SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

23 ta’ April 2009 ( *1 )

“Direttiva 2005/29/KE — Prattiki kummerċjali żleali — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-offerti konġunti lil konsumaturi”

Fil-Kawżi magħquda C-261/07 u C-299/07

li għandha bħala suġġett talba għal rikors preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, ippreżentata mir-rechtbank van koophandel te Antwerpen (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-24 ta’ Mejju u tal-21 ta’ Ġunju 2007, li waslu l-Qorti tal-Ġustizzja fil-1 u fis-27 ta’ Ġunju 2007 rispettivament, fil-kawżi

VTB-VAB NV (C-261/07)

vs

Total Belgium NV,

u

Galatea BVBA (C-299/07)

vs

Sanoma Magazines Belgium NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), A. Borg Barthet, E. Levits u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal VTB-VAB NV, minn L. Eliaerts u B. Gregoir, avocaten,

għal Total Belgium NV, minn J. Stuyck, avocaat,

għal Sanoma Magazines Belgium NV, minn P. Maeyaert, avocaat,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u T. Materne, bħala aġenti, assistiti minn E. Balate, avukat,

għall-Gvern Spanjol, minn M. Muñoz Pérez, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u R. Loosli-Surrans, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Wils, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Ottubru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 KE u tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi [prattiki] kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 2006/2004 (Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, p. 22, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

2

Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, VTB-VAB NV (iktar ’il quddiem “VTB”) u Total Belgium NV (iktar ’il quddiem “Total Belgium”) u, min-naħa l-oħra, Galatea BVBA (iktar ’il quddiem “Galatea”) u Sanoma Magazines Belgium NV (iktar ’il quddiem “Sanoma”) dwar prattiki kummerċjali ta’ Total Belgium u ta’ Sanoma meqjusa li huma żleali minn VTB kif ukoll minn Galatea.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Il-premessi 5, 11 u 19 tad-Direttiva jipprovdu:

“(5)

[…] l-ostakli għall-moviment liberu transkonfinali tas-servizzi u tal-merkanzija jew għal-libertà ta’ stabbiliment […] għandhom jiġu eliminati. Dawn jistgħu jiġu eliminati biss bl-istabbiliment ta’ regoli uniformi fil-livell Komunitarju li jistabbilixxu livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u billi jiġu ċċarati ċerti kunċetti legali fil-livell Komunitarju safejn ikun meħtieġ għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern u sabiex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali.

(6)

Din id-Direttiva għalhekk tapprossima l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar pratti[k]i kummerċjali żleali, inkluż ir-reklamar żleali, li jagħmel ħsara b’mod dirett lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi u b’hekk jagħmel ħsara b’mod indirett lill-interessi ekonomiċi tal-kompetituri leġittimi. […]

(11)

Il-livell għoli ta’ konverġenza milħuq mill-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali permezz ta’ din id-Direttiva joħloq livell komuni għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur. Din id-Direttiva tistabbilixxi projbizzjoni ġenerali waħda għal dawk il-pratti[k]i kummerċjali żleali li joħolqu distorsjoni fl-imġieba ekonomika tal-konsumaturi. Tistabbilixxi wkoll regoli dwar pratti[k]i kummerċjali aggressivi, li mhumiex attwalment regolati fil-livell Komunitarju.

(17)

Hu kunsiljabbli li dawk il-pratti[k]i kummerċjali li huma f’kull ċirkustanza żleali għandhom jiġu identifikati sabiex tiġi provduta ċertezza legali akbar. L-Anness I għalhekk fih lista sħiħa ta’ dawn il-pratti[k]i kollha. Dawn huma biss il-pratti[k]i kummerċjali li jistgħu jiġu meqjusa żleali, mingħajr l-eżami ta’ kull każ għalih fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 sa 9. Il-lista tista’ tiġi modifikata biss b’reviżjoni tad-Direttiva.”

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva jiddisponi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar pratti[k]i kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.”

5

L-Artikolu 2 tad-Direttiva jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

d)

‘prattiċi [prattiki] kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur’ (minn hawn ’il quddiem imsejħa “prattiċi [prattiki] kummerċjali”) tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi;

[…]”

6

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva jiddisponi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi [prattiki] kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott”

7

Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva:

“L-Istati Membri la għandhom irażżnu l-libertà tal-provvista tas-servizzi u lanqas għandhom irażżnu l-moviment liberu ta’ merkanzija għal raġunijiet li jaqgħu fil-qasam approssimat minn din id-Direttiva.”

8

L-Artikolu 5 tad-Direttiva intitolat “Il-Projbizzjoni ta’ Prattiċi [prattiki] Kummerċjali Żleali” jipprovdi:

“1.   Il-prattiċi [prattiki] kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.

2.   Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:

a)

hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali,

u

b)

toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.

3.   Prattiċi kummerċjali li x’aktarx joħolqu distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika biss ta’ grupp identifikabbli b’mod ċar ta’ konsumaturi li huma partikolarment vulnerabbli għall-prattika jew għall-prodott li għalih din tirriferi minħabba l-mard mentali jew fiżiku, l-età jew il-kredulità tagħhom b’mod li l-kummerċjant jista’ raġonevolment ikun mistenni li jipprevedi, għandhom jiġu eżaminati mill-perspettiva ta’ membru medju ta’ dak il-grupp. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-prattika komuni u leġittima ta’ reklamar ta’ stqarrijiet eżaġerati jew stqarrijiet li mhumiex intiżi sabiex jittieħdu litteralment.

