SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

11 ta’ Settembru 2008 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva — Ħarsien tas-saħħa pubblika — Ġustifikazzjoni — Spiżeriji — Provvista ta’ prodotti mediċinali direttament lill-isptarijiet — Viċinanza tal-isptar ikkonċernat”

Fil-Kawża C-141/07,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fid-9 ta’ Marzu 2007,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn B. Schima, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma u C. Schulze-Bahr, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, J. Malenovský (Relatur) u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: R. Grass,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ April 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ssuġġettat, taħt l-Artikolu 14(5) u (6) tal-Liġi dwar l-ispiżeriji (Apothekengesetz), fil-verżjoni tagħha applikabbli mill-21 ta’ Ġunju 2005 (iktar ’il quddiem l-“ApoG”), il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ prodotti mediċinali għal rekwiżiti kumulattivi li għandhom bħala għan li jirrendu prattikament impossibbli l-provvista regolari lil sptar minn spizeriji stabbiliti fi Stati Membri oħra għajr ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, din tal-aħħar naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 28 KE u 30 KE.

Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

2

Id-dispożizzjonijiet dwar il-provvista lil sptarijiet ta’ prodotti mediċinali huma previsti fl-Artikolu 14(1) sa (6) tal-ApoG.

3

Skont dan l-artikolu, l-isptarijiet għandhom l-għażla li jafdaw il-provvista ta’ prodotti mediċinali tagħhom jew lil spiżerija interna, jiġifieri spiżerija li topera fi ħdan l-isptar u li, ġeneralment, ma tkunx aċċessibbli għall-pubbliku, jew lil spiżerija ta’ sptar ieħor, jew lil spiżerija li tinsab barra minn sptar (iktar ’il quddiem “spiżerija esterna”. Meta sptar jiddeċiedi li jafda din il-provvista lil spiżerija ta’ sptar ieħor jew lil spiżerija esterna, huwa għandu jikkonkludi ma’ din l-ispiżerija kuntratt li huwa suġġett għall-kundizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 14(4) sa (6) tal-ApoG (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet ikkontestati”).

4

L-Artikolu 14(1) sa (6) tal-ApoG jipprovdi:

“(1)   Hemm lok li tingħata fuq talba lid-direttorat ta’ sptar l-awtorizzazzjoni sabiex tiġi operata spiżerija tal-isptar meta:

1.

din tipprova li hija impjegat spiżjar li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 1 sa 4, 7 u 8 tal-Artikolu 2(1) kif ukoll (3), flimkien ma’ l-Artikolu 2(2) jew (2a) u,

2.

din tipprova li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-bini previst għall-ispiżeriji tal-isptar mir-Regolamenti dwar l-Operazzjoni ta’ Spiżeriji (Apothekenbetriebsordnung).

Id-diriġent tal-ispiżerija tal-isptar jew spiżjar awtorizzat minnu għandu jinforma u jagħti pariri lit-tobba tal-isptar fuq il-prodotti mediċinali, b’mod partikolari sabiex tiġi żgurata farmakoterapija effettiva u ekonomika; din ir-rakomandazzjoni tapplika wkoll fil-każ ta’ trattamenti ambulatorji.

(2)   Hemm lok li din l-awtorizzazzjoni tiġi ritirata meta jsir sussegwentement magħruf li, meta din inħarġet, waħda mill-kundizzjonijiet neċessarji skont l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu ma tkunx ġiet sodisfatta. Hemm lok li din tiġi rrevokata meta waħda mill-kundizzjonijiet neċessarji skont l-ewwel paragrafu mhijiex iktar sodisfatta jew meta d-detentur tal-awtorizzazzjoni jew persuna li huwa awtorizza taġixxi b’mod li jikser manifestament jew b’mod ripetut id-dispożizzjonijiet tal-liġi ċċitata iktar ’il fuq, tar-regolament adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 21 jew tad-dispożizzjonijiet dwar il-manifattura jew il-kummerċ ta’ prodotti mediċinali. Hemm lok li wieħed jaġixxi bl-istess mod, f’dak li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni maħruġa, skont l-ewwel u t-tielet sentenza tal-paragrafu 5, meta l-kundizzjonijiet previsti fit-tieni sentenza tal-paragrafu 5, mhumiex sodisfatti.

(3)   Kull detentur ta’ awtorizzazzjoni sabiex jopera spiżerija tal-isptar, skont il-paragrafu 1, li jixtieq jipprovdi prodotti mediċinali lil sptar ieħor li huwa mhuwiex responsabbli għalih għandu għal dan il-għan jikkonkludi kuntratt bil-miktub mad-direttorat tal-isptar.

(4)   Id-direttorat ta’ sptar li għandu l-intenzjoni jipprovdi tali sptar mingħand id-detentur ta’ liċenzja għall-operazzjoni ta’ spiżerija fis-sens tal-Artikolu 1(2) jew tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, jew ta’ Stat Kontraenti ieħor tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, għandu jikkonkludi kuntratt bil-miktub mad-detentur ta’ din il-liċenzja. Il-post ta’ twettiq tas-servizzi kuntrattwali ta’ provvista għandu jkun l-indirizz tal-isptar. Id-dritt applikabbli għandu jkun id-dritt Ġermaniż.

