Kawża C-188/07

Commune de Mesquer

vs

Total France SA u Total International Ltd

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza))

“Direttiva 75/442/KEE — Ġestjoni tal-iskart — Kunċett ta’ skart — Prinċipju li min iniġġes iħallas — Detentur — Detenturi ta’ qabel — Produttur tal-prodott li jiġġenera l-iskart — Idrokarburi u żejt karburant tqil — Nawfraġju — Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt — Fond Internazzjonali għal Kumpens għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt”

Sommarju tas-sentenza

1.        Ambjent — Skart — Direttiva 75/442 — Kunċett ta’ skart

(Direttiva tal-Kunsill 75/442, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/350)

2.        Ambjent — Skart — Direttiva 75/442 — Tixrid aċċidentali ta’ idrokarburi fil-baħar li kkawża t-tniġġis tal-kosta ta’ Stat Membru

(Artikolu 174(2) KE; Direttiva tal-Kunsill 75/442, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/350, Artikolu 15)

3.        Ftehim Internazzjonali — Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt — Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Istabbiliment ta’ Fond Internazzjonali għal Kumpens għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt

(Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392)

4.        Ambjent — Skart — Direttiva 75/442 — Tixrid aċċidentali ta’ idrokarburi fil-baħar li kkawża t-tniġġis tal-kosta ta’ Stat Membru

(Direttiva tal-Kunsill 75/442, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/350, Artikoli 1(b) u (ċ) u 15)

1.        Sustanza, bħaż-żejt karburant tqil mibjugħ bħala kombustibbli, ma tikkostitwixxix skart fis-sens tad-Direttiva 75/442 dwar l-iskart, kif emendata bid-Deċiżjoni 96/350, peress li tintuża jew tinbiegħ f’kundizzjonijiet ekonomikament vantaġġużi u tista’ effettivament tintuża bħala kombustibbli mingħajr operazzjoni ta’ trasformazzjoni minn qabel.

Idrokarburi mxerrda aċċidentalment fil-baħar wara nawfraġju, li jitħalltu mal-ilma kif ukoll mas-sedimenti u li jinfirxu ma’ tul il-kosta ta’ Stat Membru sakemm jaslu sax-xtut, jikkostitwixxu skart fis-sens tal-Artikolu 1(a) tal-imsemmija direttiva, peress li dawn ma jistgħux iktar jintużaw jew jinbiegħu mingħajr operazzjoni ta’ trasformazzjoni minn qabel.

(ara l-punti 48, 63 u d-dispożittivi 1-2)

2.        L-applikazzjoni tal-prinċipju li min iniġġes iħallas, fis-sens tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 174(2) KE u tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 75/442 dwar l-iskart, kif emendata bid-Deċiżjoni 96/350, ma tirnexxix jekk il-persuni involuti fil-ġenerazzjoni tal-iskart, kemm jekk ikunu detenturi, detenturi ta’ qabel jew produtturi ta’ prodotti li jiġġeneraw l-iskart, kellhom jevitaw l-obbligi finanzjarji tagħhom kif previsti f’din id-direttiva, meta l-oriġini tal-idrokarburi li jkunu nxterdu fil-baħar, minkejja li involontarjament, u li jkunu kkawżaw tniġġis tal-kosta territorjali ta’ Stat Membru, ikun stabbilit b’mod ċar.

(ara l-punti 71-72)

3.        Il-Komunità mhijiex marbuta mill-Konvenzjonijiet dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għal Kumpens għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt u mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Istabbiliment ta’ Fond Internazzjonali għal Kumpens għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt. Fil-fatt, minn naħa, il-Komunità ma aderietx għall-imsemmija strumenti internazzjonali u, min-naħa l-oħra, la tista’ titqies li ssostitwixxiet lill-Istati Membri, peress li dawn mhumiex kollha parti f’dawn il-konvenzjonijiet, u lanqas li hija marbuta indirettament mill-imsemmija konvenzjonijiet minħabba l-Artikolu 235 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982, li daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 1994 u ġiet approvata permezz tad-Deċiżjoni 98/392, dispożizzjoni li l-paragrafu 3 tagħha jistabbilixxi biss obbligu ġenerali ta’ kooperazzjoni bejn il-partijiet tal-imsemmija konvenzjoni.

(ara l-punt 85)

4.        Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 75/442 dwar l-iskart, kif emendata bid-Deċiżjoni 96/350, għat-tixrid inċidentali [aċċidentali] ta’ idrokarburi fil-baħar li kkawża t-tniġġis tal-kosta ta’ Stat Membru:

- il-qorti nazzjonali tista’ tikkunsidra l-bejjiegħ ta’ dawn l-idrokarburi u noleġġatur tat-tanker li kien qed jittrasportahom bħala produttur tal-imsemmi skart, fis-sens tal-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 75/442, u billi jagħmel dan, bħala “detentur ta’ qabel” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel parti tat-tieni inċiż tal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, jekk din il-qorti, fid-dawl tal-elementi li hija biss tista’ tevalwa, tasal għall-konklużjoni li dan il-bejjiegħ-noleġġatur ikkontribwixxa għar-riskju li jkun hemm it-tniġġis ikkawżat minn dan in-nawfraġju, b’mod partikolari jekk naqas milli jieħu l-miżuri sabiex jiġi evitat avveniment bħal dan, bħal pereżempju dawk li jikkonċernaw l-għażla tat-tanker;

- jekk jirriżulta li l-ispejjeż marbuta mat-tneħħija tal-iskart iġġenerat minn tixrid aċċidentali ta’ idrokarburi fil-baħar ma jkunux koperti mill-Fond Internazzjonali għal Kumpens għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt jew ma jistgħux ikunu koperti minħabba li jkun eżawrit il-limitu ta’ kumpens previst għal dan l-inċident, u li skont dawn il-limiti u/jew eżoneri mir-responsabbiltà previsti, id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru inkluż dak li joħroġ minn konvenzjonijiet internazzjonali, ma jippermettix li dawn l-ispejjeż ikunu sostnuti minn sid it-tanker u/jew in-noleġġatur ta’ dan tal-aħħar, minkejja li dawn għandhom jitqiesu bħala “detenturi” fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 75/442, tali dritt nazzjonali għandu għalhekk jippermetti, sabiex tiġi żgurata traspożizzjoni konformi mal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, li l-imsemmija spejjeż jiġu sostnuti mill-produttur tal-prodott li jiġġenera l-iskart imxerred. Madankollu, skont il-prinċipju li min iniġġes iħallas, tali produttur jista’ jkun meħtieġ isostni dawn l-ispejjeż fil-każ biss li, bl-attività tiegħu, huwa jkun ikkontribwixxa għar-riskju li jkun hemm it-tniġġis ikkawżat min-nawfraġju tat-tanker.

(ara l-punti 78, 82, 89 u d-dispożittiv 3)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

24 ta’ Ġunju 2008 (*)

“Direttiva 75/442/KEE – Ġestjoni tal-iskart – Kunċett ta’ skart – Prinċipju li min iniġġes iħallas – Detentur – Detenturi ta’ qabel – Produttur tal-prodott li jiġġenera l-iskart – Idrokarburi u żejt karburant tqil – Nawfraġju – Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt – Fond Internazzjonali għal Kumpens għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt”

Fil-kawża C‑188/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ April 2007, fil-proċedura

Commune de Mesquer

vs

Total France SA,

Total International Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President tat-Tieni Awla, fil-funzjoni ta’ President, A. Rosas, K. Lenaerts u L. Bay Larsen, Presidenti ta’ Awla, R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann, P. Kūris, E. Levits, A. Ó Caoimh, P. Lindh, J.-C. Bonichot, T. von Danwitz u C. Toader (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Jannar 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Commune de Mesquer, minn C. Lepage u A. Moustardier, avukati,

–        għal Total Franza SA u Total International Ltd, minn J.-P. Hordies, C. Smits, M. Memlouk, J. Boivin, E. Fontaine u F.-H. Briard, avukati,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A.-L. During, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia bħala aġent, assistit minn D. Del Gaizo, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Gibbs u I. Rao, bħala aġenti, assistiti minn J. Maurici, barrister,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Konstantinidis, J.-B. Laignelot u G. Valero Jordana, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Marzu 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1 u 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU L 194, p. 39), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/350/KE, tal-24 ta’ Mejju 1996 (ĠU L 135, p. 32, iktar’il quddiem id-“Direttiva 75/442”), kif ukoll l-Anness I ta’ din id-direttiva.

