SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

18 ta’ Novembru 2008 ( *1 )

“Moviment liberu tal-persuni — Student ċittadin ta’ Stat Membru li jmur fi Stat Membru ieħor biex isegwi taħriġ — Għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti — Ċittadinanza tal-Unjoni — Artikolu 12 KE — Ċertezza legali”

Fil-Kawża C-158/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Centrale Raad van Beroep (l-Olanda), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-, fil-proċedura

Jacqueline Förster

vs

Hoofddirectie van de Informatie Beheer Groep,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts u T. von Danwitz, Presidenti tal-Awla, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann, A. Arabadjiev, C. Toader u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ April 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Förster, minn A. Noordhuis, avocat,

għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. de Mol, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, bħala aġent,

għall-Gvern Daniż, minn B. Weis Fogh, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Gvern Finlandiż, minn J. Himmanen, bħala aġent,

għall-Gvern Żvediż, minn A. Falk u S. Johannesson, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn T. Harris, bħala aġent, assistita minn S. Lee, barrister,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Rozet u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Lulju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 12 KE, 18 KE, 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1251/70, tad-29 ta’ Ġunju 1970, dwar id-dritt tal-ħaddiema li jibqgħu fit-territorju ta’ Stat Membru wara li kienu impjegati f’dak l-Istat (ĠU L 142, p. 24), kif ukoll 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/96/KEE, tad-, dwar id-dritt ta’ residenza għall-istudenti (ĠU L 317, p. 59).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Förster u l-hoofddirectie van de Informatie Beheer Groep (iktar ’il quddiem, l-“IB-Groep”) rigward l-annullament parzjali ta’ għoti ta’ manteniment li hija kienet irċeviet skont il-liġi tal-2000 rigward il-finanzjament ta’ studji (Wet studiefinanciering 2000, iktar ’il quddiem il-“WSF 2000”).

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2434/92, tas- (ĠU L 245, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1612/68”), jipprovdi li l-ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru jgawdi fit-territorju tal-Istati Membri l-oħrajn “l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru”.

4

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1251/70 jipprovdi b’mod partikolari:

“1.   Dawn li ġejjin għandhom id-dritt li jibqgħu b’mod permanenti fit-territorju ta’ Stat Membru:

a)

ħaddiem li, fiż-żmien tat-tmiem ta’ l-attività tiegħu, ikun wasal fl-età msemmija fil-liġi ta’ dak l-Istat Membru għal intitolament ta’ pensjoni ta’ l-età avvanzata u li kien impjegat f’dak l-Istat għal mill-anqas l-aħħar tnax-il xahar u li kien jirrisjedi hemm kontinwament għal aktar minn tliet snin.

b)

ħaddiem li, wara li jkun qagħad kontinwament fit-territorju ta’ dak l-Istat għal aktar minn sentejn, jieqaf jaħdem hemm bħala persuna impjegata bħala riżultat ta’ inkapaċità permanenti biex jaħdem.

[…]

ċ)

ħaddiem li, wara tliet snin ta’ impjieg kontinwu u residenza fit-territorju ta’ dak l-Istat, jaħdem bħala persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, waqt li jżomm ir-residenza tiegħu fit-territorju ta’ l-ewwel Stat, li jirritorna fih, bħala regola, kuljum jew mill-anqas darba f’ġimgħa.

[…]”

5

Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1251/70:

“Id-dritt għal trattament ugwali, stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, għandu japplika ukoll għal persuni li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.”

6

Id-Direttiva 93/96 tipprovdi fl-ewwel artikolu tagħha:

“Sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċitar tad-dritt tar-residenza u bil-ħsieb li jigi ggarantit l-aċċess għat-taħriġ vokazzjonali b’mod mhux diskriminatorju għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jkun ġie aċċettat sabiex jattendi kors ta’ taħriġ vokazzjonali fi Stat Membru ieħor, l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu d-dritt tar-residenza għal kull student li jkun ċittadin ta’ Stat Membru u li ma jgawdix dak id-dritt taħt dispożizzjonijiet l-oħra tal-liġi Komunitarja, u għall-konjugi ta’ l-istudent u t-tfal dipendenti tagħhom, meta l-istudent jassigura lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew bil-mezzi alternattivi li l-istudent jagħżel li jkunu mill-anqas ekwivalenti, li jkollu biżżejjed risorsi sabiex jevita li jsir piż fuq is-sistema ta’ l-assistenza soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu ta’ residenza tagħhom, dment li l-istudent ikun irreġistrat fi stabbiliment edukattiv rikonoxxut għall-fini prinċipali li jsegwi kors ta’ taħriġ vokazzjonali hemmekk u li jkun kopert minn assigurazzjoni fuq il-mard fir-rigward tar-riskji kollha fl-Istat Membru ospitanti.”

