SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

3 ta’ Settembru 2009 ( *1 )

“Direttiva 97/7/KE — Protezzjoni tal-konsumaturi — Kuntratti li jsiru mill-bogħod — Eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar mill-konsumatur — Kumpens għall-użu li għandu jitħallas lill-bejjiegħ”

Fil-Kawża C-489/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, immressqa mill-Amtsgerich Lahr (il-Ġermanja) permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Novembru 2007, fil-proċedura

Pia Messner

vs

Firma Stefan Krüger,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann (Relatur), President tal-Awla, M. Ilešič, A. Tizzano, E. Levits u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, bħala aġent,

għall-Gvern Spanjol, minn J. Rodríguez Cárcamo, bħala aġent,

għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u P. Contreiras, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz, W. Wils u H. Krämer, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Frar 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 1997, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi inrigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 3, p. 319).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Pia Messner, konsumatriċi, u Firma Stefan Krüger (iktar ’il quddiem “Krüger”), kumpannija li tipprattika l-bejgħ mill-bogħod permezz tal-internet, dwar il-ħlas lura ta’ EUR 278 wara t-tħassir ta’ kuntratt mill-bogħod.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Il-Premessa 14 tad-Direttiva 97/7 tipprovdi:

“Billi l-konsumatur ma jistax jara l-prodott jew jaċċerta ruħu min-natura tas-servizz ipprovdut qabel jikkonkludi l-kuntratt; billi għandha ssir dispożizzjoni kemm-il darba mhux speċifikat b’mod ieħor f’din id-Direttiva, għal dritt ta’ irtirar mill-kuntratt; billi, jekk dan id-dritt għandu jkun aktar minn formali, l-ispejjeż, jekk hemm, li jitħallsu mill-konsumatur meta jeserċita d-dritt ta’ rtirar għandhom ikunu limitati għall-ispejjeż diretti involuti sabiex jirritorna l-oġġetti; billi dan id-dritt ta’ rtirar għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-konsumatur skond il-liġijiet nazzjonali, b’rigward partikolari għar-riċevuta ta’ prodotti u servizzi bil-ħsara jew ta’ prodotti u servizzi li ma jaqblux mad-deskrizzjoni mogħtija fl-offerta ta’ dawn il-prodotti u servizzi; billi jitħalla għall-Istati Membri sabiex jiddeterminaw il-kondizzjonijiet u ftehim ieħor li jsegwu l-eserċizzju tad-dritt ta’ rtirar”.

4

L-Artikolu 6(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Dritt ta’ irtirar

(1)   Għal kull kuntratt li jsir mill-bogħod il-konsumatur għandu jkollu perjodu ta’ mill-inqas sebat ijiem tax-xogħol li fihom jista’ jirtira mill-kuntratt mingħajr penali u mingħajr ma jagħti ebda raġuni. L-unika kont li jista’ jingħata lill-konsumatur minħabba l-eżerċizzju tad-dritt ta’ irtirar tiegħu huwa l-ispiża diretta involuta sabiex l-oġġetti jiġu rritornati.

[…]

(2)   Fejn id-dirtt ta’ irtirar ġie eserċitat mill-konsumatur skond dan l-Artikolu, il-fornitur għandu jkun obbligat li jirrimborża l-ammonti mħallsa mill-konsumatur mingħajr ħlas. L-unika imposta li tista’ ssir lill-konsumatur minħabba l-eżerċizzju tad-dritt li għandu li jirtira huwa l-ispiża diretta involtua fir-ritorn ta’ l-oġġetti. Dan ir-rimborż għandu jsir kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien 30 jum.”

5

L-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Klawsola minima

L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu, fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, dispożizzjonijiet aktar stretti kompatibbli mat-Trattat, sabiex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur. […]”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6

L-Artikolu 312d tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż (Bürgerliches Gesetzbuch, iktar ’il quddiem il-“BGB”), intitolat “Dritt ta’ rtirar u ta’ restituzzjoni fil-kuntratti li jsiru mill-bogħod”, jipprovdi:

“(1)   Fil-kuntratti li jsiru mill-bogħod, il-konsumatur għandu dritt ta’ rtirar skont l-Artikolu 355. Fil-każ ta’ kuntratti dwar il-provvista ta’ oġġetti, il-konsumatur jista’ jingħata d-dritt ta’ restituzzjoni taħt l-Artikolu 356 minflok id-dritt ta’ rtirar.

