Kawża T-234/07

Koninklijke Grolsch NV

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Olandiż tal-birra — Deċiżjoni li tikkonstata ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 81 KE — Parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur ikkonstatat — Insuffiċjenza ta’ provi — Nuqqas ta’ motivazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Ammissibbiltà — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Obbligu ta’ impriża destinatarja ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li tikkontesta l-punti ta’ fatt jew ta’ liġi inklużi fiha matul il-proċedura amministrattiva — Limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għal rikors — Ksur tal-prinċipji fundamentali ta’ legalità u ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża

(Artikoli 81 KE, 82 KE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

2.      Kompetizzjoni — Akkordji — Prova — Ksur uniku u kontinwat li jirriżulta minn sistema kumplessa ta’ konċertazzjoni

(Artikolu 81(1) KE)

3.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni li jiġu applikati r-regoli tal-kompetizzjoni — Deċiżjoni li tikkonċerna diversi destinatarji

(Artikoli 81 KE u 253 KE)

4.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Preżunzjoni konfutabbli ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji miżmuma 100 % minnha

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

1.      Fil-qasam tar-regoli tal-kompetizzjoni, ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma timponi fuq id-destinatarju ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet l-obbligu li jikkontesta d-diversi punti ta’ fatt u ta’ liġi matul il-proċedura amministrattiva, b’mod li ma jkunx jista’ jikkontestahom sussegwentement fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja. Fil-fatt, għalkemm l-għarfien espliċitu jew impliċitu tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi minn impriża matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni jista’ jikkostitwixxi prova addizzjonali matul l-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ rimedju ġudizzjarju, dan ma jistax jillimita l-eżerċizzju stess tad-dritt għal rikors quddiem il-Qorti Ġenerali li għandha persuna fiżika jew ġuridika skont it-Trattat.

Fin-nuqqas ta’ bażi legali li hija espressament prevista għal dan il-għan, tali limitazzjoni tikser il-prinċipji fundamentali ta’ legalità u ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża. Id-dritt għal rikors effettiv u għal aċċess għal qorti imparzjali huwa, barra minn hekk, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(ara l-punti 37, 38, 40)

2.      Fil-qasam tar-regoli tal-kompetizzjoni, fir-rigward ta’ ksur uniku u kontinwat li jikkonsisti fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet u taż-żidiet ta’ prezz ta’ prodott partikolari fi Stat Membru, li jirriżulta minn sistema kumplessa ta’ konċertazzjoni implementata mill-impriżi kkonċernati, indizju iżolat tal-parteċipazzjoni ta’ impriża f’din il-koordinazzjoni ma huwiex biżżejjed sabiex il-parteċipazzjoni tagħha titqies bħala tali ksur. Tikkostitwixxi tali indizju iżolat il-parteċipazzjoni tal-President tal-kunsill tal-amministrazzjoni tal-impriża inkriminata f’laqgħa dwar qasam wieħed tas-suq inkwistjoni.

(ara l-punti 63, 65-67, 71)

3.      Meta deċiżjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE tikkonċerna diversi destinatarji u tqajjem problema ta’ imputabbiltà tal-ksur ikkonstatat, hija għandha tagħti motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, b’mod partikolari ta’ dawk fosthom li, skont din id-deċiżjoni, ikollhom ibatu r-responsabbiltà għal dan il-ksur.

Għalhekk, fir-rigward ta’ kumpannija parent li tinżamm responsabbli għall-aġir tas-sussidjarja tagħha, tali deċiżjoni għandha tinkludi espożizzjoni dettaljata tal-motivi ta’ natura li jiġġustifikaw l-imputabbiltà tal-ksur ikkonstatat fir-rigward ta’ din il-kumpannija.

F’dan il-kuntest, meta deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ma tipprovdi xejn dwar ir-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li hemm bejn l-impriża inkwistjoni u s-sussidjarja tagħha u l-motivi tagħha ma jsemmux l-isem ta’ din tal-aħħar, il-Kummissjoni tonqos, bl-istess mod, milli tesponi l-motivi tal-imputazzjoni lill-impriża inkwistjoni tal-aġir inkwistjoni tas-sussidjarja tagħha. Għalhekk, il-Kummissjoni ċċaħħad lill-impriża mill-possibbiltà li tikkontesta possibbilment il-fondatezza ta’ din l-imputazzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali billi tibdel il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv mill-kumpannija parent ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha u ma tqiegħedx lill-Qorti Ġenerali f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha f’dan ir-rigward.

(ara l-punti 77, 78, 88-91)

4.      L-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta tali sussidjarja, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, ma tiddeterminax awtonomament l-aġir tagħha fis-suq iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent, fid-dawl b’mod partikolari tar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jiffurmaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jiffurmaw impriża waħda. Għaldaqstant, il-fatt li kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE jippermetti li l-Kummissjoni tindirizza deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbilit l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur.

Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent tkun 100 % proprjetarja tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li tipprovdi li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tagħti prova li l-kumpannija parent hija proprjetarja tal-kapital kollu tas-sussidjarja sabiex tippreżumi li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta lis-sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tinverti din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq.

(ara l-punti 80-83)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

15 ta’ Settembru 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Olandiż tal-birra – Deċiżjoni li tikkonstata ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 81 KE – Parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur ikkonstatat – Insuffiċjenza ta’ provi – Nuqqas ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑234/07,

Koninklijke Grolsch NV, stabbilita f’Enschede (il-Pajjizi l-Baxxi), irrappreżentata minn M. Biesheuvel u J. de Pree, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn A. Bouquet, S. Noë u A. Nijenhuis, bħala aġenti, sussegwentement minn A. Bouquet u S. Noë, assistiti minn M. Slotboom, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament, sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 1697, tat-18 ta’ April 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/B‑2/37.766 – Is-suq Olandiż tal-birra), u, sussidjarjament, talba għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża),

komposta minn V. Vadapalas, li qed jaġixxi bħala President tal-Awla, A. Dittrich u L. Truchot (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Marzu 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Koninklijke Grolsch NV, hija kumpannija li l-attività tagħha tikkonsisti fil-produzzjoni tal-birra, liema birra hija tikkummerċjalizza taħt l-isem tagħha stess.

2        Il-grupp Grolsch huwa wieħed mill-erba’ kompetituri prinċipali fis-suq Olandiż tal-birra. It-tliet produtturi prinċipali tal-birra l-oħra f’dan is-suq huma, l-ewwel nett, il-grupp Heineken (iktar ’il quddiem “Heineken”) li d-direzzjoni tiegħu hija responsabbiltà tal-kumpannija Heineken NV u li l-produzzjoni tiegħu hija responsabbiltà tas-sussidjarja Heineken Nederland BV, it-tieni nett, il-grupp InBev (iktar ’il quddiem “InBev”), li qabel l-2004, kien magħruf taħt l-isem Interbrew u li d-direzzjoni tiegħu hija responsabbiltà tal-kumpannija Inbev SA u li l-produzzjoni tiegħu hija responsabbiltà tas-sussidjarja InBev Nederland NV, u t-tielet nett, il-kumpannija Bavaria NV.