7

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/96 jipprovdi:

“Din id-Direttiva ma tistabbilixxi l-ebda intitolament għall-ħlas ta’ għotjiet ta’ manteniment mill-Istati Membri lill-istudenti li jibbenefikaw mid-dritt ta’ residenza.”

8

Id-Direttiva 93/96 ġiet abrogata, bis-seħħ mit-30 ta’ April 2006, permezz tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-, (ĠU L 158, p. 77, u rettifika ĠU 2004, L 229, p. 35), li kellha, bis-saħħa tal-Artikolu 40 tagħha, tiġi trasposta mill-Istati Membri qabel it-.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9

Mill-1 ta’ Settembru 2000 sal-, l-Artikolu 2.2 tal-WSF kien jipprovdi kif ġej:

“1.

Il-finanzjament tal-istudju jista’ jingħata lil:

a.

studenti li għandhom in-nazzjonalità Olandiża;

b.

studenti li ma għandhomx in-nazzjonalità Olandiża iżda li huma residenti fl-Olanda u jiġu ttrattati bħala ċittadini Olandiżi fir-rigward tal-finanzjament tal-istudji skont it-Trattat jew skont deċiżjoni ta’ organizzazzjoni ta’ dritt pubbliku internazzjonali, jew

c.

studenti li ma għandhomx in-nazzjonalità Olandiża iżda huma residenti fl-Olanda u jagħmlu parti minn grupp ta’ persuni li, b’ordni amministrattiva, huma ttrattati bħala ċittadini Olandiżi fir-rigward tal-finanzjament tal-istudji.”

10

Mill-21 ta’ Novembru 2003, ġie miżjud it-tieni paragrafu mal-Artikolu 2.2 tal-WSF 2000. Huwa fformulat b’dan il-mod:

“B’deroga mill-Artikolu 2.2(1)(b), ir-rekwiżit li student ikun residenti fl-Olanda ma għandux japplika għal student li ma jistax jiġi suġġett għal dan ir-rekwiżit skont it-Trattat jew skont deċiżjoni ta’ organizzazzjoni ta’ dritt pubbliku internazzjonali. Jistgħu jiġu adottati regoli permezz jew skont ordni amministrattiva għall-eżekuzzjoni korretta ta’ dan il-paragrafu.”

11

Fl-4 ta’ Marzu 2005, l-IB-Groep adotta l-linja gwida dwar il-politika ta’ kontroll tal-ħaddiema migranti (Beleidsregel controlebeleid migrerend werknemerschap, AG/OCW/MT 05.11). Din il-linja gwida daħlet fis-seħħ fit- u tikkonċerna l-kontroll tal-perijodi li għalihom ingħata finanzjament tal-istudju b’effett mis-sena kalendarja 2003. Din tipprovdi li kwalunkwe student li ħadem għal medja ta’ 32 siegħa jew għal iktar fix-xahar fil-perijodu suġġett għall-kontroll jikseb awtomatikament l-istatus ta’ ħaddiem Komunitarju. Jekk student ma jissodisfax l-imsemmi kriterju tat-32 siegħa ta’ xogħol, l-IB-Groep iwettaq investigazzjoni iktar dettaljata fuq is-sitwazzjoni personali ta’ dan l-istudent.

12

Wara s-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar (C-209/03, Ġabra p. I-2119), l-IB-Groep adotta, fid-, il-linja gwida dwar l-adattament tal-applikazzjonijiet għall-finanzjament tal-istudju għall-istudenti tal-Unjoni Ewropea, taż-Żona Ekonomika Ewropea u tal-Iżvizzera (Beleidsregel aanpassing aanvraag studiefinanciering voor studenten uit EU, EER en Zwitserland, iktar ’il quddiem il-“linja gwida tad-”), li ġiet ippubblikata fit-.