(2)   B’deroga mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 355(2), it-terminu għall-irtirar ma għandux jibda jiddekorri qabel ma jiġu sodisfatti l-obbligi ta’ informazzjoni previsti fl-Artikolu 312c(2); fil-każ ta’ kunsinna ta’ oġġetti, dan it-terminu ma għandux jibda qabel id-data li fiha jirċevihom id-destinatarju; fil-każ ta’ kunsinni ripetuti ta’ oġġetti tal-istess tip, dan it-terminu ma għandux jibda qabel id-data li fiha d-destinatarju jirċievi l-ewwel kunsinna parzjali u, fil-każ ta’ servizzi, ma għandux jibda qabel id-data li fiha jiġi konkluż il-kuntratt.”

7

L-Artikolu 355 tal-BGB, intitolat “Dritt ta’ rtirar fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi”, jipprovdi:

“(1)   Il-konsumatur, fil-każ li l-liġi tagħtih id-dritt ta’ rtirar taħt din id-dispożizzjoni, ma jibqax iktar marbut mid-dikjarazzjoni tal-kunsens tiegħu għall-konklużjoni tal-kuntratt jekk ikun eżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu fit-terminu previst. Mhuwiex meħtieġ li l-irtirar ikun immotivat u għandu jkun iddikjarat lill-bejjiegħ bil-miktub jew bir-ritorn tal-oġġett f’terminu ta’ żewġ ġimgħat; għall-finijiet tal-osservanza tat-terminu għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-jum li fih intbagħat l-oġġett.

(2)   It-terminu għandu jibda jiddekorri mill-mument li fih il-konsumatur jiġi informat bil-miktub dwar id-dritt ta’ rtirar tiegħu permezz ta’ komunikazzjoni ċara li tispeċifikalu d-drittijiet tiegħu skont ir-rekwiżiti tal-mezz ta’ komunikazzjoni li ntuża, u li jkun fiha wkoll l-isem u l-indirizz tal-persuna li lilu jrid jiddikjara l-irtirar kif ukoll indikazzjoni tal-bidu tat-terminu u tar-regoli mniżżla fit-tieni sentenza tal-paragrafu 1. Jekk din l-informazzjoni tasal għand il-konsumatur wara li jiġi konkluż il-kuntratt, it-terminu jiġi estiż għal xahar, b’deroga mit-tieni sentenza tal-paragrafu 1. Fil-każ li l-kuntratt irid jiġi konkluż bil-miktub, it-terminu ma jibdiex jiddekorri qabel ma jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-konsumatur il-kuntratt, l-ordni bil-miktub tal-konsumatur jew kopja tal-oriġinal tal-kuntratt jew tal-ordni. Jekk il-bidu tat-terminu jkun ikkontestat, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-bejjiegħ.

(3)   Id-dritt ta’ rtirar għandu jiġi estint mhux iktar tard minn sitt xhur wara l-konklużjoni tal-kuntratt. Fil-każ ta’ kunsinna ta’ oġġetti, it-terminu ma għandux jibda jiddekorri qabel id-data li fiha d-destinatarju jirċievi l-oġġetti. B’deroga mill-ewwel sentenza, id-dritt ta’ rtirar ma jiġix estint jekk il-konsumatur ma jkunx ingħata informazzjoni korretta dwar id-dritt ta’ rtirar tiegħu u, fejn il-kuntratti li jsiru mill-bogħod ikunu jikkonċernaw il-provvista ta’ servizzi finanzjarji, id-dritt ta’ rtirar ma jiġix estint barra minn hekk jekk il-bejjiegħ ma jkunx issodisfa debitament l-obbligi ta’ komunikazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 312c(2)(1).”

8

L-Artikolu 357 tal-BGB, intitolat “Effetti legali tal-irtirar u tar-restituzzjoni”, jipprovdi:

“(1)   Sa fejn mhuwiex ipprovdut mod ieħor, ir-regoli dwar it-tħassir legali japplikaw b’analoġija għad-dritt ta’ rtirar u ta’ restituzzjoni. L-Artikolu 286(3) għandu japplika b’mod korrispondenti għall-obbligu ta’ rimbors ta’ ħlas skont din id-dispożizzjoni; it-terminu li ġie stabbilit hemmhekk jibda jiddekorri mad-dikjarazzjoni ta’ rtirar jew ta’ restituzzjoni tal-konsumatur. Għal dak li jikkonċerna obbligu ta’ rimbors tal-konsumatur, it-terminu għandu b’hekk jibda jiddekorri mill-mument li dan jibgħat id-dikjarazzjoni tiegħu u għal dak li jikkonċerna l-obbligu ta’ rimbors tal-bejjiegħ, dan it-terminu jibda jiddekorri minn meta jirċievi din id-dikjarazzjoni.

