SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

19 ta’ Mejju 2009 ( *1 )

“Direttiva 92/50/KEE — L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 29 — Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix il-parteċipazzjoni kompetittiva, fl-istess proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, ta’ kumpanniji li jkollhom bejniethom relazzjoni ta’ kontroll jew ta’ influwenza sinjifikattiva”

Fil-Kawża C-538/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per la Lombardia (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Novembru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-, fil-kawża

Assitur Srl

vs

Camera di Commercio, Industria, Artigianato e Agricoltura di Milano,

fil-preżenza ta’:

SDA Express Courier SpA,

Poste Italiane SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász (Relatur), G. Arestis u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: L. Hewlett, amministratur prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Diċembru 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Assitur Srl, minn S. Quadrio, avvocato,

għall-Camera di Commercio, Industria, Artigianato e Agricoltura di Milano, minn M. Bassani, avvocato,

għal SDA Express Courier SpA, minn A. Vallefuoco u V. Vallefuoco, avvocati,

għal Poste Italiane SpA, minn A. Fratini, avvocatessa,

għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Fiengo, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Kukovec u D. Recchia, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Frar 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 29 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 199,2 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322), kif ukoll tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Assitur Srl (iktar ’il quddiem “Assitur”) u l-Camera di Commercio, Industria, Artigianato e Agricoltura di Milano (Kamra tal-Kummerċ, Industrija, Artiġjanat u Agrikoltura ta’ Milan) dwar il-kompatibbiltà, mad-dispożizzjonijiet u l-prinċipji msemmija hawn fuq, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-parteċipazzjoni separata u kompetittiva, fl-istess proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, ta’ kumpanniji li bejniethom jinsabu f’relazzjoni ta’ kontroll jew fejn waħda minnhom teżerċita influwenza sinjifikattiva fuq l-oħra.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

L-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50, li jinsab fil-Kapitolu 2 tagħha bl-isem “Kriterji għal selezzjoni kwalitattiva”, jipprovdi fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Kull fornitur tas-sevizz jista’ jiġi eskluż minn parteċipazzjoni f’kuntratt li:

a)

jkun falla jew li jkollu jagħlaq, li l-affarijiet tiegħu jkunu qed jiġu amministrati mill-qorti, li jkun daħal f’arranġament mal-kredituri, li jkun issospenda l-attivitajiet kummerċjali tiegħu jew li jkun f’xi sitwazzjoni analoga li tinqala’ minn proċedura simili taħt il-liġijiet jew ir-regolamenti nazzjonali;

b)

huwa s-suġġett ta’ proċeduri għal dikjarazzjoni ta’ falliment, għal ordni għal għeluq ta’ bilfors jew amministrazzjoni mill-qorti jew għal arranġament ma’ kredituri jew b’xi proċeduri simili oħrajn skond liġijiet jew regolamenti nazzjonali;

ċ)

ġie kkundannat għal offiża li tikkonċerna l-kondotta professjonali tiegħu b’sentenza li jkollu l-qawwa ta’ res judikata;

d)

kien ħati ta’ miskondotta professjonali gravi bi kwalunkwe mezz li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġġustifikaw;

e)

ma jkunx issodisfa obbligi relatati mal-pagament ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali skond id-dispożizzjonijiet ġuridiċi tal-pajjiż li fih ikun stabbilit jew ma’ dak il-pajjiż ta’ l-awtorità kontraenti;

f)

ma jkunx issodisfa obbligi li jirrelataw għall-ħlas ta’ taxxi skond id-dispożizzjonijiet ġuridiċi tal-pajjiż ta’ l-awtorità kontraenti;

g)

huwa ħati ta’ misinterpretazzjoni serja fil-provvista jew in-nuqqas li jipprovdi l-informazzjoni li tista’ tkun meħtieġa taħt dan il-Kapitolu.”

4

It-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 163), jiddefinixxu l-kunċetti ta’ “intrapriża affiljata” u“influwenza dominanti” bejn impriżi. Fir-rigward tal-kuntratti ta’ konċessjoni ta’ xogħlijiet pubbliċi, dawn jipprovdu:

‘Intrapriżi li ffurmaw grupp biex jiksbu kuntratt ta’ konċessjoni, jew intrapriżi affiljati magħhom, mhux sejrin jiġu kkunsidrati bħala parti terza.

