Sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) tat‑23 ta’ April 2009 – Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju

(Kawża C‑292/07)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/18/KE – Proċeduri għall‑għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Traspożizzjoni inkorretta jew inkompleta – Nuqqas ta’ traspożizzjoni fit‑terminu previst”

1.                     Atti tal‑istituzzjonijiet – Direttivi – Implementazzjoni mill‑Istati Membri (it‑tielet paragrafu tal‑Artikolu 249 KE; Direttiva tal‑Kunsill 2004/18) (ara l‑punti 68‑70, 120, 122)

2.                     Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Eżami tal‑mertu mill‑Qorti tal‑Ġustizzja – Sitwazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni – Sitwazzjoni fl‑iskadenza tat‑terminu stabbilit mill‑opinjoni motivata (Artikolu 226 KE) (ara l‑punti 100, 155, 166)

Suġġett

Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Nuqqas li jadotta, fit‑terminu previst, id‑dispożizzjonijiet kollha neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad‑Direttiva 2004/18/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tal‑31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall‑għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p.132).

Dispożittiv

1)

Billi ma adottax il‑liġijiet, ir‑regolamenti u d‑dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jittrasponi, jew sabiex jittrasponi b’mod komplet u/jew korrett, l‑Artikolu 1(2)(b), moqri flimkien mal‑Anness I, kif ukoll it‑tieni sentenza tal‑Artikolu 9(1), u l‑Artikolu 9(8)(a)(i) u (iii), l‑Artikolu 23(2), l‑Artikolu 30(2) sa (4), l‑Artikolu 31(1)(ċ), l‑Artikolu 38(1), il‑punt (d) tal‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 43, it‑tieni subparagrafu tal‑Artikolu 44(2), l‑Artikolu 44(3) u (4), l‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 46, l‑Artikolu 48(2)(f), il‑punti (d) u (e) tat‑tieni subparagrafu tal‑Artikolu 55(1), l‑Artikolu 55(3), it‑tieni u t‑tielet subparagrafi tal‑Artikolu 67(2), l‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 68(a), l‑Artikolu 72 u l‑Artikolu 74(1) tad‑Direttiva 2004/18/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tal‑31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall‑għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] kif emendata bir‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 2083/2005, tad‑19 ta’ Diċembru 2005, ir‑Renju tal‑Belġju naqas milli jwettaq l‑obbligi tiegħu taħt din id‑direttiva.

2)

Il‑kumplament tar‑rikors huwa miċħud.

3)

Ir‑Renju tal‑Belġju huwa kkundannat għall‑ispejjeż.