħa diskrezzjonali sabiex jevalwa r-raġunijiet li minħabba fihom il-parti interessata għandha tkun suġġetta għal miżura bħal din.

136

F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi ppreċiżat li, meta jkun il-kompitu tiegħu li jevalwa jekk l-iffriżar ta’ fondi ta’ persuna, ta’ grupp jew ta’ entità huwiex jew għadux ġustifikat, il-kunsiderazzjoni ewlenija li timponi ruħha fuq il-Kunsill hija l-perċezzjoni tiegħu u l-evalwazzjoni tiegħu tar-riskju li, fin-nuqqas ta’ tali miżura, dawn il-fondi jistgħu jintużaw għall-finanzjament jew għall-preparazzjoni ta’ atti ta’ terroriżmu (ara l-punt 129 iktar ’il fuq).

137

Dwar ir-rwol tal-Qorti tal-Prim’Istanza, din il-Qorti rrikonoxxiet, fil-punt 159 tas-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il-fuq, li l-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-elementi li għandu jikkunsidra għall-adozzjoni ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE, b’mod konformi ma’ pożizzjoni komuni adottata skont il-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni. Din is-setgħa diskrezzjonali tikkonċerna, b’mod partikolari, il-kunsiderazzjonijiet ta’ kemm dawn il-miżuri jkunu xierqa, li fuqhom dawn id-deċiżjonijiet ikunu bbażati.

138

Madankollu, għalkemm il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrikonoxxi li l-Kunsill għandu marġni ta’ diskrezzjoni f’dan il-qasam, dan ma jfissirx li hija għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, minn din l-istituzzjoni, tal-informazzjoni rilevanti. Fil-fatt, il-qorti Komunitarja għandha b’mod partikolari mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà u l-koerenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni rilevanti kollha li għandha titqies għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni u jekk dawn humiex ta’ natura li jissostanzjaw il-konklużjonijiet misluta minnhom. Madankollu, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, ma huwiex il-kompitu tagħha li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-miżuri magħmula mill-Kunsill bl-evalwazzjoni tagħha (ara, bħala analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C-525/04 P, Ġabra p. I-9947, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

139

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-każijiet fejn istituzzjoni Komunitarja jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ tal-osservanza ta’ ċerti garanziji proċedurali jassumi importanza fundmentali. Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha għalhekk l-okkażjoni tippreċiża li fost dawn il-garanziji hemm l-obbligu tal-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni u li timmotiva biżżejjed id-deċiżjoni tagħha (ara s-sentenza Spanja vs Lenzing, iċċitata fil-punt 138 iktar ’il fuq, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

140

Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tivverifika jekk, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ u fid-dawl tal-informazzjoni rilevanti kollha, kemm dawk invokati mill-Kunsill kif ukoll dawk invokati minnha stess, il-Kunsill kellux motivi raġjonevoli sabiex jadotta fil-konfront tagħha, fl-2007, id-Deċiżjoni 2007/445 (ara l-punt 119 iktar ’il fuq).

141

Verifika bħal din, fid-dawl tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni applikabbli (ara l-punti 130, 135 u 136 iktar ’il fuq), tibqa’ b’mod inkontestabbli fil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju li l-qorti Komunitarja tista’ teżerċita fuq deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi meħuda skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001. Fil-fatt, essenzjalment, din il-verifika tikkorrispondi għall-istħarriġ tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni (sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, punt 159). Wara kollox, la l-Kunsill u lanqas ir-Renju Unit ma jsostnu li stħarriġ bħal dan jaqbeż il-livell ta’ stħarriġ rikonoxxut lill-Qorti tal-Prim’Istanza mill-ġurisprudenza f’qasam bħal dak tas-sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji.

142

F’din il-kawża, mill-ittra tal-Kunsill tat-30 ta’ Jannar 2007, mill-ewwel ittra ta’ notifika u min-nota ta’ spjegazzjoni annessa ma’ kull waħda minn dawn iż-żewġ ittri jirriżulta li, essenzjalment, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq il-fatt li l-ordni tal-Home Secretary, li skontu kien jaqa’ taħt id-definizzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, kien għadu fis-seħħ, minkejja li, skont it-Terrorism Act 2000, dan seta’ kien is-suġġett ta’ proċedura ġudizzjarja (review). Mill-ewwel ittra ta’ notifika u min-nota ta’ spjegazzjoni annessa magħha jirriżulta wkoll li l-Kunsill ikkunsidra l-osservazzjonijiet imressqa mir-rikorrenti u l-provi ta’ difiża mressqa minnha, f’dak li jikkonċerna l-perijodu wara l-2001, iżda kkunsidra li dawn ma kinux jiġġustifikaw it-talba tagħha sabiex titneħħa mil-lista kkontestata. B’mod partikolari, il-Kunsill ċaħad l-argument li huwa seta’ jżomm fis-seħħ deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi biss jekk il-parti interessata tikkommetti jew tipprova tikkommetti fil-preżent atti ta’ terroriżmu.