(5)   Sabiex ikun validu, il-kuntratt konkluż taħt il-paragrafu 3 jew 4 għandu jkun approvat mill-awtorità kompetenti. Din l-approvazzjoni tingħata jekk jiġi stabbilit li l-kuntratt relattiv għall-provvista minn spiżerija ta’ prodotti mediċinali lill-isptar, konkluż mill-isptar mal-imsemmija spiżerija taħt il-paragrafu 3 jew 4, jissodisfa l-kundizzjonijiet segwenti:

1.

il-provvista tajba ta’ prodotti mediċinali għandha tiġi ggarantita; b’mod partikolari għandu jiġi stabbilit li l-ispiżerija għandha l-bini, it-tagħmir u l-persunal meħtieġ mir-Regolamenti dwar l-operazzjoni ta’ spiżeriji jew, fir-rigward tal-ispiżeriji stabbiliti Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew fi Stat Kontraenti ieħor tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, mid-dispożizzjonijiet fis-seħħ f’dan l-Istat;

2.

l-ispiżerija għandha tipprovdi lill-isptar bil-prodotti mediċinali ordnati mill-istess sptar direttament jew, fil-każ ta’ kunsinna, skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11a;

3.

l-ispiżerija għandha bla edba dewmien u b’mod adatt tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-isptar il-prodotti mediċinali li dan għandu bżonn b’mod partikolarment urġenti sabiex jipprovdi trattament mediku urġenti;

4.

id-diriġent tal-ispiżerija li jiggarantixxi l-provvista fis-sens tal-paragrafu 3 jew 4, jew l-ispiżjar awtorizzat minnu, għandu jagħti pariri personalment lill-persunal tal-isptar b’mod adatt mingħajr dewmien fil-każ ta’ emerġenza;

5.

l-ispiżerija li tiggarantixxi l-provvista għandha tiżgura li tagħti pariri kontinwi lill-persunal tal-isptar sabiex tkun żgurata farmakoterapija effettiva u ekonomika;

6.

id-diriġent tal-ispiżerija li jiggarantixxi l-provvista fis-sens tal-paragrafu 3 jew tal-paragrafu 4, jew l-ispiżjar awtorizzat minnu, għandu jkun membru tal-kumitat tal-prodotti mediċinali tal-isptar.

Il-provvista lil sptar ieħor minn spiżerija tal-isptar li jaqa’ taħt l-istess awtorità amministrattiva għandu wkoll jkun suġġett għall-awtorizzazzjoni tal-awtorità kompetenti. Id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni.

(6)   Id-diriġent tal-ispiżerija tal-isptar fis-sens tal-paragrafu 1 jew tal-ispiżerija fis-sens tal-paragrafu 4, jew spiżjar awtorizzat minnu, huwa obbligat li jikkontrolla l-istokkijiet ta’ prodotti mediċinali tal-isptar li għandu jiġi pprovdut skont ir-Regolamenti dwar l-operazzjoni ta’ spiżeriji u għandu b’mod partikolari f’dan ir-rigward jiżgura li l-prodotti mediċinali huma tal-aħjar kwalità u huma kkonservati tajjeb. […]”

Il-proċedura prekontenzjuża

5

Sal-20 ta’ Ġunju 2005, il-verżjoni inizjali tal-ApoG kienet tinkludi regoli magħrufa bħala “prinċipju reġjonali”, bis-saħħa tagħhom il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ provvista ta’ prodotti mediċinali ma’ spiżeriji esterni kienet limitata biss għall-ispiżeriji stabbiliti fl-istess belt jew fl-istess distrett bħall-isptar li għandu jiġi pprovdut. Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tal-11 ta’ Lulju 2003, umbagħad permezz ta’ opinjoni motivata tad-19 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni kkontestat il-konformità ta’ dan il-prinċipju mad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija.

6

Il-Gvern Ġermaniż, fl-4 ta’ Novembru 2004, approva abbozz ta’ liġi li temenda l-Artikolu 14 tal-imsemmija liġi u intiża sabiex tippermetti lill-isptarijiet jikkonkludu wkoll kuntratti ta’ provvista distinti ma’ diversi spiżeriji. Madankollu, il-Bundesrat ma approvatx dan l-abbozz ta’ liġi. Għaldaqstant il-Gvern Ġermaniż għamel ċerti tibdiliet għall-imsemmi abbozz li wasslu għall-adozzjoni, fil-21 ta’ Ġunju 2005, tal-Artikolu 14 tal-ApoG, fil-verżjoni tagħha kif riprodotta fil-punt 4 ta’ din is-sentenza.

7

Peress li, minkejja l-emendi magħmula lill-imsemmi Artikolu 14, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja baqgħet ma temmitx in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu akkużata bih, il-Kummissjoni, fit-18 ta’ Ottubru 2005, bagħtet lil dan l-Istat Membru ittra ta’ intimazzjoni supplementari. F’din l-ittra, hija kienet ikkonstatat li l-kundizzjonijiet kumulattivi li għalihom il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ prodotti mediċinali hija suġġetta, skont l-Artikolu 14 tal-ApoG, jekwivalu għaż-żamma ta’ “prinċipju reġjonali” moħbi, inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija kif previsti fl-Artikolu 28 KE.