3        Il-grupp Grolsch u t-tliet produtturi prinċipali tal-birra l-oħra f’dan is-suq ibiegħu l-birra tagħhom lill-klijent finali, partikolarment permezz ta’ żewġ mezzi ta’ distribuzzjoni. Għaldaqstant, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, iċ-ċirkwit ta’ stabbilimenti “horeca”, jiġifieri l-lukandi, ir-restoranti u l-kafetteriji, fejn il-konsum isir fuq il-post, u, min-naħa l-oħra, iċ-ċirkwit “food” ta’ supermarkets u ta’ ħwienet tal-inbid u tal-ispirti, fejn ix-xiri tal-birra huwa maħsub għall-konsum fid-djar. Dan l-aħħar settur jinkludi wkoll il-parti tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur. Minn fost l-erba’ produtturi tal-birra kkonċernati, huma biss InBev u Bavaria li huma attivi f’din l-aħħar parti.

4        Dawn l-erba’ produtturi tal-birra huma membri tas-Centraal Brouwerij Kantoor (iktar ’il quddiem is-“CBK”). Din tal-aħħar hija organizzazzjoni federattiva li, skont l-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħha, tirrappreżenta l-interessi tal-membri tagħha u hija komposta minn assemblea ġenerali u minn diversi kummissjonijiet, bħall-kummissjoni responsabbli għal kwistjonijiet “horeca” u l-kummissjoni finanzjarja, li saret il-bord tad-diretturi. Fir-rigward tal-laqgħat li jsiru fis-CBK, is-segretarjat tagħha jistabbilixxi avviżi u fajls uffiċjali enumerati b’mod kontinwu u li jintbagħtu lill-membri parteċipanti.

 Il-proċedura amministrattiva

5        Permezz tal-ittri tat-28 ta’ Jannar 2000 kif ukoll tat-3, tal-25 u tad-29 ta’ Frar 2000, InBev ipprovdiet serje ta’ dikjarazzjonijiet, ikkompletati bid-dikjarazzjonijiet annessi ta’ ħames diretturi tagħha (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“dikjarazzjoni ta’ InBev”), dwar informazzjoni fuq prattiki kummerċjali restrittivi fis-suq Olandiż tal-birra. Id-dikjarazzjoni ta’ InBev saret waqt investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, partikolarment fl-1999, fuq prattiki ta’ akkordju u fuq abbuż possibbli ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq Belġjan tal-birra. Flimkien mad-dikjarazzjoni ta’ InBev, InBev ressqet talba ta’ klemenza skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 1996, C 207, p. 4).

6        Wara d-dikjarazzjoni ta’ InBev, il-Kummissjoni adottat, fis-17 ta’ Marzu 2000, deċiżjoni ta’ verifika, abbażi tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1216/1999, tal-10 ta’ Ġunju 1999 (ĠU L 148, p. 5).

7        Skont l-ewwel żewġ premessi ta’ din id-deċiżjoni:

“Koninklijke Grolsch NV hija impriża tal-produzzjoni tal-birra.

Il-Kummissjoni għandha informazzjoni li Koninklijke Grolsch NV, l-impriżi li hija tikkontrolla direttament jew indirettament, inkluż Grolsche Bierbrouwerij Nederland BV, u l-kompetituri prinċipali tagħha jieħdu jew ħadu sehem f’akkordji u/jew prattiki miftiehma u/jew jikkontribwixxu jew ikkontribwixxew għall-adozzjoni, mis-[CBK], ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-iffissar tal-prezzijiet, it-tqassim tas-swieq u/jew l-iskambju ta’ informazzjoni fis-settur Olandiż tal-birra, kemm fis-[settur] tal-bejgħ bl-imnut kif ukoll f’dak ta’ horeca […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi:

“Koninklijke Grolsch NV u l-impriżi li hija tikkontrolla direttament jew indirettament, inkluż Grolsche Bierbrouwerij Nederland BV, għandhom jiġu suġġetti għal verifika dwar l-akkordji u/jew prattiċi miftiehma preżunti, li għandhom bħala għan li joħolqu restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq bejn l-impriżi ta’ produtturi tal-birra fil-Pajjiżi l-Baxxi. L-akkordji u/jew il-prattiki miftiehma jikkonċernaw l-iffissar tal-prezzijiet, it-tqassim tas-swieq u/jew l-iskambju ta’ informazzjoni fis-settur Olandiż tal-birra, kemm fis-[settur] tal-bejgħ bl-imnut kif ukoll f’dak ta’ horeca […] Dan l-aġir jista’ wkoll jimmanifesta ruħu f’deċiżjonijiet [tas-CBK], assoċjazzjoni ta’ impriżi li tagħmel parti minnha Grolsch.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        Skont l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni ta’ verifika:

“Id-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni huma:

Koninklijke Grolsch NV

Brouwerijstraat 1

7523 XC Enschede

Nederland

u l-impriżi direttament jew indirettament ikkontrollati minnha, inklużi:

Grolsche Bierbrouwerij Nederland BV

Brouwerijstraat 1

7523 XC Enschede

Nederland.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      Skont il-Kummissjoni, saru spezzjonijiet fit-22 u fit-23 ta’ Marzu 2000 għand “Koninklijke Grolsch NV”, għand tliet produtturi tal-birra oħra Olandiżi u fil-bini tas-CBK.

11      Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotifikat diversi talbiet ta’ informazzjoni lil “Grolsch”.

12      Fit-30 ta’ Awwissu 2005, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ntbagħtet lir-rikorrenti fil-31 ta’ Awwissu 2005. Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Novembru 2005, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar din id-dikjarazzjoni. Ħadd mill-partijiet ma talab seduta.

13      Fit-18 ta’ April 2007, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2007) 1697 dwar provvediment [proċedura] skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/B/37.766 − Is-suq Olandiż tal-birra) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li ġiet innotifikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tal-24 ta’ April 2007.

 Id-deċiżjoni kkontestata

14      L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li “Grolsch: Koninklijke Grolsch NV” u l-produtturi tal-birra oħra kkonċernati pparteċipaw, matul il-perijodu ta’ bejn is-27 ta’ Frar 1996 u t-3 ta’ Novembru 1999, fi ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 81(1) KE, li jikkonsisti f’għadd ta’ akkordji u/jew prattiki miftiehma li għandhom bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni.