2        Din it-talba qed issir fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Commune de Mesquer u Total France SA u Total International Ltd (iktar’il quddiem, flimkien, il-“kumpanniji Total”) għal kumpens għad-danni kkawżati mill-iskart li nxtered fit-territorju tal-imsemmi komun wara n-nawfraġju tat-tanker taż-żejt Erika.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni internazzjonali

3        Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt, adottata fi Brussell fid-29 ta’ Novembru 1969, kif emendata bil-Protokoll iffirmat f’Londra fis-27 ta’ Novembru 1992 (ĠU 2004, L 78, p. 32, iktar’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili”), tirregola r-responsabbiltà tas-sidien tal-bastimenti għad-danni li jirriżultaw mit-tixrid ta’ idrokarburi persistenti minn tankers. Hija tistabbilixxi l-prinċipju tar-responsabbiltà oġġettiva tagħhom, limitata għal ammont ikkalkolat skont it-tunnellaġġ tal-bastiment, u twaqqaf sistema ta’ assigurazzjoni obbligatorja għal responsabbiltà.

4        Skont l-Artikolu II (a) tal-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili, din tapplika għad-danni minn tniġġis fit-territorju, inkluż it-territorju marittimu, ta’ Stat kontraenti u fiż-żona ekonomika esklużiva ta’ dan l-Istat, stabbilita skont id-dritt internazzjonali jew, jekk ikun il-każ, f’żona kontigwa li tinsab lil hinn mit-territorju marittimu tal-imsemmi Stat u, iddeterminata minnu skont id-dritt internazzjonali u li ma testendix għal iktar minn 200 mil nawtiku mil-linji bażi li minnhom jitqies it-territorju marittimu.

5        Skont l-Artikolu III(4) tal-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili “l-ebda talba għal kumpens għal dannu minn tniġġis, irrispettivament jekk tkunx ibbażata fuq din il-Konvenzjoni jew le, ma tista’ ssir kontra […] kwalunkwe noleġġatur (irrispettivament minn kif ikun deskritt, inklużi n-noleġġaturi ta’ bastimenti mingħajr ekwipaġġ), maniġer jew operatur tal-bastiment; […] sakemm id-dannu ma jkunx ir-riżultat ta’ att jew ommissjoni tagħhom, imwettqa bl-intenzjoni li jikkawżaw dannu bħal dan, jew b’mod irresponsabbli u bl-għarfien li probabbilment jirriżulta tali dannu”.

6        Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Istabbiliment ta’ Fond Internazzjonali għal Kumpens għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt tal-1971, adottata fi Brussell fit-18 ta’ Diċembru 1997, kif ġiet emendata bil-Protokoll iffirmat f’Londra fis-27 ta’ Novembru 1992 (ĠU 2004, L 78, p. 40, iktar’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar il-Fond”), tikkompleta l-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili, billi tistabbilixxi skema ta’ kumpens għall-vittmi.

7        Il-Fond Internazzjonali għal Kumpens għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt (iktar’il quddiem il-“Fond”), issupplimentat b’kontribuzzjonijiet mill-industrija tal-petrol, jista’ jkopri sa 135 miljun dritt speċjali ta’ preljev għal avveniment li seħħ qabel l-2003. Skont l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni dwar il-Fond, il-vittmi jistgħu jressqu talbiet għal kumpens għal dannu quddiem il-qrati tal-Istat kontraenti fejn dawn ikunu ġew ikkawżati, b’mod partikolari meta l-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili ma tipprovdi għal ebda responsabbiltà għad-dannu inkwistjoni jew meta s-sid tal-bastiment ikun insolventi jew eżonerat mir-responsabbilità bis-saħħa tal-imsemmija konvenzjoni.

8        Il-Protokoll tal-2003 għall-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1992 dwar l-Istabbiliment ta’ Fond Internazzjonali għal Kumpens għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt (ĠU 2004 L 78, p. 24) iwaqqaf fond supplementarju internazzjonali għal kumpens għal danni kkawżati mit-tniġġis biż-żejt, li jġib l-isem ta’ “Fond Supplementarju Internazzjonali tal-2003 għal Kumpens għal Danni kkawżati mit-Tniġġis biż-Żejt”, li flimkien mal-Fond ikopri sa 750 miljun ta’ unità ta’ kont għal avveniment partikolari li jkun seħħ wara l-1 ta’ Novembru 2003.

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

 Id-Direttiva 75/442

9        Skont it-tielet premessa tad-Direttiva 75/442, l-għan essenzjali li kull leġiżlazzjoni li tirrigwarda r-rimi tal-iskart għandu jkollha, huwa l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent kontra l-effetti ta’ ħsara kkawżati mill-ġbir, mit-trasport, mit-trattament, mill-ħżin u mid-depożitu tal-iskart.

10      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/442 jipprovdi li:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)      skart: għandu jfisser kull sustanza jew oġġett fil-kategoriji ddikjarati fl-Anness I li l-possessur [d-detentur] jarmi jew beħsiebu jew ikun imġiegħel li jarmi.

Il-Kummissjoni […] għandha tfassal […] lista ta’ l-iskartijiet li jappartj[e]nu għall-kategoriji mniżżla fil-lista fl-Anness I. […];

(b)      produttur: għandu jfisser dawk kollha li l-attivitajiet tagħhom jipproduċu l-iskart (‘produttur oriġinali’) u/jew dawk kollha li iwettqu ħidmiet ta’ qabel l-ipproċessar, it-taħlit, jew ħidmiet oħra li jirriżultaw f’bidla fin-natura jew fil-kompożizzjoni ta’ dan l-iskart;

(ċ)      pussessur [detentur]: għandu jfisser il-produttur ta’ l-iskart jew il-persuna naturali jew legali li tippossjedih;

[…]

(e)      rimi (ta’ l-iskart): għandu jfisser kull waħda mill-ħidmiet provduti fl-Anness II A;

(f)      irkupru: għandu jfisser kull waħda mill-ħidmiet provduti fl-Anness II B;

(g)      ġbir: għandu jfisser il-ġbir, il-għażil u/jew it-taħlit ta’ l-iskart bil-għan tal-ġarr”.

11      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 75/442 jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-pussessur [detentur] ta’ l-iskart:

–        ikun qandlu permezz ta’ kollettur privat jew pubbliku ta’ l-iskart jew permezz ta’ impriża li twettaq ix-xogħlijiet imniżżla fil-lista fl-Annes[si] II A jew [II] B,

jew

–        ikopri jew jiddisponi minnu huwa nnifsu b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva”.

12      L-Artikolu 15 tad-Direttiva 75/442 jipprovdi li:

“B’mod konformi mal-prinċipju ta’ ‘min iniġġes iħallas’, in-nefqa fuq r-rimi ta’ l-iskart trid tinġarr mill-:

–        pussessur [detentur] li l-iskart tiegħu jiġi mqandel minn kollettur ta’ l-iskart jew minn impriża kif irreferit fl-Artikolu 9,

u/jew

–        il-pussessuri [detenturi] ta’ qabel jew il-produttur tal-prodott li minn fejn ikun ġie [li jiġġenera] l-iskart”.

13      Il-kategoriji Q4, Q11, Q13 u Q16 tal-Anness I tad-Direttiva 75/442, intitolat “Il-kategoriji ta’ l-iskart”, jinkludu dan li ġej:

“Q4 Il-materjali li jkunu ġew imxerrda, mitlufa jew għaddew minn xi diżgrazzja [inċident] oħra, inklużi kull materjal, tagħmir, eċċ. kkontaminat b’riżultat tad-diżgrazzja [tal-inċident]

[…]

Q11 Il-fdalijiet mill-estrazzjoni tal-materji primi u mill-proċessar (p.e. fdalijiet mill-mijieri, rqajja’ ta’ l-oqsma taż-żejt, eċċ.)

[…]

Q13 Kull materjal, sustanza jew prodott li l-użu tagħhom ikun ġie pprojbit bil-liġi

[…]

Q16 Kull materjal, sustanza jew prodott li ma jkunux inklużi fil-katego[r]iji ta’ hawn fuq”.

