SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
26 ta’ Marzu 2009 ( *1 )
“Direttiva 86/653/KEE — Artikolu 17 — Aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom — Terminazzjoni tal-kuntratt — Dritt għal kumpens — Determinazzjoni tal-ammont tal-kumpens”
Fil-Kawża C-348/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mil-Landgericht Hamburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ġunju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-, fil-kawża
Turgay Semen
vs
Deutsche Tamoil GmbH,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President tal-Awla, M. Ilešič, A. Tizzano, E. Levits (Relatur) u J.-J. Kasel, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Settembru 2008,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal T. Semen, minn H.-J. Rust, Rechtsanwalt, |
— |
għal Deutsche Tamoil GmbH, minn T. Wambach, Rechtsanwalt, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, J. Kemper u T. Baermann, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato, |
— |
għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn H. Støvlbæk u H. Krämer, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Novembru 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE, tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 177, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża mressqa minn T. Semen, li kien jikri pompa tal-petrol, kontra Deutsche Tamoil GmbH (iktar ’il quddiem “Deutsche Tamoil”), dwar l-ammont tal-kumpens għal terminazzjoni ta’ kuntratt dovut lil T. Semen minħabba x-xoljiment tal-kuntratt tiegħu mill-imsemmija kumpannija. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 |
L-Artikolu 17 tad-Direttiva jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-aġent kummerċjali jkun, wara t-terminu tal-kuntratt ta’ l-aġenzija, indennizzat skond il-paragrafu 2 jew ikkumpensat għad-danni skond il-paragrafu 3.
[…]” |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
4 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 89b tal-Kodiċi tal-Kummerċ Ġermaniż (Handelsgesetzbuch), kif fis-seħħ meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, jittrasponi l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali. Dan jipprovdi kif ġej: “1. L-aġent kummerċjali jista’, wara t-terminazzjoni tal-kuntratt tal-aġenzija, jitlob mingħand il-prinċipal indennizz raġonevoli jekk u sal-limiti, li
2. Jekk l-aġent kummerċjali jkun espanda l-volum tan-negozju tiegħu ma’ klijent eżistenti b’mod tant sinjifikanti li, f’termini kummerċjali, huwa ekwivalenti għall-akkwist ta’ klijent ġdid, hu jitqies daqs li kieku ġab klijent ġdid.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
5 |
Mill-1 ta’ Novembru 2001 sal-, T. Semen kien kera pompa tal-petrol proprjetà ta’ Deutsche Tamoil f’Berlin. Fiha huwa kien essenzjalment ibigħ fjuwil u lubrikanti għan-nom u f’isem din tal-aħħar iżda wkoll cards tat-telefon ta’ operaturi differenti pprovduti lilu mill-imsemmija kumpannija. |
6 |
Deutsche Tamoil tagħmel parti mill-grupp proprjetà tal-Istat Libjan Oilinvest, li jopera netwerk ta’ madwar 250 pompa tal-petrol fil-Ġermanja, kemm taħt l-isem prinċipali Tamoil, l-isem tal-kumpannija tiegħu stess, kif ukoll taħt l-isem sekondarju irħas,HEM. |
7 |
Il-pompa tal-petrol operata minn T. Semen kienet topera taħt l-isem HEM. Il-kummissjoni tiegħu fir-rigward tal-fjuwil kienet ikkalkolata abbażi tal-kwantità mibjugħa (kummissjoni għal kull litru mibjugħ), filwaqt li fir-rigward taż-żjut, din kienet ibbażata fuq id-dħul mill-bejgħ. Meta l-klijenti li kellhom cards ta’ lealtà, li kienu jingħataw skont mingħand Deutsche Tamoil, kienu jixtru l-fjuwil minn għandu, T.Semen kien jingħata biss kummissjoni żgħira. |
8 |
Tressqet kawża quddiem il-Landgericht Hamburg sabiex din tiddeċiedi dwar il-kumpens li għandu jingħata lil T. Semen wara t-terminazzjoni tal-kuntratt tiegħu ma’ Deutsche Tamoil. |
9 |
Skont il-prassi ġudizzjarja Ġermaniża, it-tliet kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 89b tal-Kodiċi Kummerċjali Ġermaniż huma ta’ natura kumulattiva u reċiprokament limitattivi. Għalhekk, il-kumpens ma jistax ikun ikbar mill-inqas ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ wieħed minn dawn il-kriterji. |
10 |
Billi tibbaża ruħha fuq din il-prassi ġudizzjarja, il-qorti tar-rinviju għandha t-tendenza tinterpreta l-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva fis-sens li din id-dispożizzjoni, li abbażi tagħha t-telf ta’ kummissjoni mill-aġent kummerċjali jikkostitwixxi biss element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-ekwità, tippermetti wkoll li jiġi kkunsidrat li t-telf ta’ kummissjoni minn dan l-aġent jikkostitwixxi l-ogħla limitu tal-kumpens. |
11 |
