SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

13 ta’ Novembru 2008 ( *1 )

“Kuntratti pubbliċi — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti — Konċessjonijiet ta’ servizzi pubbliċi — Konċessjoni dwar l-operat ta’ netwerk komunali ta’ teledistribuzzjoni — Assenjazzjoni minn komun lil kooperattiva interkomunali — Obbligu ta’ trasparenza — Kundizzjonijiet — Eżerċizzju, mill-awtorità konċedenti fuq l-entità konċessjonarja, ta’ kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess”

Fil-kawża C-324/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-, fil-proċedura

Coditel Brabant SA

vs

Komun ta’ Uccle,

Région de Bruxelles-Capitale,

fil-preżenza ta’:

Société Intercommunale pour la Diffusion de la Télévision (Brutélé),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), J. Klučka u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ April 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Coditel Brabant SA, minn F. Tulkens u V. Ost, avocats,

għall-Komun ta’ Uccle, minn P. Coenraets, avocat,

għas-Société Intercommunale pour la Diffusion de la Télévision (Brutélé), minn N. Fortemps u J. Bourtembourg, avocats,

għall-Gvern Belġjan, minn J. C. Halleux, bħala aġent, assistit minn B. Staelens, avocat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u Y. de Vries, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn B. Stromsky u D. Kukovec, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Ġunju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 43 KE u 49 KE, tal-prinċipji tat-trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza kif ukoll tal-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża, minn naħa, bejn Coditel Brabant SA (iktar ’il quddiem “Coditel”) u l-Komun ta’ Uccle, ir-Région de Bruxelles-Capitale u s-Société Intercommunale pour la Diffusion de la Télévision (Brutélé) (iktar ’il quddiem “Brutélé”), u min-naħa l-oħra, dwar l-assenjazzjoni, mill-Komun ta’ Uccle, tal-operat tan-netwerk ta’ teledistribuzzjoni komunali tiegħu lil kooperattiva interkomunali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt nazzjonali

3

L-Artikolu 1 tal-Liġi tat-22 ta’ Diċembru 1986 dwar l-assoċjazzjonijiet interkomunali (Moniteur belge tas-, p. 9909, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar l-assoċjazzjonijiet interkomunali”) jipprovdi:

“Bosta komuni jistgħu, skont il-kundizzjonijiet previsti minn din il-liġi, jiffurmaw assoċjazzjonijiet li għandhom għanijiet partikolari ta’ interess komunali. Dawn l-assoċjazzjonijiet huma magħrufa iktar ’il quddiem bħala assoċjazzjonijiet interkomunali.”

4

L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“L-assoċjazzjonijiet interkomunali huma persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku. Dawn ma jkollhomx karattru kummerċjali, indipendentement mill-forma ġuridika u mill-għan tagħhom.”

5

L-Artikolu 10 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Kull assoċjazzjoni interkomunali għandu jkollha assemblea ġenerali, kunsill ta’ amministrazzjoni u kulleġġ ta’ kummissarji.”

6

Skont l-Artikolu 11 tal-istess liġi:

“Indipendentement mill-proporzjon tal-kontribuzzjonijiet mid-diversi partijiet għall-konstituzzjoni ta’ fondi soċjali, l-assoċjazzjonijiet komunali għandhom dejjem ikollhom il-maġġoranza tal-voti kif ukoll il-presidenza tal-entitajiet differenti tal-operat u ta’ kontroll tal-assoċjazzjoni interkomunali.”

7

L-Artikolu 12 tal-liġi dwar l-assoċjazzjonijiet interkomunali jipprovdi:

“Ir-rappreżentanti tal-komuni fl-assemblea ġenerali għandhom jinħatru mill-kunsill komunali ta’ kull komun minn fost il-kunsillieri, is-sindku u l-assessuri tal-komun.

In-numru ta’ voti li kull komun ikollu f’assemblea ġenerali għandu jikkorrispondi mas-sehem li jżomm fil-kumpannija.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Mill-1969 sal-1999, il-Komun ta’ Uccle ħalla lil Coditel tinstalla u topera netwerk ta’ teledistribuzzjoni fit-territorju tiegħu. Fit-28 ta’ Ottubru 1999, l-imsemmi komun iddeċieda li jixtri mill-ġdid dan in-netwerk b’effett mill-.

9

Għal dan il-għan, il-Komun ta’ Uccle, permezz ta’ deċiżjoni tal-istess jum, tat-28 ta’ Ottubru 1999, ħareġ sejħa għal offerti, sabiex jikkonċedi l-operazzjoni tal-imsemmi netwerk lil konċessjonarju futur. Erba’ kumpanniji, fosthom Coditel, ippreżentaw il-kandidatura tagħhom għal din is-sejħa għal offerti.