8

Fir-risposta tagħha tal-14 ta’ Diċembru 2005 għal din l-ittra ta’ intimazzjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkontestat l-applikabbiltà tal-Artikolu 28 KE u kkunsidrat li, f’kull każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet iġġustifikata fir-rigward tal-Artikolu 30 KE. Fl-10 ta’ April 2006, il-Kummissjoni bagħtet lil dan l-Istat Membru opinjoni motivata li fiha hija żammet l-analiżi li kienet tinsab fl-imsemmija ittra ta’ intimazzjoni.

9

Fit-2 ta’ Ġunju 2006, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja infurmat lill-Kummissjoni li hija kienet qed iżżom ukoll il-pożizzjoni tagħha dwar l-Artikolu 14 tal-ApoG.

10

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

11

In sostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-kundizzjonijiet kumulattivi dwar il-kuntratt ta’ provvista ta’ prodotti mediċinali, previsti mid-dispożizzjonijiet kkontestati, jikkostitwixxu modalità ta’ bejgħ fis-sens tas-sentenza tal-24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (C-267/91 u C-268/91, Ġabra p. I-6097), li taqa’ madankollu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE, minħabba li dawn jostakolaw iktar l-aċċess għas-suq ta’ merkanzija li toriġina minn Stati Membri għajr ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja minn dak ta’ prodotti nazzjonali.

12

Skont id-dispożizzjonijiet kkontestati, l-ispiżerija kontraenti tkun responsabbali mis-servizzi kollha marbuta mal-provvista ta’ prodotti mediċinali. Xi wħud minn dawn is-servizzi, bħall-provvisti urġenti, jistgħu jitwettqu biss minn spiżjar li l-ispiżerija tiegħu tinsab viċina għall-isptar li għandu jiġi pprovdut, għalhekk l-għażla ta’ tali spiżerija tillimita ruħha neċessarjament għal dawk stabbiliti fil-viċinanzi ta’ dan l-isptar, li jwassal sabiex jiġi stabbilit prinċipju reġjonali “mhux miktub”. B’dan il-mod, l-aċċess għas-suq ta’ prodotti provinjenti minn Stati Membri oħra ikun iktar imfixkel minn dak ta’ prodotti nazzjonali.

13

L-imsemmija dispożizzjonijiet jikkostitwixxu, għaldaqstant, miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi, ipprojbita mill-Artikolu 28 KE.

14

L-imsemmija kundizzjonijiet kumulattivi mhumiex, barra minn hekk, iġġustifikati minn motivi ta’ ħarsien tas-saħħa pubblika. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tippreċiża li hija mhux qed tikkontesta r-rekwiżit tal-provvista lill-isptar ta’ prodotti mediċinali minn spiżjar wieħed, iżda biss il-fat li biss spiżjar lokali jista’ jikkonkludi kuntratt ta’ provvista ma’ sptar Ġermaniż.

15

Dwar in-neċessità li jiġi konkluż kuntratt ta’ provvista globali, il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li l-provvista ta’ bażi jiġi mifrud mill-provvista ta’ urġenza ma jippreġudikax il-kwalità tal-provvista lill-isptar ikkonċernat. Barra minn hekk, għalkemm huwa inkontestabbli li sptar għandu bżonn, sabiex jagħżel il-prodotti mediċinali tiegħu, il-pariri ta’ spiżjar li jaf il-bżonnijiet tal-isptar, tali pariri ma għandhomx neċessarjament ikunu mogħtija mill-ispiżjar li sussegwentment jipprovdi lil dan l-isptar. Bl-istess mod, il-fatt li tieni spiżjar ikun responsabbli mill-kontroll tal-istokkijiet ta’ prodotti mediċinali ma jbiddilx il-kwalità tal-provvista. Għall-kuntrarju huwa ta’ parir li d-dmirijiet ta’ kontroll ikunu mifruda minn dawk ta’ provvista sabiex tiġi ggarantita kwalità tajba fuq iż-żewġ livelli. Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-mezzi tekniċi ta’ komunikazzjoni eżistenti, ma jkunx neċessarju li jingħataw pariri fuq il-post sabiex jiġi garantit livell għoli ta’ kwalità tal-provvista. Il-Kummissjoni tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 113 tas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband (C-322/01, Ġabra p. I-14887), ammettiet li prodotti mediċinali setgħu jinbigħu lil pazjenti permezz tal-internet.

16

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesa li d-dispożizzjonijiet kkontestati jikkostitwixxu miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjonijiet. Skont hija, dawn id-dispożizzjonijiet jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, sabiex jevitaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE.