Intrapriża affiljata’ hija kwalsijasi intrapriża li fuqha l-konċessjonarju jista’ jeżerċita, direttament jew indirettament, influwenza dominanti jew li tista’ teżerċita influwenza dominanti fuq il-konċessjonarju jew li, flimkien mal-konċessjonarju, tkun suġġetta għall-influwenza dominanti ta’ intrapriża oħra minħabba t-tmexxija u l-parteċipazzjoni finanzjarja tagħha jew minħabba r-regoli li jmexxuha. Influwenza dominanti min-naħa ta’ l-intrapriża għandha tkun preżumibbli meta, direttament jew indirettament f’relazzjoni ma intrapriża oħra, hija:

jkollha l-parti l-kbira tal-kapital sottoskritt ta’ l-intrapriża, jew

tikkontrolla l-maġġoranza tal-voti marbuta ma’ ishma maħruġa mill-intrapriża, jew

tista’ tagħżel aktar minn nofs il-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew ta’ sorveljanza ta’ l-intrapriża.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5

Id-Direttiva 92/50 ġiet trasposta fid-dritt Taljan permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 157 tas-17 ta’ Marzu 1995 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 104 tas-). Dan id-digriet leġiżlattiv ma jipprovdi ebda projbizzjoni fuq il-parteċipazzjoni fl-istess proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi ta’ impriżi li bejniethom jinsabu f’relazzjoni ta’ kontroll jew li huma affiljati.

6

L-Artikolu 10(1a) tal-Liġi Nru 109 tal-11 ta’ Frar 1994, Liġi Qafas dwar kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet (GURI Nru 41 tad-, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 109/1994”) jipprovdi:

“Impriżi li bejniethom jinsabu f’waħda mir-relazzjonijiet ta’ kontroll previsti fl-Artikolu 2359 tal-Kodiċi Ċivili ma jistgħux jipparteċipaw fl-istess sejħa għal offerti.”

7

L-Artikolu 2359 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, intitolat “Kumpanniji kkontrollati u kumpanniji rrelatati”, jipprovdi:

“Huma kkunsidrati bħala kumpanniji kkontrollati:

1)

il-kumpanniji li fihom kumpannija oħra għandha l-maġġoranza tal-jeddijiet tal-vot, li jistgħu jkunu eżerċitati f’laqgħat ordinarji tal-azzjonisti;

2)

il-kumpanniji li fihom kumpannija oħra għandha biżżejjed jeddijiet tal-vot sabiex teżerċita influwenza dominanti f’laqgħat ordinarji tal-azzjonisti;

3)

il-kumpanniji li jinsabu taħt l-influwenza dominanti ta’ kumpannija oħra bis-saħħa ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali partikolari bejnha u bejn din tal-aħħar.

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punti (1) u (2) tal-ewwel paragrafu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-voti li huma intitolati għalihom kumpanniji kkontrollati, kumpanniji trust u intermedjarji; ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni voti li jistgħu jiġu eżerċitati f’isem terzi.

Dawk il-kumpanniji, li fuqhom kumpannija oħra teżerċita influwenza sinjifikattiva, jitqiesu li huma kumpanniji rrelatati. Tali influwenza minn kumpannija oħra hija preżunta meta, fil-laqgħat ġenerali, din il-kumpannija tista’ teżerċita mill-anqas wieħed minn kull ħames voti, jew wieħed minn kull għaxar voti fil-każ li l-azzjonijiet huma kkwotati f’suq irregolat.”