10

Fil-25 ta’ Mejju 2000, il-Komun ta’ Uccle ddeċieda li jirrinunjza li jikkonċedi l-operazzjoni tan-netwerk ta’ teledistribuzzjoni tiegħu u li minflok jbigħu.

11

Avviż ta’ sejħa għall-kandidati xerrejja ġie ppubblikata fil-Bullettin des adjudications fil-15 ta’ Settembru 2000. Ħames kumpanniji, fosthom Coditel, ippreżentaw offerti ta’ bejgħ. Barra minn hekk, Brutélé, kooperattiva interkomunali, ma ppreżentatx offerta ta’ bejgħ lill-Komun ta’ Uccle iżda proposta ta’ adeżjoni bħala soċja.

12

Billi qies li erba’ fost il-ħames offerti kienu inammissibbli u li l-unika offerta ammissibbli, jiġifieri dik ta’ Coditel, kienet baxxa wisq, il-Komun ta’ Uccle ddeċieda, fit-23 ta’ Novembru 2000, li ma jwettaqx il-bejgħ tan-netwerk ta’ teledistribuzzjoni komunali.

13

Permezz ta’ deċiżjoni tal-istess jum, jiġifieri tat-23 ta’ Novembru 2000, il-Komun ta’ Uccle ddeċieda li jassoċja ma’ Brutélé, billi kkonċeda lil din tal-aħħar l-operat tan-netwerk ta’ teledistribuzzjoni tiegħu.

14

Ir-raġunijiet ta’ din id-deċiżjoni jinkludu, b’mod partikolari, is-segwenti kunsiderazzjonijiet:

“Billi Brutélé tipproponi lill-Komun ta’ Uccle li, fil-każ li dan jassoċja magħha, tikkostitwixxi għaliha biss subsettur tal-operat tagħha b’awtonomija fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

Billi din l-awtonomija tikkonċerna b’mod partikolari:

l-għażla tal-programmi trażmessi;

it-tariffi tal-abbonnament u tal-konnessjoni;

il-politika ta’ investimenti u ta’ xogħlijiet;

l-iskontijiet jew il-vantaġġi li jingħataw lil ċerti kategoriji ta’ persuni;

in-natura u l-metodi ta’ servizzi oħrajn li jingħataw permezz tan-netwerk u l-possibbilità li l-assoċjazzjoni interkomunali tiġi fdata bit-twettiq ta’ interess komunali li jaqbel ma’ l-għan iddefinit fl-istatut, bħal pereżempju, l-implementazzjoni ta’ Intranet komunali, ta’ website u ta’ taħriġ tal-persunal għal dak l-iskop.

Billi f’dan il-kuntest:

Brutélé għandha tħejji kont ta’ profitt u ta’ telf u karta tal-bilanċ tal-attivitajiet tan-netwerk ta’ Uccle;

[il-Komun ta’] Uccle għandu jkollu amministratur fil-kunsill ta’ amministrazzjoni ta’ Brutélé u tliet amministraturi fil-kunsill tas-settur ta’ operat ta’ Brussell, mandat ta’ awditur u ta’ espert komunali.

Billi Brutélé tintrabat li tkopri n-netwerk kollu ta’ Uccle u li żżid il-kapaċità tan-netwerk sabiex, f’terminu massimu ta’ sena, u jekk jixtieq il-Komun, tiżviluppa fih is-servizzi kollha segwenti:

estensjoni tal-għażla fuq it-TV: programmi addizzjonali u ‘l-pakkett ta’ trażmissjonijiet televiżivi’;

programmi ‘pay per view’;

aċċess għall-internet;

telefonija bil-leħen;

sorveljanza bil-vidjo;

trażmissjoni tad-data b’veloċità għolja (high-speed).

Billi l-kera annwali offruta hija magħmula kif ġej:

a)

kera fissa ta’ 10 % mid-dħul mill-abbonament bażiku għad-teledistribuzzjoni (abbażi ta’ 31000 abbonat u BEF 3400 ta’ abbonament annwali, netti mill-VAT u mid-drittijiet tal-awtur: BEF 10540000 fis-sena);

b)

ħlas ta’ 5 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ Canal + u tal-pakkett tat-trażmissjonijiet televiżivi;

c)

ħlas tal-profitti kollha magħmulin fuq is-servizzi kollha pprovduti.”