15      Il-ksur ikkonsista, fl-ewwel lok, fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet u fiż-żidiet tal-prezzijiet tal-birra fil-Pajjiżi l-Baxxi, kemm fis-settur “horeca” kif ukoll fis-settur tal-konsum fid-djar, inkluż fir-rigward tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur, fit-tieni lok, fil-koordinazzjoni okkażjonali ta’ kundizzjonijiet kummerċjali oħra offruti lill-klijenti individwali fis-settur “horeca” fil-Pajjiżi l-Baxxi, bħal tislif lill-istabbilimenti, u, fit-tielet lok, fil-koordinazzjoni okkażjonali fuq it-tqassim tal-klijentela, kemm fis-settur “horeca” kif ukoll fis-settur tal-konsum fid-djar fil-Pajjiżi l-Baxxi (Artikolu 1 u premessi 257 u 258 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      L-aġir antikompetittiv tal-produtturi tal-birra seħħ, skont id-deċiżjoni kkontestata, waqt ċiklu ta’ laqgħat multilaterali mhux uffiċjali li kienu jlaqqgħu flimkien, regolarment, l-erba’ kompetituri prinċipali fis-suq Olandiż tal-birra, kif ukoll waqt laqgħat bilaterali addizzjonali li jinvolvu l-istess produtturi tal-birra f’diversi konfigurazzjonijiet. Skont id-deċiżjoni kkontestata, dawn il-laqgħat seħħew b’mod sigriet, deliberatament, peress li l-parteċipanti kienu jafu li ma kinux awtorizzati (premessi 257 sa 260 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Għaldaqstant, fl-ewwel lok, saru serje ta’ laqgħat multilaterali msejħa “prattika miftiehma Catherijne” jew “kummissjoni tal-aġenda” bejn is-27 ta’ Frar 1996 u t-3 ta’ Novembru 1999. Id-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi li dawn il-laqgħat, li jikkonċernaw is-settur “horeca”, iżda li jistgħu jirrigwardaw ukoll is-settur tal-konsum fid-djar, essenzjalment kellhom bħala għan li jikkoordinaw il-prezzijiet u ż-żidiet fil-prezzijiet tal-birra, li jiddiskutu l-limitazzjoni tal-ammont ta’ skontijiet u tat-tqassim tal-klijentela kif ukoll li jiftiehmu fuq ċerti kundizzjonijiet kummerċjali oħra. Il-prezzijiet tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur ukoll ġew diskussi matul dawn il-laqgħat (premessi 85, 90, 98, 115 sa 127 u 247 sa 252 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntatti bilaterali bejn il-produtturi tal-birra, id-deċiżjoni kkontestata tindika li, fit-12 ta’ Mejju 1997, InBev u Bavaria ltaqgħu u ddiskutew iż-żieda tal-prezzijiet tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur (premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, Heineken u Bavaria ltaqgħu fl-1998 bil-għan li jiddiskutu r-restrizzjonijiet li jikkonċernaw il-punti ta’ bejgħ fis-settur “horeca” (premessa 189 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tindika li saru wkoll kuntatti bilaterali lejn il-5 ta’ Lulju 1999 bejn Heineken u “Grolsch” fir-rigward ta’ kumpens li ngħata lill-klijenti fis-settur tal-konsum fid-djar li rriżulta fi tnaqqis temporanju tal-prezzijiet (premessi 212 u 213 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Fl-aħħar nett, skont id-deċiżjoni kkontestata, fl-1997, saru kuntatti bilaterali u skambji ta’ informazzjoni bejn InBev u Bavaria rigward diskussjonijiet ġenerali dwar il-prezz tal-birra kif ukoll diskussjonijiet li jirrigwardaw ukoll il-marka tad-distributur. Il-kuntatti bilaterali, fil-forma ta’ skambji ta’ informazzjoni, rigward il-marka tad-distributur, kienu jinvolvu wkoll produtturi tal-birra Belġjani matul Ġunju u Lulju tal-1998. Il-Kummissjoni tippreċiża li dawn id-diskussjonijiet seħħew fil-preżenza ta’ Heineken u ta’ “Grolsch” (premessi 105, 222 sa 229 u 232 sa 236 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Il-konstatazzjoni ta’ dan l-aġir huwa essenzjalment ibbażat fuq l-indikazzjonijiet ipprovduti mid-dikjarazzjoni ta’ InBev (premessi 40 sa 62 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li d-dikjarazzjoni ta’ InBev hija kkorroborata minn serje ta’ dokumenti interni li joriġinaw mill-grupp Grolsch u minn tliet produtturi tal-birra oħra Olandiżi, minn noti miktubin bl-idejn tal-laqgħat, minn noti tal-ispejjeż u minn kopji ta’ djarji miksuba wara l-investigazzjoni u minn talbiet għal informazzjoni (premessi 63 sa 255 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata huwa fformulat kif ġej:

“Artikolu 1

L-impriżi segwenti pparteċipaw, matul il-perijodu ta’ bejn is-27 ta’ Frar 1996 u t-3 ta’ Novembru 1999, fi ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 81 [KE], li jikkonsisti f’għadd ta’ akkordji u/jew prattiki miftiehma li għandhom bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni, b’mod partikolari i) bil-koordinazzjoni ta’ prezzijiet u biż-żieda ta’ prezzijiet tal-birra fil-Pajjiżi l-Baxxi, kemm fis-[settur] ‘horeca’ kif ukoll fis-settur tal-konsum fid-djar, inkluż fir-rigward tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur; ii) bil-koordinazzjoni okkażjonali ta’ kundizzjonijiet kummerċjali oħra offruti lil konsumaturi individwali fis-[settur] ‘horeca’ fil-Pajjiżi l-Baxxi; u iii) billi jiftiehmu okkażjonalment fuq it-tqassim tal-klijentela, kemm fis-[settur] ‘horeca’ kif ukoll fis-[settur] tal-konsum fid-djar fil-Pajjiżi l-Baxxi:

InBev : InBev NV u InBev Nederland NV

Heineken : Heineken NV u Heineken Nederland BV

Grolsch : Koninklijke Grolsch NV

Bavaria : Bavaria NV

Artikolu 2

L-impriżi msemmija fl-Artikolu 1 għandhom immedjatament itemmu l-ksur fl-imsemmi Artikolu 1 jekk ma għamlux dan diġà.

Huma għandhom jastjenu minn kull att jew aġir imsemmi fl-Artikolu 1, u minn kull miżura li għandha għan jew effett identiku jew ekwivalenti.

Artikolu 3

Għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1, huma imposti l-multi segwenti:

a)       Heineken NV ut Heineken Nederland BV, flimkien u in solidum: EUR 219 275 000;

b)      Koninklijke Grolsch NV : EUR 31 658 000;

c)      Bavaria NV : EUR 22 850 000.