8

Il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fil-qasam tax-xogħlijiet, servizzi u provvisti huma fil-fatt kollha rregolati bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 163 tat-12 ta’ April 2006 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 100 tat-, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006”). Skont l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 34 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv:

“Offerenti li bejniethom jinsabu f’relazzjoni ta’ kontroll, bħal dik prevista fl-Artikolu 2359 tal-Kodiċi Ċivili, ma jistgħux jipparteċipaw fl-istess sejħa għal offerti. L-awtoritajiet kontraenti għandhom jeskludu wkoll, minn tali sejħiet għal offerti, dawk l-offerenti li, abbażi ta’ evidenza ċara, l-offerti rispettivi tagħhom huma attribwibbli lill-istess ċentru ta’ deċiżjonijiet”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9

Permezz ta’ sejħa għal offerti tat-30 ta’ Settembru 2003, il-Camera di Commercio, Industria, Artigianato e Agricoltura di Milano nediet sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt, abbażi tal-kriterju tal-iktar prezz baxx, għas-servizz ta’ kunsinna, b’mod partikolari għall-ġbir u d-distribuzzjoni ta’ posta u dokumenti, kemm għaliha stess kif ukoll għall-impriża tagħha Ced Camera għall-perijodu ta’ tliet snin mis-sena 2004 sal-2006. Din l-offerta kienet ta’ EUR 530000, eskluża t-taxxa fuq il-valur miżjud.

10

Wara l-eżami tad-dokumenti ppreżentati mill-partijiet interessati, SDA Express Courier Spa (iktar ’il quddiem “SDA”), Poste Italiane Spa (iktar ’il quddiem “Poste Italiane”) u Assitur ġew ammessi għall-parteċipazzjoni fis-sejħa għal offerti.

11

Fit-12 ta’ Novembru 2003, Assitur talbet li SDA u Poste Italiane jiġu esklużi mill-proċedura tas-sejħa għal offerti minħabba r-relazzjoni li kienet teżisti bejn dawn iż-żewġ kumpanniji.

12

Mill-verifika ordnata għal dan ir-rigward mill-kumitat għall-għoti tal-kuntratt, irriżulta li l-kapital azzjonarju kollu ta’ SDA kien miżmum minn Attività Mobiliari Spa, u li hija stess kienet miżmuma fl-intier tagħha minn Poste Italiane. Madankollu, peress li d-Digriet Leġiżlattiv Nru 157 tas-17 ta’ Marzu 1995, li kien jirregola l-kuntratti għal servizzi, ma kien jipprovdi ebda projbizzjoni fuq il-parteċipazzjoni fl-istess proċedura għall-għoti ta’ kuntratt ta’ impriżi li fihom waħda minnhom tikkontrolla lill-oħra, u peress li l-verifika mwettqa ma rrilevat ebda evidenza serja u konsistenti li setgħet tqajjem suspett li, f’dan il-każ, inkisru l-prinċipji tal-kompetizzjoni u tal-kunfidenzjalità tal-offerti, il-kumitat għall-għoti tal-kuntratt iddeċieda, permezz tad-Deċiżjoni Nru 712, tat-, li jagħti l-kuntratt lil SDA, li kienet ippreżentat l-iktar offerta baxxa.

13

Assitur talbet l-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunale Amministrativo Regionale per la Lombardia. Hija enfasizzat li, skont l-Artikolu 10(1a) tal-Liġi Nru 109/1994, li fil-fehma tagħha japplika wkoll għal kuntratti għal servizzi fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni espressament differenti, l-awtorità kontraenti kellha teskludi minn din il-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt lill-kumpanniji li jinsabu f’waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ kontroll imsemmija fl-Artikolu 2359 tal-Kodiċi Ċivili Taljan.

14

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 10(1a) tal-Liġi Nru 109/1994, li jirregola b’mod speċifiku l-kuntratti għal xogħlijiet, jistabbilixxi preżunzjoni inkonfutabbli li l-offerta magħmula mill-kumpannija kkontrollata kienet magħrufa mill-kumpannija li teżerċita l-kontroll fuq din tal-aħħar. B’hekk, il-leġiżlatur ma jikkunsidrax li l-operaturi ekonomiċi kkonċernati jistgħu jagħmlu offerti li jagħtu prova tal-indipendenza, tas-serjetà u tal-affidabbiltà neċessarji, peress li huma jkunu affiljati permezz ta’ interessi komuni. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tipprojbixxi lill-impriżi li għandhom relazzjoni ta’ dan it-tip milli jipparteċipaw fl-istess sejħa għal offerti b’mod kompetittiv, u fil-każ li tali parteċipazzjoni tkun ikkonstatata, dawn l-impriżi għandhom neċessarjament jiġu esklużi mill-proċedura tal-għoti tal-kuntratt. L-imsemmija qorti ssostni wkoll li l-kunċett ta’ “impriża kkontrollata” fid-dritt Taljan huwa analogu għall-kunċett ta’ “impriża affiljata” iddefinit fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 93/37.