14      L-Anness II A ta’ din id-direttiva, intitolat “Xogħlijiet ta’ rimi ta’ l-iskart”, jelenka x-xogħlijiet ta’ rimi tal-iskart li jsiru fil-prattika, filwaqt li l-Anness II B tal-imsemmija direttiva, intitolat “Xogħlijiet ta’ rkupru”, jelenka bl-istess mod ix-xogħlijiet ta’ rkupru.

15      Id-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006, dwar l-iskart (ĠU L 114, p. 9), li tikkodifika d-Direttiva 75/442, bil-għan li tiċċaraha u tirrendiha iktar effikaċi, tirriproduċi, fl-Artikoli 1 u 15 tagħha kif ukoll fl-Annessi I, II A u II B, id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar’il fuq. Madankollu, id-Direttiva 2006/12 ġiet adottata biss wara li kienu seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, u għalhekk ma tirregolax il-kawża prinċipali.

 Id-Direttiva 68/414/KEE

16      L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 68/414/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1968, li timponi obbligu fuq l-Istati Membri tal-KEE li jżommu ħażniet minimi ta’ prodotti taż-żejt mhux maħdum u/jew prodotti petroliferi (ĠU L 308, p. 14), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/93/KE, tal-14 ta’ Diċembru 1998 (ĠU L 358, p. 100, iktar’il quddiem id-“Direttiva 68/414”), li jistabbilixxi tali obbligu b’mod partikolari sabiex ikun jista’ jiffaċċa skarsezzi jew kriżijiet fil-provvista, iqis li ż-żjut karburanti huma kategorija ta’ prodotti petroliferi.

 Id-Direttiva 2004/35/KE

17      L-għaxar premessa tad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU L 143, p. 56), tipprovdi dan li ġej:

“Għandhom jiġu kkunsidrati t-Trattat ta’ Euratom u l-konvenzjonijiet internazzjonali relevanti u liġijiet tal-Komunità li jirregolaw b’mod aktar komprensiv jew aktar strett l-operazzjoni ta’ kull attività li taqa’ fl-ambitu ta’ din id-Direttiva. […]”.

18      L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2004/35 jipprovdi li:

“Din id-Direttiva ma tgħoddx għal danni ambjentali jew il-periklu iminenti ta’ danni ambjentali li huma r-riżultat ta’ inċident liema inċident u r-responsabbilità u l-kumpens għalih huma regolati minn [waħda mill-]Konvenzjoni[jiet] Internazzjonali fil-lista ta’ l-Anness IV, li jinkludi emendi futuri [tagħhom], li ġie fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat”.

19      L-Anness IV tad-Direttiva 2004/35 jipprovdi dan li ġej:

“Il-Konvenzjonijiet Internazzjonali msemmija fl-Artikolu 4(2)

(a)      il-Konvenzjoni Internazzjonali tas-27 ta’ Novembru 1992 dwar ir-Responsabbilità Ċivili għad-Danni kkawżati mit-Tinġis taż-Żejt;

(b)      il-Konvenzjoni Internazzjonali tas-27 ta’ Novembru 1992 dwar l-istabbil[i]ment ta’ Fond Internazzjonali għal Kumpens għad-Danni kkważati mit-Tinġis taż-Żejt;

[…]”

 Id-Deċiżjoni 2004/246/KE

20      Fit-2 ta’ Marzu 2004, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2004/246/KE, tat-2 ta’ Marzu 2004, li tawtorizza lill-Istati Membri biex jiffirmaw, jirratifikaw jew jaqblu ma’, fl-interess tal-Komunità Ewropea, il-Protokoll tal-2003 għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Istabbiliment ta’ Fond Internazzjonali għal Kumpens għal Danni mit-Tniġġi[s] [biż]-Żejt 1992, u li tawtorizza l-Awstrija u l-Lussemburgu, fl-interess tal-Komunità Ewropea, biex jaqblu ma’ l-istrumenti ta’ hawn taħt [ta’ referenza] (ĠU L 78, p. 22).

21      Ir-raba’ premessa tad-Deċiżjoni 2004/246 tipprovdi dan li ġej:

“Skond il-Protokoll tal-Fond Supplementarju, Stati sovrani biss jistgħu jagħmlu parti minnu; għalhekk ma huwiex possibli għall-Komunità li tirratifika jew taqbel mal-Protokoll, lanqas ma hemm prospett li tkun tista’ tagħmel dan fil-futur qarib”.

22      L-Artikoli 1(1) u 4 tad-Deċiżjoni 2004/246 jistabbilixxu dan li ġej:

“Artikolu 1

1. L-Istati Membri huma hawnhekk awtorizzati biex jiffirmaw, jirratifikaw jew jaqblu ma’, fl-interess tal-Komunità Ewropea, il-Protokoll ta’ l-2003 għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Istabbiliment ta’ Fond Internazzjonali għal Kumpens għal Danni mit-Tniġġi[s] [biż]-Żejt 1992, (il-Protokoll tal-Fond Supplementarju) soġġetti għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli li ġejjin.

[…]

Artikolu 4

“L-Istati Membri għandhom, malajr kemm jista’ jkun, jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li l-Protokoll tal-Fond Supplementarju, u l-istrumenti ta’ hawn taħt [ta’ referenza], huma emendati sabiex iħallu l-Komunità ssir Parti Kontraenti għalihom”.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

23      L-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 75-633, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar ir-rimi tal-iskart u l-irkupru ta’ materjali (JORF du 16 Lulju 1975, p. 7279), illum l-Artikolu L. 541‑2 tal-Kodiċi tal-Ambjent, jipprovdi li:

“Kull persuna li tipproduċi jew iżżomm skart f’kundizzjonijiet li jkunu ta’ ħsara għall-art, għall-flora u għall-fawna, li jagħmlu ħsara lis-siti u lill-pajsaġġi, li jniġġsu l-arja jew l-ilma, li jiġġeneraw ħsejjes u rwejjaħ u, b’mod ġenerali, li jkunu ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, għandha tassigura jew tara li jiġi assigurat ir-rimi tiegħu skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu, f’kundizzjonijiet xierqa sabiex jiġu evitati dawn l-effetti.

Ir-rimi ta’ l-iskart jinvolvi xogħol ta’ ġbir, trasport, ħżin, għażla u trattament neċessarju għall-irkupru ta’ l-elementi u tal-materjali li jistgħu jintużaw mill-ġdid jew ta’ l-enerġija, kif ukoll għad-depożitu jew għar-rimi fl-ambjent naturali ta’ kull prodott ieħor f’kundizzjonijiet xierqa sabiex jiġu evitati l-inkonvenjenzi msemmija fil-paragrafu preċedenti”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

24      Fit-12 ta’ Diċembru 1999, it-tanker taż-żejt Erika, li kien itajjar il-bandiera Maltija u li kien innoleġġat minn Total International Ltd, għereq madwar 35 mil nawtiku mix-xlokk tal-ponta ta’ Penmarc’h (Finistère, Franza), u b’hekk inxterdu t-tagħbija u l-ħażniet tiegħu fil-baħar, u kkawża t-tniġġis tal-kosta Atlantika Franċiża.

25      Mid-deċiżjoni ta’ rinviju u mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kumpannija Taljana ENEL ikkonkludiet kuntratt ma’ Total International Ltd għall-provvista ta’ żejt karburant tqil sabiex jintuża bħala karburant kombustibbli għall-produzzjoni tal-elettriku. Sabiex dan il-kuntratt jiġi eżegwit, Total Raffinage Distribution, li saret Total France SA, biegħet dan iż-żejt karburant tqil lil Total International Ltd, li nnoleġġat it-tanker Erika sabiex tittrasportah mill-port ta’ Dunkerque (Franza) sa dak ta’ Milazzo (l-Italja).

26      Fid-9 ta’ Ġunju 2000, il-Commune de Mesquer ressaq kawża kontra dawn il-kumpanniji Total quddiem it-Tribunal de commerce de Saint-Nazaire, bil-għan li jiġi ddikjarat li, skont il-Liġi Nru 75-633, dawn kellhom jassumu l-konsegwenzi tad-danni kkawżati mill-iskart imxerred fit-territorju tiegħu u li jiġu kkundannati in solidum għall-ħlas tal-ammonti ta’ flus li ntefqu mill-komun f’xogħlijiet ta’ tindif u ta’ tneħħija tat-tniġġis, jiġifieri EUR 69 232.42.

