SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

23 ta’ April 2009 ( *1 )

“Sitt Direttiva tal-VAT — Eżenzjonijiet — Artikolu 13A(1)(a) — Servizzi pprovduti mis-servizzi postali pubbliċi”

Fil-Kawża C-357/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Lulju 2007, fil-proċedura

The Queen, fuq talba ta’:

TNT Post UK Ltd

vs

The Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs,

fil-preżenza ta’:

Royal Mail Group Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans (Relatur), President tal-Awla, J.-C. Bonichot, K. Schiemann, J. Makarczyk, u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal TNT Post UK Ltd, minn D. Milne, QC, u P. Hamilton, barrister, b’mandat minn C. Russell, solicitor,

għal Royal Mail Group Ltd, minn P. Lasok, QC, u J. Herberg, barrister, b’mandat minn D. Finkler, solicitor,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Gibbs, I. Rao u M. Hall, bħala aġenti, assistiti minn C. Vajda, QC, u ta’ N. Shaw, barrister,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, bħala aġent,

għall-Gvern Grieg, minn S. Spyropoulos kif ukoll minn S. Trekli u M. Tassopoulou, bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn D. Barniville, SC, u N. Travers, BL,

għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski u A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġenti,

għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Afonso u R. Lyal, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Jannar 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn TNT Post UK Ltd (iktar ’il quddiem “TNT Post”), rikorrenti fil-kawża prinċipali, u l-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs, konvenuti fil-kawża prinċipali, fil-preżenza ta’ Royal Mail Group Ltd, (iktar ’il quddiem “Royal Mail”), intervenjenti fil-kawża prinċipali, dwar il-legalità tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) tas-servizzi postali pprovduti minn din il-kumpannija tal-aħħar.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

L-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva, bl-intestatura “Eżenzjonijet fit-territorju tal-pajjiż”, jipprovdi:

“A. Eżenzjonijiet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku

1.   Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġejjin taħt il-kondizzjonijiet li huma għandhom jistabilixxu għal skopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe evażjoni, evitar u abbuż possibbli:

a)

il-provvista bis-servizzi [mis-servizzi] postali pubbliċi ta’ servizzi barra t-trasport tal-passiġġieri u s-servizzi tat-telekomunikazzjoni, u l-provvista ta’ l-oġġetti inċidentali magħhom [għalihom];

[…]”

4

L-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1) huwa miktub f’termini identiċi għal dawk tal-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva.

5

Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71), kif emendata bid-Direttiva 2002/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal- 10 ta’ Ġunju 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 316, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 97/67”), tistabbilixxi, skont l-Artikolu 1 tagħha, regoli komuni dwar b’mod partikolari l-provvista ta’ servizz postali universali fil-Komunità Ewropea u l-kriterji li jiddefinixxu s-servizzi li jistgħu jiġu rriżervati għall-fornituri tas-servizz universali.

6

Il-premessa 15 tad-Direttiva 97/67 tistabbilixxi:

“[…] d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-provvista ta’ servizz universali huma mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-operaturi universali li jinnegozjaw kuntratti mal-klijenti individwalment”.

7

Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 97/67:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi jgawdu d-dritt ta’ servizz universali li jinvolvi il-provvista permanenti ta’ servizz postali ta’ kwalità speċifikata fil-punti kollha fit-territorju tagħhom bi prezzijiet li jistgħu jitħallsu mill-konsumaturi kollha.

2.   Għal dan l-iskop, l-Istati Membri għandhom jieħdu passi sabiex jagħmlu ċert li d-densità tal-punti ta’ kuntatt u l-punti ta’ aċċess jkunu jqisu l-ħtiġiet tal-konsumaturi.

3.   Għandhom jieħdu passi sabiex jiżguraw li l-fornitur/i ta’ servizz universali jiggarantixxi/u kull jum tax-xogħol u mhux anqas minn ħamest ijiem fil-ġimgħa, ħlief f’ċirkostanzi jew kondizzjonijiet ġeografiċi meqjusa bħala eċċezzjonali mill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji, bħala minimu:

ikklerjar wieħed,

kunsinna waħda lid-dar jew fond ta’ kull persuna fiżika jew ġuridika jew, permezz ta’ deroga taħt kondizzjonijiet fid-di[s]krezzjoni ta’ l-awtorità nazzjonali regolatorja, kunsinna waħda lill-istallazzjonijiet adattati.