15

Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li l-ġurisprudenza Taljana tqis li regola bħal dik li tinsab fl-Artikolu 10(1a) tal-Liġi 109/1994 hija regola ta’ ordni pubbliku, u ta’ applikazzjoni ġenerali. Din ir-regola hija fir-realtà l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jmur lil hinn mill-qasam tax-xogħlijiet pubbliċi u testendi wkoll għall-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti fil-oqsma tas-servizzi u tal-provvisti, minkejja l-fatt li, f’dawn l-oqsma, ma teżisti ebda dispożizzjoni speċifika bħal din. Il-leġiżlatur ikkonferma dan l-approċċ tal-ġurisprudenza permezz tal-adozzjoni tal-aħħar paragrafu tal-Artikolu 34 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006, li fil-fatt jirregola l-kuntratti pubbliċi kollha, iżda li, madankollu, ma japplikax ratione temporis għal din il-kawża.

16

L-imsemmija qorti tistaqsi għaldaqstant jekk approċċ bħal dan huwiex kompatibbli mal-ordinament ġuridiku Kommunitarju u b’mod partikolari mal-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Frar 2006, La Cascina et (C-226/04 u C-228/04, Ġabra p. I-1347, punti 21 sa 23). Tali dispożizzjoni, li tesprimi l-prinċipju ta’ “favor participationis”, jiġifieri l-interess li jipparteċipa l-ikbar numru ta’ impriżi possibbli f’sejħa għal offerti, skont l-imsemmi sentenza, tinkludi lista limitata ta’ kawżi ta’ esklużjoni mill-parteċipazzjoni fil-kuntratti għal servizzi. Fost dawn il-kawżi mhemmx il-każ ta’ kumpanniji li bejniethom jinsabu f’relazzjoni ta’ kontroll jew li hemm influwenza sinjifikattiva bejniethom.

17

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-Artikolu 10(1a) tal-Liġi Nru 109/1994 jesprimi l-prinċipju tal-kompetizzjoni ħielsa, sa fejn huwa intiż li jippenalizza kull aġir kollużiv ta’ impriżi fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti. Konsegwentement, kellu jkun adottat b’konformità stretta mat-Trattat KE, b’mod partikolari mal-Artikoli 81 et seq. tiegħu u, fil-verità, ma kienx ikun f’kunflitt mal-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50.

18

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-Tribunale Amministrativo Regionale per la Lombardia ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50 […], billi jipprovdi seba’ kawżi ta’ esklużjoni mill-parteċipazzjoni f’kuntratti pubbliċi għal servizzi, jistabbilixxi lista eżawrjenti ta’ kawżi ta’ esklużjoni u, għaldaqstant, jipprekludi l-Artikolu 10(1)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru [109/1994] (li ġie ssostitwit permezz tal-aħħar paragrafu tal-Artikolu 34 tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 163/2006]) milli jistabbilixxi projbizzjoni fuq il-parteċipazzjoni simultanja f’sejħa għal offerti ta’ impriżi li bejniethom jinsabu f’relazzjoni ta’ kontroll?”

Fuq id-domanda preliminari

19

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi rrilevat li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-seba’ kawżi ta’ esklużjoni tal-parteċipazzjoni ta’ imprenditur f’kuntratt pubbliku, previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50, jirrigwardaw l-onestà professjonali, il-likwidità jew l-affidabbiltà tal-parti interessata, jiġifieri, il-kwalitajiet professjonali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza La Cascina et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).