27      Wara li ġie meqjus li t-talba tiegħu kienet infondata, il-Comune de Mesquer ressaq appell quddiem il-Cour d’appel de Renne, li bis-sentenza tat-13 ta’ Frar 2002 ikkonfermat id-deċiżjoni tal-ewwel istanza, billi qieset li, f’dak il-każ, iż-żejt karburant tqil ma kienx skart iżda materjal kombustibbli li jikkostitwixxi materja enerġetika magħmula għal użu partikolari. Il-Cour d’appel de Rennes irrikonoxxiet li ż-żejt karburant tqil, imxerred b’dan il-mod u ttrasformat minħabba t-taħlit tiegħu mal-ilma u mar-ramel, iġġenera skart iżda hija kkunsidrat li l-ebda dispożizzjoni ma kienet tippermetti li l-kumpanniji Total jinżammu responsabbli, peress li dawn ma setgħux jitqiesu bħala produtturi jew detenturi tal-imsemmi skart. Għalhekk, il-Commune de Mesquer appella quddiem il-Cour de cassation.

28      Peress li kkunsidrat li din il-kawża tqajjem diffikultà serja ta’ interpretazzjoni tad-Direttiva 75/442, il-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Iż-żejt karburant tqil, prodott li jinkiseb minn proċess ta’ raffinar, li huwa konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-utent, intiż mill-produttur sabiex jinbiegħ bħala karburant kombustibbli u msemmi fid-Direttiva 68/414/KEE […] jista’ jitqies bħala skart fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/442/KEE […] [i]kkodifikata permezz tad-Direttiva 2006/12/KE?

2)      Tagħbija ta’ żejt karburant tqil, ittrasportata minn bastiment u li waqgħet fil-baħar b’mod aċċidentali, tikkostitwixxi minnha nnifisha, jew minħabba l-fatt tat-taħlit tagħha mal-ilma u ma’ xi sedimenti, skart fis-sens tal-kategorija Q4 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/12/KE?

3)      Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda u risposta pożittiva għat-tieni waħda, il-produttur taż-żejt karburant tqil (Total Raffinage [Distribution]) u/jew il-bejjiegħ u noleġġatur (Total International Ltd) jistgħu jiġu kkunsidrati, fis-sens tal-Artikolu 1(b) u (ċ) tad-Direttiva 2006/12/KE u għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tal-istess direttiva, bħala produtturi u/jew detenturi tal-iskart meta, fil-mument meta seħħ l-inċident li ttrasforma dan iż-żejt fi skart, il-prodott kien qiegħed jinġarr minn terza persuna?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

29      Il-kumpanniji Total isostnu li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi ddikjarat inammissibbli peress li l-Commune de Mesquer diġà kiseb ħlas ta’ kumpens taħt il-Fond u li, konsegwentement, huwa m’għandux interess ġuridiku. F’dawn il-kundizzjonijiet, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ta’ natura ipotetika.

30      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest legali u fattwali li tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex marbuta li tivverifika l-eżattezza tiegħu, huma preżunti rilevanti. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta għal domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju ma jkollha l-ebda relazzjoni mar-realità u mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C‑222/05 sa C‑225/05, Ġabra p. I‑4233, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, huma l-qrati nazzjonali aditi b’kawża li għandhom jiddeterminaw il-bżonn ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza tagħhom, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium, C‑393/04 u C‑41/05, Ġabra p. I‑5293, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta li l-Commune de Mesquer effettivament ibbenefika minn ħlasijiet taħt il-Fond, li sarulu wara t-talba għal ħlas ta’ kumpens li huwa kien għamel fir-rigward, b’mod partikolari, tal-proprjetarju tat-tanker Erika u tal-Fond. Dawn il-ħlasijiet kienu s-suġġett ta’ tranżazzjonijiet li permezz tagħhom l-imsemmi komun irrinunzja espressament għall-istanzi u l-azzjonijiet kollha, taħt piena li jħallas lura s-somom ta’ flus li jkunu sarulu.

33      Jidher li minkejja li l-qorti tar-rinviju kellha din l-informazzjoni, hija la kkunsidrat li l-kawża prinċipali kienet spiċċat, la li l-Comune de Mesquer ma kienx għad għandu interess ġuridiku u lanqas waqfet milli tistaqsi d-domandi preliminari tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi jeħtieġ li tingħata risposta għad-domandi tal-Cour de cassation.

 Fuq l-ewwel domanda

35      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk iż-żejt karburant tqil mibjugħ għal finijiet kombustibbli jistax jitqies bħala skart fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442.

36      Il-kumpanniji Total, l-Istati Membri li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u l-Kummissjoni huma tal-fehma li r-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv. Huwa biss il-Commune de Mesquer li jsostni li ż-żejt karburant tqil għandu jitqies bħala skart u li, barra minn hekk, is-sustanza inkwistjoni taqa’ taħt il-kategorija ta’ prodotti perikolużi u illeċiti.

37      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi osservat li skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442, kull sustanza jew oġġett fil-kategoriji li jinsabu fl-Anness I ta’ din id-direttiva, li d-detentur jarmi jew ikollu l-intenzjoni jew l-obbligu li jarmi għandha titqies bħala skart.

38      B’hekk, fil-kuntest ta’ din id-direttiva, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ skart jiddependi mit-tifsira tal-kelma “jarmi” (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie, C‑129/96, Ġabra p. I‑7411, punt 26) u, konsegwentement, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-kelma għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-għan tal-imsemmija direttiva (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2000, ARCO Chemie Nederland et, C‑418/97 u C‑419/97, Ġabra p. I‑4475, punt 37), li, skont it-tielet premessa tal-imsemmija direttiva jikkonsisti fil-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent kontra l-effetti ta’ ħsara kkawżati mill-ġbir, mit-trasport, mit-trattament, mill-ħżin u mid-depożitu tal-iskart, tenut kont tal-Artikolu 174(2) KE, li jipprovdi li l-għan tal-politika Komunitarja fil-qasam tal-ambjent huwa li jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni u hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva (ara s-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004, Niselli, C‑457/02, Ġabra p. I‑10853, punt 33).

39      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 75/442, il-kunċett ta’ skart ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (ara s-sentenza ARCO Chemie Nederland et, iċċitata iktar’il fuq, punt 40).

40      Dan il-kunċett jista’ jkopri l-oġġetti u s-sustanzi li jarmi s-sid, anki jekk ma jkollhomx valur kummerċjali u jinġabru fuq bażi kummerċjali għall-finijiet ta’ reċiklaġġ, irkupru jew użu mill-ġdid (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ April 2002, Palin Granit u Vehmassalon kansanterveystyön kuntayhtymän hallitus, C‑9/00, Ġabra p. I‑3533, iktar’il quddiem is-“sentenza Palin Granit”, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      F’dan ir-rigward, ċerti ċirkustanzi jistgħu jikkostitwixxu indizzji tal-eżistenza ta’ azzjoni, ta’ intenzjoni jew ta’ obbligu li tintrema sustanza jew oġġett fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ meta s-sustanza użata tkun residwu ta’ produzzjoni, jiġifieri prodott li ma jkunx ġie mfittex inkwantu tali (sentenza ARCO Chemie Nederland et, iċċitata iktar’il fuq, punti 83 u 84). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-irmied tal-estrazzjoni minn barriera tal-granit, li mhuwiex il-produzzjoni prinċipalment imfittxiha minn min jopera l-barriera, bħala prinċipju, huwa skart (sentenza Palin Granit, punti 32 u 33).

42      Madankollu, oġġett, materjal jew materja prima li tirriżulta minn proċess ta’ manifattura jew ta’ estrazzjoni li mhijiex prinċipalment intiża li tipproduċieh ma jistax jikkostitwixxi residwu iżda sub-prodott, li l-impriża ma tixtieqx tarmi, iżda tixtieq tużah jew tbiegħu f’kundizzjonijiet ekonomikament vantaġġużi, fi proċess ulterjuri, mingħajr operazzjoni ta’ trasformazzjoni minn qabel (ara s-sentenza Palin Granit, punt 34, kif ukoll id-digriet tal-15 ta’ Jannar 2004, Saetti u Frediani, C‑235/02, Ġabra p. I‑1005, punt 35).