[…]

(3)   B’deroga mill-punt 3 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 346(2), il-konsumatur għandu jħallas kumpens fil-każ tad-deterjorament tal-oġġett minħabba l-użu xieraq li jkun għamel minnu, jekk ikun ġie informat bil-miktub, mhux iktar tard minn meta ġie konkluż il-kuntratt, b’din il-konsegwenza u bil-possibbiltà li jevitaha. Il-kumpens ma jkunx dovut jekk id-deterjorament ikun esklużivament ikkawżat mill-eżami tal-oġġett. Il-punt 3 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 346(3) ma japplikax jekk il-konsumatur ikun ġie debitament informat dwar id-dritt ta’ rtirar tiegħu jew jekk ikun sar jaf bih b’xi mod ieħor.

(4)   Il-paragrafi preċedenti jistabbilixxu d-drittijiet tal-partijiet b’mod eżawrjenti.”

9

L-Artikolu 346(1) sa (3) tal-BGB, intitolat “Effetti tat-tħassir tal-kuntratt”, jipprovdi dan li ġej:

“(1)   Jekk waħda mill-partijiet fil-kuntratt tinvoka klawżola ta’ tħassir li tirriżulta mill-kuntratt jew mil-liġi, il-prestazzjonijiet provduti għandhom, fil-każ ta’ tħassir, jingħataw lura u l-vantaġġi effettivament riċevuti għandhom jiġu restitwiti.

(2)   Minflok l-għoti lura jew ir-restituzzjoni, id-debitur huwa obbligat iħallas kumpens sa fejn:

1.

l-għoti lura jew ir-restituzzjoni huma esklużi minħabba n-natura tal-akkwist;

2.

ikun iddegrada, ittrasferixxa, biegħ, ittrasforma jew irristruttura l-oġġett provdut,

3.

l-oġġett provdut iddeterjora ruħu jew ma għadux jeżisti; l-użu li jikkorispondi għal użu normali, madankollu, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni.

Jekk il-kuntratt jistipula prestazzjoni korrispettiva, din għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kumpens; jekk ikun dovut kumpens fir-rigward tal-vantaġġ meħud minn self, tista’ tingħata prova li l-valur tal-vantaġġ kien inqas.

(3)   L-obbligu li jingħata kumpens huwa eskluż:

1.

jekk id-difett li jiġġustifika t-tħassir tal-kuntratt irriżulta biss matul it-trasformazzjoni jew ir-ristrutturazzjoni tal-oġġett,

2.

sa fejn il-kreditur ikun responsabbli għad-deterjorament jew għall-fatt li l-oġġett ma jkunx għadu jeżisti, jew jekk id-dannu kien iseħħ anki li kieku l-oġġett kien għadu fil-pussess tiegħu,

3.

jekk, fil-każ ta’ kundizzjoni ta’ tħassir legali, id-deterjorament jew il-fatt li l-oġġett ma jkunx għadu jeżisti jseħħu meta l-oġġett kien fil-pussess tal-persuna kkonċernata minkejja li din tal-aħħar użat l-istess diliġenza li normalment tosserva fir-rigward tal-proprjetà tagħha stess.

L-arrikkiment residwu għandu jiġi restitwit.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Pia Messner xtrat mingħand Krüger, fit-2 ta’ Diċembru 2005, permezz tal-internet, laptop użat għall-prezz ta’ EUR 278.

11

Fiż-żmien meta sar dan l-akkwist, Krüger kienet tindika l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ fuq l-internet li fihom wieħed seta’ jaqra, b’mod partikolari, li x-xerrej huwa obbligat iħallas kumpens għad-deterjorament li jirriżulta mill-użu konformi tal-merkanzija.

12

F’Awwissu 2006, l-iskrin tal-imsemmi laptop żviluppa difett. Pia Messner informat lil Krüger dwar dan id-difett fl-iskrin fl-4 ta’ Awwissu 2006. Din tal-aħħar irrifjutat li telimina dan id-difett mingħajr ħlas.

13

Fis-7 ta’ Novembru 2006, Pia Messner iddikjarat li kienet qiegħda tirrevoka l-kuntratt ta’ bejgħ u pproponiet li tibgħat il-laptop lil Krüger bil-kundizzjoni li din tħallasha lura. Din ir-revoka saret fit-termini previsti mill-BGB sa fejn Pia Messner ma kinitx ingħatat l-informazzjoni, prevista fid-dispożizzjonijiet tal-istess kodiċi, ta’ natura li tiskatta t-terminu għall-irtirar.