20

Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza, għal dak li jirrigwarda l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 93/37, li jirriproduċi l-istess kawżi ta’ esklużjoni bħal dawk li jinsabu fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50, li r-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju kienet li f’din id-dispożizzjoni jżomm biss il-kawżi ta’ esklużjoni li jirrigwardaw biss il-kwalitajiet professjonali tal-partijiet interessati. Sa fejn hija tirriproduċi biss tali kawżi ta’ esklużjonijiet, din il-lista ġiet ikkunsidrata mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala eżawrjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Michaniki, C-213/07, Ġabra p. I-9999, punti 42 u 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li madankollu, din il-lista eżawrjenti ma teskludix il-possibbiltà tal-Istati Membri milli jżommu jew jistabbilixxu b’żieda mal-kawżi ta’ esklużjonijiet, regoli materjali intiżi, b’mod partikolari, sabiex jiggarantixxu, fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, l-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-offerenti, u tal-prinċipju ta’ trasparenza li jikkostitwixxi l-bażi tad-direttivi Komunitarji dwar il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, bil-kundizzjoni madankollu, li jibqa’ dejjem osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Michaniki, iċċitata iktar ’il fuq, punti 44 sa 48, u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Huwa evidenti li miżura leġiżlattiva nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija intiża sabiex tevita kull kollużjoni potenzjali bejn il-parteċipanti tal-istess proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku u li tiżgura t-trattament ugwali tal-kandidati u t-trasparenza tal-proċedura.

23

Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50 ma jipprekludix lil Stat Membru milli jipprovdi, b’żieda mal-kawżi ta’ esklużjoni li jinsabu f’din id-dispożizzjoni, kawżi oħra ta’ esklużjoni intiżi sabiex jiggarantixxu l-osservanza tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza, bil-kundizzjoni li tali miżuri ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan.

24

Isegwi li l-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-dritt Komunitarju għadha trid tiġi eżaminata fid-dawl tal-prinċipju ta’ proprożjonalità.

25

Għandu jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li r-regoli Komunitarji fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ġew adottati fil-kuntest tat-tqegħid fis-seħħ tas-suq intern, li fih għandu jiġi żgurat il-moviment liberu u l-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-412/04, Ġabra p. I-619, punt 2).

26

F’dan il-kuntest ta’ suq intern waħdieni u ta’ kompetizzjoni effettiva, huwa fl-interess tad-dritt Komunitarju li tiġi żgurata l-ikbar parteċipzzjoni ta’ offerenti possibbli f’sejħa għal offerti.

27

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dispożizzjoni fil-kawża prinċipali, ifformulata b’termini ċari u vinkolanti, tobbliga b’mod assolut lill-awtorità kontraenti sabiex teskludi mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt lill-impriżi li jippreżentaw offerti separati u kompetittivi, jekk dawn l-impriżi jinsabu f’relazzjoni ta’ kontroll, bħal dawk previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali.

28

Madankollu, l-esklużjoni sistematika tal-impriżi affiljati mid-dritt ta’ parteċipazzjoni fl-istess proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi tmur kontra l-applikazzjoni effettiva tad-dritt Komunitarju. Fil-fatt, tali soluzzjoni tnaqqas kunsiderevolment il-kompetizzjoni fuq livell Komunitarju.

29

Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn testendi l-projbizzjoni ta’ parteċipazzjoni fl-istess proċedura għall-għoti ta’ kuntratt għas-sitwazzjonijet fejn ir-relazzjoni ta’ kontroll bejn l-impriżi kkonċernati ma jkollhiex impatt fuq l-imġiba ta’ dawn tal-aħħar fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza.

30

Leġiżlazzjoni bħal din, li hija bbażata fuq preżunzjoni inkonfutabbli li l-offerti rispettivi ta’ impriżi affiljati għall-istess kuntratt ikunu neċessarjament influwenzati waħda mill-oħra, tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba li hija ma tagħtix il-possibbiltà lil dawn l-impriżi jipprovaw li fil-każ tagħhom ma jeżisti ebda riskju reali ta’ prattiki li jistgħu jippreġudikaw it-trasparenza u li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-offerenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2005, Fabricom, C-21/03 u C-34/03, Ġabra p. I-1559, punti 33 u 35, u Michaniki, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