4.   B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li:

a)

jqarrqu kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 7,

jew

b)

jkunu aggressivi kif stabbilit fl-Artikoli 8 u 9.

5.   Fl-Anness I hemm lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva.”

9

L-Artikolu 6 tad-Direttiva, intitolat “L-Azzjonijiet Qarrieqa” jiddisponi:

“1.   Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa jekk ikun fiha tagħrif falz u għalhekk ma tkunx tikkorrispondi għall-verità, jew li b’xi mod, anki bil-preżentazzjoni totali tagħha, tqarraq bil-konsumatur medju, anke jekk it-tagħrif ikun korrett fattwalment, fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-elementi li ġejjin, u li f’kull każ iġġiegħlu jew x’aktarx iġġiegħlu jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra:

a)

l-eżistenza jew in-natura tal-prodott;

b)

il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, bħad-disponibbiltà, il-benefiċċji, ir-riskji, l-eżekuzzjoni, il-kompożizzjoni, l-aċċessorji, l-assistenza ta’ wara l-bejgħ għall-konsumatur u t-trattament ta’ ilmenti, il-metodi u d-data ta’ manifattura jew tal-provvista, il-kunsinna, l-idoneità għall-għan, l-użu, il-kwantità, l-ispeċifikazzjoni, l-oriġini ġeografika jew kummerċjali jew ir-riżultati li wieħed jistenna mill-użu tiegħu, jew ir-riżultati u l-karatteristiċi importanti ta’ eżamijiet jew kontrolli magħmula tal-prodott;

ċ)

il-firxa ta’ l-impenji min-naħa tal-kummerċjant, l-għanijiet għall-prattika kummerċjali u n-natura tal-proċess tal-bejgħ, kwalunkwe stqarrija jew simbolu fir-rigward ta’ sponsorizzazzjoni diretta jew indiretta jew approvazzjoni tal-kummerċjant jew tal-prodott;

d)

il-prezz jew il-mod kif il-prezz huwa kalkolat, jew l-eżistenza ta’ vantaġġ speċifiku fil-prezz;

e)

il-bżonn ta’ servizz, parti, sostituzzjoni jew tiswija;

f)

in-natura, l-attributi u d-drittijiet tal-kummerċjant jew ta’ l-aġent tiegħu, bħall-identità u l-assi tiegħu, il-kwalifiki, l-istatus, l-approvazzjoni, l-affiljazzjoni jew il-konnessjonijiet tiegħu u d-drittijiet tiegħu fuq proprjetà industrijali, kummerċjali jew intellettwali jew il-premji li ngħata u r-rikonoxximenti mogħtija lilu;

g)

id-drittijiet tal-konsumatur, inkluż id-dritt ta’ tibdil jew rimborż taħt id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223)], u r-riskji li jista’ jiffaċċa.

2.   Prattika kummerċjali għandha wkoll titqies bħala qarrieqa jekk, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha, hija tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra, u tinvolvi:

a)

kwalunkwe kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott, inkluż reklamar komparattiv, li joħloq konfużjoni bejn kwalunkwe prodotti, trade marks, ismijiet kummerċjali u marki oħrajn distintivi ta’ kompetitur;

b)

nuqqas ta’ konformità mill-kummerċjant ma’ l-impenji kontenuti f’dawk il-kodiċijiet ta’ kondotta li fuqhom il-kummerċjant impenja ruħu li jirregola lilu nnifsu, fejn:

i)

l-impenn mhux wieħed li jaspira iżda huwa sod u li jista’ jiġi verifikat,

u

ii)

il-kummerċjant jindika fi prattika kummerċjali li huwa marbut mill-kodiċi.”

10

L-Artikolu 7 tad-Direttiva intitolat “L-Ommissjonijiet Qarrieqa” jipprovdi:

“1.   Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa meta, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali informata u għaldaqstant tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.

2.   Prattika kummerċjali għandha titqies ukoll bħala ommissjoni qarrieqa meta kummerċjant jaħbi jew jipprovdi b’manjiera mhux ċara, mhux intelliġibbli, ambigwa u/jew mhux f’waqtha, dak it-tagħrif importanti msemmi fil-paragrafu 1, b’kont meħud tal-kwistjonijiet deskritti f’dak il-paragrafu, jew jonqos milli jidentifika l-intenzjoni kummerċjali wara l-prattika kummerċjali jekk din ma tkunx diġà apparenti mill-kuntest u fejn, fi kwalunkwe każ, din tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.

3.   Fejn il-mezz użat għall-komunikazzjoni tal-prattika kummerċjali jimponi limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ żmien, għandu jittieħed kont ta’ dawn il-limitazzjonijiet u ta’ kwalunkwe miżuri meħuda mill-kummerċjant sabiex jagħmel it-tagħrif disponibbli għall-konsumaturi permezz ta’ mezzi oħra meta jiġi deċiż jekk xi tagħrif ġiex imħolli barra.