Kull eċċezzjoni jew deroga mogħtija mill-awtorità nazzjonali regolatorja skond dan il-paragrafu għandha tiġi komunikata lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji kollha.

4.   Kull Stat Membru għandu jaddotta l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li s-servizz universali jinkludi l-faċilitajiet minimi li ġejjin:

l-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim ta’ oġġetti postali sa żewġ kilogrammi,

l-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim ta’ oġġetti postali sa 10 kilogrammi,

servizzi għall-oġġetti reġistrati u oġġetti assigurati.

5.   L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jistgħu jżidu l-limitu tal-piż ta’ servizz universali li jkopri pakketti postali sa piż li ma jeċċedix l-20 kilogramma u jistgħu jniżżlu arranġamenti speċjali għat-twassim [tqassim] bieb b’bieb ta’ dawk il-pakketti.

Minkejja l-kopertura tal-limitu tal-piż ta’ servizz universali għall-pakketti postali stabbilit f’xi Stat Membru partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pakketti postali li jirċievu minn Stati Membri oħra u li jiżnu sa 20 kilogramma jitwasslu fit-territorji tagħhom.

6.   Id-dimensjonijiet minimi u massimi għall-oġġetti inkwistjoni għandhom ikunu dawk imniżżla fil-Konvenzjoni u l-Ftehim li jirrigwarda Pakketti Postali addottata mill-Unjoni Postali Universali.

7.   Is-servizz universali kif deskritt f’dan l-Artikolu għandu jkopri kemm servizzi nazzjonali u dawk bejn fruntiera u oħra.”

8

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67 jistabbilixxi:

“Sa fejn neċessarju sabiex jiġi assigurat il-manteniment ta’ servizz universali, Stati Membri jistgħu ikomplu jirriżervaw servizzi għall-provditur(i) tas-servizz universali. Dawk is-servizzi għandhom ikunu llimitati għal clearance, organizzazzjoni, trasport u kunsinna ta’ oġġetti ta’ korrispondenza domestika u korrispondenza għal ġewwa trans fruntiera, kemm b’kunsinna aċċelerata u kemm jekk le, fil-limiti ta’ kemm il-piż u kemm il-prezz li ġejjin. Il-limitu tal-piż għandu jkun 100 gramma mill-1 ta’ Jannar 2003 u 50 gramma mill-1 ta’ Jannar 2006. Dawn il-limiti tal-piż m’għandhomx japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2003 jekk il-prezz huwa ugwali għal, jew iktar minn, tliet darbiet it-tariffa pubblika għal oġġett ta’ korrispondenza fl-ewwel livell tal-piż tal-kategorija l-iktar mgħaġġla, u, mill-1 ta’ Jannar 2006, jekk il-prezz huwa ugwali għal, jew iktar minn, darbtejn u nofs din it-tariffa.

[…]”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9

Id-dispożizzjonijiet intiżi għat-traspożizzjoni tal-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva jagħmlu parti mill-Att dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud tal-1994 (Value Added Tax Act 1994), kif emendat bl-Att dwar is-Servizzi Postali tal-2000 (Postal Services Act 2000, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar is-servizzi postali”), filwaqt li d-dispożizzjonijiet intiżi għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 97/67 jagħmlu parti minn din il-liġi tal-aħħar.

10

Il-London Gazette tat-28 ta’ Marzu 2001 ippubblikat avviż li permezz tiegħu l-Ministru għall-Kummerċ u l-Industrija nnotifika li l-kumpannija Consignia plc (imsemmija Royal Mail fl-imsemmija data) kienet intgħażlet, skont il-Liġi dwar is-servizzi postali, bħala fornitur ta’ servizz postali universali li jipprovdi tali servizz fir-Renju Unit. Il-Ministru msemmi ma ħareġ ebda notifika tal-istess tip fir-rigward ta’ persuna oħra.