143

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, fid-dawl tal-assjem tal-informazzjoni rilevanti hekk ikkunsidrata, il-Kunsill kellu motivi raġjonevoli u provi biżżejjed sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata fil-konfront tar-rikorrenti, li huwa ma għamel ebda żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ din l-informazzjoni u li għalhekk huwa ġġustifika biżżejjed skont il-liġi ż-żamma tar-rikorrenti fil-lista kkontestata.

144

Fl-ewwel lok, fil-fatt, l-ordni tal-Home Secretary jidher li huwa, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali kompetenti li taqa’ taħt id-definizzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Wara kollox, din id-deskrizzjoni ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

145

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fil-konfront tar-rikorrenti fuq il-bażi ta’ dokumenti kontra tagħha nieqsa minn preċiżjoni, serjetà u kredibbiltà, mill-prinċipji mfakkra fil-punti 133 u 134 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kunsill ma kienx biss iġġustifikat iżda kien ukoll mistenni jafda, sa fejn possibbli, l-evalwazzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżistenza ta’ “xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet” li fuqhom id-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali kienet ibbażata. Għalkemm huwa veru li din l-awtorità nazzjonali ma kinitx awtorità ġudizzjarja, il-fatt li d-deċiżjoni tagħha setgħet tiġi kkontestata quddiem qorti u li tali proċedura jew ma ġietx eżerċitata jew ma wasslitx għal deċiżjoni favorevoli għar-rikorrenti, iqiegħed lill-Kunsill fl-istess sitwazzjoni.

146

Fit-tielet lok, kunsiderazzjonijiet simili għal dawk esposti fil-punt 145 iktar ’il fuq japplikaw għall-argument li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fil-konfront tar-rikorrenti fuq il-bażi ta’ dokumenti kontra tagħha li lkoll imorru lura għal qabel l-2001 u mingħajr eżami tad-dokumenti ta’ difiża mressqa mir-rikorrenti fir-rigward tal-perijodu ta’ wara. Ladarba l-ordni tal-Home Secretary seta’ f’kull żmien wara l-2001 ikun suġġett għal proċedura ġudizzjarja skont il-liġi interna, magħmula jew direttament kontra tiegħu, jew indirettament kontra kull deċiżjoni sussegwenti tal-Home Secretary li tirrifjuta l-irtirar jew it-tneħħija tiegħu, kien raġjonevoli għall-Kunsill li jżomm bħala predominanti, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tiegħu, il-fatt li dan l-ordni kien għadu fis-seħħ.

147

Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-ibbilanċjar tal-provi kontra u favur, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kunsill jaġixxi b’mod raġjonevoli u prudenti meta, f’sitwazzjoni fejn, bħal dik f’din il-kawża, id-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva nazzjonali kompetenti li fuqha tkun ibbażata d-deċiżjoni Komunitarja ta’ ffriżar ta’ fondi tista’ tkun jew hija suġġetta għal proċedura ġudizzjarja taħt il-liġi interna, din l-istituzzjoni tirrifjuta fil-prinċipju li tieħu pożizzjoni fuq il-fondatezza tal-argumenti fil-mertu mressqa mill-parti interessata insostenn ta’ tali proċedura, qabel ma tkun taf l-eżitu tagħha. Fil-każ kuntrarju, fil-fatt, l-evalwazzjoni magħmula mill-Kunsill, bħala istituzzjoni politika jew amministrattiva, tirriskja li tkun f’kunflitt, fuq punti ta’ fatt jew ta’ liġi, mal-evalwazzjoni magħmula mill-qorti nazzjonali kompetenti.

148

Fil-ħames lok, fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li r-rikorrenti qatt ma ġiet akkużata b’xi att ta’ terroriżmu fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 2580/2001 bl-ebda mod ma jissuġġetta l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet Komunitarji ta’ ffriżar ta’ fondi għall-kundizzjoni li l-atti ta’ terroriżmu invokati f’dan il-kuntest ikunu seħħew f’dan it-territorju. Barra minn hekk, tali kundizzjoni tkun kontra l-ispirtu u l-għan tar-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà, li fil-preambolu tagħha tafferma b’mod partikolari li “il-prinċipju li l-Assemblea Ġenerali stabbiliet fid-Dikjarazzjoni tagħha ta’ Ottubru 1970 (2625 XXV) u li l-Kunsill tas-Sigurtà afferma mill-ġdid fir-Riżoluzzjoni 1189 (1998) tiegħu, jiġifieri li kull Stat għandu l-obbligu li jastjeni milli jorganizza u milli jinkuraġġixxi atti ta’ terroriżmu fit-territorju ta’ Stat ieħor, milli jgħin jew jipparteċipa fihom, jew milli jittolera fit-territorju tiegħu attivitajiet organizzati bil-għan li jiġu mwettqa atti bħal dawn”, u tistieden lill-Istati sabiex “jipprekludu fit-territorju tagħhom, b’kull mod leġittimu, il-finanzjament u l-preparazzjoni ta’ kull att ta’ terroriżmu”.