15

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Komun ta’ Uccle kellu jissottoskrivi 76 ishma ta’ Brutélé, li kull waħda tammonta għal BEF 200000. Barra minn hekk, l-imsemmi komun talab u kiseb mingħand Brutélé l-possibbiltà li jirtira unilateralment minn din l-assoċjazzjoni interkomunali f’kull mument.

16

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li Brutélé hija kooperattiva interkomunali li s-soċji tagħha huma komuni kif ukoll assoċjazzjoni interkomunali li, fiha stess, tiġbor esklużivament komuni. Hija ma taċċettax soċji privati. Il-kunsill ta’ amministrazzjoni tagħha huwa kompost minn rappreżentani tal-komuni (massimu ta’ tlieta għal kull komun) maħtura mill-assemblea ġenerali, li min-naħa tagħha hija komposta minn rappreżentanti tagħhom. Il-kunsill ta’ amministrazzjoni jeżerċita l-poteri l-iktar wiesgħin.

17

Dejjem skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-komuni huma maqsuma f’żewġ setturi, fejn wieħed minnhom jiġbor il-komuni tar-reġjun ta’ Brussell, li min-naħa tagħhom jistgħu jinqasmu f’subsetturi. Fi ħdan kull settur jiġi kkostitwit kunsill tas-settur magħmul minn amministratturi maħturin mill-assemblea ġenerali, miġbura fi gruppi distinti u li jirrappreżentaw persuni li jżommu ishma għal kull settur, fuq preżentazzjoni mill-komuni. Il-kunsill ta’ amministrazzjoni jista’ jiddelega l-poteri li jżomm lil kunsilli tas-settur f’dak li jikkonċerna, minn naħa, il-problemi tas-subsetturi stess, b’mod partikolari l-metodi ta’ applikazzjoni tat-tariffi, il-programm tax-xogħlijiet u investimenti, il-finanzjament tagħhom, il-kampanji pubbliċitarji kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-problemi komuni għad-diversi subsetturi li jikkostitwixxu s-settur ta’ operat. Il-korpi statutarji oħrajn ta’ Brutélé huma l-assemblea ġenerali li d-deċiżjonijiet tagħha huma vinkolanti għas-soċji kollha, id-direttur ġenerali, il-kulleġġ tal-esperti, magħmul minn uffiċjali komunali li n-numru tagħhom huwa daqs dak tal-amministratturi li huma inkarigati li jassistu lil dawn tal-aħħar, u l-kulleġġ tal-kummissarji reviżuri. Id-direttur ġenerali, l-esperti u l-kummissarji huma, skont il-każ, maħturin mill-kunsill ta’ amministrazzjoni jew mill-assemblea ġenerali.

18

Id-deċiżjoni tar-rinviju tippreċiża li, barra minn hekk, Brutélé twettaq l-parti kbira tal-attività tagħha mas-soċji tagħha.

19

Permezz ta’ att ippreżentat fit-22 ta’ Jannar 2001, Coditel ippreżentat rikors quddiem il-Conseil d’État (il-Belġju) intiż, b’mod partikolari, għall-annullament tad-deċiżjoni tat- li permezz tagħha l-Komun ta’ Uccle assoċja ruħu ma’ Brutélé. F’dan il-kuntest, Coditel akkużat lil dan il-komun li huwa kien assoċja ruħu ma’ Brutélé billi kien inkariga lil din tal-aħħar bl-operat tan-netwerk ta’ teledistribuzzjoni tiegħu mingħajr ma qabbel il-vantaġġi ta’ din il-formola ma’ dawk fil-każ ta’ konċessjoni tan-netwerk ta’ teledistribuzzjoni tiegħu li operatur ieħor ikun ippreżenta. Coditel allegat li, billi għamel hekk, il-Komun ta’ Uccle kiser, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u l-obbligu ta’ trasparenza stabbiliti mid-dritt Komunitarju.

20

Brutélé kkontestat din l-allegazzjoni billi sostniet li hija tikkostitwixxi assoċjazzjoni interkomunali “pura” li l-attivitajiet tagħha huma intiżi u rriżervati għall-komuni soċji u li l-istatuti tagħha jippermettu lill-Komun ta’ Uccle, bħala subsettur tal-operat, li jeżerċità kontroll immedjat u preċiż fuq l-attivitajiet ta’ Brutélé f’dan is-subsettur, li huwa identiku għal dak li dan il-komun jeżerċita fuq id-dipartimenti interni tiegħu stess.