13

L-Artikolu 2(1) ta’ din il-linja gwida jipprovdi:

“Student li jkun ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea […] jista’, fuq talba tiegħu, ikun eliġibbli għall-finanzjament tal-istudju skont il-WSF 2000 […] jekk, qabel l-applikazzjoni tiegħu, ikun ilu residenti legalment fl-Olanda għal perijodu kontinwu ta’ mill-inqas ħames snin. Id-dispożizzjonijiet l-oħrajn tal-WSF 2000 […] għandhom japplikaw fis-sħiħ.”

14

L-Artikolu 5 tal-linja gwida tad-9 ta’ Mejju 2005 jipprovdi li ġej:

“Din il-linja gwida tidħol fis-seħħ mill-pubblikazzjoni tagħha u topera b’mod retroattiv mill-15 ta’ Marzu 2005.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Fil-5 ta’ Marzu 2000, ta’ għoxrin sena, J. Förster, ċittadina Ġermaniża, stabbilit ruħha fl-Olanda, fejn irreġistrat immedjatament għal taħriġ bħala għalliema tal-primarja u, mill-, f’kors fit-teorija tal-edukazzjoni li jwassal għal lawrja ta’ baċellerat fil-Kulleġġ ta’ Amsterdam (Hogeschool van Amsterdam).

16

Matul l-istudji tagħha, J. Förster eżerċitat diversi attivitajiet bħala persuna impjegata.

17

Minn Ottubru 2002 sa Ġunju 2003, J. Förster għamlet taħriġ prattiku li kien imħallas fi iskola Olandiża li tipprovdi edukazzjoni sekondarja speċjali għal studenti bi problemi fl-imġiba u/jew b’disturbi psikjatriċi.

18

Wara dan it-taħriġ prattiku, J. Förster waqqfet kull attività bħala persuna impjegata.

19

Wara li, f’nofs l-2004, hija għaddiet l-eżami finali fil-kors dwar it-teorija tal-edukazzjoni li jwassal għal lawrja ta’ baċellerat, J. Förster aċċettat, fil-15 ta’ Ġunju ta’ din is-sena, impjieg bħala ħaddiema soċjali f’istituzzjoni li tilqa’ persuni b’disturbi psikjatriċi.

20

Minn Settembru 2000, l-IB-Groep ta lil Förster finanzjament tal-istudju. Dan il-finanzjament ġie estiż perijodikament mill-IB-Groep. Dan kien iqis li Förster kellha tiġi kkunsidrata bħala “ħaddiema” fis-sens tal-Artikolu 39 KE u għaldaqstant li, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, kellha tiġi ttrattata bħala studenta b’ċittadinanza Olandiża fir-rigward tal-għotjiet ta’ manteniment.

21

Waqt kontroll, l-IB-Groep ikkonstata li, bejn Lulju 2003 u Diċembru tal-istess sena, J. Förster ma kellhiex xogħol remunerat. Għaldaqstant, b’deċizjoni tat-3 ta’ Marzu 2005, huwa kkunsidra li hija ma setgħetx titqies iktar bħala ħaddiema. Konsegwentement, id-deċiżjoni rigward il-finanzjament tal-istudju mogħti għall-perijodu bejn Lulju 2003 u Diċembru 2003 ġiet annullata u J. Förster ġiet ordnata tħallas lura s-somom indebiti.

22

Permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Settembru 2005, ir-rikors ippreżentat minn Förster quddiem ir-Rechtbank Alkmaar ġie ddikjarat bħala infondat għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, din il-qorti qieset li peress li fit-tieni nofs tal-2003, Förster ma kellha l-ebda mpjieg reali jew effettiv, hija ma setgħetx titqies bħala ħaddiema Komunitarja matul dan il-perijdou. Min-naħa l-oħra, din l-istess qorti qieset li J. Förster ma setgħetx tinvoka s-sentenza Bidar, iċċitata iktar ’il fuq, sabiex tgawdi mill-finanzjament tal-istudju peress li, qabel l-istudji tagħha dwar it-teorija tal-edukazzjoni li jwasslu għal lawrja ta’ baċellerat, hija ma kienet bl-ebda mod integrata fis-soċjetà Olandiża.