11

Fit-18 ta’ Frar 2005, il-Kummissjoni tas-Servizzi Postali (Postal Services Commission jew Postcomm) tat deċiżjoni fil-kuntest tat-twettiq tal-obbligi legali tagħha taħt il-Liġi dwar is-servizzi postali, li tipprovdi li, mill-1 ta’ Jannar 2006, hija għandha tagħti lil kull applikant li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti liċenzja għat-trasport ta’ ittri ta’ kull piż. Din id-deċiżjoni wasslet għal-liberalizzazzjoni totali tas-suq postali fir-Renju Unit b’effett minn din id-data, iżda mingħajr ma ġew affettwati l-istatus jew l-obbligi ta’ Royal Mail fil-kwalità tagħha ta’ l-uniku l-fornitur rikonoxxut ta’ servizz postali universali f’dan l-Istat Membru.

12

Royal Mail topera taħt liċenzja maħruġa mill-Kummissjoni tas-Servizzi Postali fit-23 ta’ Marzu 2001 skont it-tieni parti tal-Liġi dwar is-servizzi postali, u din il-liċenzja ġiet emendata l-aħħar fil-25 ta’ Mejju 2006. Il-qafas regolatorju tagħha huwa intiż sabiex jiggarantixxi li kull persuna fiżika jew ġuridika jkollha aċċess għal sistema postali kompleta li tkopri t-territorju nazzjonali kollu bi prezzijiet li jistgħu jitħallsu mill-konsumaturi kollha. Skont din il-liċenzja, għal Royal Mail, u għaliha biss, japplikaw b’mod partikolari l-obbligi, minn naħa, li tipprovdi lill-pubbliku ġenerali tar-Renju Unit b’servizz postali universali, li jinkludi mill-inqas tqassim darba f’kull ġurnata tax-xogħol lejn kull indirizz u mill-inqas ġabra waħda f’kull ġurnata tax-xogħol minn kull punt ta’ aċċess li jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, bi prezzijiet li jistgħu jitħallsu mill-konsumaturi kollha applikati b’mod uniformi fuq it-territorju kollu, kif ukoll, min-naħa l-oħra, li tara li l-pubbliku ġenerali fir-Renju Unit ikollu aċċess faċli għal dan is-servizz postali universali permezz ta’ punti ta’ aċċess suffiċjenti fin-numru u fid-densità.

13

Fl-20 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni tas-Servizzi Postali tat lil TNT Post, skont it-tieni parti tal-Liġi dwar is-servizzi postali, liċenzja li permezz tagħha din il-kumpannija tal-aħħar setgħet tittrasporta kull ittra fit-territorju tar-Renju Unit. Din il-liċenzja ssostittwiet liċenzja preċedenti maħruġa fit-23 ta’ Diċembru 2002.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Skont il-qorti tar-rinviju, Royal Mail, bħala l-uniku fornitur ta’ servizz universali fir-Renju Unit, tipprovdi numru kbir ta’ servizzi postali lil kull impriża jew lil kull individwu li jixtiequ jużaw is-servizzi tagħha. Dawn is-servizzi postali huma pprovduti permezz ta’ netwerk nazzjonali integrat li attwalment jaqdi madwar 27 miljun indirizz 6 ijiem fil-ġimgħa fil-kuntest ta’ qafas regolatorju ta’ interess ġenerali li huwa speċifiku għal Royal Mail u li jiddistingwi lil din tal-aħħar mill-operaturi postali l-oħra kollha. L-ittri u l-oġġetti postali oħra jinġabru minn din il-kumpannija f’diversi postijiet, jiġifieri f’madwar 113000 kaxxa tal-ittri, 14200 uffiċċju postali u 90000 negozju. Royal Mail timpjega madwar 185000 ruħ fir-Renju Unit.

15

Is-servizzi postali li Royal Mail hija marbuta tipprovdi lill-pubbliku skont il-liċenzja tagħha jirrapreżentew il-parti l-kbira kemm tal-volum totali ta’ ittri pproċessati minn din il-kumpannija u kemm tad-dħul globali li hija taqla minn dawn l-operazzjonijiet postali. Meta tittieħed inkunsiderazzjoni l-attività “tal-ittri mibgħuta bil-posta” ta’ Royal Mail, madwar 90% tal-attivitajiet ta’ din tal-aħħar, perċentwali kkalkolata abbażi tad-dħul mill-bejgħ, huma suġġetti għal regolamenti u kundizzjonijiet li huma imposti biss fuq Royal Mail u li ma huma imposti fuq ebda fornitur ta’ servizzi postali ieħor li jopera fir-Renju Unit.

