26.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 22/27


Appell imressaq fis-16 ta' Novembru 2007 minn Philip Morris Products SA kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim Istanza (It-Tieni Awla) mogħtija fit-12 ta' Settembru 2007 fil-kawża T-140/06, Philip Morris Products vs L-UASI

(Kawża C-497/07 P)

(2008/C 22/52)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Philip Morris Products SA (rappreżentanti: T. van Innis u C. S. Moreau, avocats)

Parti oħra fil-kawża: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u disinni) (UASI)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla s-sentenza kkontestata

tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' l-appell tagħha, ir-rikorrenti tallega l-ksur, mill-Qorti tal-Prim'Istanza, ta' l-Artikoli 4 u 7(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (1). F'dan ir-rigward, hija tilmenta fl-ewwel lok, li l-Qorti tal-Prim'Istanza bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq preġudizzju sfavorevoli għall-kategorija ta' trade marks li taħtha taqa' t-trade mark mitluba. Fil-fatt, billi ddeċidiet li l-konsumaturi m'għandhomx l-abitudini li jippresumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq il-forma tagħhom jew dik ta' l-imballaġ tagħhom, il-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet konstatazzjoni ta' natura fattwali li hija nieqsa minn kull bażi xjentifika u toħloq distorsjoni tal-perċezzjoni tal-bniedem tas-sinjali b'mod ġenerali u tal-forom b'mod partikolari.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tilmenta li l-Qorti tal-Prim'Istanza pproċediet għal analiżi ġuridika żbaljata tal-perċezzjoni tat-trade mark mill-pubbliku kkonċernat. Dan l-iżball jirriżulta minn naħa, mill-fatt li l-Qorti tal-Prim'Istanza pprevediet l-użu tat-trade mark biss permezz ta' l-inklużjoni tagħha f'pakkett ta' sigaretti, filwaqt li l-forma ta' l-imballaġġ għal prodott determinat tista' tiġi offruta lill-pubbliku f'diversi espressjonijiet oħra, bħar-rappreżentazzjonijiet grafiċi jew tri-dimensjonali tat-trade mark f'materjal promozzjonali. Min-naħa l-oħra l-iżball ta' evalwazzjoni mwettaq jirriżulta mill-fatt li l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet naqqset il-kunċett ta' trade mark għall-parti perċepibbli tagħha minn kandidat xerrej fil-mument li jippreċedi immedjatament l-akkwist tiegħu, filwaqt li l-pubbliku kkonċernat minn trade mark huwa fformat minn dak kollu li jista' jiġi kkonfrontat bih waqt użu normali tat-trade mark, li ssib l-espressjoni tagħha kemm waqt il-promozzjoni tal-prodott qabel l-akkwist tiegħu u kemm waqt l-użu jew il-konsum tal-prodott wara l-akkwist tiegħu.

Fit-tielet u l-aħħar lok, ir-rikorrenti tinvoka kontradizzjoni fil-motivi tas-sentenza kkontestata.


(1)  ĠU 1994, L 11, p. 1.