23

J. Förster appellat minn din is-sentenza quddiem is-Centrale Raad van Beroep filwaqt li sostniet, prinċipalment, li fil-perijodu inkwistjoni, hija diġà kienet suffiċjentement integrata fis-soċjetà Olandiża sabiex, skont id-dritt Komunitarju, tkun intitolata għal finanzjament tal-istudju għat-tieni nofs tal-2003 u, sussidjarjament, li hija kellha titqies bħala ħaddiema Komunitarja matul l-2003 kollha.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi s-Centrale Raad van Berop iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 7 tar-Regolament (KEE) Nru 1251/70 japplika wkoll għall-istudenti li jmorru l-Olanda prinċipalment biex jistudjaw u li għall-ewwel ħadmu bħala persuni impjegati fuq skala limitata filwaqt li komplew jistudjaw, iżda li sadanittant waqfu jaħdmu?

2)

Id-Direttiva 93/96/KEE tipprekludi li l-istudent, kif imsemmi fl-ewwel domanda, jinvoka b’suċċess l-Artikolu 12 KE biex jikseb finanzjament ta’ [manteniment]?

3)

a)

Ir-regola li ċ-ċittadini tal-Unjoni li ma jkunux ekonomikament attivi jistgħu jinvokaw l-Artikolu 12 KE biss jekk ikunu rrisjedew legalment fl-Istat Membru ospitanti għal ċertu perijodu jew ikollhom permess ta’ residenza tapplika wkoll għall-għajnuna mogħtija biex tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment tagħhom?

b)

Jekk dan huwa minnu, huwa permissibbli li matul dan il-perijodu jiġi impost rekwiżit ta’ terminu ta’ residenza biss fuq iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn għajr dawk tal-Istat Membru ospitanti?

ċ)

Jekk dan huwa minnu, l-applikazzjoni ta’ rekwiżit ta’ terminu ta’ residenza ta’ ħames snin huwa konformi mal-Artikolu 12 KE?

d)

Jekk le, liema terminu ta’ residenza jista’ jkun meħtieġ?

4)

F’każijiet individwali għandu jkun meħtieġ perijodu iqsar ta’ residenza legali jekk fatturi oħrajn għajr it-terminu ta’ residenza jindikaw livell sostanzjali ta’ integrazzjoni fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti?

5)

Jekk, bis-saħħa ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-persuni interessati jistgħu jisiltu mill-Artikolu 12 KE, b’effett retroattiv, iktar drittijiet milli kien preċedentement maħsub, jistgħu jiġu imposti rekwiżiti ġġustifikati marbutin miegħu rigward perijodi fl-imgħoddi jekk dawn ir-rekwiżiti jkunu ġew ppubblikati ftit wara l-pubblikazzjoni ta’ din is-sentenza?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

25

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk student li jinsab fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jistax jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1251/70 sabiex jikseb għoti ta’ manteniment.

26

Ir-Regolament Nru 1251/70 jiżgura lill-ħaddiem li temm l-attività tiegħu, li jkun ħadem bħala impjegat fl-imsemmi Stat Membru, id-dritt li jibqa’ b’mod permanenti fit-territorju ta’ Stat Membru kif ukoll id-dritt għal trattament ugwali, meta mqabbel maċ-ċittadini tal-Istat Membru, stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68. Dawn id-drittijiet huma intiżi għall-membri tal-familja tal-ħaddiem li jirrisjedu miegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

27

Il-kundizzjonijiet għall-ksib tad-dritt għall-ħaddiem li jibqa’ fl-Istat Membru ospitanti huma msemmija b’mod limitat fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1251/70 (ara s-sentenza tad-9 ta’ Jannar 2003, Givane et, C-257/00, Ġabra p. I-345, punt 29).

28

Minbarra l-osservanza ta’ kundizzjonijiet marbutin mat-tul ta’ żmien kemm tal-attività ta’ impjieg eżerċitata kif ukoll tar-residenza, il-ħaddiem li kellu mpjieg fi Stat Membru ospitanti għandu d-dritt li joqgħod hemm fi tliet każijiet. L-ewwel nett, jekk dan il-ħaddiem, fiż-żmien tat-tmiem tal-attività tiegħu, ikun wasal fl-età msemmija fil-liġi ta’ dak l-Istat Membru għal intitolament ta’ pensjoni tal-età avvanzata. It-tieni nett, jekk it-tmiem tal-impjieg huwa dovut għal inkapaċità permanenti għax-xogħol. It-tielet nett, jekk dan il-ħaddiem għandu mpjieg remunerat fi Stat Membru ieħor, filwaqt li jżomm ir-residenza tiegħu fit-territorju tal-ewwel Stat fejn huwa jirritorna, fil-prinċipju, kull jum jew mill-inqas darba fil-ġimgħa.