17

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja qabel kollox issostni li, bħala regola ġenerali, spiżerija stabbilita fi Stat Membru ieħor ma tiddisponix mill-prodotti mediċinali awtorizzati fil-Ġermanja. Għaldaqstant, il-fatt li kwantità inqas sinjifikanti ta’ prodotti medicinali tkun ikkunsinnata lill-isptarijiet Ġermaniżi minn Stati Membri oħra mhuwiex attribwibbli għad-dispożizzjonijiet ikkontestati. Barra minn hekk, l-ispiżeriji stabbiliti f’dawn l-aħħar Stati għandhom il-possibbiltà li jikkunsinnaw prodotti mediċinali lil spiżerija interna tal-isptar jew lil spiżerija esterna, li tissodisfa l-kundizzjonijiet ikkontestati, mingħajr m’għandhom għalfejn obbligatorjament jikkonkludu kuntratt ta’ provvista għal dan il-għan. L-Artikolu 28 KE ma jeħtieġx li l-isptarijiet li jinsabu fi Stat Membru jistgħu jkunu kkunsinnati prodotti mediċinali minn spiżeriji stabbiliti fi Stati Membri oħra. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni wkoll li l-bejgħ ta’ prodotti mediċinali provinjenti minn Stati Membri oħra mhuwiex iktar affettwat minn dak ta’ prodotti mediċinali provinjenti minn reġjuni Ġermaniżi li jinsabu l-bogħod mill-isptar li għandu jiġi pprovdut. Barra minn hekk, spiżerija stabbilita barra mit-territorju Ġermaniż tista’ tikkonkludi kuntratt ta’ provvista ma’ sptar Ġermaniż sakemm hija tissodisfa l-imsemmija kundizzjonijiet.

18

Barra minn hekk, skont l-imsemmi Stat Membru, id-definizjoni tal-modalitajiet ta’ provvista lil isptarijiet, inkwantu din tikkostitwixxi deċiżjoni leġiżlattiva ta’ prinċipju, taqa’ biss taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, skont l-Artikolu 152(5) KE. Ir-rikors tal-Kummissjoni, intiż sabiex jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet kkontestati huma kuntrarji għall-Artikolu 28 KE, huwa mod sabiex jiġu evitati l-limiti tal-azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika.

19

Sussidjarjament, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-imsemmija dispożizzjonijiet huma ġġustifikati minn motivi ta’ ħarsien tas-saħħa pubblika fis-sens tal-Artikolu 30 KE u ma jmorrux kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, dawn huma ta’ natura li jiggarantixxu provvista ċerta u ta’ livell għoli ta’ kwalità, peress li t-totalità tal-provvisti lil sptar ta’ prodotti mediċinali tkun tiddependi fuq spiżjar responsabbli.

20

F’dan ir-rigward, l-imsemmi Stat Membru b’mod partikolari jsostni li l-firda tal-provvista ta’ bażi u tal-provvista ta’ urġenza huwa miżura imprattika u nieqsa minn oġġettività. Barra minn hekk, il-firda tal-provvista ta’ bażi u s-selezzjoni ta’ prodotti mediċinali mhuwiex veritabbilment adattat għall-bżonnijiet tas-servizzi kollha tal-isptar u lanqas profittabbli. Bl-istess mod, is-separazzjoni tal-funzjonijiet marbuta mal-provvista ta’ bażi minn dawk marbuta mal-kwalità u mal-konservazzjoni tajba tal-istokkijiet ta’ prodotti mediċinali ma tiggarantixxix provvista tajba. Kuntatt persunali bejn l-ispiżjar li jipprovdi l-prodotti mediċinali u t-timijiet tal-isptar jippermetti barra minn hekk li tittejjeb is-sigurtà tal-provvista. Fl-aħar nett, il-prinċipju tal-provvista minn fornitur wieħed jippermetti sinerġija tajba bejn il-provvista ta’ prodotti mediċinali, l-għoti ta’ parir u l-kontroll.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Osservazzjonijiet preliminari

21

Qabel kollox, hemm lok li tingħata risposta għall-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li r-rikors tal-Kummissjoni, intiż sabiex jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet ikkontestati huma kuntrarji għall-Artikolu 28 KE, huwa mod sabiex jiġu evitati l-limiti tal-azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika.

22

Ċertament, jirriżulta kemm mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-Artikolu 152(5) KE li d-dritt Komunitarju ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri sabiex imexxu s-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom u sabiex jadottaw, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet intiżi sabiex jiġi rregolat il-konsum ta’ prodotti farmaċewtiċi fl-interess tal-ekwilibriju finanzjarju tas-sistemi ta’ assigurazzjoni tal-kura tas-saħħa tagħhom kif ukoll sabiex jorganizzaw u jipprovdu servizzi ta’ saħħa u ta’ kura medika (sentenzi tas-7 ta’ Frar 1984, Duphar et, 238/82, Ġabra p. 523, punt 16, u tas-16 ta’ Mejju 2006, Watts, C-372/04, Ġabra p. I-4325, punti 92 u 146).

23

Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt Komunitarju, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija (ara s-sentenza tat-28 ta’ April 1998, Decker, C-120/95, Ġabra p. I-1831, punti 23 sa 25). L-imsemmija dispożizzjonijiet jinkludu l-projbizzjoni għall-Istati Membri li jintroduċu u li jżommu restrizzjonijiet inġustifikati għall-eżerċizzju ta’ din il-libertà fil-qasam tal-kura tas-saħħa (ara, f’dak li jikkonċerna l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, is-sentenza Watts, iċċitata iktar ’il fuq, punt 92).