16

TNT Post, li tagħmel parti mill-grupp TNT li jopera f’iktar minn 200 Stat u li jimpjega iktar minn 128000 ruħ, tipprovdi servizzi ta’ distribuzzjoni postali għall-ittri kummerċjali ssortjati minn qabel u li jintbagħtu f’volumi kbar. L-attivitajiet tagħha jikkonsistu fil-ġbir tal-ittri tal-klijenti tagħha, fil-provvista ta’ servizzi ta’ issortjar mekkanizzat u manwali (għall-ittri li jintbagħtu f’volumi kbar) kif ukoll fl-ipproċessar tal-posta u fil-kunsinna ta’ dawn l-ittri b’mezzi terrestri sa maħżen reġjonali ta’ Royal Mail. Dawn is-servizzi huma magħrufa taħt l-isem ta’ “servizzi upstream”.

17

Fis-6 ta’ April 2004, TNT Post ikkonkludiet kuntratt ma’ Royal Mail li permezz tiegħu din tal-aħħar rabtet ruħha li tipprovdi “servizzi downstream”, jiġifieri li tiddistribwixxi l-ittri li TNT Post tkun ġabret, issortjat u kkunsinnat b’mezzi terrestri sa wieħed mill-imħażen reġjonali ta’ Royal Mail. Dan il-kuntratt ġie konkluż skont waħda mill-kundizzjonijiet tal-liċenzja ta’ din tal-aħħar, li tipprovdi li din hija marbuta tagħti aċċess għall-uffiċċji postali tagħha lil kull operatur postali jew konsumatur li jitlobha u li din hija marbuta tinnegozja b’bona fide sabiex jintlaħaq ftehim dwar il-kundizzjonijiet ta’ dan l-aċċess. Fil-preżent, TNT Post ma tipprovdi ebda servizz downstream.

18

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li, fir-rigward tal-posta kummerċjali, li tirrappreżenta 85% tal-volum tal-ittri ppoċessati minn TNT Post fir-Renju Unit, is-suq prinċipali tagħha jinsab fis-settur tas-servizzi finanzjarji. Peress li l-istabbilimenti finanzjarji mhumiex f’pożizzjoni li jirkupraw il-VAT tal-input kollha mħallsa minnhom, huwa fl-interess kummerċjali ta’ TNT Post li tnaqqas kemm jista’ jkun l-ammont tal-VAT li hija jkollha tiġbor mingħand il-klijenti tagħha.

19

Issa, skont il-Liġi tal-1994 dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, kif emendata bil-Liġi dwar is-servizzi postali, it-trasport minn Royal Mail ta’ pakketti postali, li taħthom għandhom jaqgħu l-ittri, huwa eżentat mill-VAT, filwaqt li s-servizzi pprovduti minn TNT Post, li skont din tal-aħħar huma l-istess bħal dawk ipprovduti minn Royal Mail, huma suġġetti għall-VAT bir-rata normali ta’ 17.5%.

20

Peress li kkunsidrat li s-soluzzjoni tal-kawża li kellha quddiemha kienet teħtieġ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja id-domandi preliminari segwenti:

“1)

a)

Kif għandha tiġi interpretata l-frażi ‘is-servizzi postali pubbliċi’ fl-Artikolu 13A(1)(a) tas-[Sitt Direttiva] [issa l-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva 2006/112]?

b)

L-interpretazzjoni ta’ dik l-espressjoni hija affettwata mill-fatt li s-servizzi postali fi Stat Membru kienu liberalizzati, li m’hemmx servizzi rriżervati fis-sens tad-Direttiva [97/67], u li huwa rikonoxxut fornitur wieħed ta’ servizz universali li ġie nnotifikat lill-Kummissjoni skont din id-direttiva (bħalma hija Royal Mail fir-Renju Unit)?

ċ)

Fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti [li jikkorrispondu għas-sitwazzjoni deskritta fid-domanda 1(b) iktar ’il fuq] dik l-espressjoni tinkludi

i)

biss l-uniku fornitur ta’ servizzi universali rikonoxxut (bħalma hija Royal Mail fir-Renju Unit) jew

ii)

anki operatur postali privat (bħalma hija TNT Post)?