[…]

Artikolu 4

Il-kumpanniji

InBev NV, Brouwerijplein 1, B 3000 Louvain, il-Belġju

InBev Nederland NV, Ceresstraat 1, 4811 CA Breda, il-Pajjiżi l-Baxxi

Heineken NV, Vijzelstraat 72, 1017 HL Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi

Heineken Nederland BV, Burgemeester Smeetsweg 1, 2382 PH Zoeterwoude, il-Pajjiżi l-Baxxi

Koninklijke Grolsch NV, Brouwerslaan 1, 7548 XA Enschede, il-Pajjiżi l-Baxxi

Bavaria NV, De Slater 1, 5737 RV Lieshout, il-Pajjiżi l-Baxxi

huma destinatarji ta’ din id-deċiżjoni.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

23      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Lulju 2007, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

24      B’deċiżjoni tal-10 ta’ Frar 2010, il-Qorti Ġenerali rrinvijat il-kawża quddiem is-Sitt Awla Estiża skont l-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

25      Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-12 ta’ Frar 2010, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li għalihom dawn tal-aħħar wieġbu fit-terminu stabbilit.

26      Matul is-seduta tal-24 ta’ Marzu 2010, instemgħu s-sottomissjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali.

27      Minħabba l-impediment tal-Imħallef Relatur wara l-għeluq tal-proċedura orali, il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid u din is-sentenza ġiet iddeliberata mit-tliet Imħallfin li ffirmaw din is-sentenza, skont l-Artikolu 32(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

28      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla fl-intier tagħha jew parzjalment id-deċiżjoni kkontestata, minn tal-inqas sa fejn hija d-destinatarja tagħha;

–        tannulla jew, sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

30      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment tinvoka sitt motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq l-irregolaritajiet li jivvizzjaw il-proċedura amministrattiva, it-tieni nett, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni dwar il-parteċipazzjoni diretta tar-rikorrenti fil-ksur ikkonstatat, it-tielet nett, fuq l-insuffiċjenza tal-prova tal-aġir illegali kkonstatat, ir-raba’ nett, fuq il-klassifikazzjoni żbaljata ta’ dan l-aġir tal-parteċipazzjoni f’għadd ta’ akkordji u/jew prattiki miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81 KE, il-ħames nett, fuq l-assenza ta’ parteċipazzjoni diretta tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwat ikkonstatat u, is-sitt nett, fuq l-insuffiċjenza tal-ammont tal-multa.

31      Qabelxejn hemm lok li jiġi eżaminat il-ħames motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ parteċipazzjoni diretta tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwat ikkonstatat.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ parteċipazzjoni diretta tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwat ikkonstatat

32      Ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li hija pparteċipat direttament fil-ksur ikkonstatat. Fil-fatt, hija attendiet biss, permezz ta’ J. T., President tal-kunsill tal-amministrazzjoni tagħha mill-1997, għal-laqgħa tal-kummissjoni finanzjarja tat-8 ta’ Jannar 1999. Id-“diretturi ta’ Grolsch” l-oħra msemmija fil-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata u li pparteċipaw fil-laqgħat kollha inkwistjoni, huma l-impjegati tas-sussidjarja tagħha Grolsche Bierbrouwerij Nederland BV.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv

–       L-argumenti tal-partijiet

33      Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tal-motiv peress li r-rikorrenti la tikkonfuta l-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u lanqas fir-risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni tal-21 ta’ Diċembru 2001. B’mod kuntrarju, ir-rikorrenti pprovdiet indikazzjonijiet li juru li hija kienet l-organizzatriċi tal-parteċipanti fil-laqgħat inkriminanti, kif elenkati fil-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata.

34      Peress li qatt ma invokat dan il-motiv b’mod suffiċjentement ċar matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti ma hijiex iktar ammessa tinvokah għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali. Meta tkun espliċitament ammettiet, fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva, il-fatti li jkunu allegati fil-konfront tagħha mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, impriża ma tkunx iktar, fil-prinċipju, f’pożizzjoni li tikkontestahom quddiem il-Qorti Ġenerali.

35      Ir-rikorrenti tirrikonoxxi li ma qajmitx dan il-motiv matul il-fażi amministrattiva, iżda tosserva li fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija tiċħad il-fatt li wettqet il-ksur. Fl-aħħar nett, hija tqis li tista’ tqajjem dan il-motiv fi proċedura għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali.

36      Skontha, huwa biss meta impriża tkun espliċitament irrikonoxxiet matul il-proċedura amministrattiva l-fatti li huma allegati fil-konfront tagħha li hija ma tkunx tista’ tikkontestahom iktar quddiem il-Qorti Ġenerali. Issa, hija ma rrikonoxxietx li wettqet il-ksur allegat, iktar u iktar b’mod dirett.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

37      Għandu jitfakkar li ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma timponi fuq id-destinatarju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet l-obbligu li jikkontesta d-diversi punti ta’ fatt u ta’ liġi matul il-proċedura amministrattiva, jew li ma jkunx jista’ jikkontestahom sussegwentement fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja.

38      Fil-fatt, għalkemm l-għarfien espliċitu jew impliċitu tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi minn impriża matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni jista’ jikkostitwixxi prova addizzjonali matul l-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ rimedju ġudizzjarju, dan ma jistax jillimita l-eżerċizzju stess tad-dritt għal rikors quddiem il-Qorti Ġenerali li persuna fiżika jew ġuridika għandha skont it-Trattat.

39      L-argument tal-Kummissjoni li jipprovdi li r-rikorrenti ma hijiex ammessa tikkontesta quddiem il-Qorti Ġenerali l-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju illegali, fin-nuqqas li ma għamlitx dan b’mod ċar u preċiż matul il-fażi amministrattiva, ifisser fil-fatt li jiġi llimitat l-aċċess legali għar-rikorrenti, u b’mod partikolari, id-dritt tagħha li l-kawża tagħha tinstema’ quddiem qorti.

40      Fl-assenza ta’ bażi legali li tistabbilixxi espressament dan, din il-limitazzjoni tikser il-prinċipji fundamentali ta’ legalità u ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-dritt għal rikors effettiv u għal aċċess ta’ qorti imparzjali huwa ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU C 364, p. 1).