14

Pia Messner ressqet lil Krüger quddiem l-Amtsgericht Lahr fejn talbet il-ħlas ta’ EUR 278.

15

Krüger opponiet din it-talba filwaqt li sostniet li Pia Messner, fi kwalunkwe każ, kellha tħallasha kumpens li jikkorrispondi għall-użu tal-laptop għal kważi tmien xhur sħaħ. Il-prezz tal-kiri ta’ laptop ta’ dan it-tip jammonta, bħala medja tas-suq, għal EUR 118.80 għal kull tliet xhur, b’tali mod li l-kumpens korrispondenti għat-tul tal-użu tal-laptop inkwistjoni minn Pia Messner jammonta għal EUR 316.80.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Lahr iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 6(2), flimkien mat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1), tad-Direttiva 97/7 […] jista’ jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li biha l-bejjiegħ ikun jista’ jitlob, fil-każ ta’ revoka fiż-żmien stipulat mill-konsumatur, kumpens għall-valur tal-użu tal-merkanzija pprovduta?”

Fuq id-domandi preliminari

17

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-possibbiltà li l-bejjiegħ jitlob mingħand il-konsumatur kumpens għall-użu ta’ oġġett akkwistat permezz ta’ kuntratt mill-bogħod fil-każ li l-konsumatur ikun eżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu fit-termini previsti.

18

Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7, l-uniċi spejjeż li l-konsumatur jista’ jintalab iħallas minħabba l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar tiegħu huma l-ispejjeż diretti sabiex tintbagħat lura l-merkanzija.

19

F’dan ir-rigward, mill-Premessa 14 tad-Direttiva 97/7 jirriżulta li din il-projbizzjoni li l-konsumatur jintalab iħallas spejjeż oħra minbarra dawk li jirriżultaw direttament meta tintbagħat lura l-merkanzija għandha l-għan li tiżgura li d-dritt ta’ rtirar iggarantit minn din id-direttiva “jkun aktar minn [dritt] formali”. Għalhekk, il-konsumatur jista’ jiġi skoraġġit milli juża dan id-dritt jekk dan ikun marbut ma’ konsegwenzi pekunjarji negattivi.

20

Barra minn hekk, mill-istess premessa jirriżulta li d-dritt ta’ rtirar huwa intiż li jipproteġi lill-konsumatur fis-sitwazzjoni partikolari ta’ bejgħ mill-bogħod fejn “il-konsumatur ma jistax jara l-prodott jew jaċċerta ruħu min-natura tas-servizz ipprovdut qabel jikkonkludi l-kuntratt”. Għalhekk, id-dritt ta’ rtirar huwa meqjus bħala li jikkumpensa l-iżvantaġġ tal-konsumatur meta jikkonkludi kuntratt mill-bogħod billi jagħtih perijodu ta’ riflessjoni adegwat li matulu jkun jista’ jeżamina u jipprova l-oġġett akkwistat.

21

Huwa fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet li l-projbizzjoni stabbilita fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) u fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7 għandha tiġi interpretata.

22

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-impożizzjoni b’mod ġenerali ta’ kumpens għall-użu tal-oġġett akkwistat permezz ta’ kuntratt mill-bogħod hija inkompatibbli mal-imsemmija għanijiet.

23

Fil-fatt, kif tenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tagħha, jekk il-konsumatur ikollu jħallas tali kumpens minħabba s-sempliċi fatt li kellu l-possibbiltà juża l-oġġett akkwistat permezz ta’ kuntratt mill-bogħod għall-perijodu li dan ikun fil-pussess tiegħu, huwa jkun jista’ jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu biss billi jħallas l-imsemmi kumpens. Tali konsegwenza tkun b’mod ċar kontradittorja mal-formulazzjoni u mal-għan tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7 u, b’mod partikolari, iċċaħħad lill-konsumatur mill-possibbiltà li juża bil-libertà kollha u mingħajr ebda pressjoni l-perijodu ta’ riflessjoni mogħti lilu minn din id-direttiva.

24

Bl-istess mod, l-effikaċità u l-effettività tad-dritt ta’ irtirar ikunu mheddha jekk il-konsumatur ikun obbligat iħallas kumpens minħabba s-sempliċi fatt li jkun eżamina u pprova l-oġġett akkwistat permezz ta’ kuntratt mill-bogħod. Sa fejn id-dritt ta’ rtirar għandu preċiżament l-għan li jagħti din il-possibbiltà lill-konsumatur, il-fatt li l-konsumatur jagħmel użu minnha ma jistax ikollu bħala konsegwenza li l-konsumatur ikun jista’ jeżerċita l-imsemmi dritt biss bil-kundizzjoni li jħallas kumpens.