4.   F’każ ta’ stedina għax-xiri, it-tagħrif li ġej għandu jitqies bħala importanti, jekk ma jkunx diġà apparenti mill-kuntest:

a)

il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, safejn xieraq għall-mezz u l-prodott;

b)

l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant, bħall-isem kummerċjali tiegħu u, fejn ikun applikabbli, l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant li f’ismu qiegħed jaġixxi;

ċ)

il-prezz inklużi t-taxxi, jew fejn in-natura tal-prodott tfisser li l-prezz ma jistax b’mod raġonevoli jiġi kalkolat minn qabel, il-mod li bih il-prezz hu kalkolat, kif ukoll, fejn ikun xieraq, kull ammont ta’ ħlas addizzjonali għat-trasport ta’ merkanzija, ħlas ta’ kunsinna jew ħlas postali jew, fejn dawn l-ammonti ta’ ħlas ma jistgħux jiġu raġonevolment kalkolati minn qabel, il-fatt li tali ammonti ta’ ħlas addizzjonali jistgħu jkunu dovuti;

d)

l-arranġamenti għall-ħlas, kunsinna, eżekuzzjoni u għat-trattament ta’ l-ilmenti, jekk dawn ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali;

e)

għal prodotti u tranżazzjonijiet li jinvolvu d-dritt ta’ rtirar jew ta’ kanċellazzjoni, l-eżistenza ta’ dan id-dritt.

5.   Ir-rekwiżiti ta’ tagħrif stabbiliti mill-liġi Komunitarja fir-rigward ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali inklużi r-reklamar jew il-kummerċjalizzazzjoni li jinsabu f’lista mhux eżawrjenti fl-Anness II, għandhom jitqiesu bħala importanti.”

11

L-Artikolu 8 tad-Direttiva intitolat “Il-Prattiċi [prattiki] Kummerċjali Aggressivi”, jipprovdi:

“Prattika kummerċjali għandha titqies bħala aggressiva jekk, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha, permezz ta’ fastidju, kostrizzjoni, inkluż l-użu tal-forza fiżika, jew ta’ influwenza mhux xierqa, tfixkel b’mod sinifikanti jew x’aktarx tfixkel konsiderevolment il-libertà ta’ l-għażla jew l-imġieba tal-konsumatur medju fir-rigward tal-prodott u b’hekk tikkawża jew x’aktarx tikkawża li huwa jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.”

12

L-Artikolu 9 tad-Direttiva intitolat “L-Użu ta’ Fastidju, Kostrizzjoni u Influwenza Mhux Xierqa”, huwa miktub hekk:

“Fid-determinazzjoni jekk prattika kummerċjali tużax il-fastidju, il-kostrizzjoni, inkluż l-użu tal-forza fiżika, jew l-influwenza mhux xierqa, għandu jittieħed kont ta’ dawn li ġejjin:

a)

iż-żmien, il-lok, in-natura u l-persistenza tagħha;

b)

l-użu tal-lingwaġġ użat jew l-imġieba ta’ theddid jew abbużiv;

ċ)

l-isfruttament mill-kummerċjant ta’ kwalunkwe sfortuna jew ċirkostanza speċifika ta’ tali gravità li tfixkel il-ġudizzju tal-konsumatur, li biha l-kummerċjant ikun jaf, sabiex jinfluwenza d-deċiżjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-prodott;

d)

kwalunkwe ostakli mhux kontrattwali, onerużi jew sproporzjonati imposti mill-kummerċjant fejn konsumatur ikun jixtieq jeżerċita xi drittijiet mogħtija fil-kuntratt, inklużi d-drittijiet tat-tħassir tal-kuntratt jew tal-bidla għal prodott ieħor jew għal kummerċjant ieħor;

e)

kwalunkwe theddida li tiġi meħuda, kwalunkwe azzjoni li legalment ma tistax tittieħed.”

13

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa 12 ta’ Ġunju 2007. […]

Għandhom japplikaw dawk il-miżuri sa 12 ta’ Diċembru 2007. […]”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

14

L-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana tal-14 ta’ Lulju 1991 dwar il-prattiki kummerċjali u dwar l-informazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur (Moniteur belge tad-29 ta’ Awwissu 1991, iktar ’il quddiem il-“liġi tal-1991”) jipprovdi dan li ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, ikun hemm offerta konġunta meta l-akkwist, bi flus jew bla ħlas, ta’ prodotti, servizzi, jew ta’ kwalunkwe benefiċċju ieħor, jew ta’ titoli li jippermettu li jinkisbu l-imsemmija, huwa marbut mal-akkwist ta’ prodotti jew servizzi oħrajn, anki jekk ikunu identiċi.

Ħlief fil-każ tad-derogi speċifikati hawn isfel, kull offerta konġunta lil konsumatur magħmula minn bejjiegħ hija pprojbita. Hija wkoll ipprojbita kull offerta konġunta lill-konsumatur minn diversi bejjiegħa li li jkunu qed jaġixxu bi skop komuni.”

15

L-Artikoli 55 sa 57 tal-liġi tal-1991 fihom ċerti derogi għal din il-projbizzjoni.