149

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq abbuż jew użu ħażin ta’ poter

150

Ir-rikorrenti ssostni li, f’dak li jirrigwardaha, id-Deċiżjoni 2007/445 ġiet adottata mill-Kunsill f’ċirkustanzi li jikkostitwixxu abbuż jew użu ħażin ta’ poter. Skontha, il-Kunsill iddeċieda minn qabel li jżommha fil-lista kkontestata, minkejja l-elementi li jeżonerawha kompletament mill-2001, għas-sempliċi raġuni li xtaq jipplaka lir-reġim Iranjan tal-preżent.

151

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidew ripetutament li att ikun affettwat minn użu ħażin ta’ poter biss jekk ikun jidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li jkun sar bil-għan esklużiv, jew tal-anqas determinati, li jintlaħqu għanijiet li ma jkunux dawk iddikjarati jew li tiġi evitata proċedura prevista b’mod speċjali mit-Trattat sabiex jiġu ffaċjati ċ-ċirkustanzi ta’ każ partikolari (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C-210/03, Ġabra p. I-11893, punt 75, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Jannar 2004, Thermenhotel Stoiser Franz et vs Il-Kummissjoni, T-158/99, Ġabra p. II-1, punt 164, u l-ġurisprudenza ċċitata).

152

Issa, f’din il-kawża, ma hemm xejn fil-fajl li jagħmel kredibbli l-idea li l-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2007/445 saret b’għan li ma huwiex dak tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu. B’mod partikolari, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li din id-deċiżjoni ttieħdet fil-konfront tagħha unikament sabiex tipplaka lir-reġim Iranjan tal-preżent toħroġ minn proċess purament ta’ ħsieb u ma hija sostnuta minn ebda indizju oġġettiv.

153

Għalhekk, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

154

Peress li ebda motiv invokat mir-rikorrenti insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni 2007/445 ma rnexxa, din it-talba għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-talba għall-annullament tad-Deċiżjoni 2007/868

L-argumenti tal-partijiet

155

Fl-ittra tagħha ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-11 ta’ Jannar 2008, ir-rikorrenti ssostni li l-motivi invokati insostenn tat-talba tagħha għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni 2007/445 huma wkoll rilevanti fil-kuntest tat-talba tagħha għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni 2007/868.

156

Ir-rikorrenti tenfasizza li l-POAC hija l-qorti speċjalizzata stabbilita mill-Parlament tar-Renju Unit sabiex tieħu konjizzjoni ta’ proċeduri magħmula kontra d-deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni jew ta’ rifjut ta’ tneħħija ta’ projbizzjoni ta’ organizzazzjonijiet kkunsidrati bħala terroristiċi mill-Home Secretary.

157

Issa, fid-deċiżjoni tagħha tat-30 ta’ Novembru 2007, din il-qorti ddeskriviet bħala “perversa” d-deċiżjoni tal-Home Secretary tal-1 ta’ Settembru 2006 li permezz tagħha rrifjuta li jneħħi l-projbizzjoni tar-rikorrenti bħala organizzazzjoni terroristika (ara l-punt 22 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, din il-qorti rrifjutat li tawtorizza lill-Home Secretary jippreżenta appell kontra d-deċiżjoni tagħha quddiem il-Court of Appeal. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ tali appell quddiem il-Court of Appeal, il-Home Secretary ma għandux dritt jikkontesta l-konstatazzjonijiet ta’ fatt tal-POAC.

158

F’din il-kawża, il-POAC eżaminat il-provi, kunfidenzjali u mhux kunfidenzjali, imressqa mill-Home Secretary u eżaminat f’seduta magħluqa għall-pubbliku x-xhud imressaq minnu. Il-konstatazzjonijiet ta’ fatt tagħha juru li l-fatti kollha mressqa mir-rikorrenti matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2007/445 kienu korretti u li ma kien hemm ebda bażi fattwali sabiex wieħed isostni li r-rikorrenti kienet għadha organizzazzjoni terroristika. Dan huwa l-każ ukoll fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2007/868.

159

Għalhekk ir-rikorrenti takkuża lill-Kunsill li adotta d-Deċiżjoni 2007/868 f’mument meta kien jaf mhux biss bid-deċiżjoni tal-POAC u bil-konstatazzjonijiet ta’ fatt tagħha, iżda wkoll bir-rifjut tal-POAC li tawtorizza lill-Home Secretary jippreżenta appell quddiem il-Court of Appeal u l-kundizzjonijiet li taħthom sar dan ir-rifjut.

160

Hija tosserva li għalkemm huwa minnu li l-Home Secretary ressaq quddiem il-Court of Appeal talba ġdida għal awtorizzazzjoni sabiex jappella mid-deċiżjoni tal-POAC, kif hija kellha dritt tagħmel, jibqa’ l-fatt li d-Deċiżjoni 2007/868 hija bbażata biss, fir-rigward tagħha, fuq l-ordni tal-Home Secretary tat-28 ta’ Marzu 2001 u ma tieħu ebda kunsiderazzjoni tad-deċiżjoni tal-POAC.