21

Il-Conseil d’État jikkunsidra li l-assoċjazzjoni tal-Komun ta’ Uccle ma’ Brutélé ma tikkostitiwixxix kuntratt pubbliku għal servizzi iżda konċessjoni ta’ servizzi pubbliċi skont id-dritt Komunitarju. Id-direttivi Komuntarji fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi mhumiex applikabbli għal tali konċessjoni iżda l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza jimplika obbligu ta’ trasparenza fl-għoti tal-konċessjoni, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita mis-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000, Telaustria u Telefonadress (C-324/98, Ġabra p. I-10745). Sabiex jissodisfa l-eżiġenzi tad-dritt Komunitarju, il-Komun ta’ Uccle kellu, fil-prinċipju, jagħmel sejħa għal offerti sabiex jeżamina jekk il-konċessjoni tas-servizz ta’ teledistribuzzjoni tiegħu lil operaturi ekonomiċi oħra minbarra Brutélé kinitx tikkostitwixxi alternattiva iktar vantaġġjuża minn dik applikata. Il- Conseil d’État jistaqsi jekk dawn ir-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju għandhomx jiġu esklużi skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tirriżulta mis-sentenza tat-, Teckal (C-107/98, Ġabra p. I-8121), u li tipprovdi li dawn mhumiex applikabbli meta entità konċessjonarja taqa’ taħt il-kontroll ta’ awtorità pubblika konċedenti u twettaq l-parti l-kbira tal-attività tagħha ma’ din tal-aħħar.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)

Komun jista’, mingħajr ma jagħmel sejħa għal offerti, jassoċja ruħu ma’ kooperattiva li tiġbor esklużivament flimkien komuni u assoċjazzjonijiet ta’ komuni oħra (assoċjazzjoni interkomunali msejħa “pura”) bil-għan li l-operat tan-netwerk tagħha ta’ teledistribuzzjoni jiġi ttrasferit lilha, meta jaf li l-kooperattiva twettaq il-parti essenzjali tal-attivitajiet tagħha mas-soċji tagħha biss u fl-interessi tagħhom u li d-deċiżjonijiet li jirrigwardawhom jittieħdu mill-kunsill ta’ amministrazzjoni u mill-kunsilli tas-settur, fil-limiti tad-delegi li dan jagħtihom, bħala entitajiet statutarji komposti minn rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi u li jiddeċiedu bil-maġġoranza tagħhom?

2)

Is-setgħat eżerċitati b’dan il-mod, permezz ta’ entitajiet statutorji, mill-kooperaturi kollha, jew minn parti minnhom fil-każ ta’ setturi jew subsetturi tal-operat, fuq id-deċiżjonijiet tal-kooperattiva jistgħu jiġu kkunsidrati tali li permezz tagħhom ikunu jistgħu jeżerċitaw fuq dik il-kooperattiva kontroll analogu għal dak li huma jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess?

3)

Din is-setgħa u dan il-kontroll, sabiex jistgħu jiġu kklassifikati bħala analogi, għandhom jiġu eżerċitati individwalment minn kull soċju jew ikun biżżejjed li jiġu eżerċitati mill-maġġoranza tas-soċji?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

23

Fid-dawl tal-konnessjoni tagħhom, l-ewwel u t-tieni domanda għandhom jiġu eżaminati flimkien.

24

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, billi assoċja ruħu ma’ Brutélé, il-Komun ta’ Uccle assenja l-operat tan-netwerk ta’ teledistribuzzjoni tiegħu lilha. Mid-deċiżjoni jirriżulta wkoll li r-remunerazzjoni ta’ Brutélé ma tingħatax mill-komun, imma minn ħlasijiet li jsiru mill-utenti ta’ dan in-netwerk. Din it-tip ta’ remunerazzjoni jikkaratterizza konċessjoni ta’ servizz pubbliku (sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen, C-458/03, Ġabra p. I-8585, punt 40).

25

Il-kuntratti ta’ konċessjoni ta’ servizzi pubbliċi ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU L 209, p. 1), applikabbli fid-data meta seħħew il-fatti. Minkejja l-fatt li tali kuntratti huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet pubbliċi li jassenjawhom huma marbuta li josservaw ir-regoli fundamentali tat-Trattat KE, il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza u ta’ trattament ugwali kif ukoll tal-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Telaustria u Telefonadress, iċċitati iktar ’il fuq, punti 60 sa 62, u tal-, Coname, C-231/03, Ġabra p. I-7287, punti 16 sa 19). Mingħajr ma neċessarjament jimplika obbligu li ssir sejħa għal offerti, dan l-obbligu ta’ trasparenza jeħtieġ li l-awtorità konċedanti tiggarantixxi, favur kull konċessjonarju potenzjali, livell ta’ pubbliċità xieraq b’tali mod li l-konċessjoni ta’ servizz tkun miftuħa għall-kompetizzjoni u li l-imparzjalità tal-proċeduri ta’ assenjazzjoni tal-konċessjonijiet tkun tista’ tiġi kkontrollata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Telaustria u Telefonadress, punt 62, kif ukoll Coname, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).