43      Fil-fatt, mhuwiex iġġustifikat li materjali jew materji primi li ekonomikament għandhom il-valur ta’ prodotti, indipendentement mil-leġiżlazzjoni applikabbli għal dawn il-prodotti, jiġu suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 75/442 (ara s-sentenza Palin Granit, punt 35, kif ukoll id-digriet Saetti u Frediani, iċċitat iktar’il fuq, punt 35).

44      Madankollu, fid-dawl tal-obbligu ta’ interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ skart sabiex jiġu limitati l-inkonvenjenti u d-disturbi inerenti fin-natura tiegħu, l-użu ta’ dan l-argument dwar is-sub-prodotti għandu jkun limitat għas-sitwazzjonijiet li fihom l-użu mill-ġdid ta’ oġġett, ta’ materjal jew ta’ materja prima mhuwiex biss eventwali, iżda ċert, mingħajr trasformazzjoni minn qabel, u fil-kontinwità tal-proċess ta’ produzzjoni (sentenza Palin Granit, punt 36, kif ukoll id-digriet Saetti u Frediani, iċċitat iktar’il fuq, punt 36).

45      Flimkien mal-kriterju bbażat fuq in-natura jew le ta’ residwu ta’ produzzjoni ta’ sustanza, il-grad ta’ probbabiltà ta’ użu mill-ġdid ta’ din is-sustanza, mingħajr operazzjoni ta’ trasformazzjoni minn qabel, huwa għalhekk it-tieni kriterju rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk hijiex skart jew le fis-sens tad-Direttiva 75/442. Jekk, apparti s-sempliċi possibbiltà ta’ użu mill-ġdid tas-sustanza, jeżisti vantaġġ ekonomiku għad-detentur li jagħmel dan, il-probabbiltà ta’ tali użu mill-ġdid tkun b’saħħitha. F’każ bħal dan, is-sustanza inkwistjoni ma tistax tiġi analizzata bħala sustanza li d-detentur ser jipprova “jarmi”, iżda għandha titqies bħala prodott awtentiku (ara s-sentenza Palin Granit, punt 37).

46      Fil-kawża prinċipali, jidher li s-sustanza inkwistjoni nkisbet wara l-proċess ta’ raffinar tal-petrol.

47      Madankollu, din is-sustanza residwa tista’ tiġi użata fuq bażi kummerċjali f’kundizzjonijiet ekonomikament vantaġġużi kif ikkonfermat mill-fatt li kienet is-suġġett ta’ tranżazzjoni kummerċjali u li hija tikkorrispondi għall-ispeċifikazzjonijiet tax-xerrej, kif huwa indikat mill-qorti tar-rinviju.

48      Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li sustanza bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri taż-żejt karburant tqil mibjugħ bħala kombustibbli, ma tikkostitwixxix skart fis-sens tad-Direttiva 75/442 peress li tintuża jew tinbiegħ f’kundizzjonijiet ekonomikament vantaġġużi u tista’ effettivament tintuża bħala kombustibbli mingħajr operazzjoni ta’ trasformazzjoni minn qabel.

 Fuq it-tieni domanda

49      Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk iż-żejt karburant tqil imxerred aċċidentalment fil-baħar wara nawfraġju għandux, f’tali ċirkustanzi, jitqies bħala skart fis-sens tal-kategorija Q4 tal-Anness I tad-Direttiva 75/442.

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

50      Il-Commune de Mesquer, flimkien mal-Gvern Franċiż u dak Taljan kif ukoll mal-Kummissjoni, huwa tal-fehma li tali idrokarburi, peress li nxterdu fil-baħar u a fortiori tħalltu mal-ilma u mas-sedimenti, għandhom jitqiesu bħala skart fis-sens tad-Direttiva 75/442.

51      Il-kumpanniji Total iqisu li t-taħlita tal-idrokarburi mal-ilma u mas-sedimenti tal-kosta tikkostitwixxi skart fil-każ biss li jeżisti obbligu ta’ tneħħija jew ta’ rkupru tal-idrokarburi mxerrda aċċidentalment inkwantu tali u jekk dawn l-idrokarburi jkunu tħalltu b’mod li ma jkunux jistgħu jitneħħew minn ġo l-ilma u minn mas-sedimenti.

52      Il-Gvern Belġjan isostni li l-prodotti mxerrda fil-baħar m’għandhomx jitqiesu bħala skart fis-sens tad-Direttiva 75/442, iżda għandhom jitqiesu bħala idrokarburi tqal fis-sens tal-Konvenzjonijiet dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u dwar il-Fond. Il-Gvern tar-Renju Unit, filwaqt li jammetti li l-idrokarburi jistgħu jitqiesu bħala skart fis-sens ta’ din id-direttiva, jikkunsidra xieraq li t-tixrid aċċidentali ta’ idrokarburi fil-baħar jaqa’ taħt il-Konvenzjonijiet dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u dwar il-Fond u, konsegwentement, li d-Direttiva 75/442 ma tapplikax f’ċirkustanzi bħal dawn.

 Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

53      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi osservat li l-Anness I tad-Direttiva 75/442 jipproponi lista ta’ sustanzi u ta’ oġġetti li jistgħu jitqiesu bħala skart. Madankollu, din il-lista hija biss indikattiva, peress li l-kwalifikazzjoni tal-iskart tirriżulta qabel kollox mill-imġiba tad-detentur u mit-tifsira tal-kelma “jarmi” (ara s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Van de Walle et, C‑1/03, Ġabra 2004 p. I‑7613, punt 42).

54      Il-fatt li l-Anness I tad-Direttiva 75/442, intitolat “Il-kategoriji ta’ l-iskart”, fil-punt tiegħu Q4 isemmi “[i]l-materjali li jkunu ġew imxerrda, mitlufa jew għaddew minn xi diżgrazzja [inċident] oħra, inklużi kull materjal, tagħmir, eċċ. kkontaminat b’riżultat tad-diżgrazzja [tal-inċident]”, għalhekk jikkostitwixxi biss indikazzjoni ta’ l-inklużjoni ta’ dawn il-materji fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ skart. Għalhekk, hija ma tippermettix minnha nnifisha li tikkwalifika l-idrokarburi mxerrda aċċidentalment fil-baħar u li kkawżaw tniġġis fl-ibħra territorjali u konsegwentement fil-kosta ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Van de Walle et, iċċitata iktar’il fuq, punt 43).

55      F’dawn iċ-ċirkustanzi jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk tali tixrid aċċidentali ta’ idrokarburi huwiex att li permezz tiegħu d-detentur jarmihom fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Van de Walle et, iċċitata iktar’il fuq, punt 44).

56      F’dan ir-rigward, meta s-sustanza jew l-oġġett inkwistjoni jikkostitwixxu residwu ta’ produzzjoni, jiġifieri prodott li ma jkunx ġie mfittex inkwantu tali għal użu ulterjuri u li d-detentur ma jkunx jista’ jerġa’ juża mingħajr trasformazzjoni minn qabel f’kundizzjonijiet ekonomikament vantaġġużi, huma għandhom jiġu analizzati bħala piż li d-detentur “jarmi” (ara s-sentenzi Palin Granit, punti 32 sa 37, kif ukoll Van de Walle et, iċċitata iktar’il fuq, punt 46).

57      Fir-rigward ta’ idrokarburi mxerrda aċċidentalment u li jikkawżaw tniġġis tal-art u tal-ilma taħt l-art, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tikkonstata li dawn ma kinux jikkostitwixxu prodott li jintuża mill-ġdid mingħajr operazzjoni ta’ trasformazzjoni minn qabel (ara s-sentenza Van de Walle et, iċċitata iktar’il fuq, punt 47).

58      Konstatazzjoni bħal din għandha ssir ukoll għal dak li jikkonċerna idrokarburi mxerrda aċċidentalment fil-baħar u li jikkawżaw tniġġis tal-ibħra territorjali u konsekuttivament tal-kosta ta’ Stat Membru.