16

L-Artikolu 55 tal-liġi tal-1991 jiddisponi:

“Jistgħu jiġu offruti b’mod konġunt u bi prezz globali:

1.

prodotti jew servizzi li jikkostitwixxu ħaġa sħiħa;

Ir-Re jista’, fuq proposta tal-Ministri kompetenti u tal-Ministru tal-Finanzi, jindika s-servizzi offerti fis-settur finanzjarju li jikkostitwixxu ħaġa sħiħa;

2.

prodotti jew servizzi identiċi, sakemm:

a)

kull prodott u kull servizz ikun jista’ jiġi akkwistat separatament, mill-istess ħanut, bi prezz normali;

b

ix-xerrej jingħata informazzjoni ċara dwar din il-possibbiltà u dwar il-prezz individwali ta’ kull prodott u ta’ kull servizz;

ċ)

l-iskont li eventwalment jingħata lil min jakkwista l-prodotti jew is-servizzi flimkien, ma jkunx ta’ iktar minn terz tas-somma tal-prezzijiet individwali.”.

17

L-Artikolu 56 tal-Liġi Belġjana jipprovdi dan li ġej:

“Jistgħu jiġu offruti bla ħlas, flimkien ma’ prodott jew ma’ servizz prinċipali:

1.

l-aċċessorji ta’ prodott prinċipali, li l-produttur tal-prodott ikun adatta b’mod speċifiku għal dak il-prodott u li jiġu pprovduti flimkien mal-prodott sabiex jiġi estiż jew iffaċilitat l-użu tiegħu;

2.

l-ippakkjar jew ir-reċipjenti użati għall-protezzjoni jew il-preparazzjoni tas-suq tal-prodotti, fid-dawl tan-natura ta’ dawn il-prodotti;

3.

prodotti u servizzi ċkejknin meqjusa normali fil-kummerċ, kif ukoll it-trasport, l-istallazzjoni, il-kontroll u l-manutenzjoni tal-prodotti mibjugħa;

4.

kampjuni mill-gamma tal-prodotti mill-manifattur jew il-fornitur tal-prodott prinċipali, sakemm jiġu offruti fi kwantità jew f’dimensjonijiet strettament meħtieġa għal evalwazzjoni tal-karatteristiċi tal-prodott;

5.

ritratti bil-kulur, stampi li jeħlu u immaġnijiet oħrajn ta’ valur kummerċjali minimu;

6.

biljetti għal parteċipazzjoni f’lotteriji legalment awtorizzati;

7.

affarijiet b’kitbiet pubbliċitarji li ma jistgħux jitħassru u li jidhru b’mod ċar, li mhumiex għall-kummerċ bħala tali, sakemm il-prezz ta’ produzzjoni tagħhom imħallas mill-bejjiegħ ma jkunx ta’ iktar minn 5% mill-prezz tal-bejgħ tal-prodott jew tas-servizz prinċipali li jitqassmu miegħu.”

18

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 57 tal-liġi tal-1991 jiprovdi:

“Jistgħu jiġu offruti wkoll bla ħlas, flimkien ma’ prodott jew ma’ servizz prinċipali:

1.

titoli li jippermettu l-akkwist ta’ prodott jew servizz identiku, sakemm it-tnaqqis fil-prezz li jirriżulta minn dan l-akkwist mhuwiex iktar mill-perċentwali stabbilita fl-Artikolu 55(2);

2.

titoli li jippermettu l-akkwist ta’ wieħed mill-vantaġġi previsti fl-Artikolu 56(5) u (6);

3.

titoli li jagħtu d-dritt esklużiv għal restituzzjoni fi flus, bil-kundizzjoni:

a)

li jsemmu l-valur fi flus li jirrappreżentaw;

b)

li, fl-istabbilimenti ta’ bejgħ ta’ prodotti jew ta’ provvista ta’ servizzi, ir-rata jew l-importanza tar-restrizzjoni offerta jkunu indikati b’mod ċar, bl-istess mod bħall-prodotti jew is-servizzi li l-akkwist tagħhom jagħti d-dritt għall-ksib ta’ titoli;

4.

titoli li jikkonsistu f’dokumenti li jagħtu dritt, wara l-akkwist ta’ ċertu numru ta’ prodotti jew ta’ servizzi, għall-offerta bla ħlas jew għall-prezz imraħħas waqt l-akkwist tal-prodott jew ta’ servizz simili, sa fejn dan il-vantaġġ jingħata mill-istess bejjiegħ u ma jeċċedix terz tal-prezz tal-prodotti jew servizzi akkwistati preċedentement.

It-titoli għandhom isemmu l-limitu eventwali tat-terminu ta’ validità tagħhom, kif ukoll il-modalitajiet tal-offerta.

Meta l-bejjiegħ iwaqqaf l-offerta tiegħu, il-konsumatur għandu jibbenifika mill-vantaġġ offert pro rata tal-akkwisti preċedentement imwettqa.”

19

Fil-5 ta’ Ġunju 2007, ir-Renju tal-Belġju adotta l-Liġi li temenda l-Liġi tal-14 ta’ Lulju 1991 dwar il-prattiki kummerċjali u dwar l-informazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumaturi (Moniteur Belge tal-21 ta’ Ġunju 2007, Nru. 189, p. 34272, iktar ’il quddiem il-“liġi tal-5 ta’ Ġunju 2007”) li, skont l-Artikolu 1 tagħha, tittrasponi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

Kawża C-261/07

20

Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, mill-15 ta’ Jannar 2007, Total Belgium, sussidjarja tal-grupp Total li l-attività prinċipali tagħha hija l-bejgħ tal-karburanti f’pompi tal-petrol, bdiet toffri lill-konsumaturi, li jkollhom il-karta Total Club, tliet ġimgħat bla ħlas ta’ servizz ta’ assistenza fit-triq, kull darba li konsumatur jieħu mill-inqas 25 litru ta’ karburant għal karozza jew mill-inqas 10 litri għal mutur.