161

Skont ir-rikorrenti, dawn l-elementi juru li d-Deċiżjoni 2007/868 hija manifestament żbaljata u li hija wkoll affettwata minn użu ħażin ta’ poter, f’dak li jirrigwardaha.

162

Fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-15 ta’ Jannar 2008, il-Kunsill naqas milli jikkummenta fuq ir-rilevanza tad-deċiżjoni tal-POAC għall-finijiet ta’ din il-proċedura.

163

Fis-seduta, din l-istituzzjoni enfasizzat, b’riferiment għall-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-POAC, li, anki li kieku dawn kellhom jiġi kkunsidrati bħala preċiżi u bħala li jirrappreżentaw stampa globali korretta, jibqa’ raġjonevoli li wieħed jikkunsidra li r-rikorrenti kienet involuta f’atti terroristiċi, fis-sens tar-Regolament Nru 2580/2001, u li, għalhekk, l-iffriżar ta’ fondi kienu għadu ġġustifikat. Il-Kunsill sostna, barra minn hekk, li, filwaqt li kkunsidra t-talba tal-Home Secretary sabiex jiġi awtorizzat mill-Court of Appeal jippreżenta appell kontra d-deċiżjoni tal-POAC, huwa ma ħax sempliċiment id-deċiżjoni li jistenna l-eżitu ta’ din it-talba qabel ma jevalwa mill-ġdid is-sitwazzjoni tar-rikorrenti.

164

Fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni ssostni li jkun prematur li, fil-preżent, wieħed jislet konklużjonjiet mid-deċiżjoni tal-POAC, fil-livell Komunitarju. Skontha, hemm lok li wieħed jistenna d-deċiżjoni tal-Court of Appeal fuq it-talba ta’ awtorizzazzjoni ta’ appell imressqa mill-Home Secretary u mbagħad, jekk ikun il-każ, li wieħed jistenna l-eżitu tal-appell li jista’ jkun hemm quddiem il-Court of Appeal kif ukoll dak tal-appell ulterjuri li jista’ jkun hemm quddiem il-House of Lords, qabel ma jiġi ddeterminat jekk din id-deċiżjoni għandux ikollha effett fuq il-legalità tad-deċiżjonijiet adottati fil-livell Komunitarju.

165

Fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta’ Jannar 2008, ir-Renju Unit fakkar li, fi kwalunkwe każ, l-ordni tal-Home Secretary tat-28 ta’ Marzu 2001 baqa’ fis-seħħ. B’dan il-mod, dan l-ordni jikkostitwixxi bażi legali suffiċjenti għall-finijiet tal-adozzjoni mill-Kunsill tad-Deċiżjoni 2007/868 fil-konfront tar-rikorrenti. Ir-Renju Unit jirrileva wkoll li, skont l-Artikolu 6(3) tat-Terrorism Act 2000, id-deċiżjoni tal-POAC ma tobbligax lill-Home Secretary ineħħi lir-rikorrenti mil-lista nazzjonali ekwivalenti għal dik stabbilita mill-Kunsill, qabel ma jiġu eżawriti l-proċeduri kollha ta’ appell, inkluża l-proċedura quddiem il-House of Lords.

166

Fin-nota ta’ intervent tiegħu, ir-Renju Unit espona, barra minn hekk, li d-Deċiżjoni 2007/868 ġiet adottata mill-Kunsill, b’għarfien tad-Deċiżjoni tal-POAC u tad-deċiżjoni sussegwenti tal-Home Secretary li jappella minn dik id-deċiżjoni. Is-seduta quddiem il-Court of Appeal, kemm dwar it-talba għal awtorizzazzjoni ta’ preżentata ta’ appell kif ukoll dwar il-mertu tal-kawża, inżammet bejn it-18 u l-20 ta’ Frar 2008.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

167

Fil-kuntest tat-talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni 2007/868, il-partijiet essenzjalment argumentaw dwar ir-rilevanza tad-deċiżjoni tal-POAC, imsemmija fil-punt 22 iktar ’il fuq, għall-finijiet tal-istħarriġ tal-legalità magħmul f’din il-kawża mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

168

B’din id-deċiżjoni, il-POAC iddeskrivit, b’mod partikolari, bħala “perversa” (perverse) il-konklużjoni tal-Home Secretary, li tinsab fid-deċiżjoni tiegħu tal-1 ta’ Settembru 2006 li tirrifjuta t-tneħħija tal-projbizzjoni tar-rikorrenti, li din kienet għadha, f’dak iż-żmien, organizzazzjoni “involuta fit-terroriżmu” (concerned in terrorism), fis-sens tat-Terrorism Act 2000. B’dan huwa opportun li wieħed jifhem li, skont l-evalwazzjoni tal-POAC, fuq il-bażi tal-elementi li l-Home Secretary kellu għad-dispożizzjoni tiegħu, ebda persuna raġjonevoli ma setgħet tasal għal konklużjoni bħal din u li, għall-kuntrarju, kwalunkwe persuna raġjonevoli kienet tasal għall-konklużjoni opposta.