29

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma taqa’ taħt l-ebda wieħed mill-każijiet previsti fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1251/70.

30

Għandu jingħad ukoll li J. Förster waqqfet kull attività professjonali waqt il-perijodu inkwistjoni sabiex tkompli l-istudji tagħha, mingħajr madankollu ma waqqfet il-proġett tagħha ta’ ħajja professjonali fl-Olanda, fejn hija żammet ir-residenza tagħha.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, J. Förster ma tistax titqies bħala “ċittadin[a] ta’ Stat Membru li [kienet taħdem] bħala impjegat[a] fit-territorju ta’ Stat Membru” ieħor fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1251/70.

32

Għaldaqstant, ir-Regolament Nru 1251/70 mhuwiex applikabbli f’din il-kawża.

33

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li student li jinsab fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jistax jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1251/70 sabiex jikseb għoti ta’ manteniment.

Fuq it-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda

34

Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, student ċittadin ta’ Stat Membru li mar fi Stat Membru ieħor sabiex jistudja hemmhekk, jistax jinvoka l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE sabiex jikseb għoti ta’ manteniment. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk l-applikazzjoni fir-rigward taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn ta’ kundizzjoni ta’ residenza minn qabel ta’ ħames snin tistax titqies bħala kompatibbli mal-imsemmi l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE, u, jekk dan huwa l-każ, jekk hemmx lok, f’każijiet partikolari, li jiġu adottati kriterji oħrajn li juru l-eżistenza ta’ livell sostanzjali ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti.

35

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE jipprojbixxi, fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE u mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet partikolari li huwa jipprovdi, kull diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza.

36

Skont ġurisprudenza stabbilita, ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi legalment fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jista’ jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 12 KE fis-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt Komunitarju (is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala, C-85/96, Ġabra p. I-2691, punt 63, u Grzelczyk, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

37

Dawn is-sitwazzjonijiet jinkludu, b’mod partikolari, dawk li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-libertaijet fundamentali garantiti mit-Trattat u dawk li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri kif mogħtija mill-Artikolu 18 KE (ara s-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello, C-148/02, Ġabra p. I-11613, punt 24, u tat-, Schempp, C-403/03, Ġabra p. I-6421, punt 18).

38

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ċittadin ta’ Stat Membru li jmur fi Stat Membru ieħor fejn huwa jsegwi studji sekondarji jagħmel użu mil-libertà ta’ moviment garantita mill-Artikolu 18 KE (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop, C-224/98, Ġabra p. I-6191, punti 29 sa 34, u Bidar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

39

Fir-rigward tal-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ċittadin tal-Unjoni li mhuwiex ekonomikament attiv jista’ jinvoka l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE ladarba huwa jkun irrisjeda legalment fl-Istat Membru ospitanti għal ċertu perijodu (is-sentenza Bidar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

40

Student li jmur fi Stat Membru ieħor sabiex jibda jew ikompli l-istudji tiegħu hemmhekk jista’ jibbenefika minn dritt ta’ residenza abbażi tal-Artikolu 18 KE u tad-Direttiva 93/96 meta huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva rigward id-disponibbiltà ta’ riżorsi suffiċjenti u ta’ assigurazzjoni fuq il-mard u rigward ir-reġistrazzjoni fi stabbiliment edukattiv rikonoxxut sabiex isegwi hemmhekk, b’mod prinċipali, taħriġ professjonali.

41

Is-sitwazzjoni ta’ student li huwa residenti legali fi Stat Membru ieħor taqa’, għaldaqstant, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE sabiex jikseb għoti ta’ manteniment (ara s-sentenza Bidar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

42

Huwa minnu li, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/96, din ma tistabbilixxix intitolament għall-ħlas ta’ għotjiet ta’ manteniment, mill-Istat Membru ospitanti, lill-istudenti li jibbenefikaw mid-dritt ta’ residenza.

43

Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li ċittadin ta’ Stat Membru li, skont l-Artikolu 18 KE u skont id-dispożizzjonijiet adottati għall-implementazzjoni ta’ dan l-artikolu, jirresjedi legalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor fejn huwa beħsiebu jibda jew ikompli l-istudji tiegħu milli jinvoka, matul ir-residenza tiegħu, il-prinċipju fundamentali ta’ trattament ugwali stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bidar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

44

Għal dan il-għan, il-fatt li Förster ġiet fl-Olanda prinċipalment sabiex tlesti l-istudji tagħha mhuwiex rilevanti.