Peress li ma kinitx ċerta rigward l-imsemmija interpretazzjoni tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva, il-Landgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
12 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li dan ma jippermettix li d-dritt għal kumpens tal-aġent kummerċjali jkun awtomatikament limitat mit-telf ta’ kummissjoni tiegħu li jirriżulta mit-terminazzjoni tar-relazzjoni kuntrattwali, anki meta l-benefiċċji li jgawdi l-prinċipal għandhom ikunu kkunsidrati bħala ogħla. |
13 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva għandha tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-għan ta’ din tal-aħħar u tas-sistema li din tistabbilixxi (ara s-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, C-465/04, Honyvem Informazioni Commerciali, C-465/04, Ġabra p. I-2879, punt 17). |
14 |
Sussegwentement, huwa paċifiku li d-Direttiva hija intiża sabiex tarmonizza d-dritt tal-Istati Membri fir-rigward tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-partijiet kontraenti f’kuntratt ta’ rappreżentanza kummerċjali. Għalhekk, din hija intiża, b’mod partikolari, sabiex tipproteġi l-aġenti kummerċjali fir-relazzjonijiet tagħhom mal-prinċipali tagħhom u għal dan il-għan, fl-Artikoli 13 sa 20 tagħha, tistabbilixxi, b’mod partikolari, regoli dwar il-konklużjoni u t-tmiem tal-kuntratt ta’ rappreżentanza (sentenza Honyvem Informazioni Commerciali, iċċitata iktar ’il fuq, punti 18 u 19). |
15 |
Fir-rigward tat-tmiem tal-kuntratt, l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva jistabbilixxi sistema li tippermetti lill-Istati Membri jagħżlu bejn żewġ soluzzjonijiet. Fil-fatt, dawn tal-aħħar għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jassiguraw li, wara t-terminazzjoni tal-kuntratt, l-aġent kummerċjali jingħata jew kumpens stabbilit skont il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu, jew kumpens għad-danni skont il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3 tiegħu. |
16 |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għażlet is-soluzzjoni prevista fl-imsemmi artikolu 17(2). |
17 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, is-sistema stabbilita permezz tal-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tal-aġent kummerċjali wara t-terminazzjoni tal-kuntratt, hija ta’ natura mandatorja (sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2000, Ingmar, C-381/98, Ġabra p. I-9305, punt 21, u Honyvem Informazioni Commerciali, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22). |
18 |
Għalhekk, fir-rigward tal-kumpens għal terminazzjoni tal-kuntratt, huwa biss fil-kuntest preċiż stabbilit mill-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva, li l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom fir-rigward tal-għażla tal-metodi ta’ kalkolu ta’ dan il-kumpens (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Ingmar, punt 21, u s-sentenza Honyvem Informazioni Commerciali, punt 35). |
19 |
Is-sistema tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 17 tad-Direttiva tinqasam fi tliet fażijiet. Qabelxejn, l-ewwel waħda minn dawn il-fażijiet hija intiża sabiex tikkwantifika l-benefiċċji tal-prinċipal li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet ma’ klijenti mressqa mill-aġent kummerċjali, skont id-dispożizzjonijiet tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 17(2)(a) ta’ din id-direttiva. Sussegwentement, it-tieni fażi hija intiża sabiex tivverifika, skont it-tieni inċiż ta’ din id-dispożizzjoni, jekk l-ammont li jintlaħaq abbażi tal-kriterji deskritti iktar ’il fuq huwiex ekwu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, u b’mod partikolari, tat-telf tal-kummissjoni subit mill-aġent kummerċjali. Fl-aħħar nett, fit-tielet fażi, l-ammont tal-kumpens huwa suġġett għal-limitu massimu previst fl-Artikolu 17(2)(b) tad-Direttiva li japplika biss jekk dan l-ammont, li jirriżulta miż-żewġ fażijiet ta’ kalkolu preċedenti jeċċedih. |
20 |
Konsegwentement, peress li t-telf tal-kummissjoni subit huwa biss wieħed minn diversi elementi rilevanti fil-kuntest tal-eżami tal-ekwità, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, matul it-tieni fażi ta’ evalwazzjonijiet tagħha, jekk il-kumpens mogħti lill-aġent kummerċjali huwiex in fine ekwu u għalhekk jekk, u skont il-każ, sa fejn, hemmx lok, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, li jiġi aġġustat dan il-kumpens. |
21 |
Fir-rigward tal-għan tad-Direttiva, kif ġie imfakkar fil-punt 14 tas-sentenza preżenti, mill-imsemmija sistema jirriżulta li interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva, bħal dik li saret mill-qorti tar-rinviju, tista’ biss tkun ammissibbli jekk tali interpretazzjoni ma tkunx għad-detriment tal-aġent kummerċjali. |
22 |
Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà għamlet referenza għar-rapport dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva ppreżentat mill-Kummissjoni fit-23 ta’ Lulju 1996 [COM(96) 364 finali]. Dan ir-rapport jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar il-kalkolu effettiv tal-kumpens u huwa intiż sabiex jiffaċilita interpretazzjoni iżjed uniformi ta’ dan l-Artikolu 17 (ara s-sentenza Honyvem Informazioni Commerciali, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35). Għalhekk, l-imsemmi rapport jelenka diversi fatturi li fil-prattika għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-ekwità, li numru minnhom jistgħu jirriżultaw favur kumpens ogħla. |
23 |
Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri sabiex jaġġustaw, skont il-każ, il-kumpens dovut lill-aġent kummerċjali fi tmiem il-kuntratt sabiex dan ikun ekwu, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li dan l-aġġustament jista’ biss isir jekk jonqos l-ammont tal-kumpens. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva, li tippermetti l-esklużjoni awtomatika ta’ kull żieda tal-imsemmi kumpens, tikkostitwixxi interpretazzjoni għad-detriment tal-aġent kummerċjali li l-kuntratt tiegħu jkun intemm. |
24 |
Minn dan jirriżulta li ma tistax tiġi aċċettata prassi ġudizzjarja, bħal dik deskritta fil-punt 9 ta’ din is-sentenza, li teskludi awtomatikament li l-kumpens jista’ jiżdied sal-limitu stabbilit mill-Artikolu 17(2)(b) tad-Direttiva, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-ekwità, fil-każ fejn il-benefiċċji li jgawdi l-prinċipal jeċċedu l-istima tal-kummissjoni mitlufa mill-aġent kummerċjali. |
25 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 17(2)(a) tad-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix li d-dritt għal kumpens tal-aġent kummerċjali jkun limitat awtomatikament mit-telf ta’ kummissjoni tiegħu li jirriżulta mit-terminazzjoni tar-relazzjoni kuntrattwali, anki meta l-benefiċċji li jgawdi l-prinċipal għandhom ikunu kkunsidrati bħala ogħla. |
Fuq it-tieni domanda
26 |
Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn il-prinċipal jappartjeni għal grupp ta’ kumpanniji, il-benefiċċji miksuba mill-kumpanniji ta’ dan il-grupp huma meqjusa bħala li jagħmlu parti mill-benefiċċji tal-prinċipal u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tad-dritt għal kumpens tal-aġent kummerċjali. |
27 |
Interpretazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva teħtieġ, l-ewwel nett, li jsir riferiment għall-kliem tiegħu. |
28 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tirregola esklużivament ir-relazzjonijiet kuntrattwali “klijenti/prinċipal” u l-benefiċċji “prinċipal” li jirriżultaw mit-tranżazzjonijiet imwettqa ma’ dawn il-klijenti. L-interpretazzjoni litterali tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva għalhekk twassal għal konklużjoni li din id-dispożizzjoni teskludi li benefiċċji ta’ terzi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-“benefiċċji tal-prinċipal”. |
29 |
Din l-interpretazzjoni, jiġifieri dik li tittieħed inkunsiderazzjoni biss ir-relazzjoni bejn il-prinċipal u l-aġent kummerċjali, hija kkorroborata mill-interpretazzjoni sistematika tal-imsemmija dispożizzjoni. |
30 |
Fil-fatt, il-livell tal-ammont tal-kumpens, stabbilit fl-Artikolu 17(2)(b) tad-Direttiva, huwa kkalkolat abbażi tar-remunerazzjonijiet tal-aġent kummerċjali. Issa, kif jirrileva l-Gvern Taljan, anki jekk il-prinċipal jagħmel parti minn grupp ta’ kumpanniji, huwa dejjem u b’mod eklużiv il-prinċipal li jħallas ir-remunerazzjonijiet u mhux il-kumpanniji l-oħra tal-grupp. |
31 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li mit-tieni Premessa tad-Direttiva jirriżulta li din, b’mod partikolari, hija intiża sabiex tassigura s-sigurtà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali u, għalhekk, iċ-ċertezza legali fil-qasam tar-rappreżentanza kummerċjali. Dan l-għan jeskludi, fil-prinċipju, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ benefiċċji ta’ partijiet terzi, sakemm dan ma jkunx previst mir-relazzjoni kuntrattwali li torbot lill-prinċipal u l-aġent kummerċjali. F’dan ir-rigward, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-kuntratt ta’ rappreżentanza skont id-dritt nazzjonali applikabbli. |
32 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn il-prinċipal jappartjeni għal grupp ta’ kumpanniji, il-benefiċċji miksuba mill-kumpanniji tal-imsemmi grupp, fil-prinċipju, mhumiex meqjusa bħala li jagħmlu parti mill-benefiċċji tal-prinċipal u, għaldaqstant, m’għandhomx neċessarjament jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tad-dritt għal kumpens tal-aġent kummerċjali. |
Fuq l-ispejjeż
33 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.