169

F’dan ir-rigward, fil-punti 347 sa 349 tad-deċiżjoni tagħha, il-POAC ġabret fil-qosor il-konstatazzjonijiet ta’ fatt prinċipali tagħha u l-konklużjonijiet legali li siltet minnhom kif ġej:

“347.

[…] Għandna neżaminaw l-evidenza kollha li kienet jew li setgħet raġjonevolment tkun għad-dispożizzjoni tal-[Home Secretary] sabiex jiġi ddeterminat jekk il-PMOI kinitx jew setgħetx verament tiġi kkunsidrata minnu bħala li kienet involuta fit-terroriżmu. Eżaminajna l-evidenza kollha fid-dettall peress li nikkunsidraw li dan huwa l-istandard xieraq għall-evalwazzjoni tagħna.

348.

Diġà esponejna fid-dettall il-konklużjonijiet tagħna fuq l-evidenza quddiemna. Fil-fehma tagħna, eżami fid-dettall tal-evidenza jwassal għall-konklużjoni li ġejja:

348.1

Minbarra possibbilment l-eċċezzjoni tal-inċident uniku ta’ Mejju 2002, il-PMOI ma involvietx ruħha f’atti ta’ terroriżmu fl-Iran jew f’xi post ieħor minn Awwissu 2001.

348.2.

Anki li kieku l-PMOI seta’ kellha f’ċertu żmien struttura ta’ ordni militari fl-Iran, l-evidenza turi li stuttura bħal din ma kinitx għadha teżisti qabel (l-aktar tard) l-aħħar tal-2002.

348.3.

Jekk stess wieħed iqis li t-tliet rapporti tal-2002 jistgħu jiġu kkunsidrati bħala glorifikazzjoni [tat-terroriżmu] fis-sens tal-Artikolu 3(5)(c) [tat-Terrorism Act 2000], tali attività waqfet qabel Awwissu 2002.

348.4.

F’Mejju 2003, il-PMOI neħħa l-armi.

348.5.

Ma hemmx evidenza li tindika li l-PMOI kisbet jew fittxet li tikseb l-armi jew li b’xi mod ieħor tibni xi kapaċità militari, minkejja l-kapaċità tagħha li tagħmel dan wara Mejju 2003.

348.6.

Barra minn hekk, ma hemmx evidenza li tissuġġerixxi li l-PMOI fittxet li tirrekluta jew tħarreġ il-membri tagħha għal azzjonijiet militari jew ta’ terroriżmu.

Fil-qosor, ma hemm ebda prova li, f’xi żmien wara l-2003, il-PMOI fittxet li toħloq mill-ġdid xi forma ta’ struttura kapaċi li timplementa jew issostni atti ta’ terroriżmu. Ma hemm ebda prova ta’ xi tentattiv li ‘tipprepara ruħha’ għat-terroriżmu. Ma hemm ebda prova ta’ xi inkuraġġiment ta’ persuni oħra sabiex dawn iwettqu atti ta’ terroriżmu. Lanqas ma hemm evidenza li tippermetti xi opinjoni li l-PMOI kienet ‘implikata b’mod ieħor fit-terroriżmu’ fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni f’Settembru 2006. F’dak li jirrigwarda l-perijodu wara Mejju 2003, dan ma jistax validament jiġi deskritt bħala perijodu ta’ ‘sempliċi inattività’, u dan b’mod kuntrarju għal dak li ġie ssuġġerit mill-[Home Secretary] fl-ittra tad-deċiżjoni tiegħu. L-evidenza wriet li l-mezzi militari kollha ma kinux għadhom jeżistu, u dan la l-Iraq, la fl-Iran u lanqas f’ebda pajjiż ieħor, u li ma kien hemm ebda tentattiv mill-PMOI sabiex dawn jerġgħu jiġu stabbiliti.

349.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-unika konvinzjoni li persuna raġjonevoli setgħet ġustament ikollha, kemm f’Settembru 2006 jew iktar tard, hija li l-PMOI ma kienet għadha tissodisfa ebda kriterju neċessarju sabiex tibqa’ pprojbita. Fi kliem ieħor, fuq il-bażi tal-evidenza quddiemna, il-PMOI ma kinitx involuta fit-terroriżmu f’Settembru 2006 u lanqas ma kienet hekk involuta sal-lum.”

170

Għar-raġunijiet esposti, b’mod partikolari, fil-punti 130 sa 139 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li d-deċiżjoni tal-POAC tassumi importanza konsiderevoli għall-finijiet ta’ din il-proċedura.