45

Barra minn hekk, skont il-linja gwida tad-9 ta’ Mejju 2005, student li huwa ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni jista’ jibbenefika minn għoti ta’ manteniment jekk, qabel it-talba tiegħu, huwa jkun irrisjeda legalment fl-Olanda għal perijodu kontinwu ta’ mill-inqas ħames snin. Peress li din il-kundizzjoni rigward it-tul ta’ żmien ta’ residenza mhijiex inforzata fil-konfront tal-istudenti ta’ ċittadinanza Olandiża, tqum id-domanda dwar liema huma l-limiti li jista’ jiġi suġġett għalihom id-dritt tal-istudenti ċittadini tal-Istati Membri l-oħrajn għal għoti ta’ manteniment sabiex it-trattament differenti ta’ dawn l-istudenti tal-aħħar meta mqabbel ma’ dak tal-istudenti ċittadini li jista’ jirriżulta ma jkunx jista’ jitqies bħala diskriminatorju u, għaldaqstant, ipprojbit mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE.

46

Din id-domanda ġiet evalwata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bidar, iċċitata iktar ’il fuq.

47

B’mod differenti minn din il-kawża, il-kawża li tat lok għas-sentenza Bidar, iċċitata iktar ’il fuq, kienet tikkonċerna dispożizzjoni nazzjonali li, minbarra l-osservanza ta’ kundizzjoni ta’ residenza, kienet teżiġi li l-istudenti li ġejjin minn Stati Membri oħrajn li jitolbu għajnuna għall-ispejjeż tagħhom ta’ manteniment ikunu stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti. Sa fejn id-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fl-imsemmija sentenza, kienet teskludi kull possibbiltà għal ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li jikseb, inkwantu student, l-istatus ta’ persuna stabbilita, din id-dispożizzjoni kienet tqiegħed lil tali ċittadin, ikun x’ikun il-livell tiegħu ta’ integrazzjoni reali fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti, fl-impossibbiltà li jissodisfa l-imsemmija kundizzjoni u, għaldaqstant, li jibbenefika mid-dirtt għall-għajnuna li tkopri l-ispejjeż tagħha ta’ manteniment.

48

Fis-sentenza Bidar, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li, minkejja li l-Istati Membri huma msejħa jagħtu prova, fl-organizzazzjoni u l-applikazzjoni tas-sistema ta’ għajnuna soċjali tagħhom, ta’ ċerta solidarjetà finanzjarja maċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, kull Stat Membru jista’ jassigura li l-għoti ta’ għajnuna intiża sabiex tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment tal-istudenti li ġejjin minn Stati Membri oħrajn ma ssirx piż irraġonevoli li jista’ jkollha konsegwenzi fuq il-livell globali tal-għajnuna li tista’ tingħata minn dan l-Istat (ara s-sentenza Bidar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

49

Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li Stat Membru jista’ jagħti għajnuna li tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment tal-istudenti biss lill-istudenti li jkunu wrew ċertu livell ta’ integrazzjoni fis-soċjetà ta’ dan l-Istat (sentenza Bidar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).

50

Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-eżistenza ta’ ċertu livell ta’ integrazzjoni jista’ jitqies bħala stabbilit peremzz tal-konstatazzjoni li l-istudent inkwistjoni, matul ċertu perijodu, irrisjeda fl-Istat Membru ospitanti (sentenza Bidar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

51

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju ta’ kundizzjoni ta’ residenza kontinwa ta’ ħames snin, kif mitluba mid-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi eżaminat jekk tali kundizzjoni tistax tiġi ġġustifikata permezz tal-għan, għall-Istat Membru ospitanti, li jiggarantixxi l-eżistenza ta’ ċertu livell ta’ integrazzjoni fit-territorju tal-istudenti ċittadini tal-Istati Membri l-oħrajn.

52

F’dan il-każ, tali kundizzjoni ta’ residenza kontinwa ta’ ħames snin hija xierqa sabiex tiggarantixxi li l-applikant għal għoti ta’ manteniment inkwisjoni jkun integrat fl-Istat Membru ospitanti.