25

Madankollu, għalkemm id-Direttiva 97/7 hija intiża li tipproteġi lill-konsumatur fis-sitwazzjoni partikolari ta’ kuntratt mill-bogħod, l-għan tagħha mhuwiex li tagħtih drittijiet li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan ikun jista’ jeżerċita b’mod utli d-dritt ta’ rtirar tiegħu.

26

Għaldaqstant, l-għan tad-Direttiva 97/7, u b’mod partikolari l-projbizzjoni stabbilita fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) u fl-Artikolu 6(2) tal-istess direttiva, ma jipprekludux, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq il-konsumatur il-ħlas ta’ kumpens ġust fis-sitwazzjoni fejn dan ikun uża l-oġġett akkwistat permezz ta’ kuntratt mill-bogħod b’mod inkompatibbli mal-prinċipji tad-dritt ċivili, bħall-bona fide jew l-arrikkiment indebitu.

27

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-aħħar sentenza tal-Premessa 14 tad-Direttiva 97/7 jirriżulta li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet u r-regoli dettaljati l-oħra li jsegwu l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar. Madankollu, din il-kompetenza għandha tiġi eżerċitata b’osservanza tal-għan ta’ din id-direttiva u ma tistax, b’mod partikolari, tippreġudika l-effikaċità u l-effettività tad-dritt ta’ rtirar. Dan ikun il-każ, pereżempju, jekk l-ammont ta’ kumpens bħal dak imsemmi fil-punt preċedenti jidher li huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-prezz tax-xiri tal-oġġett inkwistjoni jew inkella jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali timponi fuq il-konsumatur l-oneru tal-prova li huwa ma użax dan l-oġġett matul it-terminu għall-irtirar b’mod li jmur lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex ikun jista’ jeżerċita b’mod utli d-dritt ta’ rtirar tiegħu.

28

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li l-qorti tar-rinviju għandha tiddeċiedi l-kwistjoni li attwalment għandha quddiemha, u dan filwaqt li tieħu debitament inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari kollha tagħha, u b’mod partikolari n-natura tal-prodott inkwistjoni kif ukoll it-tul tal-perijodu li fit-tmiem tiegħu, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza mill-bejjiegħ tal-obbligu ta’ informazzjoni tiegħu, il-konsumatur eżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu.

29

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi b’mod ġenerali għall-possibbiltà li l-bejjiegħ jitlob mingħand il-konsumatur kumpens għall-użu ta’ oġġett akkwistat permezz ta’ kuntratt mill-bogħod fil-każ li l-konsumatur ikun eżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu fit-termini previsti. Madankollu, dawn l-istess dispożizzjonijiet ma jipprekludux li l-konsumatur ikun obbligat iħallas kumpens għall-użu ta’ dan l-oġġett fis-sitwazzjoni fejn dan ikun uża l-imsemmi oġġett b’mod inkompatibbli mal-prinċipji tad-dritt ċivili, bħall-bona fide jew l-arrikkiment indebitu, bil-kundizzjoni iżda li ma jkunux ippreġudikati l-għan ta’ din id-direttiva u, b’mod partikolari, l-effikaċità u l-effettività tad-dritt ta’ rtirar, ħaġa din li għandha tiġi ddeterminata mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

30

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

 

Id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 1997, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi inrigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi b’mod ġenerali għall-possibbiltà li l-bejjiegħ jitlob mingħand il-konsumatur kumpens għall-użu ta’ oġġett akkwistat permezz ta’ kuntratt mill-bogħod fil-każ li l-konsumatur ikun eżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu fit-termini previsti.

 

Madankollu, dawn l-istess dispożizzjonijiet ma jipprekludux li l-konsumatur ikun obbligat iħallas kumpens għall-użu ta’ dan l-oġġett fis-sitwazzjoni fejn dan ikun uża l-imsemmi oġġett b’mod inkompatibbli mal-prinċipji tad-dritt ċivili, bħall-bona fide jew l-arrikkiment indebitu, bil-kundizzjoni iżda li ma jkunux ippreġudikati l-għan ta’ din id-direttiva u, b’mod partikolari, l-effikaċità u l-effettività tad-dritt ta’ rtirar, ħaġa din li għandha tiġi ddeterminata mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.