171

Fil-fatt, din hija l-ewwel deċiżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja kompetenti li ddeċidiet fuq il-legalità, fid-dawl tal-liġi nazzjonali applikabbli, tar-rifjut tal-Home Secretary li jirrevoka l-ordni tiegħu tat-28 ta’ Marzu 2001 li fuq il-bażi tiegħu l-Kunsill adotta kemm id-deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi tar-rikorrenti kif ukoll id-deċiżjonijiet sussegwenti kollha, inkluża d-Deċiżjoni 2007/868.

172

Għalhekk, id-deċiżjoni tal-POAC tikkostitwixxi, b’mod inkontestabbli, waħda mill-azzjonijiet sussegwenti, fil-livell nazzjonali, għall-ordni tal-Home Secretary tat-28 ta’ Marzu 2001.

173

Issa, il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà rrilevat li jidher li l-verifika ta’ dawn l-azzjonijiet sussegwenti hija indispensabbli fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi (ara l-punt 131 iktar ’il fuq).

174

Fir-rigward ta’ kemm il-Kunsill kellu għarfien tad-deċiżjoni tal-POAC u ta’ kemm ħa inkunsiderazzjoni din id-deċiżjoni, fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2007/868, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn din l-istituzzjoni u mir-Renju Unit kif ukoll minn dokumenti marbuta mal-imsemmija proċedura, imressqa minn dawn il-partijiet skont il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati mill-Qorti tal-Prim’Istanza, jirriżulta li:

fit-13 ta’ Novembru 2007, ir-rappreżentant tar-Renju Unit informa verbalment lill-membri tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (iktar ’il quddiem “Grupp ta’ Ħidma PK 931”) li l-POAC kellha tagħti d-deċiżjoni tagħha fil-każ li jikkonċerna lir-rikorrenti fit-30 ta’ Novembru 2007 u li r-Renju Unit kien se jiddetermina l-pożizzjoni tiegħu dwar il-projbizzjoni tal-parti interessata skont din id-deċiżjoni;

fit-3 ta’ Diċembru 2007, ir-Renju Unit informa b’messaġġ elettroniku lill-Presidenza Portugiża tal-Kunsill bid-deċiżjoni tal-POAC, filwaqt li pprovdilha sommarju ta’ din id-deċiżjoni, stedinha tieħu konjizzjoni tagħha fuq is-sit tal-Internet fejn kienet disponibbli u filwaqt li informaha bl-intenzjoni tiegħu li jqajjem din il-kwistjoni fil-laqgħa li jmiss tal-Grupp ta’ Ħidma PK 931;

fl-4 ta’ Diċembru 2007, ir-Renju Unit informa b’messaġġ elettroniku lill-Presidenza Portugiża li l-Home Secretary kien indika b’mod ċar li huwa kien se jipprova jikseb l-awtorizzazzjoni li jappella mid-deċiżjoni tal-POAC; ir-Renju Unit kien jaħseb li d-deċiżjoni dwar din l-awtorizzazzjoni kienet se tittieħed qabel is-17 ta’ Diċembru 2007; fil-każ ta’ awtorizzazzjoni, is-seduta dwar l-appell quddiem il-Court of Appeal kellha tinżamm matul l-ewwel xhur tal-2008; fl-istess messaġġ elettroniku, ir-Renju Unit ippropona li l-Unjoni Ewropea ma tieħu ebda azzjoni fir-rigward taż-żamma tar-rikorrenti fil-lista kkontestata qabel ma tintemm il-proċedura ta’ appell fir-Renju Unit, u ppreċiża li l-projbizzjoni tar-rikorrenti fir-Renju Unit kienet se tibqa’ fis-seħħ matul dan il-perijodu;

fis-6 ta’ Diċembru 2007, kopja tal-ittra mibgħuta mir-rikorrenti lill-Kunsill fil-5 ta’ Diċembru 2007, bl-intenzjoni li tikseb it-tneħħija tagħha mil-lista kkontestata fid-dawl tad-deċiżjoni tal-POAC (iċċitata fil-punt 23 iktar ’il fuq), kif ukoll kopja tal-imsemmija deċiżjoni tal-POAC, intbagħtu mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill lid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri fi ħdan il-Kunsill;

fit-12 ta’ Diċembru 2007, il-Grupp ta’ Ħidma PK 931 żamm laqgħa bil-ħsieb li tiġi ppreparata l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2007/868; skont ir-“riżultat tal-ħidmiet” ta’ din il-laqgħa, mibgħut mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill lid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri fi ħdan il-Kunsill fl-20 ta’ Diċembru 2007, l-imsemmi grupp ta’ ħidma kien ġie informat mid-delegazzjoni tar-Renju Unit bid-deċiżjoni tal-POAC; id-delegazzjoni tar-Renju Unit informat ukoll lid-delegazzjonijiet l-oħra bl-intenzjoni tal-Home Secretary li jiġi awtorizzat jappella minn din id-deċiżjoni u spjegatilhom li, jekk il-POAC infisha tirrifjuta din l-awtorizzazzjoni, il-Home Secretary kellu l-intenzjoni li jitlobha direttament lill-Court of Appeal;