21

Fil-5 ta’ Frar 2007, VTB, kumpannija attiva fis-servizz ta’ assistenza fit-triq talbet lir-rechtbank van koophandel te Antwerpen tordna lil Total Belgium biex twaqqaf din il-prattika kummerċjali, peress li din tikkostitwixxi offerta konġunta projbita mill-Artikolu 54 tal-liġi tal-1991.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank van koophandel te Antwerpen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-Direttiva […] tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 54 tal-liġi [tal-1991] li — b’eċċezzjoni tal-każijiet speċifikament stipulati fil-liġi — tipprojbixxi kull offerta konġunta magħmula bejjiegħ lil konsumatur, inkluża l-offerta konġunta ta’ prodott, li l-konsumatur għandu jixtri kif ukoll ta’ servizz b’xejn, li t-tgawdija tagħha hija marbuta max-xiri tal-prodott, mingħajr kunsiderazzjoni għaċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari mingħajr kunsiderazzjoni tal-influwenza li l-offerta konkreta jista’ jkollha fuq il-konsumatur medju u minkejja l-kwistjoni dwar jekk fiċ-ċirkustanzi konkreti, din l-offerta tistax tiġi kkunsidrata li tmur kontra l-obbligi ta’ diliġenza professjonali jew kontra l-prattiki onesti kummerċjali?”

Kawża C-299/07

23

Is-suġġett tal-kawża prinċipali hija kawża bejn Galatea, kumpannija li tmexxi negozju ta’ ħwejjeġ ta’ taħt f’Schoten (il-Belġju) u Sanoma, kumpannija sussidjarja tal-Grupp Finlandiż Sanoma, editriċi ta’ diversi rivisti, fosthom ir-rivista ta’ kull ġimgħa Flair.

24

Il-ħarġa tat-13 ta’ Marzu 2007 ta’ Flair kien jinkludi voucher, validu bejn it-13 ta’ Marzu 2007 u l-15 ta’ Mejju 2007, li kien jagħti dritt għal skont ta’ bejn il-15% u l-25% fuq diversi prodotti mibjugħa f’diversi ħwienet tal-ħwejjeġ ta’ taħt fir-Reġjun Fjamming.

25

Fit-22 ta’ Marzu 2007, Galatea ressqet quddiem ir-Rechtbank van koophandel te Antwerpen att ta’ inibizzjoni biex titwaqqaf din il-prattika kummerċjali, billi sostniet li din kienet tikser, b’mod partikolari, l-Artikolu 54 tal-liġi tal-1991.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank van koophandel te Antwerpen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 49 KE fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif ukoll id-direttiva […], jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 54 tal-liġi [tal-1991], li — bl-eċċezzjoni tal-każijiet espliċitament indikati fil-liġi — tipprojbixxi kull offerta konġunta minn bejjiegħ lil konsumatur, skont liema offerta l-akkwist b’xejn jew bi ħlas ta’ prodotti, servizzi, benefiċċji jew intitolamenti sabiex dawn jinkisbu jkunu marbutin mal-akkwist ta’ prodotti oħra jew servizzi, anki identiċi, mingħajr kunsiderazzjoni għaċ-ċirkustanzi tal-każ, u b’mod partikolari mingħajr kunsiderazzjoni tal-influwenza li l-offerta konkreta jista’ jkollha fuq il-konsumatur medju kif ukoll tal-fatt jekk it-tali offerta fiċ-ċirkustanzi konkreti tistax tiġi kkunsidrata li tmur kontra l-obbligi ta’ diliġenza professjonali u tal-użanzi stabbiliti ta’ lealtà kummerċjali?”

27

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Awwissu 2007, il-Kawżi C-261/07 u C-299/07 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

28

Permezz taż-żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 54 tal-liġi tal-1991, li, ħlief għal ċerti eċċezzjonijiet, u mingħajr kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ in kwistjoni, tistabbilixxi prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ offerti konġunti magħmula minn bejjiegħ lil konsumatur.

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża C-261/07

29

VTB tikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, peress li din tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ direttiva li t-terminu għat-traspożizzjoni tagħha, iffissat fit-12 ta’ Diċembru 2007, kien għadu ma skadiex fid-data li fiha ngħatat id-deċiżjoni tar-rinviju, jiġifieri fl-24 ta’ Mejju 2007.

30

Għall-istess raġuni, minkejja li ma jikkontestawx espliċitament l-ammissibbiltà, il-Gvernijiet tal-Belġju u ta’ Spanja jqisu li d-Direttiva mhijiex applikabbli fil-kawża prinċipali. B’mod partikolari, skont il-Gvern Spanjol, dispożizzjoni nazzjonali ma tistax tiġi ddikjarata inapplikabbli minn qorti minħabba ksur ta’ direttiva qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tagħha.

31

Madankollu, dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.