26

L-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti fl-Artikoli 12 KE, 43 KE u 49 KE, kif ukoll tal-prinċipji ġenerali li jikkostitwixxu l-espressjoni speċifika tagħhom hija madankollu eskluża jekk, fl-istess ħin, il-kontroll eżerċitat fuq l-entità konċessjonarja mill-awtorità pubblika konċedanti huwa analogu għal dak li din tal-aħħar teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess u jekk din l-entità twettaq il-parti l-kbira tal-attivitajiet tagħha mal-awtorità jew mal-awtoritajiet li jikkontrollawha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Teckal, punt 50, u Parking Brixen, punt 62).

27

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, il-qorti nazzjonali ppreċiżat fid-deċiżjoni ta’ rinviju tagħha li Brutélé twettaq il-parti kbira tal-attivitajiet tagħha mas-soċji tagħha. Għalhekk, għandha tiġi eżaminata l-portata tal-ewwel kundizzjoni, jiġifieri dik li tipprovdi li l-awtorità jew l-awtoritajiet pubbliċi konċedanti għandhom jeżerċitaw fuq l-entità konċessjonarja kontroll analogu għal dak li jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess.

28

Sabiex jiġi evalwat jekk l-awtorità konċedanti teżerċitax fuq l-entità konċessjonarja, kontroll analogu għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi kollha u ċ-ċirkustanzi rilevanti. Minn dan l-eżami għandu jirriżulta li l-entità konċessjonarja inkwistjoni hija suġġetta għal kontroll li jippermetti lill-awtorità pubblika konċedenti li tinfluwenza d-deċiżjonijiet tal-imsemmija entità. Għandu jkun hemm lok għal possibbiltà ta’ influwenza determinanti kemm fuq l-għanijiet strateġiċi kif ukoll fuq id-deċiżjonijiet importanti ta’ din l-entità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Parking Brixen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65, u tal-11 ta’ Mejju 2006, Carbotermo u Consorzio Alisei, C-340/04, Ġabra p. I-4137, punt 36).

29

Fost iċ-ċirkustanzi rilevanti li jidhru fid-deċiżjoni tar-rinviju, għandhom jiġu kkunsidrati, l-ewwel nett, iż-żamma tal-kapital tal-entità aġġudikatriċi, it-tieni nett, il-kompożizzjoni tal-entitajiet ta’ deċiżjoni tagħha u, it-tielet nett, il-firxa tas-setgħat mogħtija lil kunsill ta’ amministrazzjoni tagħha.

30

Fir-rigward tal-ewwel ċirkustanza, għandu jiġi mfakkar li huwa eskluż li awtorità pubblika konċedanti tista’ teżerċita, fuq entità konċessjonarja, kontroll analogu għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess jekk impriża privata għandha sehem mill-kapital ta’ din l-entità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau, C-26/03, Ġabra p. I-1, punt 49).

31

Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza li l-awtorità pubblika konċedanti żżomm, flimkien mal-awtoritajiet pubbliċi l-oħra, il-kapital kollu ta’ kumpannija konċessjonarja timplika, mingħajr ma tkun deċisiva, li din l-awtorità pubblika teżerċita fuq din il-kumpannija kontroll analogu għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess (sentenzi Carbotermo u Consorzio Alisei, iċċitati iktar ’il fuq, punt 37, u tad-19 ta’ April 2007, Asempo, C-295/05, Ġabra p. I-2999, punt 57).

32

Mid-deċiżju tar-rinviju jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, l-entità konċessjonarja hija kooperattiva interkomunali li s-soċji tagħha huma komuni kif ukoll assoċjazzjoni interkomunali li, min-naħa tagħha, tiġbor esklużivament komuni, u li ma taċċettax soċji privati.

33

It-tieni nett, mill-proċess jirriżulta li l-kunsill ta’ amministrazzjoni ta’ Brutélé huwa kompost minn rappreżentanti tal-komuni soċji, maħtura mill-assemblea ġenerali, li min-naħa tagħha hija komposta minn rappreżentanti tal-komuni soċji. Dawn huma maħtura, skont l-Artikolu 12 tal-liġi dwar l-assoċjazzjonijiet interkomunali, mill-kunsill komunali ta’ kull komun minn fost il-kunsillieri, is-sindku u l-viċi sindki tal-komun.