2)

Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, l-Artikolu 13A(1)(a) tas-[Sitt Direttiva] [issa l-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva 2006/112] għandu jiġi interpretat bħala li jeħtieġ jew jippermetti lil Stat Membru li jeżenta s-servizzi postali kollha pprovduti mis-‘servizzi postali pubbliċi’?

3)

Jekk Stati Membri huma meħtieġa jew permessi li jeżentaw xi servizzi, iżda mhux is-servizzi kollha, ipprovduti mis-‘servizzi postali pubbliċi’, b’referenza għal liema kriterji għandhom jiġu identifikati dawk is-servizzi?”

Fuq it-talba intiża għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

21

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Marzu 2009, TNT Post talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura. Skont din il-kumpannija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fihom ċertu numru ta’ malintiżi fir-rigward tal-fatti tal-kawża prinċipali u tal-funzjonament tas-suq postali fir-Renju Unit.

22

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din il-qorti tista’, ex officio jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew anki fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio, C-210/06, Ġabra p. I-9641, punt 46).

23

Issa, il-fatti tal-kawża prinċipali u l-funzjonament tas-suq postali fir-Renju Unit ġew spjegati fid-dettall mill-qorti tar-rinviju u saru kummenti dwarhom fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din tal-aħħar tikkunsidra li għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

24

Barra minn hekk, mhuwiex allegat li l-kawża preżenti għandha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma ġiex diskuss quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

25

Konsegwentement, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali għandha tiġi miċħuda.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

26

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, li għandha tiġi ttrattata fit-totalità tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja f’liema sens għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “servizzi postali pubbliċi” li jidher fl-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva, b’mod partikolari fil-każ fejn is-servizzi postali kienu s-suġġett ta’ liberalizzazzjoni fi Stat Membru.

27

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li s-sintassi tas-sentenza sħiħa tal-imsemmija dispożizzjoni turi b’mod ċar li l-kliem “servizzi postali pubbliċi” jiddeskrivu l-korpi ta’ ġestjoni li jwettqu l-provvista ta’ servizzi li għandhom jiġu eżentati. Sabiex tkun koperta mit-termini tad-dispożizzjoni, il-provvista għandha għaldaqstant titwettaq minn operatur li jista’ jiġi kkwalifikat bħala “servizz postali pubbliku” fis-sens organiku ta’ dan it-terminu (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1985, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 107/84, Ġabra p. 2655, punt 11).

28

Din l-interpretazzjoni hija bbażata fuq il-formulazzjoni stess tal-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva. Barra minn hekk, ebda element ma jippermetti li jiġi konkluż li tali interpretazzjoni ġiet affettwata minn ċirkustanzi bħal-liberalizzazzjoni tas-settur postali, li seħħet wara li ngħatat is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq.

29

Bil-kontra, il-fatt li l-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva 2006/112 huwa miktub f’termini strettament identiċi għal dawk tal-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva juri li l-eżenzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar inżammet mingħajr bidliet, minkejja l-liberalizzazzjoni tas-settur postali.

30

Minn dan isegwi li, bil-kontra ta’ dak li jsostnu TNT Post kif ukoll il-Gvern Finlandiż u l-Gvern Svediż, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tkopri, essenzjalment, il-provvista ta’ servizzi postali, bħalma huma s-servizzi rriżervati fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 97/67, b’mod indipendenti mill-kwalità tal-fornitur ta’ dawn is-servizzi.

31

Fit-tieni lok, it-termini użati sabiex tiġi deskritta eżenzjoni bħal dik prevista mill-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva, għandhom jiġu interpretati b’mod strett peress li tali eżenzjoni hija eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali li jistabbilixxi li l-VAT għandha tinġabar fuq is-servizzi kollha pprovduti bi ħlas minn persuna taxxabbli. Madankollu, l-interpretazzjoni ta’ dawn it-termini għandha tkun konformi mal-għanijiet imħaddna mill-imsemmija eżenzjonijiet u għandha tħares ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT. Għaldaqstant, din ir-regola ta’ interpretazzjoni stretta ma tfissirx li t-termini użati sabiex jiġu ddefiniti l-eżenzjonijiet stipulati fl-imsemmi Artikolu 13 għandhom jiġu interpretati b’mod li jċaħħadhom mill-effetti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2007, Haderer, C-445/05, Ġabra p. I-4841, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Kif jindika t-titolu li jaqa’ taħtu l-Artikolu 13A tas-Sitt Direttiva, l-eżenzjonijiet previsti minnu għandhom bħala għan li jiffavorixxu ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali.