24

Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni huwa limitat, fil-kuntest tat-twettiq tal-missjoni ta’ din tal-aħħar li tikkonsisti b’mod partikolari, skont l-Artikolu 211 KE li tissorvelja l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, sabiex jiġi vverifikat jekk l-Istati Membri aġixxewx inkonformità mar-regoli tiegħu dwar il-moviment liberu tal-merkanzija.

25

Barra minn hekk għandu jiġi ppreċiżat li, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, li fih il-provvista lil sptarijiet ta’ prodotti mediċinali mhuwiex is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju, id-determinazzjoni tar-regoli f’dan il-qasam tibqa’ dejjem taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, bla ħsara għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u, b’mod partikolari dawk dwar il-moviment liberu tal-merkanzija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 1991, Delattre, C-369/88, Ġabra p. I-1487, punt 48).

26

Għaldaqstant hemm lok li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet ikkontestati mal-Artikoli 28 KE u 30 KE.

Fuq l-eżistenza ta’ tfixkil għall-kummerċ intra-Komunitarju

27

Il-moviment liberu tal-merkanzija huwa prinċipju fundamentali tat-Trattat li huwa espress fil-projbizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 28 KE, ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll tal-miżuri kollha li għandhom effett ekwivalenti (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2007, Rosengren et, C-170/04, Ġabra p. I-4071, punt 31).

28

Skont ġurisprudenza kostanti, il-projbizzjoni ta’ miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi, stipulata fl-Artikolu 28 KE, tkopri l-leġiżlazzjoni kollha tal-Istati Membri li tista’ tfixkel direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intra-Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville, 8/74, Ġabra p. 837, punt 5; Deutscher Apothekerverband, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66; Rosengren et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32; tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummisjoni vs L-Olanda, C-297/05, Ġabra p. I-7467, punt 53, u tat-8 ta’ Novembru 2007, Ludwigs-Apotheke, C-143/06, Ġabra p. I-9623, punt 26).

29

Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, ippreċiżat li dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw jew jipprojbixxu ċerti modalitajiet ta’ bejgħ li, minn naħa, japplikaw għall-operaturi kollha kkonċernati li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali u, min-naħa l-oħra, jaffettwaw bl-istess mod, kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti nazzjonali u ta’ dawk li joriġinaw minn Stati Membri oħra mhumiex ta’ natura tali li jfixklu, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ bejn l-Istati Membri, fis-sens tal-ġurisprudenza introdotta permezz tas-sentenza Dassonville, iċċitata iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

30

F’dan il-każ, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 14 tal-ApoG jiddetermina r-rekwiżiti li għandhom jissodisfaw l-ispiżeriji esterni sabiex ikunu jistgħu jipprovdu prodotti mediċinali lil sptarijiet fil-Ġermanja.

31

Issa, id-dispożizzjonijiet kkontestati ma jikkonċernawx il-karatteristiċi tal-prodotti mediċinali, iżda jikkonċernaw biss il-modalitajiet li skonthom dawn jistgħu jinbiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Dynamic Medien, C-244/06, Ġabra p. I-505, punt 31). Għaldaqstant, tali dispożizzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jikkonċernaw modalitajiet ta’ bejgħ fis-sens tas-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, fatt li mhuwiex, wara kollox, ikkontestat mill-partijiet fil-kawża.

32

Hekk kif jirriżulta mis-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, tali modalità ta’ bejgħ tista’ madankollu taħrab mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 28 KE biss jekk din tissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 29 ta’ din is-sentenza.

33

F’dak li jikkonċerna l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet ikkontestati japplikaw mingħajr distinzjoni għall-operaturi kollha li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju Ġermaniż, peress li dawn japplikaw għall-ispiżeriji kollha li jixtiequ jipprovdu lill-isptarijiet Ġermaniżi prodotti mediċinali, kemm jekk dawn huma stabbiliti fil-Ġermanja u kemm jekk dawn huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor.

34

Fir-rigward tat-tieni mill-imsemmija kundizzjonijiet, huwa kostanti li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jistabbilixxu serje ta’ kriterji kumulattivi li de facto jeħtieġu, hekk kif ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirrikonoxxi barra minn hekk espliċitament, ċerta viċinanza ġeografika bejn l-ispiżerija li tipprovdi l-prodotti mediċinali u l-isptar li lilu dawn huma ddestinati.

35

Għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet ikkontestati huma ta’ natura li jirrendu l-provvista lil isptarijiet Ġermaniżi ta’ prodotti mediċinali iktar diffiċili u iktar għalja għall-ispiżeriji stabbiliti fi Stati Membri għajr ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja milli għall-ispiżeriji stabbiliti f’din tal-aħħar. Fil-fatt, l-ispiżeriji stabbiliti fi Stati Membri oħra, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jinsabu f’reġjun li jinsab mal-fruntiera, li jinsab fil-viċinanzi tal-isptar Ġermaniż ikkonċernat, li jixtiequ jikkonkludu kuntratt ta’ provvista ma’ tali sptar għandhom jew jittrasferixxu l-ispiżerija tagħhom fil-viċinanzi tal-isptar ikkonċernat, jew jiftħu spiżerija oħra fil-viċinanzi tiegħu.