34

Iċ-ċirkustanza li l-entitajiet tad-deċiżjoni ta’ Brutélé huma komposti minn delegati tal-awtoritajiet pubbliċi li huma assoċjati magħha tindika li dawn tal-aħħar imexxu l-entitajiet ta’ deċiżjoni ta’ Brutélé u għalhekk huma f’pożizzjoni li jeżerċitaw influwenza determinanti kemm fuq l-għanijiet strateġiċi kif ukoll fuq id-deċiżjonijiet importanti tagħha.

35

It-tielet nett, mill-proċess jirriżulta li l-kunsill ta’ amministrazzjoni ta’ Brutélé jeżerċità l-poteri l-iktar wiesgħin. Dan jistabbilixxi b’mod partikolari t-tariffi. Barra minn hekk, huwa jista’, iżda mhuwiex obbligat li, jiddelega lill-kunsilli tas-settur jew tas-subsettur ir-reżoluzzjoni ta’ ċerti problemi ta’ dawn is-setturi jew subsetturi.

36

Il-kwistjoni li hija ssollevata hija dwar jekk Brutélé kisbitx minn dan il-fatt aspett tas-suq u marġni ta’ awtonomija li jqiegħdu f’pożizzjoni prekarja l-kontroll eżerċitat mill-awtoritajiet pubbliċi li huma assoċjati magħha.

37

F’dan ir-rigward, għandu jingħad li Brutélé mhijiex kumpannija pubblika jew kumpannija b’responsabbiltà limitata li tista’ ssegwi għanijiet indipendentement mill-azzjonisti tagħha, imma hija inkorporata taħt il-forma ta’ kooperattiva interkomunali rregolata mil-liġi dwar l-assoċjazzjonijiet interkomunali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3 ta’ din il-liġi, l-assoċjazzjonijiet interkomunali m’għandhomx natura kummerċjali.

38

Mill-imsemmija liġi, kompluta mill-istatuti ta’ Brutélé, jidher li l-għan statutorju tagħha huwa t-twettiq tal-għan ta’ interess komunali li nħoloq minħabba l-kompletezza tagħha, u li hija m’għandha ebda interess distint minn dak tal-awtoritajiet pubbliċi li huma assoċjati magħha.

39

Bla ħsara għall-verifika tal-fatti, mill-qorti tar-rinviju, minn dawn jirriżulta li, minkejja l-portata tas-setgħat mogħtija lill-kunsill ta’ amministrazzjoni, Brutélé ma tgawdi minn ebda marġni ta’ awtonomija li teskludi li l-komuni li huma assoċjati magħha jeżerċitaw fuqha kontroll analogu għal dak li huma jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess.

40

Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw a fortiori fil-każ fejn id-deċiżjonijiet marbuta mal-attivitajiet tal-kooperattiva interkomunali jittieħdu mill-kunsilli tas-settur jew tas-subsettur fil-limiti tad-delegi li huma mogħtija lilhom mill-kunsill ta’ amministrazjoni. Fil-fatt, meta waħda jew iktar komuni soċji huma rrikonoxxuti bħala li jikkostitwixxu settur jew subsettur tal-attività ta’ din il-kooperattiva, il-kontroll li dawn il-komuni jistgħu jeżerċitaw fuq il-kwistjonijiet iddelegati lill-kunsill tas-settur jew tas-subsettur huma iktar stretti minn dawk li huma jeżerċitaw mas-soċji kollha fi ħdan l-entitajiet plenarji tal-imsemmija kooperattiva.

41

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju tal-fatti dwar il-marġni ta’ awtonomija li tgawdi l-kooperattiva interkomunali inkwistjoni, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kontroll eżerċitat, permezz ta’ entitajiet statutorji, mill-awtoritajiet pubbliċi assoċjati ma’ tali kooperattiva interkomunali fuq id-deċiżjonijiet meħuda minnha jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jippermettu lill-awtoritajiet li jeżerċitaw fuq din il-kooperattiva, kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess.

42

Konsegwentement, ir-risposti li għandhom jingħataw għall-ewwel u għat-tieni domandi huma li:

L-Artikoli 43 KE u 49 KE, il-prinċipji tal-ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom ma jipprekludux li awtorità pubblika tassenja, mingħajr sejħa għal offerti, konċessjoni tas-servizz pubbliku lil kooperattiva interkomunali li s-soċji kollha tagħha huma awtoritajiet pubbliċi, peress li l-awtoritajiet pubbliċi jeżerċitaw fuq din il-kooperattiva kontroll analogu għal dak li jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess u li l-imsemmija kooperattiva teżerċita l-parti l-kbira tal-attivitajiet tagħha mal-awtoritajiet pubbliċi.