41      Isegwi li dan il-motiv huwa ammissibbli.

 Fuq il-fondatezza tal-motiv

–       L-argumenti tal-partijiet

42      Ir-rikorrenti tikkunsidra li, peress li hija kienet irrappreżentata biss fil-laqgħa tal-kummissjoni finanzjarja tat-8 ta’ Jannar 1999, permezz ta’ J. T., il-Kummissjoni ma kellhiex tikkonstata l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur ikkonstatat, iżda kellha pjuttost timputa, skont il-każ, ir-responsabbiltà ta’ ksur kommess mill-kumpannija sussidjarja tagħha Grolsche Bierbrouwerij Nederland, li l-impjegati tagħha pparteċipaw fil-laqgħat miftiehma l-oħra kollha.

43      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tinjora l-eżistenza ta’ din il-kumpannija sussidjarja, peress li din kienet ukoll id-destinatarja tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni.

44      Il-Kummissjoni essenzjalment tqis li kellha raġunijiet suffiċjenti sabiex tippreżumi li l-parteċipanti fil-laqgħat antikompetittivi kienu jaħdmu għar-rikorrenti u li għalhekk din kienet implikata fil-ksur.

45      Il-Kummissjoni tosserva wkoll li r-rikorrenti pprovdiet fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha indikazzjonijiet li jindikaw li hija kienet il-persuna li timpjega “diretturi ta’ Grolsch” identifikati mill-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata bħala parteċipanti fil-laqgħat inkriminanti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

46      Fil-premessa 19 tagħha, id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi:

“Id-diretturi ta’ Grolsch li għandhom irwol fil-prova tal-proċeduri preżenti huma:

–        [P. P. S.] (President tal-kunsill tal-amministrazzjoni mill-1987 sal-1996),

–        [J. T.] (Direttur kummerċjali mill-1990 sal-1996, Direttur Ġenerali mill-1996 sal-1997, President tal-kunsill tal-amministrazzjoni mill-1997),

–        [R. S.] (Direttur horeca Pajjiżi l-Baxxi mill-1992 sal-1995, Direttur kummerċjali Pajjiżi l-Baxxi mill-1996 sal-1999),

–        [H. O. B.] (Direttur horeca mill-1996 sal-2000),

–        [P. M.] (Direttur tal-bejgħ Konsum fid-djar sal-1999, minn dak iż-żmien Direttur kummerċjali),

–        [K. H.] (Direttur tal-bejgħ Konsum fid-djar mill-2000 u qabel Market Research Manager),

–        [L. S.] (Direttur tal-produzzjoni sal-1996, minn dak iż-żmien Direttur tal-Kontroll teknoloġiku u tas-servizzi).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

47      Il-Kummissjoni ma tikkonfutax id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tipprovdi, bl-eċċezzjoni ta’ J. T., President tal-kunsill tal-amministrazzjoni tagħha mill-1997, li ebda persuni elenkati fil-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata bħala “diretturi ta’ Grolsch li għandhom irwol fil-prova tal-proċedura preżenti” u li l-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat inkriminanti kienet ikkontestata ma kienu impjegati tar-rikorrenti. Il-Kummissjoni lanqas ma tikkontesta li d-diretturi inkwistjoni kienu dawk tas-sussidjarja tar-rikorrenti, Grolsche Bierbrouwerij Nederland, kif jikkonfermaw il-kuntratti ta’ xogħol tal-persuni kkonċernati u dokumenti oħra annessi mar-risposti tar-rikorrenti għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali.

48      Barra minn hekk, fin-noti u fir-risposti għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ddikjarat li, essenzjalment, hija bbażat ruħha fuq ir-risposta tar-rikorrenti tal-21 ta’ Diċembru 2001 ta’ talba għal informazzjoni li ġiet indirizzata lilha fl-10 ta’ Ottubru 2001, sabiex tikkunsidra li l-persuni identifikati mill-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata bħala “diretturi ta’ Grolsch” jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom mar-rikorrenti.

49      Issa, mit-test ta’ din ir-risposta jirriżulta, minn naħa, li R. S. kien direttur kummerċjali għall-Pajjiżi l-Baxxi ta’ Grolsche Bierbrouwerij Nederland minn Jannar 1996 sa Novembru 1999 u li huwa preżentement direttur ta’ Grolsch International BV u, min-naħa l-oħra, li P. M. “jiżgura minn Novembru 1999 il-funzjonijiet ta’ direttur kummerċjali ta’ Grolsche Bierbrouwerij Nederland BV [u li] kien preċedentement responsabbli mill-konsum imsejjaħ mid-djar (kummerċ bl-imnut, settur barra ‘horeca’) bħala kap tal-bejgħ tal-konsum fid-djar”.

50      Barra minn hekk, ir-rikorrenti indikat fil-punt 47 tar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet li l-“lista ta’ ismijiet tal-kodiċi kien użat minn [J. T.], mhux fil-kwalità tiegħu ta’ direttur kummerċjali ta’ Grolsche Bierbrouwerij Nederland BV, iżda bħala President tal-kunsill tal-amministrazzjoni ta’ Grolsch NV (funzjoni li eżerċita mill-1997 sal-2004) [u li] din il-lista la kienet użata minn persuni oħra ta’ Grolsch NV u lanqas minn Grolsche Bierbrouwerij Nederland BV (fejn kienu jaħdmu l-persuni li kienu preżenti fil-laqgħat plenarji)”.

51      Fl-aħħar nett, fid-dikjarazzjoni li saret waqt l-ispezzjoni tal-Kummissjoni fit-23 ta’ Marzu 2000 minn J. T. (Direttur Ġenerali ta’ Grolsche Bierbrouwerij Nederland mill-1996 sal-1997 u President tal-kunsill ta’ assoċjazzjoni tar-rikorrenti mill-1997) u invokat bħala prova fil-premessi 249 u 308 tad-deċiżjoni kkontestata, hemm indikat li d-dikjarant jokkupa l-pożizzjoni ta’ “[D]irettur Ġenerali ta’ Grolsche Bierbrouwerij Nederland BV”.

52      Huwa minnu li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li J. T. ipparteċipa, fil-21 ta’ Ottubru 1996, mad-Direttur Ġenerali ta’ Interbrew Nederland, f’laqgħa bilaterali dwar it-trade marks tad-distributur (premessa 250 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, għandu jiġi osservat li l-persuna kkonċernata kienet għadha impjegata tas-sussidjarja tar-rikorrenti Grolsche Bierbrouwerij Nederland u għalhekk ma kinitx għadha taħdem għar-rikorrenti, kif jirriżulta mir-risposti bil-miktub tar-rikorrenti għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali u mill-kopja tal-kuntratt ta’ xogħol li hija kkonkludiet ma’ J. T. fit-2 ta’ Settembru 1997 u li ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali.