33

Issa, dan l-għan ġenerali huwa rifless, fis-settur postali, fl-għan iktar speċifiku li jiġu offerti, bi prezz imnaqqas, servizzi postali li jissodisfaw il-bżonnijiet essenzjali tal-popolazzjoni.

34

Fl-istat preżenti tad-dritt Komunitarju, tali għan huwa essenzjalment l-istess bħal dak segwit mid-Direttiva 97/67, jiġifieri li jkun offert servizz postali universali. Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, tali servizz jikkonsisti fl-offerta ta’ servizzi postali ta’ kwalità speċifikata pprovduti b’mod permanenti f’kull punt tat-territorju bi prezzijiet li jistgħu jitħallsu mill-konsumaturi kollha.

35

Għaldaqstant, minkejja l-fatt li ma tistax tikkostitwixxi bażi għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva, li l-bażi legali tagħha hija differenti minn dik tad-Direttiva 97/67, din tal-aħħar madankollu tikkostitwixxi riferiment utli għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “servizzi postali pubbliċi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

36

Minn dan isegwi li s-servizzi postali pubbliċi fis-sens tal-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu kkunsidrati bħala operaturi, kemm pubbliċi u kemm privati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16), li jintrabtu li joffru servizzi postali li jissodisfaw il-bżonnijiet essenzjali tal-popolazzjoni u għaldaqstant, fil-prattika, li jiżguraw it-totalità ta’ jew parti mis-servizz postali universali fi Stat Membru, kif iddefinit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 97/67.

37

Tali interpretazzjoni ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li jipprekludi li operaturi ekonomiċi li jwettqu l-istess operazzjonijiet jiġu ttrattati b’mod differenti fil-qasam tal-ġbir tal-VAT (ara s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies, C-363/05, Ġabra p. I-5517, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Fil-fatt, kif tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tagħha, sabiex tiġi evalwat jekk is-servizzi humiex komparabbli jew le, ma għandux jitwettaq sempliċi tqabbil ta’ servizzi individwali iżda għandu jiġi kkunsidrat il-kuntest li fih jitwettqu.

39

Issa, kif juru ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, minħabba l-obbligi, deskritti fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, imposti permezz tal-liċenzja tiegħu u li huma marbuta mal-istatus tiegħu ta’ fornitur ta’ servizz universali, operatur bħal Royal Mail iwettaq servizzi postali f’qafas legali li huwa sostanzjalment differenti minn dak li fih TNT Post twettaq tali servizzi.

40

Għaldaqstant, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-kunċett ta’ “servizzi postali pubbliċi” li jidher fl-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri operaturi, pubbliċi jew privati, li jintrabtu li jiżguraw fi Stat Membru t-totalità ta’ jew parti mis-servizz postali universali, kif iddefinit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 97/67.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

41

Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva tapplikax għas-servizzi postali kollha pprovduti mis-servizzi postali pubbliċi jew jekk tapplikax biss għal parti minnhom. Fil-każ imsemmi l-aħħar, hija tixtieq issir taf il-kriterji li jippermettu li jiġu identifikati s-servizzi eżentati.

42

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva hija eżentata l-provvista, mis-servizzi postali pubbliċi, ta’ servizzi u ta’ oġġetti inċidentali għalihom. Huma biss it-trasport ta’ persuni u t-telekomunikazzjonijiet li huma espliċitament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

43

Madankollu, bil-kontra ta’ dak li jsostnu Royal Mail, il-Gvern tar-Renju Unit, il-Gvern Grieg u l-Irlanda, mill-imsemmija dispożizzjoni ma jistax jiġi dedott li kull provvista ta’ servizzi u ta’ oġġetti inċidentali għalihom imwettqa mis-servizzi postali pubbliċi u kull provvista li mhijiex espliċitament eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-istess dispożizzjoni hija eżentata b’mod indipendenti min-natura intrinsika tagħha.