36

Għaldaqstant, fir-rigward tal-provvista lil isptarijiet Ġermaniżi ta’ prodotti mediċinali, l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jaffettwawx bl-istess mod il-prodotti kkumerċjalizzati mill-ispiżeriji stabbiliti fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u dawk ikkummerċjalizzati mill-ispiżeriji li jinsabu fi Stat Membru ieħor.

37

Din il-konklużjoni ma tistax tkun invalidata mill-fatt, invokat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li, fir-rigward tal-bejgħ ta’ prodotti mediċinali lill-isptarijiet Ġermaniżi, id-dispożizzjonijiet ikkontestati mhumiex iktar sfavorevoli għall-ispiżeriji stabbiliti barra minn dan l-Istat Membru milli għall-ispiżeriji li jinsabu fil-Ġermanja li l-ispiżerija tagħhom hija l-bogħod mill-isptar li lilu dawn il-prodotti mediċinali huma destinati.

38

Fil-fatt, in-natura restrittiva ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma tistax tgħeb għar-raġuni biss li, f’parti tat-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, jiġifieri dik li tinsab il-bogħod mill-isptar li għandu jiġi pprovdut, l-imsemmija dispożizzjonijiet jaffettwaw bl-istess mod il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti mediċinali minn spiżeriji stabbiliti fil-Ġermanja u minn spiżeriji stabbiliti fi Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2000, TK-Heimdienst, C-254/98, Ġabra p. I-151, punt 28).

39

Lanqas ma jista’ jiġi sostnut li l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti mediċinali provenjenti minn Stati Membri oħra mhijiex affettwata iktar minn dik ta’ prodotti mediċinali provenjenti minn reġjuni tal-Ġermanja li jinsabu l-bogħod mill-isptar li għandu jiġi pprovdut. Fil-fatt, sabiex miżura tal-Istat tkun tista’ tikkwalifika bħala diskriminatorja jew protettiva fis-sens tar-regoli dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, mhuwiex neċessarju li din il-miżura jkollha bħala effett li tiffavorixxi l-prodotti nazzjonali kollha jew li tisfavorixxi biss il-prodotti importati bl-esklużjoni tal-prodotti nazzjonali (sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, Aragonesa de Publicidad Exterior u Publivía, C-1/90 u C-176/90, Ġabra p. I-4151, punt 24, u TK-Heimdienst, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

40

Huwa wkoll irrilevanti l-fatt, invokat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li spiżerija stabbilita fi Stat Membru ieħor għajr dan tal-aħħar għandha l-possibbiltà tikkunsinna prodotti mediċinali lill-ispiżerija interna tal-isptar jew lil spiżerija esterna li tissodisfa l-kundizzjonijiet kumulattivi previsti mid-dispożizzjonijiet ikkontestati.

41

Fil-fatt, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm ir-regoli Komunitarji dwar il-moviment liberu tal-merkanzija ma jeħtieġux li l-isptarijiet li jinsabu fl-Istati Membri għandhom ikollhom il-possibbiltà li jiġu kkunsinnati prodotti mediċinali minn spiżeriji esterni, meta Stat Membu jipprevedi tali possibbiltà, huwa jiftaħ din l-attività għas-suq u jinsab, għaldaqstant, obbligat li jirrispetta l-imsemmija regoli.

42

Ma jistax iktar u iktar jiġi milqugħ l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-fatt li kwantità ta’ prodotti mediċinali inqas sinjifikanti hija kkunsinnata lill-isptarijiet Ġermaniżi minn spiżeriji li jinsabu barra minn dan l-Istat Membru mhuwiex attribwibbli lid-dispożizzjonijiet ikkontestati, minħabba li, ġeneralment, tali spiżeriji ma jiddisponux minn kwantità suffiċjenti ta’ prodotti mediċinali awtorizzati fil-Ġermanja.

43

Fil-fatt, peress li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jistgħu jfixklu l-kummerċ intra-Komunitarju, dawn għandhom ikunu kkunsidrati bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiv fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 28 KE, mingħajr mhuwa neċessarju li tinġieb il-prova li dawn kellhom effett sinjifikanti fuq l-imsemmi kummerċ (ara s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C-166/03, Ġabra p. I-6535, punt 15).

44

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jistgħu jfixklu l-kummerċ intra-Komunitarju u jikkostitwixxu miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni pprojbita mill-Artikolu 28 KE.

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet ikkontestati jistgħux ikunu ġġustifikati minn raġunijiet bħal dawk invokati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u intiżi għall-ħarsien tas-saħħa pubblika.

Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni bbażata fuq il-ħarsien tas-saħħa pubblika

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li s-saħħa u l-ħajja tal-persuni qegħdin fl-ewwel post fost il-beni jew l-interessi protetti mill-Artikolu 30 KE u li huma l-Isati Membri għandhom, fil-limiti imposti mit-Trattat, jiddeċiedu l-livell ta’ ħarsien li huma jixtiequ jagħtu lis-saħħa pubblika u l-mod li bih dan il-livell għandu jintlaħaq (sentenzi Deutscher Apothekerverband, iċċitata iktar ’il fuq, punt 103, tat-13 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C-262/02, Ġabra p. I-6569, punt 24; Rosengren et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39, kif ukoll Ludwigs-Apotheke, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

47

Huwa kostanti li d-dispożizzjonijiet ikkontestati, li għandhom bħala għan, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li jiggarantixxu li l-provvista lil sptarijiet ta’ prodotti mediċinali minn spiżerija esterna jkun żgur u ta’ kwalità, jissodisfaw il-preokkupazzjonijiet ta’ saħħa pubblika bħal dawk aċċettati mill-Artikolu 30 KE u li, għaldaqstant, bħala regola ġenerali, dawn jistgħu jiġġustifikaw tfixkil għall-moviment liberu tal-merkanzija.

48

Madankollu, leġiżlazzjoni li hija tali li tirrestrinġi libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat, bħall-moviment liberu tal-merkanzija, tista’ tkun iġġustifikata biss jekk din tkun tajba sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan imfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (sentenzi tat-8 ta’ Meju 2003, ATRAL, C-14/02, Ġabra p. I-4431, punt 64; tas-7 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-254/05, Ġabra p. I-4269, punt 33; tat-13 ta’ Marzu 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-227/06, punt 61, u tal-10 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-265/06, Ġabra p. I-2245, punt 37).

49

F’dak li jikkonċerna, min-naħa, in-natura adatta tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, għandu jiġi osservat li, sa fejn dawn jeħtieġu li s-servizzi kollha marbuta mal-kuntratt ta’ provvista jkunu fdati lil spiżjar fil-viċinanza, tali dispożizzjonijiet huma tali li jintlaħaq l-għan intiż li tiġi ggarantita provvista ċerta u ta’ kwalità lill-isptarijiet Ġermaniżi u, għaldaqstant, li tiġi mħarsa s-saħħa pubblika, fatt li, barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tikkontestax.

50

Minn naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni li għandha ssir tan-natura neċessarja tal-imsemmija dispożizzjonijiet, għandu jiġi mfakkar qabel kollox li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li peress li l-Artikolu 30 KE huwa eċċezzjoni, li għandha tiġi interpretata b’mod strett, għar-regola tal-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan il-Komunità, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom juru li dawn id-dispożizzjonijiet huma neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan invokat u li dan ma jistax jintlaħaq permezz ta’ projbizzjonijiet jew limitazzjonijiet li għandhom portata inqas wiesgħa jew li għandhom inqas effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1994, van der Veldt, C-17/93, Ġabra p. I-3537, punt 15; tat-23 ta’ Ottubru 1997, Franzén, C-189/95, Ġabra p. I-5909, punti 75 u 76; tat-28 ta’ Settembru 2006, Ahokainen u Leppik, C-434/04, Ġabra p. I-9171, punt 31, kif ukoll Rosengren et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

51

Skont il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, fl-evalwazzjoni tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-qasam tas-saħħa pubblika, għandu jittieħed kont tal-fatt li l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi l-livell ta’ ħarsien li huwa jixtieq jagħti lis-saħħa pubblika u l-mod li bih dan il-livell għandu jintlaħaq. Peress li dan il-livell jista’ jvarja minn Stat Membru għall-ieħor, hemm lok li l-Istati Membri jingħatalhom marġni ta’ diskrezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-41/02, Ġabra p. I-11375, punti 46 u 51) u, għaldaqstant, il-fatt li Stat Membru jimponi regoli inqas stretti minn dawk imposti minn Stat Membru ieħor ma jistax ifisser li dawn tal-aħħar huma sproporzjonati (sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37, u tal-15 ta’ Lulju 2004, Schreiber, C-443/02, Ġabra p. I-7275, punt 48).

52

F’dan il-każ preżenti, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 14 tal-ApoG, l-isptarijiet Ġermaniżi għandhom l-għażla li jafdaw il-provvista ta’ prodotti mediċinali tagħhom jew lil spiżerija operata fil-bini tal-isptar (iktar ’il quddiem is-“sistema ta’ provvista interna”, jew lil spiżerija ta’ sptar ieħor jew lil spiżerija esterna (iktar ’il quddiem is-“sistema ta’ provvista esterna”).

53

Fis-sistema ta’ provvista interna, l-ispiżjar tal-isptar huwa responsabbli għas-servizzi kollha marbuta mal-provvista ta’ prodotti mediċinali. Peress li huwa stabbilit fl-isptar, huwa faċilment u rapidament disposbibbli għal dan tal-aħħar. Id-diversi elementi ta’ din is-sistema ma ġewx ikkontestati mill-Kummissjoni.