53      Bl-istess mod, għalkemm jissemma’, fid-deċiżjoni kkontestata, li J. T. ipparteċipa fl-10 ta’ Novembru 1999, ma’ rappreżentanti ta’ Heineken, f’laqgħa dwar l-evoluzzjoni ġenerali tas-suq Ewropew u/jew mondjali tal-birra (premessi 405 u 412 tad-deċiżjoni kkontestata), għandu jiġi rrilevat li din il-laqgħa nżammet sussegwentement fit-3 ta’ Novembru 1999, fi tmiem il-perijodu ta’ ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni.

54      Skont id-deċiżjoni kkontestata, J. T. dejjem ippreżenta fil-laqgħat tal-kummissjoni finanzjarja tas-CBK dokument intiż li jiġbed l-attenzjoni ta’ Interbrew u ta’ Bavaria dwar l-iffissar tal-prezzijiet tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur (premessi 249 u 308 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-persuna kkonċernata kienet ipparteċipat f’laqgħat oħra għajr dik tat-8 ta’ Jannar 1999, li matulha, skont in-noti meħuda minn tali persuna fuq stedina għal din il-laqgħa, ġie evokat is-suġġett tal-prezzijiet tal-birra (premessa 193 tad-deċiżjoni kkontestata).

55      Fil-fatt, il-provi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata li jistgħu jistabbilixxu l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-aġir inkriminanti huma limitati għal tlieta: id-dikjarazzjoni ta’ InBev, in-noti ta’ J. T. fuq l-invit tal-laqgħa tat-8 ta’ Jannar 1999 (premessa 193 tad-deċiżjoni kkontestata) u ta’ dokumenti skoperti għand Heineken li jinkludu riferiment għal żewġ kuntatti bit-telefon ta’ J. T. mad-direzzjoni ta’ Heineken lejn il-5 ta’ Lulju 1999 dwar it-tnaqqis applikat minn katina ta’ ħwienet (nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 473 tad-deċiżjoni kkontestata).

56      Fl-ewwel lok, fid-dikjarazzjoni ta’ InBev, li tikkostitwixxi l-uniku prova dwar il-komponenti tal-ksur ikkonstatat, InBev tirreferi b’mod ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-grupp Grolsch, mingħajr ma tkopri speċifikament il-parteċipazzjoni individwali tar-rikorrenti, Koninklijke Grolsch. Il-persuni tal-grupp Grolsch, li ismijiethom jissemmew fid-dikjarazzjoni ta’ InBev, huma kollha, minbarra J. T., impjegati tas-sussidjarja Grolsche Bierbrouwerij Nederland.

57      L-isem ta’ J. T. huwa biss inkluż, min-naħa tiegħu, fuq lista tad-dati tal-laqgħat tal-kummissjoni finanzjarja tas-CBK annessa mad-dikjarazzjoni ta’ InBev u ta’ persuni li rrappreżentaw il-produtturi tal-birra prinċipali Olandiżi għal dawn il-laqgħat. Minn din il-lista jirriżulta li, matul il-perijodu inkriminanti, J. T. ipparteċipa f’erba’ laqgħat tal-kummissjoni finanzjarja. Madankollu, il-laqgħa tat-8 ta’ Jannar 1999 hija l-uniku laqgħa tal-lista li ssemmiet fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, mid-dikjarazzjoni ta’ InBev jirriżulta li l-ismijiet tal-parteċipanti għal din il-laqgħa huma “niet bekend” (jiġifieri mhux magħrufa).

58      Fit-tieni lok, in-noti miktubin bl-idejn iċċitati ta’ J. T., kif riprodotti fil-premessa 193 tad-deċiżjoni kkontestata, huma s-segwenti:

“ – bejgħ 98

–        prezzijiet tal-birra→

–        kaxxa tat-tip “pinool”                   azzjonijiet/kat II

–        kaxxi                                              baxxi

                                                      bettija

                                                      NMA”.

59      Skont il-Kummissjoni, minn dawn in-noti jirriżulta li d-diskussjonijiet dwar il-prezzijiet tal-birra kienu jiffukaw fuq erba’ elementi: l-ewwel nett, l-azzjonijiet promozzjonali fis-suq tal-konsum fid-djar, it-tieni nett, l-orħos prezzijiet tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur, it-tielet nett, il-prezzijiet tal-birra fil-btieti u l-kontenituri l-kbar użati fis-settur “horeca” tas-suq Olandiż tal-birra u, ir-raba’ nett, l-awtorità Olandiża tal-kompetizzjoni NMA (premessa 194 tad-deċiżjoni kkontestata).

60      Fit-tielet lok, mid-dokumenti skoperti għand Heineken li jinkludu riferiment għal żewġ kuntatti bit-telefon ta’ J.T mad-direzzjoni ta’ Heineken lejn il-5 ta’ Lulju 1999, il-Kummissjoni tiddeduċi li Heineken kienet f’kuntatt dirett ma’ Grolsch rigward is-suġġett tat-tnaqqis tal-prezzijiet, u dan xahar u nofs qabel ma ġew effettivament implementati r-riduzzjonijiet temporanji, applikati minn katina ta’ ħwienet li ġew irrifjutati kumpens mingħand Grolsch (premessa 213 tad-deċiżjoni kkontestata).

61      Hemm lok li jiġi kkonstatat li n-noti ta’ J. T. li jidhru fuq l-invit tal-laqgħa tat-8 ta’ Jannar 1999 u d-dokumenti skoperti għand Heineken li jinkludu riferiment għal żewġ kuntatti telefoniċi ta’ J. T. mad-direzzjoni ta’ Heineken lejn il-5 ta’ Lulju 1999 huma l-uniċi elementi li jikkonċernaw speċifikament il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni individwali tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwat ikkonstatat mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata matul il-perijodu ta’ bejn is-27 ta’ Frar 1996 u t-3 ta’ Novembru 1999.

62      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li dawn id-dokumenti ma jinkludu ebda indizju ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fit-tieni u fit-tielet komponent ta’ dan il-ksur, jiġifieri, minn naħa, “il-koordinazzjoni okkażjonali ta’ kundizzjonijiet kummerċjali oħra [minbarra l-prezzijiet] offruti lill-konsumaturi individwali fis-[settur] horeca fil-Pajjiżi l-Baxxi” u, min-naħa l-oħra, “ [il]-koordinazzjoni okkażjonali dwar it-tqassim tal-klijentela, kemm fis-settur ‘horeca’ kif ukoll f’dak tal-konsum fid-djar fil-Pajjiżi l-Baxxi”.

63      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ewwel komponent tal-ksur uniku u kontinwat ikkonstatat, jiġifieri “il-koordinazzjoni tal-prezzijiet u taż-żieda tal-prezzijiet tal-birra fil-Pajjiżi l-Baxxi, kemm fis-settur ‘horeca’ kif ukoll f’dak tal-konsum fid-djar”, in-noti ta’ J.T dwar il-laqgħa tat-8 ta’ Jannar 1999 jikkostitwixxu l-unika indizju msemmi fid-deċiżjoni kkontestata dwar il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet u fiż-żieda tal-prezzijiet dwar is-settur tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur li taqa’ biss fis-settur tal-konsum fid-djar.