44

Fil-fatt, mir-rekwiżiti, li għalihom isir riferiment fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, li jipprovdu li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva għandha tiġi interpretata b’mod strett u fl-istess ħin b’mod konformi mal-għan segwit minn din id-dispożizzjoni, jirriżulta li l-provvista ta’ servizzi u ta’ oġġetti inċidentali għalihom għandha tiġi interpretata bħala dik il-provvista li s-servizzi postali pubbliċi jwettqu bħala tali, jiġifieri minħabba l-kwalità tagħhom stess ta’ servizzi postali pubbliċi.

45

Tali interpretazzjoni hija meħtieġa, b’mod partikolari, minħabba n-neċessità li jiġi osservat il-prinċipju ta’ newtralità fiskali. Fil-fatt, l-obbligi ta’ operatur bħal Royal Mail, li, kif jidher mill-punt 39 ta’ din is-sentenza, jippermettu li ssir distinzjoni bejn il-kuntest li fih dan l-operatur iwettaq is-servizzi postali tiegħu u dak li fih operatur bħal TNT Post iwettaq tali servizzi, jirrigwardaw biss is-servizzi postali pprovduti fil-kwalità ta’ fornitur tas-servizz universali.

46

Bl-istess mod, mill-eżiġenzi msemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza u, b’mod partikolari, min-natura tal-għan segwit, li huwa li tiġi ffavorita attività ta’ interess ġenerali, jirriżulta li l-eżenzjoni ma tistax tapplika għal servizzi speċifiċi li jistgħu jiġu sseparati mis-servizz ta’ interess ġenerali, fosthom is-servizzi li jissodisfaw il-bżonnijiet individwali ta’ operaturi ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Mejju 1993, Corbeau, C-320/91, Ġabra p. I-2533, punt 19).

47

Għaldaqstant, huwa ġustament li l-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni jsostnu li ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala eżentati skont l-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva s-servizzi mwettqa mis-servizzi postali pubbliċi li l-kundizzjonijiet tagħhom ikunu ġew innegozjati b’mod individwali. Permezz tan-natura tagħhom stess, tali servizzi jissodisfaw il-bżonnijiet individwali tal-konsumaturi kkonċernati.

48

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-premessa 15 tad-Direttiva 97/67, li minnha jirriżulta li l-possibbiltà li l-kuntratti jiġu nnegozjati fuq bażi individwali mal-klijenti ma tikkorrispondix, a priori, mal-kunċett ta’ provvista ta’ servizz universali.

49

Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni u t-tielet domanda għandha tkun li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva tapplika għall-provvista ta’ servizzi u għall-provvista ta’ oġġetti inċidentali għalihom, bl-eċċezzjoni tat-trasport tal-passiġġieri u s-servizzi tat-telekomunikazzjoni, li s-servizzi postali pubbliċi jwettqu bħala tali, jiġifieri minħabba l-kwalità tagħhom ta’ operaturi li jintrabtu li jiżguraw fi Stat Membru t-totalità ta’ jew parti mis-servizz postali universali. Hija ma tapplikax għall-provvista ta’ servizzi u lanqas għall-provvista ta’ oġġetti inċidentali għalihom meta l-kundizzjonijiet ta’ din il-provvista jkunu ġew innegozjati individwalment.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-kunċett ta’ “servizzi postali pubbliċi” li jidher fl-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri operaturi, pubbliċi jew privati, li jintrabtu li jiżguraw fi Stat Membru t-totalità ta’ jew parti mis-servizz postali universali, kif iddefinit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, kif emendata bid-Direttiva 2002/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal- 10 ta’ Ġunju 2002.

 

2)

L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva 77/388 tapplika għall-provvista ta’ servizzi u għall-provvista ta’ oġġetti inċidentali għalihom, bl-eċċezzjoni tat-trasport tal-passiġġieri u s-servizzi tat-telekomunikazzjoni, li s-servizzi postali pubbliċi jwettqu bħala tali, jiġifieri minħabba l-kwalità tagħhom ta’ operaturi li jintrabtu li jiżguraw fi Stat Membru t-totalità ta’ jew parti mis-servizz postali universali. Hija ma tapplikax għall-provvista ta’ servizzi u lanqas għall-provvista ta’ oġġetti inċidentali għalihom meta l-kundizzjonijiet ta’ din il-provvista jkunu ġew innegozjati individwalment.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.