Bla ħsara għall-verifika, mill-qorti tar-rinviju, tal-fatti dwar il-marġni ta’ awtonomija li tgawdi il-kooperattiva inkwistjoni, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn id-deċiżjonijiet relatati mal-attivitajiet ta’ kooperattiva interkomunali miżmuma esklużivament mill-awtoritajiet pubbliċi huma meħuda mill-entitajiet statutorji ta’ din il-kooperattiva komposta minn rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi assoċjati, il-kontroll eżerċitat fuq dawn id-deċiżjonijiet mill-imsemmija awtoritajiet pubbliċi jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jippermetti lil dawn tal-aħħar li jeżerċitaw fuqha kontroll analogu għal dak li huma jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess.

Fuq it-tielet domanda

43

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fil-każ fejn awtorità pubblika tassoċja ruħha ma’ kooperattiva interkomunali li s-soċji kollha tagħha huma awtoritajiet pubbliċi, sabiex tittrasferixxi lilha l-operat ta’ servizz pubbliku, il-kontroll li l-awtoritajiet assoċjati ma’ din il-kooperattiva jeżerċitaw fuqha, għandu, sabiex jitqies bħala analogu għal dak li huma jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess, jiġi eżerċitat individwalment minn kull waħda minn dawn l-awtoritajiet pubbliċi jew jista’ jiġi eżerċitat konġuntament minnhom, filwaqt li jiddeċiedu, skont il-każ, b’maġġoranza.

44

Minn naħa, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta entità konċessjonarja hija miżmuma minn diversi awtoritajiet pubbliċi, il-kundizzjoni dwar il-parti l-kbira tal-attivitajiet ta’ din l-entità tista’ tiġi sodisfatta billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-attività li din l-entità twettaq ma’ dawn l-awtoritajiet kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Carbotermo u Consorzio Alisei, iċċitata iktar ’il fuq, punti 70 u 71; u Asemfo, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

45

Ikun paċifiku mal-argumenti li jissottoskrivu din il-ġurisprudenza jekk jitqies li l-kundizzjoni dwar il-kontroll li jeżerċitaw l-awtoritajiet pubbliċi tista’ wkoll tiġi sodisfatta billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kontroll eżerċitat konġuntament fuq l-entità konċessjonarja mill-awtoritajiet pubbliċi li jikkontrollawha.

46

Il-ġurisprudenza teħtieġ li l-kontroll eżerċitat fuq l-entità konċessjonarja minn awtorità pubblika konċedenti jkun analogu għal dak li din l-awtorità teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess, iżda mhux li jkun identiku għalih f’kull aspett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Parking Brixen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62). Il-kontroll eżerċitat fuq l-entità konċessjonarja għandu jkun effettiv imma mhuwiex indispensabbli li jkun individwali.

47

Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn diversi awtoritajiet pubbliċi jagħżlu li jwettqu l-attivitajiet tagħhom ta’ servizz pubbliku billi jirrikorru għal entità konċessjonarja komuni, huwa normalment eskluż li waħda minn dawn l-awtoritajiet, sakemm ma jkollhiex sehem prinċipali f’din l-entità, teżerċita biss kontroll determinanti fuq id-deċiżjonijiet ta’ din tal-aħħar. L-eżiġenza li l-kontroll eżerċitat minn awtorità pubblika f’każ paragunabbli għandu jkun individwali għandha l-effett li timponi sejħa għal offerti fil-parti l-kbira tal-każijiet fejn awtorità pubblika għandha l-intenzjoni li tassoċja ruħha ma’ grupp kompost minn awtoritajiet pubbliċi oħra, bħal kooperattiva interkomunali.

48

Madankollu, riżultat bħal dan mhuwiex konformi mas-sistema tar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u ta’ konċessjonijiet. Fil-fatt, huwa paċifiku, li hija awtorità pubblika għandha l-possibbiltà li twettaq dmirijiet ta’ interess pubbliku li huma imposti fuqha mill-mezzi amministrattivi, tekniċi jew oħrajn tagħha, mingħajr ma tkun obbligata li tirrikorri għall-entitajiet esterni li mhumiex parti mid-dipartimenti tagħha (sentenza Stadt Halle u RPL Lochau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

49

Din il-possibbiltà għall-awtoritajiet pubbliċi li jirrikorru għall-mezzi tagħhom stess sabiex iwettqu l-attivitajiet tas-servizz pubbliku tagħhom tista’ tiġi eżerċitata inkollaborazzjoni ma’ awtoritajiet pubbliċi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Asemfo, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65).