59      Fil-fatt, huwa paċifiku li l-użu jew il-bejgħ ta’ tali idrokarburi, imxerrda jew emulsjonati fl-ilma jew imħallta mas-sedimenti, huwa inċert, kważi ipotetiku. Huwa paċifiku wkoll li anki jekk wieħed jammetti li dan huwa teknikament possibbli, fi kwalunkwe każ, tali użu jew bejgħ jippresupponi li jsiru operazzjonijiet ta’ trasformazzjoni minn qabel li mhux talli mhumiex ekonomikament vantaġġużi għad-detentur ta’ din is-sustanza, iżda fil-verità jikkostitwixxu piż finanzjarju sinjifikattiv. Minn dan isegwi li tali idrokarburi mxerrda aċċidentalment fil-baħar għandhom jiġu kkunsidrati bħala sustanzi li d-detentur tagħhom ma kellux l-intenzjoni jipproduċi u li huwa “jarmi”, minkejja li involontarjament, fl-okkażjoni tat-trasport tagħhom u għalhekk għandhom jitqiesu bħala skart fis-sens tad-Direttiva 75/442 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Van de Walle et, iċċitata iktar’il fuq, punti 47 u 50).

60      Barra minn hekk, l-applikabbiltà tal-imsemmija direttiva mhijiex imminata mill-fatt li t-tixrid aċċidentali tal-idrokarburi ma sarx fuq l-art fit-territorju ta’ Stat Membru, iżda fiż-żona ekonomika esklużiva tiegħu.

61      Fil-fatt, mingħajr mhuwa neċessarju li tiddeċiedi dwar l-applikabbiltà ta’ din id-direttiva fil-post tan-nawfraġju, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-idrokarburi mxerrda aċċidentalment infirxu ma’ tul il-kosta sakemm waslu sax-xtut, u b’hekk inferxu wkoll fuq l-art tat-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

62      Minn dan jirriżulta li, f’ċirkustanzi ta’ nawfraġju ta’ tanker taż-żejt bħal dawk li jikkaratterizzaw il-kawża prinċipali, id-Direttiva 75/442 tapplika ratione loci.

63      Konsegwentement, jeħtieġ li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-idrokarburi mxerrda aċċidentalment fil-baħar wara nawfraġju, li jitħalltu mal-ilma kif ukoll mas-sedimenti u li jinfirxu ma’ tul il-kosta ta’ Stat Membru sakemm jaslu sax-xtut, jikkostitwixxu skart fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442, peress li dawn ma jistgħux iktar jintużaw jew jinbiegħu mingħajr operazzjoni ta’ trasformazzjoni minn qabel.

 Fuq it-tielet domanda

64      Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk fiċ-ċirkustanzi tan-nawfraġju ta’ tanker taż-żejt, il-produttur taż-żejt karburant tqil imxerred fil-baħar u/jew il-bejjiegħ ta’ dan iż-żejt u noleġġatur tat-tanker li jittrasporta din is-sustanza jistgħux ikunu meħtieġa jsostnu l-ispejjeż għat-tneħħija tal-iskart iġġenerat b’dan il-mod, minkejja li s-sustanza mxerrda fil-baħar kienet ittrasportata minn terza persuna, f’dan il-każ, trasportatur marittimu.

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

65      Il-Commune de Mesquer jikkunsidra li, fil-kawża prinċipali, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 75/442, il-produttur taż-żejt karburant tqil kif ukoll il-bejjiegħ ta’ dan iż-żejt u noleġġatur tat-tanker li kien qed jittrasporta din is-sustanza għandhom jitqiesu, fis-sens tal-Artikolu 1(b) u (ċ) ta’ din id-direttiva, bħala produtturi jew detenturi tal-iskart li jirriżulta mit-tixrid tal-imsemmija sustanza fil-baħar.

66      Skont il-kumpanniji Total, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 75/442 la japplika għall-produttur taż-żejt karburant tqil u lanqas għall-bejjiegħ ta’ dan iż-żejt u noleġġatur tat-tanker li ttrasporta din is-sustanza peress li, fil-mument tal-inċident li ttrasforma l-imsemmija sustanza fi skart, din kienet qed tiġi ttrasportata minn terzi persuni. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni lanqas tapplika għall-produttur taż-żejt karburant tqil għas-sempliċi raġuni li huwa l-produttur tal-prodott li ġġenera l-iskart.

67      Il-Gvern Franċiż, kif ukoll dak Taljan u l-Kummissjoni, huwa tal-fehma li l-produttur taż-żejt karburant tqil u/jew il-bejjiegħ ta’ dan iż-żejt u noleġġatur tat-tanker li kien jittrasporta din is-sustanza jistgħu jitqiesu biss bħala produtturi u/jew detenturi tal-iskart li jirriżulta mit-tixrid tal-imsemmija sustanza fil-baħar jekk in-nawfraġju tat-tanker, li jittrasforma t-tagħbija ta’ żejt karburant tqil fi skart, ikun dovut għal aġir li jistgħu jinżammu responsabbli għalih. Madankollu, il-Kummissjoni żżid tgħid li l-produttur ta’ prodott bħaż-żejt karburant tqil ma jistax, sempliċement minħabba din l-attività, jitqies bħala “produttur” u/jew “detentur”, fis-sens tal-Artikolu 1(b) u (ċ) tad-Direttiva 75/442, ta’ skart iġġenerat minn dan il-prodott f’inċident li jseħħ matul it-trasport tiegħu. Madankollu, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, huwa jibqa’ responsabbli għall-ispejjeż għat-tneħħija tal-iskart inkwantu “produttur tal-prodott li jiġġenera l-iskart”.

68      Għall-Gvern Belġjan, id-Direttiva 75/442 ma tapplikax minħabba l-fatt li għandha tapplika l-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili. Bl-istess mod, il-Gvern tar-Renju Unit iqis li l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex tirrispondi għal din id-domanda peress li l-kawża prinċipali tirrigwarda kwistjonijiet ta’ responsabbiltà minħabba tixrid ta’ żejt karburant tqil fil-baħar.

 Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

69      F’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 75/442 kif imfakkar fit-tielet premessa tagħha, it-tieni inċiż tal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva jipprovdi li, skont il-prinċipju li min iniġġes iħallas, l-ispejjeż għat-tneħħija tal-iskart għandhom ikunu sostnuti mid-detenturi ta’ qabel jew mill-produttur tal-prodott li jiġġenera l-iskart.

70      Bis-saħħa tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 75/442, kull “detentur ta’ l-iskart” għandu jara li jinġabar minn kollettur privat jew pubbliku jew minn impriża li twettaq ix-xogħlijiet imsemmija fl-Annessi II A jew II B ta’ din id-direttiva, jiġifieri li jassigura huwa stess l-irkupru jew ir-rimi billi jikkonforma ruħu mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva (sentenza tas-26 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑494/01, Ġabra 2005 p. I‑3331, punt 179).

71      Mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar’il fuq, jirriżulta li d-Direttiva 75/442 tiddistingwi t-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ rkupru u ta’ rimi fil-prattika, li skont din id-direttiva għandhom ikunu a spejjeż ta’ kull “detentur ta’ l-iskart”, kemm jekk ikun il-produttur kif ukoll jekk ikun il-pussessur, mis-sostenn tal-ispejjeż għall-imsemmija xogħlijiet, li hija timponi, skont il-prinċipju li min iniġġes iħallas, fuq il-persuni li jikkawżaw it-tniġġis, kemm jekk ikunu detenturi, detenturi ta’ qabel jew produtturi ta’ prodotti li jiġġeneraw l-iskart (sentenza Van de Walle et, iċċitata iktar’il fuq, punt 58).

72      F’dan ir-rigward, l-applikazzjoni tal-prinċipju li min iniġġes iħallas, fis-sens tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 174(2) KE u tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 75/442, ma tirnexxix jekk tali persuni involuti fil-ġenerazzjoni tal-iskart, kellhom jevitaw l-obbligi finanzjarji tagħhom kif previsti f’din id-direttiva, meta l-oriġini tal-idrokarburi li jkunu nxterdu fil-baħar, minkejja li involontarjament, u li jkunu kkawżaw tniġġis tal-kosta territorjali ta’ Stat Membru, ikun stabbilit b’mod ċar.

–       Fuq il-kunċetti ta’ “detentur” u ta’ “detenturi ta’ qabel”

73      Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fir-rigward ta’ idrokarburi mxerrda aċċidentalment minħabba nixxija fil-ħażna ta’ stazzjon tal-petrol u li kienet inxtrat minn din tal-aħħar għall-bżonnijiet tal-użu tiegħu, li dawn l-idrokarburi kienu fil-fatt fil-pussess tal-amministratur tal-istazzjoni tal-petrol. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li f’dan il-kuntest dik il-persuna li, għall-bżonnijiet tal-attività tagħha, kienet qegħda taħżen dawn l-idrokarburi meta saru skart, tista’ titqies bħala dik li “pproduċiet” l-iskart fis-sens tal-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 75/442. Fil-fatt, peress li fl-istess waqt huwa l-pussessur u l-produttur ta’ dan l-iskart, l-amministratur ta’ tali stazzjon tal-petrol għandu jitqies bħala d-detentur ta’ dan l-iskart, fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Van de Walle et, iċċitata iktar’il fuq, punt 59).