64      Barra minn hekk, żewġ kuntatti bit-telefon li saru lejn il-5 ta’ Lulju 1999 bejn Heineken u J. T. ma jistgħux jitqiesu li jikkonċernaw dan is-settur tal-konsum fid-djar, peress li la Heineken u lanqas il-grupp Grolsch ma jipproduċu birer tal-marka tad-distributur (premessi 7 u 18 tad-deċiżjoni kkontestata).

65      Issa, l-akkordji u/jew il-prattiki miftiehma kollha fis-sens tal-Artikolu 81 KE ikkonstatati, kif ikklassifikati mill-premessa 337 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżultaw, kif jidher mid-deskrizzjoni tal-fatti li taw lok għall-kawża iktar ’il fuq, f’sistema kumplessa ta’ konċertazzjoni implementata mill-erba’ produtturi tal-birra kkonċernati u għalhekk kienet teħtieġ kuntatti regolari fuq perijodu twil (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et, C‑8/08, Ġabra p. I‑4529, punt 60).

66      F’dawn il-kundizzjonijiet, in-noti ta’ J. T. ma jidhrux, fihom infushom, li jistgħu jistabbilixxu l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-konċertazzjoni kontinwata ta’ erba’ produtturi tal-birra kkonstatata mid-deċiżjoni kkontestata dwar dan is-settur tas-suq Olandiż tal-birra.

67      Fid-dawl ta’ tali indizju iżolat ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-konċertazzjoni mat-tliet produtturi tal-birra kkonċernati, ma jistax jitqies li ġie stabbilit li r-rikorrenti pparteċipat fil-konċertazzjoni kontinwata, ikkonstatata mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, tal-prezzijiet u taż-żieda fil-prezzijiet tal-birra fil-Pajjiżi l-Baxxi, fir-rigward tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur dwar is-settur tal-konsum fid-djar tal-birra fil-Pajjiżi l-Baxxi.

68      Fit-tielet lok, minħabba l-assenza tar-rikorrenti fil-laqgħat kollha bejn il-produtturi tal-birra msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, minbarra dik tat-8 ta’ Jannar 1999, lanqas ma huwa stabbilit li r-rikorrenti pparteċipat fil-konċertazzjoni multilaterali kontinwata flimkien mat-tliet produtturi tal-birra kkonċernati dwar il-prezzijiet u ż-żieda tal-prezzijiet tal-birra fil-Pajjiżi l-Baxxi kemm fis-settur ‘horeca’ kif ukoll fis-settur tal-birra mhux ikkummerċjalizzata taħt il-marka tad-distributur fis-settur tal-konsum fid-djar.

69      Minħabba l-karattru bilaterali tal-kuntatti li saru bejn Heineken u J. T. lejn il-5 ta’ Lulju 1999, in-noti ta’ J. T. dwar il-laqgħa tat-8 ta’ Jannar 1999 ma jistgħux fihom infushom juru l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’din il-koordinazzjoni ta’ prezzijiet multilaterali kontinwata bejn l-erba’ produtturi tal-birra destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

70      F’dawn il-kundizzjonijiet, in-noti miktubin bl-idejn ta’ J. T. dwar il-laqgħa tat-8 ta’ Jannar 1999 u ż-żewġ kuntatti bit-telefon tal-persuna kkonċernata mad-direzzjoni ta’ Heineken lejn il-5 ta’ Lulju 1999 ma humiex biżżejjed sabiex jistabbilixxu l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwat, kif ikkonstatat mill-Kummissjoni.

71      Mill-iżviluppi preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat fil-premessa 399 tad-deċiżjoni kkontestata li “l-provi deskritti [fil-punt] 4 tagħha juru li [ir-rikorrenti], Koninklijke Grolsch NV, ipparteċipat direttament fl-akkordju tas-27 ta’ Frar 1996 sat-3 ta’ Novembru 1999”.

72      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jintlaqa’ l-motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ parteċipazzjoni diretta tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwat tas-27 ta’ Frar 1996 sat-3 Novembru 1999, kif ikkonstatat mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni dwar il-parteċipazzjoni diretta tar-rikorrenti fil-ksur ikkonstatat

 L-argumenti tal-partijiet

73      Ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni bil-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha permezz tal-allegazzjonijiet tagħha dwar l-allegata parteċipazzjoni diretta tagħha fil-ksur ikkonstatat mid-deċiżjoni kkontestata.

74      Fir-risposti tagħha bil-miktub tas-27 ta’ Frar 2010 lill-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni rrilevat li ma saritx distinzjoni bejn il-persuni ġuridiċi ta’ Koninklijke Grolsch u tas-sussidjarja tagħha (100 %) Grolsche Bierbrouwerij Nederland u li l-parteċipanti fil-laqgħat tal-akkordju kienu jaġixxu bħala direttur kummerċjali, responsabbli mill-konsum fid-djar, Direttur Ġenerali, eċċ. tal-impriża Grolsch, li tqegħdet taħt il-kontroll tal-persuna ġuridika Koninklijke Grolsch.

75      Matul is-seduta, il-Kummissjoni sostniet ukoll li dawn iż-żewġ kumpanniji kienu jikkostitwixxu entità ekonomika waħda u din l-entità ekonomika kienet ipparteċipat fil-ksur.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

76      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat l-att b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet (ara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Meta, bħal fil-kawża prinċipali, deċiżjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE tikkonċerna diversi destinatarji u tqajjem problema ta’ imputabbiltà tal-ksur, hija għandha tagħti motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, b’mod partikolari ta’ dawk fosthom li, skont din id-deċiżjoni, ikollhom ibatu r-responsabbiltà għal dan il-ksur.

78      Għalhekk, fir-rigward ta’ kumpannija parent li tinżamm responsabbli għall-aġir tas-sussidjarja tagħha, tali deċiżjoni għandha tinkludi espożizzjoni dettaljata tal-motivi ta’ natura li jiġġustifikaw l-imputabbiltà tal-ksur ikkonstatat fir-rigward ta’ din il-kumpannija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T‑327/94, Ġabra p. II‑1373, punti 78 sa 80).

79      Permezz tal-motiv tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment takkuża lill-Kummissjoni li fil-verità imputat fir-rigward tagħha, mingħajr ma indikat il-punti ta’ fatt u ta’ liġi insostenn ta’ tali imputazzjoni, il-parteċipazzjoni fl-akkordju tas-sussidjarja tagħha Grolsche Bierbrouwerij Nederland li tirriżulta mill-parteċipazzjoni tal-impjegati tagħha fil-laqgħat inkwistjoni.