53

Il-ġustifikazzjoni tagħha fir-rigward tad-dritt Komunitarju teżiġi wkoll li hija tkun proporzjonata għall-għan li huwa segwit b’mod leġittimu mid-dritt nazzjonali. Hija ma tistax tmur lil’hemm minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan.

54

Kundizzjoni ta’ residenza kontinwa ta’ ħames snin ma tistax titqies bħala eċċessiva fid-dawl, b’mod partikolari, tal-eżiġenzi invokati fir-rigward tal-livell ta’ integrazzjoni ta’ dawk li mhumiex ċittadini fl-Istat Membru ospitanti.

55

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, minkejja li d-Direttiva 2004/38 mhijiex applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, hija tipprovdi, fl-Artikolu 24(2) tagħha, fir-rigward tal-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu tali status u membri tal-familja tagħhom, li l-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat li jagħti għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet tal-istudenti jew f’self għal studenti li ma kisbux dritt ta’ residenza permanenti, filwaqt li tipprovdi, fl-Artikolu 16(1) tagħha, li ċ-ċittadini tal-Unjoni li rrisjeda legalment għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk.

56

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, sabiex tkun proporzjonata, kundizzjoni ta’ residenza għandha tiġi applikata mill-awtoritajiet nazzjonali fuq il-bażi ta’ kriterji ċari u magħrufin minn qabel (ara s-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2004, Collins, C-138/02, Ġabra p. I-2703, punt 72).

57

Peress li tippermetti lill-persuni interessati li jkunu jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom, il-kundizzjoni ta’ residenza stabbilita permezz tal-linja gwida tad-9 ta’ Mejju 2005 hija, permezz tal-eżistenza tagħha nfisha, tali li tiggarantixxi livell għoli ta’ ċertezza legali u ta’ trasparenza fil-kuntest tal-għoti ta’ manteniment lill-istudenti.

58

Għalhekk huwa importanti li jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni ta’ residenza ta’ ħames snin, kif prevista mid-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tmurx lil hemm minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi ggarantit ċertu livell ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti tal-istudenti li ġejjin minn Stati Membri oħrajn.

59

Din il-konstatazzjoni ma taffettwax is-setgħa tal-Istati Membri li jattribwixxu, jekk huma jixtiequ, għoti ta’ manteniment lill-istudenti li ġejjin minn Stati Membri oħrajn li ma jissodisfawx il-kundizzjoni ta’ residenza ta’ ħames snin.

60

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għad-domandi tnejn sa erbgħa għandha tkun li student ċittadin ta’ Stat Membru li mar fi Stat Membru ieħor sabiex ilesti l-istudji tiegħu hemmhekk jista’ jinvoka l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE sabiex jikseb għoti ta’ manteniment meta huwa jkun irrisjeda għal ċertu perijodu fl-Istat Membru. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ kundizzjoni ta’ residenza minn qabel ta’ ħames snin fir-rigward taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn.

Fuq il-ħames domanda

61

Permezz ta’ din id-domanda, is-Centrale Raad van Beroep tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt Komunitarju, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ ċertezza legali, jipprekludix l-applikazzjoni retroattiva ta’ kundizzjoni ta’ residenza li, fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, ma setgħetx tkun magħrufa mill-persuna interessata.

62

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-linja gwida tad-9 ta’ Mejju 2005 daħlet fis-seħħ mal-pubblikazzjoni tagħha, b’effett retroattiv mill-, jiġifieri minn data li tiġi wara dik tal-fatti fil-kawża prinċipali.

63

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li l-linja gwida tad-9 ta’ Mejju 2005 hija rilevanti sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża prinċipali, peress li hija tirrifletti l-mod kif l-IB-Groep iddeċieda li jimplementa s-sentenza Bidara, iċċitata iktar ’il fuq, u peress li l-effetti ta’ din is-sentenza ma ġewx limitati fiż-żmien.

64

Il-qorti tar-rinviju ssostni li d-dubju tagħha dwar dan il-punt ġej mid-deċiżjoni mogħtija fil-kawża li tat lok għas-sentenza Collins, iċċitata iktar ’il fuq, inkwantu l-Qorti tal-Ġustizzja qieset, f’din is-sentenza, li kundizzjoni ta’ residenza ma tistax tiġi inforzata fil-konfront ta applikant għal għajnuna soċjali ħlief fil-każ li dan tal-aħħar seta’ jkun diġà informat bl-eżistenza ta’ din il-kundizzjoni matul il-perijodu ta’ referenza.