fis-17 ta’ Diċembru 2007, abbozz ta’ deċiżjoni u abbozz ta’ pożizzjoni komuni li jirriflettu r-riżultati tal-laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma PK 931 ntbagħtu mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill lill-Grupp ta’ Ħidma ta’ Kunsillieri għar-Relazzjonijiet Barranin; l-isem tar-rikorrenti kien inkluż fil-listi annessi ma’ dawn l-abbozzi; fl-istess jum, il-Grupp ta’ Ħidma ta’ Kunsillieri għar-Relazzjonijiet Barranin approva l-imsemmija abbozzi u stieden lill-Coreper sabiex jirrakomanda lill-Kunsill jadotta dawn l-abbozzi; in-nota ta’ spjega ta’ dawn il-fatti (note I/A) intbagħtet mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill lill-Coreper fit-18 ta’ Diċembru 2007;

fid-19 ta’ Diċembru 2007, il-Coreper approva r-rakkomandazzjonijiet inkwistjoni;

fid-19 ta’ Diċembru 2007, il-Renju Unit informa b’messaġġ elettroniku lill-Presidenza Portugiża, lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri li kien għamlu espressament talba f’dan is-sens, li l-POAC irrifjutat l-awtorizzazzjoni għal appell mitluba mill-Home Secretary; ir-Renju Unit żied li l-Home Secretary kellu l-intenzjoni jitlob l-istess awtorizzazzjoni lill-Court of Appeal, mingħajr ma seta’ jindika f’liema data din kienet se tiddeċiedi din it-talba.

175

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, fl-20 ta’ Diċembru 2007, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2007/868.

176

Fir-rigward tal-indikazzjoni tar-raġunijiet speċifiċi u konkreti li fuq il-bażi tagħhom il-Kunsill ikkunsidra, wara reviżjoni, li l-iffriżar ta’ fondi tar-rikorrenti kien għadu ġġustifikat, li tikkostitwixxi l-essenzjal tal-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ din l-istituzzjoni fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi (sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 1 iktar ’il fuq, punti 143 u 144), min-nota ta’ spjegazzjoni msemmija fil-punti 28 u 29 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kunsill ikkunsidra, fit-tieni ittra ta’ notifika, li r-raġunijiet għaż-żamma tar-rikorrenti fil-lista kkontestata, ikkomunikati minn qabel lill-parti interessata permezz tal-ewwel ittra ta’ notifika, kienu għadhom validi. Barra minn hekk, in-nota ta’ spjegazzjoni annessa mat-tieni ittra ta’ notifika hija identika ħafna għal dik li kienet ġiet annessa mal-ewwel ittra ta’ notifika. Fir-rigward tad-deċiżjoni tal-POAC, il-Kunsill irrileva biss, fit-tieni ittra ta’ notifika, li l-Home Secretary kien ipprova jressaq appell kontra tagħha (the Council notes that the UK Home Secretary has sought to bring an appeal).

177

Fid-dawl tal-assjem tal-informazzjoni rilevanti fid-data ta’ adozzjoni tad-Deċiżjoni 2007/868, u fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li din il-motivazzjoni hija manifestament insuffiċjenti sabiex tiġġustifika legalment iż-żamma tal-iffriżar ta’ fondi tar-rikorrenti.

178

Fl-ewwel lok, din il-motivazzjoni ma tippermettix li jiġi evalwat kemm il-Kunsill effettivament ikkunsidra d-deċiżjoni tal-POAC, kif kellu l-obbligu li jagħmel (ara l-punt 173 iktar ’il fuq).

179

Fit-tieni lok, din il-motivazzjoni ma tesponix ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li fuq il-bażi tagħhom il-Kunsill ikkunsidra, minkejja l-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula b’awtorità sovrana mill-POAC u l-konklużjonijiet legali partikolarment severi fil-konfront tal-Home Secretary li din il-qorti siltet minn dawn il-konstatazzjonijiet, li ż-żamma tar-rikorrenti fil-lista kkontestata kienet għadha ġġustifikata fid-dawl tal-istess assjem ta’ fatti u ċirkustanzi li l-POAC kellha tiddeċiedi dwarhom (ara, bħala analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1995, Publishers Association vs Il-Kummissjoni, C-360/92 P, Ġabra p. I-23, punti 39 sa 44).