32

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali kif prevista fl-Artikolu 234 KE, huma l-qrati nazzjonali, li quddiemhom tressqet il-kawża u li għandhom jassumu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandhom jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari biex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi mressqa mill-qrati nazzjonali jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 38; tat-22 ta’ Mejju 2003, Korhonen et, C-18/01, Ġabra p. I-5321, punt 19, kif ukoll tad-19 ta’ April 2007, Asemfo, C-295/05, Ġabra p. I-2999, punt 30

33

Minn dan isegwi li l-preżunzjoni ta’ rilevanza li hija marbuta mad-domandi preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali tista’ tiġi eskluża f’każijiet eċċezzjonali biss u, b’mod partikolari, meta jkun manifestament ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju kkunsidrati f’dawn id-domandi ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 61, kif ukoll tal-1 ta’ April 2008, Gouvernement de la Communauté française et gouvernement wallon, C-212/06, Ġabra p. I-1683, punt 29).

34

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li ma jidhirx b’mod manifest li d-domanda preliminari preżenti hija nieqsa minn rilevanza fir-rigward tad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tagħti.

35

Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza li jistgħu jiġu kkunsidrati li jaqgħu, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ direttiva, mhux biss id-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-għan espress tagħhom huwa li jittrasponu l-imsemmija direttiva, iżda wkoll, sa mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, id-dispożizzjonijiet nazzjonali preeżistenti li jistgħu jiżguraw il-konformità tad-dritt nazzjonali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Cordero Alonso, C-81/05, Ġabra p. I-7569, punt 29).

36

Issa, filwaqt li huwa minnu, fil-kawża prinċipali, li l-liġi tal-5 ta’ Ġunju 2007 li timmodifika l-liġi tal-1991 u li hija intiża formalment għat-traspożizzjoni tad-Direttiva seħħet wara l-fatti li seħħew fil-kawża prinċipali u l-adozzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, xorta jibqa’ l-fatt li, kif jirriżulta wkoll minn din id-deċiżjoni u kif irrikonoxxa l-Gvern Belġjan waqt is-seduta, id-dispożizzjonijiet ikkontestati li jinsabu fl-Artikoli 54 sa 57 tal-liġi tal-1991, jiġifieri dawk li jimponu projbizzjoni ġenerali għall-offerti konġunti u li jipprovdu ċerti eċċezzjonijiet minn dan il-prinċiju, la tħassru u lanqas ġew emendati bil-liġi tal-5 ta’ Ġunju 2007.

37

Fi kliem ieħor, kemm fil-mument tal-fatti fil-kawża prinċipali kif ukoll meta saret l-adozzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, dawn id-dispożizzjonijiet li kienu jeżistu qabel kienu kkunsidrati mill-awtoritajiet nazzjonali li jistgħu jiżguraw it-traspożizzjoni tad-Direttiva mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, jiġifieri mit-12 ta’ Ġunju 2005, u li, għaldaqstant, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

38

Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, f’kull każ, matul it-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, l-Istati Membri destinatarji tagħha ma għandhomx jadottaw dispożizzjonijiet li serjament jikkompromettu l-kisba tar-riżultat li jrid jintlaħaq minn din id-direttiva (sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie, C-129/96, Ġabra p. I-7411, punt 45; tat-8 ta’ Mejju 2003, ATRAL, C-14/02, Ġabra p. I-4431, punt 58, u tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold, C-144/04, Ġabra p. I-9981, punt 67).

39

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità tippreċiża li tali obbligu ta’ astensjoni huwa impost fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri kkonċernati, inklużi l-qrati nazzjonali. Għaldaqstant, mid-data li fiha direttiva tidħol fis-seħħ, il-qrati tal-Istati Membri għandhom jastjenu sa fejn huwa possibbli milli jinterpretaw id-dritt intern b’mod li jirriskja li jikkomprometti serjament, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, il-kisba tal-għan imfittex minn din id-Direttiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C-212/04, Ġabra p. I-6057, punti 122 u 123).

40

Fil-każ fejn id-direttiva kienet diġà daħlet fis-seħħ fil-mument tal-fatti fil-kawża prinċipali, l-interpretazzjoni mitluba mir-rechtbank van koophandel te Antwerpen, li tirrigwarda d-dispożizzjonijiet ċentrali tad-direttiva, għandha tiġi kkunsidrata bħala utli għall-qorti tar-rinviju sa fejn tippermettilha tiddeċiedi l-kawża mressqa quddiemha billi tikkonforma mal-imsemmi obbligu ta’ astensjoni.

41

Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, għandu jiġi kkunsidrat li t-talba għal deċiżjoni preliminari ppreżentata mill-qorti tar-rinviju fil-kawża C-261/07 hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

42

Total Belgium, Sanoma, il-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej iqisu li d-direttiva tipprekludi projbizzjoni ta’ offerti konġunti bħal dik ipprovduta mill-Artikolu 54 tal-liġi tal-1991.