50

Għalhekk, għandu jingħad li, fil-każ fejn diversi awtoritajiet pubbliċi jikkontrollaw entità konċessjonarja li jafdawha bit-twettiq ta’ waħda mill-attivitajiet tas-servizzi pubbliċi tagħhom, il-kontroll li dawn l-awtoritajiet pubbliċi jeżerċitaw fuq din l-entità jista’ jiġi eżerċitat konġuntament minn dawn tal-aħħar.

51

Fir-rigward ta’ entità kolleġjali, il-proċedura użata għat-teħid ta’ deċiżjonijiet, b’mod partikolari b’maġġoranza, mhijiex rilevanti.

52

Din il-konklużjoni mhijiex ivvalidata mis-sentenza Coname, iċċitata iktar ’il fuq. Ċertament il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, f’din is-sentenza, li sehem ta’ 0.97 % huwa tant żgħir li ma jistax tippermetti lil komun li jeżerċita l-kontroll fuq il-konċessjonarju li jmexxi servizz pubbliku (ara s-sentenza Coname, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24). Madankollu, f’dan il-punt tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ttrattatx il-kwistjoni dwar jekk tali kontroll setax jiġi eżerċitat b’mod konġunt.

53

Għall-bqija, f’sentenza sussegwenti, jiġifieri fis-sentenza Asemfo, iċċitata iktar ’il fuq (punti 56 sa 61), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li f’ċerti ċirkustanzi l-kundizzjoni dwar il-kontroll eżerċitat mill-awtorità pubblika setgħet tiġi sodisfatta fil-każ fejn tali awtorità kienet iżżomm biss 0,25 % tal-kapital ta’ impriża pubblika.

54

Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li, fil-każ fejn awtorità pubblika tassoċja ruħha ma’ kooperattiva interkomunali li s-soċji kollha tagħha huma awtoritajiet pubbliċi, bil-għan li tittrasferixxi lilha l-operat tas-servizz pubbliku, il-kontroll li dawn l-awtoritajiet assoċjati ma’ din il-kooperattiva jeżerċitaw fuqha, jista’, sabiex jitqies bħala analogu għal kontroll li huma jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess, jiġi eżerċitat konġuntament minn dawn l-awtoritajiet, billi jiddeċiedu, skont il-każ, b’maġġoranza.

Fuq l-ispejjeż

55

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 43 KE u 49 KE, il-prinċipji tal-ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom ma jipprekludux li awtorità pubblika tassenja, mingħajr sejħa għal offerti, konċessjoni ta’ servizzi pubbliċi lil kooperattiva interkomunali li s-soċji kollha tagħha huma awtoritajiet pubbliċi, meta dawn l-awtoritajiet pubbliċi jeżerċitaw fuq din il-kooperattiva kontroll analogu għal dak li jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess u meta l-imsemmija kooperattiva teżerċita l-parti l-kbira tal-attivitajiet tagħha ma’ dawn l-awtoritajiet pubbliċi.

 

2)

Bla ħsara għall-verifika, mill-qorti tar-rinviju, tal-fatti dwar il-marġni ta’ awtonomija li tgawdi l-kooperattiva inkwistjoni, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn id-deċiżjonijiet relatati mal-attivitajiet ta’ kooperattiva interkomunali miżmuma esklużivament mill-awtoritajiet pubbliċi huma meħuda mill-entitajiet statutorji ta’ din il-kooperattiva komposti minn rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi assoċjati, il-kontroll eżerċitat fuq dawn id-deċiżjonijiet mill-imsemmija awtoritajiet pubbliċi jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jippermetti lil dawn tal-aħħar li jeżerċitaw fuqha kontroll analogu għal dak li huma jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess.

 

3)

Fil-każ fejn awtorità pubblika tassoċja ruħha ma’ kooperattiva interkomunali li s-soċji kollha tagħha huma awtoritajiet pubbliċi, bil-għan li tittrasferixxi lilha l-operat tas-servizz pubbliku, il-kontroll li dawn l-awtoritajiet assoċjati ma’ din il-kooperattiva jeżerċitaw fuqha, jista’, sabiex jitqies bħala analogu għal kontroll li huma jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess, jiġi eżerċitat konġuntament minn dawn l-awtoritajiet, billi jiddeċiedu, skont il-każ, b’maġġoranza.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.