80      Huwa minnu li, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-aġir ta’ kumpannija sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta din tal-ewwel, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, ma tiddeterminax awtonomament l-aġir tagħha fis-suq iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent, fid-dawl b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punt 58).

81      Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha jiffurmaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, impriża waħda. Għaldaqstant, il-fatt li kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE jippermetti li l-Kummissjoni tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbilit l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

82      Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent tkun 100 % proprjetarja tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din il-kumpannija sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li tipprovdi li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha (sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

83      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tagħti prova li l-kumpannija parent hija proprjetarja tal-kapital kollu tas-sussidjarja sabiex tippreżumi li din tal-ewwel teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din tal-aħħar. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta lill-kumpannija sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tinverti din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li l-kumpannija sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).

84      Fil-kawża inkwistjoni, għandu madankollu jiġi kkonstatat li, wara li ċċitat, fil-premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata, lill-grupp Grolsch fost l-erba’ produtturi tal-birra partijiet fl-akkordju inkwistjoni, il-Kummissjoni, fil-premessa 18, xebbhet lir-rikorrenti mal-grupp Grolsch, li miegħu tappartjeni l-kumpannija sussidjarja tar-rikorrenti Grolsche Bierbrouwerij Nederland.

85      Billi sussegwentement enumerat, fil-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ismijiet tad-diretturi ta’ “Grolsch” li pparteċipaw fil-laqgħat bejn il-produtturi tal-birra, mingħajr ma indikat l-affiljazzjoni tagħhom mar-rikorrenti jew mal-kumpannija sussidjarja tagħha Grolsche Bierbrouwerij Nederland, il-Kummissjoni xebbhet il-persuni kollha kkonċernati ma’ diretturi tar-rikorrenti, peress li, matul il-perijodu ta’ ksur ikkonstatat, kienu kollha impjegati tas-sussidjarja Grolsche Bierbrouwerij, minbarra J. T.

86      Wara li xebbhet lir-rikorrenti mal-grupp Grolsch, il-Kummissjoni naqset madankollu li tagħti raġunijiet għalfejn hija timputa lir-rikorrenti l-parteċipazzjoni fl-akkordju tas-sussidjarja tagħha Groslche Bierbrouwerij Nederland li tirriżulta mill-parteċipazzjoni tal-impjegati tagħha fil-laqgħat inkwistjoni, skont il-ġurisprudenza ċċitata.

87      Fil-fatt, il-Kummissjoni tinvoka f’dan ir-rigward ir-responsabbiltà tar-rikorrenti għall-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

“ 8.2. Responsabbiltà fil-kawża preżenti

[…]

8.2.2.  Grolsch

(399)  Il-provi deskritti [fil-punt] 4 juru li Koninklijke Grolsch NV ipparteċipat direttament fl-akkordju mis-27 ta’ Frar 1996 sat-3 ta’ Novembru 1999.”

88      Id-deċiżjoni kkontestata għaldaqstant ma tipprovdi xejn dwar ir-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li hemm bejn ir-rikorrenti u l-kumpannija sussidjarja tagħha u l-motivi tagħha ma jsemmux l-isem ta’ din tal-aħħar.

89      Għaldaqstant jidher li l-Kummissjoni ma tatx ir-raġunijiet li wassluha, skont il-prinċipju li hija madankollu tistabbilixxi fil-premessa 397 tad-deċiżjoni kkontestata, “sabiex tiddetermina l-persuna ġuridika responsabbli mill-ġestjoni tal-impriża meta twettaq il-ksur, b’mod li l-persuna ġuridika tista’ twieġeb għal dan”, jew, skont il-każ, li din il-persuna tista’ tbiddel il-preżunzjoni konfutabbli tal-eżerċizzju effettiv mill-kumpannija parent taħt influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha.

90      Isegwi li l-Kummissjoni naqset milli tesponi, fid-deċiżjoni kkontestata, il-motivi tal-imputazzjoni lir-rikorrenti tal-aġir tas-sussidjarja tagħha Grolsche Bierbrouwerij Nederland li tirriżulta mill-parteċipazzjoni tal-impjegati ta’ din fil-laqgħat inkwistjoni.

91      Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet lir-rikorrenti mill-possibbiltà li tikkontesta possibbilment il-fondatezza ta’ din l-imputazzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali billi tibdel il-preżunzjoni u ma qegħditx lill-Qorti Ġenerali f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha f’dan ir-rigward.

92      Għalhekk, it-tieni motiv għandu jintlaqa’, sa fejn huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbigu ta’ motivazzjoni dwar l-imputazzjoni tar-rikorrenti, minħabba l-implikazzjoni tas-sussidjarja tagħha Grolsche Bierbrouwerij Nederland BV, għall-ksur uniku u kontinwat mis-27 ta’ Frar 1996 sat-3 ta’ Novembru 1999, kif ikkonstatat mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

93      Isegwi li hemm lok li tiġi annullata din id-dispożizzjoni fl-intier tagħha kif ukoll, konsegwentement, id-dispożittiv kollu tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-motivi l-oħra invokati minnha.

94      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, sa fejn jikkonstata li r-rikorrenti “ħadet sehem, matul il-perijodu ta’ bejn is-27 ta’ Frar 1996 u t-3 ta’ Novembru 1999, fi ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 81 [KE], li jikkonsisti f’għadd ta’ akkordji u/jew prattiki miftiehma li għandhom bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni, b’mod partikolari i) bil-koordinazzjoni ta’ prezzijiet u biż-żieda ta’ prezzijiet tal-birra fil-Pajjiżi l-Baxxi, kemm fis-[settur] ‘horeca’ kif ukoll fis-settur tal-konsum fid-djar, inkluż fir-rigward tal-birra mibjugħa taħt il-marka tad-distributur; ii) bil-koordinazzjoni okkażjonali ta’ kundizzjonijiet kummerċjali oħra offruti lil konsumaturi individwali fis-[settur] ‘horeca’ fil-Pajjiżi l-Baxxi; u iii) billi jiftiehmu okkażjonalment fuq it-tqassim tal-klijentela, kemm fis-[settur] ‘horeca’ kif ukoll fis-[settur] tal-konsum fid-djar fil-Pajjiżi l-Baxxi”, l-Artikolu 1, u konsegwentement, id-dispożittiv kollu tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu annullati sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

95      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 1697, tat-18 ta’ April 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/B-2/37.766 – Suq Olandiż tal-birra), hija annullata sa fejn tikkonċerna lil Koninklijke Grolsch NV.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall‑ispejjeż.

Vadapalas

Dittrich

Truchot

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Settembru 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.