74      Bl-istess mod, fil-każ ta’ idrokarburi mxerrda aċċidentalment fil-baħar, jeħtieġ li jiġi rrilevat li sid il-bastiment li kien qed jittrasporta l-imsemmija idrokarburi, fil-fatt, kien fil-pussess tagħhom immedjatament qabel saru skart. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sid tal-imsemmi bastiment jista’ jitqies bħala li pproduċa dan l-iskart fis-sens tal-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 75/442 u b’dan il-mod jista’ jitqies bħala “detentur” fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) ta’ din id-direttiva.

75      Madankollu, l-imsemmi direttiva ma teskludix li, f’ċerti każijiet, l-ispejjeż għat-tneħħija tal-iskart ikunu a karigu ta’ wieħed jew iktar detenturi ta’ qabel (sentenza Van de Walle et, iċċitata iktar’il fuq, punt 57).

–       Fuq id-determinazzjoni tal-persuni li għandhom isostnu l-ispejjeż għat-tneħħija tal-iskart

76      Fil-kawża prinċipali, il-kwistjoni li tqum hija dwar jekk il-persuna, li biegħet il-merkanzija lid-destinatarju finali u li għal din ir-raġuni nnoleġġat it-tanker li nqered fuq il-baħar, tistax ukoll titqies bħala “detentur”, f’dan ir-rigward “ta’ qabel”, tal-iskart imxerred. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prodottur tal-prodott li jiġġenera dan l-iskart għandux ukoll ikun meħtieġ isostni l-ispejjeż għat-tneħħija tal-iskart iġġenerat b’dan il-mod.

77      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 75/442 jipprovdi li ċerti kategoriji ta’ persuni, f’dan il-każ, id-“detenturi ta’ qabel” jew il-“produttur tal-prodott li jiġġenera l-iskart”, jistgħu, skont il-prinċipju li min iniġġes iħallas, ikunu meħtieġa jsostnu l-ispejjeż għat-tneħħija tal-iskart. B’hekk, dan l-obbligu finanzjarju jaqa’ fuqhom minħabba li jkunu kkontribwixxew għall-ġenerazzjoni tal-imsemmi skart, u jekk ikun il-każ, għar-riskju tat-tniġġis li jirriżulta minnu.

78      Għaldaqstant, fir-rigward tal-idrokarburi mxerrda aċċidentalment fil-baħar wara n-nawfraġju tat-tanker taż-żejt, il-qorti nazzjonali tista’ tikkunsidra li l-bejjiegħ ta’ dawn l-idrokaruburi u noleġġatur tat-tanker li kien qed jittrasportahom “ipproduċa l-iskart”, jekk din il-qorti, fid-dawl tal-elementi li hija biss tista’ tevalwa, tasal għall-konklużjoni li dan il-bejjiegħ-noleġġatur ikkontribwixxa għar-riskju li jkun hemm it-tniġġis ikkawżat minn dan in-nawfraġju, b’mod partikolari jekk naqas milli jieħu l-miżuri sabiex jiġi evitat avveniment bħal dan, bħal per eżempju dawk li jikkonċernaw l-għażla tat-tanker. F’ċirkustanzi bħal dawn, l-imsemmi bejjiegħ-noleġġatur jista’ jitqies bħala detentur ta’ qabel tal-iskart għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel parti tat-tieni inċiż tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 75/442.

79      Kif imfakkar fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, it-tieni inċiż tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 75/442 jipprovdi, permezz tal-użu tal-konġunzjoni “jew”, li l-ispejjeż għat-tneħħija tal-iskart għandhom ikunu sostnuti jew mid-“detenturi ta’ qabel”, jew mill-“produttur tal-prodott li jiġġenera” l-iskart inkwistjoni.

80      F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 249 KE, l-Istati Membri li lilhom hija indirizzata d-Direttiva 75/442, filwaqt li huma kompetenti għall-għażla tal-forma u l-metodi, huma marbuta fir-rigward tar-riżultat li jrid jintlaħaq f’dak li jirrigwarda s-sostenn tal-ispejjeż marbuta mat-tneħħija tal-iskart. Konsegwentement, huma għandhom jaraw li d-dritt nazzjonali tagħhom jippermetti li l-imsemmija spejjeż jiġu attribwiti, jew lid-detenturi ta’ qabel, jew lill-produtturi tal-prodott li jiġġenera l-iskart.

81      B’hekk kif issostni l-Avukat Ġenerali fil-punt 135 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 75/442 ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jipprovdu, skont impenji internazzjonali meħuda minnhom f’dan il-qasam, bħall-Konvenzjonijiet dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u dwar il-Fond, li sid it-tanker jew n-noleġġatur ta’ dan tal-aħħar jistgħu jkunu responsabbli biss għad-danni kkawżati mit-tixrid ta’ idrokaruburi fil-baħar sa limiti ta’ ammonti kkalkolati skont it-tunnellaġġ tal-bastiment u/jew f’ċirkustanzi partikolari marbuta mal-imġiba negliġenti tagħhom. Din id-dispożizzjoni lanqas tipprekludi milli, skont l-imsemmija impenji internazzjonali, fond għal ħlas ta’ kumpens, bħalma huwa l-Fond, għar-riżorsi allokati għal kull inċident, ikopri l-ispejjeż marbuta mat-tneħħija tal-iskart riżultat ta’ idrokarburi mxerrda aċċidentalment fil-baħar minflok “detenturi” fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 75/442.

82      Madankollu, jekk jirriżulta li l-ispejjeż marbuta mat-tneħħija tal-iskart iġġenerat minn tixrid aċċidentali ta’ idrokarburi fil-baħar ma jkunux koperti mill-imsemmija fondi jew ma jistgħux ikunu koperti minħabba li jkun eżawrit il-limitu ta’ kumpens previst għal dan l-inċident, u li skont dawn il-limiti u/jew eżoneri mir-responsabbiltà previsti, id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru inkluż dak li joħroġ minn konvenzjonijiet internazzjonali, ma jippermettix li dawn l-ispejjeż ikunu sostnuti minn sid it-tanker u/jew in-noleġġatur ta’ dan tal-aħħar, minkejja li dawn għandhom jitqiesu bħala “detenturi” fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 75/442, tali dritt nazzjonali għandu għalhekk jippermetti, sabiex tiġi żgurata traspożizzjoni konformi mal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, li l-imsemmija spejjeż jiġu sostnuti mill-produttur tal-prodott li jiġġenera l-iskart imxerred. Madankollu, skont il-prinċipju li min iniġġes iħallas, tali produttur jista’ jkun meħtieġ isostni dawn l-ispejjeż fil-każ biss li, bl-attività tiegħu, huwa jkun ikkontribwixxa għar-riskju li jkun hemm it-tniġġis ikkawżat min-nawfraġju tat-tanker.

83      F’dan ir-rigward, l-obbligu ta’ Stat Membru li jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jintlaħaq ir-riżultat tad-direttiva huwa obbligu vinkolanti impost mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE u mid-direttiva stess. Dan l-obbligu li jittieħdu l-miżuri ġenerali jew partikolari kollha huwa impost fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inklużi, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-awtoritajiet ġudizzjarji (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Marleasing, C‑106/89, Ġabra p. I‑4135, punt 8, u Inter-Environnement Wallonie, iċċitata iktar’il fuq, punt 40).

84      Minn dan isegwi li, meta tapplika d-dritt nazzjonali, kemm jekk huma dispożizzjonijiet preċedenti jew posterjuri għad-direttiva jew jekk huma dispożizzjonijiet li joħorġu minn konvenzjonijiet internazzjonali li l-Istat Membru jkun parti fihom, il-qorti nazzjonali li tintalab tinterpretah għandha tagħmel dan, sakemm ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha u b’hekk tikkonforma mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Marleasing, iċċitata iktar’il fuq, punt 8).