43

F’dan ir-rigward, Total Belgium, Sanoma u l-Kummissjoni jsostnu li l-offerti konġunti jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “prattiki kummerċjali” fis-sens tad-direttiva. Issa, peress li din tal-aħħar tipproċedi għal armonizzazzjoni totali fir-rigward tal-prattiki kummerċjali żleali, l-uniċi prattiki li jistgħu jiġu pprojbiti “f’kull ċirkustanza” mill-Istati Membri huma, skont l-Artikolu 5(5) tad-direttiva, dawk li jissemmew fl-Anness I tad-Direttiva. Peress li l-offerti konġunti mhumiex previsti minn dan l-anness, ma jistgħux għaldaqstant, jiġu pprojbiti bħala tali, iżda jistgħu jiġu pprojbiti biss meta, b’rigward tal-elementi speċifiċi tal-kawża preżenti, il-qorti tikkonstata li l-kundizzjonijiet imposti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva huma sodisfatti. Konsegwentement, kif isostni wkoll il-Gvern Portugiż, projbizzjoni tal-prinċipju tal-offerti konġunti, kif stabbilita fl-Artikolu 54 tal-liġi tal-1991, tkun kuntrarja għad-Direttiva.

44

VTB kif ukoll l-Gvernijiet Belġjan u Franċiż għandhom opinjoni differenti u essenzjalment isostnu li l-offerti konġunti ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “prattika kummerċjali” fis-sens tad-Direttiva u, għaldaqstant, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

45

F’dan ir-rigward, il-Gvern Belġjan jippreċiża li l-offerti konġunti huma relatati mal-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-bejgħ fis-suq intern (ĠU 2002, C 75, p.11), li jqis l-offerti konġunti b’mod differenti mill-prattiki kummerċjali li huma s-suġġett tad-Direttiva. Madankollu, peress li din il-proposta ġiet irtirata biss fl-2006, l-awtoritajiet Belġjani, ġustament, qiesu li l-offerti konġunti ma kinux “prattiki kummerċjali”. Konsegwentement, il-leġiżlatur Belġjan, mat-traspożizzjoni tad-Direttiva, ma qiesx li kellu jemenda l-Artikolu 54 tal-liġi tal-1991 jew li kellu jinterpretah fid-dawl tal-Artikolu 5 tad-Direttiva.

46

Il-Gvern Franċiż iżid, b’mod partikolari, li, għalkemm id-Direttiva tobbliga lill-Istati Membri jipprojbixxu prattiki kummerċjali żleali fil-konfront tal-konsumatur, dan xorta ma jimpedixxix lill-Istati Membri oħrajn, sabiex jipproteġu aħjar lill-konsumaturi, milli jipprojbixxu prattiki oħrajn, bħall-offerti konġunti, indipendentement minn jekk dawn ikunux żleali jew le fis-sens tad-Direttiva.

47

Fl-aħħar nett, skont VTB, l-Artikolu 5 tad-Direttiva, f’kull każ, ma jeskludix li l-Istati Membri jqisu bħala żleali l-prattiki kummerċjali barra dawk imsemmija fl-Anness I tagħha.

Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

48

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, huwa neċessarju, qabel kollox, li jiġi ddeterminat jekk l-offerti konġunti, li huma s-suġġett tal-projbizzjoni kkontestata, jikkostitwixxux prattiki kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva, u huma għaldaqstant, suġġetti ġħall-preskrizzjonijiet stabbiliti minn din tal-aħħar.

49

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva jiddefinixxi, billi juża formulazzjoni partikolarment wiesgħa, il-kunċett ta’ prattika kummerċjali bħala “kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi”.

50

Issa, kif tirrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 69 u 70 tal-konklużjonijiet tagħha, l-offerti konġunti jikkostitwixxu atti kummerċjali li jaqgħu b’mod ċar fil-kuntest tal-istrateġija kummerċjali ta’ operatur u huma intiżi direttament għall-promozzjoni u għall-iżvilupp tal-bejgħ tiegħu. Minn dan isegwi li dawn jikkostitwixxu prattiki kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva u, konsegwentement, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

51

Issa li dan ġie ddeterminat, għandu jitfakkar qabel kollox li d-Direttiva hija intiża li tistabbilixxi, skont il-premessi 5 u 6 tagħha, kif ukoll skont l-Artikolu 1 tagħha, regoli unformi dwar il-prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi, sabiex jikkontribwixxu għal funzjonament tajjeb tas-suq intern u biex jiżguraw livell ġdid ta’ protezzjoni għal dawn tal-aħħar.

52

B’hekk, id-Direttiva twettaq armonizzazzjoni kompleta tal-imsemmija regoli fuq livell Komunitarju. Għaldaqstant, kif jipprovdi espressament l-Artikolu 4 tagħha u b’mod kuntrarju għal dak li jaffermaw VTB u l-Gvern Franċiż, l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw miżuri iktar restrittivi minn dawk definiti mid-Direttiva, anki sabiex jiżguraw grad ogħla ta’ protezzjoni lill-konsumaturi.

53

Insegwitu hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 5 tad-Direttiva jipprovdi l-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali u jelenka l-kriterji li jippermettu li tiġi ddeterminata tali natura żleali.

54

B’hekk, skont it-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, prattika kummerċjali tkun żleali jekk tkun kuntrarja għar-rekwiżiti ta’ diliġenza professjonali u tbiddel jew tista’ tbiddel b’mod sostanzjali l-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju fir-rigward tal-prodott.