31

F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li l-formazzjoni ta’ grupp ta’ impriżi jista’ jkollha għamliet u għanijiet differenti u mhux bilfors teskludi li l-impriżi kkontrollati jgawdu minn ċertu awtonomija fit-tmexxija tal-politika kummerċjali u fl-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, b’mod partikolari fil-qasam tal-parteċipazzjoni fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Barra minn dan, hekk kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ir-relazzjonijiet bejn l-impriżi tal-istess grupp jistgħu jkunu rregolati minn dispożizzjonijiet partikolari, pereżempju ta’ għamla kuntrattwali li jistgħu jiggarantixxu kemm l-indipendenza kif ukoll il-kunfidenzjalità matul it-tfassil tal-offerti li jkunu ser isiru simultanjament mill-impriżi inkwistjoni fil-kuntest tal-istess sejħa għal offerti.

32

F’dan il-kuntest, il-kwistjoni ta’ jekk ir-relazzjoni ta’ kontroll inkwistjoni eżerċitatx influwenza fuq il-kontenut rispettiv tal-offerti magħmula mill-impriżi kkonċernati, fil-kuntest tal-istess proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, teżiġi eżami u evalwazzjoni tal-fatti li, fil-fatt, huwa kompetenza tal-awtoritajiet kontraenti. Jekk tali influwenza tiġi kkonstatata, tkun kif tkun, tkun biżżejjed sabiex l-imsemmija impriżi jiġu esklużi mill-proċedura inkwistjoni. Bil-kontra, is-sempliċi konstatazzjoni ta’ relazzjoni ta’ kontroll bejn l-impriżi kkonċernati, minħabba l-proprjetà jew in-numru ta’ jeddijiet tal-vot li jistgħu jkunu eżerċitati f’laqgħat ordinarji tal-azzjonisti, mhijiex biżżejjed sabiex il-kumitat għall-għoti tal-kuntratt jkun jista’ jeskludi awtomatikament lil dawn l-impriżi mill-proċedura għall-għoti tal-kuntratt mingħajr ma jiġi vverifikat jekk tali relazzjoni kellhiex impatt konkret fuq l-imġiba rispettiva tagħhom fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

33

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun:

l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lil Stat Membru milli jipprovdi, b’żieda mal-kawżi ta’ esklużjoni li jinsabu f’din id-dispożizzjoni, kawżi oħra ta’ esklużjoni intiżi sabiex jiggarantixxu l-osservanza tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza, bil-kundizzjoni li tali miżuri ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan, u

id-dritt Komunitarju jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li, filwaqt li jkollha għanijiet leġittimi ta’ trattament ugwali tal-offerenti u ta’ trasparenza fil-kuntest tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, tistabbilixxi projbizzjoni assoluta għall-impriżi li bejniethom jinsabu f’relazzjoni ta’ kontroll, jew li huma affiljati, milli jipparteċipaw simultanjament u b’mod kompetittiv fl-istess sejħa għal offerti, mingħajr ma tagħtihom il-possibbiltà li jipprovaw li din ir-relazzjoni ma kellha ebda impatt fuq l-imġiba rispettiva tagħhom fil-kuntest ta’ din is-sejħa għal offerti.

Fuq l-ispejjeż

34

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 29 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi], għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lil Stat Membru milli jipprovdi, b’żieda mal-kawżi ta’ esklużjoni li jinsabu f’din id-dispożizzjoni, kawżi oħra ta’ esklużjoni intiżi sabiex jiggarantixxu l-osservanza tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza, bil-kundizzjoni li tali miżuri ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan.

 

Id-dritt Komunitarju jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li, filwaqt li jkollha għanijiet leġittimi ta’ trattament ugwali tal-offerenti u ta’ trasparenza fil-kuntest tal-proċeduri għal għoti ta’ kuntratti pubbliċi, tistabbilixxi projbizzjoni assoluta għall-impriżi li bejniethom jinsabu f’relazzjoni ta’ kontroll jew li huma affiljati, milli jipparteċipaw simultanjament u b’mod kompetittiv fl-istess sejħa għal offerti, mingħajr ma tagħtihom il-possibbiltà li jipprovaw li din ir-relazzjoni ma kellha ebda impatt fuq l-imġiba rispettiva tagħhom fil-kuntest ta’ din is-sejħa għal offerti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.