180

Dan huwa partikolarment il-każ fid-dawl tal-konklużjoni tal-POAC li l-unika opinjoni li persuna raġjonevoli setgħet ġustament tifforma, minn wara Settembru 2006, kienet dik li r-rikorrenti ma kienet tissodisfa ebda wieħed mill-kriterji meħtieġa għall-ġustifikazzjoni taż-żamma tal-projbizzjoni tagħha bħala organizzazzjoni terroristika jew li, fi kliem ieħor, hija ma kinitx għadha involuta fit-terroriżmu wara dan iż-żmien. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kien kompitu tal-Kunsill li tal-anqas jevalwa mill-ġdid l-evalwazzjoni tiegħu tal-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali kompetenti bbażata fuq “xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet”, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

181

Fis-seduta, il-Kunsill ipprova jirrimedja għal din l-insuffiċjenza manifesta ta’ motivazzjoni billi sostna, filwaqt li ressaq eżempji insostenn, li, anki fuq il-bażi ta’ fatti bħal dawk ikkonstatati mill-POAC, kien jibqa’ raġjonevoli li wieħed jikkunsidra, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2007/868, li r-rikorrenti kienet involuta f’atti terroristiċi, fis-sens tar-Regolament Nru 2580/2001, u li, għalhekk, l-iffriżar tal-fondi tagħha kien għadu ġġustifikat (ara l-punt 163 iktar ’il fuq).

182

F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi mfakkar li l-motivazzjoni ta’ att għandha, fil-prinċipju, tiġi kkomunikata lill-parti interessata fl-istess ħin bħall-att li jikkawżalha preġudizzju u li n-nuqqas ta’ motivazzjoni, jew l-insuffiċjenza manifesta tagħha, ma jistax jiġi rregolarizzat bil-fatt li l-parti interessata ssir taf bir-raġunijiet tal-att matul il-proċedura quddiem il-qorti Komunitarja (ara s-sentenza OMPI, iċċitata fil-punt 139, u l-ġurisprudenza ċċitata).

183

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, għalkemm huwa minnu li l-Kunsill seta’ jikkunsidra l-eżistenza ta’ mezzi ta’ appell kontra d-deċiżjoni tal-POAC kif ukoll l-eżerċizzju effettiv tagħhom mill-Home Secretary, ma kienx biżżejjed għalih, f’dan il-każ, li jindika li l-Home Secretary ipprova jippreżenta appell sabiex ma jkollux għalfejn jikkunsidra speċifikament il-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula b’awtorità sovrana mill-POAC kif ukoll il-konklużjonijiet legali li din siltet minnhom.

184

Iktar minn hekk, dan huwa l-każ minħabba li, minn naħa, il-POAC, awtorità ġudizzjarja kompetenti sabiex tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-Home Secretary, iddeskriviet ir-rifjut tiegħu li jneħħi l-projbizzjoni tar-rikorrenti bħala “mhux raġjonevoli” u “pervers” u li, min-naħa l-oħra, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2007/868, il-Kunsill kien ġie informat bir-rifjut tal-POAC li tawtorizza lill-Home Secretary jippreżenta tali appell kif ukoll bir-raġunijiet ta’ dan ir-rifjut, jiġifieri li, skont il-POAC, ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-Home Secretary ma kellu possibbiltajiet raġjonevoli ta’ suċċess quddiem il-Court of Appeal.

185

Bħala konklużjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, fid-dawl tal-informazzjoni rilevanti kollha u filwaqt li tikkunsidra ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, iż-żamma tal-iffriżar tal-fondi tar-rikorrenti magħmula permezz tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2007/868, b’rabta mal-punt 2.19 tal-lista li tidher fl-anness ta’ din id-deċiżjoni, taħt it-titolu “Gruppi u entitajiet”, ma hijiex suffiċjentement motivata skont il-liġi.

186

Din il-konstatazzjoni tista’ twassal biss għall-annullament ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrenti.

187

Mill-bqija, ebda wieħed mill-motivi invokati mir-rikorrenti ma jista’ jsostni t-talba tagħha għall-annullament, fir-rigward ta’ dak li jikkonċernaha, ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-deċiżjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 2 tagħha li jipprovdi li d-Deċiżjoni 2007/445 hija revokata.

Fuq l-ispejjeż

188

Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali. Fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, hemm lok li jiġi deċiż li, minbarra l-ispejjeż tiegħu, il-Kunsill għandu jbati terz tal-ispejjeż tar-rikorrenti.

189

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud bħala infondat inkwantu jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/445/KE, tat-28 ta’ Ġunju 2007, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d-Deċiżjonijiet 2006/379/KE u 2006/1008/KE.

 

2)

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/868/KE, tal-20 ta’ Diċembru 2007, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2007/445, u l-punt 2.19 tal-lista li tidher fl-anness ta’ din id-deċiżjoni, huma annullati sa fejn dawn jikkonċernaw lill-People’s Mojahedin Organization of Iran.

 

3)

Ir-rikors huwa miċħud bħala infondat inkwantu jitlob l-annullament ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-Deċiżjoni 2007/868, sa fejn dawn jikkonċernaw lill-People’s Mojahedin Organization of Iran.

 

4)

Minbarra l-ispejjeż tiegħu, il-Kunsill huwa kkundannat għall-ħlas ta’ terz tal-ispejjeż tal-People’s Mojahedin Organization of Iran.

 

5)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, il-Kummissjoni u r-Renju tal-Olanda għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Forwood

Šváby

Truchot

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Ottubru 2008.

E. Coulon

Reġistratur

N. J. Forwood

President


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.