55

Barra minn hekk, l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva jiddefinixxi żewġ kategoriji preċiżi ta’ prattiki kummerċjali żleali, jiġifieri l-“azzjonijiet qarrieqa” u l-“prattiċ [prattiki] kummerċjali aggressivi” li jikkorrispondu għall-kriterji speċifikati rispettivament fl-Artikoli 6 u 7 kif ukoll 8 u 9 tad-Direttiva. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, tali prattiki huma pprojbiti meta, fid-dawl tal-karatteristiċi u l-kuntest fattwali tagħhom, iwasslu jew jistgħu jwasslu lill-konsumatur medju sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali li kieku ma kienx jieħu.

56

Id-Direttiva tistabbilixxi wkoll, fl-Anness I tagħha, lista eżawrjenti ta’ 31 prattiki kummerċjali li, skont l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva, huma meqjusa li huma żleali “f’kull ċirkostanza”. Konsegwentement, kif tippreċiża espressament il-premessa 17 tad-Direttiva, dawn huma l-uniċi prattiki kummerċjali li jistgħu jitqiesu żleali, mingħajr evalwazzjoni każ każ taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva.

57

Fl-aħħar nett, huwa importanti li jiġi rrilevat li l-offerti konġunti ma jinsabux fost il-prattiki elenkati fl-imsemmi Anness I.

58

Għaldaqstant, huwa fid-dawl tal-kontenut u tal-istruttura ġenerali tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, imfakkra fil-punti preċedenti, li għandhom jiġu eżaminati d-domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju.

59

Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, billi tistabbilixxi preżunzjoni ta’ illegalità tal-offerti konġunti, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tissodisfax l-eżiġenzi imposti mid-Direttiva.

60

Fil-fatt, l-ewwel nett, l-Artikolu 54 tal-liġi tal-1991 jistabbilixxi l-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-offerti konġunti, minkejja li tali prattiki mhumiex previsti fl-Anness I tad-Direttiva.

61

Issa, bħalma tfakkar fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, dan l-anness jelenka b’mod eżawrjenti l-uniċi prattiki kummerċjali pprojbiti f’kull ċirkustanza, li għaldaqstant ma għandhomx ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni każ b’każ.

62

B’hekk, id-Direttiva tipprekludi s-sistema stabbilita mill-Artikolu 54 tal-liġi tal-1991 inkwantu dan l-artikolu jipprojbixxi, b’mod ġenerali u preventiv, l-offerti konġunti indipendentement minn kull verifika tan-natura żleali tagħhom fir-rigward tal-kriterji imposti fl-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva.

63

Insegwitu, billi topera b’dan il-mod, regola tat-tip bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur kontra l-kontenut tal-Artikolu 4 tad-Direttiva li jipprojbixxi b’mod espress lill-Istati Membri li jżommu jew li jadottaw miżuri nazzjonali iktar restrittivi, anki meta tali miżuri huma intiżi li jiżguraw livell ta’ protezzjoni ogħla għall-konsumaturi.

64

Fl-aħħar nett għandu jingħad ukoll li tali interpretazzjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni minħabba l-fatt li l-liġi tal-1991 tipprovdi, fl-Artikoli 55 sa 57, ċertu numru ta’ eċċezzjonijiet għall-imsemmija projbizzjoni ta’ offerti konġunti.

65

Fil-fatt, anki jekk dawn l-eċċezzjonijiet jistgħu jnaqqsu l-portata tal-projbizzjoni tal-offerti konġunti, xorta jibqa, l-fatt li ma jistgħux, minħabba n-natura limitata u definita minn qabel, jissostitwixxu l-analiżi li għandha neċessarjament issir fir-rigward tal-kuntest fattwali ta’ kull każ, tan-natura “żleali” ta’ prattika kummerċjali fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva meta, bħal fil-kawżi prinċipali, din il-prattika mhijiex elenkata fl-Anness I tagħha.

66

Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-kontenut stess ta’ xi wħud mid-derogi inkwistjoni. B’hekk, pereżempju, l-Artikolu 55 tal-liġi tal-1991 jawtorizza l-offerti konġunti għal prezz globali biss bil-kundizzjoni li dawn jikkonċernaw prodotti jew servizzi li jikkostitwixxi ħaġa sħiħa jew li huma identiċi. Issa, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jiġi eskluż li, permezz, b’mod partikolari, ta’ informazzjoni korretta tal-konsumatur, offerta konġunta ta’ prodotti jew servizzi differenti li la jikkostitwixxu ħaġa sħiħa u lanqas mhuma identiċi jissodisfaw l-eżiġenzi ta’ lealtà imposti mid-Direttiva.

67

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva tipprekudi projbizzjoni ta’ offerti konġunti hekk kif inhi prevista mil-liġi tal-1991. Għaldaqstant, mhuwiex neċessarju li jiġi eżaminat ksur eventwali tal-Artikolu 49 KE, evokat fid-domanda preliminari ppreżentata fil-kuntest tal-kawża C-299/07.

68

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ntqalu, ir-risposta għad-domandi ppreżentati għandha tkun li d-Direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li, ħlief f’ċerti eċċezzjonijiet u mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ inkwistjoni, tipprojbixxi kull offerta konġunta magħmula minn bejjiegħ lil konsumatur.

Fuq l-ispejjeż

69

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi [prattiki] kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 2006/2004 (“Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali”) għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali li, ħlief f’ċerti eċċezzjonijiet u mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ inkwistjoni, tipprojbixxi kull offerta konġunta magħmula minn bejjiegħ lil konsumatur.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.