65

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 56 ta’ din is-sentenza, fis-sentenza Collins, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex tkun proporzjonata, kundizzjoni ta’ residenza għandha tiġi applikata mill-awtoritajiet nazzjonali fuq il-bażi ta’ kriterji ċari u magħrufin minn qabel.

66

Sabiex tingħata risposta għad-domanda, għandu jiġi mfakkar li peress li l-effetti tas-sentenza Bidar, iċċitata iktar ’il fuq, ma ġewx limitati fiż-żmien, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 KE, kif tirriżulta minn din is-sentenza, tista’ u għandha tiġi applikata mill-qrati nazzjonali għal relazzjonijiet legali li qamu u li ġew ikkostitwiti qabel l-imsemmija sentenza jekk, għall-bqija, il-kundizzjonijiet li jippermettu t-tressiq ta’ kawża rigward l-applikazzjoni tal-imsemmiija dispożizzjoni quddiem il-qrati kompetenti jkunu sodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1980, Denkavit italiana, 61/79, Ġabra p. 1205, punt 16, u Bidar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66).

67

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li huwa parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jeżiġi, b’mod partikolari, li r-regoli ta’ dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta huma jista’ jkollhom effetti li mhumiex favorevoli fuq l-individwi u fuq l-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 1996, Van Es Douane Agenten, C-143/93, Ġabra p. I-431, punt 27, u tas-, ASM Brescia, C-347/06, Ġabra p. I-5641, punt 69).

68

Mill-proċess jirriżulta li l-kundizzjoni ta’ residenza prevista mil-linja gwida tad-9 ta’ Mejju 2005 ġiet introdotta sabiex tiggarantixxi t-tranżizzjoni bejn is-sentenza Bidar, iċċitata iktar ’il fuq, u t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/38. Din l-għażla saret sabiex tissodisfa l-eżiġenzi tal-Artikoli 24(2) u 16 ta’ din id-direttiva.

69

B’dan il-mod jidher li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-issuġġettar tad-dritt tal-istudenti li ġejjin minn Stati Membri oħrajn għal għoti ta’ manteniment, għal kundizzjoni ta’ residenza inkwantu element kostituttiv ta’ dan id-dritt ma jinvolvix konsegwenzi negattivi għall-persuni interessati.

70

Bl-istess mod, fid-dawl tal-fatt li l-linja gwida tad-9 ta’ Mejju 2005 timplika, għall-persuni interessati, drittijiet iktar importanti minn dak li huma kellhom taħt is-sistema nazzjonali preċedenti, ir-rekwiżit stabbilit fis-sentenza Collins, iċċitata iktar ’il fuq, ma jistax jiġi applikat f’dan il-każ.

71

Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, id-dritt Komunitarju, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ ċertezza legali, ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ kundizzjoni ta’ residenza li tissuġġetta d-dritt tal-istudenti li ġejjin minn Stati Membri oħrajn għal għoti ta’ manteniment għall-ikkompletar ta’ perijodi ta’ residenza li jippreċedu l-introduzzjoni ta’ din il-kundizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

72

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Student li jinsab fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jistax jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1251/70, tad-29 ta’ Ġunju 1970, dwar id-dritt tal-ħaddiema li jibqgħu fit-territorju ta’ Stat Membru wara li kienu impjegati f’dak l-Istat sabiex jikseb għoti ta’ manteniment.

 

2)

Student ċittadin ta’ Stat Membru li mar fi Stat Membru ieħor sabiex ilesti l-istudji tiegħu hemmhekk jista’ jinvoka l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE sabiex jikseb għoti ta’ manteniment meta huwa jkun irrisjeda għal ċertu perijodu fl-Istat Membru. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ kundizzjoni ta’ residenza minn qabel ta’ ħames snin fir-rigward taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn.

 

3)

F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, id-dritt Komunitarju, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ ċertezza legali, ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ kundizzjoni ta’ residenza li tissuġġetta d-dritt tal-istudenti li ġejjin minn Stati Membri oħrajn għal għoti ta’ manteniment għall-ikkompletar ta’ perijodi ta’ residenza li jippreċedu l-introduzzjoni ta’ din il-kundizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.