54

Meta sptar jagħżel is-sistema ta’ provvista esterna, huwa għandu jikkonkludi kuntratt mal-ispiżerija li huwa għażel, kuntratt li huwa suġġett għall-kundizzjonijiet kumulattivi previsti fl-Artikolu 14 tal-ApoG, li jimponu wkoll li s-servizzi kollha marbuta ma’ din it-tip ta’ provvista ikunu jiddependu minn spiżjar kontraenti li jkun faċilment u rapidament disponibbli fuq il-post.

55

Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jittrasponu, fir-realtà, fis-sistema ta’ provvista esterna rekwiżiti simili għal dawk li jikkaratterizzaw is-sistema ta’ provvista interna.

56

Sa fejn il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ provvista mal-ispiżerija ta’ sptar ieħor jew ma’ spiżerija esterna hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet ikkontestati, li jipprevedu kundizzjonijiet simili għal dawk applikabbli fil-kuntest tas-sistema ta’ provvista interna, jiġifieri r-rekwiżit ta’ spiżjar li huwa, minn naħa, responsabbli għall-provvista ta’ prodotti mediċinali u, min-naħa l-oħra, faċilment u malajr disponibbli fuq il-post, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet jiżguraw l-ekwivalenza u l-kompatibbiltà bejn l-elementi kollha tas-sistema ta’ provvista lill-isptarijiet fil-Ġermanja ta’ prodotti mediċinali u, għaldaqstant, jiggarantixxu l-unità u l-ekwilibriju ta’ din is-sistema.

57

Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jirriżultaw neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan intiż sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa pubblika u ma jidhrux li jmorru lil hinn minn tali neċessità

58

Minn naħa l-oħra, l-approċċ difiż mill-Kummissjoni, inkwantu dan jippermetti li s-servizzi marbuta mas-sistema ta’ provvista esterna jiġu fdati lil spiżjara kontraenti li l-ispiżerija tagħhom ma tinsabx fil-viċinanza tal-isptar li għandu jiġi pprovdut jista’ jippreġudika l-unità u l-ekwilibriju tas-sistema ta’ provvista lill-isptarijiet Ġermaniżi ta’ prodotti mediċinali u, għaldaqstant, il-livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa pubblika li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja trid tilħaq.

59

Barra minn hekk, fil-prattika, l-approċċ iffavorit mill-Kummissjoni jobbliga lill-isptarijiet Ġermaniżi li jagħżlu li jiġu pprovduti minn spiżeriji esterni jew minn spiżeriji ta’ sptar ieħor jimpjegaw diversi spiżjara sabiex jiggarantixxu d-diversi funzjonijiet marbuta mal-provvista, li jwassal, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 122 tal-konklużjonijiet, għal spejjeż supplementari marbuta ma’ tali impieg

60

F’dan ir-rigward, għalkemm l-għanijiet ta’ natura purament ekonomika ma jistgħux jiġġustifikaw ostakolu għall-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-merkanzija, madankollu, fir-rigward ta’ interessi ta’ natura ekonomika li għandhom bħala għan iż-żamma ta’ servizz mediku u ta’ sptar ekwilibrat u aċċessibbli għal kulħadd, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li tali għan seta’ wkoll jaqa’ taħt waħda mid-derogi għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika, sa fejn dan jikkontribwixxi għall-kisba ta’ livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa (ara, b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ April 1998, Kohll, C-158/96, Ġabra p. I-1931, punt 50, u tad-19 ta’ April 2007, Stamatelaki, C-444/05, Ġabra p. I-3185, punt 31).

61

Fil-fatt, in-numru ta’ sptarijiet, it-tqassim ġeografiku tagħhom, l-organizzazzjoni tagħhom u t-tagħmir li għandhom, jew inkella n-natura tas-servizzi mediċi li huma jistgħu joffru, għandhom ikunu s-suġġett ta’ ppjanar, li, minn naħa jirrispondi, bħala regola ġenerali, għall-għan li tiġi ggarantita fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat aċċesibbiltà suffiċjenti u permanenti għal firxa ekwilibrata ta’ kura medika ta’ kwalità fl-isptarijiet u, min-naħa l-oħra sabiex jiggarantixxi kontroll fuq l-ispejjeż u sabiex, sa fejn huwa possibbli, tiġi evitata kull ħela ta’ riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Smits u Peerbooms, C-157/99, Ġabra p. I-5473, punti 76 sa 80; tat-13 ta’ Mejju 2003, Müller-Fauré u van Riet, C-385/99, Ġabra p. I-4509, punti 77 sa 80, kif ukoll Watts, iċċitata iktar ’il fuq, punti 108 u 109).

62

F’din il-perspettiva doppja, ir-rekwiżit li jikkonsisti f’li tiġi fdata lil spiżjar li jinsab fil-viċinanza r-responsabbiltà tad-dmirijiet kollha li jirriżultaw mill-provvista lill-isptar ikkonċernat ta’ prodotti mediċinali ma jirriżultax lanqas bħala miżura li tmur olter dawk li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja trid tilħaq, jiġifieri li tilħaq livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa pubblika.

63

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet ikkontestati għandhom jiġu meqjusa bħala li huma ġġustifikati minn raġunijiet relatati mal-ħarsien tas-saħħa pubblika.

64

Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

65

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet il-kundanna tal-Kummissjoni u din tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.