85      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li l-kumpanniji Total sostnew fis-seduta, il-Komunità mhijiex marbuta mill-Konvenzjonijiet dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u dwar il-Fond. Fil-fatt, minn naħa, il-Komunità ma aderietx għall-imsemmija strumenti internazzjonali u, min-naħa l-oħra, la tista’ titqies li ssostitwixxiet lill-Istati Membri, peress li dawn mhumiex kollha parti f’dawn il-konvenzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1994, Peralta, C‑379/92, Ġabra p. I‑3453, punt 16, kif ukoll tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C‑308/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 47), u lanqas li hija marbuta indirettament mill-imsemmija konvenzjonijiet minħabba l-Artikolu 235 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982, li daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 1994 u ġiet approvata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE, tat-23 ta’ Marzu 1998 (ĠU L 179, p. 1), dispożizzjoni li, kif sostna l-Gvern Franċiż fis-seduta, il-paragrafu 3 tagħha jistabbilixxi biss obbligu ġenerali ta’ kooperazzjoni bejn il-partijiet tal-imsemmija konvenzjoni.

86      Barra minn hekk, fir-rigward tad-Deċiżjoni 2004/245 li tawtorizza lill-Istati Membri jiffirmaw jew jirratifikaw, fl-interess tal-Komunità, il-Protokoll tal-2003 għall-Konvenzjoni dwar il-Fond, jew li jaderixxu għalih, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-imsemmija deċiżjoni u l-imsemmi Protokoll tal-2003 ma japplikawx għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

87      Huwa minnu li d-Direttiva 2004/35 tipprovdi espressament, fl-Artikolu 4(2) tagħha, li hija la tapplika għal inċident u lanqas għal attività li fir-rigward tagħhom ir-responsabbiltà jew il-ħlas ta’ kumpens jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ wieħed mill-istrumenti internazzjonali msemmija fl-Anness IV tagħha, li jsemmi l-Konvenzjonijiet dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u dwar il-Fond. Fil-fatt, il-leġiżlatur Komunitarju, kif indikat fit-tieni premessa ta’ din id-direttiva, qies neċessarju li jittieħdu espressament inkunsiderazzjoni l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti li jirregolaw b’mod iktar komplut u strett kull attività li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

88      Madankollu, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li d-Direttiva 75/442 ma fiha ebda dispożizzjoni simili, inkluż fil-verżjoni kkodifikata tagħha kif tirriżulta mid-Direttiva 2006/12.

89      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 75/442 għat-tixrid aċċidentali ta’ idrokarburi fil-baħar li kkawża t-tniġġis tal-kosta ta’ Stat Membru:

–        il-qorti nazzjonali tista’ tikkunsidra l-bejjiegħ ta’ dawn l-idrokarburi u noleġġatur tat-tanker li kien qed jittrasportahom bħala prodottur tal-imsemmi skart, fis-sens tal-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 75/442, u billi jagħmel dan, bħala “detentur ta’ qabel” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel parti tat-tieni inċiż tal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, jekk din il-qorti, fid-dawl tal-elementi li hija biss tista’ tevalwa, tasal għall-konklużjoni li dan il-bejjiegħ-noleġġatur ikkontribwixxa għar-riskju li jkun hemm it-tniġġis ikkawżat minn dan in-nawfraġju, b’mod partikolari jekk naqas milli jieħu l-miżuri sabiex jiġi evitat avveniment bħal dan, bħal per eżempju dawk li jikkonċernaw l-għażla tat-tanker;

–        jekk jirriżulta li l-ispejjeż marbuta mat-tneħħija tal-iskart iġġenerat minn tixrid aċċidentali ta’ idrokarburi fil-baħar ma jkunux koperti mill-Fond jew ma jistgħux ikunu koperti minħabba li jkun eżawrit il-limitu ta’ kumpens previst għal dan l-inċident, u li skont dawn il-limiti u/jew eżoneri mir-responsabbiltà previsti, id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru inkluż dak li joħroġ minn konvenzjonijiet internazzjonali, ma jippermettix li dawn l-ispejjeż ikunu sostnuti minn sid it-tanker u/jew in-noleġġatur ta’ dan tal-aħħar, minkejja li dawn għandhom jitqiesu bħala “detenturi” fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 75/442, tali dritt nazzjonali għandu għalhekk jippermetti, sabiex tiġi żgurata traspożizzjoni konformi mal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, li l-imsemmija spejjeż jiġu sostnuti mill-produttur tal-prodott li jiġġenera l-iskart imxerred. Madankollu, skont il-prinċipju li min iniġġes iħallas, tali produttur jista’ jkun meħtieġ isostni dawn l-ispejjeż fil-każ biss li, bl-attività tiegħu, huwa jkun ikkontribwixxa għar-riskju li jkun hemm it-tniġġis ikkawżat min-nawfraġju tat-tanker.

 Fuq l-ispejjeż

90      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Sustanza bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri taż-żejt karburant tqil mibjugħ bħala kombustibbli, ma tikkostitwixxix skart fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/350/KE, tal-24 ta’ Mejju 1996, peress li tintuża jew tinbiegħ f’kundizzjonijiet ekonomikament vantaġġużi u tista’ effettivament tintuża bħala kombustibbli mingħajr operazzjoni ta’ trasformazzjoni minn qabel.

2)      Idrokarburi mxerrda aċċidentalment fil-baħar wara nawfraġju, li jitħalltu mal-ilma kif ukoll mas-sedimenti u li jinfirxu ma’ tul il-kosta ta’ Stat Membru sakemm jaslu sax-xtut, jikkostitwixxu skart fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442, kif emendata bid-Deċiżjoni 96/350, peress li dawn ma jistgħux iktar jintużaw jew jinbiegħu mingħajr operazzjoni ta’ trasformazzjoni minn qabel.

3)      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 75/442, kif emendata bid-Deċiżjoni 96/350, għat-tixrid inċidentali [aċċidentali] ta’ idrokarburi fil-baħar li kkawża t-tniġġis tal-kosta ta’ Stat Membru:

–        il-qorti nazzjonali tista’ tikkunsidra l-bejjiegħ ta’ dawn l-idrokarburi u noleġġatur tat-tanker li kien qed jittrasportahom bħala prodottur tal-imsemmi skart, fis-sens tal-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 75/442, kif emendata bid-Deċiżjoni 96/350, u billi jagħmel dan, bħala “detentur ta’ qabel” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel parti tat-tieni inċiż tal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, jekk din il-qorti, fid-dawl tal-elementi li hija biss tista’ tevalwa, tasal għall-konklużjoni li dan il-bejjiegħ-noleġġatur ikkontribwixxa għar-riskju li jkun hemm it-tniġġis ikkawżat minn dan in-nawfraġju, b’mod partikolari jekk naqas milli jieħu l-miżuri sabiex jiġi evitat avveniment bħal dan, bħal per eżempju dawk li jikkonċernaw l-għażla tat-tanker;

–        jekk jirriżulta li l-ispejjeż marbuta mat-tneħħija tal-iskart iġġenerat minn tixrid aċċidentali ta’ idrokarburi fil-baħar ma jkunux koperti mill-Fond Internazzjonali għal Kumpens għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt jew ma jistgħux ikunu koperti minħabba li jkun eżawrit il-limitu ta’ kumpens previst għal dan l-inċident, u li skont dawn il-limiti u/jew eżoneri mir-responsabbiltà previsti, id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru inkluż dak li joħroġ minn konvenzjonijiet internazzjonali, ma jippermettix li dawn l-ispejjeż ikunu sostnuti minn sid it-tanker u/jew in-noleġġatur ta’ dan tal-aħħar, minkejja li dawn għandhom jitqiesu bħala “detenturi” fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 75/442, kif emendata bid-Deċiżjoni 96/350, tali dritt nazzjonali għandu għalhekk jippermetti, sabiex tiġi żgurata traspożizzjoni konformi mal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, li l-imsemmija spejjeż jiġu sostnuti mill-produttur tal-prodott li jiġġenera l-iskart imxerred. Madankollu, skont il-prinċipju li min iniġġes iħallas, tali produttur jista’ jkun meħtieġ isostni dawn l-ispejjeż fil-każ biss li, bl-attività tiegħu, huwa jkun ikkontribwixxa għar-riskju li jkun hemm it-tniġġis ikkawżat min-nawfraġju tat-tanker.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.